Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 500 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna

{SWD(2021) 401 final} - {SWD(2021) 402 final} - {SWD(2021) 403 final} - {SWD(2021) 404 final} - {SWD(2021) 405 final} - {SWD(2021) 406 final} - {SWD(2021) 407 final} - {SWD(2021) 408 final} - {SWD(2021) 409 final} - {SWD(2021) 410 final} - {SWD(2021) 411 final} - {SWD(2021) 412 final}


Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021:  
biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna

1.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea ħadet azzjonijiet bla preċedent biex tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19, ittaffi l-impatt tal-kriżi, u tqiegħed l-ekonomija tagħna fi triq ta’ tkabbir robust, sostenibbli u inklużiv. Matul l-aħħar sena, l-UE u l-Istati Membri wrew determinazzjoni u solidarjetà fl-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ politika għall-ġlieda kontra l-pandemija, il-limitazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħha, il-preservazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, is-salvagwardja tal-integrità tas-suq uniku u t-tħejjija ta’ rkupru sostenibbli u inklużiv rapidu. Skont it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni 1 , it-tnaqqis fl-attività ekonomika kien inqas milli kien mistenni aktar kmieni, bis-saħħa tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza biex tiġi pprovduta likwidità lin-negozji u jiġu protetti d-dħul u l-impjiegi taċ-ċittadini tal-UE.

L-iżvilupp rivoluzzjonarju tat-tilqim u l-użu tat-tilqim tal-massa fl-Ewropa tejbu l-prospetti mill-ħarifa ‘l hawn. It-tilqim fl-UE jinsab fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-objettiv li 70 % tal-adulti kollha jitlaqqmu sa Lulju ta’ din is-sena. 2 Skont it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, l-ekonomija tal-UE se tilħaq il-livell tagħha ta’ produzzjoni trimestrali ta’ qabel il-kriżi matul l-2021, u l-attività ekonomika se tirpilja fl-Istati Membri kollha 3 . Wara xejra ta’ tnaqqis matul l-aħħar snin, il-kriżi tal-COVID-19 tista’ twassal għal riskji ogħla għall-istabbiltà makroekonomika. Koordinazzjoni b’saħħitha u użu effettiv tal-istrumenti kollha ta’ politika tal-UE se jkunu kruċjali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji u biex jiġu evitati diverġenzi ulterjuri.

In-NextGenerationEU, b’valur ta’ EUR 750 biljun, hija għodda ewlenija għall-UE biex trawwem l-investiment u l-irkupru sabiex l-UE toħroġ aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti mill-kriżi attwali. L-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”) se tgħin biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna jsiru aktar sostenibbli, inklużivi, reżiljenti u mħejjija aħjar għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-Faċilità, li hija ċ-ċentru tan-NextGenerationEU, se tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira lill-Istati Membri sa EUR 672,5 biljun f’għotjiet u self għall-finanzjament ta’ riformi u investimenti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali fil-politiki kollha tal-Unjoni u se jgħin biex jiġi żgurat irkupru inklużiv 4 . Fis-Summit Soċjali f’Porto tas-7-8 ta’ Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru u enfasizzaw fid-dikjarazzjoni ta’ Porto 5 d-determinazzjoni tagħhom li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan se jsaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u jikkontribwixxi għall-kisba ta’ avvanz fil-konverġenza soċjali u ekonomika, l-indirizzar tal-isfida demografika u l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd 6 . It-tliet miri ewlenin ġodda tal-UE, u s-sottomiri kumplimentari li għandhom jintlaħqu sal-2030 fl-oqsma tal-impjiegi, il-ħiliet u l-inklużjoni soċjali se jappoġġaw il-progress lejn Ewropa Soċjali b’saħħitha 7 . Barra minn hekk, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta se tgħin fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, il-mexxejja tal-UE laqgħu l-proposta konġunta tal-Imsieħba Soċjali Ewropej għal sett alternattiv ta’ indikaturi biex jitkejjel il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali, li jissupplimenta l-PDG bħala miżura ta’ benesseri għal tkabbir inklużiv u sostenibbli 8 .

Is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika, jibqgħu l-prinċipji gwida tal-aġenda ekonomika tal-UE. Il-kunċett ta’ sostenibbiltà kompetittiva u l-erba’ assi tiegħu, identifikati fil-bidu tal-mandat ta’ dan il-Kulleġġ 9 , jibqgħu l-prijoritajiet ġenerali tal-istrateġija ta’ tkabbir fit-tul tal-UE f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’hekk jirfdu l-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri. Barra minn hekk, it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet, in-negozji u l-ekonomiji tagħna hija kruċjali biex jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività tal-Ewropa għal irkupru robust, f’konformità mad-Deċennju Diġitali 10 .

L-iżgurar ta’ koordinazzjoni effettiva tal-politika taħt is-Semestru Ewropew jibqa’ kruċjali biex l-ekonomija tal-UE tibda tikber b’mod qawwi wara l-kriżi. Filwaqt li ċ-ċiklu ta’ din is-sena ġie temporanjament adattat biex jippermetti t-tnedija tal-Faċilità, is-Semestru Ewropew ikompli jappoġġa d-diskussjonijiet ta’ politika fost l-Istati Membri, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ftehimiet dwar it-triq’ il quddiem komuni. Fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Istati Membri huma meħtieġa jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom. Lil hinn mill-ambitu tal-Faċilità, dawk ir-rakkomandazzjonijiet li mhumiex indirizzati jibqgħu validi u se jkomplu jiġu mmonitorjati skont il-qafas tas-Semestru Ewropew.

2.Is-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi u l-prospetti

L-ekonomija tal-UE mistennija tirpilja b’mod qawwi. Mill-ħarifa li għaddiet, il-miżuri stretti ta’ konteniment tal-COVID-19 wasslu biex l-ekonomija tal-UE terġa’ lura għal riċessjoni. Hekk kif il-miżuri ta’ konteniment qed jiġu gradwalment irtirati u t-tilqim miexi 'l quddiem, l-attività fl-UE hija mistennija li tiżdied fl-Istati Membri kollha, b’aċċellerazzjoni mit-tieni nofs tal-2021, li tirrifletti wkoll l-impuls tat-tkabbir li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-ħeffa tal-irkupru se tvarja bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. L-Istati Membri kollha tal-UE huma pproġettati li jilħqu l-livell ta’ produzzjoni trimestrali tagħhom ta’ qabel il-kriżi sa tmiem l-2022.

Sett fiskali kbir ħafna u sett wiesa’ ta’ miżuri monetarji llimitaw il-ħsara ekonomika u qed imexxu l-irkupru. Bis-saħħa tal-attivazzjoni rapida tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 11 u tal-qafas temporanju dwar l-għajnuna mill-Istat 12 , kien possibbli appoġġ fiskali fuq skala kbira fl-Istati Membri kollha. Fl-2020, l-Istati Membri pprovdew appoġġ fiskali totali stmat għal aktar minn 6½ % tal-PDG 13 . B’riżultat ta’ dan, id-defiċit aggregat tal-gvern taż-Żona tal-Euro u tal-UE żdied minn livelli storikament baxxi ta’ madwar 0.5 % tal-PDG fl-2019 għal madwar 7 % fl-2020. Barra minn hekk, il-BĊE ħa sett wiesa’ ta’ miżuri ta’ politika monetarja biex jippreserva kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija sabiex jappoġġa l-attività ekonomika u jissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. L-effetti reċiprokament rinforzanti tal-politiki fiskali u monetarji, flimkien ma’ miżuri regolatorji u prudenzjali għas-settur finanzjarju kienu kruċjali biex jittaffa l-impatt tal-kriżi. 

