Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 506 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja għall-2021

{SWD(2021) 501 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari: l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 2 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 3 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi. Il-klawżola ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fl-Istrateġija Annwali tagħha għat-Tkabbir Sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali kienet se tibqa’ attiva fl-2021 4 .

(2)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Estonja 5 biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Estonja, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, timxi fuq politiki fiskali mmirati biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment.

(3)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro indikat li l-politiki fiskali għadhom ta’ sostenn fl-Istati Membri kollha taż-Żona tal-Euro matul l-2021 u li jenħtieġ li l-miżuri ta’ politika jkunu mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiż u jkunu wkoll f’waqthom, temporanji u mmirati 6 . Meta l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi jippermettu, jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza jitneħħew gradwalment, filwaqt li ssir reżistenza għall-impatt tal-kriżi fuq is-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li jiġu segwiti politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi sanitarji u soċjali għal kulħadd. 

(4)Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Opinjonijiet tagħha dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Estonja kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika fiskali adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020, u li l-parti l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan kienu jsostnu l-attività ekonomika fil-konfront ta’ inċertezza sostanzjali.

(5)In-NextGenerationEU, flimkien mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 7 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Din il-Faċilità se tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investiment, li jkun jeħtieġ impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. Din se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, speċjalment għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u se ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji. B’hekk, se tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jirritornaw għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fit-terminu qrib u se tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi fit-terminu medju u twil.

(6)Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika ulterjuri biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri 8 . Jenħtieġ li t-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali, b’kunsiderazzjoni għall-baġits nazzjonali u għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jibqa’ wieħed ta’ sostenn matul l-2021 u l-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits tagħhom favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għolja ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali u jużaw is-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti ta’ investiment u riformi strutturali addizzjonali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)Il-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 ħabbret ukoll il-fehma tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet biex tibqa’ tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiġi diżattivata b’seħħ mill-2023 kienu ssodisfati. Se jibqgħu jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 9 .

(8)Fit-30 ta’ April 2021, l-Estonja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja kien ta’ 4,9 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 18,2 % tal-PDG. It-tibdil annwali fil-bilanċ baġitarju primarju kien jammonta għal -4,7 % tal-PDG, inklużi l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 2,7 % 10 b’sostenn għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. L-Estonja pprovdiet ukoll sostenn f’forma ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħall-garanziji u d-differimenti ta’ taxxa, li ma għandhomx impatt dirett u immedjat fuq il-baġit) ikkalkulat li jilħaq 1,5 % tal-PDG.

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Estonja, billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat.

(10)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa realistiku fl-2021 u l-2022. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, it-tkabbir tal-PDG reali huwa mistenni li jkun 2,5 % fl-2021 u 4,8 % fl-2022. Dan huwa konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, li juri tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,8 % fl-2021 u 5,0 % fl-2022.

(11)Fil-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 tiegħu, il-gvern qed jippjana żieda fid-defiċit ġenerali tal-gvern estiż minn 4,9 % tal-PDG fl-2020 għal 6 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 21,4 % tal-PDG fl-2021. Skont il-programm, il-bidla fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) huwa stabbilit li jammonta’ għal 6,3 % tal-PDG, u jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,3 % tal-PDG li ttieħdu matul l-2020 u l-2021 b’sostenn għall-ekonomija u t-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-proġettazzjonijiet huma skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(12)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u għar-reċessjoni ekonomika marbuta magħha, l-Estonja adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Dan ir-rispons qawwi ta’ politika taffa r-restrizzjoni fil-PDG li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Miżuri fiskali mmirati jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, jenħtieġ li dawn għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fit-terminu medju. Il-miżuri li ħadet l-Estonja fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u fl-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta’ kumpens. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2023, huwa stmat b’mod preliminari li l-impatt li jirriżulta minn dawn il-miżuri mhux temporanji huwa ta’ madwar 1 % tal-PDG, li jikkonsisti l-aktar minn nefqiet kurrenti. Dawn il-miżuri mhux temporanji jinkludu wkoll investiment ta’ madwar ⅓ % tal-PDG, li huwa mistenni li jappoġġa t-tkabbir potenzjali fit-terminu medju, u b’hekk is-sostenibbiltà.

(13)Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn sovvenzjonijiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,4 % fl-2021, 0,5 % fl-2022, 0,7 % fl-2023, u 0,7 % fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jinkludi dawn is-sovvenzjonijiet fil-proġettazzjonijiet baġitarji tiegħu.

(14)Hemm bżonn li l-indikaturi tal-aġġustament fiskali stabbiliti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm bżonn ta’ politika fiskali li tkun lest biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija, u tiċċaqlaq minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar speċifiċi ladarba r-riskji sanitarji jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti biex jappoġġa l-attività ekonomika. Billi hemm trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li jipprovdu l-politiki fiskali lill-ekonomija. F’dan l-isfond, jidher li l-indikatur tal-bilanċ strutturali mhuwiex biżżejjed fiċ-ċirkostanzi attwali. Min-naħa l-oħra, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jrid jiġi aġġustat 11 u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex jikkalkula għalkollox l-orjentazzjoni ta’ politika fiskali.

L-ewwel nett, bħall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji tal-2021, miżuri ta’ emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi jsostnu s-sistemi sanitarji u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lid-ditti għat-telf ta’ introjtu minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika.

It-tieni, għall-valutazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali f’dan il-mument, jenħtieġ li t-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) jiġu inklużi fl-aggregat rilevanti tan-nefqa. Għalhekk, it-teħid ta’ pożizzjoni fiskali mbagħad titkejjel bit-tibdil fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u esklużi miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi) flimkien man-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

Lil hinn mit-teħid ta’ pożizzjoni ġenerali fiskali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal din ir-raġuni, qed tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja u l-investiment iffinanzjati b’mod nazzjonali.

(15)Fil-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja huwa ppjanat li jonqos għal 3,8 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba l-irkupru ekonomiku u d-diskontinwità tal-miżuri ta’ appoġġ temporanji adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 24,6 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-proġettazzjonijiet huma skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali ġenerali kif definita hawn fuq – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm bil-baġit nazzjonali kif ukoll dak tal-UE, l-aktar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija kkalkulata li tkun ta’ +1,6 % tal-PDG 12 . Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija mistennija li tiżdied b’0,2 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa mistenni li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG 13 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija mistennija li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,7 punti perċentwali tal-PDG.

(16)Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Riformi strutturali fiskali li jkollhom l-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jkunu ta’ sostenn għat-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-problemi sanitarji. Min-naħa tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi favur sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdied il-livell u l-kwalità tal-investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, li jkunu konsistenti mal-qadi tal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermettu li l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali titjieb.

(17)Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-programm, huwa ppjanat li d-defiċit tal-bilanċ tal-gvern estiż jonqos minn 3,2 % fl-2023 għal 2,2 % tal-PDG fl-2024. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jibqax jaqbeż 3 % tal-PDG fl-2024.

Fuq il-bażi tal-programm, it-teħid ta’ pożizzjoni fiskali ġenerali – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġit nazzjonali kif ukoll minn dak tal-UE, l-aktar mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – huwa kkalkulat għal medja ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2023 u fl-2024. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mis-sovvenzjonijiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija mistennija li tonqos b’0,1 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa mistenni li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG 14 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija mistennija li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,5 punti perċentwali tal-PDG.

L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju ta’ 10 snin hija ta’ 5¾ % 15 . Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Estonja.

(18)Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 27,4 % tal-PDG fl-2023 għal 28 % tal-PDG fl-2024. L-Estonja hija meqjusa li se tiffaċċja riskji ta’ sostenibbiltà fiskali baxxi fit-terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn 16 .

(19)Fid-dawl tal-inċertezza li għadha għolja ħafna, jenħtieġ li l-gwida tal-politika fiskali tibqa’ fil-parti l-kbira kwalitattiva. Jenħtieġ li fl-2022 tingħata gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara, jekk sa dak iż-żmien l-ammont ta’ inċertezza jkun naqas biżżejjed.

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 u s-segwitu li għamlet l-Estonja għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020.

B’DAN JISTIEDEN LILL-ESTONJA BIEX:

1.Fl-2022, iżżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali.

2.Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali fit-terminu medju u tiżgura sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.Tagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji, biex tiżgura rkupru sostenibbli u inklużiv. Tipprijoritizza investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, speċjalment b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi ssaħħaħ il-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-saħħa għal kulħadd.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa.
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020) 123 final.
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, Brussell, 17.9.2020, COM(2020) 575 final.
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja tal-2020, ĠU C 282, 26.8.2020, p. 33.
(6)    Għadha trid issir l-adozzjoni finali tal-Kunsill, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew. It-test li sar ftehim dwaru mill-Grupp tal-Euro fis-16 ta’ Diċembru 2020 jinsab hawnhekk: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14356-2020-INIT/mt/pdf
(7)     ĠU L57, 18.2.2021, p.17.
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, Brussell, 2.6.2021, COM(2021) 500 final.
(10)    Il-Programm ma jinkludix stima tal-ammont totali ta’ miżuri baġitarji diskrezzjonarji.
(11)    B’mod partikolari, il-livellar tal-investiment ta’ erba’ snin użat fil-parametru referenzjarju tal-infiq ma jippermettix valutazzjoni xierqa tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut mill-investimenti ffinanzjati b’mod nazzjonali.
(12)    Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir tan-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku ta’ terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.
(13)    In-nefqa kapitali ffinanzjata b’mod nazzjonali hija mistennija li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.
(14)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata b’mod nazzjonali hija mistennija li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(15)    Ikkalkulata mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftehma bejn kulħadd.
(16)    Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Anness Statistiku li jipprovdi data ta’ sfond rilevanti għall-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-2021.