IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2021
COM(2021) 636 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021)
{SWD(2021) 286 final} - {SWD(2021) 287 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2021)
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Xi jfisser li tkun żagħżugħ fl-Ewropa llum?
3.
Għarfien mis-settur taż-żgħażagħ
4.
Il-progress lejn l-objettivi ġenerali
Impenn
Konnessjoni
Għoti tas-setgħa
5.
Strumenti ewlenin biex jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-apprendiment reċiproku
6.
Il-konklużjonijiet u l-prospetti futuri għall-kooperazzjoni tal-UE dwar iż-żgħażagħ
1.Introduzzjoni
Il-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ bdiet fl-2002, u pprovdiet qafas ta’ politika għall-programmi taż-żgħażagħ tal-UE implimentati mill-1988. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027 hija l-qafas tat-tielet ġenerazzjoni. Din hija bbażata fuq approċċ doppju: (a) l-integrazzjoni ta’ inizjattivi rilevanti għaż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika u (b) l-indirizzar tal-oqsma ewlenin ta’ “Impenn. Konnessjoni. Għoti tas-setgħa” fis-settur taż-żgħażagħ. Dan ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ għall-2021 jevalwa l-progress lejn l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2021. Dan ikopri l-ewwel Pjan ta’ Ħidma triennali tal-UE għaż-Żgħażagħ skont l-Istrateġija attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ, li tkopri żewġ Triji ta’ Presidenzi tal-Kunsill.
2.Xi jfisser li tkun żagħżugħ fl-Ewropa llum?
Kif jindika d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, l-aċċess taż-żgħażagħ għall-opportunitajiet, fir-rigward tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-mobbiltà u l-parteċipazzjoni demokratika, tjieb sal-aħħar tal-2019, sakemm waslet il-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija rriżultat f’diskontinwità tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u ta’ attivitajiet oħra ta’ apprendiment, f’telf ta’ impjiegi u ta’ opportunitajiet ta’ karriera, f’iżolament soċjali u fi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali.
Qabel il-pandemija tal-COVID-19: iż-żgħażagħ fl-Ewropa kienu dejjem aktar mobbli u konnessi iżda b’differenzi fl-inugwaljanza edukattiva u soċjoekonomika
Madwar 86 miljun żagħżugħ u żagħżugħa kienu jgħixu fl-EU-28 fl-2019 (wieħed minn kull sitta kellhom bejn 15 u 29 sena). Is-sehem taż-żgħażagħ fil-popolazzjoni totali tal-UE bejn l-2010 u l-2019 naqas b’1,8 punti perċentwali (l-ogħla tnaqqis kien fir-reġjun Baltiku u fir-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant), u dan ikkonferma xejra fit-tul ta’ tnaqqis fid-daqs tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ. Madankollu, b’mod parallel, il-migrazzjoni taż-żgħażagħ fi u lejn l-Ewropa aċċellerat mis-snin disgħin.
Fl-2019, wieħed minn kull tliet żgħażagħ fl-UE rrapporta li baqgħu barra mill-pajjiż għal mill-inqas ġimagħtejn għal studji, taħriġ, xogħol, skambji jew volontarjat. Aktar minn 40 % taż-żgħażagħ li kkunsidraw li jmorru barra mill-pajjiż għall-apprendiment jew għall-volontarjat, iżda li qatt ma għamlu dan, iddikjaraw li ma kellhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa, jew irrapportaw raġunijiet familjari, personali jew relatati max-xogħol.
F’dawn l-aħħar snin, sal-pandemija tal-COVID-19, l-ekonomiji Ewropej kienu fit-triq lejn l-irkupru mill-kriżi ekonomika. Madankollu, fl-2019, aktar minn 5 miljun abitant tal-EU-28 bejn l-età ta’ 15 u 29 sena kienu għadhom qiegħda (6,3 % taż-żgħażagħ kollha ta’ bejn il-15 u d-29 sena, jew 11,1 % tal-forza tax-xogħol taż-żgħażagħ). Bejn l-2015 u l-2019, ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqsu fl-Istati Membri kollha tal-UE iżda dejjem baqgħu aktar mid-doppju tal-qgħad ġenerali. Fl-2020, fil-kuntest tal-pandemija, ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-EU-27 żdiedu minn 11,9 % fl-2019 għal 13,3 %. Iż-żgħażagħ jieħdu aktar żmien biex jintegraw b’mod stabbli fis-suq tax-xogħol u l-gruppi vulnerabbli jibqgħu żvantaġġati fl-ambjent tax-xogħol.
Iż-żgħażagħ huma involuti f’ħafna forom ta’ parteċipazzjoni ċivika u politika. Dawn jinkludu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u movimenti soċjali jew involviment f’forom mhux istituzzjonalizzati ta’ parteċipazzjoni bħall-moviment klimatiku globali mmexxi miż-żgħażagħ “Il-Ġimgħa għall-Ġejjieni”. Dawn jagħtu importanza wkoll lill-votazzjoni bħala mezz importanti ta’ parteċipazzjoni demokratika: aktar minn żewġ terzi taż-żgħażagħ fl-UE vvutaw mill-inqas darba f’elezzjonijiet lokali, nazzjonali jew Ewropej. Ix-xejra li qed tiżdied ġiet ikkonfermata matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019. Iż-żgħażagħ għandhom ukoll opinjoni pjuttost pożittiva jew pożittiva ħafna tal-UE u għandhom it-tendenza li jafdaw lill-UE aktar u jħossuhom issodisfati dwar kif taħdem id-demokrazija fil-livell nazzjonali u Ewropew milli jagħmlu adulti akbar fl-età.
L-użu tal-internet huwa komponent essenzjali fil-ħajja taż-żgħażagħ fl-EU-28, 90 % kienu jużawh kuljum u 45 % kienu involuti f’attivitajiet ta’ apprendiment elettroniku fl-2019. Id-diġitalizzazzjoni ħolqot ħafna opportunitajiet għall-interazzjoni, apprendiment u l-parteċipazzjoni iżda ġabet magħha wkoll sfidi relatati mal-ħiliet diġitali u d-distakk diġitali, kif ukoll l-esponiment potenzjali għal kontenut u kuntatt dannużi. Iż-żgħażagħ Ewropej, speċjalment in-nies f’reġjuni rurali u remoti u b’livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni formali, jirrapportaw b’mod konsistenti l-użu limitat tal-internet biex jinteraġixxu mal-awtoritajiet pubbliċi, jinvolvu ruħhom fil-kummerċ elettroniku u fl-ekonomija kollaborattiva. L-isfidi jinkludu l-konnettività, l-aċċess għall-broadband u d-disponibbiltà ta’ apparat diġitali. Hekk kif it-tagħmir diġitali u l-konnessjoni tal-internet saru indispensabbli għall-apprendiment, il-kostijiet assoċjati tal-edukazzjoni aggravaw l-inugwaljanza.
