IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.5.2021
COM(2021) 294 final
2021/0138(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat sew, prevedibbli u trasparenti fir-rigward tal-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment, fit-13 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, l-immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19, ippubblikat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC), fuq il-bażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn żoni differenti, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.
L-għan tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 huwa li tiżgura koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri li jkunu qed jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ miżuri li jrażżnu l-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika fil-kuntest tal-pandemija. Meta jadottaw u japplikaw restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw id-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni. Fi stadju aktar tard ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 ġiet emendata fid-dawl tal-livell għoli ħafna ta’ trażmissjoni madwar l-UE, marbut possibbilment mat-trażmissibbiltà akbar tal-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2.
Wara żieda qawwija oħra ta’ infezzjonijiet fil-bidu ta’ April, l-għadd ta’ infezzjonijiet madwar l-UE dan l-aħħar kien qed jonqos. Sa tmiem il-ġimgħa 19 (is-16 ta’ Mejju 2021), ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet għall-UE/ŻEE kienet niżlet għal 224 għal kull 100 000 persuna, u kienet ilha tonqos għal sitt ġimgħat. Dan it-tnaqqis huwa minkejja żieda kontinwa fir-rata tal-ittestjar. Tnaqqis simili jista’ jiġi osservat fl-okkupanza tal-unitajiet tal-isptar u tal-kura intensiva b’pazjenti tal-COVID-19 u ammissjonijiet ġodda tagħhom.
Dan it-titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika huwa fil-biċċa l-kbira marbut mal-kampanja tal-tilqim tal-UE li qed tħaffef il-pass. Sas-27 ta’ Mejju 2021, it-teħid kumulattiv ta’ mill-inqas doża waħda ta’ tilqim fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq fl-UE/ŻEE kien laħaq it-42,8 %, u t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq kien laħaq it-18,9 %. Huwa importanti li t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ laħaq livelli għoljin fost il-gruppi fil-mira, bħal persuni li għandhom 80 sena u aktar (63,5 %) u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa (64,2 %). Sal-aħħar ta’ Mejju 2021, aktar minn 300 miljun doża ta’ vaċċini se jkunu twasslu lill-Istati Membri. Sa tmiem Lulju 2021 se jkunu twasslu biżżejjed dożi biex jitlaqqmu 70 % tal-popolazzjoni adulta fl-UE.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi tajbin, l-Istati Membri bdew ineħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet imposti biex jillimitaw it-tixrid tas-SARS-CoV-2, kemm fir-rigward tal-ivvjaġġar kif ukoll ta’ attivitajiet oħra. Biex jagħmlu dan b’mod sikur, ħafna Stati Membri qed jużaw iċ-ċertifikati tal-COVID-19, li jkopru t-tilqim, ir-riżultati tat-testijiet u/jew l-irkupru mill-marda.
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ tilqim interoperabbli tal-COVID-19, ċertifikati tal-ittestjar u tal-irkupru mill-marda bil-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-ftehim politiku dwar iż-żewġ Regolamenti proposti mill-Kummissjoni ġie, aktar tard ikkonfermat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill u mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, li se jippermetti lill-persuni kollha li jgħixu fl-UE jiksbu ċertifikat interoperabbli tal-COVID-19, għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali u kkoordinata tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu li hemm fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-UE, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2.
Huwa importanti li jsiru sforzi biex tiġi żgurata l-introduzzjoni bla xkiel taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jużaw, kemm jista’ jkun, il-possibbiltajiet eżistenti skont il-liġi nazzjonali biex jibdew joħorġu Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE minn qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Istati Membri fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika. Meta l-liġi nazzjonali tipprevedi l-verifika taċ-ċertifikati tal-COVID-19, id-detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jistgħu jibdew jużawh għall-ivvjaġġar minn qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament. Il-Kummissjoni qed tappoġġa dan il-proċess billi qed tniedi l-parti ċentrali taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-gateway tal-UE li jaħżen il-kjavi pubbliċi meħtieġa għall-verifika ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Billi l-ebda data personali ma tiġi skambjata permezz tal-gateway tal-UE, l-Istati Membri diġà jistgħu jibdew jużaw il-funzjonalità tagħha.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed titjieb, kif ukoll it-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi emendata biex tikkoordina din it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu. Minn naħa, id-detenturi ta’ ċertifikati ta’ tilqim u rkupru mill-marda li jivvjaġġaw fl-UE fil-prinċipju ma jenħtieġx li jiġu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali, bħal ittestjar relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew awtoiżolament jew kwarantina relatati mal-ivvjaġġar. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet dwar persuni fil-pussess ta’ riżultat negattiv tat-test jenħtieġ li jiġu ssimplifikati biex jillimitaw il-kumplessità u l-konfużjoni għall-vjaġġaturi, u b’hekk tiżdied il-konformità mal-miżuri imposti. Għal dan il-għan, il-miżuri differenti li jistgħu jiġu applikati għall-vjaġġaturi jkunu jistgħu jintrabtu aħjar mal-kodiċi tal-kulur tal-post tat-tluq. B’mod partikolari, perjodu ta’ validità standard għat-testijiet tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jista’ jissimplifika l-ivvjaġġar fl-UE.
Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni 2020/1475 jenħtieġ li tiġi adattata biex tqis l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/816 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni, inkluża ż-żieda tal-livell limitu tar-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta' COVID-19 minn 25 għal 75.
Fl-istess ħin, jeħtieġ li nibqgħu viġilanti fir-rigward tal-varjanti tas-SARS-CoV-2. L-ECDC jivvaluta regolarment l-evidenza ġdida dwar il-varjanti identifikati permezz tal-intelligence epidemika, skrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħra. Dan ikopri, b’mod partikolari, “il-varjanti ta’ tħassib”, li għalihom hemm evidenza ċara disponibbli li tindika impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità li x’aktarx ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE. Tkopri wkoll “varjanti ta’ interess”, li għalihom hemm evidenza disponibbli dwar il-proprjetajiet ġenomiċi, evidenza epidemjoloġika jew evidenza in vitro li jistgħu jimplikaw impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità, li realistikament ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE.
