Brussell, 29.9.2021

COM(2021) 592 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali














Introduzzjoni

L-indirizzar tal-isfidi li ġġib magħha l-migrazzjoni irregolari lejn l-UE huwa komponent importanti tal-approċċ komprensiv, fit-tul u sostenibbli għall-migrazzjoni kif propost skont il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 1 . Dak l-approċċ jiżgura konsistenza fl-iżvilupp tal-politika tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri biex jgħin fil-prevenzjoni ta’ wasliet mhux sikuri u irregolari lejn l-UE. Il-Patt Ġdid għandu l-għan li jiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari, jipprevjeni l-isfruttament organizzat tal-migranti u jippromwovi rotot legali sostenibbli u sikuri għal dawk li jeħtieġu protezzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti għall-perjodu 2021-2025 2 , ippreżentat flimkien ma’ dan ir-rapport, jipprovdi l-għodod għall-ġlieda kontra n-netwerks kriminali tat-traffikar u biex jiskoraġġixxi b’suċċess il-migrazzjoni irregolari fi sħubija mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif ukoll il-pajjiżi sħab.

Biex nirreaġixxu b’suċċess għall-migrazzjoni irregolari, huwa meħtieġ ukoll li jiġu indirizzati l-motivaturi li jwasslu lill-migranti biex jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi lejn l-UE. Il-possibbiltà li l-migranti irregolari jfittxu ħajja aħjar billi jsibu impjieg fl-ekonomija informali 3 , u b’hekk jiksbu riżorsi li jistgħu jappoġġaw is-sussistenza tal-membri tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini, hija motivatur ta’ dan it-tip, anke jekk din is-sitwazzjoni tagħmilhom vulnerabbli għall-abbuż u l-isfruttament. L-impjieg illegali tal-migranti irregolari huwa fenomenu kumpless li jaffettwa diversi oqsma, inkluż il-migrazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali, il-politika fiskali kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-individwi. Filwaqt li l-iskala u l-okkorrenza tal-impjiegi illegali jvarjaw bejn l-unitajiet domestiċi privati, bejn in-negozji żgħar, medji u l-kumpaniji kbar u bejn is-setturi ekonomiċi, l-impjieg illegali, madankollu, jipprovdi raġunijiet għal dawk l-impjegaturi li jixtiequ jnaqqsu l-kost lavorattiv u jevitaw ir-regoli, biex jieħdu vantaġġ minn ħaddiema li jkunu lesti jwettqu impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet u b’pagi baxxi f’setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema bħall-kostruzzjoni, l-agrikoltura, it-tindif u l-lukandi/il-catering.

Barra minn hekk, l-impjieg illegali ta’ persuni li mhumiex awtorizzati jissoġġornaw fl-UE - b’mod simili għax-xogħol mhux iddikjarat ta’ persuni intitolati li jibqgħu iżda mhux li jaħdmu u l-ekonomija informali b’mod ġenerali - jagħmel ħsara minn perspettiva ekonomika, peress li jwassal għal telf fil-finanzi pubbliċi, it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet soċjali, inaqqas il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u joħloq kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji 4 .

L-impjieg illegali jesponi wkoll lill-migranti għal riskji ta’ ksur tad-drittijiet individwali u soċjali, b’mod partikolari l-isfruttament tax-xogħol, l-għajxien prekarju u kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ebda aċċess għall-protezzjoni soċjali jew aċċess limitat. Barra minn hekk, f’xi każijiet l-isfruttament tal-ħaddiema jista’ jkollu wkoll rabtiet mal-kriminalità serja u organizzata, jew permezz tat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament tax-xogħol jew l-isfruttament ta’ migranti irregolari permezz ta’ netwerks tat-traffikar permezz ta’ rbit ta’ dejn - fejn persuna tkun sfurzata taħdem biex tħallas id-dejn - u kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi. In-netwerks kriminali jimmiraw ukoll lejn il-migranti li diġà jissoġġornaw b’mod irregolari fl-UE, billi jġegħluhom jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ sfruttament kbir, filwaqt li jużaw il-vulnerabbiltà u r-rieda tagħhom li jaċċettaw kwalunkwe tip ta’ opportunità ta’ impjieg biex jibqgħu fl-UE u jkollhom dħul 5 .

Huwa diffiċli li jiġi stmat id-daqs tal-impjieg illegali fl-UE minħabba li huwa fenomenu “moħbi” marbut mal-ekonomija informali fl-Istati Membri. Hemm indikazzjonijiet li l-impjieg illegali ta’ migranti irregolari huwa ogħla fejn is-sehem tal-attività ekonomika informali huwa kbir 6 . Għalkemm l-impjieg informali 7 huwa stmat li jammonta għal 16,8 % tal-impjiegi kollha fl-UE bħala medja 8 , il-livell ta’ impjieg illegali ta’ migranti irregolari huwa dejjem aktar diffiċli biex jiġi kkwantifikat, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti speċifiċi għall-ġeneru u dawk sensittivi għat-tfal 9 , peress li l-migrazzjoni irregolari dejjem tibqa’ diffiċli biex tiġi stmata.

Flimkien ma’ miżuri intensifikati biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari, il-projbizzjoni effettiva tal-impjieg tal-migranti irregolari tibqa’ element ċentrali fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, u b’hekk jitnaqqsu wkoll l-impatti ekonomiċi u soċjali tagħha inkluż permezz tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwu.

1.L-Objettivi tal-Komunikazzjoni

Id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi 10 tipprovdi qafas legali Ewropew għall-prevenzjoni u r-rispons speċifiku għall-impjieg illegali tal-migranti irregolari, li jinsabu f’sitwazzjoni aktar prekarja u vulnerabbli minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra. Għalkemm l-indirizzar tal-impjieg u tal-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti b’soġġorn legali huwa daqstant ieħor importanti, dawn mhumiex soġġetti għal din id-Direttiva peress li huma koperti mill-qafas tal-UE għall-migrazzjoni legali 11 u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika.

Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirrikjedu li l-impjegaturi jivverifikaw id-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw fl-UE u dwar sanzjonijiet għal min iħaddem lill-migranti irregolari, filwaqt li tistabbilixxi standards minimi u mekkaniżmi għad-detezzjoni tal-impjieg illegali. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi biex jintalbu lura pagi pendenti, biex jiġu ffaċilitati l-ilmenti li jistgħu jiżvelaw sitwazzjonijiet ta’ impjieg illegali u biex jinħarġu permessi temporanji ta’ residenza lill-vittmi ta’ impjegaturi partikolarment abbużivi biex jieħdu sehem fi proċedimenti kriminali.

Id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jfasslu approċċi differenti biex jiksbu l-objettivi tagħha, li jippermettulhom iqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali relatati mas-suq tax-xogħol, ir-rwol tal-impjiegi u l-migrazzjoni illegali u s-severità tal-ksur. Madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jiżguraw li r-regoli jirnexxilhom jiskoraġġixxu l-migrazzjoni irregolari u jkunu jindirizzaw l-impjiegi illegali. Approċċi nazzjonali ineffettivi kontra l-impjieg illegali li ma jnaqqsux l-attraenza tal-ekonomija informali għall-migranti irregolari, u bħala tali ma jikkontribwixxux għat-tnaqqis tal-wasliet irregolari, għandhom effett indirett fuq l-Istati Membri kollha u fuq il-politika tal-migrazzjoni tal-UE kollha kemm hi.

Din il-Komunikazzjoni tħares lejn l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva, wara t-tħabbira taħt il-Patt il-Ġdid li l-Kummissjoni se tivvaluta kif issaħħaħ l-effettività tad-Direttiva u tevalwa l-ħtieġa għal aktar azzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkomunika wkoll mal-“Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat”, il-grupp ta’ ħidma tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol li għadha kif ġiet stabbilita (minn hawn ’il quddiem, il-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat).

Din il-Komunikazzjoni tissodisfa wkoll l-obbligu ta’ rappotar fuq bażi regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi. Tidentifika l-azzjonijiet meħtieġa biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’enfasi fuq it-tliet linji ta’ azzjoni ewlenin: sanzjonijiet kontra l-impjegaturi, miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari u spezzjonijiet. Il-Komunikazzjoni teżamina, fost l-oħrajn, l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6(2) u 6(5) dwar il-proċeduri effettivi għall-introduzzjoni ta’ talbiet għal ħlas b’lura u l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza b’tul limitat f’każ ta’ proċedimenti kriminali.

Il-Komunikazzjoni ssegwi l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni ta’ Mejju 2014 12 u tibni fuq l-informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva pprovduta mill-Istati Membri 13 (inkluża d-data dwar l-ispezzjonijiet fl-2019 u fl-2020 u fuq ir-riżultati tagħhom) u fuq firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari t-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi u tan-negozju, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u r-rappreżentanti tal-migranti. Hija tqis ukoll il-ħidma tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-protezzjoni tal-migranti irregolari mill-isfruttament tal-ħaddiema 14 . Filwaqt li l-Komunikazzjoni tfittex li tfassal triq ’il quddiem, hija tirrikonoxxi li hemm lakuni sinifikanti fl-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni li jagħmluha diffiċli li jintlaħqu konklużjonijiet definittivi dwar l-impatt u l-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta miżuri konkreti biex jimtlew dawn il-lakuni.

2.Impjieg illegali u sanzjonijiet kontra l-impjegaturi

Sanzjonijiet finanzjarji u kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-impjieg illegali jibqgħu ta’ importanza kruċjali biex jitnaqqsu l-inċentivi għall-impjegaturi biex jingaġġa migranti irregolari. Is-sanzjonijiet għandhom jikkontrobilanċjaw il-vantaġġi ekonomiċi tal-ingaġġ ta’ migranti irregolari. Is-sanzjonijiet kontra l-impjegaturi għandhom jirriflettu wkoll is-serjetà tar-reat u jirrispondu b’mod proporzjonat għas-severità tal-ksur u jiżdiedu f’każijiet ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi (eż. ksur persistenti, għadd sinifikanti ta’ migranti irregolari impjegati, u l-impjieg ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin). L-applikazzjoni effettiva u proporzjonali tas-sanzjonijiet tkun dissważiva meta r-riskji li wieħed jinqabad u jiġi sanzjonat jegħlbu l-vantaġġi ekonomiċi mill-ingaġġ ta’ migranti irregolari.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, u biex jiġi miġġieled l-impjieg illegali, id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi tiddefinixxi standards minimi għal sanzjonijiet finanzjarji u kriminali kontra min iħaddem u tistabbilixxi miżuri amministrattivi addizzjonali, bħat-telf ta’ benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni minn kuntratti pubbliċi. L-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà biex jiddeterminaw il-livell attwali tas-sanzjonijiet, skont is-sitwazzjoni nazzjonali speċifika, is-severità tal-ksur jew jekk l-impjegatur huwiex persuna fiżika jew ġuridika, u l-Istati Membri jistgħu jintroduċu wkoll standards ogħla minn dawk minimi stabbiliti fid-Direttiva. Fl-istess ħin, huwa ta’ importanza primarja li f’żona mingħajr fruntieri interni, u sabiex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari, tittieħed azzjoni kontra l-impjieg illegali fuq bażi komuni u li s-sistemi nazzjonali kollha jaħdmu b’mod effettiv. Il-lakuni fi Stat Membru wieħed jew fi ftit Stati Membri jimminaw l-effett deterrenti fuq l-impjieg illegali u l-migrazzjoni irregolari ta’ persuni li jkunu lesti jaħdmu fl-ekonomija informali, b’konsegwenzi fuq il-politika tal-migrazzjoni tal-UE kollha kemm hi.

L-impjieg illegali jseħħ f’ambjenti ekonomiċi differenti, fosthom djar privati, kumpaniji żgħar jew ta’ daqs medju u kumpaniji kbar. Huwa importanti li jiġi żgurat li t-tipi kollha ta’ impjegaturi jkunu infurmati u konxji mill-possibbiltajiet ta’ impjieg u reklutaġġ legali, il-passi li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni u l-evitar ta’ impjieg illegali kif ukoll ir-riskji u l-konsegwenzi tal-ingaġġ ta’ migranti irregolari.

