IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.6.2021
COM(2021) 380 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19
1.INTRODUZZJONI
Id-dinja qed tkompli tissielet ma’ kriżi tas-saħħa pubblika mingħajr preċedent, li ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja tal-bniedem, poġġiet lis-soċjetajiet taħt pressjoni enormi u qajmet waħda mill-iktar sfidi ekonomiċi globali akuti fl-istorja moderna. Hekk kif ir-rati tal-vaċċinazzjoni jkomplu jogħlew u r-rati tal-infezzjonijiet jonqsu fl-Ewropa, l-UE stabbiliet sett ta’ miżuri u koordinazzjoni biex tindirizza l-pandemija u tiżgura li l-impatt fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jittaffa. Fl-istess ħin, ir-riskji tal-COVID-19 għadhom għoljin u l-livelli tal-infezzjoni globali ta’ kuljum huma iktar mid-doppju ta’ dak li kienu dan iż-żmien sena.
Dan jirrifletti l-fatt li, minkejja l-progress, il-pandemija għadha ma spiċċatx. Iżda juri wkoll il-ħtieġa u l-urġenza li wieħed ikompli jitgħallem minn din il-kriżi sabiex jindirizza aħjar it-theddid ġdid u emerġenti ta’ din il-pandemija, filwaqt li jħejji wkoll għal kriżijiet tas-saħħa ġodda u differenti fil-futur. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tiffoka fuq uħud mit-tagħlimiet bikrija fil-qasam tas-saħħa li l-Ewropa jeħtieġ li taġixxi fuqhom issa. Hija b’intenzjoni — u neċessarjament — rapport interim u tipprovdi bażi li fuqha se jitfasslu iktar tagħlimiet fuq medda itwal ta’ żmien.
Kull eżerċizzju ta’ dan it-tip irid jibda b’ħarsa kritika lejn dak li sar, x’ħadem tajjeb u x’ma ħadimx. Jeħtieġ li tirrikonoxxi li mingħajr il-ħila u l-altruwiżmu ta’ tant ħaddiema fuq l-ewwel linja, is-sitwazzjoni żgur li kienet tkun saħansitra iktar diffiċli. Għandha tirrikonoxxi wkoll l-impatt mhux uniformi tal-kriżi, bi gruppi vulnerabbli fost dawk l-iktar milquta. Din il-valutazzjoni onesta hija essenzjali biex jitfasslu tagħlimiet reali fil-livell ta’ politika u fil-livell politiku. Dan jista’ jgħin biex jiġi identifikat fejn ġew esposti d-dgħufijiet u l-fraġilitajiet, fejn is-sistemi u l-kulturi ta’ tħejjija u ta’ rispons għandhom jissaħħu u fejn is-soluzzjonijiet ta’ emerġenza jistgħu jinbnew jew isiru permanenti.
Il-verità sottostanti hija li bħal kważi kull reġjun u pajjiż madwar id-dinja, la l-UE u lanqas l-Istati Membri ma kienu lesti għal din il-pandemija. It-tħejjija u l-ippjanar kienu esposti bħala sottofinanzjati u sottożviluppati u ħafna mir-rispons tal-UE kellu jkun ad hoc u temporanju. Ħafna drabi l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kienu inizjalment diffiċli u ħadu ż-żmien biex jiġu stabbiliti u jibdew jiffunzjonaw. Dan ħa żmien prezzjuż fl-istadji bikrin tal-pandemija u juri li l-istrutturi t-tajba ma kinux fis-seħħ.
Fl-istess ħin, ir-rispons tal-UE għall-pandemija li qed tevolvi kien jinkludi firxa wiesgħa ta’ inizjattivi mingħajr preċedent li tfasslu u twasslu fi żmien rekord. Dan, fuq kollox, salva l-ħajjiet, l-għajxien u ta għajnuna lis-servizzi tas-saħħa. Dan wera wkoll il-valur miżjud u l-ħtieġa li naħdmu flimkien bħala Ewropej fir-rigward ta’ pandemiji jew theddid transfruntier ieħor, kemm jekk permezz ta’ rispons ta’ emerġenza, vaċċini, akkwist, il-produzzjoni ta’ oġġetti essenzjali, jew tmexxija u appoġġ effettiv għall-isforzi globali.
L-azzjoni tal-UE biex jittaffa r-riskju ta’ reċessjoni ekonomika kbira kienet rapida, effettiva u kkoordinata tajjeb mill-bidu. L-UE kienet tiddependi minn taħlita ta’ skattar ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ rispons għall-kriżijiet u mill-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi enormi. Dan ir-rispons ibbaża ħafna fuq it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008. Billi tgħallmet mill-esperjenza, l-UE – l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE – ħadet azzjoni rapida u determinata biex tipproteġi l-ekonomija meta faqqgħet il-kriżi fl-2020. Id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja u l-indikazzjonijiet għall-ġejjieni mill-Bank Ċentrali Ewropew, li żammu kundizzjonijiet favorevoli għas-setturi kollha tal-ekonomija, u l-azzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji, kienu wkoll indispensabbli.
|
KIF GĦANDNA NIEĦDU T-TAGĦLIMIET: X’TAGĦLIMIET NIEĦDU MIR-RISPONS EKONOMIKU DWAR IT-TĦEJJIJA GĦALL-KRIŻI
L-UE ħadet azzjoni deċiżiva biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija. Dan kien ibbażat ħafna fuq l-esperjenza u l-arranġamenti mibnija biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-kriżijiet preċedenti fil-qasam ekonomiku u finanzjarju. Madankollu, kien ċar mill-bidu nett li konna qed niffaċċjaw sfida ta’ darba fis-seklu.
Approċċ fdat fi tliet stadji:
-L-ewwel, l-UE ħadet passi ta’ emerġenza biex timmobilizza r-riżorsi tal-UE, inklużi EUR 82 biljun mill-baġit tal-UE (inkluża l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+)) u użat il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-qafas temporanju għall-għajnuna mill-Istat biex tippermetti lill-Istati Membri jintervjenu fuq skala: fl-2020, il-miżuri nazzjonali ammontaw għal EUR 3 triljun f’appoġġ fiskali u ta’ likwidità. Dan kien appoġġat b’azzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew biex jappoġġa l-istabbiltà finanzjarja.
-It-tieni, fażi tat-tiswija użat is-solidarjetà permezz tal-mobilizzazzjoni tal-istrumenti tal-UE li jammonta għal EUR 540 biljun biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-kriżi, inkluż permezz ta’ appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad (SURE).
-Fl-aħħar nett, issa ninsabu fil-fażi tal-irkupru, bin-NextGenerationEU jġib EUR 750 biljun, b’mod partikolari b’appoġġ permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) u REACT-EU biex jiġu appoġġati l-investiment u r-riforma matul is-sitt snin li ġejjin.
Tliet karatteristiċi ewlenin tar-rispons ta’ politika:
-Ħeffa: il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet kollha fi żmien rekord, filwaqt li żżomm skrutinju demokratiku xieraq. Is-CRII daħlu fis-seħħ xahar biss wara li ġew proposti. L-istrument Ewropew il-ġdid ta’ EUR 100 biljun għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) ġie adottat ukoll fi żmien xahar minn meta ġie propost u beda jopera fis-sajf tal-2020. Il-ftehim politiku mill-Kunsill Ewropew dwar in-NextGenerationEU ntlaħaq inqas minn xahrejn wara l-proposta tal-Kummissjoni, u d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji ġiet ratifikata bi sħiħ ħames xhur biss wara l-bidu tal-QFP korrispondenti. Bħala paragun, l-aħħar tliet Deċiżjonijiet dwar ir-Riżorsi Proprji daħlu fis-seħħ wara iktar minn sentejn wara l-bidu tal-QFP korrispondenti;
-Ambizzjoni: ir-rispons ekonomiku tal-UE għaqqad fehmiet differenti. In-NextGenerationEU twaqqaf bħala miżura temporanja u straordinarja biex tindirizza kriżi straordinarja li affettwat lil kulħadd. Dan juri li l-UE għandha l-kapaċità li tilqa’ l-isfida.