L-ECDC qed ipoġġi għad-dispożizzjoni “dashboard tal-varjanti tas-SARS-CoV-2” biex jipprovdi ħarsa ġenerali tal-proporzjon tal-varjanti ta’ tħassib u tal-varjanti ta’ interess fl-UE/ŻEE, flimkien mal-volumi tas-sekwenzjar. Din l-informazzjoni jenħtieġ li titqies mill-Istati Membri meta jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu. Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar l-emerġenza u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess, huwa importanti li l-Istat Membru jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC rigward il-volumi tas-sekwenzjar, li jenħtieġ li jilħqu livell ta’ 10 % jew 500 sekwenza ta’ każijiet pożittivi tas-SARS-CoV-2 sekwenzjati, f’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill fuq front magħqud biex negħlbu l-COVID-19.
Kif previst fir-regoli dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu mill-ġdid restrizzjonijiet fuq id-detenturi taċ-ċertifikati, inkluż id-detenturi ta’ ċertifikati ta’ tilqim jew ta’ rkupru mill-marda minħabba li, pereżempju, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiddeterjora b’mod rapidu. Dan il-“brejk ta’ emerġenza” huwa maħsub, b’mod partikolari, biex jipprevjeni t-tixrid tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din ir-rakkomandazzjoni sservi biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet eżistenti relatati mar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. B’mod partikolari, għandha l-għan tiffaċilita l-implimentazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din ir-rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni, fosthom dawk li jirrigwardaw is-saħħa pubblika u n-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 21(2), 168(6) u 292.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Artikolu 292 TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha meta t-Trattati jipprevedu li l-Kunsill jenħtieġ jadotta atti fuq proposta mill-Kummissjoni.
Dan japplika fis-sitwazzjoni attwali, billi meħtieġ approċċ konsistenti biex jiġu evitati aktar perturbazzjonijiet ikkawżati minn miżuri unilaterali u mhux ikkoordinati biżżejjed li jirrestrinġu l-moviment liberu fl-Unjoni. L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Jekk ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Unjoni biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.
Skont l-Artikolu 168(6), il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta wkoll rakkomandazzjonijiet għall-finijiet li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati x’aktarx twassal għal restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li jkunu inkonsistenti u frammentati, u dan jirriżulta f’inċertezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-UE. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv maħsub.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li saru f’intervalli regolari mal-Istati Membri sa minn meta ġew implimentati l-ewwel restrizzjonijiet temporanji, l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti.
•Valutazzjoni tal-impatt
•Drittijiet fundamentali
Il-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali minqux fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-prinċipju tal-proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi r-restrizzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.
Kull limitazzjoni fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni li tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika trid tkun meħtieġa, proporzjonata u bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Kull limitazzjoni trid tkun adatta biex tiżgura l-ksib tal-objettiv li jkun mixtieq jintlaħaq; u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
2021/0138 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 tistabbilixxi approċċ ikkoordinat fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 fuq il-bażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.
(2)Bl-użu tal-kriterji u l-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ilu jippubblika, darba fil-ġimgħa, mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri.
(3)Kif previst fil-premessa 15 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, il-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, jenħtieġ li tivvaluta b'mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra jew jekk jenħtieġx li jiġu adattati l-livelli limitu, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma' proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni.
(4)Wara tali proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill adotta, fl-1 ta’ Frar 2021, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/119 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fid-dawl ta’ livell għoli ħafna ta’ trażmissjoni komunitarja madwar l-Unjoni, possibbilment marbuta mat-trażmissjoni akbar tal-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib.
(5)L-Istati Membri jistgħu, skont il-liġi tal-Unjoni, jillimitaw id-dritt fundamentali tal-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni li tkun stabbilita biex tillimita t-tixrid tas-SARS-CoV-2 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa meħtieġ li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l‐proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, kull miżura li tittieħed jenħtieġ li tkun strettament limitata fl-ambitu u fiż-żmien, f’konformità mal-isforzi biex jerġa’ jiġi stabbilit il-moviment liberu fl-Unjoni, u jenħtieġ li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika. Barra minn hekk, tali miżuri jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-miżuri meħuda mill-Unjoni biex tiżgura l-moviment liberu mingħajr xkiel ta’ oġġetti u servizzi essenzjali fis-suq intern, inkluż il-moviment liberu tal-provvisti mediċinali u tal-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa permezz tal-qsim tal-fruntieri mill-“korsiji ħodor” imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi essenzjali.
(6)Biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, qafas komuni għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli għat-tilqim, l-ittestjar tal-COVID-19 u tal-irkupru minnha. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali u kkoordinata tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li hemm fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-UE, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2. Il-faċilitazzjoni tal-libertà tal-moviment hija waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin biex jibda l-irkupru ekonomiku.
(7)Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/816 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni, li tirrakkomanda li l-Istati Membri jtaffu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, b’mod partikolari għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li rċevew l-aħħar doża rakkomandata ta’ vaċċin COVID-19 li ngħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jippermettu l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rċevew l-aħħar doża rakkomandata ta’ vaċċin tal-COVID-19 li tkun lestiet il-proċess tal-elenkar tal-użu ta’ emerġenza tad-WHO. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 żiedet ukoll il-livelli limitu tar-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta' COVID-19 li tintuża biex tiġi ddeterminata l-lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE minn fejn jenħtieġ li jkun permess l-ivvjaġġar mhux essenzjali. Fl-istess ħin, biex jiġi limitat ir-riskju li jidħlu fl-UE varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816 tipprevedi mekkaniżmu ta’ “brejk ta’ emerġenza”, li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu malajr u b’mod koordinat biex jillimitaw temporanjament għal minimu strett l-ivvjaġġar kollu minn pajjiżi terzi affettwati. Ir-Rakkomandazzjoni 2020/1475 jenħtieġ li tiġi adattata biex tqis dawn l-iżviluppi, inkluż il-bidla fil-livell limitu tar-rata ta’ notifika tal-każijiet.
