IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 19.10.2021
COM(2021) 645 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2022
Flimkien għal Ewropa iktar b'saħħitha
1.Flimkien għal Ewropa iktar b’saħħitha
“Nemmen li huwa meta tiġi l-prova quddiemek li l-ispirtu tiegħek – ir-ruħ tiegħek – juru tassew x'inhuma.” — il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, 15 ta’ Settembru 2021
L-Unjoni tagħna qed toħroġ minn żmien ta’ kriżi bla preċedent. Meta ġejna ffaċċati b’sensiela ta’ avvenimenti globali ta’ xkiel, urejna li billi naġixxu flimkien, magħqudin u b’ambizzjoni kbira, nistgħu nindirizzaw l-aktar sfidi diffiċli u nġibu r-riżultati għaċ-ċittadini Ewropej.
Il-Kummissjoni Ewropea rreaġixxiet malajr għall-isfidi, mill-ikkonfrontar tal-pandemija tal-COVID-19 sal-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tan-natura, u mill-iżgurar li dinja dejjem aktar diġitali taħdem għan-nies sa l-iffaċċjar ta’ realtà ġeopolitika globali ġdida. Meta għamilna hekk, stabbilejna l-pedamenti meħtieġa għal futur aħjar. Dan kollu sar f’konformità mal-aġenda kuraġġuża u trasformattiva tagħna fis-sitt ambizzjonijiet ewlenin.
Il-programm ta’ ħidma ta’ din is-sena se jippermettilna nżommu l-momentum tagħna u nieħdu l-passi li jmiss f’dan il-proċess, b’attenzjoni partikolari fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa bis-saħħa tal-proposta tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.
F’din l-aħħar sena, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett innovattiv tagħha “Lesti għall-mira ta’ 55 %” biex jintlaħqu l-miri maqbula fil-Liġi pijuniera dwar il-Klima b’mod ekonomikament sostenibbli u soċjalment ġust. Ir-rapport reċenti dwar it-tisħin globali mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima jipprovdi aktar evidenza li ma għandniex żmien x’nitilfu – il-COP 26 li jmiss fi Glasgow u l-COP 15 f’Kunming se jkunu mumenti kruċjali f’dan l-isforz, li jirrifletti r-rabta intrinsika bejn il-kriżi klimatika u dik tal-bijodiversità. Il-prezzijiet tal-enerġija għoljin reċenti jikkonfermaw ukoll il-ħtieġa għal tranżizzjoni nadifa u li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili.
Aħna stabbilejna wkoll il-viżjoni kuraġġuża tagħna lejn Ewropa ċċentrata fuq il-bniedem u b’setgħa diġitali sal-2030, b’Kumpass Diġitali biex din l-ambizzjoni ssir realtà. Dan jinkludi l-proposta dwar regoli għal internet sikur u identità diġitali komuni fl-Ewropa. Adottajna l-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u pproponejna sett ta’ miri soċjali għall-2030, approvati mill-mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali ta’ Porto. Biex inkomplu nsaħħu l-ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea, ipproponejna miżuri biex insaħħu l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, filwaqt li nintensifikaw l-isforzi tagħna biex iċ-ċittadini b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà. Ħadna wkoll azzjoni soda biex niddefendu u nsaħħu l-istat tad-dritt u biex nipproteġu l-valuri ewlenin tal-Unjoni tagħna u nsaħħu r-reżiljenza demokratika kif stabbilit fil-pjan ta' azzjoni għad-demokrazija Ewropea.
Dan kollu sar fid-dell tal-pandemija, li kien jeħtieġ azzjoni fuq skala mingħajr preċedent kemm biex tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll biex jiġu minimizzati l-impatti soċjoekonomiċi usa’. B’kollox, il-Kummissjoni adottat aktar minn 2 326 miżura permezz ta’ reazzjoni immedjata. L-istrateġija tagħna dwar it-tilqim li rnexxiet sew għenet lill-Unjoni tiżgura 4.6 biljun doża ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u tilħaq il-mira li 70 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE titlaqqam kompletament sa tmiem is-sajf. L-UE kienet ukoll il-mutur tar-reazzjoni globali għall-COVID-19 u kontributur ewlieni għall-faċilità COVAX.
Biex niżguraw li aħna ppreparati aħjar għal kwalunkwe pandemiji futuri, għamilna sforzi aċċellerati biex nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa ġenwina. Ħadna miżuri biex nappoġġaw il-ftuħ mill-ġdid sikur tal-Ewropa, inkluż iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, miftiehem fi żmien rekord u issa użat minn miljuni ta’ nies.