Bis-saħħa tal-miżuri meħuda fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, l-impatt tal-pandemija fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej trażżan. Meta faqqgħet il-pandemija, is-suq tax-xogħol Ewropew kien temm is-sitt sena ta’ espansjoni tiegħu, b’aktar minn 209 miljun persuna f’impjieg u rata ta’ qgħad ta’ 6,5 % fir-raba’ kwart tal-2019. Sena wara, l-impjiegi naqsu bi tliet miljuni, u r-rata tal-qgħad kienet żdiedet għal 7,2 %. Meta mqabbel mad-daqs tax-xokk, l-għadd ta’ impjiegi mitlufa kien limitat. Biex itaffu l-impatt, l-Istati Membri implimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri għaż-żamma tal-impjiegi, bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u qgħad temporanju, li appoġġaw sa 32 miljun impjieg Ewropew. Il-finanzjament tal-UE, inkluż permezz tal-appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’emerġenza (l-istrument SURE), u l-Inizjattiva ta’ Investiment bħala Rispons għall-Corona Virus (Corona Virus Response Investment Initiative, CRII) 14 kien strumentali biex jinkiseb dan l-eżitu. Sa issa, aktar minn EUR 90 biljun ta’ self SURE ġew ipprovduti lil 19-il Stat Membru, b’appoġġ ta’ bejn 25 u 30 miljun persuna u bejn 1,5 u 2,5 miljun kumpanija.

L-impatt tal-kriżi kien irregolari fost il-gruppi soċjali, is-setturi u r-reġjuni; dawk l-aktar vulnerabbli ntlaqtu l-agħar. Iż-żgħażagħ, in-nisa, il-ħaddiema bi ftit kwalifiki, il-migranti, il-persuni b’diżabbiltà, dawk b’kuntratti temporanji jew f’forom oħra ta’ impjieg mhux standard, iżda wkoll dawk li jaħdmu għal rashom, ġew affettwati b’mod sproporzjonat, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fis-servizzi. Dan ġie aggravat mill-fatt li n-negozji li jipprovdu servizzi ġew affettwati serjament, b’mod partikolari f’ekosistemi industrijali bħat-turiżmu, l-attivitajiet kulturali u dawk kreattivi. Filwaqt li l-appoġġ għall-introjtu u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali evitaw tnaqqis kbir fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi, il-kriżi tal-COVID-19 kixfet lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali, u enfasizzat l-importanza li titrawwem reżiljenza akbar. F’dan ir-rigward, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu l-iskemi eżistenti, espandew il-kopertura u llaxkaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tagħhom fuq bażi temporanja, filwaqt li għad hemm lok biex tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali għal kulħadd b’mod sostenibbli.

Ir-riskji għall-projezzjonijiet tat-tkabbir huma ġeneralment ibbilanċjati b’mod ġenerali. Madankollu, l-inċertezza se tibqa’ għolja sakemm il-pandemija tibqa’ taffettwa l-ekonomija tal-UE u dik dinjija. Minkejja l-progress fil-kampanji ta’ tilqim, għad hemm riskji sostanzjali għat-tbassir mill-perspettiva epidemjoloġika u ekonomika. L-evoluzzjoni tal-pandemija u l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi tat-tilqim jistgħu jirriżultaw aħjar jew agħar minn dak preżunt, u dan jirrikjedi livell differenti ta’ restrizzjonijiet għall-attività. It-tkabbir ekonomiku jista’ jkun ukoll aktar dgħajjef milli mistenni jekk l-appoġġ għall-politika jiġi rtirat kmieni wisq. Fl-istess ħin, irtirar tardiv jista’ jżid l-effetti sekondarji mhux ġustifikati, u jipposponi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u valida għall-futur. Mil-lat pożittiv, il-projezzjonijiet jistgħu jissottovalutaw il-propensità tal-unitajiet domestiċi li jikkunsmaw, wara ftit trimestri ta’ konsum imrażżan u żieda fir-rata tat-tfaddil tagħhom. L-irkupru barra l-UE jista’ jkun ukoll aktar b’saħħtu milli mistenni bħalissa.

Jeħtieġ li l-politika ekonomika tibqa’ ta’ appoġġ matul l-2021 u l-2022. Meta wieħed iħares ’il quddiem, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, il-politiki għandhom jiġu ffukati mill-ġdid lejn il-minimizzazzjoni tal-konsegwenzi fuq terminu medju ta’ din il-kriżi. L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tikkontribwixxi biex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali u b’hekk jitnaqqsu l-iżbilanċi. Fl-istadji bikrin tal-kriżi u matul il-lockdowns, il-miżuri ta’ appoġġ ta’ politika kienu mmirati ħafna lejn il-prevenzjoni ta’ telf ta’ impjiegi u fallimenti. Dan għen biex jiġu evitati feriti profondi u dejjiema fl-ekonomiji Ewropej. Għall-ġejjieni, il-miżuri ta’ appoġġ immirati għandhom jgħinu lil ditti vijabbli iżda li għadhom vulnerabbli biex jaġġustaw il-mudelli tan-negozju tagħhom. L-enfasi tal-appoġġ għandha gradwalment tinbidel fuq il-bini tal-kapaċitajiet, inkluż billi tiżdied l-enfasi fuq it-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u t-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor. Il-Faċilità għalhekk se tappoġġa investimenti u riformi li jsaħħu l-kapaċità produttiva u b’hekk il-potenzjal ta’ tkabbir tal-Istati Membri. B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon bejn l-investiment pubbliku u l-PDG fl-2021 u l-2022 fl-Unjoni se jkun l-ogħla għal aktar minn għaxar snin. L-Istrateġija Industrijali Ewropea Ġdida aġġornata tistabbilixxi l-qafas biex jitħaffef l-irkupru u t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn mudell ekonomiku u industrijali aktar nadif, aktar diġitali u aktar reżiljenti kif ukoll li jibni Suq Uniku aktar b’saħħtu u aktar reżiljenti 15 .

Ir-riformi u l-investimenti kontinwi tal-Istati Membri fit-triq indikata mil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi se jkunu kruċjali biex jitrawwem l-irkupru, jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u tranżizzjonijiet bla xkiel fis-suq tax-xogħol, bl-involviment attiv tas-sħab soċjali. Barra minn hekk, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi 16 jipprovdu direzzjoni dwar kif jiġu mmodernizzati l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-protezzjoni soċjali u s-sistemi tas-saħħa, bil-ħsieb li dawn isiru aktar inklużivi u ġusti. Huma jintegraw gwida speċifika mmirata lejn il-mitigazzjoni tal-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-kriżi, u l-kisba ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti. Minħabba r-rilevanza kontinwa tagħhom, il-Kummissjoni tipproponi li l-Linji Gwida attwali dwar l-Impjiegi 17 jiġu riportati għall-2021, filwaqt li tissottolinja r-rwol tal-miri ewlenin ġodda tal-UE u l-gwida politika li toħroġ mis-Summit Soċjali ta’ Porto.

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) 18 tipprovdi gwida konkreta għal tranżizzjoni gradwali minn miżuri ta’ emerġenza għaż-żamma tal-impjiegi għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol meħtieġa għal irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi.

3.It-tnedija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

L-implimentazzjoni rapida tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija essenzjali biex jiġi appoġġat l-irkupru, filwaqt li l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna jsiru aktar sostenibbli, inklużivi, reżiljenti u adatti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Permezz tal-Faċilità, li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021, EUR 312,5 biljun f’għotjiet u sa EUR 360 biljun f’self se jkunu disponibbli matul is-sitt snin li ġejjin biex jappoġġaw ir-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri kollha. Il-Faċilità għalhekk se tkun opportunità bla preċedent għall-Istati Membri kollha biex jindirizzaw l-isfidi strutturali ewlenin u l-ħtiġijiet ta’ investiment, filwaqt li jħaddnu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Il-Kummissjoni impenjat ruħha mal-Istati Membri kollha f’kooperazzjoni intensa biex tappoġġahom fit-tfassil ta’ pjanijiet ambizzjużi għall-irkupru u r-reżiljenza. Jenħtieġ li l-pjanijiet jipproponu investimenti u riformi li jirriflettu l-isfidi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż f’kull Stat Membru, filwaqt li jibnu fuq l-analiżi bir-reqqa u l-isfidi identifikati matul l-aħħar snin fis-Semestru Ewropew. Dawn il-pjanijiet se jsawru l-aġenda ta’ riforma u investiment fl-Istati Membri għas-snin li ġejjin. Is-sjieda nazzjonali u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha huma kruċjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u impatt dejjiemi. Huwa għalhekk li matul il-proċess kollu, l-Istati Membri ġew imħeġġa bil-qawwa biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tagħhom. Sommarju ta’ din il-konsultazzjoni għandu jkun parti minn kull pjan nazzjonali flimkien ma’ indikazzjonijiet dwar kif il-kontribut ta’ dawn il-partijiet interessati huwa rifless fil-pjan.