L-Istati Membri ġeneralment ittrasponew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għalkemm l-approċċi magħżula jvarjaw b’mod sinifikanti peress li huma influwenzati minn varjetà ta’ fatturi (eż. sistemi nazzjonali differenti ta’ sanzjonar, l-impatt soċjali u l-perċezzjoni tal-impjieg illegali, is-sitwazzjonijiet ekonomiċi u l-livelli ta’ pagi, l-inċidenza tal-impjieg illegali fl-ekonomija). Dan huwa rifless fid-diversità sinifikanti fil-firxa u l-iskala tas-sanzjonijiet finanzjarji (it-Tabella 1) u kriminali (it-Tabella 2), kif ukoll fl-għażliet differenti magħmula mill-Istati Membri fl-użu ta’ miżuri oħra (eż. l-esklużjoni mill-għajnuna pubblika jew mill-finanzjament tal-UE jew l-esklużjoni mill-kuntratti pubbliċi). Barra minn hekk, hemm ħarsa ġenerali mifruxa u mhux kompluta tal-prosekuzzjonijiet miftuħa kontra min iħaddem u s-sanzjonijiet applikati fil-prattika li jagħmluha diffiċli li jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt tad-Direttiva fl-iżgurar ta’ approċċ effiċjenti ta’ sanzjonar tal-impjiegi illegali fl-Istati Membri kollha u fl-iżgurar li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u deterrenti.

2.1. Sanzjonijiet finanzjarji

Id-Direttiva tipprevedi li l-impjegaturi li jingaġġaw migranti irregolari jkunu soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji li għandhom jiżdiedu proporzjonalment mal-għadd ta’ migranti irregolari impjegati u jistgħu jitnaqqsu f’każijiet meta l-impjieg ikun għal skopijiet privati (eż. assistenza domestika). Kif diġà ġie rrappurtat fl-2014, l-Istati Membri kollha ttrasponew ir-regoli dwar is-sanzjonijiet finanzjarji kontra l-impjegaturi. Madankollu, minħabba nuqqasijiet ta’ informazzjoni rigward l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji kontra l-impjegaturi fil-prattika, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat b’mod konklużiv l-impatt f’dan il-qasam. L-informazzjoni limitata disponibbli turi li hemm differenzi sinifikanti fid-daqs tal-multi applikati għall-persuni ġuridiċi għal kull migrant irregolari impjegat, b’sanzjonijiet minimi li jvarjaw minn EUR 300 fil-Belġju għal madwar EUR 10 000 fil-Kroazja u sanzjonijiet massimi li jvarjaw minn EUR 3 000 fil-Belġju, Ċipru u l-Estonja sa EUR 43 000 fl-Italja.

Bħala indikazzjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet, dawn jistgħu jkunu minn madwar 1,5 darbiet il-paga minima fix-xahar 15 għal 92 16 darba jew saħansitra 700 17 darba l-paga minima fix-xahar fl-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, il-liġijiet nazzjonali fil-maġġoranza tal-Istati Membri 18 jippreskrivu l-ammont jew il-multa minima u kif din tiżdied proporzjonalment ma’ kull migrant irregolari impjegat, filwaqt li l-bqija tal-Istati Membri jħallu f’idejn il-ġudikatura biex tiddeċiedi l-ammont preċiż skont l-għadd ta’ migranti irregolari involuti 19 .

Id-differenza bejn il-livell tal-multi applikati fl-Istati Membri tiddependi fuq varjetà ta’ elementi, bħas-sitwazzjoni ekonomika u l-livell tal-paga minima fl-Istat Membru. Barra minn hekk, it-tip ta’ impjegatur (eż. unità domestika jew intrapriża) jaffettwa wkoll il-livell u n-natura tas-sanzjonijiet. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-differenza fil-livell tas-sanzjonijiet tkun ġustifikata u s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi f’kull Stat Membru. 

L-Istati Membri b’sistema ta’ sanzjonijiet aktar stretta jqisu li sanzjonijiet finanzjarji ogħla huma deterrent tajjeb kontra l-impjieg illegali, filwaqt li l-Istati Membri li japplikaw sanzjonijiet aktar baxxi jew fejn ir-riskju ta’ sanzjonijiet jitqies baxx meta mqabbel mal-profitti potenzjali minn impjieg illegali sabu li s-sanzjonijiet mhumiex deterrent suffiċjenti 20 . Għalhekk huwa indikattiv li ħdax-il Stat Membru biddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom mill-2014 u żidu l-ammont tal-multa imposta. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tindika wkoll li, fil-prattika, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri s-sanzjonijiet u l-penali imposti fuq l-impjegaturi mhumiex severi biżżejjed biex jiddiswadu lill-impjegaturi milli jirrikorru għall-impjieg illegali 21 . Barra minn hekk, il-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat turi li, lil hinn minn sistema ta’ sanzjonijiet li tiffunzjona tajjeb u l-infurzar tagħhom, strutturi tajbin u ċari huma daqstant ieħor importanti biex jimmotivaw u jiffaċilitaw il-konformità 22 .

2.2. Sanzjonijiet kriminali

Skont id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi, sanzjonijiet kriminali (li jistgħu jkunu multi kriminali, sentenzi ta’ ħabs jew pieni oħra) jiġu applikati għal każijiet serji ta’ impjieg illegali b’ċirkostanzi aggravanti bħal ksur ripetut, impjegar ta’ għadd sinifikanti ta’ migranti irregolari jew l-impjegar tagħhom b’kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi, jew l-impjegar ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u ta’ minorenni. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-impjieg illegali jikkostitwixxi reat kriminali fih innifsu 23 filwaqt li l-bqija tal-Istati Membri b’mod ġenerali kkriminalizzaw l-impjieg illegali fiċ-ċirkostanzi kollha previsti mid-Direttiva 24 .

Mill-2014 ‘l hawn, sar xi progress b’bidliet leġiżlattivi fl-Italja, fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Iżvezja li jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fil-prattika 25 . Pereżempju, l-Italja neħħiet ir-rekwiżit li l-isfruttament jeħtieġ li jseħħ permezz ta’ vjolenza, theddid u intimidazzjoni u kklassifikat l-ingaġġar jew is-soġġezzjoni tal-impjegati għal xogħol b’kundizzjonijiet ta’ sfruttament bħala reat kriminali. Il-Ġermanja kkriminalizzat l-isfruttament u l-iskop li jsir qligħ fih innifsu, u mhux biss l-att li persuna tiġi mġiegħla taħdem b’mod li jisfruttaha. Franza estendiet il-kompetenzi tal-ispettorat tax-xogħol biex jinkludu r-reġistrazzjoni ta’ reati tat-traffikar tal-bnedmin, ix-xogħol furzat u s-servitù. L-Iżvezja adottat leġislazzjoni li ssaħħaħ il-kriminalizzazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin li tindirizza l-isfruttament billi tiżgwida jew tuża s-sitwazzjoni dipendenti ta’ persuna oħra, il-vulnerabbiltà jew is-sitwazzjoni diffiċli tagħha u l-isfruttament permezz tax-xogħol furzat.

Madankollu, hemm differenzi fis-severità tas-sanzjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri kif muri fit-Tabella 2, kemm f’termini ta’ tul ta’ sentenza ta’ priġunerija possibbli, li jvarjaw minn tmient ijiem għal 12-il sena, kif ukoll l-ammont tal-multa applikata. Barra minn hekk, hemm lakuna sinifikanti fl-informazzjoni dwar l-applikazzjoni fil-prattika ta’ sanzjonijiet kriminali kontra l-impjegaturi u l-għadd ta’ proċedimenti mnedija. Dawn l-elementi jindikaw il-fatt li d-Direttiva kellha impatt limitat biex tiskoraġġixxi l-impjieg illegali permezz ta’ sanzjonijiet u għadha ma rnexxilhiex tistabbilixxi qafas effiċjenti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi madwar l-UE. Il-feedback ipprovdut mill-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, miġbur matul konsultazzjonijiet immirati apposta dwar is-suġġett, jappoġġa tali konklużjoni peress li jikkonferma li s-sanzjonijiet għal impjegaturi li jisfruttaw jidhru li huma inqas mill-benefiċċji miksuba permezz tax-xogħol mhux iddikjarat u d-dumping soċjali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk il-livell ta’ sanzjonijiet kriminali applikati fil-livell nazzjonali huwiex deterrent biżżejjed u jikkontribwixxi għal qafas effiċjenti ta’ sanzjonijiet kontra l-impjieg illegali.

2.3. Miżuri amministrattivi oħra

Minbarra s-sanzjonijiet finanzjarji u kriminali, f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri amministrattivi oħra kontra l-impjegaturi, bħat-telf ta’ benefiċċji pubbliċi, l-esklużjoni mill-kuntratti pubbliċi, l-irkupru ta’ sussidji pubbliċi, l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti jew l-irtirar tal-liċenzja biex joperaw. Id-Direttiva tipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ “name and shame” u l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ impjegaturi li wettqu reat kriminali.

Hawnhekk ukoll, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri inkluż dwar it-tul tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri addizzjonali. Barra minn hekk, disa’ Stati Membri 26 biss jinkludu l-erba’ miżuri amministrattivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u, għalkemm l-Istati Membri kollha jinkludu mill-inqas waħda mill-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, fil-prattika tmien Stati Membri 27 biss irrapportaw li applikawhom, u dan jagħmilha diffiċli biex jiġu evalwati bis-sħiħ l-effettività u l-impatt ta’ dawn il-miżuri.

L-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti jew l-irtirar tal-liċenzja tal-operat jidher li huwa l-aktar miżura applikata 28 , filwaqt li tliet Stati Membri 29 biss japplikaw telf ta’ benefiċċji pubbliċi u esklużjoni minn kuntratti pubbliċi u l-ebda Stat Membru ma jirrapporta rkupru ta’ sussidji pubbliċi. Sitt Stati Membri 30 biss jipprevedu l-possibbiltà li tiġi ppubblikata lista tal-impjegaturi responsabbli għall-impjieg illegali. Miżuri addizzjonali, bħall-esklużjoni mill-akkwist pubbliku u mill-finanzjament nazzjonali u tal-UE, għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed minkejja l-potenzjal tagħhom li jiddiswadu lill-impjegaturi milli jingaġġaw migranti irregolari 31 .

Jidher ukoll li fil-prattika l-ħaddiema mingħajr dokumenti spiss jistgħu jiġu impjegati permezz ta’ relazzjonijiet tax-xogħol kumplessi li jinvolvu arranġamenti ta’ sottokuntrattar, reklutaturi u aġenziji tax-xogħol temporanji, kif ukoll permezz ta’ pjattaformi online li jipprovdu xogħol għal żmien qasir (eż. twassil tal-ikel u l-ikliet, servizz tat-trasport), u dan iżid id-diffikultà fl-identifikazzjoni ta’ impjegaturi li jimpjegaw migranti irregolari. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-katina kollha tal-impjegaturi hija maħsuba biex tipproteġi lill-migranti speċjalment f’dawk is-setturi ekonomiċi fejn is-sottokuntrattar huwa mifrux, bħall-kostruzzjoni 32 , kif ukoll fil-qasam ekonomiku li għadu kif feġġ ta’ xogħol fuq pjattaforma online.

Madankollu, il-partijiet ikkonċernati jaħsbu li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom impatt limitat fuq il-proċeduri tal-ilmenti u fid-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-katina fid-dawl tal-probabbiltà li kuntrattur li jkun wettaq l-obbligi tad-diliġenza dovuta jinżamm mhux responsabbli kif permess fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva. Pereżempju, fil-Belġju 33 , l-“obbligi tad-diliġenza dovuta” tal-kuntrattur jiġu ssodisfati billi sempliċiment tinħareġ dikjarazzjoni bil-miktub minn sottokuntrattur li huma ma jimpjegawx jew mhumiex se jimpjegaw migranti irregolari, u b’hekk il-kuntrattur prinċipali jiġi eżentat mir-responsabbiltajiet kollha. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex iżommu lill-kuntratturi ewlenin responsabbli għall-ksur fil-katina tas-sottokuntrattar inkluż l-intermedjarji għall-impjieg irregolari minħabba s-similaritajiet fir-rwol tagħhom mar-rwol tal-impjegaturi.

