Brussell, 13.10.2021

COM(2021) 660 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ


1.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea, bħal ħafna reġjuni oħra fid-dinja, bħalissa qed tiffaċċja żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan huwa ta’ tħassib kbir għaċ-ċittadini, in-negozji, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet madwar l-UE kollha.

Din iż-żieda qawwija hija prinċipalment xprunata minn domanda dinjija akbar għall-enerġija b’mod ġenerali u l-gass b’mod partikolari, marbuta mal-irkupru. Filwaqt li fil-passat seħħew fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija, illum l-UE qed toħroġ mill-kriżi tal-COVID-19. L-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw il-prospett ta’ kontijiet tal-enerġija ogħla fi żmien meta ħafna ġew milquta negattivament minn telf ta’ dħul minħabba l-pandemija. Dan jista’ jkun ta’ piż fuq l-irkupru u l-ġustizzja u l-inklużività tiegħu. Dan jirriskja wkoll li jdgħajjef il-fiduċja u l-appoġġ fit-tranżizzjoni tal-enerġija meħtieġa mhux biss biex jiġi evitat it-tibdil fil-klima diżastruż iżda wkoll biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-UE għall-volatilità tal-prezz tal-karburanti fossili.

Il-Kummissjoni Ewropea trid tgħin u tappoġġa l-indirizzar tal-impatt negattiv fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji, bħala prijorità. Wara li semgħet lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew, hija ħejjiet din il-komunikazzjoni biex tippromulga u tappoġġa miżuri xierqa biex jittaffa l-impatt taż-żidiet temporanji fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-qafas ta’ politika tal-UE diġà jippermetti lill-Istati Membri jieħdu minnufih sensiela ta’ miżuri mmirati biex jipproteġu lill-konsumaturi vulnerabbli u jtaffu l-impatti fuq l-industrija. Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà ħabbru miżuri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali. Is-sett ta’ għodod attwali jippermetti approċċ koordinat biex jiġu protetti dawk l-aktar f’riskju. Huwa kkalibrat bir-reqqa biex jintlaħaq l-għan li jiġu indirizzati l-effetti negattivi taż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet u tiġi żgurata l-affordabbiltà mingħajr ma jiġi fframmentat is-suq uniku Ewropew tal-enerġija jew jiġu pperikolati l-investimenti fis-settur tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. 

Filwaqt li l-provvista tal-enerġija mhijiex f’riskju immedjat u s-swieq bħalissa jistennew li l-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa jistabbilizzaw f’livell aktar baxx sa April 2022, il-livelli tal-ħżin tal-gass u l-funzjonament xieraq tas-suq tal-gass jeħtieġu monitoraġġ partikolari qabel l-istaġun tax-xitwa. Minbarra l-miżuri fuq medda qasira ta’ żmien, din il-Komunikazzjoni tipprovdi prospettiva dwar miżuri koordinati li l-Kummissjoni tqis li għandha tieħu fuq terminu medju biex tiżgura tħejjija aħjar għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-gass filwaqt li tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili.

2.Prezzijiet tal-enerġija 

Minħabba l-karburanti orħos, id-domanda mrażżna u l-ġenerazzjoni rinnovabbli li qed tespandi b’rata mgħaġġla, il-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa tbaxxew drastikament fl-2019 u l-prezzijiet tal-elettriku negattivi nfirxu fl-2020. Din ix-xejra ta’ tnaqqis inqalbet f’daqqa matul din is-sena. Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku żdiedu b’200 % fuq bażi annwali 1 . Dan imbagħad għolla l-prezzijiet bl-imnut, iżda f’livell ħafna anqas (+ 9 % tal-medja tal-UE sa Awwissu 2021 2 ).

2.1.X’qed jikkawża ż-żieda f’daqqa attwali?

Iż-żieda attwali fil-prezz tal-elettriku hija primarjament dovuta għad-domanda dinjija għall-gass li qed tiżdied hekk kif l-irkupru ekonomiku qed jerġa’ jaqbad. Iż-żieda fid-domanda ma ġietx ibbilanċjata minn żieda fil-provvista b’effetti li ma nħassux biss fl-UE iżda wkoll f’reġjuni oħra tad-dinja. Barra minn dan, ġew osservati anqas volumi ta’ gass milli mistennija mir-Russja, u dan jirrestrinġi s-suq hekk kif joqrob l-istaġun tat-tisħin. Għalkemm hija ssodisfat il-kuntratti fit-tul tagħha mal-kontropartijiet Ewropej tagħha, Gazprom offriet ftit jew l-ebda kapaċità żejda biex tnaqqas il-pressjoni fuq is-suq tal-gass tal-UE. Id-dewmien fil-manutenzjoni tal-infrastruttura matul il-pandemija llimita wkoll il-provvista tal-gass.

Peress li l-prezzijiet tal-gass naturali huma determinant fundamentali tal-prezzijiet tal-elettriku fil-biċċa l-kbira tal-UE, dawn id-dinamiċi jirfdu l-biċċa l-kbira taż-żieda attwali f’dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku żdiedu wkoll minħabba l-kundizzjonijiet staġjonali tat-temp (l-ilma u r-riħ baxx matul is-sajf). Dan irriżulta fi produzzjoni aktar baxxa ta’ sorsi rinnovabbli fl-Ewropa.

Il-prezz Ewropew tal-karbonju żdied drastikament ukoll fl-2021, għalkemm ħafna inqas mill-prezz tal-gass. L-effett taż-żieda fil-prezz tal-gass fuq il-prezz tal-elettriku huwa disa’ darbiet akbar mill-effett taż-żieda fil-prezz tal-karbonju 3 . Il-prezz tal-karbonju żdied b’madwar EUR 30 għal kull tunnellata ta’ CO2 din is-sena, għal-livell attwali ta’ madwar EUR 60 għal kull tunnellata ta’ CO2. Il-prezz żdied minħabba domanda ogħla għal kwoti minħabba attività ekonomika ogħla wara l-COVID-19 u aspettattivi marbuta mal-ambizzjoni klimatika għall-2030 iżda mhux biss. Il-prezzijiet għoljin tal-gass innifishom jikkontribwixxu għal żieda fil-prezz tal-karbonju peress li jwasslu għal żieda fl-użu tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u konsegwentement għal domanda ogħla għall-kwoti tal-emissjonijiet. L-ETS għandha salvagwardji interni mfassla biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ fluttwazzjonijiet eċċessivi fil-prezzijiet. Sakemm il-kundizzjonijiet biex jiskattaw dawn il-miżuri bħalissa mhumiex issodisfati 4 , il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-prezz tal-karbonju. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-prezz tal-karbonju mill-ETS jipprovdi inċentiv fundamentali biex wieħed jaqleb għal enerġija rinnovabbli orħos,  aktar effiċjenza enerġetika u bini bi prestazzjoni tajba, u għal sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, u b’hekk jikkontribwixxi fit-tul għal prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi u tnaqqis fil-vulnerabbiltà għal xokkijiet dinjija bħal dak attwali.

Il-gass naturali għad għandu rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE. Bħalissa dan jirrappreżenta madwar kwart tal-konsum ġenerali tal-enerġija tal-UE. Illum, madwar 26 % ta’ dak il-gass jintuża fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija (inkluż f’impjanti tas-sħana u tal-enerġija kkombinati) u madwar 23 % fl-industrija. Il-biċċa l-kbira tal-kumplament jintuża mill-unitajiet domestiċi, u mis-settur tas-servizzi, prinċipalment għat-tisħin u t-tkessiħ 5 . Għalkemm f’dawn l-aħħar snin rajna qlib mill-karburanti għall-gass u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li s-sehem tan-nuklear baqa’ madwar 25% tat-taħlita tal-elettriku, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass tal-anqas reġġgħet lura temporanjament din id-dinamika lejn il-faħam f’xi Stati Membri minkejja li ġġenerat intensità ogħla ta’ CO2 għal kull MWh.

Fl-2019, ir-rata ta’ dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija kienet ta’ 61 % (56 % fl-2000). Id-dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet 6 tesponi l-ekonomija tal-UE u setturi ewlenin għal varjazzjonijiet kbar fil-prezz tal-fjuwils fossili, li huma nnegozjati fuq is-swieq dinjija. Il-prezzijiet tal-gass qed jiżdiedu fuq skala dinjija, iżda b’mod aktar sinifikanti fis-swieq reġjonali tal-importaturi netti bħall-Asja u l-UE. S’issa fl-2021, il-prezzijiet ittriplikaw fl-UE u aktar minn irduppjaw fl-Asja filwaqt li rduppjaw biss fl-Istati Uniti.

