Brussell, 9.7.2021

COM(2021) 383 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (“Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali”)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (“Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali”)

1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 1 ġie adottat fil-15 ta’ Marzu 2017 u daħal fis-seħħ fis-27 ta’ April 2017. Dan ilu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, ħlief kif previst fl-Artikolu 167(2) sa (4) tiegħu.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jikkostitwixxi l-att bażiku li jirregola t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari, inkluż fejn dawk ir-regoli japplikaw għall-annimali u għall-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Dan irrevoka u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 882/2004 2 dwar il-kontrolli uffiċjali u leġiżlazzjoni oħra li qabel kienet tirregola l-kontrolli uffiċjali u l-azzjoni ta’ infurzar tul il-katina agroalimentari tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE 3 u r-Regolament (KE) 854/2004 4 . L-għan tar-Regolament (UE) 2017/625 huwa li jipprevedi qafas leġiżlattiv uniku u armonizzat għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament (UE) 2017/625 issimplifika u kkodifika b’mod sinifikanti fil-livell tal-UE, il-liġi dwar l-infurzar amministrattiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-katina agroalimentari fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa wiesa’ u jkopri l-verifika tal-konformità mar-regoli dwar l-ikel u dwar is-sikurezza tal-ikel u dwar l-għalf u dwar is-sikurezza tal-għalf, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-pjanti, ir-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, ir-regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi, ir-regoli dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, id-denominazzjonijiet protetti u r-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM) għall-fini tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi qafas komuni għat-twettiq ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-UE, qafas uniformi u armonizzat għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva fost l-Istati Membri. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta għadd ta’ miżuri fejn ikun hemm evidenza li s-sistema ta’ kontrolli fi Stat Membru tkun qed tiffaċċja tfixkil serju, issaħħaħ ir-regoli dwar il-penali finanzjarji għal prattiki frodulenti jew qarrieqa, u tintroduċi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta’ dawk il-prattiki.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta bosta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati.

2.BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati msemmija fid-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dak l-artikolu (ara t-taqsima 3, hawn taħt). Skont l-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fir-rigward tal-materji elenkati fih għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mit-28 ta’ April 2017. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward ta’ dik id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu estensjoni bħal din mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Skont l-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 18(7) u 21(8), l-Artikolu 41, l-Artikoli 45(4) u 47(3), l-Artikolu 48, l-Artikolu 50(4), l-Artikolu 51, u l-Artikoli 53(1), 62(3), 64(2) u (5), 77(1) u (2), 92(4), 99(2), 100(6), 101(2), 126(1), 142(1) u (2), 149(2), 150(3), 154(3), 155(3) u 165(3) ta’ dak ir-Regolament.

3.1.    SETGĦAT UŻATI MATUL IL-PERJODU TA’ RAPPORTAR

Matul il-perjodu ta’ rapportar 5 , il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha, billi adottat l-atti delegati li ġejjin 6 :

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/631 tas-7 ta’ Frar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-pesti tal-pjanti 7 . Dan l-att daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2018 u beda japplika fl-istess data.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/478 tal-14 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kategoriji ta’ kunsinni li jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera 8 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-14 ta’ April 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/624 tat-8 ta’ Frar 2019 rigward ir-regoli speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam u għaż-żoni ta’ produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski bivalvi ħajjin skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . Dan l-att daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem 10 . Dan l-att daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019. Madankollu, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12, u fl-Artikolu (14)(1) u (2) daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ April 2021.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidderoga mir-regoli dwar il-ħatra ta’ punti ta’ kontroll u mir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera 11 . Dan l-att daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1602 tat-23 ta’ April 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul li jakkumpanja l-kunsinni ta’ annimali u oġġetti sad-destinazzjoni tagħhom 12 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet jibdew japplikaw f’kull Stat Membru mid-data li fiha jibdew joperaw it-tekniki elettroniċi doganali tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 13 f’dak l-Istat Membru jew mill-1 ta’ Marzu 2023, skont liema data tiġi l-ewwel.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 tal-24 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasport u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni 14 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ottubru 2019 u beda japplika fl-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2074 tat-23 ta’ Settembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz 15 . Dan l-att daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Diċembru 2019 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2122 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 16 . Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki 17 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE 18 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2125 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, in-notifika ta’ ċerti kunsinni u miżuri li jeħtieġ jittieħdu f’każijiet ta’ nonkonformità 19 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2126 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli għal kontrolli uffiċjali speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, miżuri li għandhom jittieħdu wara t-twettiq ta’ kontrolli bħal dawn, u ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera 20 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2127 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE, 97/78/KE u 2000/29/KE 21 . Dan l-att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u beda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2190 tad-29 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trasbord 22 . Dan l-att daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2021 u beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/573 tal-1 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/625 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-bebbux ħaj, għall-prodotti komposti u għall-budellat, imqiegħda fis-suq għall-konsum mill-bniedem 23 . Dan l-att daħal fis-seħħ fit-28 ta’ April 2021 u beda japplika mill-istess data. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet bdew japplikaw mill-21 ta’ April 2021.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 tas-16 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE 24 . Dan l-att daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Mejju 2021 u beda japplika mill-21 ta’ April 2021.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-każijiet u l-kundizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru laboratorji uffiċjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-metodi kollha li jużaw għall-kontrolli uffiċjali jew attivitajiet uffiċjali oħra (C(2021) 3285). Dan l-att ġie adottat fis-17 ta’ Mejju 2021.