2.4.Azzjonijiet biex titjieb l-effettività tas-sanzjonijiet kontra l-impjegaturi

Minkejja li l-Istati Membri ġeneralment ittrasponew id-Direttiva, mhuwiex possibbli li jintlaħqu konklużjonijiet sodi dwar jekk is-sanzjonijiet applikati fil-prattika humiex deterrenti, effettivi u proporzjonati u jekk għandhomx impatt sinifikanti fuq il-prevenzjoni tal-impjieg illegali ta’ migranti irregolari.

Għalkemm l-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà biex jiddeterminaw l-aktar livelli xierqa ta’ sanzjonijiet fil-livell nazzjonali, huwa meħtieġ fehim komuni dwar x’inhuma fil-prattika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi u dwar l-impatt tagħhom. Mekkaniżmu ta’ rappurtar imtejjeb għandu jiġi kkomplementat minn skambju tal-aħjar prattiki biex wieħed jitgħallem dwar l-approċċi nazzjonali differenti u b’mod partikolari dwar l-approċċi li wrew li huma effettivi u kellhom effett deterrenti.

Il-Kummissjoni se trawwem it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, bl-appoġġ ta’ esperti tal-liġi amministrattiva u kriminali, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni Irregolari tal-Kummissjoni ddedikat għad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi. L-iskambju ta’ prattiki tajba se jippermetti lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri kif meħtieġ fid-determinazzjoni u fl-adattament tal-livell ta’ sanzjonijiet fil-livell nazzjonali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi, tiġbor informazzjoni sabiex tippromwovi approċċ aktar konsistenti għas-sanzjonijiet u tiżgura li dawn jista’ jkollhom impatt fit-tnaqqis tal-impjieg illegali u tal-isfruttament.

Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir sensibilizzazzjoni u li l-impjegaturi jiġu infurmati dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jiffaċċjaw meta jimpjegaw migranti irregolari, u b’hekk tiżdied id-deterrenza tas-sistema. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ kampanji ta’ informazzjoni effettivi, immirati b’mod partikolari lejn l-impjegaturi li joperaw fis-setturi l-aktar f’riskju ta’ impjieg illegali u dawk li jista’ ma jkollhomx aċċess faċli għal din l-informazzjoni (eż. unitajiet domestiċi, intrapriżi żgħar) li jfittxu l-għarfien espert tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

Il-Kummissjoni se:

tniedi mill-ġdid il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni Irregolari tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi bħala netwerk ta’ għarfien espert, skambju u appoġġ għall-Istati Membri.

·tippromwovi d-djalogu bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, bl-appoġġ ta’ esperti amministrattivi u tal-liġi kriminali biex tappoġġa lill-Istati Membri fid-determinazzjoni u l-adattament tal-livell tas-sanzjonijiet finanzjarji u kriminali fil-livell nazzjonali, u tiġbor l-informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali;

·tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ prevenzjoni mmirati lejn l-impjegaturi fis-setturi ta’ riskju li jfittxu l-għarfien espert tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat;

L-Istati Membri jenħtieġ li:

·jivvalutaw il-livell tas-sanzjonijiet finanzjarji u kriminali stabbiliti fil-livell nazzjonali biex jevalwaw jekk humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra l-impjieg illegali;

·issaħħu l-attivitajiet għas-sensibilizzazzjoni u għall-għoti ta’ informazzjoni lill-impjegaturi dwar il-possibbiltajiet ta’ impjieg u reklutaġġ legali, il-passi meħtieġa biex jiġu evitati l-impjiegi illegali u r-riskji u l-konsegwenzi tal-ingaġġar ta’ migranti irregolari.

3.Miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari

L-Artikoli 6(2) u 13 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi jagħtu lill-migranti irregolari sett ta’ drittijiet biex jiżguraw li jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-intitolamenti tagħhom minn impjieg illegali, ikunu jistgħu jressqu lmenti kontra l-ksur tal-liġi tax-xogħol u jitolbu lura pagi mhux imħallsa. Dawn huma dispożizzjonijiet ewlenin għall-protezzjoni tal-migranti mir-riskju ta’ sfruttament u abbuż: meta l-migranti irregolari jirrappurtaw ksur tal-liġi tax-xogħol u jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet iwassal biex l-impjegaturi jinżammu akkontabbli għall-pagi, it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mhux imħallsa, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tax-xogħol u jiġu skoperti sitwazzjonijiet ta’ sfruttament u abbuż tal-ħaddiema.

Għadhom meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-elementi protettivi tad-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja u l-irkupru tal-ħlas b’lura, u l-għoti ta’ permessi temporanji ta’ residenza.

3.1. Aċċess għall-informazzjoni

L-iżgurar li l-migranti jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u li l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għat-tressiq tal-ilmenti u l-assistenza legali jkunu disponibbli huwa prerekwiżit għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-migranti irregolari, b’mod partikolari għal dawk li huma vittmi ta’ impjegaturi abbużivi. Id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi tipprovdi l-għodod għall-migranti irregolari biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv, filwaqt li tiżgura li huma jiġu infurmati b’mod sistematiku dwar id-drittijiet tagħhom li jressqu talbiet għal ħlas b’lura ta’ remunerazzjoni qabel l-infurzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn, li jkunu jistgħu jirċievu kwalunkwe ħlas b’lura ta’ remunerazzjoni anke wara li jkunu rritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u jkunu jistgħu jressqu lmenti kontra l-impjegaturi direttament jew permezz ta’ partijiet terzi (ara t-taqsima 3.2). Id-Direttiva għalhekk tiggarantixxi li l-migranti li jaħdmu fl-UE mingħajr dritt ta’ soġġorn jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv fl-UE, iżda wkoll minn barra l-UE meta rilevanti; Drittijiet bħal dawn iridu jiġu rispettati anke meta l-proċeduri ta’ ritorn tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 34 ikunu applikabbli, b’mod partikolari ladarba tiġi konkluża l-valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiem migrant u jiġi ddeterminat l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jipprovdu biss informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tal-impjegati u mhux informazzjoni mmirata li hija rilevanti għas-sitwazzjoni speċifika tal-ħaddiema migranti irregolari. F’xi każijiet, l-informazzjoni hija limitata għal kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u ma tinkludix informazzjoni dwar remunerazzjoni mhux imħallsa. Barra minn hekk, filwaqt li Stati Membri oħra 35 jipprovdu informazzjoni mmirata, dan spiss isir biss bħala parti mill-proċedura ta’ ritorn 36 . Din is-sitwazzjoni għandha impatt negattiv fuq il-migranti irregolari, li mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-possibbiltà li jintroduċu talba jew li jirċievu pagi mhux imħallsa qabel ma jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli dwar il-modalitajiet għall-għoti ta’ informazzjoni lill-migranti irregolari, u l-prattiki nazzjonali jvarjaw fir-rigward ta’ meta tiġi pprovduta l-informazzjoni, kif ukoll minn min u kif 37 . Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-ispetturi tax-xogħol huma meħtieġa jinfurmaw lill-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom u din hija prattika tajba li l-Istati Membri kollha għandhom isegwu. Madankollu, hemm ukoll modalitajiet oħra. Pereżempju, fl-Awstrija l-informazzjoni tingħata f’ċentru ta' akkoljenza għall-ħaddiema mingħajr dokumenti, filwaqt li fl-Italja tingħata permezz ta’ formola speċifika li tispjega d-drittijiet tal-ħaddiema migranti irregolari, inkluż l-obbligu tal-impjegatur li jħallas il-pagi, il-pensjonijiet u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali pendenti u tispjega wkoll kif wieħed jieħu azzjoni kontra l-impjegatur; madankollu, tali informazzjoni ma tingħatax b’mod sistematiku u hija disponibbli biss f’għadd ta’ lingwi barranin. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi bejn l-Istati Membri biex tgħin lill-isforzi biex itejbu l-mod li bih din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-ħaddiema migranti irregolari u żżid is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-possibbiltajiet eżistenti.

Il-livell baxx ta’ għarfien mill-migranti irregolari tad-drittijiet tagħhom huwa wieħed mill-fatturi ta’ riskju għall-isfruttament tax-xogħol, peress li l-migranti irregolari jistgħu ma jkunux jistgħu jidentifikaw riskji bħal dawn huma stess u dan jindika l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni mill-intermedjarji tax-xogħol, mill-aġenziji tal-kollokament kif ukoll mill-awtoritajiet tal-infurzar (inklużi l-ispettorati tax-xogħol) biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema migranti irregolari dwar id-drittijiet tagħhom u fejn imorru għall-appoġġ u r-rimedju Il-partijiet ikkonċernati indikaw ukoll l-istess problema u l-ħtieġa konsegwenti 38 .

Il-fatt li l-informazzjoni pprovduta lill-migranti spiss tkun limitata, mhux ipprovduta sistematikament u mhux immirata għas-sitwazzjoni speċifika tal-ħaddiema migranti irregolari, jaffettwa b’mod negattiv l-objettiv tad-Direttiva li tipprovdi informazzjoni oġġettiva u affidabbli lill-migranti biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Madankollu, ir-rappurtar insuffiċjenti mill-Istati Membri dwar l-għadd ta’ talbiet għall-ħlas b’lura introdotti u konklużi b’suċċess u dwar il-każijiet miftuħa kontra impjegaturi abbużivi abbażi ta’ rappurtar minn ħaddiema migranti irregolari ma jippermettux, f’dan l-istadju, li tiġi sostanzjata din l-evidenza emerġenti.

3.2. Aċċess għall-ġustizzja u remunerazzjoni u għoti ta’ permessi temporanji ta’ residenza

Anke meta jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, il-ħaddiema migranti irregolari jistgħu jiġu skoraġġuti milli jressqu lmenti kontra l-impjegaturi biex jirkupraw pagi mhux imħallsa jew biex jiddenunzjaw sitwazzjonijiet possibbli ta’ sfruttament minħabba l-possibbiltà li jiġu ordnati jirritornaw, jitilfu l-introjtu tagħhom u, f’xi każijiet, ir-ritaljazzjoni tal-impjegaturi. Sabiex jiġi evitat li sitwazzjonijiet bħal dawn jimminaw l-aċċess xieraq għall-ġustizzja, id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi tirrikjedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi speċifiċi li permezz tagħhom il-migranti irregolari jistgħu jressqu lment lill-awtoritajiet kompetenti jew direttament jew permezz ta’ partijiet terzi (eż. trade unions, assoċjazzjonijiet tal-impjegati u organizzazzjonijiet mhux governattivi) inkluż meta ma jkunux għadhom preżenti fl-Istat Membru 39 . Il-ħaddiema migranti irregolari jistgħu jirċievu wkoll appoġġ minn dawn il-partijiet terzi fi proċedimenti amministrattivi jew ċivili 40 . Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jappoġġaw ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 41 u jiżguraw li l-migranti irregolari li huma vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari r-reati kriminali definiti mid-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi, ma jiġux imċaħħda mill-aċċess għall-ġustizzja 42 .

L-Istati Membri għażlu modalitajiet differenti biex jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv għall-ilmenti. Studju mwettaq mill-Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Migranti mingħajr Dokumenti (PICUM) 43 juri li fi 13-il Stat Membru 44 (mill-15 koperti mill-istudju) hemm proċeduri ċivili u amministrattivi li permezz tagħhom il-ħaddiema jistgħu jressqu talbiet għal pagi mhux imħallsa u fi 11-il Stat Membru 45 hemm ukoll korp ta’ spezzjoni kompetenti biex jieħu l-ilmenti individwali tal-ħaddiema dwar kwistjonijiet relatati ma’ ħlas bin-nieqes tal-pagi. Il-prattika turi wkoll li filwaqt li l-migranti li jinstabu li huma impjegati illegalment (irrispettivament minn jekk ikunux qed jissoġġornaw regolarment jew b’mod irregolari) jistgħu jressqu talbiet għal kumpens ta’ pagi mhux imħallsa f’għoxrin Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk b’kuntratt ta’ impjieg validu 46 , fil-prattika l-mekkaniżmi tal-ilmenti jistgħu joperaw b’mod aktar effiċjenti 47 . L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali 48 turi li, f’xi Stati Membri, il-migranti f’sitwazzjoni irregolari mhumiex qed jużaw is-sistemi ta’ lmenti eżistenti. Dan jista’ jkun minħabba għadd ta’ raġunijiet: nuqqas ta’ inċentivi għall-ħaddiema biex jitkellmu; informazzjoni limitata dwar id-drittijiet tagħhom u l-mekkaniżmu disponibbli għall-ilmenti; ostakli ekonomiċi bħal tariffi tas-sħubija fit-trejdjunjins li jassistu lill-membri biss; u, l-aktar, il-biża’ li jiġu identifikati, detenuti u ritornati.