It-tifqigħa tal-COVID-19 wasslet għal: l-aċċellerazzjoni tax-xejriet diġitali u impatt negattiv qawwi fuq l-edukazzjoni, l-impjiegi u s-saħħa mentali
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat u poġġiet pressjoni bla preċedent fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar id-dinja u madwar l-Unjoni Ewropea. Ir-restrizzjonijiet ikkawżaw bidliet kbar fit-tagħlim u fl-apprendiment u fil-komunikazzjoni u fil-kollaborazzjoni fi ħdan il-komunitajiet tal-edukazzjoni. Dawn ir-restrizzjonijiet kellhom impatt fuq l-istudenti, il-familji tagħhom, l-għalliema, il-ħarrieġa, ir-riċerkaturi u l-mexxejja tal-istituzzjonijiet, kif ukoll fuq il-professjonisti tal-komunità li jappoġġaw l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.
L-apprendiment spiss sar aktar diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ interazzjoni mill-qrib mal-edukaturi u mal-istudenti l-oħrajn, inqas dettall kif ukoll id-dewmien. Ġie kompromess il-benesseri fiżiku u emozzjonali, bl-iskejjel u l-universitajiet li ma jistgħux joffru attivitajiet strutturati jew aċċess għal faċilitajiet u servizzi ta’ appoġġ. Id-dimensjoni ta’ soċjalizzazzjoni tal-edukazzjoni ġiet affettwata ħafna u bosta żgħażagħ esperjenzaw sentimenti ta’ iżolament, ansjetà u depressjoni. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati kienu aktar probabbli li jiġu esposti għal ambjenti tad-dar stressanti.
Il-pandemija enfasizzat l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi li kienu jeżistu minn qabel fl-opportunitajiet ta’ apprendiment tat-tfal fid-dar. Gruppi sħaħ ta’ studenti, inklużi dawk minn żoni remoti u rurali, migranti u refuġjati, żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali u minn sfondi żvantaġġati oħrajn, irriskjaw li jiġu esklużi mit-tagħlim u mill-apprendiment online. Ħafna familji u studenti ma kellhomx il-kompetenza, ir-riżorsi u t-tagħmir meħtieġa biex ilaħħqu mal-apprendiment mill-bogħod; dan kien tħassib kbir għal dawk li normalment jirċievu appoġġ immirat għall-apprendiment, ikliet issussidjati jew aċċess għal varjetà ta’ attivitajiet ekstrakurrikulari u mentoraġġ.
Fil-qosor, filwaqt li l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi affettwa l-progress tal-apprendiment tal-istudenti kollha sa ċertu punt, il-bidla għall-apprendiment mill-bogħod kellha impatt negattiv sproporzjonat fuq dawk li diġà kienu fi żvantaġġ, u dan żied il-probabbiltà li l-istudenti f’riskju jitilqu mill-iskola. Wara tnaqqis kostanti fis-sehem ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fis-snin preċedenti, fl-2020 dawn in-numri reġgħu lura għal-livell tal-2017 (13,7 %). L-ewwel evalwazzjoni tal-evidenza disponibbli tindika wkoll żieda fil-livell tal-esklużjoni soċjali matul l-aħħar sena. Ħareġ li ż-żgħażagħ u t-tfal huma dawk l-aktar f’riskju, speċjalment meta jkunu diġà żvantaġġati. L-effetti fuq perjodu ta’ żmien medju u twil ta’ dan it-tfixkil għadhom ma humiex ċari, iżda jistgħu jaffettwaw ir-rati futuri ta’ tluq bikri mill-iskola u l-livell tal-kisba tal-ħiliet u l-eżiti tal-apprendiment.
Barra minn hekk, il-COVID-19 qed ikollha impatt bla preċedent fuq is-saħħa mentali u emozzjonali taż-żgħażagħ, li diġà kien ta’ tħassib qabel il-pandemija. Din qed tittrasforma b’mod drammatiku r-relazzjonijiet interpersonali tagħhom, u qed tikkawża sentimenti ta’ tħassib u ta’ ansjetà serji. It-tfal, l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ ġew affettwati ħafna mit-tfixkil tar-rabtiet familjari u soċjali, u l-kriżi ekonomika kkawżata mil-lockdowns laqtet b’mod partikolari liż-żgħażagħ Ewropej.
Il-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel bejn iż-żgħażagħ Ewropej fis-suq tax-xogħol meta mqabbla mal-bqija tal-popolazzjoni attiva. Filwaqt li r-rati tal-qgħad żdiedu għall-gruppi kollha ta’ età fl-2020, iż-żieda kienet aktar sostanzjali għaż-żgħażagħ. It-tqabbil tar-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-2019 u fl-2020 juri li x-xejra ta’ tnaqqis bejn l-2013 u l-2019 ġiet imreġġa’ lura fl-2020 fil-gruppi kollha ta’ età taż-żgħażagħ.
Is-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi kienu dawk fejn jaħdmu l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ Ewropej (eż. il-bejgħ bl-imnut, l-ospitalità, is-servizzi tal-ikel). In-nisa żgħażagħ b’mod partikolari x’aktarx li jiġu affettwati minħabba li huma impjegati f’dawn is-setturi f’livelli ogħla mill-irġiel żgħażagħ. Dawk f’impjiegi stabbli fejn it-telexogħol huwa possibbli kienu inqas affettwati mill-qgħad minn dawk b’kuntratti ta’ impjieg prekarji, speċjalment f’setturi fejn it-telexogħol ma huwiex possibbli.
Peress li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jużaw il-media soċjali biex jaċċessaw l-informazzjoni (65 %, Ewrobarometru, 2019), il-litteriżmu fil-media kien appoġġat mill-Kummissjoni biex tgħin liż-żgħażagħ jindirizzaw id-diżinformazzjoni inkluż dwar il-COVID-19. Meta ġew ikkonfrontati b’aħbarijiet dwar il-pandemija fl-2020, iż-żgħażagħ Ewropej wieġbu billi afdaw l-aktar is-sorsi xjentifiċi ta’ informazzjoni, segwiti minn paġni web tal-gvernijiet nazzjonali. Iż-żgħażagħ irnexxielhom juru reżiljenza kbira u kienu involuti wkoll fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija. Ħafna kienu involuti fil-volontarjat u fl-appoġġ interġenerazzjonali.
3.Għarfien mis-settur taż-żgħażagħ
L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tax-xogħol taż-żgħażagħ qed jikkontribwixxu għal għadd ta’ politiki Ewropej bħall-edukazzjoni, l-inklużjoni, is-saħħa u l-impjiegi. Huma wkoll sħab ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. L-“Istudju dwar il-pajsaġġ tar-rappreżentanza taż-żgħażagħ fl-UE” li sar fl-2019 irrapporta li s-settur taż-żgħażagħ tal-UE qed jikber b’mod ġenerali, u li l-istrutturi tradizzjonali taż-żgħażagħ bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u n-networks qed ikomplu jkollhom rwol ewlieni. Dawn l-istrutturi qed jużaw dejjem aktar metodi online għas-sensibilizzazzjoni, anke qabel il-COVID-19. L-NGOs spiss jikkombinaw il-media soċjali online ma’ involviment fiżiku “fil-prattika”, bħall-involviment mal-iskejjel, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, u r-reklutaġġ f’laqgħat.