Il-Kummissjoni nnotifikat kull wieħed mill-atti delegati msemmija hawn fuq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 144(5) tar-Regolament (UE) 2017/625. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma estendew il-perjodu ta’ oġġezzjoni msemmi fl-Artikolu 144(6) tar-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti. Bl-istess mod, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal xi wieħed minn dawn l-atti f’konformità mal-Artikolu 144(6) tar-Regolament (UE) 2017/625 25 .

S’issa, il-Kummissjoni użat 17 minn 26 setgħa fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u li għalhekk huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rapport. Mis-17-il setgħa użati, 4 intużaw parzjalment. Uħud minn dawn is-setgħat delegati ġew raggruppati f’att delegat uniku fejn ir-regoli huma marbuta sostanzjalment, f’konformità mat-Taqsima V, il-punt (31) tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 26 .



3.2.    SETGĦAT MHUX UŻATI MATUL IL-PERJODU TA’ RAPPORTAR

Ċerti setgħat tar-Regolament (UE) 2017/625 ma ntużawx matul il-perjodu ta’ rappurtar għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

·L-Artikolu 21(8)

Il-Kummissjoni qed tivvaluta kontinwament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi, dwar il-kontrolli uffiċjali, minbarra r-rekwiżiti ġenerali fir-Regolament (UE) 2017/625, biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ konformità u l-prattiki diverġenti possibbli ta’ infurzar madwar l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa, enfasizzata aktar b’inċidenti reċenti fil-Baħar Mediterran, li tuża l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 21(8), li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali bħala reazzjoni għar-riskji assoċjati mal-bastimenti tal-bhejjem, kif ukoll regoli għall-verifika tar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali fil-punti ta’ ħruġ. Dan l-att huwa mistenni li jiġi adottat fl-2022. Barra minn hekk, fil-qafas tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali sal-2023 taħt l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt 27 , bħalissa qiegħed jiġi kkunsidrat l-użu futur possibbli tal-Artikolu 21(8). Pereżempju, jekk ikun meħtieġ, regoli ġodda dwar it-trattament xieraq tal-qtates u tal-klieb matul it-trasport jistgħu jiġu kkomplementati aktar tard b’rekwiżiti ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi, f’konformità mal-l-Artikolu 21(8), il-punt (a). Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ assistenza amministrattiva previst fl-Artikoli 102 sa 108 tar-Regolament (UE) 2017/625 f’konformità mal-Artikolu 21(8), il-punt (d), biex jiġi megħjun l-indirizzar, pereżempju, tal-problema tal-kummerċ illegali tal-ġriewi. Madankollu, għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni bħal din dwar l-użu ulterjuri tas-setgħa fl-Artikolu 21(8).

Bl-istess mod, l-Artikolu 154(3) ma ntużax. Madankollu, din is-setgħa hija marbuta mal-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 21.