(8)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-isforzi biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat jenħtieġ li jkomplu qabel is-sajf. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-qbil li ntlaħaq dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u appella għall-implimentazzjoni rapida tiegħu. Bħala l-pass li jmiss, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE, il-Kunsill Ewropew appella għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 sa nofs Ġunju. Il-Kunsill Ewropew laqa’ tajjeb ukoll l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/816.
(9)Ir-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] se jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Minn din id-data, il-persuni mlaqqma, ittestjati jew li rkupraw mill-marda se jkollhom id-dritt li jiksbu ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, inkluż meta jkunu tlaqqmu qabel id-data tal-applikazzjoni tar-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], anki jekk bħala parti minn prova klinika. Ir-Rakkomandazzjoni 2020/1475 jenħtieġ għalhekk li tiġi adattata biex isir l-aħjar użu mill-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jiżguraw il-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni sikuri ta’ tilqim interoperabbli, ta’ ċertifikati tal-ittestjar u tal-irkupru mill-marda, u ċertifikati maħruġa skont [ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] jenħtieġ għalhekk li jkunu l-għodda primarja li tintuża fil-kuntest tal-ivvjaġġar fl-UE.
(10)Ir-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] jipprevedi perjodu ta’ introduzzjoni gradwali ta’ sitt ġimgħat, biex jagħti lill-Istati Membri li ma jistgħux joħorġu ċertifikati f’format li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tiegħu l-possibbiltà li jkomplu joħorġu ċertifikati li jkunu għadhom mhumiex konformi mar-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE]. Matul il-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali, tali ċertifikati, kif ukoll ċertifikati maħruġa qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], iridu jiġu aċċettati mill-Istati Membri kollha dment li jkun fihom id-data meħtieġa. Għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni 2020/1475, tali ċertifikati jenħtieġ għalhekk li jitqiesu bħala maħruġa f’konformità mar-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE].
(11)Barra minn hekk, persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, b’mod partikolari minħabba li jkunu tlaqqmu qabel id-data tal-applikazzjoni tar-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], jenħtieġ li jingħataw kull opportunità raġonevoli biex jagħtu prova b’mezzi oħra li huma jenħtieġ li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tar-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-moviment liberu mogħtija minn Stat Membru lid-detenturi ta’ dawn iċ-ċertifikati.
(12)Jenħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi żgurata l-introduzzjoni bla xkiel taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw, kemm jista’ jkun, il-possibbiltajiet eżistenti skont il-liġi nazzjonali dwar il-ħruġ ta’ Ċertifikati COVID-19 biex jibdew joħorġu ċertifikati f’format konsistenti mar-[Regolament COVID Diġitali tal-UE] minn qabel ma tibda l-applikazzjoni, fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Istati Membri fin-Network tas-Saħħa elettronika. Meta l-liġi nazzjonali tipprevedi l-verifika taċ-ċertifikati tal-COVID-19, id-detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jistgħu jibdew jużawh għall-ivvjaġġar minn qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament. Il-Kummissjoni qed tappoġġa dan il-proċess billi qed tniedi l-parti ċentrali taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-gateway tal-UE li jaħżen il-kjavi pubbliċi meħtieġa għall-verifika ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Billi l-ebda data personali ma tiġi skambjata permezz tal-gateway tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-funzjonalità tagħha diġà qabel jibda japplika r-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE].
(13)L-aktar bis-saħħa taż-żidiet sinifikanti fit-teħid tat-tilqim madwar l-Unjoni, hemm xejra qawwija u kontinwa ’l isfel fir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta' COVID-19 fiż-żona tal-UE/ŻEE. It-teħid kumulattiv tat-tilqim fis-27 ta’ Mejju 2021 ta’ mill-inqas doża waħda ta’ vaċċin fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq kien laħaq it-42,8 %, u t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ fost l-adulti minn 18-il sena ’l fuq kien laħaq it-18,9 %. Huwa importanti li t-teħid kumulattiv tat-tilqim sħiħ laħaq livelli għoljin fost il-gruppi prijoritarji, bħal persuni li għandhom 80 sena u aktar u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Meta jikkunsidraw jekk japplikawx restrizzjonijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-livell ta’ protezzjoni pprovdut miż-żidiet fit-teħid tat-tilqim, b’mod partikolari fost il-gruppi fil-mira.
(14)Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi tajbin, l-Istati Membri bdew ineħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet imposti biex jillimitaw it-tixrid tas-SARS-CoV-2, kemm fir-rigward tal-ivvjaġġar kif ukoll ta’ attivitajiet oħra. Biex jagħmlu dan b’mod sikur, ħafna Stati Membri qed jużaw iċ-ċertifikati tal-COVID-19, li jkopru t-tilqim, ir-riżultati tat-testijiet u/jew l-irkupru mill-marda. Sabiex jiġu kkoordinati l-isforzi lejn it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 tiġi adattata. Filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika bejn iż-żoni kklassifikati b’kuluri differenti stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, u biex tingħata aktar ċarezza u ċertezza lill-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni, ir-restrizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati mill-Istati Membri, fuq il-bażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jenħtieġ li jiġu ċċarati aktar.
(15)Fid-dawl tar-rati baxxi ta’ infezzjoni fiż-żoni kklassifikati bħala “oranġjo”, jenħtieġ li ma tiġix imposta kwarantina jew awtoiżolament fuq persuni li jivvjaġġaw minn dawn iż-żoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lil dawn il-vjaġġaturi biex jagħmlu test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jew joffru testijiet mal-wasla.