Il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi hija essenzjali biex jiġu ffaċilitati l-ilmenti, peress li dawn spiss ikollhom kuntatt dirett mal-ħaddiema u jistgħu jissensibillizzaw, jinformaw lill-migranti irregolari dwar id-drittijiet tagħhom, jibnu fiduċja reċiproka u jgħinu lill-ħaddiema jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament tax-xogħol sabiex iressqu lment. Ir-rwol tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi huwa importanti ħafna wkoll biex jiffaċilita l-ilmenti u jesponi s-sitwazzjoni ta’ sfruttament u jnaqqas il-biża’ tal-migranti irregolari li jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn jekk jinqabdu mill-awtoritajiet tal-migrazzjoni. Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, il-liġi tagħti rwol importanti lil dawn il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lit-trejdjunjins 49 , fi ħdan il-mekkaniżmu nazzjonali għall-faċilitazzjoni tat-tressiq tal-ilmenti.

Minbarra d-diffikultajiet fil-preżentazzjoni tal-ilmenti, il-migranti irregolari jħabbtu wiċċhom ukoll ma’ ostakli biex jirċievu remunerazzjonijiet mhux imħallsa. Filwaqt li d-Direttiva tippreskrivi li l-paga għandha tkun preżunta li hija minn tal-inqas daqs il-paga minima 50 u minn tal-inqas għal tliet xhur, il-partijiet ikkonċernati jindikaw għadd ta’ lakuni fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni minima fil-prattika. Dan huwa dovut, pereżempju, għan-nuqqas ta’ għarfien dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti fost l-awtoritajiet tal-ispezzjoni tax-xogħol jew tal-professjonisti li jassistu u jagħtu pariri lill-ħaddiema migranti irregolari. Fil-prattika, il-migranti irregolari jistgħu jiffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn il-preżunzjoni ta’ minimu ta’ tliet xhur ta’ impjieg ma tippreżumix impjieg full-time 51 filwaqt li jkollhom jipprovdu prova tas-sigħat maħduma u diversi tipi ta’ evidenza, bħal messaġġi, ritratti jew testimonjanzi 52 . Barra minn hekk, il-migranti irregolari jiffaċċjaw ostakli biex fil-fatt jirċievu l-ħlas tal-pagi, minħabba t-tul jew l-ispejjeż tal-proċess ġudizzjarju, l-ostakli għall-ftuħ ta’ kontijiet bankarji mingħajr residenza legali, l-istrateġiji tal-impjegaturi biex jevadu l-ħlas 53 jew l-isfidi għall-aċċess għall-finanzjament f’każ ta’ insolvenza tal-impjegatur 54 jew ta’ ritorn.

Filwaqt li d-Direttiva tippermetti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati illegalment li jitolbu ħlas b’lura wara li jkunu rritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-mekkaniżmi biex jiġu ffaċilitati t-talbiet minn persuni li ma jkunux għadhom fl-Istat Membru jidhru li huma assenti bi ftit Stati Membri biss li għandhom mekkaniżmi speċifiċi ta’ rkupru 55 . Madankollu, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi effettivi huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-migranti irregolari li jirritornaw qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti biex jitolbu lura l-pagi mhux imħallsa tagħhom ma jkunux żvantaġġati fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. Fil-Belġju, jekk l-ispetturi tax-xogħol jiddeterminaw li l-pagi ma tħallsux b’mod korrett u f’każijiet fejn il-ħaddiema ma jkunux disponibbli immedjatament, jew ikunu telqu mill-pajjiż, l-impjegaturi huma obbligati li jħallsu s-salarji fil-Fond Federali ta’ Depożitu u ta’ Kunsinna; madankollu, ma hemm l-ebda dipartiment jew amministrazzjoni li hija inkarigata li tħallas lura l-pagi dovuti jew li tinforma lill-migrant. Fi Franza, f’każijiet fejn il-migrant irregolari jkun f’detenzjoni jew ma jkunx għadu fil-pajjiż, il-pagi jiġu ddepożitati fl-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni (OFII) u mbagħad jitħallsu lill-migrant. Barra minn hekk, l-OFII għandu d-dritt jirkupra l-pagi, bil-kooperazzjoni tad-dipartiment fiskali jekk l-impjegatur jonqos milli jħallas lill-migrant fi żmien 30 jum.

Sabiex jiġu protetti l-vittmi ta’ sfruttament gravi u t-tfal, biex jiġu ffaċilitati l-ilmenti sabiex dawn ir-reati serji jiġu skoperti u kkastigati, u biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-pagi mhux imħallsa, l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jagħtu permessi temporanji ta’ residenza lill-migranti irregolari, marbuta mat-tul tal-investigazzjoni rilevanti jew mal-proċedura kriminali ġudizzjarja jew mar-rieda li jikkooperaw mal-awtoritajiet 56 . Dawn il-permessi jistgħu jiġu estiżi sakemm jirċievu l-ħlasijiet b’lura tar-remunerazzjoni 57 . Dawn il-permessi normalment jinħarġu għal perjodi ta’ bejn sitt xhur u sena u jistgħu jiġu estiżi 58 . F’diversi Stati Membri 59 l-permessi temporanji ta’ residenza jistgħu jiġu estiżi sakemm il-vittma tkun ħallset il-paga dovuta; madankollu, hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kemm-il darba tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

Aktar minn nofs l-Istati Membri 60 għandhom leġiżlazzjoni domestika li tipprevedi permessi temporanji ta’ residenza speċifiċi għall-vittmi ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi, filwaqt li l-oħrajn joħorġuhom f’sitwazzjonijiet ta’ traffikar tal-bnedmin. Madankollu, ħames Stati Membri biss 61 irrapportaw li taw tali permessi ta’ residenza minħabba sfruttament tax-xogħol lil migranti irregolari fl-2018 u fl-2019, u l-biċċa l-kbira ngħataw minn Franza, segwita mill-Iżvezja, iċ-Ċekja, il-Ġermanja u l-Polonja. L-Iżvezja rrappurtat ukoll l-għoti ta’ permessi ta’ residenza lil minorenni impjegati illegalment.

Filwaqt li d-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi kellha impatt pożittiv f’dan il-qasam, peress li wasslet għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi speċifiċi għall-ilmenti u għall-possibbiltà li jingħataw permessi ta’ residenza temporanji, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati juru li fil-prattika l-migranti irregolari li esperjenzaw sfruttament tal-ħaddiema jiffaċċjaw sfidi fl-aċċess għall-proċeduri tal-permess ta’ residenza jew fil-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-permessi. Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li l-vittmi jiffaċċjaw nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni u pariri legali dwar id-disponibbiltà tal-permessi u dwar kif għandhom japplikaw jew jitolbu kunsiderazzjoni, dwar l-għoti ta’ permessi li spiss ikunu marbuta ma’ akkużi kriminali kontra impjegaturi partikolari, u dwar il-fatt li l-permess ikun jiddependi fuq il-parteċipazzjoni tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, għalkemm dan mhuwiex meħtieġ mid-Direttiva.

3.3. Azzjonijiet biex titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti

L-aċċess għall-informazzjoni u l-ġustizzja, l-irkupru ta’ ħlasijiet b’lura u l-faċilitazzjoni tal-ilmenti jikkostitwixxu l-qofol tal-miżuri protettivi tad-Direttiva mfassla biex jirrimedjaw l-inġustizzji mġarrba mill-migranti irregolari. L-evidenza ċirkostanzjali u r-rapporti tal-partijiet ikkonċernati jindikaw li l-migranti irregolari jiffaċċjaw nuqqas ta’ aċċess effettiv għall-informazzjoni u għall-mekkaniżmi tal-ilmenti. In-nuqqas ta’ data dwar l-użu tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-ħruġ ta’ permessi temporanji ta’ residenza ma jippermettix li jintlaħqu konklużjonijiet sodi dwar din il-kwistjoni.

Mekkaniżmi effettivi tal-ilmenti jippermettu lill-awtoritajiet jippjanaw u jimmiraw aħjar l-ispezzjonijiet tax-xogħol tagħhom, jibnu każijiet b’saħħithom kontra impjegaturi abbużivi f’kooperazzjoni ma’ ħaddiema migranti irregolari u partijiet terzi, u fl-aħħar mill-aħħar iżommu lil dawk l-impjegaturi akkontabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-mekkaniżmi tal-ilmenti jkunu faċilment aċċessibbli u jqisu l-kunfidenzjalità għax din tista’ tħeġġeġ it-tressiq ta’ lmenti minn ħaddiema migranti irregolari u l-iżvelar ta’ każijiet ta’ sfruttament. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki jew protokolli ta’ rappurtar sikur biex jiżguraw li l-ħaddiema migranti irregolari jkunu jistgħu jirrapportaw lill-impjegaturi bi ksur u jinvolvu ruħhom fl-infurzar tal-liġi mingħajr ma jiffaċċjaw ir-riskju li s-sitwazzjoni migratorja tagħhom taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni Irregolari ddedigat tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi, il-Kummissjoni se tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba biex tidentifika mekkaniżmi effettivi biex jintalab ħlas b’lura, titwassal ir-remunerazzjoni u jitressqu l-ilmenti — filwaqt li tqis il-ħtieġa għal politiki jew protokolli ta’ rappurtar sikur — inkluż wara li migrant ikun irritorna lejn pajjiżu.

Is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom ukoll rwol ċentrali fil-promozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegauti u biex iżidu l-ħidma biex tagħhom biex jilħqu lill-migranti irregolari. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema mingħajr dokumenti u se tinvolvi ruħha mal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat meta tiżviluppa dawn l-attivitajiet.

Huwa meħtieġ li jittejjeb l-aċċess għal informazzjoni oġġettiva u sistematika għall-ħaddiema migranti irregolari dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-mekkaniżmi biex isibu appoġġ u rimedju. Bl-appoġġ tal-fondi tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, immirati lejn il-ħaddiema migranti irregolari. F’kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni se tiżviluppa taħriġ iddedikat għall-ispetturi biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema migranti irregolari dwar id-drittijiet tagħhom u dwar kif għandhom iressqu talbiet permezz ta’ mekkaniżmi ta’ remunerazzjoni, inkluż wara li jirritornaw lejn pajjiżhom.

Il-Kummissjoni se:

L-Istati Membri jenħtieġ li:

·tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar mekkaniżmi effettivi għall-ilmenti u politika jew protokolli prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-involviment tal-ħaddiema migranti irregolari fl-infurzar tal-liġi;

·tniedi djalogu mas-sħab soċjali, mal-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, mat-trejdjunjins u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tfittex l-għarfien tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat;

·tappoġġa l-iżvilupp ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni għall-ħaddiema migranti irregolari dwar id-drittijiet tagħhom, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju, mat-trejdjunjins u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

·ittejbbu l-aċċessibbiltà tal-mekkaniżmi tal-ilmenti biex iħeġġu lill-migranti irregolari jressqu lmenti f’każijiet ta’ impjieg u sfruttament illegali;

·jistabbilixxu politiki jew protokolli ta’ rappurtar sikur għall-ħaddiema migranti irregolari biex jinvolvu ruħhom fl-infurzar tal-liġi mingħajr ma jirriskjaw l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;

·jappoġġaw lit-trejdjunjins u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-għoti ta’ informazzjoni u pariri, assistenza legali u servizzi oħra lill-ħaddiema migranti irregolari. 

