Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 528 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EMPTY

Aġġornament tas-Sorveljanza Msaħħa - il-Greċja, Ġunju 2021

{SWD(2021) 528 final}


SFOND

L-iżviluppi u l-politiki ekonomiċi fil-Greċja huma mmonitorjati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif ukoll fil-kuntest tas-sorveljanza msaħħa skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 ( 1 ). L-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja ( 2 ) tirrikonoxxi li l-Greċja jeħtiġilha tkompli timplimenta l-miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, filwaqt li timplimenta riformi strutturali biex tappoġġa tkabbir ekonomiku sod u sostenibbli.

Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi qafas komprensiv għall-monitoraġġ tal-iżviluppi ekonomiċi u għall-eżerċizzju tal-politiki meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku sostenibbli. Din tippermetti li ssir valutazzjoni regolari tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji reċenti fil-Greċja, kif ukoll li jsir monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament sovran u aġġornamenti tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn. Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi wkoll il-qafas għall-valutazzjoni tal-impenn ġenerali li ngħata lill-Grupp tal-Euro mill-Greċja fit-22 ta’ Ġunju 2018, biex tkompli u tlesti r-riformi adottati skont il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u biex tiggarantixxi s-salvagwardja tal-objettivi tar-riformi importanti adottati b’konformità mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja. F’dan il-kuntest, is-sorveljanza msaħħa twettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi biex jitlestew ir-riformi strutturali ewlenin li bdew skont il-programm f’sitt oqsma ewlenin bi skadenzi miftiehma sa nofs l-2022, jiġifieri: (i) il-politiki fiskali u fiskostrutturali, (ii) il-protezzjoni soċjali, (iii) l-istabbiltà finanzjarja, (iv) is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, (v) il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u Parteċipazzjonijiet u l-privatizzazzjoni, u (vi) il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ( 3 ).

Dan huwa l-għaxar rapport dwar is-sorveljanza msaħħa għall-Greċja. Ir-rapport jinħareġ flimkien mar-rieżami fil-fond tal-iżbilanċi makroekonomiċi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jivvalutaw il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Greċja għall-2021 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Ir-rapport huwa bbażat fuq il-konstatazzjonijiet ta’ missjoni li saret mill-bogħod fl-20-21 ta’ April 2021 u fuq djalogu regolari mal-awtoritajiet. Il-missjoni tmexxiet mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew ( 4 ); il-Fond Monetarju Internazzjonali pparteċipa fil-kuntest tal-qafas tiegħu ta’ Monitoraġġ ta’ wara l-Programm, filwaqt li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà pparteċipa fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu u f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil tas-27 ta’ April 2018 dwar ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Dan ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni tal-impenji li l-Greċja għamlet lill-Grupp tal-Euro fir-rigward tat-tlestija tar-riforma sa tmiem l-2020 u jipprovdi informazzjoni dwar l-impenji dovuti sa nofs l-2021. Fit-tħejjija tar-rapport tqieset l-informazzjoni li kienet disponibbli sas-27 ta’ Mejju 2021.

Dan ir-rapport jista’ jservi bħala l-bażi li fuqha l-Grupp tal-Euro jiddeċiedi dwar il-ħruġ tas-sett ta’ miżuri ta' dejn kontinġenti fuq il-politika li jmiss li jiswew EUR 748 miljun. Dawn il-miżuri ġew miftiehma mal-Grupp tal-Euro fit-22 ta’ Ġunju 2018 u jinkludu t-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti ta’ introjtu ġġenerati mill-parteċipazzjonijiet tal-bank ċentrali f’bonds tal-Gvern Grieg skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli u l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u deroga mill-marġni ta’ żieda tal-imgħax ta’ ċertu self li jingħata mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Ir-raba’ segment ta’ miżuri ta’ dejn kontinġenti għall-politika ġie rilaxxat wara l-laqgħa tal-Grupp tal-Euro fit-30 ta’ Novembru 2020, inter alia fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Greċja għal nofs l-2020, fosthom ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa li ġie adottat mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 2020 ( 5 ) u fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19.

VALUTAZZJONI KUMPLESSIVA

Ir-rapport tħejja fl-isfond tal-issoktar tal-pandemija u l-miżuri ta’ konteniment iżda wkoll tal-aspettattivi għal ftuħ mill-ġdid gradwali tal-ekonomija bis-saħħa tal-kampanja ta’ tilqim. L-ekonomija Griega ċkienet bi 8,2 % fl-2020, pjuttost inqas milli kien mistenni, iżda xorta konsiderevolment aktar mill-UE kumplessivament, l-aktar minħabba l-importanza tas-settur tat-turiżmu għall-ekonomija. Iż-żieda fil-każijiet ġodda tal-COVID-19 wasslet biex l-awtoritajiet ikomplu bir-restrizzjonijiet tal-mobbiltà personali u l-miżuri ta’ konteniment introdotti fi tmiem l-2020 u aktar kmieni din is-sena, filwaqt li bdew – aktar reċentement – jerġgħu jiftħu s-settur tat-turiżmu b’kawtela għat-turisti barranin. Il-Gvern ippreżenta miżuri addizzjonali ta’ politika fiskali għall-2021 u l-2022 biex isaħħaħ l-irkupru ekonomiku u l-investiment privat. Il-pożizzjoni tal-politika fiskali għalhekk mistennija li tibqa’ waħda ta’ sostenn u tkompli ttaffi l-impatt tal-kriżi fuq is-suq tax-xogħol u fuq is-sitwazzjoni soċjali. Il-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjiegi qed jiġu appoġġati mill-UE b’mod partikolari permezz tal-istrument ta’ finanzjament il-ġdid għall-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency, SURE) u l-Fond Soċjali Ewropew. L-impjiegi huma mbassra li jiżdiedu marġinalment fl-2021, minħabba li gradwalment se jibda jsir reklutaġġ flimkien mal-ftuħ tal-ekonomija. It-tnedija mistennija tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti ppreżentati fil-Programm għall-Irkupru u r-Reżiljenza mistennija tipprovdi impuls u momentum addizzjonali għat-tkabbir u momentum għall-isforzi biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija kif ukoll tnaqqas il-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali ( 6 ). 

L-awtoritajiet għamlu progress tajjeb bl-implimentazzjoni tar-riforma f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi dawk li se jgħinu fil-ġestjoni tal-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ investimenti pubbliċi ġodda. Partikolarment:

·Ir-riforma tal-insolvenza mistennija tidħol fis-seħħ kif miftiehem fl-1 ta’ Ġunju, wara d-dħul fis-seħħ tal-qafas dwar ir-riabilitazzjoni tal-kumpaniji u l-falliment korporattiv fl-1 ta’ Marzu. Dan il-kodiċi jirrappreżenta riforma kbira tal-qafas tal-insolvenza u d-dħul tiegħu fis-seħħ huwa riżultat ta’ ħidma ta’ implimentazzjoni sostanzjali relatata mal-ispeċifikazzjoni dettaljata tiegħu kif ukoll mal-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-IT interkonnessa ma’ dawk tal-banek. Il-proċess għall-istabbiliment tal-entità ta' bejgħ b'kiri lura mistenni li jieħu ħafna aktar żmien milli kien maħsub fil-bidu, iżda mhux se jkun jeħtieġ emendi tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti u mhux se jaffettwa l-implimentazzjoni tal-aspetti l-oħra tal-qafas u lanqas ir-revoka adottata dan l-aħħar tas-sospensjoni tal-miżuri ta’ infurzar. L-iskema tista’ tinvolvi spiża fiskali sostanzjali f’każ li tiġi kklassifikata fil-gvern estiż u l-awtoritajiet huma għalhekk imħeġġa jimplimentawha b’mod li jevita dan ir-riskju.

·L-awtoritajiet estendew l-iskema Hercules biex jiffaċilitaw aktar tnaqqis ta’ self improduttiv. L-iskema kienet il-mutur ewlieni wara tnaqqis sostanzjali fil-proporzjon ta’ self improduttiv għal 30,2 % fi tmiem l-2020, minn aktar minn 40 % fi tmiem l-2019 ( 7 ). Huwa mistenni li l-estensjoni tal-iskema tkun tippermetti lill-banek Griegi jkomplu jnaqqsu s-self improduttiv tagħhom u tappoġġa l-isforz tagħhom biex fl-2022 jilħqu proporzjonijiet ta’ self improduttiv b’ċifra waħda f’konformità mal-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis ta’ self improduttiv riveduti dan l-aħħar u ppreżentati lis-superviżur. Is-suċċess ta’ dawn il-pjanijiet ambizzjużi jiddependi fuq għadd ta’ fatturi, bħall-iskala ta’ influssi ta’ self improduttiv ġdid u l-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq.

·Riforma komprensiva tar-riżorsi umani tal-Awtorità Indipendenti tad-Dħul Pubbliku mistennija tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju. Ir-riforma mistennija li tgħin lill-Awtorità Indipendenti biex tagħti riżultati dwar l-impenn speċifiku biex tiggarantixxi li jkun hemm persunal xieraq fil-futur.

·L-awtoritajiet lestew ir-riforma tas-sistema ta’ sussidji għat-trasport pubbliku lokali, li hi impenn speċifiku, u t-tnedija fuq skala nazzjonali tat-tielet u l-aħħar pilastru tad-Dħul Minimu Garantit, li hu wkoll impenn speċifiku, li jippermetti l-għoti ta’ appoġġ soċjali u ta’ servizzi ta’ impjieg imfassla apposta lill-benefiċjarji tad-Dħul Minimu Garantit mill-1 ta’ Ġunju. Ir-riforma tad-Dħul Minimu Garantit kellha impatt viżibbli f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-faqar, minkejja li l-proporzjon tan-nies fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għadu fost l-ogħla fl-UE (30 % fl-2019). L-awtoritajiet se jilleġiżlaw f’Settembru biex jużaw is-sistema ta’ valutazzjoni tad-diżabilità bbażata fuq il-funzjonalità biex jivvalutaw l-eliġibbiltà tal-benefiċċju fil-programm il-ġdid tagħhom ta’ prova ta’ assistenza personali lill-persuni b’diżabilità. Dan ifisser li l-iskema l-ġdida ta’ valutazzjoni se tintuża direttament għal deċiżjonijiet ta’ benefiċċji in natura mill-ewwel trimestru tas-sena d-dieħla, aktar milli għal proġett pilota ulterjuri tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-funzjonalità li huwa meħtieġ.

·L-awtoritajiet adottaw tibdil radikali tal-qafas tal-akkwist pubbliku, qafas kunċettwali ġdid li jirrigwarda l-kontroll intern fl-amministrazzjoni pubblika u leġiżlazzjoni biex tistabbilixxi Riżerva ta’ Proġetti Strateġiċi. Il-leġiżlazzjoni dwar l-istabbilitment ta’ Faċilità ta’ Tħejjija tal-Proġetti għal proġetti kbar ta’ investiment mistennija li tiġi adottata kmieni f’Ġunju. Filwaqt li l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri se jkollha tkompli fil-futur, dawn il-passi huma kruċjali biex il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tibda tajjeb. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma komplementari għar-riformi mmonitorjati skont is-sorveljanza msaħħa iżda għandhom orizzont aktar fit-tul u, fejn xieraq, jiżviluppaw aktar ir-riformi mibdijin skont is-sorveljanza msaħħa.

·L-awtoritajiet laħqu l-mira ta’ 30 % fl-akkwist ċentralizzat tan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa , li hu impenn speċifiku, filwaqt li ħadu passi biex iħaffu l-ġbir tal-irkupru u t-tnedija mill-ġdid tax-xogħol fir-riforma tal-kura tas-saħħa primarja.

·Il-kapaċità tal-Kunsill Suprem għas-Selezzjoni tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ssaħħet u sar progress tajjeb lejn sistema integrata ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani għall-amministrazzjoni pubblika. Il-limitu għar-reklutaġġ ta’ persunal temporanju, li l-ħidma dwaru qed tkompli, se jibda jiġi implimentat biss mill-2022 iżda l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jimplimentaw tnaqqis miftiehem fil-postijiet temporanji f’Ottubru 2021.

Ir-riformi komplew ukoll f’oqsma importanti oħra. L-awtoritajiet qed jagħmlu progress tajjeb fl-iżvilupp tal-ewwel livell tal-klassifikazzjoni funzjonali għall-kontijiet pubbliċi mistennija f’Ottubru 2021 u ħejjew pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tat-tieni livell tagħha sa April 2022. Il-klassifikazzjoni funzjonali hija element essenzjali fil-formulazzjoni tal-baġit u tal-politika. Ittieħdu passi importanti, inklużi leġiżlazzjoni primarja u sekondarja ġodda, biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għal-liċenzji tal-investiment u jiġi riformat il-qafas ta’ spezzjoni. Minkejja l-kopertura settorjali wiesgħa tar-riformi, oqsma relatati mal-liċenzji tan-negozju f’attivitajiet edukattivi tħallew barra mill-pakkett attwali iżda l-awtoritajiet se jindirizzawhom sa Settembru 2021. L-offerta għall-użu tas-sistema tal-IT għal-liċenzji u l-ispezzjonijiet, li l-eżekuzzjoni tagħha kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet, fl-aħħar infetħet u d-deċiżjoni finali għall-għoti tal-kuntratt ġiet ippubblikata reċentement. Ir-riforma fir-reġistrazzjoni tal-artijiet tinsab fit-triq it-tajba skont il-pjan direzzjonali rivedut, u qed isir progress tajjeb fit-tlestija tal-istħarriġ katastali, l-istabbiliment tal-uffiċċji katastali u t-tħejjija ta’ mapep tal-foresti. Ir-ratifika ta’ 95 % tal-mapep kollha se tinkiseb fl-ewwel trimestru tal-2022 wara l-estensjoni tal-perjodu għall-preżentazzjoni ta’ oġġezzjonijiet minħabba l-pandemija u biex jiġu indirizzati l-problemi amministrattivi u leġiżlattivi. Il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Parteċipazzjonijiet qed tħejji Pjan Strateġiku aġġornat, wara li ħarġet il-Gwida Ministerjali aġġornata tal-awtoritajiet, li tinkludi fokus ġdid fuq il-ġestjoni tal-assi bbażata fuq is-suq, u qed jittieħdu passi apprezzati biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Korporazzjoni bħala azzjonist attiv. Sar progress tajjeb f’diversi tranżazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni li jinsabu għaddejjin, fosthom Hellinikon, għadd ta’ portijiet reġjonali, proprjetà immobbli u l-ħażna ta’ gass naturali taħt l-art fin-Nofsinhar ta’ Kavala. Il-progress li sar fl-azzjonijiet l-oħra pendenti dwar il-konċessjoni ta’ Egnatia kien limitat u x-xogħlijiet waqgħu lura. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-awtoritajiet adottaw miżuri rilevanti biex jindirizzaw il-bqija tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni u stabbilixxew skeda ta’ żmien biex jitlesta l-impenn speċifiku, filwaqt li kkompletaw it-titjib tant mistenni fl-implimentazzjoni tal-proċedura tad-dikjarazzjoni tal-assi.

L-awtoritajiet qed jieħdu passi biex jirrimedjaw id-dewmien li kkawżat il-pandemija. L-ewwel nett, għall-kuntrarju tal-pjan inizjali, l-arretrati akkumulati żdiedu b’EUR 96 miljun bejn Diċembru 2020 u Frar 2021, l-aktar minħabba nuqqas ta’ likwidità f’ċerti entitajiet. L-awtoritajiet ħadu miżuri biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u pprovdew pjan ta’ approvazzjoni aġġornat, li jikkonferma l-miri miftehma qabel, filwaqt li qiesu analiżi komprensiva ġdida tal-fatturi barra mill-kontroll dirett tal-gvern. L-analiżi li kienet miftiehma mal-istituzzjonijiet Ewropej, mistennija tappoġġa l-kredibbiltà u l-ilħuq tal-miri. B’mod parallel, l-awtoritajiet qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni ta’ miżuri strutturali biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ellenika tal-Awdituri li jiffukaw l-aktar fuq it-titjib tal-IT, l-istabbiliment ta’ sistemi effiċjenti ta’ kontroll intern, il-persunal u t-titjib fil-proċeduri ta’ pagament li l-maġġoranza tagħhom trid tiġi indirizzata sa nofs l-2021. It-tieni, l-awtoritajiet irnexxielhom ilestu l-eżerċizzju ta’ rivalutazzjoni tat-taxxa fuq il-proprjetà tal-ENFIA u qablu li jressqu ’l quddiem id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta’ Awwissu 2022 għall-ewwel trimestru tal-2022, billi l-implimentazzjoni tar-riforma fl-2021 ma għadhiex fattibbli. It-tielet, il-proċedura għall-aġġornament tal-paga minima statutorja ssoktat u mistenni li titlesta sal-aħħar ta’ Lulju u r-Riforma tal-Kodiċi Industrijali li ilha mistennija ddaħħlet f’konsultazzjoni pubblika u huwa ppjanat li tiġi ppreżentata lill-Parlament matul l-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, biex b’hekk tintroduċi modernizzazzjoni sinifikanti tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol u tiftaħ it-triq għall-kodifikazzjoni tagħha, li hija impenn speċifiku. Fl-aħħar nett, ir-riformi ġudizzjarji raw xi progress apprezzat bl-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Persunal Ġudizzjarju u l-leġislazzjoni sekondarja għall-unità tal-“JustStat”, filwaqt li se tkompli l-ħidma dwar liġijiet importanti oħra u dwar l-istabbiliment ta’ kmamar speċjali. Hemm momentum tajjeb rigward id-diġitalizzazzjoni tal-ġudikatura iżda l-introduzzjoni li tinsab tard ħafna tal-preżentazzjoni elettronika obbligatorja tad-dokumenti qed tagħmel progress biss fil-qrati amministrattivi, billi l-implimentazzjoni tagħha fil-qrati ċivili u kriminali hija marbuta mal-iżvilupp tat-tieni fażi tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, li s-sejħa għall-offerti tagħha se titnieda mill-ġdid – b’ambitu usa’ – f’Lulju 2021. L-istituzzjonijiet Ewropej ħeġġew lill-awtoritajiet biex jappoġġaw il-preżentazzjoni elettronika tad-dokumenti fil-qrati ċivili u kriminali fuq bażi fakultattiva.

Minkejja l-progress sostanzjali fil-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza, it-tfixkil relatat mal-pandemija fil-proċedimenti tal-qorti kompla jkun ta’ piż fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi oħra fis-settur finanzjarju fl-ewwel trimestru tal-2021 iżda l-proċessi qed jerġgħu jibdew gradwalment. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-ipproċessar tal-każijiet arretrati preċedenti ta’ insolvenza tal-unitajiet domestiċi. Filwaqt li qed jiġi implimentat pjan direzzjonali speċifiku biex jitħaffef il-pass, l-approvazzjoni sħiħa issa x’aktarx li tiġi posposta lil hinn mill-mira ta’ tmiem l-2021. Is-sospensjoni orizzontali tal-proċedimenti ta’ infurzar, inklużi l-irkanti, li kienu ilhom fis-seħħ minn Novembru 2020 u li kienu ġew ivvalutati bħala li għandhom effett potenzjalment negattiv fuq it-tnaqqis tas-self improduttiv, tneħħiet fil-bidu ta’ April 2021, u dan ippermetta li l-passi kollha ta’ infurzar jerġgħu jibdew gradwalment. Il-biċċa l-kbira tal-irkanti se jiġu skedati mill-ġdid għal wara s-sajf, u b’hekk jiġi limitat l-għadd totali ta’ rkantijiet imwettqa fl-2021 għal livelli ta’ qabel il-pandemija. L-awtoritajiet qed iħejju wkoll passi ulterjuri biex jiffaċilitaw il-konformità mal-miżuri li ttieħdu f’Diċembru 2020 biex itejbu t-twettiq tal-irkantijiet u kkonfermaw li l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili rivedut, li fost l-oħrajn se jlesti r-riforma tal-irkanti, se jiġi adottat f’Lulju 2021 u jidħol fis-seħħ qabel il-bidu tas-sena ġudizzjarja li jmiss wara s-sajf. Il-pandemija kompliet ixxekkel il-progress dwar l-approvazzjoni tal-garanziji tal-Istat iżda hu mistenni li l-miżuri li diġà ġew stabbiliti se jiffaċilitaw li l-pass jitħaffef fit-tieni trimestru tas-sena.

B’mod ġenerali, dan ir-rapport jikkonkludi li l-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tikseb l-impenji speċifiċi dovuti tagħha, minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li kkawżat il-pandemija. L-awtoritajiet wettqu għadd ta’ riformi fundamentali, fosthom fl-oqsma li se jkunu kruċjali għall-ġestjoni tar-riperkussjonijiet fit-tul mill-kriżi ekonomika attwali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika biex l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tirnexxi. L-istituzzjonijiet Ewropej jilqgħu l-involviment mill-qrib u kostruttiv fl-oqsma kollha u jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet biex iżommu l-momentum u, fejn meħtieġ, isaħħu l-isforzi biex jirrimedjaw id-dewmien sa ċertu punt ikkawżat mill-pandemija, b’mod partikolari fir-rigward tar-riformi tas-settur finanzjarju.

ŻVILUPPI MAKROEKONOMIĊI

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 immarka l-perkors għall-ekonomija Griega fl-2020. Il-prodott domestiku gross tal-Greċja naqas bi 8,2 % fuq bażi annwali fl-2020, li jirrifletti l-impatt tal-miżuri ta’ konteniment fuq l-attività ekonomika u speċjalment fuq is-settur turistiku. Minkejja l-issikkar tar-restrizzjonijiet biex tiġi limitata l-firxa tal-pandemija matul l-aħħar trimestru tas-sena, l-ekonomija Griega rreġistrat tkabbir notevoli ta’ 2,7 % fuq bażi trimestrali, li jirrifletti nefqa akbar tal-gvern u żieda qawwija fl-esportazzjonijiet netti. Il-prezzijiet tal-konsumatur naqsu, l-aktar minħabba l-pressjonijiet deflazzjonarji qawwija mill-prezzijiet tal-enerġija u l-laxkezza fl-ekonomija.

Il-miżuri ta’ sostenn għall-impjiegi rnexxielhom jipproteġu s-suq tax-xogħol billi żammew ir-rata tal-qgħad għal 16,3 % fl-2020 minkejja t-tfixkil ekonomika li ġabet magħha l-pandemija. Fl-istess ħin, l-impjiegi naqsu meta mqabbla ma’ sena ilu, minħabba li kien hemm inqas impjiegi ġodda l-aktar fis-settur turistiku. L-iskema ewlenija li tipproteġi s-suq tax-xogħol diġà kienet ġiet stabbilita kmieni fl-2020 u tappoġġa lill-ħaddiema li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi temporanjament, filwaqt li tipproteġi l-pożizzjonijiet tagħhom. F’Marzu 2021, l-għadd ta’ impjegati soġġetti għal sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol laħaq il-547 000 (f’128 400 intrapriża), li huwa aktar minn tliet darbiet aktar minn dak f’Ottubru 2020, meta bdiet it-tieni mewġa tal-pandemija fil-Greċja. Bl-istess mod, il-programm ta’ sussidju għall-impjiegi li tnieda f’Ottubru 2020 sa issa pprovda impjieg lil kważi 30 000 persuna, li 4 600 minnhom qabel kienu qiegħda fit-tul. L-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar (“Synergasia”), appoġġata mill-istrument ta’ finanzjament għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), kompliet tipprovdi appoġġ lil madwar 17 000 impjegat f’1 600 intrapriża f’Frar 2021.

Il-pass tal-irkupru f’terminu qasir x’aktarx li jkun kemxejn aktar bil-mod milli kien imbassar, minħabba l-estensjoni tal-miżuri ta’ konteniment, iżda t-tnedija mistennija tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza x’aktarx li tagħti spinta lit-tkabbir fil-futur. Il-miżuri ta’ konteniment aktar stretti mistennija li jtaqqlu l-pass tal-irkupru fl-ewwel trimestru tal-2021. Madankollu, il-progress kostanti fit-tilqim u l-ftuħ mill-ġdid gradwali tas-settur tat-turiżmu x’aktarx li jaċċelleraw l-attività ekonomika fit-tieni nofs tas-sena. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, huwa mbassar li l-PDG reali fil-Greċja jikber b’4,1 % fl-2021 u 6,0 % fl-2022, xprunat l-aktar minn investimenti mit-tieni nofs tal-2021 ’il quddiem. Hu mistenni li anki l-esportazzjonijiet netti jipprovdu kontribut pożittiv, appoġġat mill-ftuħ mill-ġdid gradwali tas-settur tat-turiżmu. Il-konsum privat x’aktarx li jkun sostnut mir-realizzazzjoni ta’ parti mix-xiri li ddewwem mis-sena ta’ qabel. Iż-żieda mistennija fl-infiq tal-unitajiet domestiċi, u l-irkupru li rriżulta fis-settur tas-servizzi li jirrikjedu aktar ħaddiema, mistennija jiffaċilitaw ukoll ir-ritorn tal-ħaddiema li bħalissa jinsabu fi skemi ta’ appoġġ għall-impjiegi regolari, biex b’hekk li l-miżuri ta’ sostenn jintreħew gradwalment. Huwa mbassar li l-inflazzjoni tibqa’ kemxejn negattiva fl-2021, minħabba pressjoni negattiva fuq il-prezzijiet mis-settur tas-servizzi u domanda dgħajfa għall-prodotti industrijali. Għall-2022, il-prezzijiet tal-konsumatur mistennija li jirkupraw bil-mod hekk kif l-attività ekonomika terġa’ lura għal-livelli li kellha qabel il-pandemija u l-attività tat-turiżmu tirkupra gradwalment.

It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jqis ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Pjan jinkludi għadd ta’ proġetti ta’ investiment maturi, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasformazzjoni ekoloġika, it-tranżizzjoni diġitali, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv kif ukoll infiq ieħor li jsaħħaħ it-tkabbir, li l-implimentazzjoni tagħhom mistennija li tibda malajr fit-tieni nofs tal-2021. Billi jrawmu t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-Greċja, dawn l-investimenti x’aktarx li jipprovdu impetu qawwi għall-irkupru, u jżidu t-tkabbir b’medja ta’ madwar 1,3 punti perċentwali fl-2021 u fl-2022. Apparti li jtejjeb il-kompetittività u l-produttività, il-Pjan għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-impjiegi kif ukoll irkupru inklużiv.

L-inċertezza dwar il-prospettiva għadha għolja. Minkejja li l-kampanja ta’ tilqim qed tagħmel progress, l-evoluzzjoni tal-pandemija kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali għadha soġġetta għal inċertezza sostanzjali. Dan għandu riperkussjonijiet għa-turiżmu u s-setturi relatati mat-turiżmu bħas-settur tal-ospitalità u l-forniment tal-ikel u s-servizzi, li jirrappreżentaw sehem relattivament kbir tal-ekonomija Griega. L-inċertezza tikkonċerna wkoll il-ħeffa tal-irkupru tas-settur korporattiv u bankarju wara t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, li tista’ toħloq pressjoni għal-likwidità tad-ditti u possibbilment għas-solvenza. Hu mistenni li l-effetti ta’ preċipizju jittaffew permezz ta’ skema riċenti li tappoġġa s-self lin-negozji. L-impedimenti għall-aċċess għall-finanzjament b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għadhom jippersistu, iżda mistenni li jiġu attenwati permezz ta’ miżuri ppreżentati fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol fuq medda qasira ta’ żmien se jiddependu b’mod kruċjali fuq it-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ sostenn għas-suq tax-xogħol, li jeħtieġ tiġi ġestita b’attenzjoni. Il-fatturi ġeopolitiċi esterni u l-feġġ mill-ġdid potenzjali tal-kriżi tal-migrazzjoni ladarba l-pandemija tbatti għadhom sors ta’ inċertezza. Mil-lat pożittiv, l-iffrankar akkumulat matul il-pandemija jista’ jagħti spinta lill-infiq fil-futur. Rigward l-inflazzjoni, l-inċertezza dwar il-perspettiva ekonomika timplika riskji negattivi għall-perkors ipproġettat.

Tabella .1:    Sommarju tal-varjabbli makroekonomiċi ewlenin (%)

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

ŻVILUPPI FISKALI

Id-defiċit primarju tal-Greċja mmonitorjat skont is-sorveljanza msaħħa laħaq 7,5 % tal-PDG fl-2020. Id-deterjorament meta mqabbel mat-tbassir tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni huwa spjegat mill-miżuri addizzjonali li ħa l-gvern biex jindirizza t-tieni mewġa tal-pandemija fl-aħħar xhur tal-2020. Barra minn hekk, diversi kwistjonijiet statistiċi ġew iċċarati mill-Eurostat, li kkontribwixxa għall-bilanċ fiskali aktar baxx. Ir-reviżjoni statistika l-aktar evidenti hija d-deċiżjoni li tiġi akkumulata l-ispiża kollha mistennija tal-ikklerjar tal-arretrati ta’ garanziji tal-Istat sal-2020. Din ir-reviżjoni żiedet 1,2 % tal-PDG mad-defiċit tal-2020, filwaqt li ma kellha l-ebda impatt fuq il-livell tad-dejn tal-gvern estiż. Deċiżjoni importanti oħra li ħadu l-awtoritajiet tal-istatistika kienet tikkonċerna r-reġistrazzjoni fiskali tal-mekkaniżmu ta’ rkupru. Billi l-istokk ta’ irkupri mhux miġbura baqa’ jakkumula, l-awtoritajiet tal-istatistika ddeċidew li jabbandunaw il-prattika preċedenti ta’ reġistrazzjoni, fejn in-nefqa dovuta kienet iddefinita mil-limiti massimi ta’ rkupru, u minflok jirreġistraw l-irkupri u r-ribassi kollha meta jinġabru jew jiġu kkumpensati. Huwa stmat li għall-2020, din il-bidla kellha impatt ta’ deterjorament tal-bilanċ ta’ 0,3 % tal-PDG, filwaqt li l-bilanċi fiskali tal-passat bejn l-2012 u l-2019 iddeterjoraw b’medja ta’ 0,2 % tal-PDG, mingħajr ebda impatt fuq il-livell tad-dejn tal-gvern estiż.

Il-politika fiskali se tibqa’ akkomodanti fl-2021 u hu mistenni li l-biċċa l-kbira tal-miżuri fiskali adottati biex itaffu l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi tal-kriżi jitneħħew gradwalment fl-2022. B’reazzjoni għat-tielet mewġa ta’ infezzjonijiet l-awtoritajiet qed isostnu l-appoġġ biex tiġi indirizzata l-pandemija fl-2021 billi estendew il-miżuri preċedenti. Dan jinkludi żieda ulterjuri fil-pakkett tal-“pagamenti bil-quddiem ripagabbli” (appoġġ pubbliku lil kumpaniji affettwati mill-pandemija, imqassam fil-forma ta’ self b’komponent ta’ sussidju kundizzjonali), aktar sostenn fiskali relatat mal-impjegati li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom ġie sospiż, żieda fin-nefqa għall-kura tas-saħħa u estensjoni tad-differimenti tat-taxxa. Bis-suppożizzjoni kurrenti tat-tnaqqis gradwali tal-lockdown, il-biċċa l-kbira tal-miżuri mmirati lejn il-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi li ntlaqtu direttament mill-pandemija mistennija li jitwaqqfu b’seħħ mill-2022.

Miżuri ulterjuri huma previsti li jkomplu jipprovdu sostenn għall-irkupru fl-2022, inkluż it-tnaqqis tant meħtieġ għall-piż tat-taxxa tal-kumpaniji. Ir-rata mnaqqsa tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-tnaqqis tat-taxxa ta’ solidarjetà soċjali fis-settur privat se jibqgħu fis-seħħ ukoll fl-2022. L-awtoritajiet iddeċidew ukoll li jnaqqsu r-rata ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji minn 100 % għal 70 % fl-2021 u jżommuha għal 80 % mill-2022 ’il quddiem. Din il-miżura għandha l-għan li tissalvagwardja l-likwidità u l-investimenti privati billi d-ditti altrimenti jiffaċċjaw rata tat-taxxa effettiva ta’ kważi 50 % meta jibdew jagħmlu profitt ( 8 ), li jkun ta’ riskju kbir għall-investimenti privati. Barra minn hekk, it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji se titnaqqas b’żewġ punti perċentwali għal 22 % mis-sena tat-taxxa 2021 ’il quddiem. Din il-miżura għandha impatt permanenti negattiv żgħir fuq il-finanzi pubbliċi ta’ madwar 0,1 % tal-PDG, iżda hija pass fid-direzzjoni t-tajba biex jiġi indirizzat il-piż tat-taxxa għoli fuq il-kumpaniji, li ilu żmien twil ta’ tħassib ( 9 ). L-impatt ta’ din il-miżura se jiġi kkumpensat minn żieda permanenti fid-dħul tal-kont tas-Sors tal-Enerġija Rinnovabbli, applikata mill-2021 ’il quddiem, b’mod partikolari mill-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-introduzzjoni ta’ tariffa ekoloġika fuq il-konsum tad-diżil.

It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jistenna li d-defiċit primarju mmonitorjat skont is-sorveljanza msaħħa jilħaq 7,3 % tal-PDG fl-2021 u 0,5 % tal-PDG fl-2022, li huwa allinjat mill-qrib mal-proġettazzjoni tal-awtoritajiet ( 10 ). Din il-proġettazzjoni tqis l-iskadenza gradwali tal-miżuri ta’ sostenn fiskali u l-irkupru ekonomiku mistenni. Tinkludi wkoll l-ispiża tal-“pagamenti bil-quddiem ripagabbli” (appoġġ pubbliku lil kumpaniji affettwati mill-pandemija, imqassam fil-forma ta’ self b’komponent ta’ sussidju kundizzjonali). Id-dispożizzjonijiet għall-garanziji pprovduti fil-kuntest tal-pandemija ġew irreġistrati fl-2020. Min-naħa l-oħra, il-garanziji pprovduti fil-kuntest tal-iskema Hercules jistgħu jaffettwaw il-bilanċ fiskali biss fil-futur, jekk u meta jiġu msejħa. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jqis is-sostenn finanzjarju fuq skala kbira minn riformi u investimenti li jsaħħu t-tkabbir inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Greċja, li huma mistennija jipprovdu appoġġ sostanzjali għall-ekonomija u jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali. Dan imbagħad se jgħin biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti. Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 tal-awtoritajiet jipproġetta li d-defiċit primarju jilħaq is-7,2 % tal-PDG fl-2021 u ż-0,3 % tal-PDG fl-2022.

Tabella .2:    Il-fatturi ewlenin tal-proġettazzjoni fiskali

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-awtoritajiet adottaw leġiżlazzjoni sekondarja li tistabbilixxi l-kriterji għad-dħul mill-ġdid fl-iskema ta’ saldu tat-taxxa għal obbligazzjonijiet tat-taxxa li ġew interrotti qabel il-pandemija. Din il-leġiżlazzjoni tifforma parti mill-arranġamenti miftiehma fil-kuntest tat-tmien rapport ta’ sorveljanza msaħħa u tħaddem “it-tieni opportunità” għal dawk li kienu telqu minn skemi ta’ saldu preċedenti wara r-reviżjoni tal-qafas ta’ Novembru 2019. Tintroduċi kriterji dwar il-ġid, it-telf ta’ dħul u l-konformità stretta, ħaġa li hija novità mixtieqa għall-qafas.

Ir-riskji fiskali għadhom sostanzjali. Fil-biċċa l-kbira, dawn għadhom qed ikunu xprunati mill-inċertezza fl-ambitu tal-evoluzzjoni tal-pandemija u minn sostenn fiskali ulterjuri li jista’ jkun meħtieġ biex tittaffa l-ispiża soċjali u ekonomiku tal-kriżi tas-saħħa. Riskji ulterjuri huma relatati mal-ispiża reali tal-garanziji tal-Istat u l-avvanzi rimborżabbli estiżi matul il-pandemija. L-iskema ppjanata ta’ bejgħ u kiri lura ta’ proprjetajiet li huma proprjetà ta’ debituri vulnerabbli tista’ ġġorr spejjeż fiskali sostanzjali jekk tiġi kklassifikata fis-settur tal-gvern estiż ( 11 ). Ir-riskji li jirriżultaw mill-każijiet ta’ litigazzjoni kontra l-Kumpanija Pubblika tal-Proprjetà Immobbli (ETAD) u l-kontestazzjonijiet legali li għaddejjin kontra riformi preċedenti, kif deskritt f’rapporti preċedenti, għadhom konsiderevoli. Feġġ mill-ġdid fil-flussi migratorji jiddeterjora l-bilanċ fiskali futur. Fl-aħħar nett, it-tbassir jassumi eżekuzzjoni sħiħa tal-limiti massimi tal-baġit li, jekk ma jintlaħqux, itejbu r-riżultat fiskali għad-detriment tal-kontribuzzjoni tan-nefqa pubblika għat-tkabbir.

FINANZJAMENT TAD-DEJN SOVRAN

Id-differenzi fir-rendimenti tad-dejn sovran ilhom stabbli minn Frar 2021, f’madwar 60 punt bażi tul ħames snin. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli qed tkompli ssostnihom il-pożizzjoni akkomodanti tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew, inkluż il-Programm tiegħu ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija. Il-Greċja żammet il-preżenza tagħha fis-swieq tal-bonds u kompliet bl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ finanzjament tagħha. F’Marzu, ġew iġġenerati EUR 2,5 biljun permezz tal-ħruġ ta’ bond tal-gvern għal 30 sena b’rendiment ta’ ftit inqas minn 2 %. Il-konkorrenza għall-irkant kienet 10 darbiet akbar mill-offerta, u kien l-ewwel bond sovran Grieg ta’ 30 snin li nħareġ mill-2007 ’l hawn. F’Marzu wkoll, il-Greċja għamlet ripagament parzjali antiċipat tas-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali, li huwa pass pożittiv li jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-kambju u jibgħat sinjal pożittiv lis-swieq. L-ammont ta’ self pendenti dovut lill-Fond Monetarju Internazzjonali huwa ta’ EUR 1,8 biljun. Ir-riżervi tal-flus tal-gvern estiż kienu ta’ madwar EUR 28 biljun fl-aħħar ta’ Marzu 2021, li jkunu biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-gvern estiż għal aktar minn sena skont il-proġettazzjonijiet fiskali kurrenti. F’April 2021, id-ditta Standard & Poor’s tejbet il-klassifikazzjoni tal-kreditu sovran tal-Greċja b’livell wieħed minn BB- għal BB filwaqt li żammet prospettiva pożittiva. B’dan l-aġġornament, il-klassifikazzjoni sovrana tal-Greċja hija żewġ livelli taħt il-grad ta’ investiment f’żewġ aġenziji ta’ klassifikazzjoni biss.

ANALIŻI TAS-SOSTENNIBBILTÀ TAD-DEJN

Fit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni sar aġġornament tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn b’segwitu għall-perspettiva makroekonomika u fiskali aġġornata. Il-metodoloġija ġiet ippubblikata fit-tmien rapport ta’ sorveljanza msaħħa. Il-qafas isegwi mill-qrib il-qafas tal-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni u jqis xenarji alternattivi addizzjonali. Ir-rati forward użati għas-suppożizzjonijiet tar-rata tal-imgħax huma skont l-aħħar ta’ Marzu 2021.

Id-dewmien tal-pandemija żied ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali, li huma parzjalment ikkumpensati mill-irkupru ekonomiku mistenni. Ir-riżultati tal-analiżi juru li fix-xenarju ta’ referenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG se jibqa’ jonqos mill-2021 ’il quddiem. Huwa proġettat li d-dejn jilħaq 169 % sal-aħħar tad-deċennju, u jonqos għal taħt il-100 % tal-PDG sal-2047 fix-xenarju ta’ referenza.

Il-valutazzjoni tqis l-impatt pożittiv mistenni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq it-tkabbir fis-sitt snin li ġejjin. Hija bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u riflessa fis-suppożizzjonijiet użati fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, u hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni formali tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza li qed titwettaq mill-Kummissjoni. Huwa mistenni li l-miżuri ppreżentati fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkollhom effett multiplikatur ta’ 0,8 fuq il-PDG reali bħala medja bejn l-2021 u l-2026. Filwaqt li dan għandu impatt fit-tul fuq il-livelli tal-PDG, din l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tqis l-ebda impatt potenzjali fit-tul tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fuq it-tkabbir potenzjali tal-PDG lil hinn mill-2026. F’termini ta’ finanzjament, huwa mistenni li 13 % tal-pakkett totali jiġi żborżat fl-2021 bħala prefinanzjament. Rigward is-self, il-kalkoli huma bbażati fuq il-pjan tal-gvern li jsellef l-ammont kollu lis-settur privat, fil-forma ta’ kofinanzjament, b’maturitajiet li jaqblu ma’ dak tas-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan iwassal għal żieda fil-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross fit-terminu qasir, iżda ma għandu l-ebda impatt fuq il-livelli ta’ dejn nominali fit-tul, billi huwa preżunt li l-ħlas lura tas-self mis-settur privat lill-gvern jipprovdi l-finanzjament meħtieġ għar-ripagament tas-self tal-gvern lill-UE. Is-simulazzjonijiet attwali ma jqisu l-ebda impatt possibbli fuq il-bilanċ fiskali mill-element tas-self tal-Faċilità (ħlief għal effetti sekondarji).

Grafika .1:    Riżultati tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn

 

Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni

Tabella .3:    Suppożizzjonijiet u riżultati ewlenin

 

Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni

Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross għadhom għoljin f’terminu qasir l-aktar minħabba d-defiċit primarju għoli. L-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Self ippreżentata fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza mistennija li tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross ogħla fl-2021-2022, għalkemm din il-ħtieġa ta’ finanzjament addizzjonali hija koperta mill-iżborż preżunt tas-self tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fis-snin ta’ wara, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament mistennija li jkunu moderati u jibqgħu taħt il-15 % tal-PDG sal-2030. Wara perjodu ta’ ħtiġijiet ta’ finanzjament gross għoljin fl-2030, marbuta mal-bidu tar-ripagamenti tas-self estiż skont il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u mal-iskadenza tal-perjodu ta’ differiment tal-imgħax tas-self tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, huma mistennija li jibqgħu f’perkors ta’ tnaqqis u jilħqu 13 % tal-PDG sal-2060.

Tabella .4:    Suppożizzjonijiet ewlenin tax-xenarji

 

Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni

Ix-xenarji alternattivi jindikaw żieda żgħira fir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn. Iż-żewġ xenarji alternattivi żviluppati fit-tmien rapport ta’ sorveljanza msaħħa ġew aġġornati wkoll. Fix-xenarju ta’ “primjum ta’ riskju ogħla”, it-trajettorja tad-dejn hija kumplessivament ogħla iżda għadha qed tonqos matul il-perjodu ta’ valutazzjoni. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross huma ogħla fit-tul u jaqbżu b’mod marġinali l-20 % tal-PDG fl-aħħar snin tal-proġettazzjoni. Fix-xenarju ta’ “tkabbir baxx”, il-livelli tad-dejn jibqgħu għoljin fit-tul u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross qed jiżdiedu matul l-orizzont, u jaqbżu b’mod permanenti l-20 % tal-PDG min-nofs is-snin 2040.

Il-kompożizzjoni u l-profil tal-maturità tad-dejn tal-gvern itaffu l-vulnerabbiltajiet tad-dejn, filwaqt li jistgħu jirriżultaw riskji addizzjonali minn obbligazzjonijiet kontinġenti. Sehem kbir mid-dejn huwa ffinanzjat b’rati baxxi b’maturitajiet twal, li, flimkien mar-riżervi għoljin ta’ flus kontanti tal-gvern estiż Grieg, effettivament itaffu l-impatt tal-fluttwazzjonijiet f’terminu qasir fl-ispejjeż ta’ finanzjament. L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ippreżentata f’dan ir-rapport ma tqisx l-impatt fit-tul tar-riformi u l-investimenti ppreżentati fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u dan jista’ jkompli jimmitiga r-riskji għas-sostenibbiltà. B’kuntrast, hemm riskji li jirriżultaw mill-inċertezza relatata ma’ obbligazzjonijiet kontinġenti vis-à-vis is-settur privat, inklużi l-garanziji tal-Istat mogħtija lid-ditti u lil dawk li jaħdmu għal rashom matul il-pandemija jew fil-kuntest tal-iskema Hercules. Fl-aħħar nett, it-treġġigħ lura fl-ambjent ta’ interess baxx li qed jippredomina bħalissa fuq terminu medju jżid ukoll ir-riskji għas-sostenibbiltà, jekk dan iseħħ.

ŻVILUPPI FIS-SETTUR FINANZJARJU

Il-profittabbiltà tal-banek fl-2020 ibbenefikat minn qligħ kummerċjali straordinarju u nfiq ta’ finanzjament baxx. Fl-istess ħin, xi banek fornew bil-quddiem il-proviżjonament marbut mal-impatt tal-pandemija u t-titolizzazzjonijiet imminenti. Il-banek irreġistraw qligħ kummerċjali pożittiv fil-portafolli tal-bonds tal-gvern tagħhom u kost aktar baxx ta’ finanzjament, bis-saħħa tal likwidità ġeneruża tal-Eurosistema u t-tnaqqis fl-ispejjeż tad-depożiti fil-livell ta’ konsumatur. Fl-istess ħin, l-indebolimenti żdiedu biex ikopru ħtiġijiet ta’ proviżjonament ogħla minħabba l-pandemija u biex jantiċipaw it-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ppjanati ta’ self improduttiv fl-2021. Barra minn hekk, bank sistemiku wieħed kellu jagħti rendikont tat-telf li ġarrab fi tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni implimentata sa tmiem l-2020. Mil-lat pożittiv, il-banek rażżnu l-ispejjeż operattivi bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ skemi volontarji ta’ tnaqqis tal-persunal. B’mod ġenerali, is-sistema bankarja kollha kemm hi rreġistrat telf wara t-taxxi fl-2020, filwaqt li evitat l-attivazzjoni ta’ krediti ta’ taxxa differita wara trasformazzjonijiet korporattivi preċedenti (il-“hive-downs”). L-ambjent b’rati baxxi ta’ imgħax u l-inċertezza rigward il-prospetti ekonomiċi huma ta’ piż fuq il-prospetti għall-2021. Jenħtieġ li r-rati tal-imgħax baxxi jkomplu jappoġġaw l-attività ekonomika iżda se jpoġġu wkoll aktar pressjoni fuq il-marġnijiet tal-imgħax netti, speċjalment wara t-tindif mistenni tal-karti tal-bilanċ. Dan jista’ jiġi kontrobilanċjat permezz ta’ attività ġdida ta’ self, tariffi miżjuda minn servizzi diġitali, in-negozju tal-ġestjoni tal-ġid u tal-assigurazzjoni bankarja u inizjattivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż. L-indebolimenti jistgħu jinnormalizzaw minħabba karti tal-bilanċ aktar b’saħħithom, soġġetti għas-suċċess tal-isforzi għat-tnaqqis tas-self improduttiv.

Il-pożizzjoni kapitali tas-sistema bankarja kumplessivament hija ġeneralment adegwata iżda għadha mminata minn profittabbiltà baxxa u kwalità fqira tal-assi, filwaqt li r-rabta bejn il-banek u s-sovrani ssaħħet. Il-medji tal-proporzjonijiet tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tal-Kapitali Totali tal-banek kienu, fuq bażi konsolidata, ta’ 14,6 % u 16,3 % tal-assi mwieżna għar-riskju, rispettivament, fl-aħħar ta’ Settembru 2020. Għalkemm il-banek qed jieħdu sensiela ta’ azzjonijiet li jsaħħu l-kapital biex ikopru l-kost tat-titolizzazzjonijiet imminenti tas-self improduttiv u l-eliminazzjoni gradwali tal-arranġamenti prudenzjali tranżizzjonali, il-livelli ta’ profittabbiltà mrażżna jistgħu joħolqu sfidi għall-pożizzjoni kapitali tal-banek għall-ġejjieni. Barra minn hekk, dan jista’ jwassal għal żieda fis-sehem diġà għoli ta’ krediti ta’ taxxa differita fil-kapital tal-banek (59 % tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni sa minn tmiem l-2020). Is-sehem kbir ta’ krediti ta’ taxxa differita, iż-żieda fil-holdings ta’ bonds statali lokali tal-banek, l-ishma ta’ ekwità miżmuma mill-Istat fis-settur u l-garanziji tal-Istat skont l-iskema Hercules jimplikaw r-rabta aktar b’saħħitha bejn il-banek u s-sovrani li jeħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib fil-futur. Mil-lat pożittiv, l-ewwel żieda fil-kapital azzjonarju minn bank sistemiku mill-2015 ’l hawn ġiet konkluża b’suċċess f’April 2021, u ġġenerat EUR 1,38 biljun. Fit-terminu medju, f’konformità mal-qafas regolatorju bankarju tal-UE, il-banek Griegi, bħall-banek kollha tal-UE, se jkollhom ukoll joħorġu ammonti sostanzjali ta’ dejn li jippermetti rikapitalizzazzjoni interna fis-snin ta’ wara sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (minimum requirement for own funds and eligible liabilities , MREL), li jista’ jżid il-pressjoni fuq l-ispiża tagħhom ta’ finanzjament mhux garantit fit-tul.

L-estensjoni tal-iskema Hercules mistennija tiffaċilita aċċellerazzjoni fit-tnaqqis ta’ self improduttiv fl-2021, prinċipalment permezz ta’ azzjonijiet inorganiċi ( 12 ), li jibnu fuq il-prestazzjoni b’saħħitha tas-sena preċedenti. Il-bejgħ u t-titolizzazzjonijiet ta’ portafolli ta’ self improduttiv fl-iskema Hercules kienu l-mutur ewlieni wara tnaqqis sostanzjali ta’ EUR 21,1 biljun fl-istokk ta’ self improduttiv fl-2020, u laħaq is-EUR 47,5 biljun fuq bażi individwali, wara prestazzjoni qawwija fir-raba’ trimestru. B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon tas-self improduttiv niżel għal 30,2 % ( 13 ), li madankollu għadu l-ogħla fiż-Żona tal-Euro. It-titjib kontinwu fl-2020, minkejja l-pandemija u t-tnaqqis li rriżulta fl-ammont ta’ self rimedjat, kien appoġġat minn rati ta’ inadempjenza storikament baxxi bis-saħħa tal-moratorji u l-miżuri ta’ sostenn mill-Istat fis-seħħ. Hi mistenni li l-estensjoni reċenti tal-iskema ta’ protezzjoni tal-assi ta’ Hercules għal 18-il xahar oħra, flimkien ma’ EUR 12-il biljun li jġibu l-pakkett kumplessiv tal-iskemi ta’ garanziji tal-Istat għal EUR 24 biljun, jippermettu lill-banek Griegi biex ikomplu jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis tas-self improduttiv, fi sforz biex jilħqu proporzjonijiet ta’ self improduttiv b’ċifra waħda fl-2022 ( 14 ). Is-suċċess ta’ dawn il-pjanijiet ambizzjużi ta’ tnaqqis jiddependi minn għadd ta’ fatturi, bħall-iskala ta’ influssi ġodda ta’ self improduttiv, it-tkabbir ekonomiku futur u l-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq. L-awtoritajiet qed jivvalutaw jekk hijiex meħtieġa emenda addizzjonali fil-liġi ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-iskema Hercules biex tirrifletti l-impatt negattiv tal-pandemija fuq l-irkupri( 15 ). Il-Kummissjoni approvat il-miżura bħala ħielsa minn kull għajnuna mill-Istat.

Sinjali inizjali ta’ mġiba tal-pagament wara l-iskadenza tal-moratorji jissuġġerixxu li l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-assi jista’ jkun ġeneralment konformi mal-aspettattivi oriġinali tal-banek iżda għad baqa’ riskji negattivi. Il-biċċa l-kbira tal-moratorji skadew fi tmiem l-2020, b’xi eċċezzjonijiet limitati, partikolarment marbuta mas-settur tal-ospitalità. Ir-riżultati inizjali mill-ewwel xahrejn tal-2021 jissuġġerixxu li l-għadd ta’ inadempjenzi potenzjali ma jistax jaqbeż l-istima oriġinali inkorporata fil-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju tal-banek jew il-livell inferjuri tal-proġettazzjonijiet attwali tal-Bank of Greece. It-tranżizzjoni bla xkiel lejn mudell normali ta’ pagamenti għal min jissellef hija appoġġata wkoll minn a) l-iskema temporanja ta’ sussidju għall-pagamenti parzjali stabbilita mill-awtoritajiet għad-debituri affettwati mill-COVID-19 b’self ta’ residenza primarja (l-iskema “Gefyra”) u b) sensiela ta’ prodotti intensivi offruti mill-banek lil klijenti vijabbli li jiffaċċaw diffikultajiet temporanji. Reċentement ġiet adottata wkoll skema simili għal Gefyra, immirata lejn self kummerċjali lil ditti żgħar u ta’ daqs medju u lill-professjonisti, u se tikkontribwixxi biex jittaffa kwalunkwe effett ta’ preċipizju mill-iskadenza tal-moratorji. Madankollu, ir-riskji negattivi għadhom jippersistu billi parti mill-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-assi tista’ tinfirex għat-tieni nofs tal-2021 jew għall-bidu tal-2022, b’mod partikolari wara li jitneħħew diversi programmi ta’ sostenn mill-Istat. Dan jista’ jimplika ħtiġijiet ogħla ta’ proviżjonament minn dawk rreġistrati sa issa biex ikopru kompletament l-impatt eventwali tal-pandemija fuq il-portafoll tas-self. Barra minn hekk, il-fluss materjali ta’ self ħażin ġdid, fi kwalunkwe xenarju, xorta waħda jindika l-ħtieġa għal titjib mill-banek fil-kapaċità interna għal ristrutturar vijabbli tas-self fit-tul biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ tnaqqis ta’ self improduttiv.

Il-Bank ta’ Żvilupp Elleniku qed ikompli jappoġġa l-kreditu, mhux biss b’miżuri relatati mal-pandemija iżda wkoll b’inizjattivi ġodda ppjanati għall-2021. Il-fond ta’ garanzija tal-COVID-19 għall-impriżi rnexxielu jipprovdi EUR 5,4 biljun f’self sal-aħħar ta’ Marzu, filwaqt li t-tnedija ta’ sejħa ġdida għal negozji żgħar u professjonisti mistennija li timmobilizza EUR 0,4 biljun addizzjonali f’self ġdid. Kważi EUR 2,6 biljun ingħataw f’self sal-aħħar ta’ Marzu skont TEPIX II. Barra minn hekk, għaddejjin diskussjonijiet biex jiġu implimentati skemi addizzjonali matul is-sena b’enfasi fuq l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-impatt pożittiv ta’ dawn il-programmi ta’ sostenn saħħaħ il-kreditu nett għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, li kompla juri rati ta’ tkabbir rekord fuq 12-il xahar, u laħaq 10,3 % fi Frar 2021, b’rati ogħla għall-korporattivi l-kbar milli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Madankollu, it-tneħħija gradwali futura tal-miżuri ta’ sostenn mill-Istat tista’ taffettwa l-kapaċità tal-banek fil-futur li jżommu tali livelli ta’ tkabbir tal-kreditu. L-ispiża tal-kreditu lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji baqgħet stabbli f’livelli storikament baxxi fir-rigward ta’ korporattivi kbar filwaqt li ġew osservati żidiet żgħar għal ditti iżgħar, li jirriflettu żieda fir-riskju ta’ kreditu. Il-kreditu nett lill-unitajiet domestiċi qed ikompli juri rata stabbli ta’ tkabbir negattiv fuq 12-il xahar (-2,5 % fi Frar 2021), minkejja tnaqqis fir-rati tas-self mill-banek għal dan it-tip ta’ kreditu.

Il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja lesta t-tielet evalwazzjoni tal-governanza korporattiva tal-bordijiet tal-erba’ banek sistemiċi. Dan se jkun segwit minn lista ta’ rakkomandazzjonijiet għall-banek. Fl-istess ħin, emenda adottata reċentement tal-liġi regolatorja tiegħu tippermetti li l-Fond jipparteċipa bħala investitur privat fiż-żidiet futuri tal-kapital azzjonarju tal-banek fejn għandu parteċipazzjoni azzjonarja, li tibda biż-żieda tal-kapital azzjonarju f’wieħed mill-banek sistemiċi konkluża reċentement. Hu mistenni li aspetti ewlenin oħra, inkluż it-tul ta’ ħajja tal-Fond, il-governanza, id-drittijiet speċjali u l-istrateġija ta’ ċessjoni tiegħu kif ukoll il-kriterji għall-banek dwar l-eliġibbiltà għal bord, jiġu indirizzati b’mod konġunt sa Ottubru 2021.

(1) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(2) ()    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/998 tas-17 ta’ Frar 2021 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja.
(3) ()     https://www.consilium.europa.eu/media/35749/z-councils-council-configurations-ecofin-eurogroup-2018-180621-specific-commitments-to-ensure-the-continuity-and-completion-of-reforms-adopted-under-the-esm-programme_2.pdf .
(4) ()    Il-persunal tal-BĊE pparteċipa fil-missjoni ta’ rieżami f’konformità mal-kompetenzi tal-BĊE u b’hekk ipprovda għarfien espert dwar il-politiki tas-settur finanzjarju u l-kwistjonijiet makrokritiċi, bħall-miri fiskali ewlenin u s-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet tal-finanzjament. Qabel il-missjoni ta’ rieżami saret missjoni teknika, mill-bogħod ukoll, mis-6 sal-14 ta’ April 2021.
(5) ()     https://ec.europa.eu/info/publications/enhanced-surveillance-report-greece-november-2020_en .
(6) ()    Ir-referenzi f’dan ir-rapport għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma jikkostitwixxu l-ebda valutazzjoni tal-Pjan Grieg għall-Irkupru u r-Reżiljenza u bl-ebda mod ma jistgħu jservu biex tiġi preġudikata l-valutazzjoni tal-Pjan mill-Kummissjoni.
(7) ()    Sors: Il-Bank of Greece, self improduttiv bħala sehem tas-self gross totali tal-klijenti fuq bażi individwali. Din iċ-ċifra hija differenti minn dik irrapportata skont l-Analiżi fil-Fond, billi din tal-aħħar hija ċ-ċifra rrapportata mill-Bank Ċentrali Ewropew u tirrappreżenta self improduttiv bħala sehem tas-self u l-avvanzi grossi totali fuq bażi konsolidata (jiġifieri flimkien ma’ bilanċi ta’ flus f’banek ċentrali u depożiti ta’ domanda oħrajn fid-denominatur).
(8) ()    Fil-Greċja, id-ditti jħallsu avvanzi fuq it-taxxa fuq l-introjtu korporattiv fuq il-bażi tal-profitti tagħhom is-sena preċedenti, u l-approvazzjoni ssir fis-sena ta’ wara, ladarba l-profitti jkunu saru magħrufa. Dan ifisser li jekk kumpanija tagħmel profitt fis-sena T-1 għall-ewwel darba, imbagħad fis-sena T tkun obbligata tħallas avvanz ta’ 24 % fuq it-taxxa li tkun dovuta għas-sena T u taxxa korporattiva ta’ 24 % fuq il-profitt li tagħmel f’T-1 permezz tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni billi ma jkun sar l-ebda ħlas bil-quddiem fis-sena preċedenti. Dan jammonta għal rata tat-taxxa effettiva ta’ 48 % fis-sena T.
(9) ()    Ara t-tieni rapport ta’ sorveljanza msaħħa (Frar 2019) għal analiżi tal-piż tat-taxxa.
(10) ()    Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ġiet attivata bi qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew f’Marzu 2020 u tibqa’ attiva fl-2021 kif indikat fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021. Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali tippermetti l-iddevjar temporanju mir-rekwiżiti baġitarji, fosthom il-miri fiskali tal-Greċja li huma mmonitorjati skont i-sorveljanza msaħħa, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali f’terminu medju. F’Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tissuġġerixxi li l-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn bħall-Greċja jenħtieġ li jsegwu politiki fiskali prudenti fl-2022, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali u jagħmlu użu minn sovvenzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti ta’ investiment ta’ kwalità għolja u riformi strutturali addizzjonali. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet biex tibqa’ tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiġi diżattivata b’seħħ mill-2023 kienu ssodisfati. Se jibqgħu jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Ara l-”Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna”, Brussell, 2.6.2021, COM(2021) 500 final.
(11) ()     Skont il-grad ta’ libertà ekonomika u sjieda li bihom topera organizzazzjoni bħal din, din tista’ titqies bħala parti mill-gvern estiż jew le. Jekk maġġoranza kbira tal-kundizzjonijiet operattivi tagħha jkunu definita mill-Istat b’mod li jillimita d-diskrezzjoni tagħha fuq parametri importanti, tista’ tiġi kklassifikata bħala parti mill-gvern estiż. F’dan il-każ ix-xiri li jsir minn din l-organizzazzjoni jitqies bħala nfiq tal-gvern.
(12) ()    Azzjonijiet inorganiċi jirreferu għal bejgħ u titolizzazzjonijiet ta’ self improduttiv. L-azzjonijiet organiċi jirreferu għar-ristrutturar intern jew għal-likwidazzjoni kollaterali ta’ self improduttiv.
(13) ()    Sors: Il-Bank tal-Greċja.
(14) ()    Ġew iffirmati tliet tranżazzjonijiet skont l-iskema oriġinali Hercules li jinvolvu total ta’ EUR 17,6-il biljun ta’ self improduttiv, u se jiġu konklużi fl-ewwel nofs tal-2021, b’oħra imminenti li titlesta għal portafoll ta’ self ta’ EUR 6 biljun. Barra minn hekk, tħabbru erba’ tranżazzjonijiet addizzjonali, li jikkorrispondu għal EUR 16,3-il biljun f’titolizzazzjonijiet u huma mistennija li jiġu konklużi bejn ir-raba’ trimestru tal-2021 u t-tieni trimestru tal-2022, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-estensjoni reċenti.
(15) ()    Is-sospensjoni tal-miżuri tal-infurzar matul il-pandemija kellha impatt fuq il-kapaċità li s-servizzjanti jagħmlu rkupru fuq il-krediti tagħhom. L-awtoritajiet qed jivvalutaw jekk jistgħux jipprovdu xi flessibbiltà, billi l-qafas leġiżlattiv jipprevedi miżuri f’każ li l-irkupri jkunu inqas mill-proġettazzjonijiet tal-pjani ta' direzzjoni tan-negozju.