(16)Biex jiġi ssimplifikat l-ivvjaġġar fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti perjodi ta’ validità standard għat-testijiet tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, filwaqt li titqies ukoll it-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali interoperabbli tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà jipprevedu li l-kampjunar meħtieġ għal test ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT) irid, sabiex ikun eliġibbli, jitwettaq mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla. Perjodu ta’ validità iqsar ta’ mhux aktar minn 48 siegħa huwa ġġustifikat għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fl-Anness I tal-lista komuni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 miftehma mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, meta dawn it-testijiet jiġu aċċettati minn Stat Membru għall-finijiet ta’ vjaġġar. Fiż-żewġ każijiet, it-testijiet jenħtieġ li jkunu twettqu minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal tal-ittestjar kwalifikat.
(17)Kif innutat fir-[Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], l-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli b’mod wiesa’ biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu, filwaqt li jqisu li mhux il-popolazzjoni kollha għad kellha l-opportunità li tiġi mlaqqma. L-użu ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni jservi biex jiffaċilita l-ħruġ ta’ ċertifikati tar-riżultati tat-testijiet fuq bażi affordabbli. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li se timmobilizza EUR 100 miljun biex tappoġġa lill-Istati Membri jipprovdu testijiet affordabbli.
(18)Persuni li jivvjaġġaw minn żoni kklassifikati bħala “ħomor” xorta jistgħu jkunu meħtieġa joqogħdu kwarantina jew f’awtoiżolament, sakemm ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat ta’ test li jaqa’ fi ħdan il-perjodi ta’ validità standard. Persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat ta’ test bħal dan jistgħu jkunu meħtieġa li jagħmlu test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 mal-wasla u, fejn meħtieġ, li joqogħdu kwarantina jew f’awtoiżolament sakemm jagħmlu test li jagħti riżultat negattiv.
(19)Kwarantina obbligatorja jew awtoiżolament imposti fuq persuni li jaslu minn Stati Membri oħra jikkostitwixxu restrizzjoni sinifikanti fuq il-moviment liberu. Dan jenħtieġ li jiġi impost biss fejn ikun assolutament meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, pereżempju minħabba li l-persuna kkonċernata tasal minn żona kklassifikata bħala “ħamra” mingħajr test tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, minħabba li l-persuna kkonċernata tasal minn żona kklassifikata bħala “aħmar skur”, jew fejn tkun ġiet irrapportata prevalenza għolja ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew interess. Il-persuni li jkunu fi kwarantina relatata mal-ivvjaġġar jew f’awtoiżolament f’sitwazzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jqassru t-tul ta’ żmien tagħhom jekk jinkiseb test b’riżultat negattiv fi żmien ħamest ijiem sa sebat ijiem wara l-wasla, sakemm il-vjaġġatur ma jiżviluppax sintomi tal-COVID-19.
(20)Il-varjanti tas-SARS-CoV-2 għadhom raġuni ta’ tħassib u jenħtieġ li jitqiesu mill-Istati Membri fil-kuntest tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta regolarment evidenza ġdida dwar varjanti identifikati permezz ta’ intelliġenza epidemika, skrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħrajn. Dan ikopri, b’mod partikolari, il-varjanti ta’ tħassib, li għalihom hemm evidenza ċara disponibbli li tindika impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità li x’aktarx ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE, u varjanti ta’ interess, li għalihom hemm evidenza disponibbli dwar il-proprjetajiet ġenomiċi, l-evidenza epidemjoloġika jew l-evidenza in vitro li jistgħu jimplikaw impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità, li realistikament ikollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE. Sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proporzjon tal-varjanti ta’ tħassib u tal-varjanti ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE flimkien mal-volumi tas-sekwenzjar, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika “dashboard tal-varjanti tas-SARS-CoV-2”. Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar l-emerġenza u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrakkomanda li l-volumi tas-sekwenzjar tal-Istati Membri jenħtieġ li jilħqu livell rakkomandat ta’ mill-inqas 10 % jew 500 sekwenza ta’ każijiet pożittivi tas-SARS-CoV-2 sekwenzjati fil-ġimgħa, kif ġie nnotat ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex negħlbu l-COVID-19. Volum insuffiċjenti ta’ sekwenzjar jirriżulta f’kapaċità baxxa li jiġu identifikati varjanti ta’ tħassib li jkunu qed jiċċirkolaw qabel ma jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva.
(21)Għalhekk, xieraq li jkompli jiġi skoraġġut bil-qawwa kull vjaġġ mhux essenzjali lejn u minn żoni kklassifikati bl-“aħmar skur”, lejn u minn żoni bi prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, speċjalment varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà, is-severità tal-mard jew jaffettwaw l-effikaċja tat-tilqim, u lejn u minn żoni bi prevalenza mhux magħrufa minħabba volum ta’ sekwenzjar insuffiċjenti.
(22)Skont l-evidenza xjentifika attwali u li għadha qed tevolvi, jidher li l-persuni mlaqqmin u l-persuni li rkupraw mill-COVID-19 fis-sitt xhur preċedenti għandhom riskju mnaqqas li jinfettaw lin-nies bis-SARS-CoV-2. Jenħtieġ li l-moviment liberu tal-persuni li, skont evidenza xjentifika soda, ma jirrappreżentawx riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, pereżempju għax ikunu immuni għas-SARS-CoV-2 u ma jistgħux jittrażmettuh, ma jkunx ristrett, billi restrizzjonijiet bħal dawn ma jkunux meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv li titħares is-saħħa pubblika. Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti, jenħtieġ li persuni bħal dawn ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu marbutin mal-pandemija tal-COVID-19, bħall-ittestjar relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew l-awtoiżolament jew il-kwarantina relatati mal-ivvjaġġar, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet addizzjonali ma jkunux, skont l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli, konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni, meħtieġa u proporzjonati għall-fini tas-salvagwardja tas-saħħa pubblika, u ma jkunux diskriminatorji .