4.Spezzjonijiet

4.1. Spezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri

L-ispezzjonijiet huma l-aktar għodda importanti biex jiġu identifikati l-impjegaturi li jingaġġaw migranti irregolari u sitwazzjonijiet ta’ sfruttament. Huwa abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet li l-impjegaturi jistgħu jinżammu akkontabbli u jiġu sanzjonati, u li jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema migranti irregolari soġġetti għal sfruttament. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw spezzjonijiet effettivi u adegwati bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju li jidentifikaw is-setturi ta’ attività fl-akbar riskju, li mingħajrhom huwa impossibbli li jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi.

Peress li d-Direttiva ma tgħid xejn dwar id-definizzjoni tal-ispezzjonijiet “effettivi u adegwati”, il-prattika fost l-Istati Membri tvarja billi tindika diversi fatturi li jillimitaw l-effettività tal-ispezzjonijiet: l-identifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi fl-aktar riskju ta’ impjieg illegali, il-livelli baxxi ta’ spezzjonijiet imwettqa fl-Istati Membri (inkluż fis-setturi fl-akbar riskju ta’ impjieg illegali), in-nuqqas ta’ riżorsi u d-diffikultajiet fl-involviment mal-migranti sfruttati identifikati matul l-ispezzjonijiet.

Kif diġà ġie indikat, hemm lakuni importanti fid-data tal-ispezzjonijiet ippreżentata mill-Istati Membri. Barra minn hekk, biex l-ispezzjonijiet ikunu effettivi, jeħtieġ li jkunu mmirati, b’enfasi fuq is-setturi l-aktar esposti għar-riskju ta’ impjieg illegali fl-Istati Membri. Huwa f’dawk l-oqsma li l-ispezzjonijiet huma meħtieġa l-aktar. L-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju biex jiddeterminaw tali oqsma ta’ riskju 62 , bl-użu ta’ linji gwida nazzjonali jew ta’ pjanijiet ta’ azzjoni annwali, data miġbura u riżultati minn spezzjonijiet preċedenti, ilmenti, senjalazzjonijiet għal riferimenti minn awtoritajiet nazzjonali oħra. Jidher li s-setturi l-aktar affettwati mill-impjieg illegali huma simili fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u normalment huma setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema u b’livell baxx ta’ ħiliet/pagi baxxi b’rata għolja ta’ dawran tal-persunal. L-aktar setturi komuni tar-riskju jinkludu l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-manifattura, il-kura domestika u l-assistenza soċjali, l-ospitalità u s-servizzi tal-ikel 63 . Madankollu, fir-rappurtar tagħhom lill-Kummissjoni, diversi Stati Membri 64 ma jidentifikawx setturi ta’ riskju, u dan jindika l-ħtieġa li l-ispezzjonijiet jiġu prijoritizzati aħjar. Għalkemm is-setturi ta’ riskju għandhom it-tendenza li jkunu stabbli maż-żmien, l-iżviluppi ekonomiċi jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ setturi ġodda esposti għar-riskju ta’ impjieg illegali, bħall-ħaddiema fuq pjattaformi. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jaġġornaw regolarment is-setturi ta’ riskju tagħhom.

L-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa mis-sistema attwali probabbli mhux se jiddiswadi lill-impjegaturi milli jimpjegaw migranti irregolari. Is-sehem tal-impjegaturi attivi f’settur soġġett għall-ispezzjonijiet għandu t-tendenza li jkun baxx ħafna; konsegwentement, l-impjegaturi jistgħu jqisu li l-vantaġġ ekonomiku miksub mill-impjiegi illegali huwa ogħla mill-probabbiltà li jiġu skoperti mill-ispezzjonijiet. It-tabelli 3 u 4, li jippreżentaw l-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-ispezzjonijiet imwettqa fis-setturi kollha 65 , juru li l-isforzi tal-spezzjonijiet mill-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti. Fl-2019, pereżempju, inqas minn 1 % tal-impjegaturi fis-setturi kollha sarulhom spezzjonijiet fil-Bulgarija, fl-Estonja, fi Franza, fil-Latvja, fin-Netherlands u fl-Iżvezja; fi tlettax-il Stat Membru, l-ispezzjonijiet koprew bejn 1 % u 10 % tal-impjegaturi 66 ; fl-Awstrija l-ispezzjonijiet koprew 14,5 % tal-impjegaturi kollha u l-ispezzjonijiet fis-Slovenja u s-Slovakkja koprew aktar minn 30 % tal-impjegaturi kollha. L-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni turi li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-ispezzjonijiet mhumiex iffukati fuq setturi ta’ riskju, sitwazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżit tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra 67 jirrapportaw li l-awtoritajiet tal-ispezzjoni tax-xogħol spiss ikollhom nuqqas ta’ persunal u ma jkollhomx riżorsi, u dan jaffettwa l-għadd u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet imwettqa.

Minbarra li jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ impjieg illegali, l-ispezzjonijiet iservu wkoll biex jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà u sfruttament speċjalment f’każijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal, l-istandards bażiċi tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati 68 jenfasizzaw li l-ħaddiema sfruttati huma skoraġġuti milli jirrappurtaw is-sitwazzjoni tagħhom matul l-ispezzjonijiet minħabba r-riskju ta’ qbid u ritorn, b’mod partikolari meta l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod konġunt mill-awtoritajiet tal-ispezzjonijiet tax-xogħol u mill-pulizija/l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati għalhekk jippromwovu l-idea li l-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi/tal-immigrazzjoni jiġu sseparati permezz ta’ “firewall”, li jiggarantixxi li l-migranti irregolari li jinqabdu waqt l-ispezzjonijiet ma jiġux riferuti lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni għall-proċedura ta’ ritorn. Barra minn hekk, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tosserva li meta l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod konġunt bejn l-awtoritajiet tax-xogħol u l-unitajiet kontra t-traffikar jew unitajiet speċjalizzati oħra mħarrġa fl-isfruttament tal-ħaddiema, dawn jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati migranti li huma vittmi tal-isfruttament tax-xogħol jew tat-traffikar tal-bnedmin.

Il-mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-ilmenti kontra l-impjegaturi permezz ta’ partijiet terzi nominati bħal trejdjunjins jew organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom l-għan li jiggarantixxu li jinkixfu sitwazzjonijiet ta’ sfruttament u li jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti. L-implimentazzjoni effettiva tagħhom hija ta’ importanza primarja (ara t-taqsima 3.2) biex jiġi żgurat li l-ħaddiema migranti irregolari jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr il-biża’ li jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn. Barra minn hekk, xi Stati Membri ħadu aktar miżuri biex jiffaċilitaw ir-rappurtar tal-isfruttament. In-Netherlands, pereżempju, jimplimentaw politika magħrufa bħala “free in, free out” 69 li tippermetti lill-migranti irregolari jirrappurtaw delitt lill-pulizija mingħajr ma jiġu arrestati jew jiffaċċjaw ir-ritorn, irrispettivament mit-tip ta’ reat irrappurtat. Spanja waqqfet timijiet tal-pulizija ddedikati li għandhom il-kompitu li jipprovdu assistenza lill-migranti, inklużi migranti irregolari, billi jinfurmawhom dwar id-drittijiet tagħhom, jagħtuhom pariri dwar kif jirregolarizzaw l-istatus tagħhom u jgħinu jippreżentaw ilmenti kontra l-impjegaturi u oħrajn għal trattament ħażin u sfruttament mingħajr riskju li jiġu ordnati jirritornaw.

4.2. Azzjonijiet biex titjieb l-effettività tal-ispezzjonijiet

Sabiex l-ispezzjonijiet ikunu effettivi fid-detezzjoni tal-impjieg illegali u fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-migranti irregolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jimmiraw lejn is-setturi ekonomiċi li huma l-aktar f’riskju ta’ impjieg illegali li jkopru għadd sinifikanti ta’ impjegaturi f’setturi bħal dawn u jitwettqu f’intervalli regolari. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri kollha għandhom iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju komprensivi u regolari, u jħarsu wkoll lejn oqsma ekonomiċi ġodda u emerġenti bħall-ekonomija tal-pjattaformi, biex jidentifikaw setturi ta’ riskju u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni, b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali, se tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-ispezzjonijiet, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kooperazzjoni fost l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, inkluż fir-rigward ta’ dawk li jistgħu jitqiesu bħala deterrent u miri realistiċi għall-ispezzjonijiet annwali fis-setturi ta’ riskju identifikati mill-Istati Membri.

Biex tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ sfruttament u ta’ vittmi tat-traffikar matul l-ispezzjonijiet u tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-obbligi mid-Direttiva, il-Kummissjoni se tippromwovi, b’mod strutturat, l-iskambju ta’ prattiki, pereżempju dwar spezzjonijiet konġunti tal-awtoritajiet tax-xogħol u unitajiet speċjalizzati tal-isfruttament tax-xogħol, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u tfittex l-għarfien espert tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ lill-ispetturi tax-xogħol dwar id-drittijiet tal-ħaddiema migranti irregolari skont id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi u dwar l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ sfruttament u traffikar tal-bnedmin. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet li tappoġġa lill-Istati Membri b’taħriġ f’kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, fejn xieraq.

Il-Kummissjoni se:

L-Istati Membri jenħtieġ li:

·taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika miri annwali possibbli għall-ispezzjonijiet tal-impjegaturi fis-setturi ta’ riskju;

·tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar l-ispezzjonijiet, l-identifikazzjoni tas-setturi ta’ riskju u l-kooperazzjoni bejn l-ispettorati u tfittex l-għarfien espert tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat;

·tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba għall-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ sfruttament u traffikar, inkluż dwar spezzjonijiet konġunti ma’ unitajiet dedikati.

·tesplora l-possibbiltà li tappoġġa lill-Istati Membri bit-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol f’kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali.

·jiżguraw li l-ispezzjonijiet jimmiraw lejn is-setturi ekonomiċi li huma l-aktar f’riskju ta’ impjieg illegali, ikopru sehem sinifikanti ta’ impjegaturi f’setturi bħal dawn u li jitwettqu f’intervalli regolari;

·iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju komprensivi u regolari, filwaqt li jħarsu wkoll lejn oqsma ekonomiċi ġodda u emerġenti, bħall-ekonomija tal-pjattaformi, biex jidentifikaw setturi ta’ riskju u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni;

·jipprovdu taħriġ lill-ispetturi tax-xogħol dwar id-drittijiet tal-ħaddiema migranti irregolari skont id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi u dwar l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ sfruttament u traffikar tal-bnedmin.

5.Lakuni sinifikanti fl-informazzjoni

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jikkomunikaw kull sena lill-Kummissjoni l-għadd ta’ spezzjonijiet u r-riżultati tagħhom 70 , dwar il-ħlasijiet b’lura li jsiru mill-impjegaturi, dwar il-miżuri l-oħra applikati u dwar l-iffaċilitar tal-ilmenti 71 . Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġi vvalutat kif jiġu implimentati l-miżuri tad-Direttiva u l-konsegwenzi tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni limitata ħafna u mhux uniformi li twassal għal nuqqasijiet sinifikanti fid-data dwar l-ispezzjonijiet u r-riżultati tagħhom, dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji u kriminali u dwar l-għadd ta’ proċedimenti kriminali mnedija, kif ukoll dwar l-użu u r-riżultati tal-mekkaniżmi tal-ilmenti.

Hemm ukoll nuqqas ta’ data u informazzjoni kompluta u affidabbli dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi tal-ilmenti u l-eżiti tagħhom, kif ukoll nuqqas ta’ rappurtar mill-Istati Membri dwar l-għadd ta’ talbiet għall-ħlas b’lura introdotti u konklużi b’suċċess u dwar il-każijiet miftuħa kontra impjegaturi abbużivi. L-ebda Stat Membru ma ċċentralizza d-data dwar l-għadd ta’ lmenti b’suċċess imressqa minn migranti irregolari rigward il-ħlas tal-pagi dovuti tagħhom. Għalhekk, anki jekk it-talbiet jirnexxu, ta’ spiss jibqa’ ma jkunx magħruf jekk il-ħaddiema rċivewx il-ħlas b’lura u l-impjegaturi ta’ spiss jiddikjaraw falliment jew jgħejbu. Mingħajr ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-għadd u l-eżiti tal-ilmenti mressqa, huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar kemm huwa effettiv l-aċċess għall-ġustizzja u l-mekkaniżmi tal-ilmenti fl-Istati Membri, kemm spiss jintużaw dawn il-mekkaniżmi u b’liema suċċess.

