Brussell, 4.8.2021

COM(2021) 602 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IR-RABA’ RAPPORT TAĦT IL-MEKKANIŻMU TA’ SOSPENSJONI TAL-VIŻA

{SWD(2021) 206 final}


Werrej

I. Daħla

II. Ir-Repubblika tal-Albanija

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Albanija

III. Il-Bożnija-Ħerzegovina

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Bożnija-Ħerzegovina

IV. Il-Montenegro

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Montenegro

V. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Maċedonja ta’ Fuq

VI. Ir-Repubblika tas-Serbja

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għas-Serbja

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Georgia

VIII. Ir-Repubblika tal-Moldova

1.Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Moldova

IX. L-Ukrajna

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Ukrajna

X. Konklużjonijiet

I. Daħla

Il-liberalizzazzjoni tal-viża kienet għodda b’saħħitha biex jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn il-persuni 1 u biex jiġu appoġġati r-riformi fil-Balkani tal-Punent u fis-Sħubija tal-Lvant fl-oqsma tal-ġustizzja, tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali.

Bħala parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura monitoraġġ xieraq tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża jirrikjedi lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti ta’ eżenzjoni mill-viża mill-pajjiżi, li ċ-ċittadini tagħhom kisbu aċċess mingħajr viża inqas minn seba’ snin ilu, wara t-tlestija b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża 2 .

Fir-rigward tas-sħab mingħajr viża fil-Balkani tal-Punent 3 , li ċ-ċittadini tagħhom kienu eżentati mill-viża għal aktar minn seba’ snin 4 , dan ir-rapport jiffoka fuq is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u ma għadux jipprovdi d-dettalji kollha dwar l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji. L-aspetti relatati mal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom jiġu vvalutati fil-kuntest tal-proċess tat-tkabbir, skont il-Kapitolu 23, il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali, u l-Kapitolu 24, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u huma rrapportati fil-Pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea. Fir-rigward tal-pajjiżi mingħajr viża fis-Sħubija tal-Lvant 5 , li għadhom fl-ewwel seba’ snin tal-eżenzjoni mill-viża, ir-rapport jivvaluta wkoll l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Abbażi ta’ dan, u filwaqt li jitqies l-impatt tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, ir-Raba’ Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża jiffoka fuq azzjonijiet meħuda fl-2020 mill-pajjiżi koperti, b’aġġornamenti għall-2021 meta jkun meħtieġ. Dan jirrapporta wkoll dwar il-kooperazzjoni operazzjonali mal-UE u mal-Istati Membri 6 .

Lil hinn mill-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, ir-rapport jinkludi wkoll ħarsa ġenerali lejn it-tendenzi tal-migrazzjoni 7 , li tirrifletti d-data tal-Eurostat għas-sena statistika kollha 2020, inkluż il-varjazzjoni fir-rigward tal-2019. Il-valutazzjoni tat-tendenzi tqis ukoll l-impatt tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-tendenzi tal-migrazzjoni, li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-qsim irregolari tal-fruntieri, rifjuti ta’ dħul, ritorni effettivi u applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jagħti informazzjoni addizzjonali dwar l-azzjonijiet meħuda mill-pajjiżi sħab f’kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri b’mod bilaterali. Ir-rapport ibbenefika minn kontributi mill-pajjiżi kollha koperti, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mill-Aġenziji rilevanti tal-UE 8 u mill-Istati Membri.

II. Ir-Repubblika tal-Albanija 

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-kooperazzjoni fir-riammissjoni

Fl-2020, ir-Repubblika tal-Albanija kompliet tieħu azzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u f’dak tal-ażil. L-Albanija adottat strateġija għal ġestjoni integrata tal-fruntieri f’Diċembru 2020 u liġi ġdida dwar l-ażil fi Frar 2021, u dan ġab il-leġiżlazzjoni Albaniża eqreb lejn l-acquis tal-UE u l-istandards internazzjonali. Barra minn hekk, l-Albanija fetħet ċentru ta’ akkoljenza temporanju ġdid għall-persuni vulnerabbli.

L-Istati Membri b’mod ġenerali jirrapportaw kooperazzjoni tajba mal-Albanija fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri, kif ukoll f’dak tar-riammissjoni. L-Albanija tgawdi wkoll mill-aktar livell avvanzat ta’ kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). L-ewwel pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) ġie miftiehem mill-Albanija u mill-UE u se jiġi implimentat sal-aħħar tal-2022.

Il-politika tal-Albanija dwar il-viżi ma hijiex kompletament allinjata mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jiżdiedu l-miżuri biex jiġu indirizzati l-migrazzjoni irregolari u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi taċ-ċittadini Albaniżi, anki permezz tal-identifikazzjoni u l-indirizzar tar-raġunijiet sottostanti u permezz tal-organizzazzjoni ta’ aktar kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

L-Albanija qed tieħu azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi mressqa miċ-ċittadini Albaniżi fl-UE. Fir-rigward tal-miżuri preventivi, għaddejja ħidma sabiex jissaħħu l-kontrolli taċ-ċittadini Albaniżi li jaqsmu l-fruntiera tal-Istat, jissaħħu l-kontrolli għall-minorenni li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni (speċjalment mal-Istati Membri affettwati mill-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi miċ-ċittadini Albaniżi).

L-arresti ta’ ċittadini Albaniżi li jippruvaw iwettqu qsim irregolari tal-fruntieri naqas minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u minħabba l-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet Albaniżi, inkluż kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi assoċjati mal-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE.

Il-kontroll fil-fruntieri tjieb ukoll b’żieda fil-pattulji u bil-kooperazzjoni mal-Frontex, kif ukoll bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza fil-fruntieri pprovdut mill-Istati Membri. L-Albanija kompliet ukoll tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet korrispondenti tal-ġirien tagħha. Dan jippermetti verifika aktar dettaljata taċ-ċittadini Albaniżi li jivvjaġġaw lejn l-UE. L-awtoritajiet Albaniżi ppubblikaw operazzjonijiet ta’ ritorn ta’ ċittadini Albaniżi mill-Istati Membri tal-UE fil-media u komplew iwissu kontra l-abbuż tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża tal-UE, filwaqt li fakkru fil-penali applikabbli. Id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-moviment mingħajr viża huma ppubblikati online u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) nediet kampanja ta’ sensibilizzazzjoni f’Jannar 2021, appoġġata mill-Istati Membri u ffinanzjata mill-UE.

b) Tinżamm u tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali proattiva mal-Aġenziji tal-UE u mal-Istati Membri tal-UE li qed jiffaċċjaw pressjoni migratorja li toriġina mill-Albanija

L-Albanija kompliet tikkoopera mal-Frontex u mal-Istati Membri dwar is-sorveljanza fil-fruntieri fuq l-art u fil-fruntieri marittimi kif ukoll fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, sabiex issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-prevenzjoni tal-attivitajiet kriminali transfruntiera u l-ġlieda kontrihom, l-identifikazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar falsifikati u l-frodi tal-identità. L-Albanija kienet ukoll l-ewwel pajjiż sieħeb li kkonkluda ftehim dwar l-istatus tal-Frontex rigward il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri (il-“ftehim dwar l-istatus”) mal-UE 9 , li jippermetti l-iskjerament ta’ gwardji tal-fruntiera tal-Frontex fit-territorju ta’ pajjiż terz b’funzjonijiet eżekuttivi. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019, u dan ippermetta t-tnedija ta’ operazzjoni konġunta tal-Frontex mal-gwardji tal-fruntiera tal-Albanija fil-fruntiera mal-Greċja fit-22 ta’ Mejju 2019.

Għaddejja wkoll ħidma dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Albanija għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-minorenni Albaniżi mhux akkumpanjati fl-Italja li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u tal-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-Albanija bla bażi mressqa fi Franza, li jinkludi t-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntiera. L-Albanija tikkoopera wkoll ma’ Stati Membri oħrajn biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet f’termini ta’ prevenzjoni, ta’ kooperazzjoni mal-pulizija tal-fruntieri, kif ukoll ta’ ritorn u ta’ riammissjoni.

1.2. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mressqa fl-Istati Membri tal-UE 10 miċ-ċittadini Albaniżi naqas b’65 % bejn l-2019 u l-2020, b’6 970 applikazzjoni mressqa fl-2020. Ir-rata ta’ rikonoxximent 11 naqset kemxejn minn 5,6 % fl-2019 għal 5,3 % fl-2020. 

Fl-2020, l-Istati Membri rrapportaw 1 429 każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri, 30 % inqas mill-2019, filwaqt li l-għadd ta’ ċittadini Albaniżi li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri naqas bi 8 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (minn 34 420 fl-2019 għal 31 630 fl-2020). L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini Albaniżi fl-Istati Membri naqas bi 33 % fl-2020 (minn 19 670 fl-2019 għal 13 265 fl-2020),

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa fl-2019 (30 840) naqas b’25 % fl-2020 (23 235). Fl-2020, ġew irrapportati 9 755 ritorn effettiv ta’ ċittadini Albaniżi, meta mqabbla ma’ 15 370 fl-2019 (tnaqqis ta’ 37 %). Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 50 % fl-2019 għal 42 % fl-2020 u dan jirrifletti t-tendenza ġenerali matul dawn l-aħħar snin.

L-Istati Membri u l-Frontex jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Il-Frontex tkompli tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali Albaniżi fi kwistjonijiet relatati mar-ritorn u f’attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet fil-kuntest reċenti tar-rati ta’ ritorn dejjem jonqsu.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà

Fl-2020, komplew l-isforzi fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà. L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Albanija fil-qasam tas-sigurtà. L-Albanija kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Eurojust fl-2019, prosekutur ta’ kollegament Albaniż għall-Eurojust beda l-ħidma tiegħu f’Jannar 2021.

Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-impatt possibbli tal-Liġi Albaniża l-ġdida dwar iċ-Ċittadinanza fuq is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża. Għalkemm sal-lum ma ġiet adottata l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni, il-liġi tipprovdi possibbiltà li tiġi stabbilita skema ta’ ċittadinanza b’investiment, li tista’ tintuża biex jiġu evitati l-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-UE u l-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u ta’ dawk għas-sigurtà individwali li din tinvolvi.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Tinżamm u tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali proattiva mal-aġenziji tal-UE u mal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw theddid għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà kkawżat mill-involviment ta’ ċittadini Albaniżi fi gruppi ta’ kriminalità organizzata

Il-kooperazzjoni proattiva kompliet mal-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija permezz tal-Interpol, tal-Europol u tan-Network tal-Interaġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN), l-aktar fl-oqsma tal-investigazzjoni tar-reati kriminali għan-narkotiċi, it-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar illegali tal-vetturi, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità ekonomika u finanzjarja u ċ-ċiberkriminalità. Fl-2020, il-kooperazzjoni fil-proċedimenti kriminali u fl-operazzjonijiet tal-pulizija kompliet f’dawn l-oqsma.

b) Tittejjeb l-effettività tal-isforzi ta’ prosekuzzjoni u ta’ infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja u l-kriminalità organizzata

L-Albanija kompliet tagħmel aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inkluż biex tistabbilixxi rekord sod f’dawk li huma investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni proattivi, u dan jibqa’ objettiv fit-tul.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-isforzi komplew abbażi tal-pjan ta’ azzjoni għall-2017-2020. F’Diċembru 2020, l-Albanija approvat l-istrateġija kontra l-kriminalità organizzata u r-reati serji għall-2021-2025 u l-pjan ta’ azzjoni relatat għall-2021-2025. F’Jannar 2020, l-Albanija adottat il-liġi dwar il-miżuri preventivi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-kriminalità serja. Fost affarijiet oħra, il-miżuri jimmiraw lejn l-assi permezz tas-sekwestru u l-konfiska, jillimitaw il-movimenti tal-kriminali suspettati u jirrestrinġu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

F’Lulju 2020, l-Istrateġija Intersettorjali għall-2015-2021 kontra l-Korruzzjoni ġiet estiża sal-2023. Il-pjan ta’ azzjoni għall-2020-2023 għall-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja ġie approvat ukoll f’Lulju 2020.

F’Ottubru 2020, il-Pjan ta’ Integrità tal-Pulizija tal-Istat għall-2020-2021 ġie approvat, abbażi tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ pajjiżi kontra l-korruzzjoni (GRECO).

Il-ħolqien ta’ network ta’ koordinaturi kontra l-korruzzjoni fi 17-il aġenzija kkontribwixxa wkoll għat-titjib tal-effettività fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. It-Task Force Kontra l-Korruzzjoni, b’responsabbiltà għall-ispezzjonijiet interistituzzjonali, f’din l-aħħar sena, kienet inqas effettiva peress li l-laqgħat regolari ilhom ma jsiru mill-2020 u ma ngħalqux ħafna investigazzjonijiet.