(23)Ħafna Stati Membri diġà jeżentaw jew qed jippjanaw li jeżentaw persuni mlaqqmin minn restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-Unjoni, u t-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE interoperabbli se tagħmilha aktar faċli għall-vjaġġaturi biex jagħtu prova li tlaqqmu. Skont l-Interim guidance on the benefits of full vaccination against COVID-19 for transmission and implications for non-pharmaceutical interventions ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fil-21 ta’ April 2021, ir-rekwiżiti għall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi, meta implimentati, jistgħu jitwarrbu jew jiġu mmodifikati għal individwi mlaqqmin kompletament sakemm ma jkunx hemm ċirkolazzjoni ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess jew ikun hemm livell baxx ħafna ta’ ċirkolazzjoni tagħhom fil-komunità fil-pajjiż ta’ oriġini. Dan minħabba li l-probabbiltà li vjaġġatur kompletament imlaqqam joħloq riskju għal trażmissjoni suċċessiva tal-COVID-19 hija vvalutata bħala baxxa ħafna, sakemm ma tiġix miżjuda b’fatturi bħall-prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess. B’riżultat ta’ hekk, jenħtieġ li l-individwi li jkunu kompletament imlaqqmin b’vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 ma jkunux soġġetti għal ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew għall-awtoiżolament jew għall-kwarantina relatati mal-ivvjaġġar meta jmorru minn post għall-ieħor fl-Unjoni. Fl-istess waqt, fis-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-UE/ŻEE, jenħtieġ li fi spazji pubbliċi u f’ġemgħat kbar, inkluż waqt l-ivvjaġġar, miżuri ta’ mitigazzjoni bħal tbegħid fiżiku, l-ilbies ta’ maskri u l-iġjene respiratorja u tal-idejn, jinżammu irrispettivament mill-istatus tat-tilqim tal-individwu.
(24)Biex jiġi ssimplifikat l-ivvjaġġar fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit fehim komuni tal-kundizzjonijiet li skonthom il-persuni mlaqqmin jenħtieġ li jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-persuni mlaqqmin jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet ladarba jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum mit-tilqim sħiħ. Jenħtieġ li l-persuni li jkunu rċevew it-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u persuni li jkunu rċevew vaċċin b’doża waħda jitqiesu bħala kompletament imlaqqmin.
(25)Biex tinkiseb it-tnedija rapida tat-tilqim, xi Stati Membri stabbilew politiki biex ilaqqmu kemm jista’ jkun nies fil-gruppi f’riskju għoli ta’ COVID-19 gravi. Rakkomandazzjoni oħra hija li jenħtieġ li tingħata doża waħda biss ta’ vaċċin (fi skeda ta’ żewġ dożi) lil individwi li kienu preċedentement infettati bis-SARS-CoV-2. Skont rapport miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-6 ta’ Mejju 2021, disgħa mit-23 pajjiż tal-UE/taż-ŻEE li wieġbu qed jirrakkomandaw doża waħda għal dawk li kienu preċedentement infettati (għall-vaċċini li għandhom skeda ta’ żewġ dożi). Hemm evidenza emerġenti li għal dawk l-individwi li kienu preċedentement infettati bis-SARS-CoV-2, doża waħda ta’ Comirnaty u COVID-19 Vaccine Moderna (vaċċini mRNA) tikkaġuna reazzjonijiet simili jew ogħla ta’ antikorpi, ċelloli B u ċelloli T meta mqabbla ma’ individwi li ma kinux preċedentement infettati. Barra minn hekk, xi studji rrappurtaw li doża waħda ta’ vaċċin f’individwi li kienu preċedentement infettati tidher li tiġġenera reazzjonijiet simili ta’ antikorpi, ċelloli B u ċelloli T għal dawk misjuba f’individwi mhux infettati li jkunu rċevew żewġ dożi ta’ vaċċini. Hemm ukoll evidenza emerġenti ta’ livelli ogħla ta’ antikorpi wara doża waħda tal-vaċċin Vaxzevria f’individwi preċedentement infettati meta mqabblin ma’ doża waħda f’individwi li ma kinux preċedentement infettati u doża waħda f’individwi li kienu preċedentement infettati tidher li tiġġenera reazzjonijiet ta’ antikorpi simili għal dawk misjubin f’individwi mhux infettati li jkunu rċevew żewġ dożi ta’ vaċċin. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-istrateġiji ta’ tilqim tagħhom, jenħtieġ li persuna li tkun irċeviet doża waħda ta’ vaċċin tal-COVID-19 b’żewġ dożi li tkun ingħatat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 wara li tkun ġiet preċedentement infettata bis-SARS-CoV-2 titqies ukoll, f’kuntest tal-ivvjaġġar, bħala kompletament imlaqqma, meta jkun indikat fiċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni li l-kors tat-tilqim ikun tlesta wara l-għoti ta’ doża waħda .
(26)L-Istati Membri jistgħu wkoll ineħħu r-restrizzjonijiet f’kuntesti oħrajn. F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], meta l-Istati Membri jaċċettaw prova ta’ tilqim sabiex iwarrbu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu f’sitwazzjonijiet oħrajn ukoll, pereżempju wara l-ewwel doża f’sensiela ta’ żewġ dożi, jenħtieġ li jaċċettaw ukoll, bl-istess kundizzjonijiet, iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni għal vaċċin kontra l-COVID-19 kopert mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw ukoll, għall-istess fini, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġin għal vaċċin kontra l-COVID-19 kopert mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE].