-Koerenza: ir-rispons ekonomiku tal-UE wassal għal politiki fiskali u monetarji ta’ appoġġ u ta’ tisħiħ reċiproku. B’mod importanti, huwa sab ukoll bilanċ bejn ir-rispons fuq terminu qasir u l-imperattivi fit-tul. Il-prijoritajiet li jistabbilixxu l-aġenda ta’ qabel il-kriżi tal-Kummissjoni nbnew għall-irkupru u t-tfassil tan-NextGenerationEU, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-tranżizzjoni diġitali u l-element soċjali tal-irkupru.
Tliet tagħlimiet meħuda għal rispons futur tas-saħħa:
-Rwol deċiżiv tal-koordinazzjoni tal-UE: Ir-risponsi koordinati ta’ politika fiskali nazzjonali u r-rwol b’saħħtu għall-baġit tal-UE u l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jgħinu biex ipattu għall-impatt asimmetriku tal-kriżi u jippermettu lill-UE tikber flimkien. Din l-azzjoni komuni tal-UE dwar l-ekonomija rriflettiet ir-rwol essenzjali tal-azzjoni komuni tal-UE f’oqsma bħall-vaċċini, iżda tista’ tislet mill-esperjenzi u l-arranġamenti mibnija biex jiġu indirizzati l-isfidi preċedenti fil-qasam ekonomiku u finanzjarju u ma kienx hemm bżonn li tittejjeb.
-Reżiljenza tas-sistema ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-UE: it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ekonomiji nazzjonali, tas-Suq Uniku u tal-ekosistemi industrijali tal-UE huwa element ewlieni tar-rispons ta’ politika. Ir-rispons għal kriżi ekonomika u finanzjarja preċedenti ppermetta lill-UE tkun ħafna iktar lesta biex tirrispondi għall-konsegwenzi ekonomiċi, b’għodod fis-seħħ bħall-Klawżola Liberatorja Ġenerali jew l-Unjoni Bankarja. Il-politika tas-saħħa tal-UE ma kellhiex għodod bħal dawn diġà fis-seħħ biex jiġu skattati f’mumenti ta’ kriżi.
-Rwol tal-UE fix-xena globali: il-piż tal-ekonomija tal-UE u tal-Euro kien kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għax-xokkijiet, inkluża l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija. L-interdipendenza qawwija bejn l-ekonomiji tal-UE u l-bqija tad-dinja ġiet enfasizzata wkoll għal darba oħra, bil-ktajjen tal-provvista globali rikonoxxuti bħala qatt qabel. Il-kooperazzjoni globali fis-saħħa teħtieġ li tuża l-istess kombinazzjoni ta’ impenn multilaterali u l-piż globali tal-UE biex jinkiseb l-aħjar rispons tas-saħħa fi kriżi permezz ta’ approċċ kontinwu ta’ Tim Ewropa.
|
Issa rridu nitgħallmu minn dan l-eżempju, u nbiddlu l-azzjoni ta’ emerġenza f’bidla strutturali għal rispons koordinat f’kriżijiet tas-saħħa futuri ta’ din in-natura. Irridu nieħdu dak li tgħallimna matul dawn l-aħħar 18-il xahar u nbidluh f’approċċ iktar sistematiku, sistema kkoordinata li tippermetti antiċipazzjoni u identifikazzjoni iktar bikrija tar-riskju, ippjanar aħjar ta’ kontinġenza, u rispons konġunt iktar rapidu u effettiv.
Din il-Komunikazzjoni għalhekk tiffoka fuq it-tħejjija u r-rispons għas-saħħa. Tibda billi tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istorja sa issa, qabel ma tislet 10 tagħlimiet bikrija mill-kriżi tas-saħħa fejn l-UE teħtieġ li taġixxi. Din se tikkontribwixxi għad-diskussjoni tal-Mexxejja fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, li se tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u se tiġi segwita mill-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2021 b’riżultati konkreti.
2.NITGĦALLMU BILLI NAGĦMLU — L-ISTORJA S’ISSA
Saż-żmien li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat pandemija globali fil-11 ta’ Marzu 2020, il-virus kien inxtered fl-Ewropa. Dan kien aggravat min-nuqqas — jew mis-soppressjoni — ta’ informazzjoni li kienet qed tiġi kondiviża mill-awtoritajiet Ċiniżi fil-bidu tat-tifqigħa. Fin-nuqqas ta’ sistema robusta tal-UE li tiddikjara sitwazzjoni ta’ emerġenza u tiskatta l-koordinazzjoni meħtieġa, il-gvernijiet kienu diġà qed jippruvaw ilaħħqu mar-realtà, u kien diffiċli li jiġbru flimkien rispons bikri konsistenti u effettiv.
Kien hemm nuqqas ċar fit-tħejjija u l-ippjanar għall-pandemija, bi ftit għodod diġà fis-seħħ biex jirrispondu malajr u b’mod effettiv hekk kif faqqgħet il-pandemija. Dan kien minnu fil-livell globali, Ewropew, nazzjonali u lokali iżda forsi nħass b’mod iktar akut fl-Ewropa, fejn ma konniex ġejna ttestjati mill-epidemiji jew mit-tifqigħat li dehru f’partijiet oħra tad-dinja f’dawn l-aħħar deċennji. It-tentattivi biex titrażżan il-firxa tal-virus bl-użu tal-għeluq tal-fruntieri interni u tal-verifiki ma kinux koordinati u kellhom effett limitat jew kontroproduttiv, li dgħajfu l-ktajjen tal-provvista vitali, filwaqt li projbizzjonijiet temporanji fuq l-esportazzjoni fuq provvisti essenzjali wasslu biss għal iktar skarsezzi. Barra minn hekk, fuq livell globali, il-fluss kummerċjali ta’ prodotti u materjali kritiċi kien imxekkel minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u mill-prijoritizzazzjoni tal-produzzjoni domestika minn pajjiżi barra mill-UE.
Fil-fażi inizjali, immedjatament deher ċar li s-sistemi tal-kura tas-saħħa kienu mħaddma sal-limitu u l-ewwel mewġa żvelat il-limitazzjonijiet tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri f’termini ta’ persunal tal-kura tas-saħħa, in-nuqqas ta’ sodod tal-isptar, tagħmir mediku, provvisti, u mediċini suffiċjenti, li ħallew lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa f’diffikultà u s-sistema kollha taħt stress kbir. It-tentattivi biex jittaffew dawn il-lakuni permezz ta’ solidarjetà ikbar fil-kura intensiva jew fil-provvisti mediċi wrew il-ħtieġa u l-valur ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju billi jiġu skjerati timijiet u riżorsi biex jgħinu żoni taħt l-ikbar pressjoni. Madankollu, dawn l-isforzi spiss kienu mxekkla min-nuqqas ta’ data affidabbli jew komparabbli.