L-impatt konkret fuq l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qorti tal-korruzzjoni fil-livelli għolja tad-Direttorat Kontra l-Korruzzjoni stabbilit reċentement, responsabbli mill-koordinazzjoni, mill-monitoraġġ ta’ u mir-rapportar dwar l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni, għad irid jitqies.

L-Istruttura Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (SPAK) li tinkludi l-Uffiċċju Speċjali tal-Prosekuzzjoni (SPO), u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni (NBI), kif ukoll il-Qrati tal-Ewwel u tat-Tieni Istanza Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (il-Qrati tas-SPAK) huma operazzjonali. L-Albanija rrapportat żieda ta’ 27 % fl-2020, meta mqabbla mal-2019, fl-operazzjonijiet tal-pulizija mwettqa mill-istrutturi tal-pulizija ċentrali u lokali tad-Dipartiment tal-Pulizija Kriminali fil-qasam tal-kriminalità organizzata u tal-kriminalità finanzjarja.

Il-kundanni finali tal-uffiċjali ta’ livell għoli kienu limitati għall-korruzzjoni u għar-reati relatati (eż. il-ħasil tal-flus, l-abbuż tal-uffiċċju, eċċ.). Madankollu, dan l-aħħar wieħed jista’ jara tendenza pożittiva, minħabba l-ewwel riżultati tas-SPAK stabbilita reċentement.

c) Jittejjeb ir-rekord tal-każijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jsir użu sħiħ mill-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kapaċità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

F’Diċembru 2020, il-Gvern Albaniż adotta l-Istrateġija Nazzjonali Transsettorjali għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-pjan ta’ azzjoni għall-2020-2025, li jinkludi miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih.

L-Albanija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt għall-2018 dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent, dwar il-bini tal-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fl-2020, ġew adottati liġijiet dwar l-istabbiliment ta’ reġistru tas-sjieda benefiċjarja u dwar l-istabbiliment ta’ reġistru ċentralizzat tal-kontijiet bankarji. Iż-żewġ reġistri huma mistennija li jsiru operazzjonali dalwaqt.

L-Albanija tinsab fil-lista tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta’ ġuriżdizzjonijiet taħt monitoraġġ miżjud minn Frar 2020. L-Albanija ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF, li jippermetti t-tneħħija tal-Albanija minn din il-lista. L-implimentazzjoni għadha għaddejja.

F’Lulju 2020, ġie ffirmat memorandum ta’ kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, il-Ministeru għall-Intern u l-Ministeru għall-Finanzi u l-Ekonomija biex tiżdied l-effettività tal-investigazzjonijiet relatati mal-ħasil tal-flus, mal-finanzjament tat-terroriżmu, mar-reati finanzjarji, mas-sekwestru u mal-konfiska tal-assi kriminali. L-analiżijiet konġunti tal-proċedimenti kriminali mwettqa bejn Ġunju u Settembru 2020 wasslu għall-avvanz fl-investigazzjonijiet, fit-tressiq quddiem il-qorti, fis-sekwestru u fil-konfiska ta’ sett ta’ assi tas-suġġetti fil-proċedimenti kriminali.

L-Albanija ħatret Prosekutur Speċjali u ħolqot Taqsima Speċjali għall-Investigazzjoni tal-Ħasil tal-Flus fl-Uffiċċji tal-Prosekuzzjoni fid-Distretti Ġudizzjarji. Inħatru wkoll prosekuturi u speċjalisti tal-investigazzjoni kriminali ekonomika u finanzjarja fid-Direttorati tal-Pulizija Lokali u fil-Kummissarjati tal-Pulizija fid-Distretti Ġudizzjarji biex jindirizzaw speċifikament l-investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati mal-ħasil tal-flus.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Albanija

L-Albanija ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, hija meħtieġa aktar azzjoni sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi mressqa miċ-ċittadini Albaniżi fl-Istati Membri kif ukoll fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

·Tkompli l-kooperazzjoni mal-Istati Membri l-aktar affettwati mill-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi miċ-ċittadini Albaniżi, inkluż iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-attivitajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) “Għajnuna għall-Immigrazzjoni Illegali”; il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Ikomplu jissaħħu l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontrihom, it-traffikar illegali, ir-reati terroristiċi u l-ħasil tal-flus billi a) isir aktar progress biex jiġi stabbilit rekord tal-każijiet ta’ korruzzjoni, tas-sekwestru, tal-konfiska u tal-irkupru ta’ assi kriminali li jirriżultaw minn reati relatati mal-korruzzjoni; b) ikompli jiġi żviluppat l-użu sistematiku ta’ investigazzjonijiet finanzjarji paralleli u tiżdied il-parteċipazzjoni f’investigazzjonijiet u fi prosekuzzjonijiet koordinati jew konġunti mal-pajjiżi fir-reġjun u mal-Istati Membri; c) ikompli jsir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Albanija dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

·Tiġi evitata l-adozzjoni ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment abbażi tal-Liġi l-ġdida dwar iċ-Ċittadinanza.

III. Il-Bożnija-Ħerzegovina

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-kooperazzjoni fir-riammissjoni

Fl-2020, il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet tiffaċċja pressjoni migratorja qawwija, bil-preżenza ta’ għadd kbir ta’ applikanti għall-ażil u migranti irregolari fit-territorju tagħha. Mill-bidu tal-2018, l-UE appoġġat lill-Bożnija-Ħerzegovina biex ittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil. L-UE pprovdiet assistenza ta’ emerġenza biex tgħin fl-indirizzar tal-kriżi umanitarja tal-2020, li matulha mijiet ta’ refuġjati u migranti ma ġewx assistiti f’kundizzjonijiet ta’ xitwa qalila, filwaqt li l-faċilitajiet ta’ akkoljenza disponibbli ma ntużawx kompletament. L-UE ħeġġet lill-awtoritajiet jistabbilixxu soluzzjoni sostenibbli u fit-tul biex jakkomodaw lill-migranti u lir-refuġjati. B’riżultat ta’ dan, ittieħdu xi passi mill-Ministeru għas-Sigurtà, li gradwalment se jieħu f’idejh ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza. Sabiex tiġi evitata ripetizzjoni ta’ din is-sitwazzjoni fix-xitwa li ġejja, jeħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-akkoljenza adegwati għall-migranti u għar-refuġjati.

Il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet xi azzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri. Din kompliet timplimenta l-istrateġija għal ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-pjan ta’ azzjoni għall-2019-2023. Il-liġijiet dwar il-barranin u dwar l-ażil huma fis-seħħ u ġeneralment jikkonformaw mal-acquis tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ emenda adottata fis-27 ta’ Mejju 2021 dwar il-Liġi dwar il-Barranin fir-rigward tat-tneħħija jew tar-ritorn furzat ta’ barranin li jkunu wettqu ċerti reati. Jeħtieġ aktar titjib biex tiġi żgurata sistema ta’ ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni u tal-ażil. Il-politika tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-viżi lanqas ma hija allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Frontex kompliet fl-2020, inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-pajjiż qed jimplimenta wkoll l-istrateġija għar-riintegrazzjoni ta’ persuni rimpatrijati għall-2020-2023, minkejja r-riżorsi limitati.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jittejbu l-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet u l-ippjanar ta’ kontinġenza adegwat biex jiġu żgurati l-protezzjoni u l-ġestjoni sensittiva tal-flussi migratorji, kif ukoll jiġi żgurat il-funzjonament tas-sistema tal-ażil. Ir-responsabbiltà sħiħa għall-ġestjoni tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni migratorja u operazzjonali fil-livelli kollha jeħtieġ li tissaħħaħ b’mod sinifikanti. 

Fl-2020, u b’mod partikolari lejn l-aħħar tas-sena, l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina wrew kapaċitajiet limitati ħafna dwar il-migrazzjoni u l-ażil, inkluż dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet. L-awtoritajiet kienu jiddependu mill-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE u internazzjonali biex jindirizzaw il-kriżi umanitarja.

Il-Bożnija-Ħerzegovina jeħtieġ li tagħmel sforz akbar f’dan il-qasam, inkluż l-adozzjoni ta’ baġit dwar il-migrazzjoni u speċjalment l-użu effettiv tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza disponibbli. L-istituzzjonijiet tal-Istat u l-awtoritajiet reġjonali jenħtieġ li jikkooperaw ukoll biex jiżguraw koordinazzjoni effettiva tal-kapaċità ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u l-funzjonament tas-sistema tal-ażil.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża 

Il-Bożnija-Ħerzegovina wettqet attivitajiet addizzjonali biex tqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-regoli li jirregolaw is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża tal-UE, inkluż it-tul massimu tas-soġġorn. L-awtoritajiet nedew ukoll kampanja biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-proċeduri aċċellerati introdotti f’ħafna Stati Membri u jiskoraġġixxuhom milli jressqu applikazzjonijiet għall-ażil mhux ġustifikati. Dan possibbilment ikkontribwixxa għat-tnaqqis fl-għadd ta’ dawn l-applikazzjonijiet fl-Istati Membri miċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina.

c) Jissaħħaħ il-kontroll fil-fruntieri, speċjalment is-sorveljanza fil-fruntieri, inkluż miżuri ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġi żgurata l-kooperazzjoni operazzjonali effettiva mal-Istati Membri tal-UE u mal-Frontex

Fl-2020, il-Pulizija tal-Fruntieri kompliet tapplika l-pjan ta’ azzjoni qafas ta’ Mejju 2018, bl-użu tar-riżervi mobbli ta’ aġenziji oħrajn għas-sigurtà bħala rinfurzar f’diversi setturi tal-fruntieri esterni. Saru wkoll pattulji fil-fruntieri komuni mas-Serbja. Minkejja l-isforzi fis-sorveljanza fil-fruntieri, huma meħtieġa mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji aktar effiċjenti biex jittejbu s-sorveljanza fil-fruntieri u r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-migranti.

Il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri u mal-Frontex kompliet tkun sodisfaċenti, minkejja l-fatt li l-iffirmar mill-Bożnija-Ħerzegovina tal-“ftehim dwar l-istatus” tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) mal-UE dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri (il-“ftehim dwar l-istatus”) huwa pendenti.

d) Ikomplu l-isforzi bil-ħsieb li jiġi konkluż il-“ftehim dwar l-istatus” mal-Frontex

L-UE kompliet taħdem mal-Bożnija-Ħerzegovina fid-dawl tal-iffirmar u tar-ratifika tal-“ftehim dwar l-istatus”. Madankollu, il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Frontex tkompli, b’mod partikolari fir-rigward tar-ritorn ta’ ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina.

1.2. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

Fl-2020, tressqu 1 545 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali miċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-Istati Membri 12 , 29 % inqas mill-2019 (2 180). Ir-rata ta’ ritorn 13 naqset minn 7,2 % fl-2019 għal 5,1 % fl-2020.

Fl-2020, l-Istati Membri rrapportaw biss 12-il każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri miċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-fruntieri esterni tal-UE, tnaqqis ta’ 48 % meta mqabbel mal-2019. Fl-2020, l-għadd ta’ ċittadini mill-Bożnija-Ħerzegovina li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri naqas b’14 %, bi 3 670 soġġorn irregolari fl-2020 meta mqabbla ma’ 4 290 fl-2019. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul żdied b’91 %, minn 4 270 każ fl-2019 għal 8 150 fl-2020.

Kemm l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina (2 785 fl-2020 meta mqabbla ma’ 3 730 fl-2019, tnaqqis ta’ 25 %) kif ukoll l-għadd ta’ persuni rritornati b’mod effettiv (920 fl-2020 meta mqabbla ma’ 1 495 fl-2019, tnaqqis ta’ 38 %) naqsu fl-2020 meta mqabbel mal-2019. Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 40 % fl-2019 għal 33 % fl-2020.

L-Istati Membri u l-Frontex jirrapportaw kooperazzjoni tajba fir-riammissjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina u implimentazzjoni adegwata tal-ftehim ta’ riammissjoni tal-UE.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà

Fl-2020, il-Bożnija-Ħerzegovina adottat strateġiji kontra t-traffikar tal-bnedmin, u kontra t-traffikar tal-armi ħfief, tal-armi ta’ kalibru żgħir u tad-droga. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha punt ta’ kuntatt għall-Eurojust.