Sa issa, 23 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom u huma mistennija aktar pjanijiet fil-jiem li ġejjin 19 . Ladarba l-Kummissjoni tkun lestiet il-valutazzjoni tagħha ta’ dawk il-pjanijiet, il-Kunsill ikollu xahar biex japprova l-pjanijiet, u jwitti t-triq għall-ewwel żborżi bħala prefinanzjament permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati jew li qed jitħejjew huma mistennija li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għas-sitt pilastri previsti fir-Regolament. Kif meħtieġ mir-Regolament, kull pjan se jkollu jikkontribwixxi b’mod komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-oqsma ta’ politika ta’ rilevanza Ewropea strutturati fis-sitt pilastri: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, produttività u kompetittività; il-koeżjoni soċjali u territorjali; reżiljenza tas-saħħa, ekonomika, soċjali u istituzzjonali; u politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, għat-tfal u għaż-żgħażagħ. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tistenna sehem sinifikanti tan-nefqa relatata mal-klima 20 u dik diġitali fil-pjanijiet, kif ukoll miżuri li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali u r-reżiljenza. Il-Kummissjoni tistenna wkoll riformi u investimenti importanti li jolqtu dawk l-oqsma ta’ politika u se tgħin biex jiġi żgurat li s-sitt pilastri kollha jiġu indirizzati b’mod komprensiv, bħal miżuri biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali u jingħalqu l-lakuni fil-konnettività biex irawwmu t-trasformazzjoni diġitali, jappoġġaw il-koeżjoni u jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs.

Billi jiġu kkombinati l-fondi mill-istrument ta’ rkupru tan-NextGenerationEU u l-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, il-finanzjament tal-UE se jipprovdi EUR 1,8 triljun fl-2021-2027. In-NextGenerationEU se tipprovdi EUR 750 biljun biex tagħti bidu għall-irkupru permezz ta’ programmi speċifiċi (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, REACT-EU, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-Iżvilupp Rurali, InvestEU, rescEU u Orizzont Ewropa). InvestEU, pereżempju, jiġbor flimkien diversi strumenti finanzjarji biex jappoġġa l-investiment fl-UE permezz ta’ garanzija tal-baġit tal-UE ta’ EUR 26,2 biljun. InvestEU huwa mistenni li jimmobilizza aktar minn EUR 370 biljun ta’ investiment addizzjonali matul is-seba’ snin li ġejjin. Il-fondi min-NextGenerationEU jiżdiedu mal-EUR 1,074 triljun li ġejjin mill-baġit tal-UE għall-2021-2027. Fi ħdanha, il-politika ta’ koeżjoni bil-qawwa tagħha ta’ EUR 338,6 biljun hija mmirata biex tappoġġa permezz ta’ investiment l-istrateġiji ta’ żvilupp aktar fit-tul tal-Istati Membri.

4.Koordinazzjoni tal-politika fiskali

Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali tibqa’ kruċjali biex jiġi sostnut l-irkupru. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali, b’kont meħud tal-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għandha tibqa’ ta’ appoġġ fl-2021 u l-2022. Il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli u taġġusta għas-sitwazzjoni li qed tevolvi kif meħtieġ, u rtirar prematur tal-appoġġ fiskali għandu jiġi evitat. Ladarba r-riskji għas-saħħa jonqsu, il-miżuri fiskali għandhom gradwalment jiffokaw fuq miżuri aktar immirati li jippromwovu rkupru reżiljenti u sostenibbli. Fl-aħħar nett, minħabba l-aspettattiva ta’ normalizzazzjoni gradwali tal-attività ekonomika fit-tieni nofs tal-2021, il-politiki fiskali tal-Istati Membri għandhom isiru aktar differenzjati fl-2022, b’kont meħud tal-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-ħtieġa li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Hekk kif l-irkupru jieħu postu, il-politika fiskali għandha tipprijoritizza investiment pubbliku u privat ogħla, li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali.

Il-klawsola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tkompli tiġi applikata fl-2022 u hija mistennija li tiġi diżattivata mill-2023. Il-klawżola liberatorja ġenerali ppermettiet lill-Istati Membri jadottaw miżuri mdaqqsa sew ta’ nfiq u dħul biex jimminimizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija. Ippermettitilhom ukoll jikkoordinaw il-politiki fiskali tagħhom b’mod aktar flessibbli. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021  21 , id-deċiżjoni biex tiġi diżattivata l-klawżola liberatorja ġenerali għandha tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija fuq il-bażi ta’ kriterji kwantitattivi, fejn il-livell ta’ attività ekonomika fl-UE mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi huwa l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, l-attività ekonomika ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) hija mistennija li tintlaħaq madwar ir-raba’ kwart tal-2021 fl-UE kollha kemm hi u fl-ewwel kwart tal-2022 fiż-Żona tal-Euro. Fuq il-bażi ta’ dan it-tbassir, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u d-diżattivazzjoni tagħha mill-2023 huma ssodisfati. Sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż se jkomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

Fl-2022, il-pożizzjoni fiskali, li tirriżulta mill-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jeħtieġ li tibqa’ waħda ta’ appoġġ. In-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi impuls fiskali sostanzjali fl-2022 u fis-snin li ġejjin. In-nefqa ffinanzjata b’appoġġ li ma jitħallasx lura se tagħmilha possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti ta’ investiment ta’ kwalità għolja u li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jinħolqu defiċits u dejn ogħla. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-finanzjament tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li b’hekk jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-irkupru ekonomiku, irawwem tkabbir potenzjali ogħla u gradwalment itejjeb il-pożizzjonijiet fiskali sottostanti tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri b’dejn baxx għandhom isegwu pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-Istati Membri b’dejn għoli għandhom jużaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru filwaqt li jsegwu politika fiskali prudenti. L-Istati Membri għandhom jippreservaw l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Fl-istess ħin, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali għandu jinżamm taħt kontroll, u jkun limitat għall-Istati Membri b’dejn għoli. Dan se jippermetti li l-miżuri fiskali jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri u joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi 22 .

Għall-perjodu lil hinn mill-2022, il-politiki fiskali għandhom ikomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad ta’ inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, l-Istati Membri għandhom isegwu politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom itejbu l-investiment biex jagħtu spinta lill-potenzjal tat-tkabbir. Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, inkluż fir-rigward tal-impatt fuq il-potenzjal tat-tkabbir tal-kriżi u r-riformi u l-investimenti implimentati bl-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-gwida ta’ din is-sena tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, ladarba l-livell ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti.

Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn fl-2020. Billi l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni Ewropea tkompli topera ċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza fiskali. Il-Kummissjoni ħarġet rapport 23 (skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)) li jivvaluta l-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn mill-Istati Membri kollha, ħlief ir-Rumanija 24 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset l-inċertezza għolja, ir-rispons miftiehem tal-politika fiskali għall-kriżi tal-COVID-19 u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-2021. L-analiżi, li tqis il-fatturi rilevanti kollha kif xieraq, tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 huwa ssodisfat minn tliet Stati Membri u mhux issodisfat minn 23 Stat Membru. Il-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat minn 13-il Stat Membru. It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt makroekonomiku u fiskali straordinarju, li ħoloq inċertezza eċċezzjonali, inkluż għat-tfassil ta’ perkors kredibbli għall-politika fiskali. Filwaqt li tqis l-inċertezza għolja, ir-rispons miftiehem tal-politika fiskali għall-kriżi tal-COVID-19 u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 25 , il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju jenħtieġ li ma titteħidx deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jitqiegħdu taħt il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Fil-każ tar-Rumanija, fejn infetħet proċedura ta’ defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-data għall-2019, il-Kummissjoni tirrakkomanda aġġornament tal-pjan ta’ aġġustament immirat lejn korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2024. Il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fuq il-bażi tat-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2021, u l-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji tal-2022 li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri taż-żona tal-euro sal-15 ta’ Ottubru 2021..

Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi hija ċentrali fit-tfassil tal-politika fiskali. Matul l-2020, l-Istati Membri kollha rreaġixxew malajr ħafna bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza biex jiġġieldu l-pandemija u jappoġġaw l-introjtu tal-kumpaniji u tal-unitajiet domestiċi. Hekk kif ir-riskji għas-saħħa jonqsu, il-politika ekonomika għandha tinbidel minn reġim ta’ emerġenza għal objettivi orjentati lejn l-irkupru. Il-kwalità tal-miżuri baġitarji għandha tiżgura rkupru sostenibbli u inklużiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari billi jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Enfasi fuq ir-riformi strutturali fiskali, inkluż biex jissaħħaħ l-infiq effiċjenti u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-finanzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, hija kruċjali. Fuq in-naħa tad-dħul, ir-riformi li għandhom l-għan li jċaqilqu t-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal taxxi ambjentali li joħolqu inqas distorsjoni u jipprevjenu l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa huma essenzjali wkoll. Dan se jgħin biex jipprovdi finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi jsaħħaħ il-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd. Wara r-rispons immedjat għall-kriżi fl-2020, diversi Stati Membri reġgħu bdew pjanijiet biex itejbu l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tan-nefqa. It-tisħiħ tar-rieżamijiet tal-infiq, permezz tal-bini tal-kapaċità, it-titjib tal-governanza u rabta aktar stretta maċ-ċiklu baġitarju, jidher bħala riforma importanti f’xi pakketti ta’ rkupru. Evalwazzjoni tal-politika aktar b’saħħitha u fokus akbar fuq il-prijoritajiet ta’ politika għandhom rwol aktar importanti fl-ippjanar baġitarju. Xi Stati Membri qed jiżviluppaw ukoll prattiki ta’ bbaġitjar ekoloġiku biex iżidu l-azzjonijiet klimatiċi u ambjentali. Dawn il-prattiki se jippermettulhom jivvalutaw il-kontenut ekoloġiku tal-politiki baġitarji tagħhom u jiżguraw il-koerenza tal-infiq u d-dħul pubbliku mal-għanijiet ambjentali. Il-Kummissjoni tkompli bid-djalogu u l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp u l-irfinar ta’ proċessi u prattiki li jtejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

5.Żbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni identifikat vulnerabbiltajiet makroekonomiċi relatati ma’ żbilanċi u żbilanċi eċċessivi għal 12-il Stat Membru. Dawn l-Istati Membri ntgħażlu għal analiżijiet fil-fond fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2021 26 . Tliet Stati Membri qed ikomplu jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi (Ċipru, il-Greċja u l-Italja) u disgħa oħra qed jesperjenzaw żbilanċi (il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja) fis-sens tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. L-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun kruċjali biex jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi eżistenti, billi se tappoġġa riformi u investimenti li jindirizzaw l-isfidi identifikati matul iċ-ċikli preċedenti tas-Semestru.

Is-sorsi ewlenin tal-iżbilanċi huma fil-biċċa l-kbira l-istess bħal sena ilu, iżda r-riskji żdiedu. Filwaqt li l-kriżi tal-COVID-19 ma bidlitx b’mod fundamentali n-natura tal-iżbilanċi tal-Istati Membri, hija implikat xkiel fit-tnaqqis ta’ dawk l-iżbilanċi u tista’ żżid ir-riskji għall-istabbiltà makroekonomika . Id-dejn tal-gvern u dak privat żdied b’mod viżibbli, fil-biċċa l-kbira spjegat, apparti dak tar-riċessjoni, permezz ta’ politiki biex tiġi indirizzata l-pandemija u biex jiġu appoġġati l-ekonomija u l-irkupru. Bilanċi favorevoli kbar fil-kont kurrenti jippersistu f’xi Stati Membri. Diversi Stati Membri b’livelli għoljin ta’ djun ukoll għandhom potenzjal baxx ta’ tkabbir. F’dawn il-każijiet, l-użu effiċjenti tal-Faċilità biex jitrawmu l-investiment u r-riformi li jtejbu t-tkabbir se jkun strumentali. Id-diffikultajiet fil-ħlas lura tad-dejn jistgħu jissarrfu f’self improduttiv ladarba l-miżuri ta’ appoġġ jitneħħew gradwalment. B’kuntrast ma’ dan, xi vulnerabbiltajiet relatati mal-pressjonijiet tal-kompetittività tal-kostijiet naqsu matul il-kriżi tal-COVID-19.

F’dan l-istadju, reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-iżbilanċi ma tidhirx ġustifikata. Il-kriżi tal-COVID-19 tista’ żżid ir-riskji għall-istabbiltà makroekonomika, għalkemm mhux b’mod li jkun jeħtieġ reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-iżbilanċi f’dan l-istadju. Inċertezza persistentement għolja titlob monitoraġġ mill-qrib tal-iżbilanċi u r-riskji għall-istabbiltà makroekonomika b’perspettiva b’saħħitha li tħares ’il quddiem.

·Ċipru, il-Greċja u l-Italja qed ikomplu jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi, marbuta ma’ dejn għoli tal-gvern u sehem għoli ta’ self improduttiv - minkejja progress kontinwu u sinifikanti f’dan il-qasam. Ċipru u l-Greċja jikkombinaw dan ma’ dejn estern għoli u, Ċipru, ukoll ma’ dejn privat għoli. Barra minn hekk, it-tkabbir potenzjali għadu baxx wisq biex jixpruna t-tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn.

·L-iżbilanċi fil-Kroazja, fl-Irlanda, fil-Portugall u fi Spanja jikkombinaw dejn għoli privat, tal-gvern u estern, filwaqt li fi Franza l-iżbilanċi huma xprunati minn djun tal-gvern u privati, li qed ikomplu jiżdiedu. L-iżgurar tal-produttività u l-kisbiet tal-kompetittività jibqa’ importanti għal dawn l-Istati Membri. Fir-Rumanija, it-telf fil-kompetittività qed jonqos, iżda d-defiċit kbir fil-kont kurrenti jippersisti, u x-xejriet fiskali jeħtieġ li jitreġġgħu lura sew wara snin ta’ deterjorament. Il-Ġermanja u n-Netherlands irreġistraw surpluses persistentement kbar fil-kont kurrenti, marbuta ma’ eċċess ta’ tfaddil fuq investimenti, aggravati minn dejn privat għoli fin-Netherlands. Fl-Iżvezja, il-prezzijiet għoljin tad-djar mhumiex qed jimmoderaw, u d-dejn tal-unitajiet domestiċi għoli u li qed jiżdied għadu ta’ tħassib.

L-Appendiċi 1 jipprovdi aktar dettalji dwar l-aspetti speċifiċi għall-pajjiż tal-analiżi tal-iżbilanċi.

6.L-adattament tas-Semestru Ewropew

Minħabba t-trikkib kbir bejn is-Semestru Ewropew u l-istadji bikrin tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kien meħtieġ li ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2021 jiġi adattat temporanjament għat-tnedija tal-Faċilità. Dan ippermetta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw iċ-ċiklu ta’ din is-sena fuq it-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza bħala d-dokument ta’ referenza ewlieni li jħares ’il quddiem tal-aġenda ta’ riforma u investiment tal-Istati Membri. Sadanittant, is-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi kompliet, b’enfasi fuq ir-riskji emerġenti minħabba l-kriżi tal-COVID-19, li kienu, meta rilevanti, indirizzati fid-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom.