Hekk kif il-kriżi bdiet tiżviluppa, l-UE wriet li kienet kapaċi tirrispondi effettivament b’mod ġenerali. Imxiet minn azzjonijiet unilaterali għal konverġenza ta’ deċiżjonijiet u żviluppat firxa wiesgħa ta’ risponsi ta’ politika, li jaġġustaw u jaġġornaw għall-fażijiet differenti tal-pandemija. Dan jidher mill-approċċ komuni għall-vaċċini iżda huwa minnu wkoll għal inizjattivi ġodda f’firxa ta’ politiki oħra. L-inizjattiva tal-Korsiji Ħodor żammet l-integrità tal-ktajjen tal-provvista, filwaqt li żgurat il-provvisti tal-ikel u tal-mediċini fis-Suq Uniku, u l-approċċ komuni għall-valutazzjoni tar-rati ta’ infezzjoni f’reġjuni differenti għen biex iġib iktar konsistenza fl-impożizzjoni tal-ittestjar u tal-kwarantina. Ittieħdu malajr inizjattivi dwar it-Taxxa u d-Dwana biex jgħinu l-provvista ta’ tagħmir mediku u protettiv vitali u l-Linji Gwida appoġġaw il-moviment sikur ta’ ħaddiema transfruntiera u staġjonali bejn il-fruntieri. Ġew emendati r-regoli tal-UE dwar il-politika ta’ koeżjoni b’ħeffa bla preċedent, li ppermettew lill-Istati Membri jidderieġu b’mod rapidu l-fondi tal-UE biex jiffinanzjaw il-ħtiġijiet ta’ emerġenza fis-settur tal-kura tas-saħħa.
Dan l-aħħar, ġiet miftiehma u implimentata l-proposta tal-Kummissjoni għal Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fi żmien rekord, li wittiet it-triq għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, u għall-issoktar tat-turiżmu u l-ivvjaġġar. Din l-inizjattiva wriet ukoll il-valur tat-titjib tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ informazzjoni u l-flussi tad-data.
Qasam ewlieni ta’ rispons għall-valutazzjoni huwa l-approċċ meħud għall-iżvilupp, l-akkwist u l-produzzjoni tal-vaċċini. Filwaqt li titgħallem mir-rispons inizjali diżassoċjat għall-kriżi, f’Ġunju 2020 il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija komuni tal-UE għall-vaċċini. Din ippermettiet l-appoġġ u t-tħaffif tal-iżvilupp u l-manifattura fuq skala. Xi drabi n-negozjati mal-produtturi tal-vaċċin kienu ta’ sfida, iżda l-approċċ żgura aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 għall-Istati Membri kollha fuq skala, li ppermetta d-distribuzzjoni li naraw illum kif ukoll l-esportazzjonijiet għal iktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja. Is-sebgħa u għoxrin Stat Membru kollha qablu li jingħaqdu flimkien u jagħtu lill-Kummissjoni l-mandat biex twettaq kompiti li tradizzjonalment kienu meqjusa bħala deċiżjonijiet nazzjonali.
Dan kien pass essenzjali biex tingħeleb il-pandemija flimkien u li kieku ma kinitx fis-seħħ, l-Istati Membri kienu jkunu qed jikkompetu ma’ xulxin għal inqas dożi minn inqas produtturi. Kieku rajna varjazzjonijiet sinifikanti fil-ħeffa tal-vaċċinazzjoni u kien ikollna naffaċċjaw riskju ogħla ta’ inekwità, varjanti u tfixkil fl-ivvjaġġar. Minflok, kif is-sitwazzjoni hi bħalissa, iktar minn nofs l-adulti Ewropej irċevew doża waħda filwaqt li iktar minn kwart huma kompletament imlaqqma. Filwaqt li għad fadal xi jsir, din hija kisba storika komuni fi żmien rekord u tippermetti l-ftuħ mill-ġdid gradwali, sostnut u sikur tal-ħajja soċjali u ekonomika u l-appoġġ għas-sħab internazzjonali tagħna.
Fl-istess ħin, dan is-suċċess ma jaħbix id-diffikultajiet li nqalgħu, b’mod partikolari ż-żieda fil-kapaċità tal-manifattura u tal-produzzjoni, u d-dipendenzi fuq il-ktajjen tal-provvista globali. Dan kien parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ approċċ integrat permanenti għar-riċerka, l-iżvilupp, l-awtorizzazzjoni tas-suq, il-produzzjoni u l-provvista. Filwaqt li, minn dakinhar, dan ġie indirizzat fil-kuntest tal-vaċċini kontra l-COVID-19, hija meħtieġa soluzzjoni iktar fit-tul għal avvenimenti jew kriżijiet tas-saħħa futuri.
3. L-GĦAXAR TAGĦMILIET TAL-COVID-19 GĦALL-POLITIKA TAS-SAĦĦA PUBBLIKA
It-tagħlimiet minn kwalunkwe kriżi jibdew b’riflessjoni onesta tal-passat u tal-preżent sabiex ikun hemm titjib fil-futur. F’dan l-ispirtu, kull waħda mill-10 tagħlimiet imfassla f’dan ir-rapport tiffoka fuq dak li jeħtieġ li jittejjeb u x’jista’ jsir aħjar fil-futur. L-għaxar tagħlimiet mhumiex eżawrjenti jew reċiprokament esklużivi – dawn sempliċiment jipprovdu l-ewwel stampa ta’ dak li diġà nafu li jista’ jsir biex jiġi żgurat rispons tas-saħħa iktar effettiv.
L-Ewwel Tagħlima: Identifikazzjoni u rispons iktar rapidi jiddependu fuq sorveljanza globali iktar b’saħħitha u data iktar komparabbli u kompleta
Bħal kull tifqigħa ta’ marda infettiva ġdida, l-identifikazzjoni bikrija hija essenzjali biex jitrażżan b’suċċess it-tixrid ta’ marda u l-impatt tagħha fuq in-nies, l-ekonomiji u s-soċjetajiet kemm lokalment kif ukoll globalment. Is-sistemi ta’ sorveljanza madwar l-Ewropa u d-dinja jippermettu identifikazzjoni iktar rapida u notifika iktar bikrija lil oħrajn, kif ukoll ġestjoni ħafna iktar informata ta’ pandemija li qed isseħħ. Dawn jippermettu wkoll lill-esperti minn madwar id-dinja biex iwettqu riċerka u analiżi tar-riskju dwar viruses ġodda u dwar l-impatt jew it-theddida potenzjali tagħhom.
Il-COVID-19 enfasizza r-rwol essenzjali ta’ dawn is-sistemi ta’ sorveljanza, li rnexxielhom jiġbru r-rapporti dwar ir-raggruppamenti ta’ każijiet ta’ pulmonite sa mill-31 ta’ Diċembru 2019. Ladarba s-sekwenza ġenomika ġiet rilaxxata f’nofs Jannar, dan ippermetta li l-ħidma tal-iżvilupp fuq testijiet, trattamenti u anki vaċċini tibda verament.
Madankollu, il-pandemija wriet ukoll il-limitazzjonijiet tas-sistemi ta’ sorveljanza attwali. Huma żvelaw li huma effettivi biss daqs id-data li tipprovdihom. Fl-ewwel ġimgħat wara l-ewwel każ, nuqqas ta’ data komparabbli u kompleta fisser li ħafna mill-valutazzjonijiet tat-theddid u r-riċerka xjentifika ma setgħux jitwettqu bl-iktar mod sħiħ. Intilef żmien kritiku fl-identifikazzjoni tal-iskala, il-ħeffa u s-severità reali tal-epidemija, li wassal għal dewmien fid-deċiżjonijiet ewlenin madwar l-Ewropa u bnadi oħra. B’riżultat ta’ dan, il-koordinazzjoni globali ħadet wisq żmien biex tiġi stabbilita. Kif ikkonkluda l-Panel Internazzjonali għat-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemija, is-sistema ta’ twissija internazzjonali attwali “ma toperax b’ħeffa suffiċjenti meta tiġi ffaċċjata b’patoġenu respiratorju li jimxi malajr”.