Il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tas-settur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ tal-UE permezz ta’ strumenti dedikati bħaċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-COVID-19 li tnieda fl-2020 bi sħubija mal-Kunsill tal-Ewropa. L-analiżi mwettqa miċ-Ċentru tenfasizza li 70 % tal-organizzazzjonijiet ma setgħux iżommu aktar minn 20 % tal-attivitajiet tagħhom, kważi 60 % minnhom kellhom jirrevedu l-mod kif kienu joperaw u kif għandhom jimxu lejn id-diġitalizzazzjoni u aktar minn 85 % kienu mġiegħla jikkanċellaw avveniment wieħed jew aktar minħabba l-pandemija. L-effetti fuq ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ, inkluż il-limitazzjonijiet severi fuq l-involviment fiżiku, għad iridu jiġu vvalutati aktar.
L-“Istudju dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE” li sar fl-2021 iffoka fuq il-ħtiġijiet tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-livell l-aktar bażiku u l-politiki pubbliċi eżistenti fl-isfond tal-pandemija. Dan jindika li s-sitwazzjoni attwali żiedet il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi biex jiġu kkumpensati l-kostijiet addizzjonali jew biex jiġu kkumpensati n-nuqqasijiet fil-baġit u l-ħtieġa ta’ aċċess akbar għall-infrastruttura u l-materjal diġitali. It-tisħiħ tal-użu tal-potenzjal tal-għodod diġitali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ ikun strumentali biex jitrawwem l-għarfien taż-żgħażagħ dwar it-teknoloġiji diġitali u s-sensibilizzazzjoni tar-riskji potenzjali assoċjati.
4.Il-progress lejn l-objettivi ġenerali
L-approċċ tal-Kummissjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ jirrifletti l-aspirazzjonijiet dejjem akbar taż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom u jikkontribwixxu biex is-soċjetajiet tagħna jsiru aktar inklużivi, reżiljenti, ekoloġiċi u diġitali. Iż-żgħażagħ jagħmlu ħilithom biex jikkollegaw, jiskambjaw u jikkooperaw madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. L-iżgurar li ż-żgħażagħ u s-settur taż-żgħażagħ kien fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija.
Is-snin 2020 u 2021 ma kinux tipiċi f’termini ta’ skambji internazzjonali taż-żgħażagħ u attivitajiet ta’ volontarjat transfruntiera, bil-pandemija li affettwat b’mod sever l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ. Għalhekk, l-indirizzar tal-impatt tal-pandemija fuq it-tfal u ż-żgħażagħ kien għoli fl-aġenda tal-Kummissjoni sa mit-tifqigħa. Matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni aġġustat strumenti bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, biex twieġeb għal dan it-tfixkil billi toffri soluzzjonijiet alternattivi, speċjalment dawk diġitali, għall-attivitajiet tagħhom.
Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ kienet affettwata ħafna mill-pandemija fis-snin 2020 u2021. Xi azzjonijiet ippjanati fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2021 kellhom jiġu mmodifikati, skedati mill-ġdid jew saħansitra kkanċellati. Il-proġetti ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ ġew imfixkla b’mod sever mill-pandemija.
Iż-żieda fl-aċċess ugwali għall-opportunitajiet għaż-żgħażagħ – l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment, il-prospetti ta’ impjieg
L-UE żviluppat ħafna attivitajiet għaż-żgħażagħ u magħhom f’dawn l-aħħar tliet snin, permezz ta’ programmi finanzjarji b’appoġġ għall-prijoritajiet ta’ politika u bl-objettiv ġenerali li jiżdied l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. “Noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ” kienet ukoll it-tema komuni tat-Triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill tal-UE tar-Rumanija-Finlandja-Kroazja minn Jannar 2019 sa Ġunju 2020.
L-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jappoġġaw il-mobbiltà għall-apprendiment, il-volontarjat u l-involviment demokratiku, b’opportunitajiet imprezzabbli għaż-żgħażagħ biex iwessgħu l-perspettivi tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda u jsaħħu s-sens ta’ appartenenza tagħhom fl-UE. B’baġit miżjud meta mqabbel mal-perjodu tal-2014-2020 u l-inklużjoni ta’ azzjonijiet dedikati ġodda, il-programmi l-ġodda għall-2021-2027 huma għodod b’saħħithom biex jiġu indirizzati ħafna sfidi li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-programm preċedenti, Erasmus+ 2021-2027 sar aktar inklużiv u aċċessibbli, filwaqt li kompla jappoġġa l-apprendiment tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ innovattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Fid-dawl tal-pandemija, huwa essenzjali iktar minn qatt qabel li jitnaqqsu l-ostakli strutturali għall-apprendiment u l-iżvilupp tal-ħiliet li jaffettwaw il-prospetti ta’ impjieg u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 tfittex li tkompli tarrikkixxi l-kwalità u l-inklużività tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ u li tneħħi l-ostakli għall-apprendiment transfruntier. Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tiffoka fuq it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tar-riċerkaturi biex jiġu żgurati l-impjegabbiltà u l-effettività. Is-sinerġiji huma promossi bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, filwaqt li jibnu fuq l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej appoġġata minn Erasmus+, ikkumplimentata minn Orizzont 2020/Ewropa. Il-Kummissjoni qed toħloq ukoll flimkien mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri Strateġija Ewropea għall-Universitajiet, li se tiffoka, fost l-oħrajn, fuq l-appoġġ tat-talenti taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni qed tħejji Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew dwar il-mikrokredenzjali, biex iżżid l-użu u r-rikonoxximent ta’ korsijiet qosra ta’ apprendiment minn fornituri ta’ apprendiment formali u mhux formali.
L-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid tappoġġa l-użu tat-teknoloġiji diġitali meħtieġa għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-armar taċ-ċittadini kollha b’kompetenzi diġitali. F’Awwissu 2021, il-Kummissjoni pproponiet Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment imħallat biex tipprovdi appoġġ aħjar lill-iskejjel u lill-istudenti affettwati mill-bidla diġitali tal-pandemija fost l-oħrajn permezz ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment addizzjonali u appoġġ immirat għall-istudenti li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-apprendiment.
Illustrazzjoni: Il-Kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni
Il-kontribut għat-titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-appoġġ għall-mira taż-żgħażagħ Impjieg ta’ Kwalità għal Kulħadd kien prijorità b’saħħitha. Il-
konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żgħażagħ u l-futur tax-xogħol
identifikaw miżuri ta’ rimedju għall-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ bħas-sigurtà soċjali reattiva, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tal-apprendiment tul il-ħajja, l-iżgurar ta’ tranżizzjoni bla xkiel mill-iskola għax-xogħol u minn xogħol għal ieħor, kif ukoll aċċess ugwali għal impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ kollha.
L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa qed tagħti spinta lit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, f’konformità mal-ħtiġijiet tal-irkupru. Sabiex tibni lura aħjar mir-reċessjoni ekonomika l-ġdida mqanqla mill-pandemija, b’impatt kbir fuq iż-żgħażagħ, il-Kummissjoni adottat il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2020. L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ – Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni Li Jmiss huwa mibni madwar erba’ linji: Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa , approċċ li jkun reżistenti għall-futur għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, Alleanza Ewropea mġedda għall-Apprendistati u elementi addizzjonali li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa tisħaq li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha li huma iżgħar minn 30 sena jirċievu offerta ta’ kwalità tajba jew ta’ impjieg, jew ta’ edukazzjoni kontinwata, ta’ apprendistat jew ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jkunu waqfu mill-edukazzjoni.