L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Bożnija-Ħerzegovina fil-qasam tas-sigurtà. Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri. L-UE talbet fuq bażi kontinwa lill-Bożnija-Ħerzegovina ssaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Aġenziji għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE, l-aktar reċentement fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tat-13 ta’ Lulju.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jinħatar Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Europol

F’Jannar 2021, il-Ministeru għas-Sigurtà ħareġ struzzjoni biex jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt għall-kooperazzjoni mal-Europol; madankollu, il-punt ta’ kuntatt għadu ma huwiex kompletament operazzjonali.

b) Jissaħħu l-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontrihom, inkluż il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu b’mod partikolari billi tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi; jiġu żgurati l-funzjonament u l-koordinazzjoni effettivi tal-korpi kontra l-korruzzjoni; u jintwera l-progress lejn l-istabbiliment ta’ rekord tal-investigazzjonijiet proattivi, tal-atti tal-akkuża kkonfermati, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni finali kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inkluż fil-livelli għolja.

Il-Bożnija-Ħerzegovina adottat strateġiji ġodda kontra t-traffikar tal-bnedmin (għall-2020-2023, adottati f’Jannar 2020), kontra t-traffikar tal-armi ħfief u tal-armi ta’ kalibru żgħir (għall-2021-2024, adottati fi Frar 2021) u kontra t-traffikar tad-droga (għall-2018-2023). Il-leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess għadha ma ġietx adottata. Il-ħidma tal-korpi kontra l-korruzzjoni u tal-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji jeħtieġ li tissaħħaħ, peress li r-rekord tal-atti tal-akkuża, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni għadu dgħajjef. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent kompliet.

Hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-kooperazzjoni operazzjonali tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni kriminali fil-pajjiż, aggravati minn koordinazzjoni istituzzjonali dgħajfa u minn skambju limitat ħafna ta’ intelligence. L-investigazzjonijiet finanzjarji u s-sekwestri tal-assi huma fil-biċċa l-kbira ineffettivi. Hemm nuqqas ta’ sistema rigoruża u kredibbli ta’ kontrolli tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tad-detenturi ta’ karigi ġudizzjarji. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jeħtieġ li tissaħħaħ. Il-kundanni finali fil-każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja huma rari ħafna u s-sanzjonijiet ma jaġixxux bħala deterrent suffiċjenti.

c) Jiżdiedu l-isforzi biex jissaħħaħ il-qafas għall-irkupru tal-assi billi jiġi adottat u implimentat qafas legali aktar komprensiv għall-konfiska tar-rikavati mill-kriminalità u tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu sanzjonijiet effettivi u dissważivi 

Uffiċċji tal-ġestjoni tal-assi huma stabbiliti fiż-żewġ entitajiet iżda mhux fil-livell tal-Istat. Dan joħloq problema serja għall-assi sekwestrati fil-livell tal-Istat, peress li ma hemm l-ebda uffiċċju għall-irkupru tal-assi responsabbli għall-iffaċilitar tat-traċċar u l-identifikazzjoni tar-rikavati mill-kriminalità u proprjetà oħra relatata mal-kriminalità. Ma kien hemm l-ebda progress fit-tisħiħ tal-qafas għall-irkupru tal-assi fl-2020.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Bożnija-Ħerzegovina

Il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

· Tittejjeb il-koordinazzjoni, fil-livelli kollha, tal-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, b’mod partikolari billi jiġi żgurat il-funzjonament tas-sistema tal-ażil, u tiġi pprovduta kapaċità ta’ akkoljenza adegwata għall-migranti; jittieħdu l-passi meħtieġa għall-iffirmar tal-“ftehim dwar l-istatus” mal-Frontex.

·Ikompli l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż fil-livelli għolja, billi tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni effiċjenti dwar il-kunflitti ta’ interess, l-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-informaturi, u jiġu żgurati l-funzjonament u l-koordinazzjoni effettivi tal-korpi kontra l-korruzzjoni.

·Jissaħħu l-isforzi kontra l-kriminalità organizzata b’mod partikolari billi tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva fost il-korpi tal-infurzar tal-liġi u mal-uffiċċji tal-prosekuturi kif ukoll jiġi stabbilit rekord tal-investigazzjonijiet proattivi, tal-atti tal-akkuża kkonfermati, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni finali kontra l-kriminalità organizzata.

·Jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt għall-Europol u jkompli jsir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

IV. Il-Montenegro 

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-kooperazzjoni fir-riammissjoni

Fl-2020, il-Montenegro kompla jieħu azzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u f’dak tal-ażil. F’Jannar 2020, il-Montenegro adotta l-istrateġija għal ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-2020-2024 u l-pjanijiet ta’ azzjoni li jakkumpanjawha.

Il-“ftehim dwar l-istatus” mal-Frontex daħal fis-seħħ f’Lulju 2020 u minn dak iż-żmien kien hemm żewġ operazzjonijiet konġunti. Il-Frontex u l-Istati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, l-Istati Membri jirrapportaw ukoll kooperazzjoni tajba mal-Montenegro fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri.

Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, li ġiet inkluża fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, il-Montenegro jirrapporta li fl-2020, ma ġewx organizzati kampanji ta’ informazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

Il-politika tal-Montenegro dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

1.2. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mressqa fl-Istati Membri tal-UE 14 miċ-ċittadini Montenegrini naqas b’44 % bejn l-2019 u l-2020, b’250 applikazzjoni mressqa fl-2020 meta mqabbla ma’ 445 fl-2019. Ir-rata ta’ ritorn 15 naqset minn 4,9 % fl-2019 għal 3,4 % fl-2020.

L-Istati Membri tal-UE ma rrapportaw l-ebda każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri fl-2020 miċ-ċittadini Montenegrini. L-għadd ta’ ċittadini Montenegrini li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-2020 żdied b’7 % (minn 885 fl-2019 għal 945 fl-2020). Fl-2020, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini tal-Montenegro fl-Istati Membri kien ta’ 485, 3 % aktar mill-2019 (470).

Kemm l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini tal-Montenegro (475 fl-2020 meta mqabbla ma’ 590 fl-2019) kif ukoll l-għadd ta’ persuni rritornati b’mod effettiv (275 fl-2020 meta mqabbla ma’ 355 fl-2019) naqsu fl-2020 meta mqabbel mal-2019, b’19 % u bi 23 % rispettivament. Ir-rata ta’ ritorn naqset kemxejn, minn 60 % fl-2019 għal 58 % fl-2020.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà

Fl-2020, il-Montenegro kompla jieħu azzjoni kontra l-kriminalità organizzata, inkluż f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-kooperazzjoni fil-qasam tad-drogi u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Montenegro fil-qasam tas-sigurtà. Il-Montenegro kompla wkoll jikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust.

F’Marzu 2021, il-gvern iddeċieda li jneħħi gradwalment sal-aħħar tal-2021 l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment, li ilha li ġiet implimentata minn Jannar 2019. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iskema sakemm l-applikazzjonijiet ikomplu jiġu pproċessati, peress li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment jistgħu jintużaw biex jiġu evitati l-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-UE u l-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u ta’ dawk għas-sigurtà individwali li din tinvolvi.

Il-Montenegro indirizza wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin inklużi fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jiġu evitati u miġġielda l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-livelli għolja, inkluż permezz tal-konfiska tar-rikavati mill-kriminalità u l-iffriżar tal-assi u t-teħid ta’ miżuri biex jiġi limitat l-użu ta’ sentenzi fuq talba tal-partijiet għal każijiet eċċezzjonali

Ir-rekord tal-arresti, tas-sekwestri tad-drogi u tal-investigazzjonijiet fil-kriminalità organizzata kompla jiġi kkonsolidat fl-2020, bis-saħħa ta’ kapaċità tal-pulizija aktar b’saħħitha u ta’ kooperazzjoni internazzjonali dejjem tikber tal-pulizija. Għall-ewwel darba, l-għadd ta’ sentenzi u kundanni tal-qorti żdied ukoll fl-2020, peress li għadd akbar ta’ investigazzjonijiet mis-snin preċedenti kien wasal fil-qrati. Kien hemm tendenza ’l fuq fid-detezzjoni u fis-sekwestri tal-assi kriminali, iżda l-konfiska finali baqgħet rari.

b) Tissaħħaħ il-kapaċità tal-pulizija, tal-prosekuzzjoni u tal-Qrati li jinvestigaw, jipprosegwixxu u jiddeċiedu dwar każijiet ta’ ħasil tal-flus f’konformità mal-aħjar prattiki tal-UE

F’Ottubru 2020, il-Gvern tal-Montenegro adotta Valutazzjoni tar-Riskji Nazzjonali dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bil-pjan ta’ azzjoni li akkumpanjaha. F’Novembru 2020, l-UIF tal-Montenegro saret membru tal-Grupp EGMONT ta’ Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarji. Il-Montenegro huwa wkoll l-ewwel pajjiż fir-reġjun li għaqqad l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) tiegħu mal-kanal tal-Europol għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni, is-SIENA.

F’Marzu 2021, il-gvern adotta emendi fil-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex iżid l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-UIF billi jkollu l-Kap tal-UIF jirrapporta direttament lill-Ministru għall-Intern u mhux lill-Kap tal-Pulizija, f’konformità mal-istandards tal-FATF.  L-Istrateġija tal-Moneyval ġiet adottata f’April 2020. Mit-18 ta’ Mejju 2020, il-Montenegro ma għadux uffiċjalment fil-proċedura ta’ rapportar regolari lill-Moneyval 16 dwar il-progress li sar wara r-raba’ ċiklu ta’ evalwazzjoni.

Minkejja l-progress imsemmi hawn fuq, il-Montenegro implimenta parzjalment biss l-objettiv tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent relatat mal-bini tal-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Huma meħtieġa aktar passi konkreti biex jissaħħu l-investigazzjonijiet finanzjarji u tiġi żgurata l-effettività tal-qafas legali, inkluż dwar l-aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru tal-banek ċentrali.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Montenegro

Il-Montenegro ħa azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-Montenegro jenħtieġ li jkompli wkoll il-kampanji ta’ informazzjoni kontinwi tiegħu dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

·Il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Ikompli jsir progress fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom billi a) jiġi kkonsolidat ir-rekord tal-kundanni finali u tal-konfiska tal-assi; b) tissaħħaħ il-kapaċità ta’ prosekuzzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-każijiet ta’ ħasil tal-flus; c) jinkisbu riżultati aħjar b’rispons għall-kriminalità organizzata, inkluż billi jiġi indirizzat l-użu frekwenti tas-sentenzi fuq talba tal-partijiet; d) ikompli l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Montenegro dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

·Titneħħa b’mod gradwali u effettiv l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment mill-aktar fis possibbli.

V. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-kooperazzjoni fir-riammissjoni

Fl-2020 u fil-bidu tal-2021, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq kompliet tieħu azzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u l-ażil, inkluż biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għall-applikanti għall-ażil.

L-Istati Membri rrapportaw kooperazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-migrazzjoni u l-ażil, kif ukoll tar-riammissjoni. Il-kooperazzjoni mal-EASO kompliet, fl-ambitu tal-pjan direzzjonali miftiehem biex tissaħħaħ il-kapaċità fl-oqsma tal-ażil u tal-akkoljenza. Il-kooperazzjoni mal-Frontex kompliet ukoll, għalkemm il-“ftehim dwar l-istatus” għadu ma ġiex iffirmat.

Il-politika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali

Il-Maċedonja ta’ Fuq tkompli tikkoopera u tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri, mal-Europol u mal-Frontex (inkluż ma’ uffiċjali ta’ kollegament), kif ukoll mal-Interpol. Għaddejja operazzjoni konġunta mal-Istati Membri u bl-appoġġ tal-UE.

Fi Frar 2021, il-Maċedonja ta’ Fuq iffirmat ftehimiet mas-Serbja dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

Il-Maċedonja ta’ Fuq tirrapporta li, matul l-2020, din ippreveniet 3 200 tentattiv ta’ qsim irregolari tal-fruntieri, irrifjutat id-dħul ta’ 1 520 ċittadin barrani, filwaqt li 207 ċittadin barrani ma tħallewx joħorġu, l-aktar minħabba soġġorn eċċessiv preċedenti, l-użu ta’ dokumenti falsifikati, in-nuqqas ta’ dokument ta’ residenza jew ta’ viża valida, jew passaporti danneġġati jew skaduti. Dawn huma prinċipalment ospitati f’faċilitajiet ta’ akkoljenza.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

Matul l-2020, fl-ajruporti fil-Maċedonja ta’ Fuq, tqassmu fuljetti bit-titlu “Ieqaf uża ħażin il-liberalizzazzjoni tal-viża”, li infurmaw dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, lil persuni li kienu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż.