·L-Artikolu 48, il-punti (a) u (g)

Fir-rigward tal-Artikolu 48, il-punt (a), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 28 diġà jistabbilixxi regoli bħal dawn fir-rigward ta’ ċerti kampjuni u oġġetti li jikkwalifikaw bħala prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, kif previst fl-Artikolu 16(1), il-punti (e) u (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE 29 , issa sostitwit bl-Artikolu 48, il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 30 . Madankollu, din is-setgħa u s-setgħa tal-punt (g), għadhom meħtieġa biex jiġu stabbiliti regoli minbarra dawk stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2122 u (UE) 2019/2126.

·L-Artikolu 51(1), il-punt (e) u l-Artikolu 51(2)

Waqt l-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2124, li jistabbilixxi r-regoli msemmija fl-Artikolu 51(1) il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2017/625, la l-Kummissjoni, lanqas l-esperti mill-Istati Membri kkonsultati fil-qafas tal-“kontrolli uffiċjali” tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni, ma raw il-ħtieġa li jiġu previsti derogi minn dawn ir-regoli. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2123 jistabbilixxi regoli dwar il-każijiet fejn u l-kundizzjonijiet skont liema l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu kontrolli dokumentarji mill-bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq kunsinni ta’ pjanti, ta' prodotti mill-pjanti, u ta' oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1)(c). Il-Kummissjoni qed tivvaluta kontinwament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti derogi bħal dawn, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti Delegati (UE) 2019/2124 u (UE) 2019/2123.

·L-Artikolu 53(1), il-punti (b) u (c) u l-Artikolu 53(1), il-punt (d)(i), (iii) u (iv)

Il-Kummissjoni qed tivvaluta kontinwament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli bħal dawn, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625. Fir-rigward tas-setgħat tal-Artikolu 53(1), il-punt (d)(i), (iii) u (iv), valutazzjoni bħal din tqis ukoll jekk oġġetti bħal dawn humiex eżentati jew le minn kontrolli uffiċjali f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, kif ukoll minn responsabbiltajiet fir-rigward ta’ kontrolli uffiċjali diġà mogħtija lill-awtoritajiet doganali, minn atti oħrajn tal-Unjoni, bħar-Regolament (UE) 952/2013 31 . Barra minn hekk, setgħat bħal dawn jistgħu jintużaw fil-futur, pereżempju bħala parti mill-iżvilupp ta’ politika speċifika, inkluż regoli dwar il-kontrolli uffiċjali, dwar il-bejgħ fuq l-internet.

·L-Artikolu 77(1), il-punti (e), (f), (g) u (i)

Il-Kummissjoni qed tivvaluta kontinwament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti r-regoli speċifiċi f’konformità ma’ dawn is-setgħat, b’mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali dwar il-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 u fl-atti relatati. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 77(1), il-punt (e), valutazzjoni bħal din tqis ir-rekwiżiti applikabbli tas-saħħa tal-annimali, kif ukoll ċerti eżenzjonijiet mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera msemmija fl-Anness III, il-punt 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 fir-rigward tal-ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet relatati mas-saħħa. L-Artikolu 77(1)(f) jista’ jintuża fil-futur, bħala parti mill-iżvilupp ta’ politika speċifika, inkluż regoli dwar il-kontrolli uffiċjali, fuq il-bejgħ fuq l-internet. Fir-rigward tal-prodotti tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 77(1)(g), valutazzjoni bħal din tqis il-fatt li l-ħuxlief u t-tiben bħalissa huma soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 47(1)(b), wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2019/478. Fir-rigward tas-setgħa fl-Artikolu 77(1)(i), il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE) 2017/625.

·L-Artikolu 99(2)

Ir-regoli msemmija f’din is-setgħa jenħtieġ li jkunu limitati għal sitwazzjonijiet ta’ riskji ġodda jew emerġenti, mard tal-annimali ġdid jew emerġenti jew pesti tal-pjanti jew fejn rekwiżiti legali ġodda jitolbu dan. Madankollu, sitwazzjonijiet jew rekwiżiti bħal dawn għadhom ma seħħewx iżda jistgħu jinħolqu fil-futur.

·L-Artikolu 100(6) u l-Artikolu 101(2)

Skont l-Artikoli 100(6) u 101(2), ir-regoli msemmija f’dawk is-setgħat għandhom ikunu limitati biex jiżguraw il-koerenza ma’ kwalunkwe responsabbiltà u kompitu addizzjonali adottat f'konformità mal-Artikolu 99(2). Għalhekk, fil-futur jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu adottati regoli bħal dawn biex tiġi żgurata l-koerenza ma’ kwalunkwe responsabbiltà u kompitu addizzjonali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 99(2).