Il-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid se jibqa’ importanti wkoll għall-investiment fin-nies, inklużi investimenti b’appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-fond se jappoġġa miżuri ta’ inklużjoni fl-edukazzjoni u dik soċjali għaż-żgħażagħ b’enfasi fuq dawk f’sitwazzjoni vulnerabbli jew f’sitwazzjoni żvantaġġata.
Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar il-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jtejbu l-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari l-kontenut tal-apprendiment u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ix-xogħol.
Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ewlenin tal-UE matul l-ewwel fażi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, strutturata skont it-tliet pilastri, issegwi hawn taħt.
Impenn
It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ
It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ u l-għoti ta’ spazji dedikati għaż-żgħażagħ fl-oqsma kollha tas-soċjetà huma kruċjali wkoll biex tinżamm soċjetà ċivili vibranti fl-Ewropa. It-Triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill tal-UE, il-Ġermanja - il-Portugall – is-Slovenja (Lulju 2020 - Diċembru 2021) għażlu “L-Ewropa għaż-Żgħażagħ - Żgħażagħ għall-Ewropa: Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd” bħala tema komuni b’rabta mal-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ 9 “Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd”. Dan huwa wkoll is-suġġett tat-tmien Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill
dwar it-trawwim tal-għarfien demokratiku u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa
jirriflettu l-ideat u l-opinjonijiet miġbura fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Ottubru 2020. Fl-avveniment, żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha ddiskutew suġġetti mal-mexxejja politiċi u żviluppaw domandi konkreti dwar kif jista’ jiġi implimentat l-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ #9 “Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd”.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-governanza f’diversi livelli
jippromwovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċessi politiċi u fi proċessi oħrajn ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jistiednu lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-informazzjoni orjentata lejn iż-żgħażagħ, il-feedback, l-apprendiment mhux formali u informali u l-ħidma taż-żgħażagħ. Il-konklużjonijiet jistiednu wkoll lill-Kummissjoni biex torganizza attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari (f’Ġunju 2021 saret attività dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-politiki taż-żgħażagħ) u biex tibni l-għarfien u l-kapaċità dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’diversi livelli.
Fuq inizjattiva tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2019 stabbiliet linji gwida ġodda dwar il-governanza tad-djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ
. Ġiet żviluppata metodoloġija għall-gruppi ta’ ħidma biex ifasslu d-djalogi lokali, nazzjonali u Ewropej tagħhom. L-involviment tar-riċerkaturi fiċ-ċiklu (l-appoġġ għat-tħejjija tas-sett ta’ għodod ta’ konsultazzjoni jew l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet taż-żgħażagħ) kien ta’ vantaġġ kbir għat-titjib tal-kwalità ta’ dawn il-proċessi, u jista’ jkun kruċjali għat-titjib tas-sensibilizzazzjoni fil-kuntest ta’ wara l-COVID-19.
Aktar minn 56 000 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar l-Ewropa kollha ħadu sehem fis-seba’ Ċiklu tad-Djalogu maż-Żgħażagħ li jiffoka fuq is-suġġett “Noħolqu Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ” li kien mibni fuq il-kisbiet tad-djalogu preċedenti, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-
Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ
.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-eżiti tas-7 Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ
adottata f’Mejju 2020 tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet ewlenin ta’ dan iċ-ċiklu.
Il-verżjoni mġedda tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni mnedija fl-2020 tinkludi taqsima dedikata dwar il-proċess ta’ djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Il-Portal jintuża għall-pubblikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet online, bħall-istħarriġ tat-tmien ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Dan l-istħarriġ li tnieda fir-rebbiegħa tal-2021 għandu l-għan li jifhem il-fehmiet taż-żgħażagħ dwar is-suġġett ta’ “Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd”. Aktar minn żewġ terzi tat-8 500 rispondent ħassew li ma għandhom l-ebda influwenza jew ftit li xejn għandhom influwenza fuq il-politika pubblika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, u esprimew il-ħtieġa ta’ aktar spazji għall-parteċipazzjoni u għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza. Fl-aħħar kwart tal-2021 se jitnieda wkoll Ewrobarometru Flash biex tiġi studjata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u ċivika u biex jinġabru l-ideat tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa.
L-UE tippromwovi b’mod attiv il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika globalment, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tad-djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Pereżempju, l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ huwa inizjattiva intergovernattiva konġunta tas-sitt pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent li għandha l-għan li tippromwovi l-ispirtu ta’ rikonċiljazzjoni u fehim bejn iż-żgħażagħ fir-reġjun permezz ta’ skambji u kooperazzjoni intrareġjonali taż-żgħażagħ. Fl-2021, il-Kummissjoni nediet ukoll sejħa biex tistabbilixxi Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għas-sħubijiet Internazzjonali biex jinħoloq spazju għall-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ fil-politika ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-UE. Il-25 membru tal-bord magħżula se jikkontribwixxu biex jagħmlu l-azzjoni tal-UE aktar parteċipattiva, rilevanti u effettiva għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi sħab tal-UE.
L-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika ġusta
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tappoġġa s-sejħa tiegħu għal tranżizzjoni inklużiva u ġusta, inklużi oqsma identifikati miż-żgħażagħ Ewropej bħala dawk li huma l-aktar importanti għalihom: il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Mill-2019, il-parteċipazzjoni ċivika u l-involviment taż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tal-moviment globali tal-klima, juru l-importanza li ż-żgħażagħ jassenjaw lill-indirizzar tat-tibdil fil-klima u biex jiksbu l-ġustizzja klimatika.
Id-dimensjoni ekoloġika ġiet integrata wkoll bħala prijorità ġenerali fil-programmi l-ġodda tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u b’reazzjoni għat-tħassib dejjem jikber taċ-ċittadini żgħażagħ dwar l-istat tal-klima u l-ambjent li qed jiddeterjora, il-Kummissjoni qiegħda timplimenta u tħejji għadd ta’ inizjattivi. Il-Patt Klimatiku Ewropew tnieda fl-2020 biex jgħaqqad lin-nies mill-oqsma kollha tal-ħajja, inklużi ż-żgħażagħ, biex itejbu l-fehim tagħhom tal-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika, biex jistieden lill-Ewropej kollha jipparteċipaw u jibbenefikaw, biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet kbar u żgħar u biex tiġi skattata l-bidla pożittiva u biex din tiżdied. Wara l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, il-Kummissjoni qed tħejji Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, l-ewwel pass biex il-pajjiżi tal-UE jiġu megħjuna jikkooperaw fuq dan is-suġġett. Se tiġi implimentata kampanja dedikata għall-involviment taż-żgħażagħ dwar in-natura u l-bijodiversità fit-tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità. Il-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima, inizjattiva minn isfel għal fuq għal soċjetà newtrali għall-klima mmexxija minn studenti żgħar u akbar fl-età mal-iskejjel, l-universitajiet u l-komunità tagħhom tinkludi wegħdiet għal azzjoni konkreta.
Konnessjoni
L-attivitajiet ta’ mobbiltà affettwati ħafna mill-pandemija
It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq ħafna esperjenzi ta’ mobbiltà fl-apprendiment tal-Erasmus+. Kwart tal-istudenti li dak iż-żmien kienu barra kellhom jikkanċellaw l-esperjenza tagħhom barra u jirritornaw lejn pajjiżhom. L-għadd ta’ studenti li bdew mobbiltà barra mill-pajjiż fl-2020 kien nofs l-għadd ta’ studenti li bdew waħda fl-2019.
Matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni appoġġat lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi li jipparteċipaw fil-programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, filwaqt li indirizzat l-effetti negattivi tal-pandemija bħal restrizzjonijiet serji għall-mobbiltà fiżika. Il-Kummissjoni stabbiliet miżuri ta’ mitigazzjoni, bħall-possibbiltà li l-attivitajiet fiżiċi ppjanati jiġu sostitwiti b’oħrajn virtwali, li jippermettu attivitajiet imħallta jew il-possibbiltà li l-proġetti jiġu posposti, bis-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti bħala l-objettivi ewlenin.
Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjonijiet immirati biex tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw l-appoġġ għall-apprendiment mill-bogħod, b’mod partikolari soluzzjonijiet diġitali. F’Awwissu 2020 tnedew żewġ sejħiet straordinarji tal-Erasmus+ biex jappoġġaw “it-tħejjija għall-edukazzjoni diġitali” u “l-kreattività”, inkluż għas-settur taż-żgħażagħ, li kull waħda minnhom tipprovdi EUR 100 miljun biex jiġu indirizzati l-isfidi edukattivi tal-COVID-19 permezz ta’ proġetti kollaborattivi.
Opportunitajiet ta’ mobbiltà fil-programmi tal-2021-2027
Il-programmi Erasmus+ tal-2021-2027, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u Orizzont Ewropa joffru bosta opportunitajiet għaż-żgħażagħ u għar-riċerkaturi żgħażagħ biex jiltaqgħu u jesperjenzaw skambji, kooperazzjoni, azzjoni kulturali u ċivika f’kuntest Ewropew.
Permezz ta’ baġit kważi rduppjat, il-programm il-ġdid tal-Erasmus+ joffri opportunitajiet imsaħħa u ġodda għall-mobbiltà u l-kooperazzjoni tal-apprendiment transnazzjonali għas-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jintroduċu opportunitajiet ta’ mobbiltà wkoll għall-istudenti tal-iskejjel. DiscoverEU, inizjattiva pilota ta’ suċċess riċenti li tagħti lil dawk li għandhom 18-il sena l-opportunità li jiskopru l-Ewropa permezz ta’ esperjenza ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, ġiet integrata fil-programm Erasmus+. L-azzjoni mhux biss toffri lill-persuni ta’ 18-il sena karta ta’ imbarkazzjoni iżda tħeġġeġ ukoll il-konnessjoni u d-djalogu kulturali fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. Erasmus+ issa jinkludi attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ li jipprovdu aktar possibbiltajiet għaż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali biex jieħdu rwol attiv fil-proċessi ċiviċi u demokratiċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà l-ġdid se jippermetti liż-żgħażagħ jgħinu biex jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà permezz tal-volontarjat jew billi jistabbilixxu l-proġetti ta’ solidarjetà tagħhom stess, inkluż il-volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja madwar id-dinja mill-2022.
Il-Kummissjoni qed tħejji rieżami tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2008 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-UE biex tkompli tappoġġa l-opportunitajiet għall-mobbiltà u l-volontarjat. Dan ir-rieżami huwa rilevanti u f’waqtu fil-kuntest tal-pandemija u l-prijoritajiet emerġenti tagħha (is-saħħa u s-sikurezza tal-voluntiera, is-solidarjetà interġenerazzjonali), u jesplora forom ġodda ta’ volontarjat inkluż il-volontarjat diġitali jew imħallat. It-tneħħija tal-ostakli għall-mobbiltà transfruntiera, inklużi dawk ta’ natura legali jew amministrattiva, ġiet identifikata bħala qasam ewlieni ta’ kooperazzjoni għall-Istati Membri taħt “Konnessjoni”. Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kienet ibbażata fuq l-eżiti ta’ grupp ta’ esperti, studju dedikat, evalwazzjoni u konsultazzjoni pubblika organizzata matul is-snin 2019-2021.
Għoti tas-setgħa
Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u tal-irkupru
Bosta azzjonijiet tal-UE jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ approċċ inklużiv b’miżuri speċifiċi għal tfal u żgħażagħ żvantaġġati bħall-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, l-inizjattiva Garanzija għat-Tfal, Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, jew b’miżuri relatati mal-inklużjoni ta’ migranti żgħażagħ u refuġjati. Il-Kummissjoni qed tħejji Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Mogħdijiet għas-suċċess fl-iskejjel, immirata lejn studenti żvantaġġati.
L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, adottata f’Marzu 2021, tirrikonoxxi l-impatt li għandha l-pandemija tal-COVID-19 fuq it-tfal u tinkludi azzjonijiet immirati biex trawwem il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-ħajja politika u demokratika tal-UE hija wkoll waħda mis-sitt prijoritajiet tematiċi ta’ din l-istrateġija, li jirriżultaw mill-fehmiet ta’ aktar minn 10 000 tifel u tifla ta’ età ta’ bejn 11 u 18-il sena.
L-Appoġġ għall-Opportunitajiet tal-Għan dwar iż-Żgħażagħ għaż-Żgħażagħ Rurali, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti, adottati matul il-Presidenza Kroata tal-Kunsill , iħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-użu tal-opportunitajiet ipprovduti minn programmi u politiki relatati maż-żgħażagħ biex tittejjeb l-impjegabbiltà, il-mobbiltà u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Dawn jippromwovu approċċi mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn iż-żoni urbani u remoti/rurali.
Iż-żewġ Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+) ippermettew lill-Istati Membri jimmobilizzaw u jidderieġu r-riżorsi disponibbli taħt il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 inkluż l-impatt tagħha fuq iż-żgħażagħ. Dan l-appoġġ tal-UE ġie ssupplimentat mill-pakkett REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa) ta’ EUR 50,6 biljun, li jkompli u jestendi l-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tiswija u jipprovdi pont għall-irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti fit-tul tal-ekonomija. L-Istati Membri se jużaw dawn ir-riżorsi addizzjonali biex jgħinu liż-żgħażagħ f’termini ta’ aċċess għall-impjiegi, għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u għas-servizzi soċjali.
Ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ għal kulħadd
L-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ tat sinjal ċar dwar il-ħtieġa li jsir investiment u li tiġi rikonoxxuta u fformulata l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill iffokat fuq l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ħidma taż-żgħażagħ b’żewġ settijiet ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill. Il-
konklużjonijiet dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ
jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki, jippromwovu u jagħmlu użu mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, mill-attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari u mir-riċerka, u biex itejbu l-kompetenzi diġitali permezz ta’ apprendiment u taħriġ mhux formali. Fil-
konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna jwettqu aktar riċerka, biex irawmu r-rikonoxximent tal-apprendiment mhux formali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u jesploraw għażliet biex ikomplu jiżviluppaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.
L-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ kienet prijorità ewlenija għall-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill, li wasslet għall-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill segwita mit-tielet Konvenzjoni dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ f’Bonn. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill titlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jintegraw il-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-politiki eżistenti u futuri dwar iż-żgħażagħ, jirrikonoxxu r-rwol u l-ħtiġijiet tal-komunità ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u joħolqu taħriġ, għodod, applikazzjonijiet u mekkaniżmi bl-appoġġ tal-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Sabiex tissaħħaħ u tiġi żviluppata ulterjorment il-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, il-Proċess ta’ Bonn għandu l-għan li jallinja l-impenn ta’ partijiet ikkonċernati differenti fil-komunità ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ.