1.2. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

Fl-2020, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE 17 minn ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq naqas b’67 % meta mqabbel mal-2019, b’1 390 applikazzjoni mressqa fl-2020. Ir-rata ta’ ritorn 18 żdiedet minn 1,4 % fl-2019 għal 1,8 % fl-2020. 

Fl-2020, ġew irrapportati total ta’ 18-il każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri miċ-ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-livell tal-UE, meta mqabbla ma’ 10 fl-2019. Fl-2020, l-għadd ta’ ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari naqas b’6 %, b’6 545 soġġorn irregolari fl-2020 meta mqabbla ma’ 7 000 fl-2019. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul naqas bi 13 %, minn 2 815-il rifjut fl-2019 għal 2 455 fl-2020. .

Fl-2020, ir-rata ta’ ritorn naqset minn 78 % fl-2019 għal 57 % fl-2020. It-tendenza hija minħabba tnaqqis fl-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq (2 515 fl-2020 meta mqabbla ma’ 3 855 fl-2019, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 35 %) u t-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni rritornati b’mod effettiv (1 425 fl-2020 meta mqabbla ma’ 3 005 fl-2019, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 53 %). It-tendenza dejjem tonqos fl-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn minn titjiriet charter lejn il-Maċedonja ta’ Fuq osservata f’dawn l-aħħar snin kompliet fl-2020. Madankollu, l-Istati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba fir-rigward tar-ritorn u r-riammissjoni.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà 

L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà

Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet tieħu azzjonijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż kontra t-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin, fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, b’segwitu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-Balkani tal-Punent.

L-Istati Membri, il-Europol u l-Eurojust jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Maċedonja ta’ Fuq fil-qasam tas-sigurtà.

Il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Maċedonja ta’ Fuq tippermetti l-kisba ta’ ċittadinanza għal interess ekonomiku speċjali mingħajr ebda rekwiżit ta’ residenza preċedenti. Il-Kummissjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar ir-riskji maħluqa mill-iffaċilitar taċ-ċittadinanza b’investiment, li jista’ jkollhom impatt fuq is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, peress li dawn jistgħu jintużaw biex jiġu evitati l-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-UE u l-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u ta’ dawk għas-sigurtà individwali li din tinvolvi.

Il-Maċedonja ta’ Fuq indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Tkompli tittejjeb l-effettività tal-isforzi ta’ infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra n-networks tal-kriminalità organizzata, speċjalment dawk involuti fit-traffikar tad-droga. Ikompli jiġi pprovdut rekord kredibbli tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni. Jissaħħu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata, inkluż dawk involuti fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, fil-ħasil tal-flus u fil-kriminalità finanzjarja.

Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet bl-isforzi tagħha biex ittejjeb ir-rekord tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata tejjeb il-kapaċità operazzjonali tiegħu. L-istituzzjonijiet rilevanti assenjaw ir-rappreżentanti tagħhom u huma konnessi maċ-Ċentru. Il-pajjiż jikkoopera f’operazzjonijiet fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, tal-armi u tad-droga, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f’dak multilaterali.

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (GRETA, Group of Experts on Action against Trafficking in Human Beings), fl-2020 ġie stabbilit grupp ta’ ħidma. Fl-2020, il-Maċedonja ta’ Fuq kienet involuta f’diversi każijiet ta’ kriminalità organizzata fil-Eurojust, f’dak li jirrigwarda t-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus.

Il-Maċedonja ta’ Fuq għamlet progress fl-armonizzazzjoni tal-liġi tagħha biex tallinjaha mar-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus 19 . Ir-reġistru tas-sidien benefiċjarji tnieda fis-27 ta’ Jannar 2021 u ilu jopera mis-27 ta’ Mejju 2021.

Sar ukoll progress fl-iżgurar li r-riżultati mill-UIF jintużaw mis-servizzi ta’ prosekuzzjoni, f’konformità mal-arranġament ta’ Implimentazzjoni għall-Maċedonja ta’ Fuq tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu mal-Balkani tal-Punent. Il-modulu l-ġdid għall-monitoraġġ tal-każijiet ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u l-feedback tagħhom imressaq mill-UIF lill-awtoritajiet kompetenti huwa stabbilit u ttestjat. Madankollu, il-modulu għadu mhux qed jintuża. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi implimentat kompletament il-modulu l-ġdid dwar tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-UIF lill-awtoritajiet kompetenti u jiġi stabbilit rekord dwar l-użu tiegħu mill-uffiċċji tal-prosekuzzjoni.

b) Tissaħħaħ aktar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet timplimenta r-riformi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-pajjiż għamel progress fil-konsolidazzjoni tar-rekord tiegħu dwar l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni finali fil-każijiet ta’ korruzzjoni, inkluż f’livell għoli.

Fi ħdan il-miżuri restrittivi applikati matul l-istat ta’ emerġenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-gvern stabbilixxa miżuri għas-sospensjoni tal-iskadenzi proċedurali fil-proċeduri ġudizzjarji, kif ukoll għall-atti urġenti mill-qrati rigward każijiet ta’ kriminalità organizzata u ta’ korruzzjoni.

F’Ġunju 2020 daħlet fis-seħħ Liġi ġdida dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, adottata fi Frar 2020. Il-liġi għandha l-għan li tipprovdi sistema ta’ prosekuzzjoni professjonali u imparzjali, li tiżgura b’mod partikolari s-sostenibbiltà tal-każijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjali. Komplew l-isforzi biex isir progress fil-każijiet tal-eks Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali inkluż fis-sentenzi importanti.

Il-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (SCPC) 20 kienet proattiva fit-twettiq tal-mandat tagħha li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-kunflitti ta’ interess. Il-baġit u l-persunal żdiedu. F’Jannar 2020, l-SCPC adottat Strateġija Nazzjonali ġdida għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kunflitti ta’ Interess, bi pjan ta’ azzjoni għall-2020-2024.

Il-Maċedonja ta’ Fuq qed tieħu wkoll azzjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO. Grupp ta’ ħidma fi ħdan il-Ministeru għall-Intern ingħata l-kompitu li jħejji emendi fil-Liġi tal-Affarijiet Interni u fil-Liġi dwar il-Pulizija.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Maċedonja ta’ Fuq

Il-Maċedonja ta’ Fuq ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi fl-oqsma tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fir-rigward tal-kisba ta’ ċittadinanza għal interess ekonomiku speċjali. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

·Tittejjeb aktar ir-reġistrazzjoni tal-migranti b’mod aktar sistematiku; il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Ikomplu l-isforzi fir-rigward tal-oqsma relatati mal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontrihom kif ukoll mal-ġlieda kontra t-terroriżmu billi a) jiżdied ir-rekord tal-kundanni finali fil-każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, inkluż billi jiġu kkonfiskati aktar l-assi kriminali; b) jissaħħaħ aktar ir-rekord tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni għall-kriminalità organizzata u għall-ħasil tal-flus; c) tiżdied il-parteċipazzjoni f’investigazzjonijiet u fi prosekuzzjonijiet koordinati jew konġunti mal-pajjiżi fir-reġjun u mal-Istati Membri; d) isir użu sħiħ miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata; e) ikompli jsir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent; f) jiġi implimentat bis-sħiħ il-modulu l-ġdid dwar tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-UIF u jiġi stabbilit rekord dwar l-użu tiegħu mill-uffiċċji tal-prosekuzzjoni.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

·Jiġi evitat l-iffaċilitar tal-kisba sistematika ta’ ċittadinanza għal interess ekonomiku speċjali.

VI. Ir-Repubblika tas-Serbja

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-kooperazzjoni fir-riammissjoni

Fl-2020, ir-Repubblika tas-Serbja kompliet tieħu azzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u f’dak tal-ażil, inkluż il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, u biex tappoġġa r-riintegrazzjoni ta’ persuni rimpatrijati.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Frontex, il-“ftehim dwar l-istatus”, irratifikat fi Frar 2021, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju, bl-operazzjonijiet li jibdew f’Ġunju 2021. Il-Frontex u l-Istati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba mas-Serbja dwar ir-ritorn u r-riammissjoni.

L-Istati Membri jirrapportaw ukoll b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mas-Serbja fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-migrazzjoni irregolari u tal-ażil. Fl-2020, l-EASO beda jimplimenta l-pjan direzzjonali l-ġdid għall-kooperazzjoni mas-Serbja.

It-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża kien jinkludi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin għas-Serbja:

a) L-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi, li hija kundizzjoni sottostanti għall-issodisfar kontinwu tal-parametru referenzjarju tal-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-politika tas-Serbja dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

Is-Serbja xerrdet informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini Serbi fl-ambitu tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża tal-UE fuq l-Internet u fiċ-Ċentri tal-Informazzjoni tal-UE f’Belgrad, f’Novi Sad u f’Nis.

c) Ikompli jissaħħaħ il-proċess tal-kontroll fil-fruntieri, speċjalment is-sorveljanza fil-fruntieri, inkluż il-miżuri ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali

Abbażi tal-liġi dwar il-kontroll fil-fruntieri u ta’ regolamenti oħrajn, is-sorveljanza fil-fruntieri twettqet permezz ta’ attivitajiet ta’ pattuljar u ta’ miżuri u azzjonijiet operazzjonali-tattiċi u operazzjonali-tekniċi oħrajn tul il-fruntieri. L-analiżijiet tal-effetti tas-sorveljanza fil-fruntieri għadhom għaddejjin fil-livelli lokali, reġjonali u ċentrali.

Abbażi tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-Pulizija fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Ministeru għall-Intern stabbilixxa kooperazzjoni diretta mal-pajjiżi ġirien kollha. Il-kooperazzjoni dwar il-pattulji konġunti fil-fruntieri għadha għaddejja. L-iskambju ta’ informazzjoni jsir permezz ta’ ċentri ta’ kuntatt konġunti. Is-Serbja tirċievi wkoll assistenza għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet mill-Istati Membri. Proġett ta’ ġestjoni tal-fruntieri ffinanzjat mill-UE bħalissa qed jiġi ġestit mill-IOM. 

1.2 Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

Fl-2020, tressqu 2 835 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali miċ-ċittadini Serbi fl-Istati Membri 21 , tnaqqis ta’ 57 % meta mqabbel mal-2019. Ir-rata ta’ rikonoxximent 22 naqset kemxejn minn 4,8 % fl-2019 għal 4,6 % fl-2020.  

Fl-2020, il-każijiet ta’ qsim irregolari tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE miċ-ċittadini tas-Serbja naqsu bi 28 % għal 21 %. Madankollu, l-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri żdied bi 23 %, jiġifieri minn 13 635 fl-2019, tela’ għal 16 775 fl-2020. Ir-rifjuti ta’ dħul maħruġa lis-Serbi jinsabu fuq perkors ’l isfel, kif muri mit-tnaqqis annwali li ilu jiġi rreġistrat mill-2018. L-għadd ta’ ċittadini Serbi li ġew irrifjutati d-dħul kien ta’ 7 315 fl-2020, meta mqabbel ma’ 8 300 fl-2019, tnaqqis ta’ 12 %.

Kemm l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini Serbi (6 545 fl-2020 meta mqabbla ma’ 8 745 fl-2019) kif ukoll l-għadd ta’ persuni rritornati b’mod effettiv (3 230 fl-2020 meta mqabbla ma’ 5 250 fl-2019) naqsu rispettivament b’25 % u bi 38 % fl-2020 meta mqabbla mal-2019. Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 60 % fl-2019 għal 49 % fl-2020. L-operazzjonijiet ta’ ritorn b’titjiriet charter komplew minn nofs Ġunju 2020. Il-Frontex tirrapporta esperjenza operazzjonali ġeneralment tajba fl-attivitajiet relatati mar-ritorn imwettqa fis-Serbja.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

L-azzjonijiet meħuda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà

Is-Serbja kompliet timplimenta azzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tad-droga u tal-bnedmin, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mas-Serbja fil-qasam tas-sigurtà. Is-Serbja kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri. Għad hemm bżonn ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-Balkani tal-Punent, peress li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet li jinsabu fl-arranġament bilaterali għadhom ma tlestewx. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi evitata kull forma ta’ radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti u għat-terroriżmu.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin ġew inklużi fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Jiġu żgurati l-akkreditazzjoni u l-iskjerament fil-ħin tal-uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol

F’Diċembru 2020, wara evalwazzjoni tal-proġett mill-Istati Membri u appoġġat mill-Europol, il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol iddeċieda li jtemm il-Proġett Pilota tal-UE biex jiskjera uffiċjal ta’ kollegament tal-Europol fir-Repubblika tas-Serbja. L-iskjerament ma setax iseħħ fil-perjodu ta’ żmien tal-proġett minħabba diffikultajiet fil-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ akkreditazzjoni.

b) Jiġi stabbilit rekord konvinċenti tal-investigazzjonijiet, tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata, inkluż id-drogi u l-ħasil tal-flus, abbażi ta’ investigazzjonijiet proattivi (inkluż it-traċċar sistematiku tal-flussi tal-flus u l-konfiska tagħhom, kif ukoll l-użu effiċjenti ta’ miżura investigattiva speċjali biex tinġabar evidenza rilevanti).