·L-Artikolu 142(1)

F’dan ir-rigward, bħalissa ma hemm l-ebda bidla fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ma hemm l-ebda żvilupp teknoloġiku u xjentifiku rrapportat fir-rigward tal-oqsma koperti mill-Annessi II u III ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, il-bidliet u l-iżviluppi futuri jistgħu jirrikjedu li jkompli għaddej ix-xogħol bit-tħejjija ta’ att delegat skont l-Artikolu 142(1).

·L-Artikolu 142(2)

F’dan ir-rigward, bħalissa ma hemm l-ebda emenda mis-CEN tal-istandards li għalihom tirreferi din is-setgħa. Madankollu, emendi futuri mis-CEN jistgħu jirrikjedu li jkompli għaddej ix-xogħol bit-tħejjija ta’ att delegat skont l-Artikolu 142(2).

·L-Artikolu 150(3)

Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji żewġ atti ta’ implimentazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 19(3), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625, sabiex japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2022. Fl-istess ħin, ma huwiex eskluż li dawk l-atti jiġu adottati wara t-28 ta’ April 2022 u li jiġu emendati biex japplikaw qabel l-14 ta’ Diċembru 2022.

·L-Artikolu 155(3)

Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji att delegat, f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 19(3)(b) ta’ dak ir-Regolament. Dawn l-atti se jerġgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 32 . Għaldaqstant, dawn iż-żewġ atti għandhom japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2022. Fl-istess ħin, ma huwiex eskluż li dawk l-atti jiġu adottati wara t-28 ta’ April 2022 u li jiġu emendati biex japplikaw qabel l-14 ta’ Diċembru 2022.

KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għal estensjoni taċita tad-delega tas-setgħa prevista fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 għal perjodu ta’ ħames snin, f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Dan hu dovut għall-fatt li l-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli bbażati fuq is-setgħat mogħtija mill-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 se tibqa’ fil-futur. Dan se jkun partikolarment importanti biex tingħata l-flessibbiltà meħtieġa fil-qafas legali l-ġdid, biex dan ikun jista’ jiġi kkomplementat u aġġustat b’mod regolari skont l-aktar standards xjentifiċi reċenti u biex il-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi fl-oqsma fejn ma aġixxitx s’issa, iżda fejn jista’ jkun hemm ħtieġa li tagħmel hekk fil-futur.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 095, 7.4.2017, p. 1).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(5)

Id-data limitu għall-inklużjoni f’din it-taqsima tal-atti delegati adottati matul il-perjodu ta’ rapportar hija l-15 ta’ Ġunju 2021.

(6)

L-atti delegati huma elenkati fl-ordni kronoloġika skont id-data tal-adozzjoni tagħhom.

(7)

ĠU L 105, 25.4.2018, p. 1.

(8)

ĠU L 82, 25.3.2019, p. 4.

(9)

ĠU L 131, 17.5.2019, p. 1.

(10)

ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18.

(11)

ĠU L 165, 21.6.2019, p. 4.

(12)

ĠU L 250, 30.9.2019, p. 6.

(13)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(14)

ĠU L 255, 4.10.2019, p. 1.

(15)

ĠU L 316, 6.12.2019, p. 6.

(16)

 ĠU L 321, 12.12.2019, p. 45.

(17)

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 64.

(18)

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 73.

(19)

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 99.

(20)

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 104.

(21)

ĠU L 321, 12.12.2019, p. 111.

(22)

ĠU L 434, 23.12.2020, p. 3.

(23)

ĠU L 120, 8.4.2021, p. 6.

(24)

ĠU L 132, 19.4.2021, p. 17.

(25)

Fir-rigward tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-każijiet u l-kundizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru laboratorji uffiċjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-metodi kollha li jużaw għall-kontrolli uffiċjali jew attivitajiet uffiċjali oħra (C(2021) 3285), il-perjodu ta’ oġġezzjoni msemmi fl-Artikolu 144(6) tar-Regolament (UE) 2017/625, jiskadi fit-18 ta’ Lulju 2021.

(26)

Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(27)

COM/2020/381 final.

(28)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 054, 26.2.2011, p. 1).

(29)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(30)

Ara l-Anness V, il-punt 4 tar-Regolament (UE) 2017/625.

(31)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(32)

Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).