Il-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkomplu jappoġġaw il-ħidma fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari permezz ta’ Attivitajiet ta’ Kooperazzjoni Transnazzjonali u Attivitajiet ta’ Networking fost l-Aġenziji Nazzjonali, li jikkontribwixxu għall-impatt strateġiku tal-programm u jappoġġaw l-iżvilupp tal-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali u Ewropew.
Il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu u attiv
Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fit-titjib tal-litteriżmu fis-saħħa u fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu u attiv, f’età żgħira, biex jgħinu fit-tnaqqis ta’ mard li ma jitteħidx (bħall-mard kardjovaskulari, il-kanċer, id-dijabete u l-obeżità) fi stadju aktar tard fil-ħajja. Fost l-azzjonijiet tal-UE speċifikament iddedikati għas-saħħa taż-żgħażagħ u tat-tfal, hemm il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u l-Azzjoni Konġunta dwar l-Ekwità tas-Saħħa tal-Ewropa li tingħaqad mal-isforzi tal-Istati Membri li jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa u d-determinanti soċjali. Il-kampanja ta’ inizjattiva “HealthyLifestyle4All imnedija fl-2021 tgħaqqad l-isport u l-istil ta’ ħajja attiv ma’ politiki dwar is-saħħa, l-ikel u politiki oħra. Ċentrali għall-inizjattiva hemm pjattaforma dedikata biex jintwerew l-impenji (wegħdiet) minn partijiet ikkonċernati differenti.
L-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa Mentali (ImpleMENTAL) se timplimenta programm nazzjonali ta’ prevenzjoni tas-suwiċidju fuq diversi livelli u riforma tas-sistema biex jissaħħu s-servizzi bbażati fil-komunità b’enfasi speċifika fuq is-servizzi għat-tfal u ż-żgħażagħ. Biex tappoġġa l-isforzi tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni stabbiliet grupp dwar “l-appoġġ għas-saħħa mentali tal-COVID19” fi ħdan il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE
tagħha, u f’Mejju 2021 ospitat konferenza ta’ livell għoli
dwar l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali.
5.Strumenti ewlenin biex jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-apprendiment reċiproku
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ ippermettiet l-iżvilupp ta’ għodod rilevanti li jippermettu kooperazzjoni msaħħa u skambju ta’ fehmiet bejn l-Istati Membri.
L-appoġġ għat-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza
L-għodod Ewropej għal għarfien aħjar saru kruċjali biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ. Is-Sħubija għaż-Żgħażagħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa , minbarra r-riċerka dwar il-parteċipazzjoni, l-inklużjoni u l-ħidma fost iż-żgħażagħ, żviluppat ukoll ħidma dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u s-settur taż-żgħażagħ billi stabbiliet iċ-
Ċentru ta’ Għarfien
.
Il-pjattaforma online
Wiki taż-Żgħażagħ
tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-politiki nazzjonali dwar iż-żgħażagħ fi 32 pajjiż Ewropew, u tinkludi kapitolu dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll mapep komparattivi.
Id-dashboard tal-indikaturi tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ ġie rieżaminat għall-perjodu 2019-2021 minn grupp ta’ esperti ddedikat li pprovda wkoll proposti għal indikaturi ta’ politika kwantitattivi u kwalitattivi ġodda. Id-dashboard issa jenħtieġ li jkun magħmul operattiv, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat aħjar l-infiq tal-UE fuq iż-żgħażagħ.
Attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku
L-Istati Membri esprimew interess qawwi għal attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku, kif muri mill-għadd kbir ta’ parteċipanti matul il-perjodu ta’ rapportar. Din iż-żieda fl-interess enfasizzat il-vantaġġi fl-iskambju ta’ prattiki tajbin u fl-ilħuq ta’ fehim komuni. Il-gruppi ta’ esperti u l-attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari ppermettew kunsens dwar is-soluzzjonijiet u l-implimentazzjoni prattika tagħhom. Dawn saħħew il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u indirizzaw suġġetti ta’ interess komuni.
L-iskambji fil-grupp ta’ esperti dwar il-mobbiltà tal-voluntiera żgħażagħ ħejjew il-proposta għal reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-mobbiltà tal-voluntiera. Il-grupp ta’ esperti dwar l-indikaturi ħareġ bi proposti għar-reviżjoni tad-dashboard sabiex is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tinftiehem aħjar. Grupp ta’ esperti dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ se jibda fl-aħħar kwart tal-2021 bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ.
Għall-ewwel darba, f’nofs l-2021, ġew organizzati attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari fil-qasam tal-politiki dwar iż-żgħażagħ. Attività ta’ apprendiment bejn il-pari dwar kwalifiki mhux vokazzjonali għall-ħidma fost iż-żgħażagħ fuq l-inizjattiva ta’ Franza f’Ġunju 2021 iffokat fuq ir-rikonoxximent tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bil-għan li jiġu ffaċilitati l-iskambji u l-mobbiltà transfruntiera. L-Istati Membri qablu dwar il-ħtieġa li jkomplu jappoġġaw l-iskambji ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ kif ukoll l-approċċi ta’ edukazzjoni formali u mhux formali għall-għoti u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux vokazzjonali għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.
F’Ġunju 2021 kien hemm ukoll attività ta’ apprendiment bejn il-pari dwar l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-politika dwar iż-żgħażagħ fuq l-inizjattiva tal-presidenza Portugiża. Id-diskussjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa li d-dimensjoni taż-żgħażagħ tiġi integrata f’politiki differenti, li jiżdied l-użu tat-teknoloġiji diġitali, jiġi promoss l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u biex jiġu involuti ż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħrajn. Attività ta’ apprendiment bejn il-pari dwar il-mobbiltà tal-volontarjat hija prevista li sseħħ sal-aħħar tal-2021 fuq inizjattiva tal-Estonja, biex tiġi diskussa l-ħidma dwar ir-rieżami tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-mobbiltà tal-volontarjat u l-istabbiliment ta’ skemi ċiviċi nazzjonali.
Pjanifikaturi Futuri tal-Attività Nazzjonali (FNAPs)
Il-Pjanifikaturi Futuri tal-Attività Nazzjonali (FNAPs)introdotti fl-2019, jippermettu lill-Istati Membri jaqsmu l-prijoritajiet tagħhom f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ fuq bażi volontarja. Bħala parti mill-FNAPs, il-Kummissjoni stħarrġet lill-Istati Membri fl-2019 u fl-2021 biex tiġbor informazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-politika tagħhom dwar iż-żgħażagħ rigward l-implimentazzjoni tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ u l-ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. 21 Stat Membru qasmu l-pjanijiet tagħhom fl-2019 u 18-il Stat Membru offrew aġġornamenti tal-FNAPs fl-2021.
Dan ikkontribwixxa għal żieda fit-trasparenza dwar il-prijoritajiet nazzjonali taż-żgħażagħ u l-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet komuni. Huwa rrakkomandat li dan l-istħarriġ jenħtieġ li jsir mill-inqas darba f’kull Ċiklu tat-triju ta’ Presidenzi b’għażliet għall-pajjiżi biex jaġġornaw l-FNAPs tagħhom meta tinqala’ l-ħtieġa.