2.2.L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija

Il-prezzijiet għoljin tal-gass u tal-elettriku tal-lum jolqtu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm fi gradi differenti u fi żminijiet differenti. Ir-rabta bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut tvarja f’kull Stat Membru u tiddependi fuq ir-regolamentazzjoni u l-istruttura tal-prezzijiet bl-imnut u t-taħlita tal-enerġija. L-element bl-ingrossa tipikament jifforma biss terz tal-prezz finali, il-kumplament jikkonsisti fl-ispejjeż tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u t-taxxi u l-imposti. Ir-rimanenti baqa’ l-istess, fejn il-gass għandu rwol akbar fit-taħlita tal-enerġija, il-prezzijiet bl-imnut intlaqtu l-aktar; fejn il-prezzijiet bl-imnut huma marbuta aktar mill-qrib mal-prezz bl-ingrossa fil-kuntratti tagħhom, l-effetti nħassu qabel. L-Istati Membri fejn l-ikkuntrattar fit-tul huwa aktar komuni x’aktarx li jaraw trasferiment aktar bil-mod taż-żidiet ogħla fil-prezzijiet matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Tibdiliet fil-prezz tal-gass u tal-elettriku (sena sena)

BE

BG

CZ

DK

DE

EE

IE

EL

ES

FR

HR

IT

CY

LV

Gass bl-ingrossa1

458%

411%

420%

440%

445%

406%

150%

367%

417%

460%

N/A

418%

M/A

406%

Gass bl-imnut2

62%

49%

7%

45%

10%

1%

11%

82%

10%

34%

7%

24%

M/A

53%

Elettriku bl-ingrossa3

124%

199%

146%

124%

137%

113%

256%

164%

193%

110%

177%

179%

M/A

101%

Elettriku bl-imnut2

26%

5%

13%

14%

4%

33%

15%

-3%

10%

3%

-1%

9%

39%

-5%

 

LT

LU4

HU

MT

NL

AT

PL

PT

RO

SI

SK

FI

SE

UE5

Gass bl-ingrossa1

396%

442%

360%

N/A

442%

430%

424%

10%

-39%

249%

202%

380%

72%

350%

Gass bl-imnut2

32%

32%

-4%

N/A

14%

18%

7%

-2%

26%

5%

-8%

N/A

3%

18%

Elettriku bl-ingrossa3

103%

137%

126%

177%

155%

130%

57%

193%

198%

181%

100%

68%

147%

178%

Elettriku bl-imnut2

2%

3%

-3%

0%

13%

11%

-6%

4%

40%

5%

-1%

17%

12%

9%

1 Sors: Id-data taċ-ċentri u l-EUROSTAT (l-aħħar data disponibbli). L-aħħar data disponibbli hija Settembru 2021 għall-pajjiżi li

għandhom ċentru li jiffunzjona (BE, BG, CZ, DK, DE, EE, ES, FR, IT, LV, LT, HU, NL, AT, FI) bl-eċċezzjoni tal-PL (Awwissu 2021).

Għall-kumplament tal-Istati Membri d-data hija minn Ġunju 2021 (EUROSTAT) bl-eċċezzjoni ta' SE (Mejju 2021).

2 Sors: VAASAETT (Awwissu 2021).

3 Sors: ENTSO-E u sorsi multipli (Awwissu 2021).

4 Id-data tal-operaturi tal-Lussemburgu hija bbażata fuq id-data tal-Ġermanja dwar l-elettriku u d-data tan-Netherlands

dwar il-gass.

5 Intużaw indikaturi differenti għall-istima tal-parametri referenzjarji tal-UE abbażi tad-disponibbiltà tad-data

Filwaqt li ż-żidiet qawwija riċenti laqtu lil kulħadd, l-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija u dawk bi dħul baxx u medju huma l-aktar milquta minħabba li jonfqu proporzjonijiet ferm ogħla tad-dħul tagħhom fuq l-enerġija 7 . Il-faqar enerġetiku ġie mmonitorjat mill-qrib mill-Kummissjoni. Abbażi tal-aħħar data disponibbli, fl-2019, madwar 7 % tal-popolazzjoni tal-UE-27, jiġifieri 31 miljun persuna, ma setgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat, b’differenzi sinifikanti bejn il-gruppi ta’ introjtu u l-Istati Membri. Barra minn hekk, 6 % tal-popolazzjoni tal-UE għexet f’unitajiet domestiċi b’arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet.

 

L-effetti soċjali u distributtivi jiddependu fuq il-kuntratti attwali, kif ukoll fuq l-oqfsa regolatorji, inklużi s-salvagwardji eżistenti li jipproteġu b’mod partikolari l-konsumaturi vulnerabbli u dawk foqra fl-enerġija. Tali salvagwardji jistgħu jinkludu miżuri ta’ politika soċjali u pubblika, inklużi tariffi soċjali, u mezzi oħra f’konformità mas-suq intern tal-enerġija tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Elettriku 8 u d-Direttiva dwar il-Gass 9  u gwida mill-Kummissjoni 10 .

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku jista’ jkollha wkoll riperkussjonijiet kbar fuq l-industrija u l-SMEs. L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija jinħass b’mod mhux uniformi fis-setturi kollha, b’żieda fil-prezzijiet li xxekkel il-produzzjoni fis-setturi industrijali filwaqt li l-impatt fuq is-servizzi huwa aktar limitat. Is-sitwazzjoni attwali tkompli taggrava l-kwistjonijiet ta’ likwidità ta’ wara l-COVID 19 ta’ xi negozji u, b’mod partikolari, tal-SMEs, b’impatti differenti fis-setturi kollha.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija jolqtu l-ktajjen tal-provvista dinjija u Ewropej b’riperkussjonijiet fuq il-produzzjoni, l-impjiegi u l-prezzijiet. L-industriji intensivi fl-enerġija 11  qed jintlaqtu ħażin ħafna. Is-settur tal-fertilizzanti juri dan il-punt. Dipendenti ħafna fuq il-gass naturali bħala materja prima, il-produzzjoni fis-settur ma baqgħetx profittabbli u għalhekk tnaqqset b’mod sostanzjali matul l-aħħar ġimgħat. Dan imbagħad jolqot l-impjiegi fis-settur. Barra minn hekk, produzzjoni aktar baxxa ta’ fertilizzanti hija mistennija li tirriżulta temporarjament fi prezzijiet ogħla tal-ikel jew marġini aktar baxxi għall-industrija tal-ikel.

Żieda fil-prezzijiet tal-enerġija qed ikollha wkoll impatt sinifikanti u immedjat fuq is-settur tat-trasport u l-mobilità, li jirriżulta fi spejjeż ogħla għas-sewwieqa, il-passiġġieri u għall-utenti tat-trasport tal-merkanzija.

Il-prezzijiet dinjija għoljin tal-enerġija jistgħu jwasslu wkoll għal anqas materja prima u provvisti tal-komponenti jekk il-produzzjoni tonqos. Dan min-naħa tiegħu jolqot momentarjament diversi manifatturi tal-UE li jiddependu fuq dawk il-komponenti u l-materjali, bl-eżempju notevoli tal-manjeżju u l-industrija tal-karozzi tal-UE.

F’termini tal-impatt makroekonomiku, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija żiedet mal-inflazzjoni ogħla. Wara bosta snin, l-inflazzjoni żdiedet b’mod sinifikanti fl-UE u f’ħafna ekonomiji avvanzati oħra sa mill-bidu tas-sena. Dan huwa spjegat l-aktar minn fatturi tranżitorji, inkluż ir-ritorn ta’ xi prezzijiet tal-komoditajiet mil-livelli baxxi storiċi tagħhom lura għal, jew ogħla mil-livelli prepandemiċi tagħhom, u ostakli fil-provvista għal ċerti prodotti. Peress li dawn l-ixprunaturi huma mistennija li jkunu tranżitorji, l-inflazzjoni hija mistennija li terġa’ tonqos mis-sena d-dieħla.