Id-data pprovduta mis-Serbja turi żieda fl-għadd ta’ atti tal-akkuża fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata, iżda tnaqqis fl-għadd ta’ kundanni u ta’ investigazzjonijiet ġodda fil-gruppi kriminali organizzati. Parti mit-tnaqqis tista’ tiġi spjegata mill-pandemija tal-COVID-19, iżda hemm ukoll tħassib li l-livell baxx ħafna ta’ kundanni u l-irkupru tal-assi huma marbuta mal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja kriminali, speċjalment id-dgħufijiet fl-investigazzjonijiet preliminari, fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti tal-qrati.

3. Rakkomandazzjonijiet għas-Serbja 

Is-Serbja ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi fl-oqsma tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontrihom. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

·Jiġi adottat il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Schengen, programm li tnieda f’Belgrad bl-appoġġ mill-UE fi Frar 2019, u jiġi żgurat involviment suffiċjenti tal-istituzzjonijiet rilevanti kollha fil-livell tal-gvern; jiġu żviluppati u adottati strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM) f’konformità mal-kunċetti ġodda tal-IBM; il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Jiżdiedu l-isforzi fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom billi a) jittejjeb ir-rekord tal-investigazzjonijiet, tal-atti ta’ akkuża u tal-kundanni finali fil-każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, inkluż is-sekwestru u l-konfiska tal-assi kriminali; b) tiġi adottata strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni sostnuta minn pjan ta’ azzjoni kredibbli u realistiku kif ukoll minn mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni effettiv; c) ikompli l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent; d) jiżdiedu l-isforzi fil-prevenzjoni tal-forom kollha tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti u għat-terroriżmu, inkluż l-estremiżmu vjolenti tal-lemin.

Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tas-Serbja dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

VII. Il-Georgia

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża

Il-Georgia qed iżżid ir-riżorsi tekniċi tagħha għall-ġestjoni tal-fruntieri bl-appoġġ mill-UE, anki fl-ambitu tal-programm Sigurtà, Obbligu ta’ Rendikont u Ġlieda kontra l-Kriminalità (SAFE), u bl-appoġġ mill-Istati Membri bħal-Latvja. Fil-11 ta’ Frar 2021 ġie ffirmat arranġament ta’ ħidma mġedded mal-Frontex.

Bil-ħsieb li jsaħħaħ il-kontrolli ta’ qabel it-tluq, il-Parlament tal-Georgia adotta emendi fil-liġi li tirregola d-dħul fit-territorju tal-Georgia u l-ħruġ minnu, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jistabbilixxu kriterji li jirriflettu l-kundizzjonijiet tad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-Ministeru għall-Affarijiet Interni ħareġ ordni dwar l-applikazzjoni prattika ta’ dawk l-emendi.

L-istrateġija għall-migrazzjoni għall-2021-2030 u l-pjan ta’ azzjoni korrispondenti għall-2021 ġew adottati f’Diċembru 2020. F’Lulju 2020, il-Kummissjoni Statali dwar il-Kwistjonijiet tal-Migrazzjoni (SCMI) adottat metodoloġija għal sistema unifikata ta’ analiżi tar-riskju tal-migrazzjoni. L-iżvilupp tas-sistema ta’ analiżi tar-riskju huwa ppjanat li jiġi ffinalizzat sal-2023. F’Marzu 2021, il-Georgia saret osservatur fin-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN).

Il-proċeduri tal-ażil ġew parzjalment sospiżi fil-Georgia bejn it-2 ta’ April u t-22 ta’ Mejju 2020 minħabba l-istat ta’ emerġenza marbut mal-pandemija tal-COVID-19, għajr f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u l-ħruġ taċ-ċertifikati tal-applikanti għall-ażil. Il-qafas leġiżlattiv dwar il-ħruġ ta’ protezzjoni internazzjonali ġie aġġornat inkluż permezz ta’ bidliet fil-proċedura ta’ identifikazzjoni għall-applikanti għall-ażil fil-fruntiera u bidliet fl-ipproċessar tad-data personali.

L-Istati Membri kkonfermaw kooperazzjoni tajba kontinwa dwar ir-ritorn u r-riammissjoni mal-awtoritajiet Georgjani. Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni stabbilita sew uriet li kienet partikolarment utli matul il-pandemija.

Fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, il-Georgia rrapportat li qed tiskambja informazzjoni mal-Interpol dwar passaporti mitlufa u misruqa. Il-passaporti mhux bijometriċi se jitneħħew gradwalment u kompletament sal-1 ta’ Jannar 2025, meta jiskadu d-dokumenti mhux bijometriċi kollha.

Il-politika tal-Georgia dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

1.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża fil-qasam tal-migrazzjoni

Il-Georgia indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża:

a) Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali biex jinkiseb u jinżamm tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-protezzjoni internazzjonali mressqa miċ-ċittadini Georgjani.

Il-Georgia qed tieħu azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet bla bażi għall-protezzjoni internazzjonali mressqa miċ-ċittadini Georgjani fl-UE, inkluż billi ssaħħaħ il-kontrolli ta’ qabel it-tluq.

Fil-kuntest tal-operazzjonijiet konġunti, il-Frontex żiedet l-għadd ta’ uffiċjali li jagħtu pariri lill-awtoritajiet nazzjonali fl-ajruporti internazzjonali ta’ Tbilisi u Kutaisi. Fl-2019-2020, l-uffiċjali tal-Frontex ipparteċipaw f’xi wħud mill-kontrolli preliminari u anke fit-tfassil tal-profili tal-passiġġieri li kienu qed isiefru lejn destinazzjonijiet tal-UE. Erba’ uffiċjali tal-pulizija Georgjani ġew skjerati kull xahar fl-ajruporti kkonċernati tal-Istati Membri tal-UE. Il-Ministeru għall-Affarijiet Interni jiskambja b’mod proattiv informazzjoni mal-attachés tal-pulizija fil-prattika sabiex jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

Fl-2020, il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni komplew jagħtu informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini Georgjani fl-ambitu tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża tal-UE, il-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-konsegwenzi tal-abbuż tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, inkluż permezz ta’ filmati u kampanja fuq il-media soċjali, imnedija fl-aħħar tal-2020.

1.3. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

Fl-2020, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri 23 naqas b’60 % meta mqabbel mal-2019, bi 8 860 applikazzjoni mressqa fl-2020. Ir-rata ta’ ritorn 24 żdiedet minn 4,1 % fl-2019 għal 4,6 % fl-2020. 

Fl-2020 kien hemm 30 każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri tal-Istati Membri minn Georgjani, 10 darbiet inqas mill-2019 (328 każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri). Fl-2020, l-għadd ta’ ċittadini Georgjani li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri naqas bi 13 %, b’10 360 persuna fl-2020 meta mqabbla ma’ 11 870 fl-2019.

L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul maħruġa liċ-ċittadini Georgjani naqas bi 53 %, minn 4 435 fl-2019 għal 2 065 fl-2020. Peress li t-tendenzi ġenerali qabel kienu qed jiżdiedu, dan l-indikatur x’aktarx jerġa’ jieħu spinta ladarba l-pandemija tal-COVID-19 tkun battiet.

Fir-rigward tar-ritorn ta’ ċittadini Georgjani, ir-rata ta’ ritorn naqset minn 52 % fl-2019 għal 47 % fl-2020. It-tendenza hija dovuta għat-tnaqqis fl-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini tal-Georgia b’27 % (11 985 fl-2020 meta mqabbla ma’ 16 310 fl-2019) u t-tnaqqis bi 33 % fl-għadd ta’ persuni rritornati b’mod effettiv (5 685 fl-2020 meta mqabbla ma’ 8 520 fl-2019), madankollu

Il-Frontex tirrapporta implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Ftehim ta’ Riammissjoni tal-UE fl-2020. Diversi Stati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba mal-Georgia, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ titjiriet ta’ ritorn.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

2.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji

L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Georgia fil-qasam tas-sigurtà. Il-Georgia kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri.

Il-Georgia kompliet tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata fi ħdan il-qafas tal-istrateġija nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u tal-pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti. Fid-19 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament tal-Georgia adotta emendi leġiżlattivi rigward attivitajiet ta’ tfittxija operattiva li għandhom l-għan li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kriminalità marbuta mad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità u reati serji oħrajn. F’Diċembru 2020, il-Kunsill dwar it-Traffikar tal-Bnedmin approva l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra t-traffikar, filwaqt li qies ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE. Il-funzjoni tas-Segretarjat tal-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni ġiet ittrasferita mill-Ministeru għall-Ġustizzja lill-Amministrazzjoni tal-Gvern fis-16 ta’ Marzu 2021. Sal-2021, il-GRECO qies li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew implimentati parzjalment jew kompletament. Il-mekkaniżmu ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi introdott fl-2017 għadu jiffunzjona.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-2021-2022 dwar il-ġlieda kontra d-droga u l-istrateġija nazzjonali għall-2021-2026 għall-prevenzjoni tal-abbuż tad-droga ġew adottati fi Frar 2021. L-Osservatorju Nazzjonali tad-Droga ġie stabbilit f’Jannar 2020 biex jiġbor u janalizza informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-droga.

Il-Georgia qed timplimenta strateġija nazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-pjan ta’ azzjoni tagħha. Il-pajjiż huwa involut fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u huwa membru attiv tal-Koalizzjoni Globali kontra Daesh. Il-Georgia għandha qafas legali komprensiv stabbilit biex tikkriminalizza l-finanzjament tat-terroriżmu u adottat Liġi dwar l-Iffaċilitar tas-Soppressjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu. Madankollu, il-Georgia għadha tiġi kkunsidrata bħala parzjalment konformi mar-rakkomandazzjoni tal-FATF relatata ma’ UIF indipendenti.

L-emendi relatati mar-raba’ mewġa ta’ riforma ġudizzjarja daħlu fis-seħħ fl-2020, u jkopru l-ksur dixxiplinari, ir-regolamentazzjoni tal-funzjonament tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja (HCoJ) u r-riforma tal-HCoJ. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġiet sospiża wara s-sentenza ta’ Lulju 2020 tal-Qorti Kostituzzjonali.

Fit-30 ta’ Settembru 2020 u fl-1 ta’ April 2021, il-Parlament Georgjan adotta emendi dwar il-proċess ta’ nomina tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-UE, il-Georgia talbet valutazzjoni ex-post mill-Kummissjoni ta’ Venezja. Fit-12 ta’ Lulju 2021, il-Parlament tal-Georgia ħatar sitt imħallfin tal-Qorti Suprema skont is-sistema ta’ taħtir preċedenti, u b’hekk mar kontra l-parir tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Eurojust, f’Ġunju 2020, prosekutur ta’ kollegament Georgjan ġie skjerat fl-Eurojust. Il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol kompliet, inkluż permezz tal-Uffiċċju ta’ Kollegament Georgjan fl-aġenzija.

2.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża

a) Tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-gruppi Georgjani ta’ kriminalità organizzata u bħala parti minn dan il-proċess, tiġi ffinalizzata r-riforma dwar l-attivitajiet tal-pulizija mmexxija mill-intelligence bħala kwistjoni ta’ prijorità

Fl-2020, il-Georgia kkonkludiet ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ma’ Franza u ma’ Spanja. Il-ftehim iffirmat qabel mal-Greċja daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Marzu 2020. L-Uffiċċju ta’ Kollegament Georgjan fil-Europol ipparteċipa fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Kriminalità Organizzata u Serja (ESOCC). Il-Georgia tikkoopera ma’ bosta Stati Membri (inkluż l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Spanja u l-Iżvezja) billi tiskambja informazzjoni bis-saħħa tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-pulizija, permezz tat-taħriġ u tat-timijiet ta’ analiżi konġunta, fost attivitajiet oħrajn. Il-Georgia tiskjera wkoll attachés tal-pulizija fi 11-il Stat Membru tal-UE. L-isforzi jkomplu jtejbu s-sistema unifikata ta’ analiżi tal-kriminalità.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Georgia

B’mod ġenerali, il-Georgia tkompli tissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża u ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi fl-Istati Membri kif ukoll fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontrihom. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin:

·Tkompli tiġi indirizzata b’mod proattiv il-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi fl-Istati Membri; il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Tittejjeb l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu indirizzati aħjar il-każijiet ta’ korruzzjoni f’livelli għolja; jiġi żgurat li dawn il-każijiet kollha jiġu investigati.

·Tiġi ffinalizzata r-riforma tal-Qorti Suprema billi l-proċedura tal-għażla għall-imħallfin tinġieb f’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u mal-istandards Ewropej; tiġi ffinalizzata r-riforma tal-prosekuzzjoni, inkluż permezz tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn l-investigaturi u l-prosekuturi; jiġi ffinalizzat l-iżvilupp operazzjonali tal-UIF billi jiġi żgurat li (a) din tkun tista’ tikseb l-informazzjoni meħtieġa mill-entitajiet li jirrapportaw u (b) ikollha aċċess sħiħ fil-ħin għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u dwar l-infurzar tal-liġi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha kif suppost; ikomplu l-isforzi fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha, b’mod partikolari kontra l-ħasil tal-profitti minn attivitajiet illegali; ikomplu l-isforzi biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi allinjata kompletament mal-acquis tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Georgia dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

VIII. Ir-Repubblika tal-Moldova

1.Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża

Ir-Repubblika tal-Moldova żviluppat il-pjan ta’ azzjoni għall-2021-2023 dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż il-biċċa l-kbira tal-proposti previsti f’Mejju 2020 mill-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u għall-Ukrajna (EUBAM).

Fl-2020, il-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi doganali Moldovani komplew jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Eżerċizzju ta’ Assistenza Konġunta “DEMETRA” 25 .

Il-kontrolli fil-fruntieri ssaħħew tul il-fruntiera Moldovana-Ukrena permezz ta’ pattuljar konġunt.

Taħt l-arranġament ta’ ħidma bejn il-Frontex u l-Moldova, il-Frontex bdiet konsultazzjonijiet mal-Moldova dwar pjan ta’ kooperazzjoni għall-2021-2023. L-EUBAM kompliet tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-fruntieri f’kooperazzjoni mal-aġenziji tal-fruntiera u doganali tal-Moldova u tal-Ukrajna. Il-Frontex u l-Istati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba dwar ir-ritorn u r-riammissjoni.

Fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, minħabba l-fatt li l-passaporti mhux bijometriċi ilhom ma jinħarġu mill-1 ta’ Jannar 2011, il-passaporti mhux bijometriċi kollha skadew sal-1 ta’ Jannar 2021, u b’hekk intemmet it-tneħħija gradwali tal-passaporti mhux konformi mal-ICAO (Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali). Il-Moldova rrapportat sforzi kontinwi biex ittejjeb il-kapaċità ta’ detezzjoni ta’ dokumenti foloz jew falsifikati, kemm fil-fruntieri tal-Istat kif ukoll ġewwa l-pajjiż. Il-bażi tad-data nazzjonali tad-dokumenti foloz tiġi aġġornata regolarment u l-Moldova tiskambja informazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-Frontex.

Il-politika tal-Moldova dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

1.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża fil-qasam tal-migrazzjoni

a) Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali biex jinkiseb tnaqqis rapidu fl-għadd ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-protezzjoni internazzjonali mressqa miċ-ċittadini Moldovani fl-Istati Membri

L-awtoritajiet Moldovani qed iwettqu djalogi bilaterali dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi miċ-ċittadini Moldovani mal-Ġermanja u man-Netherlands u esprimew ir-rieda li jipproċedu b’mod simili ma’ Franza.

Il-Ministeru Moldovan għall-Affarijiet Interni stabbilixxa grupp ta’ ħidma b’rappreżentanti tal-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija tal-Fruntieri, tal-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija u tal-Uffiċċju tal-Migrazzjoni u tal-Ażil. Il-grupp ta’ ħidma jindirizza kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, mar-riammissjoni, mal-kooperazzjoni fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali, kif ukoll ir-riskji possibbli relatati mas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża mal-UE.

L-awtoritajiet Moldovani saħħew ukoll l-isforzi biex jiġu integrati komunitajiet vulnerabbli, billi infurmawhom ukoll dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar lejn l-UE.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

Il-Moldova kompliet twettaq kampanji ta’ informazzjoni indirizzati lill-pubbliku ġenerali u lill-membri tal-komunitajiet vulnerabbli. Skont l-awtoritajiet Moldovani, l-edizzjoni riveduta tal-Gwida dwar il-moviment liberu fl-UE, li tiċċara d-drittijiet u l-obbligi tas-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża, għadha l-għodda ewlenija għall-attivitajiet ta’ informazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea.

1.3. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali miċ-ċittadini Moldovani fl-Istati Membri 26 naqas b’24 % bejn l-2019 u l-2020, b’6 865 applikazzjoni mressqa fl-2020. Ir-rata ta’ rikonoxximent 27 żdiedet kemxejn minn 0,8 % fl-2019 għal 1,0 % fl-2020.

Fl-2020, it-tentattivi miċ-ċittadini Moldovani biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod irregolari baqgħu baxxi ħafna (34). L-għadd ta’ ċittadini Moldovani li nstab li kienu qed jgħixu b’mod irregolari żdied minn 16 540 fl-2019 għal 24 685 fl-2020 (żieda ta’ 49 %). Fl-2020, l-għadd ta’ ċittadini Moldovani li ġew irrifjutati d-dħul fl-Istati Membri kompla jiżdied, u laħaq numru rekord għal din in-nazzjonalità (żieda ta’ 28 %, minn 7 940 fl-2019 għal 10 140 fl-2020).

Fl-2020, l-għadd ta’ ordnijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini Moldovani naqas b’10 % (6 755 fl-2020 meta mqabbla ma’ 7 540 fl-2019). L-għadd ta’ ritorni effettivi kien ta’ 44 % inqas mill-2019 (2 620 fl-2020 meta mqabbla ma’ 4 720 fl-2019). Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 63 % fl-2019 għal 39 % fl-2020. Madankollu, l-Istati Membri jirrapportaw kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess u l-Frontex tirrapporta implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

2.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji

Fl-2020, il-Moldova kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri, li jirrapportaw kooperazzjoni tajba mal-Moldova fil-qasam tas-sigurtà.

Il-Moldova investiet b’mod sostanzjali fir-riformi tal-politika biex tiġġieled ir-rabta bejn il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-flussi finanzjarji illeċiti. Madankollu, għad hemm lok biex jissaħħu u jiġu ssimplifikati l-kapaċità u r-riżultati fis-sekwestru u fil-konfiska tal-assi marbuta ma’ attività illeċita. Il-liġi dwar il-prosekuturi ġiet emendata f’Lulju 2020, u tipprevedi l-ħatra tal-prosekuturi permezz ta’ trasferimenti minflok kompetizzjonijiet. Fl-2020, intgħażel Kap Prosekutur ġdid għall-Uffiċċju tal-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata mingħajr kompetizzjoni.

Il-Moldova żiedet il-baġit annwali tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni inkluż l-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità (NIA), l-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi Kriminali u l-UIF. F’Marzu 2021 ġiet stabbilita kummissjoni parlamentari dwar it-titjib tal-qafas legali li jirregola l-attività tal-NIA.

F’April 2019, il-Prosekutur Ġenerali approva linji gwida dwar l-investigazzjoni finanzjarja parallela, immirati lejn l-implimentazzjoni tal-istandards tal-UE. F’Awwissu 2019, il-Parlament approva leġiżlazzjoni mfassla biex timminimizza r-riskji tal-ħasil tal-flus, biex jistabbilixxi dikjarazzjonijiet volontarji u programm fiskali ta’ stimolu. Il-liġi dwar is-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2020.

Barra minn hekk, sabiex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Moneyval, il-Parlament approva l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta’ azzjoni għall-2020-2025 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu, żviluppati mill-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (OPFML). L-OPFML approva wkoll ir-regolament dwar il-proċeduri ta’ kontroll għall-entitajiet li jirrapportaw, l-individwalizzazzjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

L-awtoritajiet Moldovani stabbilew strateġija nazzjonali għall-2018-2023 għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontrih u l-pjan ta’ azzjoni għall-2018-2020 li jakkumpanjaha. Il-Moldova kompliet tibbenefika mill-programm EU4Monitoring Drugs implimentat miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kompliet permezz tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-Eurojust-Moldova għall-2014.

L-awtoritajiet Moldovani tal-infurzar tal-liġi pparteċipaw b’mod attiv f’operazzjonijiet immirati konġunti organizzati mill-EUBAM f’kooperazzjoni mal-Europol, mal-Frontex u mal-OLAF kif ukoll f’eżerċizzji transfruntiera (organizzati wkoll mill-EUBAM) immirati lejn l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u transfruntiera bejn l-Ukrajna u l-Moldova, fi gruppi ta’ ħidma tematiċi u fi pjattaformi ta’ kooperazzjoni transfruntiera dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u l-ġlieda kontriha, kif ukoll dwar l-evalwazzjoni u t-titjib tal-mekkaniżmu ta’ twissija u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet transfruntiera relatati mal-kriminalità.

Bejn l-2018 u l-2020, il-Moldova operat skema ta’ ċittadinanza b’investiment. L-iskema tneħħiet fl-1 ta’ Settembru 2020, għalkemm l-applikazzjonijiet imressqa sa dik id-data għadhom jiġu eżaminati.

2.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża

a) Ikomplu l-konsultazzjonijiet effettivi biex jiġu adottati kunċett strateġiku u pjan ta’ azzjoni għar-riforma fil-ġustizzja abbażi ta’ dijanjostika komprensiva, filwaqt li jiġi żgurat kunsens wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati u f’konformità stretta mal-Kostituzzjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE

Kompliet il-ħidma fuq l-istrateġija biex jiġu żgurati l-indipendenza u l-integrità tas-settur tal-ġustizzja għall-2021-2024 u fuq il-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha. Il-verżjoni finali tal-abbozz tal-istrateġija u tal-pjan ta’ azzjoni ġiet adottata mill-gvern fit-28 ta’ Ottubru 2020 u mill-Parlament fis-26 ta’ Novembru 2020. Fis-17 ta’ Frar 2021, il-President tal-Moldova rritorna l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni lill-Parlament fejn talab modifika tal-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni tal-imħallfin u tal-prosekuturi u talab is-soppressjoni tal-Artikolu 307 tal-Kodiċi Kriminali li jippermetti l-prosekuzzjoni kriminali ta’ mħallfin li joħorġu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-liġi. Il-ħidma fuq l-emendi għadha għaddejja.

b) Jiġi żgurat il-progress fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi kostituzzjonali relatati mal-ġudikatura f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja

Fl-1 ta’ Lulju 2020, wara konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni ta’ Venezja, mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-Kummissjoni Ewropea, l-abbozzi tal-emendi kostituzzjonali tressqu għal konsultazzjoni mill-gvern quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Wara konsultazzjonijiet u aġġustamenti mill-ġdid addizzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-abbozzi emendati tal-emendi, li wara ġew ippreżentati lill-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2020. L-emendi proposti jeħtieġ li jiġu adottati mhux qabel sitt xhur u mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara r-reġistrazzjoni mal-Parlament.

c) Jitnaqqas b’mod sinifikanti x-xogħol b’lura eżistenti fid-dikjarazzjonijiet elettroniċi mill-Awtorità Nazzjonali għall-Integrità (NIA) u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi u tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi fir-rigward tal-atturi kollha ta’ livell għoli

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Awtomatizzata “Integrità Elettronika” ilha mill-2016 tippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi personali (bl-eċċezzjoni tad-data personali), immedjatament wara li jiġu ffirmati b’mod diġitali. L-għadd ta’ dikjarazzjonijiet huwa għoli (fl-2019 kien kważi 65 000). L-NIA tikkontrolla biss għadd magħżul ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet, bi prijorità mogħtija lill-membri tal-Parlament, lill-imħallfin, lill-prosekuturi u lill-ħaddiema taċ-ċivil ta’ livell għoli (eż. il-kapijiet tad-distretti, eċċ.). Fl-2020, 45 % tal-verifiki kollha kienu jikkonċernaw dawk id-dikjarazzjonijiet ta’ prijorità (1 332 b’kollox), li ġew ipproċessati kollha.

d) Jissaħħu l-isforzi sabiex jitwettqu u jiġu ffinalizzati investigazzjoni u prosekuzzjoni imparzjali u komprensivi tal-frodi bankarja tal-2014, bil-ħsieb li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien u li jiġu rkuprati l-fondi miżapproprjati.