Fl-2019, it-tliet sfidi komuni ewlenin għall-politika dwar iż-żgħażagħ elenkati mill-pajjiżi li wieġbu fil-FNAPS kienu 1) il-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, 2) l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u żvilupp professjonali, u 3) l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u litteriżmu fil-media.
Fl-2021, it-tweġibiet kienu jiffokaw b’mod qawwi fuq l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ. Żewġ terzi jidentifikaw is-saħħa mentali taż-żgħażagħ bħala l-isfida ewlenija. L-ostakli fir-rigward tal-iżvilupp professjonali u l-qgħad taż-żgħażagħ għadhom f’pożizzjoni għolja. L-Istati Membri jesprimu wkoll il-ħtieġa li ssir aktar enfasi fuq l-impjegabbiltà u l-akkwist tal-ħiliet, speċjalment għal dawk b’inqas opportunitajiet jew li jgħixu f’żoni soċjalment esklużi.
·Impenn
L-appoġġ għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ biex jiġu inklużi vuċijiet diversi taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, segwit mill-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva fis-soċjetà u fil-proċessi demokratiċi, u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet għal “apprendiment għall-parteċipazzjoni” huma prijoritajiet għall-kooperazzjoni Ewropea fil-FNAPS 2021 (bħal fl-2019).
L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali taħt il-programm Erasmus+ ġew identifikati mill-Istati Membri bħala l-għodda ta’ kooperazzjoni ppreferuta tagħhom għal dan il-qasam, segwiti minn gruppi ta’ esperti u apprendiment bejn il-pari. Il-kollaborazzjoni bejn it-triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar it-8 ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ hija murija fil-FNAPs bħala eżempju ta’ prattika tajba.
·Konnessjoni
F’dan il-qasam, żewġ suġġetti ewlenin ta’ kooperazzjoni għall-futur huma identifikati mill-Istati Membri fil-FNAPs tagħhom: 1) l-għoti ta’ aċċess għaż-żgħażagħ u għall-persuni kollha li jaħdmu maż-żgħażagħ għall-mobbiltà transfruntiera u għall-opportunitajiet ta’ volontarjat b’attenzjoni speċjali għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet u 2) il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u aktar ħidma fuq sistemi effettivi għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali.
Fl-2021, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali taħt il-programm Erasmus+ issemmew bħala l-aktar għodda preferibbli għall-kooperazzjoni b’60 % tal-Istati Membri li wieġbu.
·Għoti tas-setgħa
Żewġ terzi tat-tweġibiet mill-eżerċizzju tal-FNAPs tal-2021 ikkonfermaw ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ bħala l-aktar suġġett rilevanti għall-kooperazzjoni, segwita mill-ħtieġa li tiġi implimentata l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ. F’dan il-qasam ewlieni, tingħata prijorità lill-użu tal-apprendiment bejn il-pari ffukat fuq l-iżvilupp tal-politika, magħżul minn aktar minn nofs ir-rispondenti.
Djalogu mal-partijiet ikkonċernati
Il-Pjattaforma tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tnediet fl-2019 biex tiffaċilita l-governanza parteċipattiva u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, kemm f’kuntesti reali kif ukoll f’dawk virtwali. Dan jiġbor flimkien rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-Istati Membri, tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Il-Pjattaforma tibni l-bażi għal djalogu ċiviku regolari, tagħti lill-partijiet ikkonċernati rwol akbar fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u toffri opportunitajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet u r-riżultati. Il-Kummissjoni mmobilizzat din il-pjattaforma matul il-pandemija biex tippermetti l-iskambju bejn il-partijiet ikkonċernati dwar l-informazzjoni u l-evidenza fuq l-impatt tal-pandemija fuq is-settur taż-żgħażagħ.
L-ewwel Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ ġie nnominat f’Ġunju 2021. Ir-rwol huwa li jintlaħqu ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u li jinstema’ t-tħassib tagħhom. L-għan huwa wkoll li jgħin biex tiżdied il-kooperazzjoni interna bejn oqsma ta’ politika differenti tal-UE li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ, u li jsir sforz biex il-perspettiva taż-żgħażagħ titqies fil-politiki rilevanti tal-UE.
Monitoraġġ tal-finanzjament fuq iż-żgħażagħ: programmi u fondi tal-UE
Il-monitoraġġ tal-infiq tal-UE fuq iż-żgħażagħ huwa parti mit-trasparenza dwar l-approċċ ta’ azzjoni tal-UE appoġġat mill-Istrateġija. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ jirrapporta dwar l-attivitajiet tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-passat fl-2019-2020, iżda jippreżenta wkoll l-opportunitajiet għall-finanzjament fuq iż-żgħażagħ skont il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid tal-2021-2027 flimkien mal-istrument ta’ rkupru temporanju, NextGenerationEU. L-opportunitajiet għall-finanzjament taħt dan il-qafas jinkludu l-programm il-ġdid Erasmus+ b’baġit doppju biex joffri saħansitra aktar opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qasam taż-żgħażagħ, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u Orizzont Ewropa.
Komunikazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ
Fl-2019, ġie żviluppat materjal ta’ komunikazzjoni f’diversi lingwi sabiex jikkomunika dwar l-Istrateġija, b’mod partikolari fuq l-internet u permezz tal-media soċjali.
Il-
Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
, li huwa l-portal multilingwi ta’ referenza ta’ punt uniku ta’ servizz għaż-żgħażagħ fl-Ewropa, issa joffri firxa wiesgħa ta’ informazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Bl-għajnuna tan-network tal-Eurodesk u tal-Eurodesk Brussels Link, il-Portal jipprovdi fost l-oħrajn liż-żgħażagħ informazzjoni dwar opportunitajiet għal proġetti ta’ mobbiltà u skambju u dwar attivitajiet ta’ parteċipazzjoni demokratika f’oqsma ta’ politika bħall-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem jew il-bini tal-paċi.
6.Il-konklużjonijiet u l-prospetti futuri għall-kooperazzjoni tal-UE dwar iż-żgħażagħ
Meta wieħed iħares lura lejn l-ewwel tliet snin ta’ implimentazzjoni u minkejja l-impatt ta’ tfixkil tal-pandemija tal-COVID-19, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tal-2021-2027 uriet li tipprovdi pjan direzzjonali b’saħħtu u li jħalli impatt biex trawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u tappoġġa l-politiki taż-żgħażagħ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Is-settur taż-żgħażagħ jista’ jibbaża fuq l-istrumenti żviluppati matul l-aħħar snin, kif ukoll fuq programmi Ewropej ewlenin taż-żgħażagħ, għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.
Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ irnexxielu jgħaqqad flimkien liż-żgħażagħ u lil dawk li jfasslu l-politika biex jiddiskutu ideat u jikkontribwixxu għall-politika taż-żgħażagħ u biex jagħti spinta lill-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess demokratiku billi jiżgura li l-vuċijiet tagħhom jgħoddu. Kien hemm sforzi biex jintlaħqu aktar żgħażagħ, b’mod partikolari minn sfondi u minn profili varji. Madankollu, il-ħidma biex jintlaħqu ż-żgħażagħ minn sfondi differenti, lil hinn mir-rappreżentanza tradizzjonali, tista’ tittejjeb aktar. L-istrateġija tal-inklużjoni u d-diversità tal-programmi l-ġodda tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se tipprovdi qafas solidu biex jiżdiedu l-azzjonijiet lejn dan l-objettiv u biex jiġu mħeġġa forom ġodda ta’ parteċipazzjoni, imfassla biex jagħtu spinta lill-involviment taż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus jiffoka b’mod speċjali fuq l-appoġġ taż-żgħażagħ NEET u ta’ żgħażagħ oħra żvantaġġati jew vulnerabbli.
L-UE tidher ukoll li hija sors ta’ ispirazzjoni għal reġjuni oħrajn fid-dinja fir-rigward tal-iżvilupp ta’ politiki, programmi u inizjattivi għaż-żgħażagħ. Il-proċessi ispirati mid-djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ ġew stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea, biex jinvolvu liż-żgħażagħ, bħal fi ħdan is-Sħab tal-Lvant.
L-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u għas-settur taż-żgħażagħ offruti mill-programmi taż-żgħażagħ tal-UE baqgħu popolari u attraenti, anke matul il-pandemija. L-approċċ ta’ kokreazzjoni implimentat mill-Kummissjoni biex jinbnew il-programmi l-ġodda fil-qasam taż-żgħażagħ ippermetta l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ flessibbiltà matul il-pandemija biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur taż-żgħażagħ. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni rapida biex tappoġġa lis-settur fl-adattament għal sfidi ġodda bħal mobbiltà fiżika mnaqqsa, u formati diġitali u ibridi.
Madankollu, il-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza li ssir riflessjoni dwar ir-rwol tad-demokrazija fis-soċjetà u enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni ċivika, tal-litteriżmu fil-media, tas-sensibilizzazzjoni dwar id-diżinformazzjoni u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġu promossi l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment taż-żgħażagħ. Il-bidla enormi lejn l-edukazzjoni online u l-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ enfasizzat il-ħtieġa ta’ riformi aktar rapidi, il-bini tal-kapaċitajiet, it-taħriġ tal-għalliema u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-iżvilupp tal-ħiliet, pedagoġiji ġodda, u ż-żieda fit-tlestija diġitali, iżda wkoll l-importanza fundamentali tal-attivitajiet wiċċ imb wiċċ għal xi kategoriji ta’ żgħażagħ.
Il-programmi tal-Erasmus+ tal-2021-2027, tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u tal-Fond Soċjali Ewropew Plus huma adatti biex iwieġbu għat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi meħtieġa tal-ekonomija u tas-soċjetà. Il-programmi se jkunu aktar inklużivi u se jħeġġu bidliet pożittivi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport isiru aktar reżiljenti għall-bidliet, f’alinjament mill-qrib mal-prijoritajiet biex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u dawk tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali.
Fir-rigward tal-futur, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tintegra kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ, kif muri min-nomina riċenti tal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ. Il-Koordinatur se jagħmel ħiltu biex it-tħassib taż-żgħażagħ jinstema’ aħjar fit-tfassil tal-politika tal-UE u għal sinerġiji u kondiviżjoni tal-għarfien aħjar bejn l-oqsma ta’ politika differenti fil-livell Ewropew li jaffettwaw liż-żgħażagħ.
Il-Kummissjoni qed iżżid ukoll l-isforzi tagħha biex tinvolvi liż-żgħażagħ f’inizjattivi Ewropej ewlenin. Iż-żgħażagħ għandhom rwol attiv x’jaqdu fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li tindirizza kwistjonijiet rilevanti bħat-tibdil fil-klima, ekonomija aktar b’saħħitha inkluż il-futur tax-xogħol u l-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politiki taż-żgħażagħ u l-importanza dejjem akbar tat-teknoloġiji diġitali. Iż-żgħażagħ huma mistiedna jkollhom rwol attiv fl-inizjattiva l-Bauhaus Ewropea l-ġdida, moviment għall-kodisinn u l-kożvilupp ta’ modi ġodda ta’ għajxien u f’armonija mal-pjaneta.
Minkejja d-diversità tas-sitwazzjonijiet nazzjonali, l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ ippermettiet lill-Istati Membri jidentifikaw sfidi u prijoritajiet komuni, prinċipalment permezz tal-attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku u b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija.
Għall-perjodu li jmiss, l-għodod tal-Istrateġija jistgħu jintużaw biex iż-żgħażagħ jiġu involuti, konnessi u jingħataw is-setgħa aħjar, inkluż it-tisħiħ ulterjuri tal-proċessi parteċipattivi taż-żgħażagħ u l-ilħuq ta’ aktar żgħażagħ lil hinn mir-rappreżentanza tas-soltu, kif ukoll it-tnedija tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u r-rakkomandazzjoni futura tal-Kunsill dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ. L-għodod u l-istrumenti tal-Istrateġija jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu indirizzati sfidi futuri speċifiċi inkluż l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, l-impjiegi u s-saħħa mentali, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ żvantaġġati, u l-ħtieġa akbar għal ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ.
Dawn il-prijoritajiet attwali se jikkontribwixxu għall-Pjan ta’ Ħidma l-ġdid għall-perjodu triennali 2022-2024, li se jiffoka primarjament fuq ir-reżiljenza u l-irkupru taż-żgħażagħ u s-settur taż-żgħażagħ fiż-żmien ta’ wara l-COVID. Il-programmi u l-fondi tal-UE bħall-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Orizzont Ewropa u l-Fond Soċjali Ewropew Plus jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ, peress li dawn ġew imsaħħa u adattati f’konformità mal-iżviluppi riċenti. Barra minn hekk, finanzjament addizzjonali minn NextGenerationEU b’appoġġ qawwi għal ħafna oqsma ta’ politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ (l-edukazzjoni, il-ħiliet, l-impjiegi, il-klima, eċċ.) jista’ jkollu impatt kbir.
L-iżgurar li ż-żgħażagħ Ewropej kollha jkollhom aċċess ugwali għall-opportunitajiet u li jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jgħixu, jaħdmu, jitgħallmu u jirnexxu jibqa’ fil-qalba tal-kooperazzjoni u tal-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2021-2027 hija essenzjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ politika b’saħħtu, li jippermetti l-iskambju tal-għarfien u l-apprendiment reċiproku bejn l-Istati Membri kif ukoll l-indirizzar tal-finanzjament minn Erasmus+ u programmi oħra tal-UE lejn it-tliet pilastri strateġiċi “Impenn. Konnessjoni. Għoti tas-setgħa” se tippermetti lil ħafna żgħażagħ fl-Ewropa jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, iħejju ruħhom għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jsawru futur aktar pożittiv u ġust għalihom.
Fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President von der Leyen ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi li tagħmel l-2022 is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, “Sena ddedikata għall-valorizzazzjoni taż-żgħażagħ li ssagrfikaw tant għall-oħrajn”. Is-Sena se timmira li ssaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni, tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex tonora u tappoġġa liż-żgħażagħ kif ukoll tiddjaloga magħhom f’perspettiva ta’ ħruġ mill-pandemija billi “l-Ewropa għandha bżonn iż-żgħażagħ kollha tagħha”.