B’mod ġenerali, l-ekonomija tal-UE qed tirkupra b’rata aktar mgħaġġla milli mistenni, u hija stabbilita għal tkabbir kontinwu fuq medda qasira ta’ żmien. L-effetti primarji fuq il-bilanċi fiskali se jiddependu fuq il-miżura safejn id-dħul fiskali jiżdied minħabba ġbir ogħla tal-VAT fuq il-prodotti tal-enerġija u dħul ogħla milli mistenni mill-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet, minn naħa waħda, u d-daqs tal-miżuri mmirati lejn il-protezzjoni tal-utenti finali min-naħa l-oħra, b’mod partikolari t-trasferiment mill-gvern immirat lejn l-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew it-tnaqqis tal-VAT.

2.3.Xejriet u aspettattivi

L-aspettattivi attwali tas-suq dwar il-komoditajiet tal-enerġija 12 jindikaw li ż-żidiet attwali fil-prezzijiet x’aktarx li jkunu temporanji. Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass x’aktarx li jibqgħu għoljin matul ix-xhur tax-xitwa u jonqsu minn April 2022 ’il quddiem. Madankollu, il-prezzijiet jibqgħu ogħla mill-medja tal-aħħar snin 13 .

Filwaqt li l-livell attwali ta’ ħżin tal-gass fl-Ewropa huwa baxx 14 , jidher xieraq li jiġi indirizzat ir-riskju tal-provvista f’xitwa simili għal dik preċedenti. Madankollu, l-evoluzzjoni tat-temp matul l-istaġun tax-xitwa hija varjabbli ewlieni li għandu jiġi osservat.



Użu tal-kapaċità tal-ħżin

Sors: Gas Infrastructure Europe (GIE);

Ir-Regolament Ir-Regolament tal-UE li jirregola s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali 15 jistabbilixxi l-qafas għat-tħejjija tal-UE għall-emerġenzi u r-reżiljenza għall-interruzzjonijiet tal-gass. Dan jipprevedi skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reġjonali u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza. Ir-Regolament jinkludi mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jista’ jiġi attivat f’sitwazzjonijiet estremi ta’ kriżi tal-gass. Il-Kummissjoni qed tlaqqa’ b’mod regolari n-netwerk tas-sigurtà u tal-provvista u tal-gass u qed tissorvelja b’mod kostanti s-sitwazzjoni fil-livell reġjonali.

Fit-terminu medju, il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet jistgħu jkomplu u bidliet temporanji futuri ma jistgħux jiġu esklużi peress li l-provvista u d-domanda dinjija mhux dejjem jistgħu jaġġustaw bla xkiel minħabba fatturi ġeopolitiċi, teknoloġiċi u ekonomiċi.

Id-domanda dinjija għall-elettriku hija mistennija li tikber bi kważi 5 % fl-2021 u 4 % fl-2022, xprunata mill-irkupru ekonomiku dinji. Fl-Ewropa, id-domanda għall-elettriku hija mistennija li tiżdied bi kważi 2 % fl-2022.

3.Sett ta’ għodod ta’ miżuri li jgħinu biex tintlaqa’ l-isfida

Iż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet attwali teħtieġ rispons rapidu u kkoordinat. Il-qafas legali eżistenti jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni bħal din biex jindirizzaw l-effetti ta’ fluttwazzjonijiet f’daqqa fil-prezzijiet.

Ir-rispons immedjat jenħtieġ li jipprijoritizza miżuri mfassla apposta li jistgħu jimmitigaw b’mod rapidu l-effetti fuq il-gruppi vulnerabbli, jistgħu faċilment jiġu aġġustati meta s-sitwazzjoni titjieb għal dawn il-gruppi u jevitaw li jinterferixxu mad-dinamika tas-suq jew li jdgħajfu l-inċentivi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata. Fit-terminu medju, jenħtieġ li r-rispons politiku jiffoka fuq li l-UE ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, anqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili u aktar reżiljenti għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li jipprovdi enerġija affordabbli u nadifa għall-utenti finali.

3.1.Miżuri immedjati għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tan-negozji

Għoxrin Stat Membru ħadu jew qed jipprevedu li jieħdu miżuri, spiss b’enfasi fuq il-mitigazzjoni tal-impatt fuq l-aktar vulnerabbli, in-negozji ż-żgħar u l-industriji intensivi fl-enerġija. Dan jinkludi limiti fuq il-prezzijiet u ħelsien temporanju mit-taxxa għall-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, jew vawċers u sussidji għall-konsumaturi u għan-negozji.

Miżuri immedjati bħal dawn jistgħu jiġu parzjalment iffinanzjati mid-dħul iġġenerat mill-irkanti tal-kwoti tal-ETS tal-UE, mill-imposti u mit-taxxi fuq il-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll permezz ta’ taxxi ambjentali. Fil-kuntest attwali, dħul ogħla milli mistenni mill-ETS jista’ jintuża biex jiffinanzja l-ħtiġijiet mhux previsti għal appoġġ soċjali mmirat. Mill-1 ta’ Settembru 2020 sat-30 ta’ Awwissu 2021, id-dħul iġġenerat mill-irkant mill-kwoti tal-ETS tal-UE 16 ammonta għal EUR 26,3 biljun. 

3.1.1.Appoġġ għad-dħul ta’ emerġenza u l-evitar ta’ skonnessjonijiet mill-grilja

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti soċjali speċifiċi lil dawk l-aktar f’riskju biex jgħinuhom jaffordjaw il-kontijiet tal-enerġija tagħhom fi żmien qasir jew jipprovdu appoġġ għal titjib fl-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jiżguraw funzjonament effettiv tas-suq. Dan jista’ jsir bħala pagamenti ta’ somma f’daqqa, sabiex jinżamm l-inċentiv biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u jsir investiment fl-iffrankar tal-enerġija. 

Barra minn hekk 17 , l-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu salvagwardji biex jevitaw skonnessjonijiet mill-grilja tal-enerġija jew jistgħu jiddifferixxu l-pagamenti temporanjament, fejn il-konsumaturi jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet ta’ żmien qasir biex iħallsu l-kontijiet tagħhom. Diversi Stati Membri introduċew tali miżuri fil-bidu tal-pandemija 18 tal-COVID-19 u dawn issa jistgħu jiġu estiżi.

Filwaqt li se tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tas-sena l-oħra dwar il-faqar fl-enerġija, 19 , il-Kummissjoni se ssejjaħ lir-rappreżentanti tal-Istati Membri u lir-regolaturi tal-enerġija biex jimpenjaw ruħhom dwar kif jipproteġu l-aħjar lill-konsumaturi vulnerabbli.. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiffokaw aħjar il-miżuri biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku – f’konformità ma’ politiki relatati tal-UE bħall-effiċjenza fl-enerġija u l-mewġa ta’ rinnovazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu:

-Jipprovdu miżuri ta’ kumpens u appoġġ dirett limitat fiż-żmien lill-utenti aħħarin li huma fqar fl-enerġija inklużi gruppi f’riskju, eż. permezz ta’ kupuni jew billi jkopru partijiet mill-kont tal-enerġija, iffinanzjati fost l-oħrajn mid-dħul tal-ETS.

-Jistabbilixxu u/jew iżommu salvagwardji biex jevitaw skonnessjonijiet mill-grilja tal-enerġija jew jiddifferixxu l-pagamenti temporanjament.

-Jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkoordinaw il-miżuri permezz tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku u l-konsumaturi vulnerabbli.

3.1.2.Tassazzjoni

It-taxxi u l-imposti jipprovdu dħul biex jikkumpensaw għall-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli u jindirizzaw il-faqar enerġetiku, filwaqt li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika.

It-taxxi u l-imposti 20 fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku u l-gass ivarjaw ħafna. Bħala medja, dawn jammontaw għal 41 % tal-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi u għal 30-34 % tal-prezzijiet tal-elettriku tal-industrija, u għal 32 % tal-prezzijiet tal-gass tal-unitajiet domestiċi u għal 13-16 % tal-prezzijiet tal-gass tal-industrija. Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tal-UE 21 u d-Direttiva tal-VAT 22 jagħtu ftit flessibbiltà lill-Istati Membri. Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw jew japplikaw rata mnaqqsa fuq l-elettriku, il-gass naturali, il-faħam u l-fjuwils solidi użati mill-unitajiet domestiċi. L-Istati Membri jistgħu jagħtu effett lil dawn l-eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni direttament, permezz ta’ rata differenzjata billi jirrimborżaw l-ammont kollu jew partijiet minnu ta’ tassazzjoni. Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu mmirati u jevitaw li jintroduċu distorsjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT fuq il-prodotti tal-enerġija sakemm dawn jirrispettaw il-valuri minimi stabbiliti fid-Direttiva tal-VAT tal-UE 23 , u jikkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT tal-UE.