Indirizzajna l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija, flimkien mal-Istati Membri, permezz ta’ sensiela ta’ programmi u strumenti ambizzjużi u estensivi. Il-qawwa kombinata tal-baġit fit-tul tal-Unjoni u n-NextGenerationEU se twassal EUR 2.018 triljun biex nagħtu spinta lill-ekonomija tagħna u nibnu mill-ġdid Ewropa ta’ wara l-COVID-19 li tkun aktar ekoloġika, aktar ġusta, aktar diġitali u aktar reżiljenti. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir u l-qafas temporanju għall-għajnuna mill-Istat ippermettew lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lill-ekonomija ta’ madwar 6.6 % tal-PDG fl-2020 u 7.1 % tal-PDG fl-2021. Dan ikkontribwixxa għas-salvagwardja tal-istabilità u għall-irkupru ekonomiku qawwi. Se niżguraw li l-baġit tal-UE jintefaq f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u bi protezzjoni sħiħa tal-interess finanzjarju tal-UE. Barra minn hekk, sa issa mmobilizzajna EUR 21 biljun f’fondi tal-politika ta’ koeżjoni biex nipprovdu appoġġ ta’ emerġenza għas-settur tas-saħħa u biex nipproteġu l-impjiegi, filwaqt li l-EUR 50 biljun taħt REACT-EU aġixxew bħala pont mal-istrumenti ta’ rkupru.
Il-ħidma tagħna fuq l-irkupru tal-Ewropa diġà qed tħalli l-frott. Fil-qalba tal-istrument ta’ NextGenerationEU b’valur ta’ aktar minn EUR 800 biljun, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza issa tipprovdilna opportunità biex inwittu t-triq għal irkupru sostnut u inklużiv. L-impatt trasformattiv tal-Faċilità se jkompli jiżviluppa u jiżdied fis-snin li ġejjin, hekk kif ir-riformi u l-investimenti jiġu implimentati, b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE.
Is-sena u nofs li għaddiet għallmitna ħafna, inkluż li mhux biżżejjed li nirkupraw minn kriżi ta’ dan il-kobor. Pjuttost, jeħtieġ li noħorġu aktar b’saħħitna u aktar reżiljenti, filwaqt li npoġġu l-ekonomiji tagħna fi triq ta’ tkabbir sostnut. Jeħtieġ li nimplimentaw il-miżuri li qbilna dwarhom matul l-aħħar sena. U jeħtieġ li nrawmu investimenti pubbliċi u privati addizzjonali madwar l-Unjoni u riformi fis-snin li ġejjin biex nirnexxu fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.
Il-Kummissjoni wettqet l-impenn tagħha li ssaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija globali tal-Unjoni, f’oqsma li jinkludu r-reazzjoni għall-pandemija, l-azzjoni klimatika u l-bijodiversità, il-promozzjoni ta’ aġenda kummerċjali b’saħħitha, miftuħa u ġusta, u ż-żamma tal-ordni globali bbażat fuq ir-regoli. Tejjibna l-impenn tal-UE mal-Balkani tal-Punent, u saħħaħna s-sħubijiet mal-ġirien tagħna fil-Lvant u fin-Nofsinhar permezz ta’ Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment ambizzjużi, kif ukoll mal-Afrika.
Barra minn hekk, stabbilejna aġenda ġdida bejn l-UE u l-Istati Uniti għal bidla globali, komplejna nimplimentaw politika differenzjata u robusta lejn iċ-Ċina, ikkonsolidajna l-approċċ tagħna lejn ir-Russja, żviluppajna aġenda kostruttiva u realistika mat-Turkija u ppreżentajna strateġiji biex il-kooperazzjoni multilaterali u l-azzjoni umanitarja jsiru saħansitra aktar effettivi.
F’dan l-ispirtu, illum qed nippreżentaw il-programm ta’ ħidma tagħna għall-2022. Dan juri d-determinazzjoni tagħna li mill-pandemija noħorġu b’saħħitna aktar minn qabel, li nħaffu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u li nibnu soċjetà aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar koeżiva, f’konformità mal-Aġenda tal-2030 tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi. Nappellaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu qbil rapidu dwar proposti leġiżlattivi ewlenin. Flimkien, nistgħu niżguraw li ċ-ċittadini, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji tal-isforzi kkombinati tagħna. B’mod parallel, se nippreżentaw proposti f’konformità mal-impenji tagħna, kif stabbilit fil-paragrafi u l-annessi li ġejjin għal dan il-programm ta’ ħidma.
2.Niksbu s-sitt ambizzjonijiet ewlenin
2.1.Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
Il-Kummissjoni se tkompli fit-triq tagħha biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. Se nipproponu qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tat-tneħħija tal-karbonju, biex jiżdied l-użu ta’ tneħħija tal-karbonju sostenibbli u biex jinħoloq mudell kummerċjali ġdid li jippremja lill-ġestjonarji tal-artijiet għal prattiki bħal dawn. Se nirrevedu l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal u se nistabbilixxu qafas leġiżlattiv għall-kejl armonizzat tal-emissjonijiet tat-trasport u tal-loġistika biex nappoġġaw it-tranżizzjoni lejn mobilità mingħajr emissjonijiet. U se nirrevedu r-regoli tal-UE dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra biex inkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u niżguraw konformità mal-impenji internazzjonali.
Il-bonds ekoloġiċi se jkollhom rwol dejjem aktar importanti fil-finanzjament meħtieġ għad-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetà tagħna, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli.
Se nkomplu fuq il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero inkluż fl-oqsma tal-ġestjoni integrata tal-ilma biex jiġu indirizzati s-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art u l-kwalità tal-arja ambjentali biex jiġu allinjati l-istandards mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Barra minn hekk, se nipproponu miżuri biex nillimitaw iż-żieda tal-mikroplastiċi fil-prodotti u nnaqqsu r-rilaxx tagħhom fl-ambjent. Se nindirizzaw l-isfidi tas-sostenibilità tal-plastiċi bijodegradabbli u kompostabbli u nidentifikaw fejn dawn jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent. Se nirrevedu wkoll il-leġiżlazzjoni dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ u se naħdmu aktar għal reviżjoni mmirata tar-Regolament REACH biex nipproteġu aħjar is-saħħa tal-bniedem u n-natura.