Din hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ sorveljanza globali ġdida, bl-għodod meħtieġa u ambjent miftuħ għall-kondiviżjoni tad-data fl-iktar stadju bikri possibbli. Dan għandu jiffoka fuq kopertura ikbar tan-networks ta’ sorveljanza f’partijiet tad-dinja fejn hemm lakuni, kif ukoll jiffaċilita skambju iktar rapidu ta’ data komparabbli.
Fil-livell Ewropew, għandha tiġi stabbilita sistema ġdida Ewropea għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-pandemija, li tibni fuq is-Sistema eżistenti ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons u aġġornament tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza, għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data f’ħin reali u integrata fis-sistema globali l-ġdida. Din għandha tiffoka fuq l-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni f’waqtha, li tvarja minn sinjali bikrija ta’ theddid potenzjali — kemm jekk pandemiji, bijoterroriżmu jew kwalunkwe ħaġa bejniethom — sa data konkreta dwar każijiet, esponimenti, fatturi ta’ riskju, eżiti tas-saħħa u kapaċità tal-kura tas-saħħa. Bħala parti minn din, il-konnessjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tippermetti ġestjoni kkoordinata ta’ riżervi u sodod tal-isptarijiet, u riallokazzjonijiet rapidi tal-forza tax-xogħol. Tippermetti wkoll skrinjar aġġornat tas-sitwazzjoni li għandu jiġi kondiviz, li jibni fuq is-sorsi innovattivi tad-data bħall-monitoraġġ tal-ilma mormi li issa qiegħed fis-seħħ. Din se tippermetti wkoll rintraċċar tal-kuntatti iktar rapidu u iktar effettiv, kif ukoll tippermetti li r-rekords tal-pazjenti u d-data jsegwu lill-pazjenti b’mod transfruntier. Dan għandu jiġi integrat ukoll fl-inizjattiva usa’ biex jinħoloq Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Ir-rabta bla xkiel tad-data klinika u dik dwar is-saħħa pubblika, bħal permezz tal-kondiviżjoni sigura tar-rekords elettroniċi tas-saħħa, tippermetti stampa f’ħin reali tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-kapaċità ta’ rispons.
|
Nieħdu t-tagħlima:
-L-UE għandha tmexxi l-isforzi biex tfassal u timplimenta sistema ta’ sorveljanza globali ġdida u robusta bbażata fuq data komparabbli u kompleta.
-Sistema ġdida u mtejba Ewropea għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-pandemija għandha titnieda fl-2021
|
It-Tieni Tagħlima: Parir xjentifiku ċar u kkoordinat jiffaċilita d-deċiżjonijiet ta’ politika u l-komunikazzjoni pubblika
Filwaqt li t-tfassil tal-politika u l-messaġġi pubbliċi matul il-pandemija tal-COVID-19 għadhom jiġu infurmati mill-aħħar parir xjentifiku, ix-xhur bikrin tal-kriżi esponew il-livell mhux uniformi ta’ riċerka u pariri fi Stati Membri differenti, kif ukoll l-approċċi differenti meħuda biex jiġi pprovdut u użat dak il-parir. Dan fisser li l-evidenza kienet inkonsistenti, xi drabi kontradittorja u ta’ spiss toħloq konfużjoni bħala riżultat ta’ messaġġi differenti fi Stati Membri differenti.
Il-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-għarfien espert u li jiġu allinjati l-messaġġi u l-pariri wasslet lill-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf panel konsultattiv dwar il-COVID-19 magħmul minn epidemjologi u virologi minn Stati Membri differenti. Il-linji gwida tal-UE dwar miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju kkoordinati u bbażati fuq ix-xjenza jkomplu jiġu infurmati minn dan il-panel. Gruppi ġodda oħra, bħall-pjattaforma ta’ Konsulenza Xjentifika tal-UE dwar il-COVID-19, ipprovdew forum għall-iskambju bejn il-pari u l-koordinazzjoni fost il-konsulenti xjentifiċi tal-gvernijiet nazzjonali, u kkomplementaw il-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC).
Is-suċċess ta’ dawn il-gruppi ma jaħbix il-ħtieġa għal iktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-parir xjentifiku u għal komunikazzjoni konsistenti, koerenti u fattwali. Hemm bżonn li jitnaqqas id-distakk bejn ix-xjenza u t-tfassil tal-politika, u li kelliem xjentifiku awtorevoli tal-UE jikkomunika direttament lill-pubbliku, kif sar b’suċċess fil-pajjiżi fl-Ewropa u madwar id-dinja.
Biex dan jiġi indirizzat, Epidemjologu Prinċipali Ewropew ġdid jgħin biex ilaqqa’ flimkien epidemjoloġi ewlenin fl-Istati Membri biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza lill-Kummissjoni u jaġixxu bħala punt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku fi żminijiet ta’ kriżi.
|
Nieħdu t-tagħlima:
-L-UE għandha taħtar Epidemjologu Prinċipali Ewropew u tistabbilixxi struttura ta’ governanza korrispondenti, sa tmiem l-2021.
|
It-Tielet Tagħlima: It-tħejjija teħtieġ investiment, skrutinju u rieżami kostanti
Jekk hemm tagħlima ġenerali għall-Ewropa li għandha tingħata attenzjoni, hija li t-tħejjija u l-ippjanar ma kinux robusti, iffinanzjati jew komprensivi daqs kemm kien meħtieġ. Filwaqt li kien hemm ħafna pjanijiet ta’ tħejjija, is-sistemi u l-infrastruttura biex dawn jiġu aġġornati u implimentati mhux dejjem kienu jaqblu mar-rekwiżiti meħtieġa. Bħal f’ħafna partijiet oħra tad-dinja, in-nuqqas ta’ finanzjament storiku u sistemiku fit-tħejjija xekkel b’mod sinifikanti l-ewwel sforzi ta’ rispons f’ħafna partijiet tal-Ewropa. Kif uriet din il-kriżi, l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni tisboq bil-kbir l-ispiża ta’ investiment effettiv u sistematiku fit-tħejjija u l-ippjanar, inkluż il-previżjoni strateġika.
Jeħtieġ approċċ sistemiku ġdid għat-tħejjija biex nieħdu tagħlima minn din il-pandemija. Dan jibda billi jiżdied l-investiment, pereżempju b’baġits allokati għat-tħejjija biex jappoġġaw inizjattivi bħal riżervi fil-livell nazzjonali u tal-UE. Għandhom jitwettqu reviżjonijiet u awditi regolari biex jiġi żgurat li jiġu indirizzati l-aħħar theddidiet, xejriet u riskji u li l-kapaċitajiet ikunu fis-seħħ jekk ikun meħtieġ li jinbdew pjanijiet ta’ tħejjija.
Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni se tħejji Rapport annwali dwar l-Istat tat-Tħejjija biex jirrifletti x-xenarju ta’ riskju li qed jinbidel b’mod ġenerali fl-Ewropa u l-istat tat-tħejjija. Dan se jkopri pandemiji u emerġenzi oħra tas-saħħa, flimkien ma’ xenarji oħra li l-UE tista’ realistikament tiffaċċja fil-futur qrib. Dawn jinkludu attakki jew inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, xokkijiet sismiċi kbar, diżastri ambjentali jew teknoloġiċi, jew blackout mifrux. Fit-tħejjija tar-rapport, il-Kummissjoni se tuża l-għarfien espert u l-awtoritajiet rilevanti kollha f’dawn l-oqsma.
|
Nieħdu t-tagħlima:
-Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji Rapport annwali dwar l-Istat tat-Tħejjija li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew.
|
Ir-Raba’ Tagħlima: Jeħtieġ li l-għodod ta’ emerġenza jkunu lesti, iktar rapidi u iktar faċli biex jiġu attivati
Karatteristika impressjonanti tal-pandemija kienet iż-żieda fl-użu ta’ għodod differenti ta’ emerġenza meħtieġa b’rispons għall-kriżi. Dawn jinkludu l-użu tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, il-Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem użati għax-xiri tal-vaċċini, jew l-użu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għal rispons ta’ emerġenza u ripatrijazzjonijiet. Filwaqt li dawn l-istrumenti ntużaw b’suċċess, il-pandemija enfasizzat l-importanza li jkun hemm miżuri temporanji u eċċezzjonali rapidi, funzjonali u flessibbli lesti biex jiġu attivati, sabiex l-UE tkun tista’ tirreaġixxi malajr kemm ikun meħtieġ.
Billi l-ħeffa hija essenzjali, il-pandemija wriet il-ħtieġa għal approċċ iktar sistematiku għal dawn l-istrumenti. Dan jeħtieġ deċiżjoni politika ċara u deċiżiva dwar meta għandu jiġi skattat ir-rispons għall-kriżijiet, kif ukoll sett ta’ għodod li għandu jintuża għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Dan jista’ jinkludi l-attivazzjoni awtomatika tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex jippermetti żieda fil-finanzjament, jew mekkaniżmi oħra li jippermettu appoġġ rapidu għar-riċerka, l-iżvilupp, il-manifattura u l-akkwist ta’ kontromiżuri essenzjali. Jista’ jiżgura wkoll approċċ iktar ikkoordinat għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri tas-saħħa pubblika.
Is-sett ta’ għodod għandu jinkludi miżuri mmirati li jkopru setturi speċifiċi. Fl-2022 se ssir proposta għal Strument ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku (Single Market Emergency Instrument, SMEI) biex jipprovdi rispons rapidu u flessibbli għall-impatt ta’ kwalunkwe kriżi partikolari fuq is-Suq Uniku. Dan ikun jinkludi l-iskattar tal-possibbiltà, skont il-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku, li jitħaffu n-negozjati f’każijiet ta’ urġenza estrema, kif ukoll li jkun permess l-akkwist, f’isem l-Istati Membri, ta’ prodotti lil hinn mil-limitazzjoni attwali għal kontromiżuri mediċi. F’konformità mal-Istrateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattivi biex tistabbilixxi qafas stabbli għall-koordinazzjoni tal-UE ta’ miżuri ta’ kontroll fil-fruntieri interni u esterni, kif ukoll pjan ta’ kontinġenza għat-trasport u l-mobilità biex tibni fuq l-esperjenza tal-qafas ta’ suċċess tal-Korsiji Ħodor sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti miżuri jekk meħtieġ għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ miżuri temporanji fil-fruntieri interni li jimblokkaw it-traffiku.
|
Nieħdu t-tagħlima:
-Stabbiliment ta’ qafas għall-attivazzjoni ta’ Stat ta’ Emerġenza minħabba Pandemija fl-UE u sett ta’ għodod għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi
|
Lezzjoni Ħamsa: Miżuri koordinati għandhom isiru rifless awtomatiku għall-Ewropa
Ħafna mir-reazzjonijiet inizjali għall-pandemija tal-COVID-19 kienu kkaratterizzati minn deċiżjonijiet unilaterali u nuqqas ta’ koordinazzjoni. Dan wassal għal approċċi li jvarjaw ħafna u unilaterali għall-interventi tas-saħħa bejn l-Istati Membri. Ir-restrizzjonijiet imfassla biex jitrażżan il-virus inbidlu wkoll ta’ spiss, u kien hemm varjetà konsiderevoli fil-politiki u l-metodoloġiji tal-ittestjar. Ir-riżultat kien li dgħajjfet il-fiduċja tal-pubbliku u l-konformità mal-miżuri fis-seħħ, u li tnaqqas l-effettività tagħhom.
Għalkemm l-enfasi tal-Istati Membri kienet fuq miżuri unilaterali matul l-ewwel jiem tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-Ewropa, kien hemm ċaqliq gradwali lejn aktar solidarjetà u kooperazzjoni hekk kif il-limiti tal-approċċi purament nazzjonali saru ċari.
Madankollu, huwa ċar li l-koordinazzjoni kienet bil-mod wisq u ineffettiva wisq, parzjalment minħabba li l-informazzjoni u l-għarfien espert kienu mxerrda bejn diversi gruppi ta’ ħidma interistituzzjonali. Hemm ħtieġa ċara li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali, jiġi ssimplifikat it-teħid tad-deċiżjonijiet u jiġi kkombinat aħjar l-għarfien espert meħtieġ ma’ awtorità suffiċjenti biex jiġu żgurati deċiżjonijiet f’waqthom u infurmati matul kriżi. Il-ħatra tal-grupp jew l-entità prinċipali f’kull istituzzjoni li għandha tiġi attivata matul kriżi u l-istabbiliment ta’ metodi ta’ ħidma effiċjenti bejniethom jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata koordinazzjoni interistituzzjonali b’saħħitha. Dan jeħtieġ li jiġi appoġġat b’appoġġ politiku ċar mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fil-Kunsill Ewropew.
Bħala l-ewwel pass biex titjieb il-koordinazzjoni tal-miżuri tas-saħħa pubblika madwar l-UE, il-Kummissjoni Ewropea għamlet sett ta’ proposti dwar il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa f’Novembru 2020. Dawn il-proposti se jġeddu l-qafas legali biex jiġi indirizzat it-theddid transkonfinali għas-saħħa, u jsaħħu l-mandati ta’ rispons għall-kriżijiet għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (European Medicines Agency, EMA). Ir-rappurtar u s-sorveljanza tad-data se jissaħħu. Se jkun hemm rappurtar regolari dwar il-pjanijiet ta’ tħejjija tal-UE u dawk nazzjonali u l-awditjar tagħhom. Il-kapaċitajiet tal-ECDC li jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u r-rispons se jissaħħu, u l-EMA se jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tan-nuqqasijiet.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
-Insaħħu l-koordinazzjoni u l-metodi ta’ ħidma bejn il-grupp ta’ kuntatt ewlieni jew l-entità ta’ kull istituzzjoni li għandhom jiġu attivati matul kriżi. Il-pakkett leġislattiv tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa jenħtieġ li jiġi adottat malajr — qabel tmiem is-sena
|
Lezzjoni Sitta: Sħubiji pubbliċi-privati u ktajjen tal-provvista aktar b’saħħithom huma meħtieġa għal tagħmir kritiku u mediċini
Il-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista importanti għas-sigurtà ta’ ħafna provvisti kritiċi. Fil-qasam tas-saħħa, il-pandemija ħolqot żieda fid-domanda għal prodotti ewlenin bħal mediċini, ventilaturi u maskri. Il-ktajjen tal-provvista globali ġew taħt pressjoni enormi. Il-kompetizzjoni għall-prodotti wasslet għal nuqqasijiet u inugwaljanzi, filwaqt li ħolqot ostaklu kbir għall-ippjanar ta’ rispons effettiv hekk kif infirex il-vajrus. B’riżultat ta’ dan, fl-ewwel xhur tal-pandemija, l-Ewropa sofriet minn nuqqas ta’ testijiet u materjal tal-ittestjar, persunal imħarreġ u, f’xi każijiet, provvisti ta’ tagħmir tal-laboratorju. Barra minn hekk, iż-żieda globali fil-produzzjoni tal-vaċċini rriżultat f’konġestjonijiet ta’ materjali u ingredjenti ewlenin tal-produzzjoni. Dan żvela għadd ta’ dipendenzi żejda, kif ukoll il-fraġilità tal-proċessi ta’ produzzjoni globali, speċjalment fil-prodotti mediċinali u l-farmaċewtiċi.