(27)L-evidenza li qed takkumula tappoġġa r-rakkomandazzjoni li n-nies li jkunu rkupraw mill-COVID-19 ikkonfermata minn laboratorju ma jeħtiġux ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew għal awtoiżolament jew kwarantina relatati mal-ivvjaġġar tal-inqas fl-ewwel 180 jum tal-ewwel test pożittiv tan-NAAT, dment li jinżammu l-miżuri ta’ mitigazzjoni bħal tbegħid fiżiku, l-ilbies ta’ maskri u l-iġjene respiratorja u tal-idejn. B’riżultat ta’ hekk, ħafna Stati Membri diġà jeżentaw jew qed jippjanaw li jeżentaw persuni li rkupraw mill-marda minn restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-Unjoni, u t-tnedija dalwaqt taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE interoperabbli se tagħmilha aktar faċli għall-vjaġġaturi biex jagħtu prova li rkupraw wara test pożittiv tan-NAAT għal infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
(28)F’konformità mal-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ “sistema ta' sospensjoni”, li skontu l-Istati Membri jkollhom jerġgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni jew ċertifikati ta’ rkupru jsirilhom test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 u/jew il-kwarantina/l-awtoiżolament jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiddeterjora b’mod rapidu, li jirriżulta fi klassifikazzjoni bħala “aħmar skur” skont il-punt 10, jew jekk tiġi rrappurtata prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 li jżidu t-trażmissibbiltà jew is-severità tal-marda jew li jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin. L-Artikolu 11(2) [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] jipprevedi li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’hekk, jekk possibbli 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet il-ġodda. Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni, b’mod partikolari meta jiġu imposti restrizzjonijiet minħabba varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li l-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, jingħata l-kompitu li jirrevedi s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat.
(29)Biex tiġi żgurata l-unità tal-familji li jivvjaġġaw, jenħtieġ li l-minuri li jakkumpanjaw lill-ġenitur jew lill-ġenituri tagħhom ma jkunux meħtieġa jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament relatat mal-ivvjaġġar meta ma jkun impost l-ebda rekwiżit ta’ dan it-tip fuq il-ġenitur jew il-ġenituri, pereżempju minħabba li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċinazzjoni jew ċertifikat tal-fejqan. Barra minn hekk, jenħtieġ li tfal taħt l-età ta’ sitt snin ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħmlu testijiet relatati mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
(30)It-traċċar tal-kuntatti huwa pilastru ċentrali tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus, speċjalment b’rabta mal-emerġenza ta’ varjanti ġodda. Fl-istess ħin, traċċar tal-kuntatti effettiv u f’waqtu huwa aktar diffiċli meta jeħtieġ li jitwettaq b’mod transfruntier u għal volumi kbar ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw qrib xulxin. Biex dan jiġi indirizzat, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jirrikjedu li persuni li jidħlu fit-territorju tagħhom permezz ta’ modi kollettivi ta’ trasport b’sit jew kabina assenjati minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (Passenger Locator Forms, PLF) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari meta jiġu ttestjati biss malli jaslu. Għal din il-fini, ġiet żviluppata Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri Diġitali komuni mill-EU Healthy Gateways biex ikunu jistgħu jintużaw mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jingħaqdu mal-Pjattaforma ta’ Skambju tal-PLF, li hija parti mis-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons, biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ traċċar tal-kuntatti b’mod transfruntier għall-modi tat-trasport kollha. Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF se tippermetti l-iskambju sigur, f’waqtu u effettiv tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi tippermettilhom jittrażmettu informazzjoni mis-sistemi diġitali nazzjonali eżistenti tal-PLF tagħhom u informazzjoni epidemjoloġika rilevanti lil awtoritajiet kompetenti oħrajn b’mod interoperabbli u awtomatiku. Għal din il-fini, fis-27 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ passiġġieri identifikati permezz tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri.
(31)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti f’format li jinqara mill-magni wkoll sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar mill-partijiet ikkonċernati, bħall-operaturi tat-trasport u l-operaturi tas-servizz tat-trasport transfruntier tal-passiġġieri.
(32)Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u ta’ aktar progress f’termini ta’ teħid ta’ tilqim, u hekk kif issir disponibbli evidenza xjentifika aktar rilevanti, inkluż dwar il-ħtieġa għal immunizzazzjoni ripetuta biex tiġi pprovduta protezzjoni kontra varjanti emerġenti jew il-ħtieġa li jingħataw dożi booster f’intervalli regolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tkompli tivvaluta regolarment il-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħrajn jew jekk jenħtieġx li l-livelli limitu jiġu adattati, u tittrasmetti l-kostatazzjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, u meta jkun hemm bżonn flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni,
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 hija emendata kif ġej:
1.Fl-Artikolu 8, l-ittra (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) ir-‘rata tal-ittestjar’, jiġifieri, in-numru ta’ testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant imwettqa matul l-aħħar ġimgħa;”.
2.Fil-punt 8, tiżdied l-ittra (d) li ġejja:
“(d) il-prevalenza tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 kif irrappurtat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, filwaqt li jitqies il-volum tas-sekwenzjar u l-livell ta’ trażmissjoni tagħhom fiż-żona tal-UE/ŻEE.”.
3.Fil-punt 10, l-ittri (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:
“(b) bl-oranġjo, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun inqas minn 75 imma r-rata ta' testijiet b'riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta' 4 % jew aktar, jew, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14‐il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tvarja minn 25 sa 150 iżda r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun inqas minn 4 %;
(c) bl-aħmar, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun bejn 75 u 150 u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta’ 4 % jew aktar, jew jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun aktar minn 150 iżda anqas minn 500;”.
4.Fil-punt 13, l-ittri (b), (c) u (d) huma sostitwiti b'dan li ġej:
“(b) l-Istati Membri jistgħu jqisu kriterji u xejriet addizzjonali, inkluż it-teħid tat-tilqim. Għal dan il-għan, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard se jipprovdi data dwar id-daqs tal-popolazzjoni, ir-rata ta’ rikoveru l-isptar, ir-rata ta' ammissjoni fl-ICU u r-rata ta' mortalità, jekk ikunu disponibbli, fuq bażi ta' kull ġimgħa;
(c) jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu s-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħhom stess, inklużi l-prevalenza tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, it-teħid tat-tilqim, il-politiki tal-ittestjar, in-numru ta' testijiet imwettqa u r-rata ta' testijiet b'riżultat pożittiv, u indikaturi epidemjoloġiċi oħrajn;
(d) jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-istrateġiji tal-ittestjar u jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ żoni b’rati għoljin ta’ ttestjar.”.