L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli għall-2022 li jmiss se tiddeskrivi l-elementi ewlenin taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew li jmiss. L-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jeħtieġ li tiġi mmonitorjata fi ħdan il-qafas ta’ koordinazzjoni annwali taħt is-Semestru Ewropew. F’dan ir-rigward, ir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprevedi rappurtar darbtejn fis-sena mill-Istat Membru dwar il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-monitoraġġ tal-progress lejn il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jeħtieġ li jiġi inkorporat fis-Semestru Ewropew, kif enfasizzat mill-mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali ta’ Porto. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli għall-2022 se tistabbilixxi l-passi konkreti dwar kif il-qafas ta’ governanza tas-Semestru għandu jiġi strutturat fl-2022. Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha.

7.Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tilqa’ l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji mill-Istati Membri kollha. L-approvazzjoni twitti t-triq biex il-Kummissjoni tibda tissellef taħt in-NextGenerationEU sabiex tiżborża l-fondi, inkluż il-prefinanzjament ta’ għotjiet u self taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-Kummissjoni se tadotta l-proposti tagħha għal deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li jibdew fit-tieni nofs ta’ Ġunju. Il-Kummissjoni tistenna b’interess l-adozzjoni rapida mill-Kunsill biex tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha tal-pjanijiet, li tippermetti rkupru ekonomiku sostenibbli u inklużiv, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-mexxejja tal-UE fis-Summit ta’ Porto. Il-Kummissjoni hija disponibbli wkoll biex tipprovdi assistenza teknika fuq talba lill-Istati Membri u tgħin lill-awtoritajiet jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi tal-UE.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-kooperazzjoni intensiva u kostruttiva bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, b’mod partikolari permezz tat-tnedija tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza. L-involviment qawwi tal-Parlament Ewropew se jkun kruċjali biex jikkontribwixxi għal aktar trasparenza u responsabbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li taqsam l-informazzjoni rilevanti kollha mal-Parlament u mal-Kunsill, u li tqis kif xieraq il-fehmiet espressi mill-Parlament fil-kuntest tad-djalogu, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu implimentati bis-sħiħ b’mod f’waqtu u fi djalogu komprensiv mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra.



APPENDIĊI 1 — SEJBIET TAR-RIEŻAMIJIET FIL-FOND TAL-IŻBILANĊI MAKROEKONOMIĊI FIL-PAJJIŻI TAL-UE

Għat-12-il Stat Membru li għaddew minn analiżi fil-fond, il-klassifikazzjoni tal-iżbilanċi u l-iżbilanċi eċċessivi ġiet ikkonfermata. L-analiżi tar-rieżami fil-fond (in-depth review, IDR) tħares lejn il-gravità tal-iżbilanċi, l-evoluzzjoni riċenti u prospettiva tagħhom u r-reazzjonijiet ta’ politika relatati. L-effetti konsegwenzjali rilevanti u l-implikazzjonijiet transfruntieri sistemiċi tal-iżbilanċi huma kkunsidrati wkoll.

Il-kuntest tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet din is-sena huwa differenti mill-analiżi tar-reviżjonijiet fil-fond tas-sena l-oħra. Fl-2020, l-isforzi ta’ politika ġeneralment iffukaw fuq l-indirizzar u t-taffija tal-impatt tal-pandemija u l-appoġġ għal irkupru sostenibbli, li fih innifsu huwa mistenni li jagħti appoġġ għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi, filwaqt li kien hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu kkontrollati r-riskji makroekonomiċi fuq terminu medju. Il-perspettiva li tħares ’il quddiem hija għalhekk kruċjali fil-valutazzjoni tar-riskju. Madankollu, l-inċertezza għadha għolja, u għadu diffiċli li jiġu vvalutati l-konsegwenzi sħaħ tal-kriżi. Dan jitlob monitoraġġ kontinwu u mill-qrib tal-iżbilanċi u r-riskji għall-istabbiltà makroekonomika. B’ħarsa ’l quddiem, dawn l-iżbilanċi ġew diskussi mal-Istati Membri fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza billi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi opportunità unika biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi, l-investiment u l-ħtiġijiet tar-riformi. L-analiżijiet tal-politiki f’dawn ir-reviżjonijiet fil-fond ġew iffinalizzati qabel is-sottomissjoni formali tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u għalhekk ma jibbażawx fuq l-informazzjoni inkluża f’dawn il-pjanijiet. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għadha għaddejja fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni u ma tistax tiġi ppreġudikata, implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi eżistenti.

B’mod ġenerali, ir-riskji makroekonomiċi u l-vulnerabbiltajiet għandhom l-istess oriġini bħal dawk identifikati qabel. Il-kriżi tal-COVID-19 implikat xkiel fit-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi osservat fl-aħħar deċennju iżda mhux b’mod li jiġġustifika r-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-iżbilanċi f’dan l-istadju. Diversi Stati Membri kienu diġà qed jikkombinaw dejn għoli privat, tal-gvern u estern qabel il-pandemija. F’każijiet oħra, it-tħassib relatat mad-dejn ġie ċċentrat kemm fuq is-settur tal-gvern kif ukoll fuq is-settur privat. Fl-2020, dawk il-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG kollha żdiedu u dan jirrifletti t-tnaqqis fl-attività ekonomika u ż-żieda sinifikanti fis-self, speċjalment mill-korporazzjonijiet u l-gvernijiet sabiex itaffu l-konsegwenzi tal-pandemija u jipprevjenu deterjorament saħansitra aktar sever tas-sitwazzjoni ekonomika u tal-istabbiltà makroekonomika. Moratorji temporanji fuq il-ħlas lura tad-dejn minn korporazzjonijiet u unitajiet domestiċi żammew id-djun produttivi u naqqsu r-riskju ta’ nuqqas ta’ likwidità.

Id-dinamiċi tad-dejn privat u pubbliku jistgħu jsiru aktar ta’ sfida għall-ġejjieni iżda huma mistennija li jitjiebu bl-irkupru. Diversi pajjiżi kkonċernati minn dejn għoli huma kkaratterizzati minn tkabbir potenzjali baxx, u l-kriżi tista’ tkompli tnaqqas it-tkabbir, speċjalment fejn setturi aktar affettwati jammontaw għal sehem akbar ta’ attività, li b’mod ġenerali se jillimita l-pass tat-tnaqqis fl-ingranaġġ. Dan jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali ogħla, jiġi appoġġat irkupru sinifikanti, u jgħin biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi. Id-diffikultajiet dejjem jiżdiedu tal-ħlas lura tad-dejn jistgħu jissarrfu f’self improduttiv li jimxi 'l quddiem, speċjalment f’dawk is-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi u ladarba jiskadu l-moratorji fuq il-pagamenti tad-djun u miżuri oħra ta’ appoġġ. Għalhekk, filwaqt li r-reżiljenza tal-banek tjiebet matul dawn l-aħħar ftit snin, din tista’ tintlaqat b’dewmien, u l-provvista ta’ kreditu lill-ekonomija tista’ tiġi affettwata, u dan min-naħa tiegħu jaffettwa s-saħħa tal-irkupru.

Il-kontijiet esterni kienu fil-biċċa l-kbira stabbli matul il-kriżi tal-COVID-19. Id-defiċits fil-kont kurrenti ġeneralment ftit li xejn inbidlu, billi t-tfaddil nett tal-gvern u tas-settur privat kien qed jikkumpensa b’mod reċiproku. L-eċċezzjonijiet kienu fil-pajjiżi l-aktar esposti għal tnaqqis fit-turiżmu barrani, fejn il-kontijiet kurrenti marru għall-agħar b’mod aktar viżibbli fl-2020 u jistgħu ma jirkuprawx kompletament din is-sena jew ta’ wara. B’mod parallel, surpluses kbar fil-kont kurrenti jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess, kif ukoll is-surplus fil-kont kurrenti għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi. Il-pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti negattivi marru għall-agħar fl-2020 iżda mhumiex mistennija li jiddeterjoraw aktar din is-sena jew is-sena d-dieħla. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament estern kienu ta’ appoġġ, minbarra episodju qasir ta’ averżjoni akbar għar-riskju fis-swieq finanzjarji globali immedjatament wara li faqqgħet il-kriżi u speċjalment għal membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro.