In-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli u sħiħa jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat b’mod konklużiv jekk id-Direttiva kellhiex impatt fuq l-iskoraġġiment u t-tnaqqis tal-impjieg illegali u jekk is-sanzjonijiet kriminali fl-Istati Membri humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-ġbir aħjar tal-informazzjoni jikkontribwixxi għal strateġija ta’ infurzar aktar effettiva kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

Sabiex jimtlew il-lakuni sinifikanti fid-data u tkun tista’ ssir valutazzjoni solida tal-impatt u tal-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi, hemm bżonn li jittejjeb ir-rappurtar mill-awtoritajiet nazzjonali. Fl-ewwel lok, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni f’waqtha, sħiħa u komparabbli sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jirriżulta mir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva. Biex tappoġġa lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligu ta’ rappurtar tagħhom, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, se tistabbilixxi sistema ta’ rappurtar tal-IT u bażi tad-data. Din is-sistema se tiffaċilita l-ġbir tal-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tas-sanzjonijiet finanzjarji, kriminali u sanzjonijiet oħra imposti kontra l-impjegaturi, l-użu tal-mekkaniżmi tal-ilmenti — inkluż dwar l-għadd ta’ lmenti mressqa u l-eżiti tagħhom, it-talbiet u l-ħlasijiet tal-pagi, il-permessi temporanji mogħtija — kif ukoll dwar l-ispezzjonijiet imwettqa u r-riżultati tagħhom. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tiddefinixxi kriterji u rekwiżiti ċari għar-rappurtar, biex tiżgura l-konsistenza u l-kwalità għolja tal-kontribuzzjonijiet u li d-data tkun sħiħa, komparabbli u ppreżentata fil-ħin.

Il-Kummissjoni se:

L-Istati Membri jenħtieġ li:

·tistabbilixxi sistema ta’ rappurtar tal-IT u bażi ta’ data, bl-appoġġ tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, għall-ġbir tal-informazzjoni u d-data dwar is-sanzjonijiet, l-użu ta’ miżuri protettivi u l-ispezzjonijiet;

·tiddefinixxi kriterji u rekwiżiti ċari għar-rappurtar f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

·jirrapportaw kull sena u fil-ħin dwar l-ispezzjonijiet u l-eżiti tagħhom (eż. l-għadd totali ta’ proċedimenti miftuħa u magħluqa, multi u sanzjonijiet kriminali imposti);

·itejbu l-ġbir tad-data dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi tal-ilmenti u l-eżiti tagħhom (eż. l-għadd ta’ talbiet għall-ħlasijiet b’lura, ir-riżultati tat-talbiet, l-għadd ta’ proċedimenti miftuħa kontra l-impjegaturi).

6.Tisħiħ tal-azzjoni tal-UE kontra l-impjieg illegali

Biex tiġġieled kontra l-migrazzjoni irregolari, l-UE jeħtieġ li tindirizza l-aspetti kollha ta’ dan il-fenomenu permezz ta’ approċċ komprensiv, kif indikat mill-Patt il-Ġdid. Minbarra li tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, tniedi mill-ġdid il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-migranti fi sħubija ma’ pajjiżi terzi u żżid il-ftuħ ta’ rotot legali lejn l-UE, l-UE teħtieġ ukoll li ssaħħaħ ir-rispons tagħha għall-impjieg illegali, għax dan huwa xprun għall-migrazzjoni irregolari u sors ta’ sfruttament u abbuż. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar aktar effettivi tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi, l-aktar għodda importanti għad-dispożizzjoni tagħna li l-potenzjal tagħha għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ.

Il-livell u l-grad ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri jvarja. Filwaqt li d-differenzi fl-approċċi varji jirriflettu l-flessibbiltà li tagħti d-Direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw is-soluzzjonijiet li huma l-aktar adatti għas-sistemi nazzjonali tagħhom, juru wkoll użu ġenerali ineffiċjenti tar-regoli dwar is-sanzjonijiet, il-miżuri protettivi u l-ispezzjonijiet biex jiġu identifikati l-impjegaturi abbużivi u l-migranti jiġu protetti mill-isfruttament.

L-ewwel nett, diġà jista’ jinkiseb titjib sinifikanti billi tiżdied l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ewlenin eżistenti tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet l-Impjegaturi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi djalogu mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inkluż permezz tat-tnedija mill-ġdid tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni Irregolari tagħha dwar id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi fl-2021. Il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti se jkollha l-għan li ttejjeb l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri, kif ukoll tappoġġjahom fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva b’mod strutturat. B’dan il-għan, il-Kummissjoni se taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati bħall-awtoritajiet nazzjonali tax-xogħol u tal-immigrazzjoni, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni se tfittex l-għarfien espert tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat.

Filwaqt li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll kontinwament l-implimentazzjoni tad-Direttiva u se tiffoka fuq l-infurzar effettiv tagħha. Mal-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri biex tikseb informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi ewlenin dwar is-sanzjonijiet, l-ispezzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti li jirriżultaw mid-Direttiva u bil-għan li jiġu identifikati soluzzjonijiet possibbli. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se tniedi proċeduri ta’ ksur.

Sa tmiem l-2022, il-Kummissjoni se timplimenta l-miżuri ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni u se tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba fir-rapport ta’implimentazzjoni li jmiss li għandu jitlesta sa mhux aktar tard mill-2024. Fid-dawl tal-progress miksub permezz tar-rakkomandazzjonijiet ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni u l-isforzi mġedda ta’ implimentazzjoni u infurzar, u b’kont meħud tal-iżviluppi possibbli fil-qasam tal-impjiegi illegali u jekk id-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra l-Impjegaturi għadhiex adatta biex twieġeb għalihom, il-Kummissjoni mbagħad se tikkunsidra jekk huwiex meħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi emendat.

TABELLI

Tabella 1:     Sanzjonijiet finanzjarji

SM

persuna 
F/Ġ *

Ammont ta’ sanzjonijiet finanzjarji

Artikolu 
5(3)**

Artikolu 5(2)(b) ***

Tibdiliet

Minimi

Fissi

Massimi

Penali applikata għal kull migrant irregolari impjegat illegalment

AT

F/Ġ

€1 000/

€4 000

€10 000/ €50 000

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

BE

F/Ġ

€ 300

€ 3 000

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

BG

Le

BGN 500/

1 000 
(€255 / 511)

BGN 7 500/15 000 
(€3 834 / 7 669)

Le

B’addizzjoni ma’

BG żiedet l-ammont tal-multa. Preċedentement, il-multa għal persuna fiżika kienet bejn BGN 500/1 000 u BGN 5 000/10 000. Għal persuna ġuridika, kienet sa BGN 20 000/40 000.

Ġ

BGL

2 000/4 000

(€ 1 022 / 2 045)

BGN 30 000/60 000 
(€ 15 339 / 30 678)

CY

F/Ġ

€ 1 500

€ 3 000

Iva

B’addizzjoni ma’

Il-Gvern ta’ Ċipru ppreżenta abbozz ta’ liġi lill-Parlament sabiex jiżdiedu l-multi amministrattivi, ħalli s-sanzjonijiet isiru aktar dissważivi.

L-abbozz ta’ liġi huwa mistenni li jiġi ppromulgat fil-ġimgħat li ġejjin.

EE

Le

€ 1 200

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

Ġ

€ 3 200

EL

F/Ġ

€ 5 000/

€ 10 000

Le

B’addizzjoni ma’

EL żiedet il-livell tas-sanzjonijiet. Preċedentement, il-multa kienet tammonta għal bejn EUR 3 000 u EUR 15 000.

ES

F/Ġ

€ 500

€ 100 000

Le

B’addizzjoni ma’

ES żiedet l-ammont tal-multa li qabel kien jammonta għal bejn EUR 6 001 u EUR 60 000. 

FR

F/Ġ

€ 6 980

€ 15 000/ € 75 000

Le

B’addizzjoni ma’

Franza mmodulat l-ammont tal-multa sabiex tieħu kont aħjar taċ-ċirkostanzi fattwali (id-Digriet tal-4 ta’ Ġunju 2013)

HR

Le

HRK 10 000

(€1 334)

HRK 30 000

(€ 4 002)

B’addizzjoni ma’

Ġ

HRK 70 000

(€ 9 338)

HRK 150 000

(€ 20 010)

Iva

HU

F/Ġ

4*il-paga minima

15*il-paga minima

Iva

B’addizzjoni ma’

Paga minima 161 000 HUF/month

(€465 129) fl-2020

IT

Le

€ 1 800

€ 43 200

Iva

Rifless

IT żiedet l-ammont tas-sanzjoni. Preċedentement il-multa kient ta’ bejn EUR 1 500 u EUR 12 000

LT

Le

€869/€2 896

€2 896/ €5 792

Le

B’addizzjoni ma’

Bidla applikabbli mill-1.1. 2017

Ġ

€ 1 000/ € 5 000

€ 5 000/ € 6 000

LU

F/Ġ

€ 2 500

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

NL

Le

€ 11 250

Iva

Rifless

NL żiedet l-ammont tal-multa. Preċedentement il-multa kienet sa EUR 4 000 għal persuna fiżika u sa EUR 8 000 għal persuna ġuridika.

Ġ

€ 45 000

RO

F/Ġ

RON 10 000

(€ 2 032)

RON 20 000

(€ 4 064)

Le

B’addizzjoni ma’

RO żiedet l-ammont tal-multa. Preċedentement, il-multa kienet minn ROL 1 500 Lei sa ROL 2 000.

SE

F/Ġ

SEK 36 396/ 47 300

(€3 613 / €4 696)

Le

Rifless

SE żiedet l-ammont tal-multa.

SI

Le

€ 2 000

€ 5 000

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

Ġ

€ 4 000

€ 12 000

Għadd ta’ migranti irregolari ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-multa

CZ

Le

CZK 5 000 000 
(€ 196 900)

Le

B’addizzjoni ma’

CZ żiedet il-multa. Preċedentement, il-multa kienet sa 2 000 000 CZK

Ġ

CZK 50 000 
(€1 969)

CZK 10 000 000 
(€ 393 800)

DE

F/Ġ

€ 500 000

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

FI

F/Ġ

€ 1 000

€ 30 000

Iva

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

LV

Le

€ 210

€ 500

Iva

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

MT

F/Ġ

€ 11 646,87

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla fl-ammont tas-sanzjoni finanzjarja massima iżda ġew miżjuda elementi addizzjonali eż. iż-żieda tal-ispejjeż tar-ritorn u l-ispejjeż biex jintbagħtu l-pagamenti lejn il-pajjiż terz.