Minbarra l-inizjattivi tagħna tal-Politika għall-Prodotti Sostenibbli, se nsaħħu d-drittijiet tal-konsumaturi li jsewwu l-prodotti bi prezzijiet ġusti. Dan se jestendi l-ħajja utli tal-oġġetti, u għalhekk se javvanza l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.
It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija l-aħjar assigurazzjoni kontra xokkijiet fil-prezzijiet bħal dik li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija enfasizzaw aktar il-ħtieġa li jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli. B’appoġġ għall-mira tal-enerġija rinnovabbli stabbilita f’Lulju 2021, il-Kummissjoni se taħdem fuq prattiki tajbin għall-għoti ta’ permessi dwar l-enerġija rinnovabbli u se tippubblika Komunikazzjoni dwar l-enerġija solari, li se tiffoka fuq applikazzjonijiet speċifiċi u se tindirizza l-ostakli eżistenti.
Se nimmobilizzaw ir-riżorsi biex niżguraw tranżizzjoni ekoloġika li tkun soċjalment u internazzjonalment ġusta: flimkien mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima propost marbut mal-estensjoni tal-kummerċ tal-karbonju għat-trasport u l-akkomodazzjoni, se nirduppjaw il-finanzjament estern għall-bijodiversità, u nikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-finanzjament għall-klima għal pajjiżi inqas żviluppati u dawk li huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima.
Se nkomplu naħdmu lejn agrikoltura aktar ekoloġika u aktar sostenibbli u nwettqu l-azzjonijiet stabbiliti fl-istrateġija mill-għalqa sal-platt. Fl-2022, il-Kummissjoni se tkun qed taħdem mal-Istati Membri biex isir qbil dwar pjanijiet strateġiċi nazzjonali ambizzjużi li jilħqu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni u tal-Patt Ekoloġiku u se tipproponi, fost inizjattivi oħrajn, regoli ġodda dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % fl-istrateġiji tal-bijodiversità u mill-għalqa sal-platt u reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni se jkollha l-għan li żżid il-prattiki tal-biedja sostenibbli billi tippromwovi l-biedja tal-karbonju, tiddefinixxi mill-ġdid modi sostenibbli tal-użu tal-art agrikola kif ukoll tat-trobbija tal-ħut u tal-frott tal-baħar, u b’monitoraġġ aħjar tal-indikaturi tas-sostenibbiltà fil-livell tal-azjendi agrikoli.
2.2.Ewropa Lesta għall-Era Diġitali
Il-pandemija serviet ta’ katalista għaż-żieda fil-veloċità tad-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa u tad-dinja. Il-Kummissjoni se tkompli fuq it-triq tagħha lejn id-deċennju diġitali biex twettaq it-trasformazzjoni diġitali tal-UE sal-2030. Iddeterminati li nkunu minn ta’ quddiem fit-tellieqa globali għal teknoloġija affidabbli, sigura u ċċentrata fuq il-bniedem. U se naħdmu biex nilħqu ftehim dwar il-proposti tagħna għal internet sikur, identità diġitali Ewropea u dwar Intelliġenza Artifiċjali affidabbli u biex nimplimentawhom.
Is-suq uniku jibqa’ fil-qalba ta’ ekonomija Ewropea innovattiva, prospera u orjentata lejn il-futur. Hemm bżonn ta’ politika tal-kompetizzjoni u infurzar b’saħħithom u effettivi biex jikkontribwixxu għal irkupru reżiljenti u għat-tranżizzjoni doppja. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tal-politika tal-kompetizzjoni biex tiżgura li l-istrumenti varji jkunu adattati għall-iskop tagħhom. Se nippreżentaw ukoll strument għas-suq uniku f’emerġenza biex jgħin fil-prevenzjoni ta’ tfixkiliet futuri.
Minkejja l-ħafna sfidi u tfixkil, l-Ewropa ħarġet mill-kriżi fil-biċċa kbira bis-saħħa tal-ħiliet innovattivi tagħha, il-bażi industrijali qawwija tagħha u l-ktajjen tal-provvista diversifikati u kompetittivi tagħha. Madankollu, f’xi setturi strateġiċi, kienet vulnerabbli minħabba dipendenza għolja fuq għadd limitat ħafna ta’ fornituri mhux tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-materja prima. Dan huwa partikolarment evidenti fir-rigward tas-semikondutturi. Il-provvisti ta’ dawn iċ-ċipep li jixprunaw is-soluzzjonijiet diġitali tal-Ewropa saru ta’ tħassib reali għall-industrija tal-UE, b’każijiet ta’ tnaqqis fil-produzzjoni. F’dan l-isfond, se nadottaw Att Ewropew dwar iċ-ċipep biex nippromwovu ekosistema Ewropea taċ-ċipep tal-ogħla livell biex nagħtu spinta lill-kapaċità innovattiva tagħna, lis-sigurtà tal-provvista u biex niżviluppaw swieq ġodda għal teknoloġija Ewropea rivoluzzjonarja.