L-espansjoni kontinwa tas-snin ta’ qabel il-kriżi wasslet għal pressjonijiet ta’ soprażbilanċ riflessi f’telf fil-kompetittività tal-kost u tkabbir qawwi fil-prezzijiet tad-djar: tal-ewwel ittaffiet matul il-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li din tal-aħħar ma tantx ittaffiet. L-iżviluppi tal-kompetittività tal-kostijiet huma mistennija li jistabbilizzaw hekk kif it-tkabbir fil-pagi jimmodera f’suq tax-xogħol li ddgħajjef b’mod ċar bis-sitwazzjoni tal-COVID-19, u żieda ċiklika fil-produttività qed tkompli tnaqqas il-pressjoni fuq il-kostijiet ta’ unità lavorattiva din is-sena u s-sena d-dieħla. Fir-rigward tal-prezzijiet tad-djar, kompla jiġi osservat dinamiżmu f’xi pajjiżi, fejn ir-riskji ta’ sopravalutazzjoni kienu aktar rilevanti. Madankollu, f’xi każijiet, ma jistax jiġi eskluż li moratorji li jiskadu fuq il-ħlasijiet lura tad-dejn u l-irtirar ta’ miżuri temporanji oħra ta’ appoġġ jistgħu jpoġġu pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet tad-djar u speċjalment fejn id-dħul tal-familji kien aktar batut.

Pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi

·Il-Greċja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern, riekwilibriju estern mhux komplut u self improduttiv għoli, f’kuntest ta’ qgħad għoli u tkabbir potenzjali baxx. Il-kriżi tal-COVID-19 interrompiet il-proċess ta’ aġġustament mibdi fis-snin preċedenti. Id-dejn tal-gvern żdied b’mod sostanzjali fl-2020 u huwa mistenni li jonqos biss fl-2022. Id-dejn tal-gvern huwa fil-biċċa l-kbira miżmum minn kredituri tas-settur uffiċjali, li, flimkien mal-bafer kbir ta’ flus kontanti, jiżola lill-Greċja minn fluttwazzjonijiet fuq terminu qasir. Dan l-aħħar id-defiċit fil-kont kurrenti kiber u huwa mbassar li jibqa’ kbir, fil-parti l-kbira minħabba l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur imdaqqas tat-turiżmu. Minkejja tnaqqis sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, is-self improduttiv għadu kbir u hemm ir-riskju li jiżdied ladarba l-miżuri ta’ appoġġ temporanju jitneħħew gradwalment. L-isforzi biex jissaħħu l-prospetti tat-tkabbir qed jiffaċċjaw ostakli mill-istokk kapitali mdgħajjef, popolazzjoni li qed tixjieħ u migrazzjoni ‘l barra ta’ ħaddiema tas-sengħa. Tkabbir potenzjali baxx huwa ta’ piż fuq it-tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn.

·L-Italja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u dinamiċi ta’ produttività dgħajfa fit-tul, li għandhom rilevanza transfruntiera f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u tas-settur bankarju. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern żdied drastikament fl-2020, li jirrifletti t-tnaqqis fil-PDG u r-rispons fiskali għall-kriżi tal-COVID-19, u huwa mistenni li jonqos biss fl-2022. Il-produttività tax-xogħol żdiedet fl-2020 iżda t-tkabbir tal-produttività fit-tul jibqa’ ristrett minn ostakli għall-investiment privat u pubbliku u minn limiti għat-tkabbir tal-aktar ditti produttivi. Ir-rati tal-attività u tal-impjiegi għadhom taħt il-medja tal-UE. It-tkabbir tal-produttività kajman ħafna, flimkien ma’ rati baxxi ta’ impjiegi, ifixklu t-tkabbir potenzjali, li min-naħa tiegħu jillimita l-lok għal tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn. Filwaqt li s-settur bankarju Taljan sar aktar robust u reżiljenti fis-snin ta’ qabel il-kriżi tal-COVID-19, għad hemm vulnerabbiltajiet. B’mod partikolari, is-self improduttiv naqas f’dawn l-aħħar snin iżda għadu relattivament għoli u hemm riskju li jiżdied ladarba l-miżuri ta’ appoġġ temporanji jitneħħew gradwalment.

·Ċipru qed jesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ stokkijiet għoljin ta’ dejn estern, tal-gvern u dak privat, u self improduttiv li għadu għoli, flimkien ma’ defiċit sostanzjali fil-kont kurrenti. Id-defiċit fil-kont kurrenti ddeterjora sostanzjalment fl-2020 għal qari b’żewġ ċifri li jirrifletti tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjonijiet tat-turiżmu matul il-kriżi tal-COVID-19 u huwa mbassar li jitjieb ftit biss fil-futur qrib. Id-dejn estern għadu għoli u l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva, anki meta jiġu esklużi entitajiet bi skop speċjali, qed tmur għall-agħar, parzjalment minħabba d-defiċits kbar fil-kont kurrenti. Il-kriżi tal-COVID-19 interrompiet it-tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur privat hekk kif il-proporzjonijiet għoljin tad-dejn żdiedu fl-2020 l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-PDG. Is-self improduttiv għadu fost l-ogħla fl-UE, minkejja tnaqqis viżibbli f’dawn l-aħħar snin u hemm ir-riskju li jerġa’ jiżdied ladarba l-miżuri ta’ appoġġ temporanji jitneħħew gradwalment. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern żdied b’mod sinifikanti fl-2020 iżda huwa mistenni li jerġa’ lura għal xejra ta’ tnaqqis minn din is-sena.

Pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi

·Il-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi. Is-surplus fil-kont kurrenti jippersisti f’livelli għoljin li jirriflettu livell baxx ta’ investiment relattiv għat-tfaddil u għandu rilevanza transfruntiera. Wara tnaqqis gradwali mill-2015, is-surplus fil-kont kurrenti huwa mistenni li jiżdied fl-2021 u jerġa’ jaġġusta ruħu 'l isfel fl-2022, filwaqt li jibqa’ għoli iżda taħt il-livell tiegħu ta’ qabel il-kriżi. Fl-2020, it-tkabbir fl-investiment pubbliku kompla jaċċellera b’reazzjoni għall-kriżi, filwaqt li l-investiment privat naqas. Fl-2020, iffrankar nett ogħla tas-settur privat kien fil-biċċa l-kbira kkumpensat minn defiċit ogħla tal-gvern, li wassal għal bidliet limitati fil-kont kurrenti ġenerali. Barra minn hekk, l-investiment għadu moderat bħala sehem mill-PDG minkejja l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli u l-ħtiġijiet persistenti ta’ investiment diġà qabel il-kriżi tal-COVID-19 u r-riskju baxx għas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. L-iffrankar nett tal-unitajiet domestiċi kompla jiżdied fl-2020 minħabba nuqqas ta’ possibbiltajiet ta’ nfiq u huwa mistenni li b’mod ġenerali jerġa’ lura għal-livell ta’ qabel il-pandemija fl-2022.

·L-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ djun privati u tal-gvern kbar u ma’ obbligazzjonijiet esterni netti. Id-dejn tal-gvern għadu għoli skont diversi metriċi, b’riskji negattivi relatati ma’ bidliet possibbli fir-regoli tat-tassazzjoni korporattiva u riformi fit-tassazzjoni internazzjonali. Id-dejn privat għadu għoli. Id-dejn korporattiv huwa minfuħ minħabba l-preżenza ta’ kumpaniji multinazzjonali, li ħafna minnhom ftit li xejn għandhom rabtiet mal-ekonomija domestika. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi bħala sehem tal-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi jibqa’ fost l-ogħla fl-UE. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta għadha negattiva ħafna iżda qed titjieb u fil-biċċa l-kbira tirrifletti l-attivitajiet ta’ ditti multinazzjonali u fondi mutwi bi ftit konnessjoni mal-ekonomija domestika.

·Spanja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn estern u intern għoli, kemm tal-gvern kif ukoll tas-settur privat f’kuntest ta’ qgħad għoli u għandhom rilevanza transfruntiera. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta għadha negattiva iżda għandha terġa’ tibda t-titjib gradwali tagħha fl-2021. L-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-turiżmu kien sinifikanti. Il-kont kurrenti mar għall-agħar bil-kriżi iżda huwa mistenni li jkun qrib li jikseb bilanċ din is-sena u s-sena d-dieħla. Id-dejn tal-gvern żdied b’mod sostanzjali fl-2020 bħala riżultat tar-riċessjoni u tal-miżuri ta’ appoġġ stabbiliti biex itaffu l-impatt tal-kriżi; huwa previst li s-sena d-dieħla jonqos b’mod aktar sinifikanti minħabba defiċits tal-gvern kontinwament għoljin iżda li qed jitjiebu. It-tnaqqis fl-ingranaġġ kemm mis-settur korporattiv kif ukoll minn dak domestiku waqaf fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Ir-rata tal-qgħad żdiedet fl-2020 u hija prevista li tibda tonqos fl-2022.

·Franza qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern, kompetittività dgħajfa u tkabbir baxx fil-produttività, li għandhom rilevanza transfruntiera. Fl-2020, id-dejn tal-gvern żdied b’mod viżibbli bir-reċessjoni u bil-miżuri komprensivi biex titrażżan il-kriżi tal-COVID-19 u huwa mistenni li jonqos fl-2022. Id-dejn privat huwa għoli u ilu jikber ukoll għal diversi snin anki jekk, fl-2020, iż-żidiet fid-dejn nominali kienu akkumpanjati minn żieda fir-riżervi ta’ likwidità tad-ditti. Minkejja l-iżviluppi pożittivi qabel il-kriżi tal-COVID-19, ma reġax inkiseb telf preċedenti fil-kompetittività. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-produttività fit-tul jibqa’ moderat, li jipprevjeni wkoll aktar kisbiet fil-kompetittività, ifixkel it-tkabbir potenzjali u b’hekk jillimita l-ispazju għal diżingranaġġ pubbliku u privat.

·Il-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati mad-dejn tal-gvern, dak privat u estern, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx. Il-kont kurrenti sar negattiv fl-2020, li jirrifletti l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu mdaqqas tal-Kroazja, u huwa mistenni li jirkupra biss bil-mod. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva għandha terġa’ tibda t-titjib gradwali tagħha fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern moderatament għoli żdied b’mod sinifikanti fl-2020 bħala riżultat tar-riċessjoni u tal-miżuri ta’ appoġġ stabbiliti biex itaffu l-impatt tal-kriżi iżda huwa mistenni li jerġa’ jibda nieżel din is-sena. Il-proporzjon tad-dejn privat mal-PDG żdied fl-2020, wara bosta snin ta’ titjib, li jirrifletti tnaqqis qawwi fil-PDG, akkumpanjat minn ħtiġijiet ogħla ta’ self korporattiv. Is-settur bankarju sar aktar reżiljenti, anke minn mindu l-Kroazja ssieħbet fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, iżda s-self improduttiv jista’ jiżdied ladarba l-politiki li jipproteġu lill-korporattivi mill-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 jitneħħew gradwalment.

·In-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi. Id-dejn privat u s-surplus fil-kont kurrenti għadhom għoljin, u għandhom rilevanza transfruntiera. Is-surplus fil-kont kurrenti naqas fl-2020. Madankollu, dan għadu ferm ogħla mil-livelli ġġustifikati fid-dawl tal-elementi fundamentali ekonomiċi tal-pajjiż u huwa mistenni li jibqa’ għoli. Minkejja riforma tal-pensjonijiet li għaddejja bħalissa u bidliet riċenti fit-taxxa li jindirizzaw l-inċentivi biex jinżamm il-qligħ fi ħdan intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-muturi strutturali li jirfdu t-tfaddil għoli tal-unitajiet domestiċi u korporattivi għadhom fis-seħħ. Parti mis-surplus estern jista’ jiġi attribwit għal karatteristiċi statistiċi marbuta mar-rwol tad-ditti multinazzjonali u mhux mistenni li jonqos fil-futur qrib. Id-dejn tas-settur privat għadu għoli, parzjalment minħabba d-dejn intragrupp tal-kumpaniji multinazzjonali, u kompla jiżdied bħala sehem tal-PDG fl-2020. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi qed jiżdied minn livell diġà għoli minħabba żidiet kontinwi fil-prezzijiet tad-djar.

·Il-Portugall qed jesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ stokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u tal-gvern, u self improduttiv li għadu għoli, f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Id-dejn tal-gvern żdied sostanzjalment fl-2020 bħala riżultat tar-riċessjoni u tal-miżuri ta’ appoġġ stabbiliti biex itaffu l-impatt tal-kriżi iżda huwa mbassar li jonqos moderatament din is-sena u li jmiss b’defiċits baġitarji li qed jonqsu. L-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-turiżmu huwa importanti, inkluż għall-futur qrib. Il-kont kurrenti nbidel f’defiċit xprunat mill-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-turiżmu. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva marret għall-agħar fl-2020 iżda din is-sena għandha tkompli bit-titjib gradwali tagħha. Wara t-tnaqqis rapidu fl-ingranaġġ ta’ dawn l-aħħar snin, id-dejn privat żdied fl-2020, li jirrifletti tnaqqis qawwi fil-PDG u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-kumpaniji fid-dawl tal-kriżi, filwaqt li t-tkabbir ipotekarju sar pożittiv fl-2020. Is-self improduttiv jirriskja li jiżdied ladarba l-miżuri ta’ appoġġ temporanji jitneħħew gradwalment.

·Ir-Rumanija qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ defiċit tal-kont kurrenti mdaqqas persistenti f’kuntest ta’ defiċits kbar tal-gvern, filwaqt li pressjonijiet preċedenti ta’ sopraġenerazzjoni qed jonqsu. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti huwa mbassar li jibqa’ għoli anki jekk jimmodera b’mod marġinali, u l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva ma għadhiex qed titjieb. Id-defiċit fiskali kbir huwa mbassar li jonqos biss gradwalment din is-sena u wara, minħabba l-irkupru u xi konsolidazzjoni fiskali. L-iffrankar nett mis-settur privat domestiku mhuwiex biżżejjed biex ikopri dawk id-defiċits fiskali għoljin, u l-finanzjament sar aktar dipendenti fuq l-akkumulazzjoni tad-dejn estern. B’kuntrast ma’ dan, it-telf fil-kompetittività jidher li qed jonqos hekk kif il-pressjonijiet ta’ tisħin żejjed tas-snin preċedenti naqsu bil-kriżi tal-COVID-19. L-imprevedibbiltà leġiżlattiva tkompli tkun ta’ piż fuq l-ambjent kummerċjali usa’.

·L-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli u li qed jiżdied tal-unitajiet domestiċi u riskji ta’ sopravalutazzjoni fis-suq tad-djar. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi kompla jiżdied u t-tkabbir tal-ipoteki għall-unitajiet domestiċi baqa’ b’saħħtu. Il-prezzijiet tad-djar komplew jiżdiedu, saħansitra aktar malajr minn qabel il-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk aggravaw ir-riskji ta’ sopravalutazzjoni. Is-settur bankarju huwa reżiljenti, bi profittabbiltà relattivament għolja, likwidità abbundanti, u livelli ta’ kapital komdi, iżda l-esponiment elevat għas-suq tal-proprjetà immobbli kummerċjali jeħtieġ attenzjoni.

APPENDIĊI 2 — PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻI

Din il-valutazzjoni tal-progress tħares lejn l-azzjoni ta’ politika tal-passat li ttieħdet biex jiġu indirizzati l-isfidi enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020. Din ġiet iffinalizzata qabel is-sottomissjoni formali tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza u għalhekk ma tiħux mill-informazzjoni inkluża f’dawn il-pjanijiet. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew diskussi mal-Istati Membri fil-fażi ta’ tħejjija tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiġi żgurat li jiġu indirizzati b’mod adegwat. Il-valutazzjoni tagħhom se tiġi ppreżentata separatament fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ kull wieħed mill-pjanijiet.

L-indirizzar tal-isfidi strutturali huwa kruċjali għal irkupru sostenibbli u tkabbir kontinwu. L-implimentazzjoni tar-riformi biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet strutturali hija kruċjali għat-titjib mhux biss tal-kapaċità li wieħed jirreżisti u jlaħħaq mal-isfidi eżistenti iżda wkoll biex jitwettqu t-tranżizzjonijiet doppji b’mod sostenibbli u ġust. L-Istati Membri aktar reżiljenti huma mistennija li jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19 aktar malajr u b’aktar saħħa, u b’hekk juru l-importanza li jitwettqu riformi sabiex ikunu mħejjija aħjar għall-futur.

Meta wieħed iħares lejn il-progress tar-riformi minn perspettiva annwali, l-Istati Membri għamlu mill-inqas xi progress f’madwar sitta minn 10 rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lilhom f’Lulju 2020. Dan il-livell ferm ogħla ta’ implimentazzjoni milli fis-snin preċedenti jidher li huwa marbut mill-qrib man-natura tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, li ffukaw fil-biċċa l-kbira fuq l-isfidi fiskali, ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali immedjati ta’ rispons għall-kriżi tal-COVID-19. L-azzjoni kuraġġuża meħuda mill-Istati Membri biex jikkonfrontaw il-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tidher li wasslet għal livell relattivament għoli ta’ implimentazzjoni.

Il-livell ta’ progress ivarja b’mod sinifikanti bejn l-oqsma ta’ politika. Meta wieħed iqis dawk l-oqsma ta’ politika li fihom għadd sinifikanti ta’ Stati Membri rċevew rakkomandazzjoni fl-2020, il-biċċa l-kbira tal-progress b’mod ġenerali nkiseb fl-aċċess għall-finanzi, is-servizzi finanzjarji, il-politika fiskali u l-governanza fiskali u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi. B’mod aktar speċifiku, ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati jirreferu għall-ħtieġa ta’ aċċess kontinwu u adegwat għall-finanzjament u l-ħtieġa għal miżuri fiskali, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-pandemija, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru. L-Istati Membri għamlu wkoll progress tajjeb fir-rakkomandazzjonijiet dwar il-mitigazzjoni tal-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-kriżi, inkluż billi (i) ippromwovew, żviluppaw u tejbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli; (ii) implimentaw skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar; u (iii) ħadu miżuri biex jipprovdu sostituzzjoni tad-dħul adegwat u aċċess għall-protezzjoni soċjali. B’kuntrast, sar ħafna inqas progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja ċivili, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-edukazzjoni u l-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja.

Minn perspettiva pluriennali, il-livell ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż baqa’ ġeneralment stabbli matul dawn l-aħħar ftit snin. B’mod partikolari, l-Istati Membri għamlu mill-inqas xi progress fl-implimentazzjoni [madwar żewġ terzi] tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mill-bidu tas-Semestru Ewropew. Madankollu, il-livell pluriennali ta’ implimentazzjoni naqas ftit matul l-aħħar 12-il xahar, u dan jirrifletti l-fatt li l-Istati Membri ffukaw l-azzjoni ta’ politika tagħhom fuq il-mitigazzjoni immedjata tal-kriżi. B’mod ġenerali, mill-2011, l-Istati Membri għamlu l-aktar progress rigward ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-aċċess għall-finanzi u s-servizzi finanzjarji, segwiti minn progress fil-leġiżlazzjoni li tirregola r-relazzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-impjiegi. Fl-istess ħin, il-progress kien partikolarment kajman fir-riforma tas-saħħa u l-kura fit-tul u fit-twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa.

(1)    It-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-Rebbiegħa 2021. European Economy – Institutional Papers, 149, Mejju 2021.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill: “Front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19”. COM(2021) 35 final.
(3)    It-tbassir inkorpora l-miżuri stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Istati Membri kollha. Intużaw suppożizzjonijiet konvenzjonali f’każijiet fejn id-dettalji tal-pjanijiet kienu għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed fid-data limitu għat-tbassir.
(4) COM/2021/102 final, jinsab fis-sit: https://op.europa.eu/webpub/empl/european-pillar-of-social-rights/en/  
(5) Disponibbli fis-sit: https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
(6)    F’konformità mad-diversi inizjattivi li għandhom l-għan li jibnu l-Unjoni ta’ Ugwaljanza.
(7)    Sal-2030, mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena għandha tkun f’impjieg; mill-inqas 60 % tal-adulti (ta’ età bejn 25-64) għandhom jipparteċipaw f’xi taħriġ kull sena; l-għadd ta’ nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jrid jonqos b’mill-inqas 15-il miljun (meta mqabbel mal-2019), inklużi mill-inqas ħames miljun tifel u tifla.
(8)    F’konformità mal-ambizzjoni tal-Kummissjoni, enfasizzata fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2020, COM(2020) 493 final.
(9)      https://ec.europa.eu/info/publications/2020-european-semester-annual-sustainable-growth-strategy_en
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 "Il-Kumpass Diġitali: it-triq Ewropea għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021) 118 final.
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, COM(2020) 123 final.
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19, C(2020) 1863 final.
(13)    Imkejla mill-iżvilupp sena fuq sena fil-bilanċi primarji tagħhom, fuq il-bażi ta’ data vvalidata f’April 2021 mill-Eurostat.
(14)    Aktar minn EUR 23 biljun ta’ fondi tal-UE ġew mobilizzati permezz ta’ CRII biex tiġi indirizzata l-pandemija u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha.
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, COM(2021) 350 final. 
(16)    Obbligu li jfiġġ mill-Artikolu 148 TFUE.
(17)    Il-linji Gwida dwar l-Impjiegi huma annessi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE 2020/1512),), adottata fit-13 ta’ Ottubru 2020.
(18)     Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE) Il-Kummissjon Ewropea (europa.eu)
(19)      BE, CZ, DK, DE, IE, EL ,ES, FR, HR, IT, CY, LV, LT, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE
(20)    Dan se jinkludi wkoll miżuri li jkunu ta’ benefiċċju għall-bijodiversità, għall-ekonomija ċirkolari u għal objettivi ambjentali oħra.
(21)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Sena minn mindu faqqgħet il-COVID-19: rispons għall-politika fiskali, "COM(2021) 105 final, 3.3.2021.
(22)      Ara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li jagħtu Opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza, li ġew adottati fl-istess ħin ta’ din il-komunikazzjoni.
(23)      It-tħejjija ta’ rapport omnibus skont l-Artikolu 126(3) TFUE li jkopri sitta u għoxrin Stat Membru, minflok rapporti speċifiċi għall-pajjiż skont l-artikolu msemmi qabel, huwa approċċ ta’ darba meħud fid-dawl tal-ammont ta’ xogħol eċċezzjonali relatat mat-tnedija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-Pjanijiet ppreżentati mill-Istati Membri.
(24)      Ir-rapport ma jiddiskutix is-sitwazzjoni tar-Rumanija, li bħalissa hija l-unika Stat Membru li hija soġġetta għall-proċedura ta' defiċit eċċessiv.
(25)      Il-Kunsill irrakkomanda lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, isostnu l-ekonomija u jappoġġaw l-irkupru li jirriżulta. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, l-Istati Membri għandhom isegwu politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment. Ara ĠU C 282, 26.8.2020, p. 1–187.
(26)    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2021, COM(2020) 745 final.