PL

F/Ġ

PLN 1 000 (€223,1)

PLN 30 000

(€ 6 693)

Iva

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

PT

F/Ġ

€ 2 000

€ 90 000

Iva

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

SK

F/Ġ

€ 2 000

€ 200 000

Le

B’addizzjoni ma’

L-ebda bidla

* F/Ġ = Persuna fiżika/Persuna ġuridika 
** l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/52/CE: "L-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet finanzjarji mnaqqsa fejn min iħaddem ikun persuna fiżika li jħaddem ċittadin minn pajjiż terz f’soġġorn illegali għall-finijiet privati tiegħu jew tagħha u fejn ma jkun hemm l-ebda kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi"

*** l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2009/52/CE: “Sanzjonijiet fir-rigward ta’ ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jinkludu: (b) ħlasijiet tal-ispejjeż tar-ritorn ta’ ċittadini mħaddmin illegalment f’dawk il-każijiet fejn il-proċeduri tar-ritorn ikunu mwettqa. L-Istati Membri jistgħu, minflok, jiddeċiedu li jirriflettu l-ispejjeż medji tar-ritorn fis-sanzjonijiet finanzjarji taħt punt (a). 
Rati tal-kambju 11/06/2021: BGN 1 = EUR 0,5113, CZK 1 = EUR 0,03938, DKK 1 = EUR 0,134474, HUF 1 = EUR 0,002889, PLN 1 = EUR 0,2231, RON 1 = EUR 0,2032, SEK 1 = EUR 0,09929, HRK 1 = EUR 0,1334

Tabella 2:     Sanzjonijiet kriminali

SM

Sanzjonijiet (tul ta’ żmien ta’ priġunerija u multa fejn applikabbli)

Kummenti

9(1)a

“il-ksur ikompli jew ikun ripetut b’mod persistenti”

9(1)b

“impjieg simultanju ta’ għadd sinifikanti ta’ migranti irregolari”

9(1)c

“kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi”

9(1)d

“impjegatur li jimpjega b’mod konsapevoli vittma ta’ traffikar”

9(1)e

“impjieg illegali ta’ minorenni”

AT

multa sa 360 tariffa ta’ kuljum jew priġunerija ta’ 
sa 6 xhur

multa sa 360 tariffa ta’ kuljum jew priġunerija sa 6 xhur

priġunerija 
sa sentejn

priġunerija 
sa sentejn

multa sa 360 tariffa ta’ kuljum jew priġunerija sa 6 xhur

L-ammont tal-multa li jista’ jkun sa 360 tariffa ta’ kuljum jiddependi fuq id-dħul tal-awtur tar-reat. Il-penali finanzjarja massima tista’ tkun ta’ EUR 1,8 miljun

BE

priġunerija minn 6 xhur sa 3 snin u/jew multa minn EUR 600 sa

€ 6 000

priġunerija minn sena sa 5 snin u multa ta’ EUR 500 -

50 000

priġunerija minn sena sa 5 snin u multa ta’ EUR 500 -

50 000

priġunerija minn 10 sa 15-il snin u multa ta’ EUR 1 000–100 000

Il-penali tal-livell 4 hija applikabbli għall-impjieg ta’ ċittadini barranin li mhumiex permessi jew awtorizzati joqogħdu għal aktar minn tliet xhur fil-Belġju

BG

priġunerija ta’ bejn sena u 5 snin u multa ta’ BGN

5 000 (€2 554) sa BGN

50 000

(€ 25 564)

Priġunerija sa 4 snin u multa ta’ BGN 2 000

(€1 022) sa BGN 20 000 (€10 225)

priġunerija ta’ bejn sena u 5 snin u multa ta’ BGN 5 000

(€2 554) sa BGN 50 000 (€25 564)

Priġunerija sa 4 snin u multa ta’ BGN 2 000

(€ 1 022) sa BGN 20 000 (€ 10 225)

priġunerija minn sena sa 5 snin u multa ta’ BGN 3 000 (EUR 1 534) sa BGN 30 000

(€ 15 338)

Is-sanzjonijiet elenkati taħt 9(1)b japplikaw għall-persuna li timpjega simultanjament ħames barranin jew aktar li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

CY

Priġunerija sa 5 snin u/jew multa li ma taqbiżx EUR 20 000

Kull ċirkostanza msemmija taħt

9(1)a-e tista’ tkun kumulattiva jew tissostitwixxi lil oħrajn.

CZ

priġunerija minn sitt xhur sa ħames snin Priġunerija sa 6 xhur, sekwestru ta’ proprjetà jew ta’ valuri oħra ta’ proprjetà, jew projbizzjoni milli jitwettqu attivitajiet professjonali.

- Piena ta’ priġunerija sa sena, jekk persuna tkun wettqet ir-reat kriminali ta’ impjieg illegali ta’ barranin bħala membru ta’ grupp organizzat, għal remunerazzjoni, jew ripetutament.

- Piena ta’ priġunerija bejn sitt xhur u tliet snin, jekk l-awtur tar-reat ikun kiseb benefiċċju konsiderevoli għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor.

- Priġunerija bejn sena u ħames snin u fejn xieraq, anki t-telf ta’ proprjetà, jekk l-awtur tar-reat ikun kiseb b’dan l-att kriminali xi benefiċċju fuq skala kbira għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor.

-

priġunerija minn sitt xhur sa ħames snin

Penali monetarja tista’ tiġi imposta sa massimu ta’

1 460 000 000 CZK

(€ 53 100 563) għal persuna ġuridika.

DE

priġunerija ta’ mhux aktar minn sena jew multa

priġunerija ta’ mhux aktar minn sena jew multa

priġunerija sa 3 snin jew multa (każijiet serji: minn 6 xhur sa 5 snin)

priġunerija ta’ mhux aktar minn 3 snin jew multa

priġunerija ta’ mhux aktar minn sena jew multa

1. Fil-każ ta’ reat kriminali mwettaq b’intenzjoni, multa ta’ mhux aktar minn €1 000 000;

2. Fil-każ ta’ reat kriminali mwettaq b’negliġenza, multa ta’ mhux aktar minn €500 000.

EE

multa ta’ bejn 30 u 500 rata ta’ kuljum (€96 sa €1 600) jew priġunerija sa 3 snin

Persuni ġuridiċi huma kkastigati biss b’piena pekunjarja (€3 200 sa

€16 000 000)

Xoljiment obbligatorju tal-persuna ġuridika.

EL

priġunerija ta’ mill-inqas 5 xhur

priġunerija ta’ mill-inqas 6 xhur

priġunerija ta’ mill-inqas 6 xhur

Ma hemmx distinzjoni bejn impjegatur fiżiku u ġuridiku.

ES

priġunerija minn 3 sa 18-il xahar u multa ta’ 12 sa 30 xhur

priġunerija minn 6 xhur sa 6 snin u multa ta’ 6 xhur sa 12-il xahar.

priġunerija minn sentejn sa 5 snin u multa minn 6 sa 12-il xahar

priġunerija minn sentejn sa 5 snin u multa ta’ 6 xhur sa 12il xahar

priġunerija minn 3 sa 18-il xahar u multa ta’ 12 sa 30 xhur

FI

multa jew priġunerija sa sena

FR

sa 10 snin priġunerija u multa ta’ €100 000

HR

priġunerija minn 6 xhur sa 5 snin

HU

priġunerija ta' mhux aktar minn sentejn

priġunerija ta' mhux aktar minn sentejn

priġunerija ta' mhux aktar minn 3 snin

priġunerija ta' mhux aktar minn 3 snin

priġunerija ta' mhux aktar minn 3 snin

IT

Priġunerija minn sena sa 5 snin u minn 5 sa 5-il sena għal ċirkostanzi aggravanti

IT żiedet it-tul tal-priġunerija.

Preċedentement: Priġunerija għal minimu ta’ 3xhur u massimu ta’ sena u multa ta’ €5 000 għal kull ħaddiem impjegat illegalment; bis-sanzjonijiet jiżdiedu jekk l-attivitajiet ikunu marbuta ma’ azzjonijiet kriminali relatati ma’ profitt.

Żieda minn terz sa nofs is-sanzjoni

 Żieda ta’ terz għal nofs is-sanzjonijiet u multa ta’ €25 000 għal kull persuna involuta

Żieda ta’ terz għal nofs is-sanzjonijiet u multa ta’ €25 000 għal kull persuna involuta

LT

multa jew priġunerija sa sentejn

priġunerija sa 8 snin

  priġunerija minn 2 sa 10 snin jew jekk żewġ persuni jew aktar,minn 4 sa 12-il sena

 

Sanzjonijiet speċifiċi għal persuni ġuridiċi: 1) multa (minn €10 000 sa

5 000 000);

2) restrizzjoni tal-operat tal-entità ġuridika;

3) likwidazzjoni tal-entità ġuridika.

LU

priġunerija minn 8 ijiem sa sena u/jew multa minn € 2 501 sa € 20 000

Sanzjonijiet speċifiċi għal persuni ġuridiċi:

1) multa: Minimu ta’ € 500, massimu

€ 750 000;

2) konfiska speċjali;

3) esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratti pubbliċi;

4) stralċ

LV

Ċaħda temporanja tal-libertà (priġunerija sa 3 xhur) jew servizz komunitarju, jew multa (sa 100 darba s-salarji minimi fix-xahar (€50 000))

MT

Multa sa 11 646,87 u/jew priġunerija sa sentejn. Il-piena għandha tiżdied bi grad wieħed jew żewġ gradi biċ-ċirkostanzi aggravanti msemmija taħt 9(1)a-e tal-penali.

Sanzjonijiet speċifiċi għal persuni ġuridiċi:

1. multa sa massimu ta’ EUR 2 500

2. sospensjoni jew kanċellazzjoni ta’ kwalunkwe liċenzja;

3. għeluq temporanju jew permanenti;

4. stralċ obbligatorju

NL

priġunerija sa 4 snin jew multa tal-ħames kategorija

priġunerija sa 4 snin jew multa tal-ħames kategorija u s-sanzjoni massima għat-traffikar tal-bnedmin hija priġunerija għal terminu li ma jaqbiżx tnax-il sena.

Il-kodiċi kriminali jippermetti l-prosekuzzjoni kriminali ta’ persuni ġuridiċi. Persuni ġuridiċi, kif ukoll is-superjur jew is-superviżur jistgħu jiġu sanzjonati.

PL

Multa (il-multa hija imposta f’rati ta’ kuljum, li jiddefinixxu l-għadd ta’ rati u l-ammont ta’ rata waħda. L-inqas għadd ta’ rati għandu jkun 100, u l-ogħla 1 080 000 zlotys jew restrizzjoni tal-libertà sa 12-il xahar.

Priġunerija sa 3 snin

Multa bejn 100 u 1 080 000 zlotys jew restrizzjoni tal-libertà

Sanzjonijiet speċifiċi għal persuni ġuridiċi: 1) projbizzjoni li tippromwovi, tirreklama l-attività tagħha, il-prodotti li tagħmel u s-servizzi pprovduti; 2) esklużjoni mid-dritt li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja pubblika; 3) esklużjoni mid-dritt li tibbenefika minn għajnuna minn organizzazzjonijiet internazzjonali; 4) esklużjoni mid-dritt li tipparteċipa fl-akkwist pubbliku; 5) projbizzjoni li twettaq ċerta attività ekonomika; 6) pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

PT

priġunerija sa sena jew multa sa 240 jum (massimu

€ 120 000)

priġunerija sa sentejn jew multa sa 480 jum (massimu ta’ €240 000)

priġunerija ta’ bejn 1 u 5 snin

priġunerija ta’ bejn 2 u 6 snin

priġunerija sa sentejn jew multa sa 480 jum (massimu

€ 240 000)

Speċifika għall-persuni ġuridiċi: 1. multa;

2. interdizzjoni tal-eżerċizzju tal-attività għal perjodu ta’ bejn 3 xhur u 5 snin

RO

priġunerija bejn sena u sentejn jew multa

Priġunerija minn bejn 6 xhur u 3 snin.

priġunerija bejn 3 xhur u sentejn

priġunerija bejn 3 xhur u sentejn

Il-piena msemmija taħt 9(1)b tapplika għal impjieg ta’ aktar minn 5 persuni.

SE

multa jew priġunerija sa sena

Multa korporattiva tikkonsisti f’mill-inqas 10 000

(€1 138) u mhux aktar minn 3 000 000 SEK

(€341 382). Barra minn hekk, il-Kapitolu 36, it-Taqsima 4 tal-Kodiċi Penali Svediż, jagħmilha possibbli li jintilfu profitti li huma riżultat ta’ reat. Il-persuna ġuridika tista’ għalhekk titlef il-profitti kollha li tkun kisbet bis-saħħa tal-impjieg illegali.

SI

Priġunerija sa 2 snin

Priġunerija sa 3 snin

L-ammont tal-multa imposta fuq persuna ġuridika jvarja skont il-grad tal-kastig (speċjalment it-tul ta’ priġunerija) preskritt għall-awtur tar-reat kriminali.