L-UE ħadet serje ta’ miżuri biex tindirizza dawn il-vulnerabbiltajiet, minn akkwisti konġunti ta’ tagħmir protettiv personali sa ħażniet ta’ ventilaturi u maskri. "Clearing house" għat-tagħmir mediku għenet biex tqabbel il-provvisti mad-domanda nazzjonali u tnediet sistema ta’ monitoraġġ biex tantiċipa l-iskarsezzi tad-drogi. Ġiet stabbilita Task Force dwar l-espansjoni industrijali biex issolvi l-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista u trawwem sħubijiet industrijali. Mekkaniżmu temporanju ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni pprovda trasparenza dwar il-flussi tal-kummerċ tal-vaċċin, filwaqt li żamm il-ktajjen tal-provvista miftuħa u żamm ir-rwol tal-Ewropa bħala l-mexxej dinji fl-esportazzjonijiet tal-vaċċini.
Miżuri ad hoc bħal dawn żiedu l-aċċess għall-Ewropej għal provvisti essenzjali u għamlu l-aħjar użu mill-possibbiltà tal-UE li taħdem fuq skala kbira. Madankollu, huma żvelaw ukoll id-distakk enormi fl-għarfien fil-bidu tal-pandemija f’termini ta’ kapaċitajiet ta’ manifattura u domanda potenzjali tal-Istati Membri, kif ukoll il-profondità tad-dipendenza fuq il-ktajjen tal-provvista globali. Dan jindika l-ħtieġa li jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u ffurmati l-prijoritajiet u l-kapaċitajiet tas-suq għall-provvisti essenzjali tas-saħħa f’kull stadju, mir-riċerka u l-iżvilupp sal-produzzjoni u l-provvista.
Biex tappoġġa dan, hija essenzjali Awtorità ġdida ta’ Tħejjija u Reazzjoni għall-Emerġenzi tas-Saħħa (HERA) biex tiżgura tħejjija u rispons aħjar tal-UE f’termini ta’ kontromiżuri mediċi għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Din se tagħti spinta lill-intelliġenza u l-prospettiva tas-suq. Se jsaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet ta’ żvilupp, produzzjoni u distribuzzjoni fl-UE — integrati mal-isforzi nazzjonali u s-settur privat — appoġġati minn għodod flessibbli ta’ finanzjament u akkwist. Billi tiġbor flimkien il-kapaċitajiet eżistenti biex tiżdied l-iskalabbiltà fl-UE, fl-aħħar mill-aħħar se tippermetti lill-Istati Membri jaċċessaw il-vaċċini u t-terapiji fuq skala akbar u aktar bikrija. Il-ħidma tal-HERA se jkollha wkoll dimensjoni internazzjonali b’saħħitha, billi taħdem ma’ sħab u reġjuni oħra.
Fil-qalba ta’ dan l-approċċ, u filwaqt li nitgħallmu mir-rispons għall-kriżi, hemm il-ħtieġa li jingħaqdu l-isforzi pubbliċi u privati biex jiġu inċentivati r-riċerka u l-innovazzjoni rivoluzzjonarji fis-settur tas-saħħa u dak farmaċewtiku, u jsiru aktar reżiljenti. Dan jista’, pereżempju, isir permezz ta’ Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (Important Project of Common European Interest, IPCEI) iffukat fuq l-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ prodotti farmaċewtiċi jew teknoloġiji tal-manifattura rivoluzzjonarji. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa l-pjanijiet tal-Istati Membri u tal-industrija għal IPCEI possibbli fil-farmaċewtiċi u tikkoordina fejn meħtieġ.
Il-kriżi wriet ukoll il-ħtieġa li ntejbu l-għarfien tagħna tal-kapaċitajiet tal-manifattura li jistgħu jkunu disponibbli fi kriżi tas-saħħa pubblika. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjattaforma ta’ mmappjar interattiva biex tappoġġa l-analiżi tal-ktajjen tal-provvista u kwalunkwe konġestjoni possibbli. Din is-sena se jitnieda proġett pilota taħt il-Programm EU4Health. L-UE għandha tuża din l-informazzjoni biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi tal-katina tal-provvista u biex tagħti spinta lill-kapaċità tal-manifattura għal ingredjenti u materjali ewlenin għall-produzzjoni ta’ vaċċini u terapiji biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa. Se titnieda sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-faċilità EU FAB, bil-għan li jiġi żgurat li l-UE jkollha biżżejjed kapaċità “dejjem pronta” biex tipproduċi dożi ta’ vaċċin ta’ 500-700 miljun kull sena, b’nofs dawn id-dożi jkunu lesti fl-ewwel sitt xhur ta’ pandemija.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
-Awtorità ta’ Tħejjija u Reazzjoni għall-Emerġenzi tas-Saħħa (HERA) għandha tkun operattiva sa kmieni fl-2022.
- Tistabbilixxi Proġett Importanti tas-Saħħa ta’ Interess Ewropew Komuni malajr kemm jista’ jkun biex tippermetti innovazzjoni rivoluzzjonarja fis-settur tas-saħħa u fil-farmaċewtiċi, u jsiru aktar reżiljenti
|
Lezzjoni Sebgħa: Approċċ pan-Ewropew huwa essenzjali biex ir-riċerka klinika ssir aktar rapida, usa’ u aktar effettiva
Hekk kif tkompli l-pandemija, huwa ta’ importanza vitali li l-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iħaffu l-approvazzjoni rapida tal-provi kliniċi tal-vaċċini u t-terapiji. Approċċ frammentat u maqsum għall-provi kliniċi madwar l-Ewropa mill-bidu tal-pandemija fixkel l-isforzi biex jiġu traċċati u analizzati l-varjanti. Dan ġie aggravat bin-nuqqas ta’ sekwenzjar u kapaċità tal-ittestjar fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri f’diversi stadji tal-pandemija.
Bir-riskju li l-varjanti jippreżentaw l-aktar sfida serja biex tintemm il-pandemija fl-Ewropa, il-ħtieġa għal provi kliniċi akbar u aktar koordinati saret dejjem aktar akuta fit-terminu qasir sa medju. Biex tingħata spinta lil dawn il-kapaċitajiet u jiġu appoġġati l-kondiviżjoni tad-data miftuħa u l-istudji dwar il-koorti, il-Kummissjoni appoġġat network ġdid ta’ provi dwar il-vaċċin u t-terapiji madwar l-UE kollha msejjaħ VACCELERATE, bl-użu tal-finanzjament ta’ Orizzont 2020. L-istabbiliment permanenti ta’ pjattaforma fuq skala kbira, flessibbli u b’riżorsi tajbin għal provi b’ħafna ċentri jgħin biex jiġi stabbilit approċċ strutturat għall-provi kliniċi tal-UE għal kriżijiet futuri. Dan l-appoġġ imsaħħaħ u s-simplifikazzjoni tal-provi kliniċi jistgħu, pereżempju, ikunu għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer jew mard ieħor.
Lil hinn mill-provi kliniċi, l-UE għandha tkompli tibni fuq il-bażi ta’ riċerka b’saħħitha tagħha. Bl-Orizzont 2020, il-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Mard Infettiv kienet strumentali biex tipprovdi finanzjament għal proġetti riskjużi ħafna, iżda promettenti minn kumpaniji li jiżviluppaw vaċċini, trattamenti u teknoloġiji dijanjostiċi għall-COVID-19. Il-baġit tiegħu ta’ EUR 400 miljun, inkluda appoġġ għall-kandidati għat-tilqim ta’ BioNTech u CureVac. Madankollu, l-istruttura tal-istrumenti ta’ riċerka tal-UE kienet tfisser li appoġġ bħal dan ma kienx marbut ma’ akkwist futur mill-UE jew mill-Istati Membri. Fil-futur, approċċ aktar konġunt u flessibbli taħt il-HERA l-ġdid se jgħin biex jiġi żgurat li l-investimenti kritiċi fir-riċerka jkunu marbuta aħjar mal-akkwist.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
-Tiġi stabbilita pjattaforma tal-UE fuq skala kbira għall-provi kliniċi b’ħafna ċentri
|
Lezzjoni Tmienja: Il-kapaċità li wieħed ilaħħaq ma’ pandemija tiddependi fuq investiment kontinwu u miżjud fis-sistemi tas-saħħa
Il-pandemija esponiet dgħufija strutturali fis-sistemi tas-saħħa. Filwaqt li Stati Membri differenti ffaċċjaw sfidi differenti, kien hemm għadd ta’ sfidi komuni. Dawn kienu jinkludu n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ żieda f’daqqa, il-veloċità li biha s-sistemi tas-saħħa saru kompletament operattivi u l-impatt konsegwenzjali sinifikanti li kellhom fuq l-indirizzar ta’ mard ieħor jew il-forniment ta’ servizzi tas-saħħa oħrajn. Il-fatt li s-sistemi tas-saħħa kienu kapaċi jgħinu tant nies kien dovut għad-dedikazzjoni, is-sagrifiċċju u t-tmexxija ta’ tant ħaddiema tas-saħħa madwar l-UE. Filwaqt li dan huwa xhieda tal-professjonisti involuti, dan ma jaħbix il-fatt li s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa jeħtieġ li jsiru aktar reżiljenti u li jeħtieġ li s-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni tas-saħħa pubblika u l-isforzi ta’ tħejjija jiġu integrati aħjar.
Dan jibda billi jiġi żgurat li jiżdied l-investiment fil-kapaċità u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa, inkluż l-investiment f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u l-attraenza tal-professjonijiet tas-saħħa u tal-kura. EU4Health, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lkoll jipprovdu opportunitajiet ta’ finanzjament ewlenin biex tingħata spinta lill-investiment fil-funzjonijiet u l-kapaċitajiet tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Istati Membri pproponew firxa wiesgħa ta’ riformi tas-saħħa u investimenti fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza tagħhom biex isaħħu r-reżiljenza, il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza. Dan jinkludi enfasi fuq investimenti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali, fl-infrastruttura, fil-ħiliet u fit-trasferiment tat-twassil tal-kura tas-saħħa għat-telemediċina. Biex jappoġġa dan, il-proċess tas-Semestru Ewropew jista’ jappoġġa wkoll valutazzjoni regolari tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa nazzjonali, u l-fondi ta’ koeżjoni tal-UE jistgħu jappoġġaw bidliet strutturali u titjib fil-kapaċità.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
- L-Istati Membri għandhom jiġu appoġġati biex isaħħu r-reżiljenza ġenerali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa bħala parti mill-investimenti tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
|
Lezzjoni Disgħa: It-tħejjija u r-rispons għall-pandemija huma prijorità globali għall-Ewropa
L-evoluzzjoni tal-pandemija għamlitha ċara li rispons globali biss jista’ jipprovdi tweġiba fit-tul għall-virus. Saħansitra, hekk kif l-Ewropa tilħaq l-għanijiet tat-tilqim tagħha, u xi Stati Membri jibdew ilaqqmu lit-tfal, partijiet oħra tad-dinja ma għandhomx aċċess għat-tilqim li jeħtieġu. Dan iżid ir-riskju li l-pandemija tinfirex aktar u li jiżviluppaw varjanti ġodda li potenzjalment huma reżistenti għat-tilqim u li jibdew jiċċirkolaw fl-Ewropa. Din hija kwistjoni ta’ solidarjetà u ta’ interess personali. Dawn it-tagħlimiet japplikaw għal kwalunkwe pandemija globali u jeħtieġu l-mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ politika, finanzjarji u diplomatiċi.
Mill-bidu nett, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadmu flimkien. Dan kien jinkludi sforzi konġunti għar-ripatrijazzjoni ta’ ċittadini tal-UE maqbuda barra mill-pajjiż. Dan fisser ukoll sforzi koordinati permezz tal-approċċ “Tim Ewropa” biex imexxi s-solidarjetà internazzjonali, u jimmobilizza l-istrumenti finanzjarji b’mod flessibbli. Dan l-approċċ ippermetta li l-UE tkun minn ta’ quddiem fl-isforzi internazzjonali biex titrażżan il-pandemija.
L-UE ħadmet biex tistabbilixxi u tappoġġa l-għodod għall-kondiviżjoni tat-tilqim ma’ pajjiżi bi dħul baxx u medju, l-ACT-Accelerator u l-COVAX. Tim Ewropa jibqa’ wieħed mill-akbar sostenituri tal-COVAX, wara li impenja kważi EUR 3 biljuni, inkluż EUR 1.3 biljuni mill-baġit tal-UE f’finanzjament u l-UE wiegħdet li tagħti 100 miljun doża ta’ vaċċini qabel tmiem is-sena. Offriet ukoll assistenza umanitarja u għenet biex il-provvisti mediċi jaslu għand persuni f’żoni li diffiċli jintlaħqu.
L-UE mexxiet ukoll it-triq biex il-ktajjen tal-provvista u l-kummerċ jinżammu miftuħa, fejn madwar nofs id-dożi tat-tilqim prodotti fl-UE ġew esportati. Madankollu, partijiet oħra tad-dinja għażlu approċċ aktar ristrett u magħluq, bl-imblukkar tal-esportazzjonijiet minn għadd ta’ pajjiżi li jwassal għal dewmien serju fil-produzzjoni tat-tilqim fil-livell globali. L-UE għandha tkun lesta li twieġeb aktar malajr għal tali azzjonijiet iżda dejjem se tibqa’ determinata li tikkoopera internazzjonalment. F’dan l-ispirtu, l-UE qed tippromwovi azzjoni multilaterali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex jinżammu ktajjen ta’ provvista miftuħa u jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ, kif ukoll biex jittieħed approċċ olistiku għall-problema tad-distribuzzjoni ekwa tat-tilqim, inkluż dwar il-proprjetà intellettwali. Il-viċinat tagħna jeħtieġ ukoll attenzjoni partikolari. L-attività transfruntiera ntlaqtet b’mod partikolari minn aċċess mhux uniformi għat-tilqim u t-tagħmir mediku. Is-sħab fil-viċinat immedjat tagħna għandhom jiddaħħlu fl-isforzi tal-UE biex jiżdiedu t-tħejjija u r-rispons, inkluż l-HERA futura, filwaqt li jkomplu jirċievu wkoll appoġġ fil-bini tal-kapaċità, il-monitoraġġ, it-taħriġ u l-adattamenti strutturali tal-infrastrutturi.
Fl-istess ħin, il-pandemija wriet il-fraġilità tas-sistema internazzjonali u tal-kooperazzjoni globali. Is-sistema tas-sigurtà tas-saħħa globali ma kinitx kapaċi tipprovdi d-data u t-tmexxija, bil-veloċità u l-awtorità meħtieġa biex il-konteniment ikun strateġija realistika għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma kinux iffurmati minn qafas komuni li kien jeżisti qabel. Dan jirrifletti l-ħtieġa li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà tas-saħħa globali u l-UE qed tmexxi sforz globali biex issaħħaħ u tirriforma d-WHO. Biex tiggwida l-azzjoni attwali u futura għas-saħħa globali, flimkien mal-Presidenza Taljana tal-G20, il-Kummissjoni laqqgħet is-Summit dwar is-Saħħa Globali, fejn bosta mexxejja dinjin iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma.
Biex jiġu appoġġati dawn l-isforzi multilaterali, hemm ukoll il-ħtieġa li jsir aktar fuq livell bilaterali ma’ sħab mill-viċinat u lil hinn minnu. Sħubiji ġodda ta’ tħejjija għall-pandemiji se jgħinu biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika, jiżguraw approċċi komuni għat-tħejjija u r-rispons u jiżguraw azzjoni kkoordinata fi kriżi. Dan se jinkludi appoġġ kontinwu biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, għal kopertura tas-saħħa universali, kif ukoll biex tingħata spinta lill-produzzjoni lokali ta’ prodotti tas-saħħa, pereżempju permezz tal-inizjattiva ta’ Team Europe dwar il-manifattura u l-aċċess għat-tilqim, il-mediċini u t-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika.
Fl-aħħar nett, hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-kompetizzjoni ġeopolitika matul il-pandemiji. Ir-rispons għall-pandemija spiss ġie interpretat, bħala kompetizzjoni fost ir-rivali jew is-sistemi. Xi atturi internazzjonali wrew rispons sod bħala prova tas-saħħa u l-kredibbiltà tagħhom, filwaqt li d-diżinformazzjoni ntużat biex tiskredita jew tiddestabbilizza r-reġjuni. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal messaġġi u komunikazzjoni aktar magħquda dwar ir-rispons globali tal-UE.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
-Inkomplu mmexxu r-rispons globali għall-pandemija bħala “Tim Ewropa”, permezz ta’ COVAX, il-kondiviżjoni tal-vaċċini, u l-ftuħ tal-esportazzjoni.
-Tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà tas-saħħa globali, b’mod partikolari billi tissaħħaħ id-WHO
-Żvilupp ta’ sħubiji ta’ tħejjija għall-pandemija ma’ sħab ewlenin
|
Lezzjoni Għaxra: Għandu jiġi żviluppat approċċ aktar koordinat u sofistikat għal informazzjoni ħażina u għad-diżinformazzjoni
Sa mill-bidu tal-pandemija, id-diżinformazzjoni aċċentwat sfida diġà akuta tal-komunikazzjoni billi xerrdet informazzjoni perikoluża, żiedet l-eżitazzjoni għat-tilqim u kkontribwiet għall-ansjetà u l-polarizzazzjoni ġenerali permezz ta’ teoriji ta’ konfoffa. Dan jirrifletti interrogazzjoni kontinwa u fit-tul u nuqqas ta’ fiduċja fix-xjenza u l-esperti.
Il-ħeffa li biha l-informazzjoni ħażina u d-diżinformazzjoni nfirxu fil-bidu tal-pandemija turi l-ħtieġa għal kapaċità ta’ standby li kapaċi tiskatta azzjoni mmirata biex jiġu miġġielda dawn ir-riskji. Dan jeħtieġ li jinvolvi lill-atturi ewlenin kollha inklużi l-pjattaformi, dawk li jirreklamaw u l-media, kif ukoll jieħu kont sħiħ tal-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni. Dawn l-isforzi għandhom jiġu kkomplementati bit-tisħiħ u l-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni Ewropea dwar il-kriżi.
Il-pandemija wriet ukoll it-theddida li ġejja minn kampanji ta’ manipulazzjoni u interferenza ta’ informazzjoni barranija, li ntużat biex timmina l-fiduċja fil-proċessi u fl-istituzzjonijiet politiċi. Dawn il-kampanji mmiraw ukoll lejn pajjiżi fil-viċinat tagħna.
F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat sett ta’ miżuri immedjati biex tindirizza s-sitwazzjoni biex l-azzjoni tal-UE ssir aktar effettiva u tħeġġeġ lill-pjattaformi biex jieħdu aktar responsabbiltà. Imbagħad ġie ppreżentat approċċ aktar fit-tul dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni online u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Dan jeħtieġ li jiġi appoġġat minn kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni strateġiċi biex jiġu indirizzati kampanji ta’ informazzjoni ħżiena u ta’ diżinformazzjoni fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, kif ukoll fil-viċinat tagħna. Dawn l-azzjonijiet jeħtieġ li jiġu implimentati u operazzjonalizzati bis-sħiħ mill-atturi rilevanti, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Il-koordinazzjoni sħiħa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE tista’ wkoll tisfrutta l-potenzjal tal-UE li xxerred l-azzjoni kontra d-diżinformazzjoni b’mod aktar effettiv.
|
Nisiltu l-lezzjonijiet:
-Tespandi aktar l-għodod għal koordinazzjoni aħjar biex tidentifika u tirreaġixxi għal kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-livell tal-UE.
|
4.KONKLUŻJONI
Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 qed ikompli bis-serjetà u kien ikkaratterizzat minn veloċità, ambitu, ambizzjoni u solidarjetà mingħajr preċedent — kemm fl-UE kif ukoll mas-sħab internazzjonali tagħna. Fejn ħadmet l-aħjar kien fejn urejna s-saħħa li naħdmu flimkien għal soluzzjonijiet komuni, kemm fuq vaċċini, investimenti ta’ rkupru kif ukoll fuq il-protezzjoni tas-Suq Uniku tagħna. Fejn kien inqas effettiv kien fejn kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni u rikors għal miżuri unilaterali, spiss minħabba li kellhom jiġu żviluppati strutturi u soluzzjonijiet ġodda jew ad hoc.
Il-kriżijiet spiss kienu katalisti għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha fl-oqsma fejn hija l-aktar meħtieġa. Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa se tipprovdi opportunità biex tisma’ u tiddiskuti t-triq ’il quddiem maċ-ċittadini. Filwaqt li ma nistgħux inbassru kull dettall ta’ kull kriżi li se tasal fi triqitna, nistgħu nistabbilixxu oqfsa biex nagħmlu r-rispons tagħna aktar effettiv u l-istrutturi tagħna aktar reżiljenti. Dan id-dokument iwieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew għal rapport dwar it-tagħlimiet meħuda u huwa l-pass li jmiss biex jiġi żgurat li mhux biss insewwu l-ħsara ta’ din il-kriżi iżda nħejju għal futur aħjar.