Xi Stati Membri jużaw id-dħul mit-taxxa addizzjonali biex jipprovdu kumpens b’somma f’daqqa għal unitajiet domestiċi vulnerabbli. Oħrajn jiddevjaw partijiet mid-dħul mit-taxxi ambjentali biex jiffinanzjaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali. L-Istati Membri li fihom l-imposti għas-sussidji għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jammontaw għal sehem sinifikanti tal-prezz bl-imnut tal-elettriku, jistgħu jikkunsidraw li jiffinanzjaw tali politiki bi dħul pubbliku għajr il-kontijiet tal-elettriku. Dan ikollu l-benefiċċju li jeħles lill-konsumaturi vulnerabbli minn parti sinifikanti tal-kont tal-enerġija tagħhom.

Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, imressqa f’Lulju 2021, għandha l-għan li timmodernizza t-tassazzjoni tal-enerġija fl-UE billi tallinjaha mal-objettivi klimatiċi tal-UE u tiżgura l-ġustizzja soċjali. Id-Direttiva riveduta tinkoraġġixxi l-investiment u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tintroduċi l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet immirati biex jappoġġaw unitajiet domestiċi vulnerabbli u f’faqar enerġetiku, speċjalment matul it-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar nadifa.

L-Istati Membri jistgħu:

-Inaqqsu r-rati ta’ tassazzjoni għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, b’mod limitat fiż-żmien u mmirat.

-Jikkunsidraw li jibdlu l-finanzjament tal-iskemi ta’ appoġġ rinnovabbli lil hinn mill-imposti għal sorsi barra mill-kont tal-elettriku. 

3.1.3.Għajnuna mill-Istat

Miżuri ta’ natura ġenerali, li bl-istess mod jgħinu lill-konsumaturi kollha tal-enerġija, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Tali miżuri mhux selettivi jistgħu pereżempju jieħdu l-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jew l-imposti, rata mnaqqsa għall-provvista ta’ gass naturali, elettriku jew tisħin distrettwali. Safejn l-interventi nazzjonali jikkwalifikaw bħala għajnuna, dawn jistgħu jitqiesu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jekk jissodisfaw ċerti rekwiżiti. Pereżempju, għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali armonizzati sal-minimu stabbilit fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tista’ tiġi implimentata mill-Istati Membri mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

Miżuri ta’ appoġġ aktar immirati jistgħu jintużaw biex jgħinu lill-impriżi jew lill-industriji jadattaw fil-ħin u jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u mar-regoli internazzjonali dwar is-sussidji se tiżgura li tali miżuri ma joħolqux distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni jew iwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern. Jenħtieġ li l-interventi ta’ għajnuna jkunu teknoloġikament newtrali u ma jkunux diskriminatorji 24 għal impriżi f’sitwazzjoni komparabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn ma jimminawx l-effiċjenza tal-mekkaniżmi eżistenti bbażati fuq is-suq (inkluża l-ETS tal-UE) jiġu allinjati mal-objettivi ġenerali tad-dekarbonizzazzjoni u dawk li jinsabu fil-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima.

Jenħtieġ li l-ftehimiet ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli fit-tul jiġu mħeġġa. Dawn jistgħu jipprovdu benefiċċji kemm lill-utenti industrijali tal-elettriku kif ukoll lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli. Dawn huma kuntratti fit-tul fejn produttur u xerrej tal-elettriku, jaqblu li jixtru u jbigħu ammont ta’ elettriku rinnovabbli u prezz miftiehem fuq perjodu itwal ta’ żmien. Ftehimiet bħal dawn jipprovdu ċertezza għall-produttur dwar ċertu dħul filwaqt li l-utent jista’ jibbenefika minn prezz tal-elettriku stabbli. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita suq usa’ għal ftehimiet ta’ xiri tal-elettriku dekarbonizzat lil hinn min-negozji l-kbar, inklużi l-SMEs, pereżempju billi taggrega d-domanda tal-utenti finali, billi tindirizza l-ostakli amministrattivi rilevanti jew billi tipprovdi klawżoli kuntrattwali standard. Fuq medda qasira ta’ żmien, il-miżuri ta’ akkumpanjament bħat-tqabbil, il-kuntratti standard u t-tneħħija tar-riskji permezz tal-prodotti finanzjarji tal-InvestEU jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet bħal dawn.

L-Istati Membri jistgħu:

-Jieħdu miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-utenti aħħarin kollha tal-enerġija.

-Jipprovdu għajnuna lill-kumpaniji jew lill-industriji biex jegħlbu l-kriżi, f’konformità sħiħa mal-qafas tal-għajnuna mill-Istat, filwaqt li jużaw, kif xieraq, l-ambitu tal-flessibbiltà previst fil-qafas u jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili.

-Jiffaċilitaw aċċess usa’ għal ftehimiet ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli lil hinn min-negozji l-kbar, inklużi l-SMEs, pereżempju billi jaggregaw id-domanda tal-utenti finali f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

-Jappoġġaw il-ftehimiet tax-xiri tal-enerġija permezz ta’ miżuri ta’ akkumpanjament bħat-tqabbil, il-kuntratti standard u t-tneħħija tar-riskji permezz tal-prodotti finanzjarji tal-InvestEU.

3.1.4.Tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq

Fil-kuntest attwali ta’ prezzijiet għoljin, huwa aktar importanti minn qatt qabel li jiġu antiċipati r-riskji għas-sigurtà tal-provvista u jiġu żgurati t-trasparenza u l-integrità tal-funzjonament tas-swieq, filwaqt li jiġi eliminat it-tħassib dwar prattiki manipulattivi jew abbużi inkluż fir-rigward tal-iżviluppi attwali. Dan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-lievi kollha ta’ monitoraġġ u infurzar tas-suq disponibbli għall-Kummissjoni, fi sħubija mal-Istati Membri.

L-UE għandha strument b’saħħtu u robust li jippermetti d-detezzjoni tal-manipulazzjoni tas-suq, ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT). Il-mandat iwitti t-triq għal aktar trasparenza u integrità tas-suq, u fl-aħħar mill-aħħar jipproteġi l-interessi tal-kumpaniji u tal-konsumaturi.

Fid-dibattitu pubbliku dwar iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, tfaċċa tħassib dwar id-distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni minn kumpaniji attivi fis-swieq tal-gass Ewropej. Il-Kummissjoni bħalissa qed tinvestiga bħala kwistjoni ta’ prijorità l-allegazzjonijiet kollha ta’ mġiba kummerċjali antikompetittiva possibbli minn kumpaniji li jipproduċu u jfornu l-gass naturali lill-Ewropa. 25 Il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE jistgħu jkunu rilevanti wkoll biex jiżguraw kompetizzjoni miftuħa u ġusta bejn kumpaniji li jużaw ħafna enerġija f’pajjiżi terzi u dawk li jinsabu fl-UE.

Tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju u r-raġunijiet għaż-żieda fil-prezz tal-karbonju. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza f’informazzjoni riċenti tas-suq li l-ispekulazzjoni hija mutur ewlieni tal-prezz fis-suq tal-karbonju. F’nofs Settembru 2021, ir-rapporti tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) juru li l-maġġoranza tal-pożizzjonijiet (aktar minn 90 %) huma miżmuma minn entitajiet b’obbligi ta’ konformità skont l-ETS, u l-banek, li għandhom rwol importanti fis-servizzjar tal-ħtiġijiet tal-iħħeġġjar tal-kumpaniji ta’ konformità. Il-parteċipazzjoni tal-entitajiet finanzjarji fis-suq iżżid il-likwidità, li tnaqqas il-pressjoni fuq il-prezzijiet.

Il-formazzjoni ġusta tal-prezzijiet u l-integrità tas-suq Ewropew tal-karbonju huma ggarantiti minn sistema ta’ sorveljanza robusta applikabbli wkoll għal swieq finanzjarji oħra 26 . Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-entitajiet finanzjarji fis-suq tal-karbonju żżid il-likwidità, u b’hekk tgħin biex jitnaqqsu l-volatilità u l-pressjoni fuq il-prezzijiet. Biex teżamina aktar mill-qrib il-mudelli ta’ mġiba ta’ negozjar u l-ħtieġa potenzjali għal azzjonijiet immirati, il-Kummissjoni se titlob lill-ESMA, għal evalwazzjoni preliminari sal-15 ta’ Novembru u tagħtiha l-kompitu biex tanalizza, sal-bidu tal-2022, l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (EA). Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk ċerta mġiba kummerċjali tkunx teħtieġ aktar azzjonijiet regolatorji. 