5.Fil-punt 13, titħassar l-ittra (e).
6.Jiddaħħal il-punt 13a li ġej:
“B’deroga mill-punti 12, 15 u 16, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-prevalenza tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, speċjalment il-varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà jew is-severità tal-mard jew li jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin, kif ukoll il-volum tas-sekwenzjar u l-livell ta’ trażmissjoni tagħhom fiż-żona tal-UE/ŻEE, irrispettivament minn kif tiġi kklassifikata ż-żona kkonċernata. Għal din il-fini, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw id-data ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess fl-UE/ŻEE. Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar l-emerġenza u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li l-Istati Membri jissodisfaw il-volumi tas-sekwenzjar ta’ mill-inqas 10 % jew 500 sekwenza ta’ każijiet pożittivi għas-SARS-CoV-2 sekwenzjati kull ġimgħa rakkomandati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.”.
7.Il-punt 16a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa kull ivvjaġġar mhux essenzjali lejn u minn żoni kklassifikati ‘bl-aħmar skur’ skont il-punt 10.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa wkoll kull ivvjaġġar mhux essenzjali minn u lejn żoni bi prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 u lejn u minn żoni bi prevalenza mhux magħrufa minħabba volum ta’ sekwenzjar insuffiċjenti.
Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri jfittxu li jevitaw tħarbit fl-ivvjaġġar essenzjali, u jżommu l-flussi tat-trasport mexjin f’konformità mas-sistema tal-“Korsiji Ħodor” kif ukoll jevitaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista u l-moviment tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jivvjaġġaw għal raġunijiet professjonali jew ta’ negozju.”.
8.Il-punt 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jenħtieġ li l-Istati Membri fil-prinċipju ma jirrifjutawx id-dħul ta’ persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn Stati Membri oħrajn.
L-Istati Membri li jqisu li jkun meħtieġ li jintroduċu restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, abbażi tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom stess, jistgħu jirrikjedu li persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata “bl-oranġjo” skont il-punt 10 ikunu fil-pussess ta’ ċertifikat tat-test maħruġ f’konformità [mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] li jindika li nkiseb riżultat negattiv
–mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT); jew
–mhux aktar minn 48 siegħa qabel il-wasla, f’każ ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni (rapid antigen tests, RAT).
Persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-test ta’ dan it-tip jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu test wara li jaslu.
L-Istati Membri li jqisu li jkun meħtieġ li jintroduċu restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, fuq il-bażi tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom stess, jistgħu jirrikjedu li persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata “bl-aħmar” jew “bil-griż” skont il-punt 10 jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament kif rakkomandat mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa sakemm ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-test maħruġ f’konformità [mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] li jindika li nkiseb riżultat negattiv
–mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT); jew
–mhux aktar minn 48 siegħa qabel il-wasla, f’każ ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni (rapid antigen tests, RAT).
Jenħtieġ li kwarantina/awtoiżolament impost fuq persuni li mhumiex fil-pussess ta’ ċertifikat tat-test ta’ dan it-tip jitneħħa meta jinkiseb riżultat negattiv tat-test wara l-wasla, sakemm il-vjaġġatur ma jiżviluppax sintomi tal-COVID-19.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi ta' koordinazzjoni dwar it-tul tal-kwarantina/l-awtoiżolament u l-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni. Kull fejn possibbli u f'konformità mal-istrateġiji deċiżi mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-iżvilupp tal-ittestjar jiġi mħeġġeġ.
It-test għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2 meħtieġ minn skont dan il-punt jista’ jew ikun test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (NAAT) jew test rapidu tal-antiġeni elenkat fl-Anness I tal-lista komuni tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbulin mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, kif iddetermina mill-Istat Membru tad-destinazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli faċilment, filwaqt li jiżguraw li dan ma jnaqqasx mill-għoti ta’ servizzi essenzjali tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-laboratorji.”.
9.Jiddaħħal il-punt 17aa li ġej:
“B’deroga mill-punti 17 u 17a u mingħajr preġudizzju għall-punt 17ac, jenħtieġ li d-detenturi taċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa f’konformità [mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] għal vaċċin kontra l-COVID-19 kopert mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament li skontu jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum minn mit-tilqim sħiħ ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew awtoiżolament jew kwarantina relatata mal-ivvjaġġar. Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li tilqim sħiħ jinftiehem bħala:
(a)li jkunu rċevew it-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi;
(b)li jkunu rċevew vaċċin ta’ doża waħda;
(c)li jkunu rċevew doża waħda ta’ vaċċin ta’ żewġ dożi wara li kienu preċedentement infettati bis-SARS-CoV-2.”.
10.Jiddaħħal il-punt 17ab li ġej:
“B’deroga mill-punti 17 u 17a u mingħajr preġudizzju għall-punt 17ac, jenħtieġ li d-detenturi taċ-ċertifikati ta’ fejqan maħruġin b’mod konformi [mar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE] li jindikaw li għaddew inqas minn 180 jum mid-data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2 jew awtoiżolament jew kwarantina relatata mal-ivvjaġġar.”.
11.Jiddaħħal il-punt 17ac li ġej:
“Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiddeterjora malajr, tirriżulta fi klassifikazzjoni ‘bl-aħmar skur’ skont il-punt 10, jew jekk tkun ġiet irrapportata prevalenza għolja ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 li jżidu t-trażmissibbiltà, is-severità tal-marda jew jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin, jenħtieġ li l-Istati Membri jeħtieġu li d-detenturi taċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni jew taċ-ċertifikati tal-fejqan jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 u/jew il-kwarantina/l-awtoiżolament.
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 11 [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], u b’mod partikolari meta jiġu imposti restrizzjonijiet minħabba varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li l-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jirrevedi s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat.”.