F’Ġunju 2020, ġie ffirmat ftehim mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Latvja dwar il-ħolqien ta’ Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta biex jiġi eżaminat il-każ tal-frodi bankarja tal-2014, f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-iżborż tat-tieni segment tal-programm regolari ta’ assistenza makrofinanzjarja. Sal-2020, il-proċessi kienu ġew posposti ripetutament, l-akkużi kontra l-azzjonisti fil-banek affettwati kienu twaqqgħu u l-awturi kkundannati kienu nħelsu mill-ħabs qabel suppost.

e) Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi u tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi fir-rigward tal-atturi kollha ta’ livell għoli

L-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi Kriminali u korpi oħrajn tal-infurzar tal-liġi ilhom minn Ġunju 2018 iwettqu l-istrateġija għall-irkupru tal-assi, biex jirkupraw fondi miksuba b’mod frodulenti minn tliet banek u l-baġit tal-Istat bejn l-2010 u l-2015. Il-mira hija li jiġi traċċat u jinkiseb ir-redditu ta’ MDL 10 700 000 000 (EUR 546 000 000) tal-assi sal-aħħar tal-2021.

3. Rakkomandazzjonijiet għall-Moldova

B’mod ġenerali, il-Moldova tkompli tissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi kif ukoll fl-oqsma tal-frodi finanzjarja, tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-ġlieda kontrihom. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin: :

·Il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jkomplu jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Jiġu adottati strateġija u pjan ta’ azzjoni għar-riformi fil-ġustizzja, jiġu adottati emendi kostituzzjonali relatati mal-ġudikatura f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u jiġi żgurat li l-ħatriet ġudizzjarji jitwettqu fi proċess ta’ għażla bbażat fuq il-mertu u trasparenti, inkluż ġustifikazzjonijiet immotivati sew għall-ħatriet u għar-rifjuti b’referenza għall-kriterji tal-kompetenza u tal-integrità.

·Ikomplu l-isforzi kontra l-korruzzjoni speċjalment billi tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi mill-atturi ta’ livell għoli, filwaqt li tiġi imposta diviżjoni effettiva tal-kompetenzi tal-aġenziji kontra l-korruzzjoni u jiġi żgurat li l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni jiffoka fuq każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja. Jiżdiedu l-isforzi kontra l-ħasil tal-flus billi tiġi adottata leġiżlazzjoni sekondarja li timplimenta l-liġi dwar is-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus, isir progress fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ skemi ewlenin ta’ ħasil tal-flus u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi allinjata mal-acquis tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu. Jissaħħu l-isforzi kontra l-frodi bankarja billi tiġi aġġornata l-istrateġija għall-irkupru tal-assi kriminali u jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid għall-irkupru tal-assi u tiġi ffinalizzata l-investigazzjoni tal-frodi bankarja tal-2014 bil-fini li dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u li jiġu rkuprati l-fondi miżapproprjati.

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Moldova dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

IX. L-Ukrajna

1. Il-migrazzjoni, l-ażil u r-riammissjoni

1.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża

Fl-2020, l-Ukrajna kompliet timplimenta l-istrateġija integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri għall-2019-2025 u l-pjan ta’ azzjoni korrispondenti, iżda ntlaħaq biss għadd limitat ta’ objettivi b’riżultati tanġibbli. Il-kooperazzjoni mal-Frontex kompliet; f’Kiev dalwaqt se jiġi skjerat Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Frontex b’mandat reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant.

L-Ukrajna kompliet timplimenta l-istrateġija għall-politika dwar il-migrazzjoni tal-2018-2021 u l-pjan ta’ azzjoni tagħha. L-Ukrajna tqajjem ukoll b’mod regolari sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-applikanti għall-ażil fil-korpi tal-Istat u fil-komunitajiet lokali, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u laqgħat mal-awtoritajiet lokali.

Il-Polonja identifikat ċittadini Ukreni li għandhom aktar minn passaport wieħed maħruġ legalment, xi drabi b’data personali modifikata, li tista’ tippermettilhom jibqgħu fl-UE oltre l-limitu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, l-Ukrajna ilha toħroġ passaporti bijometriċi mill-2015. L-aħħar passaporti mhux bijometriċi nħarġu fl-2016 u l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tagħhom hija ppjanata għall-2026, meta dawn jiskadu.

Il-politika tal-Ukrajna dwar il-viżi ma hijiex allinjata kompletament mal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal viża għal soġġorni qosra fl-UE.

1.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża fil-qasam tal-migrazzjoni

a)Tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari miċ-ċittadini Ukreni lejn l-Istati Membri

L-Istati Membri tal-UE indikaw kooperazzjoni ġeneralment tajba mal-Ukrajna fil-qasam tar-ritorn tal-persuni li jgħixu b’mod irregolari. Xi Stati Membri indikaw kwistjonijiet li kienu l-aktar relatati mad-delimitazzjoni mhux ċara tal-kompetenzi ta’ diversi aġenziji tal-Istat. Il-Ġermanja rrapportat kwistjonijiet bit-trattament kajman tat-talbiet ta’ riammissjoni. L-Ukrajna għamlet sforz biex taċċellera d-djalogu dwar ir-riammissjoni u l-abbozzar tal-protokolli ta’ implimentazzjoni u żiedet ukoll l-isforzi biex jiżżarmaw in-networks involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-bnedmin, kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-barranin, fit-territorju tal-UE.

b) Ikomplu jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża

L-Ukrajna wettqet kampanji ta’ informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u dwar ir-riskji assoċjati. Dawn kienu jinkludu seminars u webinars ta’ informazzjoni li saru fiċ-ċentri tal-impjiegi u permezz ta’ għodod interattivi ta’ informazzjoni online.

1.3. Il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari, fl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fir-ritorn u fir-riammissjoni

Fl-2020, l-għadd ta’ applikanti Ukreni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri 28 kien ta’ 6 020, 37 % inqas mill-2019. Ir-rata ta’ ritorn 29 żdiedet kemxejn minn 10,2 % fl-2019 għal 11,0 % fl-2020.  

L-għadd ta’ ċittadini Ukreni li jaqsmu l-fruntiera tal-UE b’mod illegali huwa marġinali (93 fl-2019, 87 fl-2020). 50 570 ċittadin Ukren instabu li kienu qed jgħixu b’mod irregolari fl-UE (41 705 fl-2019, żieda ta’ 21 %). L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini Ukreni naqas bi 15 %, minn 66 390 fl-2019 għal 56 450 fl-2020. .

Fl-2020, l-għadd ta’ ordnijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini Ukreni naqas bi 42 % (21 630 fl-2020 meta mqabbla ma’ 37 095 fl-2019). L-għadd ta’ ritorn effettiv kien ta’ 79 % inqas mill-2019 (5 585 fl-2020 meta mqabbla ma’ 27 200 fl-2019) u r-rata ta’ ritorn naqset minn 73 % fl-2019 għal 26 % fl-2020.

2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-ordni pubbliku u s-sigurtà

2.1. L-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji

L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni tajba mal-Ukrajna fil-qasam tas-sigurtà. L-Ukrajna kompliet tikkoopera mal-Europol u mal-Eurojust u kienet involuta f’attivitajiet konġunti ma’ diversi Stati Membri.

F’Ġunju 2020, il-Parlament adotta liġi ġdida dwar ir-repressjoni tal-kriminalità organizzata. Sabiex jiġu ċċarati l-kompetenzi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, liġi oħra adottata f’Jannar 2021 illimitat ir-responsabbiltajiet tas-Sigurtà Statali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-counter-intelligence, u s-sigurtà nazzjonali, fost oqsma oħrajn. Il-kompetenza fl-infurzar tal-liġi li qabel kienet tappartjeni għas-Sigurtà Statali ġiet attribwita lill-Uffiċċju Statali tal-Investigazzjoni (SBI). F’Jannar 2021, il-Parlament adotta wkoll il-liġi dwar l-Uffiċċju Statali tas-Sigurtà Ekonomika, li tistabbilixxi s-Servizz Fiskali tal-Istat, aġenzija ġdida li se tissostitwixxi l-pulizija tat-taxxa.

L-Ukrajna tagħti aċċess għall-biċċa l-kbira tal-bażijiet tad-data tagħha lill-Europol. Il-kooperazzjoni mal-Eurojust kompliet permezz tar-rappreżentant tal-Ukrajna fl-aġenzija tal-UE.

F’Awwissu 2020, il-President ħareġ digriet dwar il-Koordinatur Nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Inħoloq grupp ta’ ħidma interdipartimentali dwar l-iżvilupp tal-istrateġija għall-politika tal-Istat dwar id-droga għall-perjodu sal-2030.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ingħatat prijorità biex jiġu indirizzati inċidenti relatati mal-kunflitt armat fiż-żoni ta’ Donetsk u Luhansk. Fl-2020, is-Sigurtà Statali kompliet l-azzjonijiet kontra l-attivisti u l-partitarji bbażati fl-Ukrajna tal-organizzazzjonijiet estremisti mil-Lvant Nofsani, mill-Asja Ċentrali u mill-Afrika ta’ Fuq. L-Ukrajna hija kkunsidrata bħala konformi mar-rakkomandazzjoni tal-FATF dwar l-indipendenza tal-UIF.

Il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni (HACC) bdiet topera f’Settembru 2019; fl-aħħar ġie pprovdut bini permanenti. L-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna (NABU) kompla jibni r-rekord tiegħu tal-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni fil-livelli għolja abbażi ta’ titjib fis-setgħat u fil-kapaċitajiet tiegħu.

Il-kooperazzjoni bejn l-NABU u l-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni (SAPO) tjiebet. Madankollu, f’Awwissu 2020, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna (CCU) iddikjarat bħala mhux kostituzzjonali d-digriet presidenzjali tal-2015 li jaħtar id-Direttur tal-NABU. F’Settembru 2020, is-CCU ddikjarat ukoll ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-NABU bħala mhux kostituzzjonali, inkluż dawk li jagħtu s-setgħa lill-President biex jistabbilixxi l-NABU, u dan ħalla lill-NABU f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

F’Ottubru 2019, ġiet adottata liġi sabiex l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (NACP) terġa’ tingħata l-ħajja, filwaqt li tiġi żgurata l-verifika tad-dikjarazzjonijiet annwali tal-introjtu u tal-proprjetà tal-uffiċjali pubbliċi. L-istrateġija kontra l-korruzzjoni għall-2020-2024 ġiet approvata mill-Kabinett tal-Ministri f’Settembru 2020, iżda l-adozzjoni tagħha mill-Parlament ġiet ittardjata.

F’Ottubru 2020, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat bħala mhux kostituzzjonali s-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi, ir-responsabbiltà kriminali għad-dikjarazzjonijiet foloz u s-setgħat ewlenin ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni tal-NACP. Għalkemm fl-4 ta’ Diċembru 2020 il-leġiżlazzjoni rilevanti reġgħet iddaħħlet parzjalment, is-sanzjonijiet deterrenti għad-dikjarazzjonijiet foloz tal-assi għadhom neqsin. L-Ukrajna għad trid iġġib il-leġiżlazzjoni tagħha f’konformità mal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tas-6 ta’ Mejju 2021, li talbet sistema b’saħħitha ta’ dikjarazzjoni tal-assi b’reġim ta’ sanzjonijiet proporzjonati iżda deterrenti.

L-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA) hija responsabbli għat-traċċar u l-ġestjoni tal-assi miksuba minn proċedimenti kriminali u/jew mill-korruzzjoni, kif irrakkomandat mill-GRECO. Madankollu, l-Aġenzija ilha mill-aħħar tal-2019 tiġi ġestita minn Aġent Kap, filwaqt li l-għażla tal-kap permanenti tagħha ġiet ittardjata. L-Aġenzija tbati wkoll minn qafas legali defiċjenti dwar il-ġestjoni tal-assi sekwestrati u min-nuqqas ta’ qafas strateġiku dwar l-irkupru tal-assi.

Minkejja l-isforzi kollha deskritti hawn fuq, il-progress fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma huwiex biżżejjed, speċjalment fir-rigward tal-każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli u ta’ manipulazzjoni tal-Istat, li rarament ikollhom investigazzjoni u prosekuzzjoni effiċjenti, bi ftit kundanni.

Il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus (AML) daħlet fis-seħħ f’April 2020, iżda ma hijiex kompletament operazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.

2.2. L-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tat-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża.

a) Jiġu żgurati l-indipendenza, l-effettività u s-sostenibbiltà tal-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni u tiġi evitata l-politiċizzazzjoni tal-ħidma tal-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi. Jiġi żgurat li l-ħatriet u t-tkeċċijiet tal-mexxejja kollha tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jsiru f’konformità stretta mal-liġi. Jiġi żgurat li l-Aġenzija nazzjonali mnedija mill-ġdid għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni twettaq b’mod kredibbli l-mandat tagħha.

Kif iddikjarat hawn fuq, il-Qorti Kostituzzjonali ħarġet għadd ta’ deċiżjonijiet li kellhom impatt negattiv fuq il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-NABU, tal-NACP u tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi. Ir-riforma tal-qafas kontra l-korruzzjoni miexja bil-mod, l-istituzzjonijiet eżistenti jiffaċċjaw ħafna ostakli fil-funzjonament tagħhom, il-livell ta’ fiduċja pubblika fl-effiċjenza tagħhom huwa baxx u l-għadd ta’ kundanni li jirriżultaw mill-korruzzjoni kbira huwa żgħir.

F’Ottubru 2020, il-Prosekutur Ġenerali approva l-istrateġija għall-2021-2023 għall-iżvilupp tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-attestazzjoni li għaddejja tal-prosekuturi hija mistennija li tkompli iżda l-perjodu ta’ attestazzjoni jeħtieġ li jiġi estiż lil hinn minn Settembru 2021. Ir-regoli interim għall-għażla tal-prosekuturi fil-livell tal-ġestjoni għamlu l-għażla aktar trasparenti, iżda dawn xorta għad jeħtieġ li jittejbu għall-perjodu permanenti li jibda f’Settembru 2021.

F’Diċembru 2020, il-Parlament irreveda l-liġi dwar ir-reklutaġġ fl-SAPO. Hemm kompetizzjoni miftuħa li għaddejja għal pożizzjonijiet amministrattivi vakanti fl-SAPO, inkluż il-pożizzjoni ta’ Viċi Prosekutur Ġenerali - Kap tal-SAPO. Il-proċess tal-għażla għal Kap ġdid tal-SBI beda fl-2020 iżda qed jara dewmien. Il-ħatra tal-mexxejja tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi normalment tieħu żmien twil u t-trasparenza tagħha ma hijiex suffiċjenti.

d) Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Pulizija Nazzjonali u jittejbu l-kooperazzjoni u d-delineazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex tiġi indirizzata aħjar il-kriminalità organizzata.

L-Ukrajna kompliet l-isforzi tagħha biex ittejjeb it-taħriġ u timmodernizza t-tagħmir tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Il-kwistjoni tal-kompetenzi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi bdiet tiġi indirizzata. Is-Servizz tas-Sigurtà Statali ġie ffukat mill-ġdid fuq oqsma bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-counter-intelligence u s-sigurtà nazzjonali. Il-kompetenza tal-infurzar tal-liġi li qabel kienet tappartjeni għas-Servizz tas-Sigurtà Statali (SSU) ġiet attribwita lill-Uffiċċju Statali tal-Investigazzjoni (SBI). Madankollu, il-leġiżlazzjoni attwali tibqa’ ma tiddelinjax b’mod ċar il-funzjonijiet tal-kriminalità organizzata bejn l-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi.


3. Rakkomandazzjonijiet għall-Ukrajna

B’mod ġenerali, l-Ukrajna għadha tissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi kif ukoll fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-ħasil tal-flus u tal-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati aktar l-oqsma li ġejjin: :

·Ikomplu l-isforzi biex jitnaqqas l-għadd ta’ ċittadini tal-Ukrajna li qed jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri tal-UE u li qed iressqu applikazzjonijiet għall-ażil mhux ġustifikati;

·Tiġi eliminata l-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Ukrajna jkollhom aktar minn passaport validu wieħed fl-istess ħin; jitwaqqaf il-ħruġ ta’ dawn il-passaporti “addizzjonali” u tiġi kkanċellata l-validità ta’ dawk li jkunu nħarġu;

·Il-kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża jiġu adattati għal profili tal-migranti rilevanti, inkluż f’dak li jirrigwarda l-gruppi vulnerabbli, il-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

·Tittejjeb l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi billi l-isforzi ewlenin fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġu ffukati fuq każijiet ta’ korruzzjoni kbira u manipulazzjoni tal-Istat;

·Tiġi adottata l-leġiżlazzjoni meħtieġa dwar l-NABU li tneħħi l-inċertezza legali tal-istatus tiegħu;

·Titwettaq għażla trasparenti, depolitiċizzata u bbażata fuq il-mertu tal-kapijiet tal-NABU, tal-SAPO, tal-ARMA u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll tal-prosekuturi fil-livell tal-ġestjoni, bl-użu ta’ proċeduri u ta’ kriterji tal-għażla adegwati, inkluż kontroll kredibbli tal-integrità;

·Tittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-ARMA relatata mal-ġestjoni tal-assi sekwestrati u tiġi adottata strateġija nazzjonali rilevanti dwar l-irkupru tal-assi;

·Jinħolqu kundizzjonijiet għall-NABU u għal aġenziji eliġibbli oħrajn biex titwettaq l-interċezzjoni awtonoma tal-komunikazzjoni;

·Tittejjeb l-effettività tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus billi a) jiġu introdotti bis-sħiħ l-attivitajiet tal-pulizija mmexxija mill-intelligence fl-istrateġija nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; b) jiġu ċċarati u ddelineati l-kompetenzi tal-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi u jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-kompetenza esklużiva għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u d-deċiżjoni tal-każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja tiġi żgurata għall-NABU, l-SAPO u l-HACC; c) ikomplu l-isforzi biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi allinjata bis-sħiħ mal-acquis tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħha;

·Jiġi żgurat aktar allinjament tal-politika tal-Ukrajna dwar il-viżi mal-listi tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.


X. Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-pajjiżi vvalutati kollha ħadu azzjonijiet biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li saru fit-Tielet Rapport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Fir-rigward tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom kisbu l-eżenzjoni mill-viża inqas minn seba’ snin ilu, li għalihom il-valutazzjoni tal-issodisfar tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża għadha rilevanti, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom jiġu ssodisfati. Madankollu, jeħtieġ li jittieħdu aktar azzjonijiet f’oqsma speċifiċi sabiex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tal-parametri referenzjarji u biex ikomplu jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet relatati fuq l-ivvjaġġar kellhom impatt kbir fuq il-flussi migratorji, li wassal għal tnaqqis sinifikanti ta’ ħafna indikaturi relatati mal-migrazzjoni. L-applikazzjonijiet għall-ażil ġarrbu tnaqqis temporanju kbir fir-rebbiegħa tal-2020, segwit minn irkupru rapidu. Għalkemm, b’mod ġenerali, l-għadd ta’ applikazzjonijiet baqa’ ferm taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija, diversi pajjiżi jeħtieġ li jkomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, inkluż billi jsaħħu l-parteċipazzjoni fl-EMPACT u billi jkomplu jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni mmirati.

Il-pandemija kellha wkoll impatt profond fuq ir-ritorn taċ-ċittadini tal-pajjiżi koperti. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u d-disponibbiltà limitata tat-titjiriet għamluha diffiċli li jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ ritorn fl-2020. Għalkemm ir-rata ta’ ritorn naqset għaċ-ċittadini tat-tmien pajjiżi kollha, il-Frontex u l-Istati Membri għadhom jirrapportaw, b’mod ġenerali, kooperazzjoni tajba fir-ritorn u fir-riammissjoni.

Għadu meħtieġ titjib fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u l-kapaċità ta’ akkoljenza f’xi sħab tal-Balkani tal-Punent (speċjalment il-Bożnija-Ħerzegovina) tkompli tqajjem tħassib. Il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina jenħtieġ li jikkonkludu u jimplimentaw ukoll il-“ftehimiet dwar l-istatus” tal-Frontex.

Sabiex jiġi żgurat ambjent ta’ migrazzjoni u ta’ sigurtà ġestit tajjeb, bħala kundizzjoni sottostanti għall-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji, il-pajjiżi kollha koperti jenħtieġ li jiżguraw l-allinjament tagħhom mal-politika tal-UE dwar il-viżi, b’mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jirrikjedu viża għal dħul u għal soġġorni qosra fl-UE. Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati ċ-ċirkomvenzjonijiet possibbli tal-proċedura tal-UE dwar il-viżi għal soġġorni qosra u tal-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u dawk għas-sigurtà individwali li din tinvolvi, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi mingħajr viża li jmexxu skemi ta’ ċittadinanza b’investiment biex jeliminawhom gradwalment b’mod effettiv.

Il-pajjiżi rrapportaw li komplew jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità organizzata. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-delineazzjoni tal-kompetenzi u tal-koordinazzjoni fost l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tal-effettività tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-frodi finanzjarja u l-ħasil tal-flus. Il-korruzzjoni fil-livelli għolja għadha kwistjoni fil-pajjiżi kollha koperti minn dan ir-rapport. B’mod partikolari fil-Moldova u fl-Ukrajna, l-isforzi kontra l-korruzzjoni huma mxekkla mill-istatus legali tal-aġenziji kontra l-korruzzjoni, mill-kapaċità operazzjonali reali limitata ta’ dawk il-korpi u mill-għadd żgħir ta’ kundanni f’dawk il-każijiet ta’ korruzzjoni li jitressqu quddiem il-qorti.

L-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma proċessi kontinwi u li għadhom għaddejjin. Għalhekk, il-monitoraġġ mill-qrib se jkompli, inkluż permezz ta’ laqgħat mal-uffiċjali għolja kif ukoll permezz tal-laqgħat u d-djalogi regolari tas-Sottokumitat għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi koperti fir-rapport. Fir-rigward tal-Balkani tal-Punent, il-monitoraġġ tal-aspetti relatati mal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża huwa inkluż ukoll fil-Pakkett annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea.

(1) Il-liberalizzazzjoni tal-viża ġiet segwita minn żieda immedjata fl-ivvjaġġar għal żmien qasir lejn l-UE, inkluż żieda sinifikanti fl-għadd ta’ turisti mingħajr viża li jżuru l-UE (in-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (2019). “Impact of visa liberalisation on countries of destination – synthesis report”. in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, Brussell).
(2) F’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.
(3) Ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tas-Serbja.
(4) Mill-2009-2010.
(5) Il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna.
(6) Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri jirreferu għall-Istati Membri li japplikaw ir-Regolament (UE) 2018/1806 (“ir-Regolament dwar il-Viża”), jiġifieri, l-Istati Membri attwali kollha minbarra l-Irlanda, kif ukoll il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.
(7)      Filwaqt li l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża relatati mal-migrazzjoni huma limitati għall-ġestjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni mill-pajjiżi terzi kkonċernati, it-taqsima dwar it-tendenzi tal-migrazzjoni tirrifletti l-migrazzjoni irregolari lejn l-Istati Membri, ir-rifjuti ta’ dħul maħruġa mill-Istati Membri u l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mressqa fl-Istati Membri minn ċittadini tal-pajjiżi koperti fir-rapport.
(8)      L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol). Il-kontribut tal-Europol huwa bbażat fuq l-input ipprovdut mill-Istati Membri u mill-pajjiżi sħab għar-rapport tal-2021 tal-Europol “European Union serious and organised crime threat assessment, A corrupting influence: the infiltration and undermining of Europe’s economy and society by organised crime”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
(9)      Il-“Ftehim dwar l-Istatus” bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija, iffirmat fil-5 ta’ Ottubru 2018.
(10)    Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(11)      Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, ir-rata ta’ rikonoxximent tal-ażil tiġi kkalkolata bħala s-sehem mid-deċiżjonijiet pożittivi fl-ewwel istanza (inkluż il-protezzjoni ta’ Ġinevra, il-protezzjoni sussidjarja, u l-istatus umanitarju) fl-għadd totali ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.
(12)    Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(13)    Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(14)    Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(15)    Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(16) Il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.
(17)      Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(18)      Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(19)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141 tal-5.6.2015, p. 73)
(20)      Maħtura fl-2019 f’konformità mal-Liġi riveduta dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kunflitti ta’ Interess.
(21)      Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(22)      Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(23)      Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(24)      Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(25)      Imwettaq fl-2018 mill-EUBAM mal-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija tal-Fruntieri u mas-Servizzi Doganali Moldovani bil-għan li tiġi vvalutata, fost l-oħrajn, il-konformità mal-istandards tal-UE tal-aspetti tal-kontroll fil-fruntieri applikati fuq il-vjaġġaturi f’punti ta’ qsim tal-fruntiera magħżula.
(26)      Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(27)      Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(28)    Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(29)    Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.