Il-Kummissjoni se:

-Tinvestiga indikazzjonijiet għal kwalunkwe mġiba antikompetittiva possibbli fis-suq tal-enerġija.

-Titlob lill-ESMA tkompli ttejjeb il-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-suq Ewropew tal-karbonju.

-Flimkien mal-ACER u l-awtoritajiet nazzjonali tiżgura li r-REMIT jiġi infurzat b’mod effettiv.

3.1.5.Involviment tas-sħab internazzjonali

Minħabba n-natura dinjija taż-żieda fil-prezzijiet attwali, il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-provvista, it-trasport u l-konsum tal-gass naturali tista’ tgħin biex il-prezzijiet tal-gass naturali jinżammu taħt kontroll. Il-Kummissjoni tinsab fi djalogu mal-pajjiżi ewlenin li jipproduċu u jikkunsmaw il-gass naturali biex tiffaċilita l-kummerċ tal-gass naturali. Dan id-djalogu mas-sħab internazzjonali tagħna għandu l-għan li jtejjeb il-likwidità u l-flessibbiltà tas-suq internazzjonali tal-gass sabiex jiġu żgurati provvisti suffiċjenti u kompetittivi tal-gass naturali.

Il-Kummissjoni se:

-Ittejjeb is-sensibilizzazzjoni internazzjonali tagħha dwar l-enerġija sabiex tiżgura t-trasparenza, il-likwidità u l-flessibbiltà tas-swieq internazzjonali

-Tippreżenta strateġija internazzjonali ta’ impenn fl-enerġija fil-bidu tal-2022 li, fost l-oħrajn, se tikkunsidra l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-kompetittività tas-swieq internazzjonali tal-enerġija matul it-tranżizzjoni tal-enerġija li għaddejja.

3.2.Miżuri fit-terminu medju

Iż-żieda attwali mhux mistennija fil-prezzijiet qed tixħet dawl fuq xi affarijiet mhux magħrufa fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa li għaddejja bħalissa fil-livell dinji.

Filwaqt li titgħallem minn din il-kriżi, jenħtieġ li l-UE tikkunsidra miżuri li mingħajr ma jkollhom impatt immedjat fuq is-sitwazzjoni attwali, isaħħu t-tħejjija għal xokkijiet fil-prezzijiet futuri possibbli, iżidu l-integrazzjoni u r-reżiljenza tas-suq, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, itejbu l-aċċess għal enerġija affordabbli u jnaqqsu d-dipendenza fuq karburanti fossili volatili.

L-UE se tkompli tiżviluppa miżuri biex tiffaċilita sistema tal-enerġija b’sehem għoli ta’ enerġiji rinnovabbli, inkluż permezz ta’ ħżin adegwat, interkonnetturi transfruntiera, karga bażika u ġenerazzjoni flessibbli tal-enerġija, b’mod li tikkumpensa għal nuqqasijiet temporanji possibbli fil-provvista.

3.2.1.Kapaċità ta’ ħżin u sistema tal-enerġija tal-UE reżiljenti

 
L-avvenimenti reċenti jfakkruna li r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ewropea hija dejjem aktar importanti hekk kif is-sistema tal-enerġija tal-UE tintegra enerġija rinnovabbli aktar deċentralizzata u l-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment. Is-sigurtà tal-provvista u l-arranġamenti ta’ tħejjija għar-riskji jridu jkunu adattati għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Is-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-gass turi li l-livell ta’ ħżin tal-gass jibqa’ varjabbli rilevanti. Illum, il-ħżin mhuwiex disponibbli fl-Istati Membri kollha tal-UE. F’madwar nofs l-Istati Membri l-użu tal-ħżin huwa appoġġat minn obbligi nazzjonali, bħal riżervi strateġiċi użati f’każ ta’ emerġenza. Approċċ Ewropew aktar integrat jista’ jottimizza l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-ħżin tal-gass madwar it-territorju tal-UE biex jgħin itaffi l-volatilità fil-prezzijiet tal-enerġija.

Sors: żviluppata mill-JRC ibbażata fuq data minn Gas Infrastructure Europe (GIE)

Il-Kummissjoni qed tippjana li f’Diċembru 2021 tirrevedi r-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass. F’dan il-kuntest, ir-reżiljenza tas-suq tal-gass tal-UE tista’ tissaħħaħ, pereżempju permezz ta’ dispożizzjonijiet għal aċċess aktar faċli għall-kapaċità tal-ħżin bejn il-fruntieri, inkluż għal gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju. Il-Kummissjoni tista’ tesplora l-benefiċċji potenzjali ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ ibbażati fuq is-suq (eż. li jinvolvu rkantijiet) biex tiżgura li l-kapaċitajiet disponibbli għall-ħżin tal-gass jintużaw bl-aħjar mod. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu l-arranġamenti tekniċi, finanzjarji u legali meħtieġa biex jipprovdu l-gass lil hinn mill-fruntieri.

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-benefiċċji possibbli tal-akkwist konġunt ta’ stokkijiet ta’ riżerva tal-gass minn entitajiet regolati jew awtoritajiet nazzjonali biex tippermetti l-akkomunament tal-forzi u l-ħolqien ta’ riżervi strateġiċi. Il-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ xiri konġunt tkun volontarja u jenħtieġ li l-iskema tkun strutturata b’tali mod li ma tinterferixxix mal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u tirrispetta r-regoli tal-kompetizzjoni.

Abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta dalwaqt att delegat li jistabbilixxi gruppi transfruntiera ġodda ta’ riskju għall-gass reġjonali. Il-gruppi ta’ riskju se janalizzaw ir-riskji għall-erba’ snin li ġejjin u se jagħtu pariri lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri għall-ġestjoni xierqa ta’ dawn ir-riskji. Se tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni b’ħażna baxxa mhux tas-soltu. Il-gruppi ta’ riskju se jivvalutaw ukoll il-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ ħżin reġjonali volontarji konġunti.

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2021, il-Kummissjoni se tadotta Att Delegat komplementari tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE li jkopri attivitajiet li għadhom mhumiex koperti fl-Att Delegat dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima. Dan l-Att Delegat komplementari se jkopri l-enerġija nukleari soġġetta u konsistenti mar-riżultati tal-proċess ta’ rieżami speċifiku li għaddej skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE. Dan l-Att Delegat komplementari se jkopri wkoll il-gass naturali u t-teknoloġiji relatati bħala attività tranżizzjonali sakemm dawn jaqgħu fil-limiti tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE. Il-merti ta’ klawsola ta’ estinzjoni għall-attivitajiet tranżitorji se jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi leġiżlazzjoni li tappoġġa l-finanzjament ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, primarjament fis-settur tal-enerġija, inkluż il-gass, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, iżda li mhumiex eliġibbli biex jiġu inklużi fit-Tassonomija.

Il-ħżin tal-enerġija qed isir dejjem aktar kruċjali għas-settur tal-enerġija tal-UE u s-sostenibbiltà tiegħu. Jenħtieġ li jiġu sfruttati kemm l-għażliet ta’ ħżin fuq terminu qasir sa medju (batteriji) kif ukoll dawk ta’ ħżin fit-tul (power-to-X). Iż-żieda tal-ħżin tal-elettriku b’mod partikolari tappoġġa l-integrazzjoni tas-sorsi rinnovabbli fis-sistema u t-tħaffif tad-domanda massima. Dan jista’ wkoll ibaxxi l-prezzijiet tal-elettriku matul il-ħinijiet l-aktar intensivi meta l-ġeneraturi li jużaw il-fjuwils fossili spiss jistabbilixxu l-prezz. Investiment sostanzjali jeħtieġ li jiġi dirett f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se tidentifika azzjonijiet ewlenin tal-UE biex tappoġġa l-iżvilupp tal-ħżin tal-elettriku bħala għodda ewlenija ta’ flessibbiltà, li tiżgura kundizzjonijiet ekwi u sinjali ekonomiċi adegwati.

Is-suq tal-elettriku tal-UE huwa bbażat fuq metodu ta’ pprezzar marġinali u s-suq bi prezz uniformi li jfisser li kulħadd jirċievi l-istess prezz għall-elettriku fil-livell tal-ingrossa. Peress li l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass bħalissa għadhom meħtieġa ta’ spiss biex jissodisfaw id-domanda għall-elettriku, il-prezz tal-gass għandu impatt fuq il-kost tal-produzzjoni tal-elettriku, b’impatti negattivi kif jidher issa. Madankollu, hemm kunsens ġenerali li l-mudell tal-ipprezzar marġinali huwa l-aktar effiċjenti għas-swieq liberalizzati tal-elettriku u l-aktar adattat biex irawwem kummerċ effettiv tal-elettriku madwar l-Istati Membri fis-suq bl-ingrossa. Huwa mfassal ukoll biex jippromwovi l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, li jbaxxu l-prezzijiet bis-saħħa tal-ispejjeż operattivi żero tagħhom.

Filwaqt li għad ma hemm l-ebda evidenza ċara li qafas tas-suq alternattiv jipprovdi prezzijiet orħos u inċentivi aħjar, il-Kummissjoni se tqabbad lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tivvaluta l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tat-tfassil attwali tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa, fost l-oħrajn il-kapaċità tagħha li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ volatilità estrema tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass u miżuri disponibbli biex jitnaqqsu sitwazzjonijiet bħal dawn, filwaqt li tiżgura tranżizzjoni kosteffikaċi lejn sistema ta’ enerġija żero netti, u tipproponi rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni se tivvaluta għal segwitu kif xieraq. Sadanittant, il-Kummissjoni se tikkollabora mal-ACER biex ikollha valutazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni fis-suq tal-elettriku li dwarha se tirrapporta sa nofs Novembru.

Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li tiġi adattata r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija għal theddid ġdid li qed jevolvi bħat-theddid ċibernetiku jew avvenimenti estremi tat-temp. Il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet sa tmiem l-2022 biex ittejjeb aktar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-enerġija fid-dawl ta’ theddid ġdid li qed jevolvi. Dawn se jinkludu regoli ġodda dwar iċ-ċibersigurtà tal-elettriku kompletament armonizzati mal-leġiżlazzjoni orizzontali dwar iċ-ċibersigurtà 27 , rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lejn approċċ armonizzat għall-identifikazzjoni tal-infrastruttura kritika tal-enerġija, l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-għażliet disponibbli għall-finanzjament tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-enerġija. Se tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ grupp permanenti Ewropew ta’ operaturi u awtoritajiet dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija.

Il-Kummissjoni se tistudja wkoll il-potenzjal ta’ swieq bl-imnut reġjonali, jew madwar l-UE kollha, allinjati bis-sħiħ. L-evidenza 28 turi li allinjament transfruntier akbar tar-regoli u l-prattiki fis-suq bl-imnut jagħti spinta lill-kompetizzjoni transfruntiera u jgħin biex il-prezzijiet jinżammu taħt kontroll. Din il-ħidma tibni fuq żewġ biċċiet ta’ ħidma importanti li għaddejjin bħalissa - Atti ta’ Implimentazzjoni tal-Interoperabbiltà. Kif kien il-każ għall-akkoppjament tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa, dan l-allinjament tas-suq inizjalment jista’ jsir permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri individwali qabel ma wieħed jgħaddi maż-żmien għal suq intern tal-enerġija kompletament integrat għall-konsumaturi. 

L-innovazzjoni hija komponent importanti biex tiġi żgurata sistema tal-enerġija tal-UE reżiljenti. L-Ewropa hija minn ta’ quddiem fin-negozji ġodda tal-enerġija sostenibbli b’soluzzjonijiet innovattivi li jvarjaw minn enerġija ġeotermika tal-fond għall-idroġenu. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-UE jaħdmu flimkien biex jiffaċilitaw l-użu tas-soluzzjonijiet innovattivi.

Il-Kummissjoni se:

-Tipproponi qafas regolatorju għas-suq tal-gass u l-idroġenu sa Diċembru 2021

-Tikkunsidra li tirrevedi r-regolament dwar is-sigurtà tal-provvista biex tiżgura funzjonament aktar effettiv tal-ħażniet tal-gass fis-Suq Uniku kollu u tikkonkludi l-arranġamenti ta’ solidarjetà meħtieġa.

-Tadotta sa Novembru 2021 regolament li jistabbilixxi gruppi ġodda ta’ riskju tal-gass reġjonali transfruntiera biex janalizzaw ir-riskji u jagħtu pariri lill-Istati Membri dwar it-tfassil tal-pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni preventiva u ta’ emerġenza tagħhom.

-Tappoġġa l-iżvilupp ta’ ħżin tal-enerġija li jibqa’ validu fil-futur bħala għodda ta’ flessibbiltà ewlenija, kemm għal żmien qasir sa medju (pereżempju rispons għad-domanda u batteriji) kif ukoll għal għażliet ta’ ħżin fit-tul (pereżempju l-idroġenu).

-Tesplora l-benefiċċji potenzjali u t-tfassil ta’ akkwist konġunt volontarju ta’ ħażniet ta’ riżerva tal-gass, f’konformità mar-regolamentazzjoni tas-suq tal-enerġija u r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. 

-Tadotta ġabra ta’ regoli għaċ-ċibersigurtà għall-elettriku.

-Tagħti l-kompitu lill-ACER biex tistudja l-benefiċċji u l-iżvantaġġi tat-tfassil eżistenti tas-suq tal-elettriku u tipproponi rakkomandazzjonijiet għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni sa April 2022.

-Tistudja l-potenzjal ta’ inizjattiva dwar l-iżvilupp ta’ swieq bl-imnut reġjonali, jew madwar l-UE kollha, allinjati bis-sħiħ.

Il-ħruġ mis-suq jew il-falliment ta’ fornitur jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-konsumaturi – li huma ma jistgħux jikkontrollaw. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tista’ tirrappreżenta pressjoni żejda speċjalment fuq fornituri żgħar li joffru kuntratti bi prezz fiss. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-fornituri kollha tal-enerġija, inkluż dak żgħir, għas-swieq finanzjarji sabiex ikunu jistgħu jiħħeġġjaw il-kuntratti tagħhom kontra żviluppi futuri fil-prezzijiet. Biex tirrimedja għal dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikonoxxi li l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. Madankollu, huwa importanti wkoll li dan ma joħloqx periklu morali – il-protezzjoni tal-fornituri mid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom għad-detriment tal-konsumaturi kollha. Flimkien ma’ miżuri biex jittejjeb l-aċċess għal swieq fit-tul għal fornituri żgħar, il-Kummissjoni se tiċċara r-regoli biex tipproteġi lill-konsumaturi mill-falliment ta’ fornituri individwali u t-tħaddim ta’ skemi ta’ fornitur tal-aħħar għażla.

Il-Kummissjoni se:

-Tipproponi, sa Diċembru 2021, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi aktar gwida lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u tax-xogħol tat-tranżizzjoni ekoloġika.

L-Istati Membri jistgħu:

-Jappoġġaw l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi, billi jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni u joffru għażliet dwar kif jistgħu jipparteċipaw fis-suq tal-enerġija, ikunu protetti aħjar u jkunu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha fil-katina tal-provvista tal-enerġija.

-Jaħtru fornitur tal-aħħar istanza, fil-każ ta’ ħruġ mis-suq jew falliment ta’ fornitur. 

-Ikomplu jsaħħu r-rwol tal-konsumatur fis-suq tal-enerġija, billi jkkontribwixxu għat-titjib fir-rispons tad-domanda, kif ukoll billi jiżviluppaw l-awtoprovvista permezz ta’ enerġija rinnovabbli individwali u arranġamenti komunitarji tal-enerġija.

3.2.3.Żieda fl-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika

Ir-riħ u x-xemx għandhom spejjeż varjabbli qrib iż-żero. B’ aktar enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija, l-aktar fjuwils fossili għaljin se jiġu mbuttati ’l barra mis-suq. F’għadd dejjem jikber ta’ sigħat kull sena, l-ammont ta’ elettriku rinnovabbli fis-sistema se jippermetti li tintlaħaq id-domanda kollha u l-prezzijiet sħaħ se jkunu qrib iż-żero jew żero – jew saħansitra negattivi 30 . B’mod ġenerali, l-espert predominanti jqis li, jekk ikun il-każ, aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jissarrfu fi prezzijiet tas-suq bl-ingrossa aktar baxxi 31 .

Meta wieħed iħares lil hinn mis-swieq tal-elettriku, l-ispiża globali ta’ għadd ta’ teknoloġiji rinnovabbli naqset b’mod drammatiku matul dawn l-aħħar snin. Pereżempju, l-ispejjeż għall-elettriku minn fotovoltajċi solari (PV) fuq skala ta’ utilità naqsu b’85 % bejn l-2010 u l-2020 32 . L-enerġija rinnovabbli llum diġà hija, f’ħafna setturi u użi, l-irħas forma ta’ enerġija, u l-konsumaturi jistgħu f’ħafna każijiet inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom billi jirrikorru għall-enerġija rinnovabbli. Dan huwa minnu għall-industrija u s-servizzi, iżda wkoll għall-unitajiet domestiċi, li jistgħu pereżempju jinvestu f’pannelli fotovoltajċi solari, pompi tas-sħana, tagħmir termali solari, jew bojlers avvanzati tal-bijomassa – u b’hekk inaqqsu l-kontijiet tal-elettriku u tat-tisħin tagħhom.

Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jħaffu l-għoti ta’ permessi billi jnaqqsu l-proċeduri twal u kumplessi tal-għoti ta’ permessi li huma wieħed mill-akbar ostakli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-enerġija nadifa. L-appoġġ għall-awtokonsum u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli jista’ jgħin ukoll lill-unitajiet domestiċi jaħsdu l-benefiċċji ta’ sorsi rinnovabbli orħos. Iż-żieda fil-produzzjoni tat-tagħmir għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huwa fattur kritiku ieħor għas-suċċess biex jiġi aċċellerat l-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli.

It-teknoloġiji l-ġodda u d-diġitalizzazzjoni jipprovdu possibbiltajiet ġodda għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. Il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq kodiċi tan-netwerk biex tneħħi l-ostakli regolatorji għall-iżvilupp tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda fil-bidu tal-2022.

L-effiċjenza fl-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u b’hekk l-ispejjeż tal-enerġija, iżda teħtieġ investiment. Hija tindirizza waħda mill-kawżi ewlenin tal-faqar enerġetiku, b’mod partikolari permezz tat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u tal-apparat domestiku. Il-Kummissjoni se tressaq ukoll proposta biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini Ewropew. B’ ċerti miżuri ta’ rinnovazzjoni mmirati lejn l-akkomodazzjoni soċjali – u regoli ġodda għall-pajjiżi tal-UE biex ikejlu u jimmonitorjaw iċ-ċifri għal dawk li jbatu biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom – dawn ir-regoli dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini se jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.

Fil-livell tal-UE, l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika ġew intensifikati. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 imsaħħaħ minn NextGenerationEU huma l-għodod ewlenin li jwasslu għal irkupru rapidu u tranżizzjoni ekoloġika u diġitali li se jpoġġu l-ekonomija tagħna fit-triq tat-tkabbir sostenibbli. Taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, mit-22 pjan approvati mill-Kummissjoni, ġew allokati EUR 177 biljun għal investimenti relatati mal-klima 33 .

Barra minn dan, swieq akbar u aktar integrati b’infrastruttura transfruntiera jipprovdu offerta aħjar għall-konsumaturi. L-interkonnessjoni fiżika sħiħa u effiċjenti ma’ swieq ġirien, l-aċċess transfruntier għal fornituri ġodda se jrawwmu il-kompetizzjoni u jiżguraw il-provvista tal-elettriku bl-aktar prezz kompetittiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-investiment fin-netwerks trans-Ewropej biex itejbu l-kompetizzjoni u jevitaw it-tnaqqis, abbażi tal-Proġetti ta’ Interess Komuni 34 . Dawn jinkludu interkonnetturi, it-tneħħija ta’ konġestjonijiet nazzjonali, il-ħżin u l-użu intelliġenti tal-grilji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq il-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ 15 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku sal-2030, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 35 .

Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet li tirrevedi l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Enerġija biex tkabbar il-possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jagħtu appoġġ finanzjarju għall-protezzjoni tal-klima u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija kollha. Ir-regoli l-ġodda, li mistennija jidħlu fis-seħħ is-sena d-dieħla, se jnaqqsu r-rikors għall-fjuwils fossili, jipprevjenu assi mitlufa u jagħmluha possibbli li jiġu introdotti skemi li jiffinanzjaw teknoloġiji ġodda, bħall-ħżin u l-idroġenu rinnovabbli u jiffaċilitaw il-finanzjament għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika.

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

-Jaċċelleraw l-irkanti għall-enerġija rinnovabbli u jiżġuraw l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tal-investimenti rilevanti taħt il-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

-Iħaffu l-għoti ta’ permessi billi jnaqqsu l-proċeduri twal u kumplessi tal-għoti ta’ permessi li huma wieħed mill-akbar ostakli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-enerġija nadifa.

-Iżidu l-produzzjoni tat-tagħmir għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huwa fattur kritiku ieħor għas-suċċess biex jiġi aċċellerat l-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli.

-Iżidu l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fil-prestazzjoni tal-bini, li jbaxxu l-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż tal-enerġija u jtaffu l-pressjoni fuq is-swieq tal-enerġija.

-Iżidu l-investimenti fin-netwerks trans-Ewropej biex jiġi evitat it-tnaqqis, abbażi tal-Proġetti ta’ Interess Komuni. Dawn jinkludu interkonnetturi, it-tneħħija ta’ konġestjonijiet nazzjonali, il-ħżin u l-użu intelliġenti tal-grilji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni.

Il-Kummissjoni se:

-Toħroġ gwida fl-2022 dwar l-aċċellerazzjoni tal-proċessi tal-permessi għall-enerġiji rinnovabbli u tkompli taħdem mill-qrib mal-amministrazzjonijiet nazzjonali biex tidentifika u tiskambja ideat dwar prattika tajba.

-Tibda l-ħidma fuq l-iżvilupp ta’ kodiċi tan-netwerk għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda fil-bidu tal-2022.

-Tlesti r-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Enerġija u l-Ambjent biex tiffaċilita l-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-inqas kost, filwaqt li tiffaċilita l-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli.

-Tkompli tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi finanzjarji disponibbli fil-baġit tal-UE u f’NextGenerationEU. 

4.Konklużjoni

Il-miżuri deskritti f’din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jipprovdu rispons għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija attwali u se jikkontribwixxu għall-kisba ta’ tranżizzjoni tal-enerġija soċjalment ġusta u sostenibbli. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin.

L-Istati Membri jistgħu jaġixxu u diġà qed jieħdu għadd ta’ miżuri marbuta mat-tassazzjoni, mal-appoġġ dirett għall-introjtu u ma’ miżuri oħra mmirati tajjeb u limitati biż-żmien biex jipprovdu solliev fuq perjodu qasir għall-problemi li ż-żieda fil-prezzijiet toħloq għal xi wħud. Fil-livell tal-UE, għadd ta’ miżuri addizzjonali dwar il-ħżin, l-integrazzjoni tas-suq u l-komunitajiet tal-enerġija jistgħu jsiru fuq terminu medju biex jiġu żgurati swieq tal-enerġija aktar reżiljenti, imħejjija aħjar għall-volatilità u l-isfidi tat-tranżizzjoni. L-avvanzi fl-effiċjenza enerġetika u l-miżuri biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-enerġija jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija fuq medda itwal ta’ żmien.

Il-politika tal-Ewropa dwar l-enerġija, l-ambjent u l-klima, il-finanzjament disponibbli permezz ta’ diversi programmi tal-UE kif ukoll il-proposti reċenti tal-Kummissjoni “Fit for 55” huma mfassla biex joħolqu settur tal-enerġija sostenibbli fit-tul. L-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija billi tissostitwixxi l-fjuwils fossili b’enerġija rinnovabbli u għaldaqstant tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija.

Impenji ċari biex isir investiment f’soluzzjonijiet tal-enerġija newtrali għall-klima fl-Istati Membri kollha se jgħinu biex jitnaqqsu l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija u l-iżbilanċi fil-provvista u d-domanda tal-enerġija kkawżati mill-movimenti fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwils fossili, u fatturi esterni oħra. Dawn huma essenzjali biex l-enerġija tinżamm affordabbli għall-konsumaturi kollha.

Tranżizzjoni ekoloġika li tirnexxi se twassal għat-trasformazzjoni mhux biss lejn enerġija nadifa, iżda wkoll lejn aktar effiċjenza enerġetika u użu differenti. L-impenn tal-UE li tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-konsum tal-fjuwils fossili tagħha huwa kkonfermat bis-sħiħ minn avvenimenti reċenti. Il-miżuri jeħtieġ li jiġu aċċellerati, kemm fuq in-naħa regolatorja kif ukoll fuq in-naħa tal-investiment. It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija l-aħjar assigurazzjoni kontra xokkijiet fil-prezzijiet bħal dik li qed tiffaċċja l-UE llum. Wasal iż-żmien li nħaffu.

(1)

      Meta mqabbla mal-prezz medju fl-2019, il-prezzijiet fil-bidu ta’ Ottubru 2021 żdiedu b’166 % għall-valur referenzjarju EP5 (DE, ES, FR, NL) u s-suq ta’ Nordpool (NO, DK, FI, SE, EE, LT, LV)  

(2)

      VaasaETT (https://www.vaasaett.com/)

(3)

     Minn Jannar 2021 sa Settembru 2021, il-prezz tal-ETS żdied b’madwar EUR 30/tCO2, li jfisser żieda fl-ispejjeż ta’ madwar EUR 10/MWh għall-elettriku prodott mill-gass (jekk wieħed jassumi effiċjenza ta’ 50 %) u madwar EUR 25/MWh għall-elettriku prodott mill-faħam (jekk wieħed jassumi effiċjenza ta’ 40 %). Dan huwa evidentement akbar miż-żieda osservata fil-prezz tal-gass ta’ madwar EUR 45/MWh matul l-istess perjodu, li jissarraf fi spiża addizzjonali tal-produzzjoni tal-elettriku ta’ madwar EUR 90/MWh.

(4)

     L-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar l-ETS jipprevedi li jekk, għal aktar minn sitt xhur konsekuttivi, il-prezz tal-kwoti jkun aktar minn tliet darbiet il-prezz medju tal-kwoti fis-suq Ewropew tal-karbonju matul is-sentejn preċedenti, il-Kummissjoni għandha minnufih issejjaħ laqgħa tal-Kumitat mal-Istati Membri sabiex jiġu diskussi miżuri potenzjali.

(5)

     Il-gass naturali jista’ jiġi importat fl-UE permezz ta’ pipelines mis-sors tiegħu jew inkella jiġi ttrasportat fil-forma ta’ gass naturali likwifikat (LNG). Il-gass għandu jinħażen biex jibbilanċja l-varjazzjonijiet fid-domanda ta’ kuljum u staġjonali. Dan jiżgura wkoll il-provvista tal-gass f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-provvista jew domanda partikolarment għolja. Il-vantaġġ ewlieni tal-gass maħżun huwa li huwa disponibbli qrib il-konsumaturi u jista’ jiġi fornut mingħajr dewmien.

(6)

     Żejt (97 %), faħam (44 %) u gass (90 %)

(7)

     Matul il-COVID-19, tmien Stati Membri (minn 21 fejn hemm data disponibbli) raw żieda sena wara sena fir-rata ta’ faqar enerġetiku fl-2020, filwaqt li 13 raw tnaqqis, inkluż il-ħames Stati Membri b’rati ogħla minn 15 % fl-2019 (il-Bulgarija, il-Greċja, Ċipru, il-Litwanja u l-Portugall)

(8)

     Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE

(9)

     Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE

(10)

     Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku

(11)

     L-ispejjeż tal-enerġija jammontaw għal parti sinifikanti tal-ispejjeż tal-produzzjoni f’ċerti sottosetturi eż. 71 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni fil-fertilizzanti, 40 % fl-aluminju primarju, 31 % fiż-żingu u 25 % fil-ħġieġ ċatt.

(12)

     L-indiċi Olandiż TTF Gas Futures, li bħalissa huwa ta’ madwar EUR 90/MWh, għandu prezz ta’ madwar EUR 50/MWh f’April 2022.

(13)

     Sena bil-quddiem: EUR 42/MWh, sentejn bil-quddiem: EUR 35/MWh, tliet snin bil-quddiem: EUR 32/MWh

(14)

     Il-livelli attwali tal-ħżin tal-gass fl-UE huma leġġerment għola minn 75 %, taħt id-90 % li dehru bħala medja matul l-aħħar għaxar snin. Mit-3 ta’ Ottubru 2021. 

(15)

     Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010. 

(16)

     Filwaqt li jenħtieġ li l-fondi tal-ETS primarjament jappoġġaw aktar tnaqqis fl-emissjonijiet b’mod partikolari permezz ta’ investimenti f’miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-innovazzjoni f’teknoloġiji nodfa, l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva tal-ETS (Directive 2009/29/EC)jiddetermina li l-Istati Membri jistgħu jużaw id-dħul tal-ETS biex jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex jindirizzaw l-aspetti soċjali f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx u medju.

(17)

     Il-prezzijiet bl-imnut regolati għal unitajiet domestiċi foqra u vulnerabbli fl-enerġija huma permessi taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u taħt kundizzjonijiet stretti. Il-prezzijiet regolati jgħawġu s-sinjali ta’ investiment fil-ġenerazzjoni u ma jagħtux is-setgħa lill-konsumaturi.

(18)

     Miżuri speċjali tal-COVID-19 għall-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli: Il-gvernijiet nazzjonali u r-regolaturi tal-enerġija introduċew skonnessjonijiet sospiżi għan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet tal-enerġija. Minbarra l-miżuri tal-gvern, għadd ta’ kumpaniji tal-enerġija madwar l-UE adottaw inizjattivi volontarji biex jappoġġaw lill-klijenti bħal arranġamenti ta’ ħlas u l-ebda politika ta’ skonnessjoni.

(19)

     Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku

(20)

     Taxxi u levies bħal dawn jinkludu b’mod partikolari dazji tas-sisa fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), li huma armonizzati fil-livell tal-UE, iżda wkoll taxxi u imposti ambjentali domestiċi oħra biex jiffinanzjaw investimenti rinnovabbli meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

(21)

.    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku

(22)

     Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(23)

.    Il-qafas legali dwar ir-rati tal-VAT bħalissa qed jiġi rivedut fil-Kunsill.

(24)

.     Skont ir-Regolamenti għall-Eżenzjoni Ġenerali u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li kwalunkwe intervent mill-Istat jiġi stabbilit b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u proporzjonati.

(25)

     L-imġiba kummerċjali timplika li l-kumpaniji jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod indipendenti, mingħajr ma jkunu mġiegħla jaġixxu b’ċertu mod bil-liġi. 

(26)

     Is-suq huwa ssorveljat minn regolaturi finanzjarji ta’ 27 Stat Membru taħt il-koordinazzjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(27)

     COM/2020/823 final, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148

(28)

      https://ec.europa.eu/info/news/commission-publishes-report-barriers-eu-retail-energy-markets-2021-feb-23_en

(29)

     COM/2021/550 final. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ‘Fit for 55’: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika.

(30)

   Jekk ċerti impjanti tal-enerġija mhux flessibbli jkollhom ikomplu jipproduċu minkejja prezzijiet negattivi.

(31)

     Pereżempju, huwa stmat li ż-żieda fl-elettriku rinnovabbli kienet responsabbli, ceteris paribus, għal tnaqqis ta’ 24 % fil-prezzijiet tal-elettriku spot fil-Ġermanja matul l-2008-2015, u ta’ 35 % fl-Iżvezja matul l-2010-2015 (Hirth, 2018)

(32)

     IRENA, Spejjeż tal-Ġenerazzjoni tal-Enerġija fl-2020 

(33)

     In-nefqiet irrappurtati għall-RRF (Recovery and Resilience Facility) huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq iċ-ċifri tal-intraċċar tal-klima ppubblikati bħala parti mill-analiżijiet tal-Kummissjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza. L-ammont irrapportat ikopri t-22 pjan nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza vvalutati u approvati mill-Kummissjoni sal-5 ta’ Ottubru. Dan se jevolvi hekk kif jiġu vvalutati aktar pjanijiet.

(34)

      https://ec.europa.eu/energy/topics/infrastructure/projects-common-interest_mt  

(35)

   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-169-2014-INIT/en/pdf