Hekk kif l-ekonomija u s-soċjetà qed jiddependu dejjem aktar fuq soluzzjonijiet diġitali, jeħtieġ li niżguraw li nkunu nistgħu niddefendu ruħna f’dinja dejjem aktar suxxettibbli għall-hacking ta’ prodotti konnessi u servizzi assoċjati. Għal dan il-għan, se nipproponu Att Ewropew dwar ir-reżiljenza ċibernetika biex jiġu stabbiliti standards komuni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti. Se nibdew ukoll nibnu sistema ta’ komunikazzjoni sikura globali tal-UE bbażata fl-ispazju, li toffri konnettività broadband fl-UE kollha fejn bħalissa ma teżistix u komunikazzjonijiet sikuri u indipendenti għall-Istati Membri.
Billi s-settur tal-enerġija se jkun l-akbar kontributur biex tintlaħaq il-mira klimatika tal-UE li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’mill-inqas 55 fil-mija sal-2030, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni għal trasformazzjoni diġitali aċċellerata tas-settur, li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-bidla lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, mobilità konnessa, binjiet intelliġenti, u sistema tal-enerġija aktar integrata bil-konsumaturi fil-qalba tagħha. L-interruzzjonijiet fl-enerġija fuq skala wiesgħa fl-Istati Uniti u fl-UE matul is-sena li għaddiet juru l-ħtieġa għal enerġija reżiljenti u ċibersikura.
Biex iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġija diġitali, il-provvista ta’ ħiliet u edukazzjoni diġitali qawwijin hija kruċjali. Din ġiet enfasizzata meta t-tagħlim mill-bogħod sar in-norma matul il-pandemija tal-COVID-19. U din hija enfasizzata bħala mira ewlenija fil-Kumpass Diġitali. Biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u l-għarfien, se nipproponu miżuri biex jiġu ffaċilitati u promossi l-ħiliet diġitali fl-iskejjel u fl-edukazzjoni għolja.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkollhom rwol ewlieni fir-reazzjoni għall-isfidi li qed niffaċċjaw bħalissa. Huma se jgħinu biex jinkiseb l-irkupru tal-Ewropa, ibbażat fuq it-tkabbir ekonomiku li jista’ jixpruna t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan se jkun essenzjali għal tkabbir ekonomiku ġust li minnu jibbenefikaw ir-reġjuni u ċ-ċittadini kollha, inklużi ż-żoni rurali. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett fix-xjenza u fuq quddiem nett fil-mewġiet il-ġodda tal-innovazzjoni.
Is-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jgħinu wkoll fl-appoġġ għal mobilità aktar integrata u sostenibbli. Se nipproponu inizjattiva dwar is-servizzi tal-mobilità diġitali multimodali biex jiġu indirizzati l-lakuni fis-suq fl-użu kkombinat tal-modi tat-trasport, inkluż il-ferrovija.
2.3.Ekonomija li topera għan-nies
Bl-attività ekonomika fi triqtha lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija, issa rridu nirriflettu dwar kif il-kriżi affettwat l-ekonomija tagħna. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tniedi mill-ġdid id-dibattitu pubbliku dwar ir-regoli fiskali u dwar il-qafas tal-governanza ekonomika. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-fehmiet kollha espressi matul dan id-dibattitu pubbliku. Fl-ewwel kwart tal-2022 se tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-perjodu li ġej, bl-għan li tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabilità u Konverġenza tal-Istati Membri. Il-gwida se tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika dinjija, is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru u d-diskussjoni dwar il-qafas tal-governanza ekonomika. Il-Kummissjoni se tipprovdi orjentazzjonijiet dwar bidliet possibbli fil-qafas tal-governanza ekonomika bl-għan li jsir kunsens wiesa’ dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu ferm qabel l-2023. SURE, l-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza, irriżulta li kien għodda li rnexxiet estremament u l-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa t-tagħlimiet meħuda.
Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali wiesgħa u jkunu jistgħu jgawdu bilanċ aħjar f’ħajjithom, il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Ix-xokk tal-pandemija enfasizza l-importanza ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali b’saħħithom. Se nipproponu Rakkomandazzjoni dwar l-introjtu minimu biex nappoġġaw il-politiki tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Komunikazzjoni biex issaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex tappoġġa r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali fit-trawwim ta’ rkupru ekonomiku, soċjali u koeżiv ġust u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u tas-suq tax-xogħol.
Se nippreżentaw ukoll proposta biex intejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Aħna naqblu mal-Parlament Ewropew u r-rapport tiegħu dwar l-Artikolu 225 TFUE li ġie adottat dan l-aħħar, li l-kwistjoni tal-asbestos hija ta’ tħassib serju.
Is-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni fl-irkupru ekonomiku. Matul il-pandemija, it-tranżazzjonijiet diġitali żdiedu, u l-Kummissjoni se twettaq inizjattiva dwar pagamenti istantanji biex trawwem l-użu sħiħ ta’ tali pagamenti fl-UE.
Barra minn hekk, il-kriżi tas-saħħa kkonfermat mill-ġdid il-ħtieġa għal swieq kapitali Ewropej żviluppati bis-sħiħ. L-irkupru jeħtieġ investiment massiv li l-flus pubbliċi u s-self tradizzjonali mill-banek biss ma jkunux biżżejjed għalih. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni fir-rigward tal-proċedimenti ta’ insolvenza billi ssaħħaħ il-konverġenza u tneħħi d-diskrepanzi, bl-għan li żżid l-effiċjenza, tiffaċilita l-investimenti transfruntiera u tnaqqas il-piż amministrattiv. Ir-rekwiżiti tal-elenkar se jiġu ssimplifikati biex is-swieq kapitali pubbliċi jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji tal-UE u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Fit-8 ta’ Ottubru, 136 ġuriżdizzjoni madwar id-dinja, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, il-membri tal-G20 u l-membri tal-OECD, laħqu ftehim storiku dwar ir-riforma tat-taxxa globali, li jistabbilixxi livell minimu globali ta’ tassazzjoni effettiva (Pilastru 2) u riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni (Pilastru 1). Sa mill-bidu tal-proċess fl-2016, il-Kummissjoni appoġġat bis-sħiħ dan l-isforz internazzjonali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni issa se tagħmel l-almu tagħha biex turi r-rwol ta’ t-tmexxija tal-UE fil-ġustizzja globali fil-qasam tat-taxxa, billi tiżgura implimentazzjoni rapida u konsistenti madwar l-UE.
2.4.Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja
Bidliet ġeopolitiċi kontinwi enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ l-influwenza tal-Ewropa f’dinja li qed tinbidel malajr, u li jiġu difiżi l-valuri u l-interessi tagħha.
Permezz tal-istrateġija l-ġdida tagħna tal-Gateway Globali, li se tkun ikkoordinata mill-qrib mal-Build Back Better World (B3W), se nqawwu l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex nibnu sħubijiet ta’ konnettività li jippromwovu konnettività diġitali u ekoloġika affidabbli mas-sħab madwar id-dinja.
Il-kriżijiet umanitarji differenti tad-dinja enfasizzaw id-distakk bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli. Il-kriżijiet globali differenti kkonfermaw li jeħtieġ li nsaħħu s-sħubijiet mal-alleati, u se nippreżentaw Dikjarazzjoni Konġunta ġdida bejn l-UE u n-NATO u se naraw li naċċelleraw il-ħidma fuq Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina.
Il-Kummissjoni se tħejji pakkett dwar id-difiża li se jinkludi pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji tas-sigurtà u tad-difiża biex tingħata spinta lir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni u biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE fit-teknoloġiji kritiċi u l-ktajjen tal-valur fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża.
Is-sena d-dieħla, se nippreżentaw għadd ta’ inizjattivi ġodda filwaqt li niffukaw ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet preċedenti. Se nipproponu Regolament imsaħħaħ dwar l-istatut ta' mblukkar biex jipproteġi aħjar lill-operaturi tal-UE, kemm jekk individwi kif ukoll jekk kumpaniji, billi jkompli jiskoraġġixxi u jiġġieled l-applikazzjoni ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan se jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa.
Se naħdmu għat-tranżizzjoni enerġetika globali, filwaqt li nippromwovu s-sigurtà tal-provvista, it-teknoloġiji nodfa u s-swieq miftuħin. Din se tkun parti mill-istrateġija l-ġdida dwar l-involviment internazzjonali fil-qasam tal-enerġija, li se tqis opportunitajiet ġodda fl-użu ta’ sistema ta’ enerġija nadifa, u tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u teknoloġiji sikuri u sostenibbli filwaqt li gradwalment titbiegħed mill-użu tal-fjuwils fossili lejn soluzzjonijiet tal-enerġija ekoloġika u tippromwovi tranżizzjoni ġusta.
Se nerġgħu nġeddu l-Aġenda tal-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani tal-2016 billi nippreżentaw Komunikazzjoni Konġunta li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani, li jindirizza t-theddid ewlieni bħat-tniġġis, l-impatti tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità. Dan se jibgħat messaġġ qawwi li l-UE tinsab fuq quddiem fl-implimentazzjoni tal-impenji globali, kif stabbilit fl-Aġenda tal-2030 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
Ir-reġjun tal-Golf huwa sieħeb ewlieni għall-UE. Biex nikkonsolidaw il-kooperazzjoni u noħolqu qafas għad-djalogu politiku tagħna, se nippreżentaw Komunikazzjoni Konġunta li tistabbilixxi sħubija strateġika mal-Golf.
2.5.Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew
Iż-żgħażagħ iridu jkunu jistgħu jsawru l-futur, huma qed imexxu d-dibattitu fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-Unjoni tagħna teħtieġ ruħ u viżjoni li jkunu jistgħu jirrelataw magħha. Se nużaw l-ALMA (Aim, Learn, Master, Achieve), inizjattiva ġdida li tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati Ewropej li mhuma fl-ebda tip ta’ impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Dan se jgħin lil dawn iż-żgħażagħ jiksbu esperjenza professjonali barra minn pajjiżhom bl-appoġġ soċjali meħtieġ. L-objettiv aħħari huwa li dawn jiġu integrati fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali jew fl-impjiegi ta’ kwalità.
Biex nirreaġixxu għall-isfidi ġodda u qodma, nindirizzaw in-nuqqasijiet demografiċi u tas-suq tax-xogħol kif ukoll biex inwettqu r-responsabbiltajiet globali tagħna, huwa ta’ importanza kritika li nsibu bażi komuni Ewropea dwar kif għandhom jiġu ġestiti l-migrazzjoni u l-ażil. L-avvenimenti reċenti, inklużi dawk fil-Belarussja u l-Afganistan, juru l-ħtieġa urġenti li jsir ftehim malajr dwar il-proposti leġiżlattivi li fadal taħt il-Patt il-Ġdid għall-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-Patt, ippreżentat mill-Kummissjoni sena ilu, fih l-elementi kollha meħtieġa għal sistema bbilanċjata u umana li taħdem għall-Istati Membri kollha. Se nkomplu naħdmu mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri biex inkomplu nibnu l-fiduċja u ndaħħlu fis-seħħ politika Ewropea sostenibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli twettaq il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u se tirrapporta regolarment dwar il-progress fil-qasam tas-sigurtà, inkluż dwar in-negozjati li għaddejjin dwar fajls leġiżlattivi ewlenin, b’mod partikolari fir-rigward tal-erba’ prijoritajiet strateġiċi: ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur, l-indirizzar tat-theddid li qed jevolvi, il-protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata, u ekosistema tas-sigurtà Ewropea b’saħħitha. Il-ħidma kontinwa fuq iċ-ċibersigurtà tibqa’ pedament kruċjali tal-Unjoni tas-Sigurtà. Fl-istess ħin, il-ħidma fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tkompli filwaqt li se nieħdu passi ġodda biex intejbu l-iskambju sigur ta’ informazzjoni ewlenija ma’ pajjiżi terzi lil dawk li jipprovdu sigurtà fl-ewwel linja, flimkien ma’ aġġornament tar-regoli għal informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri.
Ir-reazzjoni għall-pandemija għal darba oħra wriet li x-xjenza u l-edukazzjoni mhumiex biss imprezzabbli għall-promozzjoni tal-istil ta’ ħajja tagħna, iżda wkoll għall-preservazzjoni ta’ saħħitna. Filwaqt li l-iskejjel u l-universitajiet tagħna qed jadattaw ruħhom għar-rivoluzzjoni diġitali, il-kriżi kixfet l-isfida tal-ekwità fl-edukazzjoni, u laqtet lil xi studenti agħar minn oħrajn. Irridu niżguraw il-futur tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzati u akkademiċi Ewropej, u nżommu l-istatus globali ewlieni tal-universitajiet Ewropej filwaqt li nagħtu spinta lill-ħidma ta’ kooperazzjoni tagħhom. Għalhekk, se nippreżentaw l-istrateġija tal-UE għall-universitajiet u se nipproponu modi għal kooperazzjoni transnazzjonali aktar profonda u sostenibbli fl-edukazzjoni għolja, li se titħejja flimkien mal-inizjattivi għat-titjib diġitali fl-edukazzjoni skolastika u għolja biex tiġi żgurata l-koerenza.
Wara li ħadna t-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19, se nippreżentaw strateġija Ewropea ġdida għall-kura biex nindirizzaw kemm dawk li jagħtu l-kura u kemm dawk li jirċevuha, mill-indukrar tat-tfal sal-kura fit-tul. L-istrateġija se tistabbilixxi qafas għal riformi ta’ politika biex jiggwidaw l-iżvilupp ta’ kura fit-tul sostenibbli li tiżgura aċċess aħjar u aktar affordabbli għal servizzi ta’ kwalità għal kulħadd. Hija se tindirizza wkoll l-edukazzjoni u l-kura tat-tfulija b’attenzjoni partikolari għat-tfal b’diżabilità u dawk minn gruppi żvantaġġati. Barra minn hekk, dan se jgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fl-impjiegi bejn is-sessi, iżid l-emanċipazzjoni tan-nisa u jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż billi jiġu riveduti l-miri ta’ Barċellona.
Se nkomplu l-ħidma għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha u se nipproponu qafas ġdid għal settur farmaċewtiku dinamiku tal-UE, biex niżguraw aċċess għal mediċini affordabbli ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inrawmu l-innovazzjoni u nsaħħu s-sigurtà tal-provvista. Dan se jipprovdi ambjent regolatorju simplifikat u effiċjenti permezz tad-diġitalizzazzjoni innovattiva u għalhekk se jsir mudell għat-tnaqqis tal-piżijiet. Se nippreżentaw ukoll reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-mediċini għat-tfal u l-mard rari biex nindirizzaw in-nuqqasijiet u niżguraw li l-mediċini u t-trattamenti innovattivi jkunu faċilment disponibbli. Iż-żewġ inizjattivi jsegwu l-istrateġija farmaċewtika għall-Ewropa, u se jikkontribwixxu għal awtonomija strateġika miftuħa fis-settur mediku u se jużaw l-esperjenzi miġbura matul il-pandemija biex jappoġġaw sistema farmaċewtika li tibqa' valida fil-futur u li tkun reżistenti għall-kriżijiet. Dawn l-inizjattivi se jissaħħu mill-proposta biex jinħoloq Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa ġenwin, b’governanza affidabbli biex jiġu żgurati s-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data. Dan se jagħti bidu għar-riċerka dwar mediċini rivoluzzjonarji u jippermetti liċ-ċittadini jeżerċitaw aktar kontroll fuq id-data tas-saħħa tagħhom.
Se jkun hemm spinta ulterjuri għall-iskrinjar tal-kanċer li jsalva l-ħajjiet u d-dijanjożi bikrija permezz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-iskrinjar tal-kanċer li tirrifletti l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli, bħala parti mill-pjan Ewropew biex jingħeleb il-kanċer.
2.6.Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea
Bil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fl-aqwa tagħha, l-Ewropej kollha mistednin isemmgħu leħinhom dwar kif nistgħu nsawru l-futur komuni tagħna. Il-Konferenza hija eżerċizzju demokratiku bla preċedent, miftuħ u inklużiv, bi pjattaforma diġitali multilingwi. Se nisimgħu bir-reqqa l-ideat u l-kontributi prodotti, u se nkunu lesti li nkomplu fuq dak li jsir qbil dwaru mill-Konferenza. Biex niżguraw li nagħmlu l-aħjar użu minn din l-opportunità, qed nimplimentaw għodod ġodda u innovattivi biex nittrasformaw il-mod li bih aħna niddjalogaw maċ-ċittadini tagħna. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jmexxu d-dibattitu.
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej diġà tippermetti liċ-ċittadini jgħinu fit-tiswir tal-Unjoni tagħna billi titlob lill-Kummissjoni tipproponi liġijiet ġodda. Bħalissa, hemm 11-il inizjattiva bħal dawn li jiġbru l-appoġġ, bi tlieta oħra lesti li jibdew il-proċess dalwaqt.
Il-preservazzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media hija pedament tas-sistemi demokratiċi tagħna. Se nieħdu aktar passi biex intejbu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-indipendenza fl-azzjonijiet li jaffettwaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media billi nippreżentaw att Ewropew dwar il-libertà tal-media.
L-istat tad-dritt huwa ċentrali għall-identità u l-valuri tagħna bħala Ewropej. Dan huwa wkoll prerekwiżit għall-funzjonament effettiv tal-UE bbażat fuq il-fiduċja reċiproka. Ir-rapport tal-2021 dwar l-istat tad-dritt wera żviluppi pożittivi fl-Istati Membri, iżda wkoll każijiet ta’ rigress u l-emerġenza ta’ tħassib ġdid. Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha bħala l-Gwardjan tat-Trattati biex tiżgura li l-isfidi għall-istat tad-dritt jiġu identifikati u indirizzati, inkluż li tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri fir-rapport tal-2022 dwar l-istat tad-dritt. Hija se tieħu wkoll l-azzjonijiet meħtieġa biex tħares is-supremazija tad-dritt tal-UE. U se tibbaża fuq il-firxa sħiħa ta’ għodod biex tiżgura approċċ konsistenti u effettiv, inkluż bil-ħsieb li tipproteġi l-flus tal-kontribwenti tal-UE.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq qafas legali komuni għat-trasferiment effiċjenti ta’ proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. Se nivvalutaw ukoll kif nistgħu niksbu konverġenza dwar l-arrest preventiv u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni bejn l-Istati Membri bħala parti mit-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera f’materji kriminali.
Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha biex tiżgura li l-Unjoni tal-ugwaljanza ssir realtà għal kulħadd. Iċ-ċittadini kollha għandhom iħossuhom sikuri u ma għandux ikollhom biża’ ta’ diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, jew l-età. Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ dawn id-drittijiet u se nipproponu miżuri biex insaħħu r-rwol u l-indipendenza tagħhom. Se nipproponu miżuri biex intejbu r-rikonoxximent ta’ paternità bejn l-Istati Membri u biex insaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Il-miżuri li se nipproponu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa se jiġu kkomplementati b’inizjattiva s-sena d-dieħla li tappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tal-prevenzjoni u fit-teħid ta’ miżuri ta’ appoġġ biex jiġu indirizzati l-prattiki ta’ ħsara kontra n-nisa u l-bniet.
Se nippruvaw nagħmlu progress fit-tfassil tal-Korp tal-Etika interistituzzjonali l-ġdid tal-UE, inkluż billi nkomplu naħdmu mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħrajn biex insibu l-bażi komuni meħtieġa dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, ir-rwol u l-kompetenzi tal-Korp futur. Dawn iridu jirrispettaw il-partikolaritajiet ta’ kull istituzzjoni kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-obbligi istituzzjonali u demokratiċi differenti tagħhom skont it-Trattati. Ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew huwa kontribut importanti għad-diskussjoni li għaddejja.
Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll inizjattiva dwar l-eżodu tal-imħuħ u l-mitigazzjoni tal-isfidi assoċjati mat-tnaqqis fil-popolazzjoni li se teżamina l-fatturi determinanti differenti, il-konsegwenzi fit-tul u s-soluzzjonijiet potenzjali biex jitwaqqaf jew saħansitra jitreġġa’ lura l-eżodu tal-imħuħ.
3.Regolamentazzjoni aħjar, implimentazzjoni u infurzar tad-dritt tal-UE
3.1.Regolamentazzjoni aħjar
L-aġenda tagħna għal regolamentazzjoni aħjar tiżgura li d-deċiżjonijiet politiċi jittieħdu abbażi tal-aħjar evidenza disponibbli, b’kont meħud tal-impatt li jkun se jkollhom fil-prattika u l-fehmiet tan-nies u n-negozji li x’aktarx jiġu affettwati. Dan l-approċċ jgħin biex ikun żgurat li r-regolamentazzjoni tkun immirata, faċli biex wieħed jikkonforma magħha u ma żżidx piżijiet regolatorji mhux meħtieġa. Il-Komunikazzjoni tal-2021 dwar regolamentazzjoni aħjar Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar li tistabbilixxu modi ewlenin biex titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tagħha.
Sabiex jiġi mminimizzat il-piż marbut mal-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE, il-Kummissjoni se tuża bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “one in, one out” b’dan il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Dan se jiżgura li meta nintroduċu piżijiet ġodda, aħna nippruvaw, b’mod sistematiku u proattiv, innaqqsu l-piżijiet imposti mil-leġiżlazzjoni eżistenti. L-ispejjeż mistennija għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE se jiġu kkwantifikati b’mod aktar trasparenti, meta dan ikun fattibbli u proporzjonat, u jiġu ppreżentati b’mod sistematiku fil-valutazzjonijiet tal-impatt. L-ispejjeż amministrattivi se jitpaċew. Sa fejn ikun possibbli, se jittieħdu miżuri oħrajn bil-ħsieb li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ta’ aġġustament. Il-prinċipju ta’ “one in, one out” se jikkomplementa l-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), li sistematikament jidentifika u jneħħi l-burokrazija u l-ispejjeż mhux meħtieġa.
Ir-regolamentazzjoni aħjar hija wkoll fundamentali fl-appoġġ tas-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali. L-ambizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Kummissjoni u d-dimensjonijiet soċjali u ġusti tagħhom, flimkien mal-enfasi tagħhom fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-prinċipji “tagħmilx ħsara sinifikanti” u “diġitali b’mod awtomatiku”, se jkunu aktar prominenti fl-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-konsultazzjonijiet tagħna. L-ugwaljanza għal kulħadd, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-implikazzjonijiet esterni tal-politiki interni se jiġu kkunsidrati fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika. Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u l-ittestjar taż-żoni rurali se jissaħħu, sabiex il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tat-territorji differenti tal-UE jitqiesu aħjar. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. L-integrazzjoni tat-tbassir fit-tfassil tal-politika se ssaħħaħ ukoll il-validità fil-futur tar-regolamenti tagħna.
3.2.Implimentazzjoni u infurzar tad-dritt tal-UE
L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ambizzjuża u innovattiva ma tispiċċax hemm: implimentazzjoni xierqa hija essenzjali biex jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kumpaniji fl-Unjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri u taħdem magħhom biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u malajr ta’ regoli ġodda u eżistenti tal-UE, u mhux se toqgħod lura milli tirrispetta d-dritt tal-UE permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur meta jkun hemm bżonn. Li dan isir huwa prerekwiżit biex nilħqu l-għanijiet ta’ politika tagħna f’oqsma bħall-funzjonament xieraq tas-suq uniku, it-tranżizzjoni tal-Ewropa għall-Era Diġitali, it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-każijiet ta’ ksur huma wkoll parti essenzjali mis-sett ta’ għodod disponibbli għall-Kummissjoni biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali u l-valuri li l-Unjoni hija msejsa fuqhom.
4.Konklużjoni
Matul l-aħħar sena u nofs, l-Unjoni tagħna u ċ-ċittadini tagħha wrew il-qawwa, it-tenaċità u l-għaqda tagħhom quddiem sensiela ta’ sfidi bla preċedent. Id-dinja tal-lum għadha kkaratterizzata minn inċertezza, avvenimenti ta’ xkiel u żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi, flimkien mat-tibdil fil-klima u l-kriżi tan-natura. Iżda huwa billi naħtfu l-opportunitajiet offruti minn dawn l-isfidi u billi nibnu fuq il-pedamenti li stabbilejna li nistgħu nwettqu t-trasformazzjoni tas-soċjetà li l-Ewropa teħtieġ u li jistħoqqilhom iċ-ċittadini.
Dan il-programm ta’ ħidma jistabbilixxi azzjoni mmirata biex tkompli twettaq l-ambizzjonijiet li stabbiliet il-Kummissjoni fil-bidu tal-mandat u tkompli tidderieġi l-Unjoni lejn l-irkupru sostenibbli. Huwa jelenka wkoll il-proposti leġiżlattivi ewlenin li jenħtieġ li jingħataw prijorità fil-proċess leġiżlattiv biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida fil-post. Il-lista se tifforma l-bażi tad-djalogu tagħna mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill bl-għan li jsir qbil dwar Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi sal-aħħar tas-sena, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
Urejna li meta naħdmu flimkien, kapaċi nindirizzaw aħjar l-isfidi ġenerazzjonali tagħna u nipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien.
Din l-għaqda issa hija meħtieġa aktar minn qatt qabel – iżda ma għandhiex tkun għad-detriment tal-ambizzjoni tagħna. Se jkollna bżonn it-tnejn jekk irridu nibqgħu fit-triq it-tajba biex nibnu Unjoni reżiljenti għal futur ta’ prosperità.