12.Il-punt 18 jitħassar.
13.Il-punt 19a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Skont il-punt 17a, u suġġett għall-eżenzjonijiet fil-punti 17aa u 17ab, jenħtieġ li l-vjaġġaturi b’funzjoni essenzjali jew li jeħtieġu jivvjaġġaw minn żona mmarkata “bl-aħmar skur” jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittestjar u jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament, dment li dan ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-eżerċizzju tal-funzjoni jew tal-bżonn tagħhom.
B’deroga, jenħtieġ li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport, skont il-punt 19(b), fil-prinċipju ma jkunux obbligati jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 f’konformità mal-punti 17(b) u 17a. Jekk Stat Membru jesiġi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, jenħtieġ li jintużaw it-testijiet rapidi tal-antiġeni, u jenħtieġ li japplikaw l-eżenzjonijiet fil-punti 17aa u 17ab, u jenħtieġ li dan ma jwassalx għal tħarbit fit-trasport. Jekk iseħħ tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, ikun jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu jew iħassru immedjatament kull rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku ta’ dan it-tip sabiex jippreservaw il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”. Jenħtieġ li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport ma jkunux obbligati jagħmlu l-kwarantina f’konformità mal-punti 17(a) u 17a waqt li jkunu qed jaqdu din il-funzjoni essenzjali.”.
14.Il-punt 19b huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Minbarra l-eżenzjonijiet fil-punt 19a, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux li persuni li jgħixu f’reġjuni mal-fruntiera u li jivvjaġġaw minn naħa għall-oħra tal-fruntiera kuljum jew frekwentement għall-finijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew indukrar, jagħmlu t-test jew il-kwarantina/l-awtoiżolament, b’mod partikolari persuni li jaqdu funzjonijiet kritiċi jew essenzjali għall-infrastruttura kritika. Jekk jiġi introdott rekwiżit tal-ittestjar għall-ivvjaġġar transfruntier f’dawn ir-reġjuni, jenħtieġ li l-frekwenza u t-tip ta’ testijiet fuq dawn il-persuni jkunu proporzjonati u jenħtieġ li jippermettu l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti 17aa u 17ab. Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tkun komparabbli, jenħtieġ li ma jiġi impost l-ebda rekwiżit tal-ittestjar relatat mal-ivvjaġġar. Persuni li jsostnu li s-sitwazzjoni tagħhom hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu evidenza dokumentata jew jippreżentaw dikjarazzjoni dwar dan.”.
15.Jiddaħħal il-punt 19c li ġej:
“Jenħtieġ li l-minuri li jakkumpanjaw lill-ġenitur jew lill-ġenituri tagħhom ma jkunux meħtieġa jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament relatat mal-ivvjaġġar meta ma jkun impost l-ebda rekwiżit ta’ dan it-tip fuq il-ġenitur jew il-ġenituri, pereżempju minħabba l-eżenzjonijiet fil-punt 17aa u 17ab. Barra minn hekk, jenħtieġ li tfal taħt l-età ta’ sitt snin ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħmlu testijiet relatati mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.”.
16.Il-punt 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jeħtieġu li persuni li jivvjaġġaw lejn it-territorju tagħhom permezz ta’ modi kollettivi ta’ trasport b’sit jew kabina assenjati minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (PLF) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Għal din il-fini, l-Istati Membri mħeġġa jużaw il-Formola ta’ Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri Diġitali komuni żviluppata mill-EU Healthy Gateways. Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħaqdu mal-Pjattaforma ta’ Skambju tal-PLF biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta’ traċċar tal-kuntatti b’mod transfruntier għall-modi tat-trasport kollha.”.
17.Il-punt 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jekk persuna tiżviluppa s-sintomi mal-wasla fid-destinazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-ittestjar, id-dijanjożi, l-iżolament u t-traċċar tal-kuntatti jsiru f’konformità mal-prattika lokali, u jenħtieġ li d-dħul ma jiġix irrifjutat. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar każijiet misjuba mal-wasla tiġi kondiviża minnufih mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li l-persuna kkonċernata kienet qed tirrisjedi fihom matul l-14-il jum preċedenti għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti, bl-użu, meta jkun applikabbli, tal-Pjattaforma ta’ Skambju tal-PLF, jew inkella tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni.”.
18.Il-punt 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“F’konformità mal-Artikolu 11 [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali dwar kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu, kwalunkwe rekwiżit ta' akkumpanjament (pereżempju x’testijiet speċifiċi għal infezzjoni bis-SARS-CoV-2 jikkwalifikaw għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, jew il-bżonn li jiġu ppreżentati formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri), kif ukoll dwar il-miżuri applikati għall-vjaġġaturi li jkunu qed jivvjaġġaw minn żoni ta' riskju kemm jista' jkun malajr qabel ma jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata 24 siegħa qabel ma l-miżuri jidħlu fis-seħħ, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi. Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi ppubblikata wkoll f’format li jinqara mill-magni.
Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web “Re-open EU”, li jenħtieġ li jkun fiha l-mappa ppubblikata regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont il-punti 10 u 11.
Jenħtieġ li s-sustanza tal-miżuri, il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tagħhom u l-kategoriji ta' persuni li l-miżuri japplikaw għalihom jiġu deskritti b'mod ċar.”.
19.Wara l-Artikolu 25 tiddaħħal l-intestatura li ġejja:
“Tnedija taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”.
20.Jiddaħħal il-punt 25 a li ġej:
“Jenħtieġ li t-tnedija taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tibda mill-aktar fis possibbli, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mill-Istati Membri fin-Network tas-Saħħa elettronika.
Qabel id-data tal-applikazzjoni [tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE], jenħtieġ li r-referenzi għaċ-ċertifikati maħruġin f’konformità mar-Regolament ikopru wkoll iċ-ċertifikati maħruġin f’format ieħor.”.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President