SK

Priġunerija sa sentejn

priġunerija bejn 6 xhur u 3 snin

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi: Konfiska ta’ somma ta’ flus li tvarja minn €800 sa €1 660 000;

Konfiska ta’ proprjetà



Tabella 3: Spezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri fl-2019

 

Spezzjonijiet

Riżultati

Stat Membru

Għadd assolut

Perċentwal ta’ impjegaturi fis-setturi kollha spezzjonati

Għadd ta’ spezzjonijiet li fihom ġew skoperti ħaddiema illegali

Għadd ta’ ħaddiema illegali identifikati

Il-Belġju

14 658

6,3 %

1 062

1 629

Il-Bulgarija

391

0,4 %

4

14

Iċ-Ċekja

8 160

5,6 %

74

180

Il-Ġermanja

98 224

6,0 %

 Ma hemmx data

Ma hemmx data 

L-Estonja

100

0,2 %

0

44

Il-Greċja

21 244

9,4 %

30

41

Spanja

15 706

1,7 %

3 215

4 948

Franza

1 286

0,1 %

1 068

1 800

Il-Kroazja

10 100

2,8 %

142

321

L-Italja

129 289

8,2 %

907

1 608

Ċipru

9 203

126,1 %

68

104

Il-Latvja

1 518

0,8 %

6

6

Il-Litwanja

7 141

6,6 %

72

257

Il-Lussemburgu

5 682

64,6 %

61

68

L-Ungerija

15 509

3,5 %

47

85

Malta

3 920

6,1 %

13

22

In-Netherlands

1 746

0,5 %

386

405

L-Awstrija

27 518

14,5 %

3 345

5 831

Il-Polonja

11 623

1,9 %

497

574

Il-Portugall

1 167

0,6 %

0

757

Ir-Rumanija

1 416

1,5 %

0

121

Is-Slovenja

10 444

32,0 %

96

0

Is-Slovakkja

23 891

36,6 %

5

7

Il-Finlandja

19 765

6,3 %

17

53

L-Iżvezja

2 675

0,5 %

331

584

Totali

442 376

13,7 %

11 446

19 459



Tabella 4: Spezzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri fl-2020

 

Spezzjonijiet

Riżultati

Stat Membru

Għadd assolut

Perċentwal ta’ impjegaturi fis-setturi kollha spezzjonati

Għadd ta’ spezzjonijiet li fihom ġew skoperti ħaddiema illegali

Għadd ta’ ħaddiema illegali identifikati

Il-Belġju

10 080

4,37 %

832

1 371

Il-Bulgarija

131

0,13 %

5

5

Iċ-Ċekja

5 557

4,08 %

36

66

Il-Ġermanja

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

L-Estonja

388

1,30 %

53

132

Il-Greċja

10 904

10,61 %

27

41

Spanja

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Franza

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Il-Kroazja

8 101

2,15 %

133

232

L-Italja

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ċipru

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Il-Latvja

1 239

0,68 %

8

8

Il-Litwanja

4 161

1,93 %

0

3

Il-Lussemburgu

12 728

Ma hemmx data

54

70

L-Ungerija

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Malta

3 542

5,05 %

19

33

In-Netherlands

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

Ma hemmx data

L-Awstrija

29 220

15,94 %

3 483

5 302

Il-Polonja

6 823

1,17 %

320

426

Il-Portugall

631

1 %

Ma hemmx data

239

Ir-Rumanija

724

Ma hemmx data

Ma hemmx data

53

Is-Slovenja

7 826

Ma hemmx data

104

Ma hemmx data

Is-Slovakkja

13 182

19 %

6

44

Il-Finlandja

14 593

4,55 %

2

6

L-Iżvezja

1 695

0,31 %

239

406

Totali

131 525

4,82 %

5 321

8 437

(1)

COM(2020) 609 final.

(2)

COM (2021) 591.

(3)

Ir-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar xogħol deċenti u l-ekonomija informali (2002) tiddefinixxi “l-ekonomija informali” bħala “l-attivitajiet ekonomiċi kollha mill-ħaddiema u l-unitajiet ekonomiċi li - fil-liġi jew fil-prattika - mhumiex koperti jew koperti b’mod insuffiċjenti minn arranġamenti formali”.

(4)

Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017), p. 10.

(5)

Valutazzjoni tal-UE ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata 2021 (Europol).

(6)

Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017), p. 14.

(7)

Fir-rigward tal-impjiegi informali, ir-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol “Defining and measuring informal employment” (2005) jirreferi għal impjieg mhux standard, atipiku, alternattiv, irregolari u prekarju.

(8)

International Labour Organization (ILO) Factsheet, Overview of the informal economy in the EU, https://www.ilo.org/budapest/WCMS_751319/lang--en/index.htm .

(9)

 Ir-Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017) wera li f’termini ta’ ġeneru, abbażi tal-istatistika pprovduta minn ħdax-il Stat Membru li pparteċipaw fl-istudju, fil-biċċa l-kbira l-irġiel (minn 69 % f’Ċipru għal 100 % fil-Litwanja u s-Slovakkja) ġew identifikati bħala li qed jaħdmu illegalment fl-Istati Membri li pprovdew id-data.

(10)

Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).

(11)

Il-qafas tal-UE għall-migrazzjoni legali (id-Direttiva dwar il-Permess Uniku (2011/98/UE), id-Direttiva dwar il-Karta Blu (2009/50/KE), id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali (2014/36/UE), id-Direttiva dwar il-ħaddiema bi trasferiment intraazjendali (2014/66/UE), id-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi (UE) 2016/801, id-Direttiva dwar ir-residenti fit-tul (2003/109/KE)) jipprevedu regoli li jiżguraw trattament ugwali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal taċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn jirrisjedu, fir-rigward ta’ fost l-oħrajn il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali u s-servizzi ta’ konsulenza.

(12)

COM(2014) 286 final; hija wriet li, filwaqt li l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-impjieg illegali u stabbilew sanzjonijiet finanzjarji, amministrattivi jew kriminali, kien hemm lakuni, frammentazzjoni u diskrepanzi; is-severità tas-sanzjonijiet varjat b’mod konsiderevoli, u dan wassal għall-ħtieġa li jkomplu jiġu vvalutati l-proporzjonalità u d-dissważività. Dan wera li kien hemm lok għal titjib fl-oqsma kollha li joffru protezzjoni, inklużi talbiet kontra impjegaturi, mekkaniżmi tal-ilmenti u aċċess għall-informazzjoni. Dan żvela wkoll li kienu meħtieġa sforzi sostanzjali biex jittejbu l-ispezzjonijiet u l-prijoritizzazzjoni tagħhom permezz tal-identifikazzjoni sistematika tas-setturi ta’ riskju.

(13)

L-Istati Membri taw il-kontribut tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva permezz ta’ kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

(14)

Fundamental Rights Agency, Protecting migrants in an irregular situation from labour exploitation: role of the Employers Sanctions Directive (2021), disponibbli fuq: https://fra.europa.eu/en/publication/2021/employers-sanctions-against-exploitation.

(15)

Il-Latvja.

(16)

Il-Bulgarija s-sanzjonijiet jistgħu jvarjaw minn tlett darbiet sa 92 darba l-paga minima fix-xahar (minn BGN 2 000 sa 60 000).

(17)

Fiċ-Ċekja s-sanzjonijiet jistgħu jvarjaw minn ħames darbiet sa 700 darba l-paga minima fix-xahar (minn CZK 50 000 sa CZK 10 000 000).

(18)

Il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Iżvezja.

(19)

Iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u l-Finlandja.

(20)

European Migration Network Synthesis Report – Illegal employment of Third Country Nationals in the European Union (2017), p. 30

(21)

Fundamental Rights Agency, Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union (2015), p. 18-19.

(22)

Il-librerija virtwali tal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat tista’ tiġi aċċessata permezz ta’: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1495&langId=mt

(23)

Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(24)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra min Iħaddem: Meta l-ksur ikun intenzjonat u jitwettaq b’mod persistenti, ikun jinvolvi għadd sinifikanti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew minorenni, meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu abbużivi jew fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun vittma tat-traffikar tal-bnedmin.

(25)

Fundamental Rights Agency, Protecting migrants in an irregular situation from labour exploitation: role of the Employers Sanctions Directive (2021), p. 35.

(26)

Il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja.

(27)

Il-Belġju, il-Greċja, Franza, l-Ungerija, il-Kroazja, in-Netherlands, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(28)

  Ħames Stati Membri biss (il-Belġju, il-Greċja, Franza, il-Kroazja u n-Netherlands) irrappurtaw li applikaw din il-miżura fil-perjodu mill-2012 sal-2019.

(29)

l-Ungerija, is-Slovenja u s-Slovakkja

(30)

Il-Bulgarija, Ċipru, Franza, in-Netherlands, il-Portugall u r-Rumanija.

(31)

Feedback ipprovdut mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) u mill-Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Migranti mingħajr Dokumenti (PICUM) bħala parti mill-konsultazzjonijiet immirati

(32)

Feedback ipprovdut mill-Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Migranti mingħajr Dokumenti (PICUM) bħala parti mill-konsultazzjonijiet immirati.

(33)

 Eżempju mogħti mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet immirati.

(34)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(35)

L-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, is-Slovakkja u s-Slovenja.

(36)

Eż. il-Kroazja, Ċipru, il-Portugall u s-Slovakkja.

(37)

Ir-Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017), p. 36.

(38)

Feedback ipprovdut mill-Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Migranti Mingħajr Dokumenti (PICUM) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) bħala parti mill-konsultazzjonijiet immirati.

(39)

Malta biss teħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun preżenti personalment biex iressaq ilment.

(40)

L-approvazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, biex persuna oħra taġixxi f’ismu, hija meħtieġa fil-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, Malta, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(41)

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012).

(42)

Skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-drittijiet tal-vittmi għandhom japplikaw għall-vittmi b’mod mhux diskriminatorju, indipendentement mill-istatus ta’ residenza tagħhom.

(43)

Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ Migranti mingħajr Dokumenti (PICUM), A worker is a worker: How to Ensure that Undocumented Migrant Workers Can Access Justice, (2020), p.21.-22.

(44)

L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja.

(45)

Il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja.

(46)

Ir-Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017).

(47)

Fundamental Rights Agency, Protecting migrants in an irregular situation from labour exploitation: role of the Employers Sanctions Directive (2021), p. 12.

(48)

Idem p. 5.

(49)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Italja, Malta, is-Slovenja u l-Finlandja.

(50)

F’għadd ta’ Stati Membri, bħall-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Rumanija, ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn legali jiġi assimilat bħala impjegat legali fejn japplikaw il-pagi minimi.

(51)

Pereżempju, il-Ġermanja u l-Awstrija.

(52)

Feedback mogħti mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU).

(53)

Bħal tibdil fl-istrutturi tal-kumpanija jew l-għeluq tan-negozju u t-trasferiment tal-assi tagħhom mingħajr ma jitolbu uffiċjalment għal falliment, jew sempliċement jirrifjutaw li jħallsu.

(54)

L-Istat ta’ spiss l-ewwel jirkupra l-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali li huma dovuti anke jekk dan ifisser li l-ħaddiem imbagħad ma jirċevix ir-remunerazzjoni tiegħu.

(55)

Il-Belġju, il-Greċja u Franza biss irrappurtaw li għandhom mekkaniżmi bħal dawn — Ir-Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017).

(56)

L-Artikolu 13(4) tad-Direttiva.

(57)

L-Artikolu 6(5) tad-Direttiva.

(58)

Il-permess ta’ residenza temporanju jingħata għal sitt xhur f’Ċipru, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, l-Iżvezja (li jista’ jiġġedded), għal sena fil-Ġermanja u l-Kroazja u għal tliet xhur fis-Slovakkja (li jista’ jiġġedded).

(59)

L-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(60)

Fundamental Rights Agency, Protecting migrants in an irregular situation from labour exploitation: role of the Employers Sanctions Directive (2021).

(61)

Iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Franza, il-Polonja u l-Iżvezja.

(62)

Ir-Rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — Impjieg illegali ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea (2017), p. 20.

(63)

Idem p. 14-15.

(64)

Iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija.

(65)

Il-Portugall (agrikoltura/forestrija/sajd, kostruzzjoni u akkomodazzjoni/servizzi tal-ikel) jirrapporta biss dwar is-setturi ta’ riskju.

(66)

Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Finlandja.

(67)

Feedback ipprovdut mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) fil-konsultazzjonijiet immirati u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar it-traffikar tal-migranti f’Frar 2021.

(68)

Idem.

(69)

Abbażi ta’ dokument ta’ politika interna tal-pulizija nazzjonali u Memorandum ta’ Qbil kondiviż mal-Parlament Netherlandiż.

(70)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva.

(71)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva.