IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2021
COM(2021) 272 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-ħmistax-il Rapport Annwali tal-2020 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Il-ħmistax-il Rapport Annwali tal-2020 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006
(ir-“Regolament dwar l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-għoti ta’ assistenza lill-Komunità Ċiprijotta Torka (TCc) u jirrikjedi rapportar annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.
2.L-ipprogrammar tal-assistenza
Bejn l-2006 u l-aħħar tal-2020, ġew ipprogrammati EUR 592 miljun għall-operazzjonijiet skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna. L-ammont impenjat f’Lulju 2020 (Parti I) u f’Settembru 2020 (Parti II) għall-programm ta’ azzjoni annwali tal-2020 kien ta’ EUR 36,6 miljun
b’kollox. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 ipprovda perspettiva pluriennali għall-programm b’dispożizzjoni għal finanzjament stabbli u annwali. Madankollu, il-programm ta’ assistenza huwa ta’ natura temporanja, li għandu l-għan li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru, u kemm ir-Regolament dwar l-Għajnuna kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013
li jistabbilixxi l-QFP ippermettew reviżjoni f’każ ta’ riunifikazzjoni.
3.Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni
Il-programm huwa implimentat fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u fejn l-applikazzjoni tal-acquis hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10 tat-Trattat tal-Adeżjoni. L-assistenza tiġi implimentata f’ġestjoni diretta u indiretta.
Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc biex jiġi implimentat il-programm filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Fi programmi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-UE, f’ċirkostanzi normali, ftehimiet ma’ gvern benefiċjarju jistabbilixxu l-qafas legali għall-iżvilupp tal-assistenza. Ma jista’ jsir l-ebda ftehim bħal dan għall-assistenza lit-TCc. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju inerenti huma parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-miżuri adottati jinkludu l-monitoraġġ intensiv tal-kuntratti u l-għoti ta’ appoġġ lill-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet ta’ pagament riveduti u approċċ bir-reqqa għall-użu tal-garanziji bankarji. L-assistenza tinkludi ammont sinifikanti ta’ appoġġ għall-għotjiet, li jirrikjedi ġestjoni intensiva fir-riżorsi.
Sabiex jiġi żgurat impatt, jeħtieġ li t-TCc tkun involuta bis-sħiħ fit-tħejjija għall-introduzzjoni tal-acquis wara l-qbil.
It-Tim tal-Programm jopera permezz tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programmi tal-UE (EU Programme Support Office, EUPSO) fil-parti tat-Tramuntana ta’ Nikosija. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat, seminars u konferenzi stampa u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott fil-gżira kollha, inkluż dwar il-Programm ta’ Għajnuna. Barra minn hekk, il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE, iffinanzjat taħt il-Programm ta’ Għajnuna, iwettaq firxa ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà, jipprovdi informazzjoni dwar il-politiki, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-UE b’appoġġ għat-TCc, u jippromovi l-kultura Ewropea.
4.Implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar
4.1.Ħarsa ġenerali
Il-Kummissjoni tkompli timplimenta r-Regolament dwar l-Għajnuna bl-għan ġenerali li tappoġġa r-riunifikazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tadatta l-programm bħala riżultat ta’ kwalunkwe ftehim li jintlaħaq fit-taħditiet għal qbil.
L-operazzjonijiet fl-2020 kienu jinkludu l-kontinwazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti stabbiliti u ta’ suċċess, bħall-boroż ta’ studju tal-UE u l-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja b’appoġġ għall-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali (TCCH) u l-Kumitat dwar il-Persuni Neqsin (CMP). Faċilità ddedikata kompliet tiffinanzja l-inizjattivi bikomunali tal-Kumitati Tekniċi.
L-appoġġ għall-għotjiet jibqa’ element essenzjali tal-programm. L-assistenza pprovduta lis-setturi ekonomiċi ewlenin fi tħejjija għal qbil issaħħet permezz ta’ proġetti li jappoġġaw lis-settur privat u liż-żoni rurali kif ukoll l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Tkomplew l-isforzi lejn titjib tanġibbli fil-qasam tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u s-sikurezza alimentari.
Għadhom jeżistu lakuni konsiderevoli fil-kapaċità tal-benefiċjarji biex jimplimentaw l-acquis b’mod effettiv, wara qbil komprensiv, u l-approvazzjoni ta’ bosta testi ġuridiċi għadha pendenti. Madankollu, it-TCc kompla jagħmel progress tajjeb f’għadd ta’ oqsma u kiseb fehim aktar sod tal-isfidi marbuta mal-implimentazzjoni tat-testi ġuridiċi allinjati mal-istandards tal-UE.
Kwistjoni waħda li għadha għaddejja kienet il-kostruzzjoni tan-network tad-dranaġġ ta’ Famagusta, li l-kuntratt għalih ġie tterminat f’Diċembru 2013 mill-Kummissjoni. It-tilwima mal-kuntrattur preċedenti tressqet għall-arbitraġġ u l-proċedimenti għadhom għaddejjin. B’mod parallel, ġie konkluż kuntratt għax-xogħlijiet ta’ rimedju relatati iżda x-xogħlijiet għadhom ma bdewx.
L-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Għajnuna ffaċċat sfida bit-tifqigħa tal-pandemija tal-Covid-19. Il-Kummissjoni żgurat li l-programm jagħti r-riżultati minkejja ċ-ċirkostanzi u stabbiliet miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiżgura l-kontinwazzjoni tal-proġetti. Importanti huwa l-fatt li ġie mmobilizzat malajr pakkett ta’ emerġenza biex jipprovdi l-aktar provvisti mediċi urġenti, appoġġ ekonomiku lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs, u parir minn esperti lit-TCc.
Fi tmiem is-sena, kienu qed joperaw 194 kuntratt taħt il-Programm.
4.2.Progress skont l-objettivi
L-objettiv ġenerali tal-Programm ta’ Għajnuna huwa li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tat-TCc, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-acquis.
L-attivitajiet imwettqa fl-2020 fir-rigward ta’ kull wieħed mill-objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna kienu:
4.2.1.Objettiv 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura
Il-UNDP kompla jimplimenta l-“Faċilità ta’ Infrastruttura Lokali” (LIF) permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni kontinwi mal-Kummissjoni ffirmati għal EUR 23,4 miljun. Il-faċilità tipprovdi appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura lokali rilevanti. Minbarra t-tnax-il proġett sinifikanti avvanzati taħt l-LIF, is-sena 2020 rat ukoll it-tlestija tat-tieni sejħa ottimizzata għal proposti għall-komunitajiet lokali li rriżultat f’ħames proġetti addizzjonali potenzjali għall-pipeline tal-LIF.
Il-proġett bikomunali tal-UE għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Pedieos, li għandu l-għan li jgħaqqad il-komunitajiet Ċiprijotti flimkien permezz ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, mexa għall-istadju tad-disinn dettaljat.
Fis-settur tal-ilma, komplew ix-xogħlijiet għall-kostruzzjoni tal-Kollettur Prinċipali l-ġdid tad-Dranaġġ ta’ Nikosija (NNTS). L-NNTS huwa l-kostruzzjoni ta’ 13-il km ta’ kanali tad-dranaġġ biex l-ilma mormi miż-żona ta’ Nikosija jittieħed fl-impjant għat-trattament tal-ilma mormi (WWTP) bikomunali ta’ Nikosija, proġett iffinanzjat mill-UE li tlesta fl-2013. Minkejja li x-xogħlijiet ġew sospiżi għal tliet xhur minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, il-proġett kompla jagħmel progress billi ġew installati madwar 80 % tal-pipeline filwaqt li bdew jinbnew l-istazzjonijiet tal-ippumpjar.
Ix-xogħlijiet għall-kostruzzjoni tas-sistema ta’ tisqija li terġa’ tuża l-ilma mormi ttrattat tad-WWTP ta’ Morphou tlestew f’Marzu 2020. Barra minn hekk, id-disinn dettaljat u l-fajl tal-offerta assoċjat ġew iffinalizzati għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat u l-ħama ġġenerata mid-WWTP il-ġdida ta’ Nikosija.
Il-kuntratt ta’ xogħlijiet u l-kuntratt ta’ servizz ta’ superviżjoni relatat għax-xogħlijiet ta’ rimedju/tiswija tan-networks tad-dranaġġ ta’ Famagusta ġew iffirmati f’Marzu 2019 iżda x-xogħlijiet għadhom ma bdewx. Il-Kamra tal-Inġiniera u l-Periti tat “viża tad-disinn” fil-bidu tal-2021.
Iż-żewġ kuntratti ta’ xogħlijiet emendati dwar l-estensjoni tal-landfill u l-impjant għat-tneħħija tal-gass minn landfill, li issa jirrappreżentaw investiment ta’ aktar minn EUR 4,5 miljun fil-ġestjoni tal-iskart solidu, għamlu progress tajjeb minkejja l-pandemija tal-COVID-19. L-emendi se jippermettu l-produzzjoni ta’ enerġija elettrika sa 0,8 MW minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (il-ġbir, it-trattament u l-kombustjoni tal-gass tal-landfill). L-enerġija elettrika prodotta tiżgura t-trattament sostenibbli tal-ilma mormi mil-landfills (lissija) mill-faċilità ta’ trattament li għadha kif ġiet ikkummissjonata, li kieku kienet tirrappreżenta kost operazzjonali mhux sostenibbli għall-benefiċjarju finali.
Il-kuntratt ta’ servizzi għall-bini tal-kapaċitajiet introduċa prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari fil-prattiki tal-ġestjoni tal-iskart fil-komunitajiet lokali. Fuq il-bażi tal-momentum iġġenerat mill-benefiċjarju li qed jadotta it-test ġuridiku promoss mill-UE dwar l-iskart mill-imballaġġ, l-istabbiliment tal-ewwel organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi (producer responsibility organisation, PRO) “mingħajr skop ta’ qligħ” għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ wasal biex jitlesta.
F’konformità mal-pjan integrat ta’ ġestjoni tal-iskart solidu ffinanzjat mill-UE, l-għotjiet li jappoġġaw tmien komunitajiet lokali biex itejbu l-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom jinsabu fil-fażi finali tal-implimentazzjoni. F’Nikosija nbena post ta’ kenn biex jakkomoda lill-vittmi ta’ vjolenza domestika permezz tal-istess skema ta’ għotjiet.
Il-kapaċità teknika lokali għall-monitoraġġ tal-kwalità ambjentali qed tittejjeb permezz tar-rinnovazzjoni tan-network għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u l-istabbiliment ta’ laboratorju ta’ referenza tal-kwalità tal-arja u tal-fjuwil.
L-assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta’ programm għall-effiċjenza enerġetika fl-iskejjel ġiet iffinalizzata lejn l-aħħar tal-2020. L-intervent analizza miżuri ta’ titjib għall-effiċjenza enerġetika ta’ 10 skejjel pilota, bħas-sostituzzjoni tat-twieqi, it-tiswijiet tal-involukri tal-bini, u l-aġġornament tas-sistemi tat-tidwil, tat-tisħin u tat-tkessiħ. Dan it-titjib ġie analizzat ukoll f’termini tal-kosteffettività tiegħu filwaqt li tqiesu l-fatturi ekonomiċi lokali. Is-sejbiet tal-istudju se jintużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-interventi futuri.
4.2.2.Objettiv 2: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku
Il-Programm ta’ Għajnuna mmobilizza l-fondi biex ikopri l-ħtiġijiet l-aktar urġenti identifikati mis-settur tas-saħħa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19. Il-pakkett kien jinkludi tagħmir protettiv personali, apparat tal-laboratorju, kits għall-ittestjar u ventilaturi. Barra minn hekk, ġie mmobilizzat pakkett ta’ emerġenza ekonomika b’valur ta’ EUR 11-il miljun biex jgħin fl-indirizzar tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija.
Il-proġett “Intraprenditorija u Djalogu Innovattivi”, implimentat man-Northern Ireland Cooperation Overseas (NI-CO), ġie estiż b’mod sinifikanti. L-impenn finanzjarju totali issa huwa ta’ EUR 16,6 miljun u komponent ġdid, “Nissalvagwardjaw u Noħolqu l-Impjiegi”, ġie miżjud biex jgħin fil-ġlieda kontra l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19. Appoġġ ta’ emerġenza ta’ EUR 3 miljun tqassam lin-negozji mikro u żgħar magħluqa matul il-lockdown biex jgħinhom jerġgħu jistabbilixxu l-provvisti u jkopru kostijiet ad hoc oħra meħtieġa biex jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet.
Fil-qasam tal-iżvilupp rurali, ġie estiż il-kuntratt ta’ assistenza teknika dwar is-Servizzi ta’ Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli (FAS). Il-proġett jappoġġa l-Istrateġija FAS u jipprovdi servizzi ta’ konsulenza lill-benefiċjarji tas-sejħa għal proposti tal-“Investimenti fl-Agrikoltura” (Żvilupp Rurali IV). Is-sejħa tlestiet fl-2020 u l-Kummissjoni kkonkludiet 55 ftehim ta’ għotja għal EUR 4,3 miljun bil-għan li ssaħħaħ il-katina tal-valur tal-agrikoltura.
Kmieni fl-2020, proġett ta’ assistenza teknika biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ speċjalisti veterinarji għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali lesta t-tieni kampjunar u ttestjar fuq skala kbira tal-annimali għall-mard ta’ prijorità (bruċellożi, tuberkulożi). Ittieħdu kampjuni ta’ aktar minn 300 000 annimal (bhejjem tal-ifrat, nagħaġ u mogħoż) u saru 383 000 test biex jiġu identifikati annimali infettati u jitneħħew mill-azjendi agrikoli. B’riżultat ta’ dan, il-prevalenza tal-bruċellożi fil-komunità Ċiprijotta Torka qed tonqos.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni akkwistat testijiet tal-laboratorju u oġġetti konsumabbli veterinarji u bdiet l-akkwist ta’ servizzi bħall-kampjunar u l-ittestjar tal-annimali. Dan l-appoġġ jammonta għal kważi EUR 1 miljun u għandu l-għan li jkompli jikkontribwixxi għall-individwazzjoni u għall-eliminazzjoni tal-mard prijoritarju tal-annimali. Barra minn hekk, ġie akkwistat tagħmir tal-laboratorju ta’ kważi EUR 500 000 biex jgħin biex jiżdiedu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-affidabbiltà tal-ittestjar fil-laboratorji tal-ikel u tas-saħħa.
L-appoġġ tal-UE kkontribwixxa għal aktar progress fl-involviment ta’ veterinarji privati biex jiġu implimentati l-kampjunar u l-ittestjar tal-annimali u kompiti oħra tas-saħħa pubblika. Il-benefiċjarju adotta t-test ġuridiku promoss mill-UE li jippermetti lill-veterinarji privati jwettqu l-kompiti ta’ hawn fuq.
Il-programm ta’ eradikazzjoni tal-mard issaħħaħ bil-kostruzzjoni ta’ sistema ta’ rimi tal-iskart tal-annimali. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tlestew fil-bidu tal-2020. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll it-tħejjija ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-iskart tal-annimali biex jiġi żgurat tħaddim kosteffettiv tal-faċilitajiet.
L-akkwist ta’ assistenza teknika ffinanzjata mill-UE b’valur ta’ EUR 3,2 miljun biex tgħin biex titħaffef l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards allinjati tal-UE tul il-katina kollha tal-produzzjoni tal-ikel li joriġina mill-annimali tnieda fl-2020.
Fis-settur tal-edukazzjoni, tlestiet l-evalwazzjoni tas-sejħa għal offerti għat-“Titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment permezz ta’ mekkaniżmu ta’ żvilupp professjonali kontinwu” u ngħata l-kuntratt. L-għan fit-tul tal-Kummissjoni li tallinja l-edukazzjoni tat-tfal Torok Ċiprijotti f’konformità mal-aħjar prattika internazzjonali qed ikompli mingħajr xkiel.
Minkejja li ġie interrott mill-pandemija tal-COVID-19, bħalissa għaddej il-proġett dwar l-iżvilupp tal-kurrikulu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, bl-użu tal-istandards tax-xogħol riveduti għall-ħiliet vokazzjonali żviluppati matul il-proġett VETLAM II biex jiġu aġġornati l-kurrikuli.
Il-proġett għall-installazzjoni ta’ laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel primarji għal valur ta’ EUR 1,1 miljun issa jinsab fl-istadju inizjali tal-implimentazzjoni wara xi dewmien, u għandhom jiġu installati laboratorji fi 48 skola. Ġie akkwistat ukoll laboratorju mobbli, fil-forma ta’ xarabank mgħammra apposta.
Il-programm ta’ monitoraġġ ekonomiku mwettaq mill-Bank Dinji kompla jipprovdi analiżi fil-fond u assistenza teknika addizzjonali. Il-programm iffoka fuq l-analiżi fiskali u l-korpi ta’ amministrazzjoni finanzjarjament sostenibbli; l-effetti ekonomiċi u relatati mal-kummerċ tar-riunifikazzjoni; l-iżvilupp tas-settur privat u l-inklużjoni soċjali; u l-monitoraġġ makroekonomiku.
4.2.3.Objettiv 3: It-trawwim tar-rikonċiljazzjoni, miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u appoġġ għas-soċjetà ċivili
Il-Kumitat dwar il-Persuni Neqsin (CMP), appoġġat mill-Programm ta’ Għajnuna permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNDP, kompla l-ħidma tiegħu fuq il-post u fil-laboratorju. Sa tmiem l-2020, mit-total ta’ 2 002 persuni neqsin, is-CMP eżuma 1 188 sett ta’ fdalijiet; 994 minnhom ġew identifikati ġenetikament u ntbagħtu lura lill-familji tagħhom. Il-pandemija u t-temp sħun ħafna naqqsu b’mod sinifikanti x-xogħlijiet ta’ skavar fl-2020, u wasslu lill-membri tas-CMP biex jiżviluppaw strateġija ġdida ta’ skavar f’każ ta’ avvenimenti mhux previsti.
F’Diċembru 2020, il-ftehim ta’ kontribuzzjoni ġie estiż biex jipprovdi finanzjament għall-operazzjonijiet tas-CMP fl-2021 għal ammont ta’ EUR 2,6 miljun. B’mod ġenerali, fil-perjodu 2006-2020, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 30 miljun, li jammonta għal 75 % tal-finanzjament globali pprovdut lis-CMP f’dan il-perjodu.
Il-protezzjoni tal-Wirt Kulturali permezz tal-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Wirt Kulturali (TCCH) baqgħet komponent ewlieni tal-azzjonijiet ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tisħiħ tal-fiduċja appoġġati taħt il-Programm ta’ Għajnuna, bi 18-il proġett jitlestew fl-2020. B’mod ġenerali, il-programm tal-Wirt Kulturali rċieva kważi EUR 20 miljun ta’ fondi tal-UE, li qed jintużaw biex itejbu l-protezzjoni tas-siti tal-wirt kulturali madwar il-gżira. Dawn jammontaw għal total ta’ 79 proġett ta’ ħidma kompluti u 17-il proġett li għadhom għaddejjin.
Il-faċilità biex jiġu appoġġati l-Kumitati Tekniċi bikomunali kompliet tlaqqa’ liż-żewġ komunitajiet flimkien u ssolvi l-isfidi ta’ kuljum taċ-Ċiprijotti. Fl-2020, iffinanzjat miżura unika għat-tisħiħ tal-fiduċja li tiffaċilita r-ritorn ta’ pitturi u arkivji awdjoviżivi bejn iż-żewġ komunitajiet. Il-wirja ta’ għażla ta’ pitturi u materjali awdjoviżivi kienet avveniment politiku ta’ livell għoli li għalih attendew iż-żewġ mexxejja tal-komunitajiet. Minkejja l-pandemija u l-għeluq tal-punti tal-qsim, ġew implimentati għadd ta’ attivitajiet immirati mill-Kumitati għall-Kultura, l-Ambjent, l-Edukazzjoni u s-Saħħa.
Wara l-fażi pilota, fl-2020 ġie ffirmat ftehim ġdid mal-United World College (UWC) biex jiġu pprovduti 20 borża ta’ studju biannwali addizzjonali għad-diploma tal-Bakkalawrjat Internazzjonali (IB). Il-UWC se jimplimenta wkoll attivitajiet ta’ involviment taż-żgħażagħ u korsijiet qosra f’Ċipru. L-għan huwa li tinħoloq komunità ta’ żgħażagħ Ċiprijotti impenjati u mħarrġa biex iwettqu bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħhom.
Il-Programm ta’ Għajnuna ffinanzja wkoll liċ-Ċentru ta’ Ċipru tal-PRIO biex ikompli l-ħidma tiegħu fuq id-“dividend ta’ paċi” li għandu jinkiseb bi qbil komprensiv għall-problema ta’ Ċipru. L-istudju l-ġdid enfasizza l-benefiċċji konsiderevoli ta’ soluzzjoni għan-negozju, filwaqt li indirizza t-tħassib taċ-Ċiprijotti dwar l-impatt ekonomiku ta’ qbil. L-istudju ġie ppubblikat fi tliet lingwi (il-Grieg, it-Tork u l-Ingliż) u ġie ppreżentat lill-pubbliku ġenerali u lill-komunità internazzjonali.
L-appoġġ għas-soċjetà ċivili kompla fl-2020. Civic Space, l-assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), kompliet tibni l-kapaċitajiet tal-OSĊ, tippromovi ambjent abilitanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u tistimula n-networking u l-azzjonijiet konġunti mal-OSĊ Griegi Ċiprijotti u OSĊ oħra tal-UE. Permezz tal-mekkaniżmu tiegħu ta’ “Tkabbir Ċiviku”, Civic Space appoġġat 92 inizjattiva ta’ ċittadinanza attiva (22 minnhom fl-2020) dwar il-paċi u r-rikonċiljazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-arti, id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent. Fl-aħħar tal-2020 daħal fis-seħħ kuntratt ġdid ta’ 30 xahar għal Civic Space.
Is-sejħa għal proposti “is-soċjetà ċivili Ċiprijotta fl-azzjoni VII” kienet inbdiet fl-2020. Għall-ewwel darba, twarrbu fondi għal OSĊ iżgħar/fil-livell taċ-ċittadini fi sforz biex tiġi estiża s-sensibilizzazzjoni tas-sejħa. L-għotjiet mogħtija taħt is-sejħa preċedenti u dawk tas-sejħa kontra t-traffikar jinsabu kollha fil-fażi ta’ implimentazzjoni tagħhom u l-benefiċjarji jkomplu jikkollaboraw mal-kontropartijiet Griegi Ċiprijotti tagħhom.
Kmieni fis-sena, l-inizjattivi ffinanzjati mill-UE ppromovew u żguraw l-inklużjoni tat-traffikar tal-bnedmin u d-diskors ta’ mibegħda bħala reati kriminali speċifiċi fit-test ġuridiku lokali.
4.2.4.Objettiv 4: It-TCc tinġieb eqreb tal-UE
Il-ġestjoni ta’ “programm ta’ boroż ta’ studju tal-UE” ġiet delegata lill-British Council mis-sena akkademika 2014-2015. Il-baġit disponibbli taħt l-aħħar sejħa ppermetta finanzjament għal 138 borża ta’ studju għas-sena akkademika 2020-2021, li minnhom 127 benefiċjarju aċċettaw il-premju. Dawn il-boroż ta’ studju jappoġġaw lill-istudenti matul l-ewwel sena ta’ studji ta’ qabel il-lawrja, lill-istudenti gradwati fil-programmi ta’ master jew ta’ dottorat tagħhom, u lir-riċerkaturi u lill-professjonisti biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi u professjonali tagħhom fl-Istati Membri tal-UE.
Il-programm ta’ boroż ta’ studju żgura l-aċċess għal boroż ta’ studju għal kważi 1 700 student u professjonista Tork Ċiprijott mill-2007. L-isfida ewlenija ta’ din is-sejħa kienet it-tifqigħa tal-pandemija fil-mument tal-applikazzjoni u l-għażla, li ġiet immitigata minn arranġamenti speċjali magħmula mill-British Council.
Il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE, ġestit mill-uffiċċju tal-EUPSO flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Ċipru, kiseb livell għoli ta’ viżibbiltà għall-UE matul l-2020 billi adatta l-attivitajiet tiegħu għall-pjattaformi online. Dan kopra aktar minn 15-il tema relatati mal-UE, inkluża l-Kampanja dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew b’kampanja ta’ informazzjoni fuq skala wiesgħa dwar l-effiċjenza enerġetika. Il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE kopra wkoll suġġetti bħad-drittijiet tal-LGTBI, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-drittijiet tad-diżabilità u t-traffikar tal-bnedmin.
Il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE organizza 17-il avveniment, prinċipalment online, inkluża kampanja ta’ Jum Ewropew fuq skala kbira u 54 avveniment rikorrenti, inklużi serje ta’ kunċerti tal-mużika “Ibqa’ d-dar” matul il-perjodu ta’ lockdown. L-avvenimenti attiraw aktar minn 15 000 parteċipant. Ġiet implimentata wkoll kampanja ta’ informazzjoni tal-COVID-19 fuq skala kbira. Fl-aħħar nett, tqassmu disa’ bullettini u 35 infografika online u dehru 157 artiklu tal-aħbarijiet u tliet riklami televiżivi fuq il-midja lokali.
It-traffiku fuq il-paġna ta’ Facebook “Abbilgi” jikkonferma l-popolarità tal-attivitajiet, b’aktar minn 2 000 segwaċi ġodda fl-2020, biex b’hekk l-għadd totali ta’ segwaċi minn meta nfetaħ tela’ għal 20 249.
4.2.5. Objettivi 5-6: It-tħejjija tal-komunità Ċiprijotta Torka biex tintroduċi u timplimenta l-acquis
L-istrument tal-Kummissjoni għal Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) jintuża biex jiġu implimentati l-objettivi 5 u 6 tar-Regolament dwar l-Għajnuna u b’hekk jgħin fit-tħejjija tat-TCc għall-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tiegħu mad-dħul fis-seħħ ta’ qbil komprensiv għall-problema ta’ Ċipru.
L-assistenza kompliet fl-2020 fi 17-il qasam ewlieni, jew “setturi”, tal-acquis. B’kollox, l-għadd ta’ avvenimenti organizzati fl-2020 kien ta’ 49. Minn Marzu 2020, l-attivitajiet kollha tat-TAIEX ġew organizzati online. Ġie żviluppat qafas ġdid għall-assistenza TAIEX għall-perjodu 2020-2022, b’54 espert tal-Istati Membri magħżula permezz tal-proċess.
Assistenza regolari ġiet ipprovduta mill-esperti tas-saħħa tat-TAIEX mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Appoġġ immirat biex jagħti pariri dwar miżuri immedjati għall-ġlieda kontra l-marda u jgħin biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rispons aktar strateġiku għall-ġestjoni tal-kriżijiet. L-esperti għenu wkoll fl-iżvilupp ta’ pjan għall-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ vaċċini u reġistru, li ħejjew it-triq għall-għoti ta’ vaċċini approvati mill-UE lit-TCc.
Kompla l-appoġġ tat-TAIEX għall-kummerċ fil-Linja l-Ħadra. Fost l-oħrajn, l-esperti tat-TAIEX wettqu l-ispezzjonijiet fitosanitarji regolari tal-patata fil-bidu tal-2020. Madankollu, wara t-tifqigħa tal-pandemija, il-Kummissjoni ma kinitx għadha tista’ tibgħat lill-esperti f’Ċipru biex iwettqu l-ispezzjonijiet regolari ta’ ċerti prodotti previsti fir-Regolament 866/2004.
4.3.Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u pagamenti)
4.3.1.Ikkuntrattar
Il-Kummissjoni ffirmat impenji legali fl-2020 li jammontaw għal EUR 42,6 miljun, li, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet umani u finanzjarji, id-diskrepanzi fit-tħejjija għall-introduzzjoni futura tal-acquis u s-sostenibbiltà tal-proġetti, ifissru li l-kuntratti pendenti ġew eliminati.
4.3.2.Pagamenti
Il-pagamenti fl-2020 kienu ta’ EUR 41 miljun (EUR 35 miljun fl-2019).
4.4.Monitoraġġ
Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti (ġestjoni diretta). Il-livell ta’ monitoraġġ mill-persunal tal-Kummissjoni huwa għoli ħafna, b’kuntatti kostanti mal-kuntratturi, żjarat ta’ “verifika fuq il-post” kif ukoll laqgħat fuq il-post u laqgħat tal-kumitati ta’ tmexxija. L-assistenza teknika pprovduta mit-Tim ta’ Appoġġ għall-Għotjiet (GST) kompliet tappoġġa lill-Kummissjoni bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ għotja, filwaqt li għenet ukoll lill-benefiċjarji tal-għotjiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għall-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ għotja, inkluż għall-akkwist sekondarju.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni timplimenta għadd ta’ kuntratti taħt il-mod ta’ ġestjoni indiretta. L-entitajiet ta’ implimentazzjoni bħall-UNDP, il-Kunsill Brittaniku, u r-rapport tal-NI-CO lill-Kummissjoni f’konformità mal-Ftehimiet Qafas rispettivi. Il-Kummissjoni hija involuta mill-qrib fil-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dawn l-azzjonijiet.
4.5.Awditjar u kontrolli
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar awditu mwettaq mill-IAS fl-2017 relatati mal-arranġamenti ta’ kontroll intern fil-qasam tal-akkwist pubbliku ġew implimentati bis-sħiħ.
4.1.Evalwazzjoni
Il-proġett ta’ Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (MOR) kompla jirrieżamina l-azzjonijiet magħżula u ta l-ewwel taħriġ previst dwar kapaċità ta’ monitoraġġ intern imtejba tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet riċevuti mill-esperti tal-MOR relatati mar-rilevanza, l-effiċjenza, l-effettività u s-sostenibbiltà qed jiġu integrati taħt l-azzjonijiet rieżaminati u lil hinn minnhom.
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm ta’ Għajnuna kompliet fl-2020. L-għan huwa li tiġi pprovduta valutazzjoni indipendenti ġenerali u li tinġabar evidenza dwar il-progress li sar lejn l-objettivi stabbiliti fir-Regolament dwar l-Għajnuna matul il-perjodu 2013-2018. L-abbozz tar-rapport finali ngħata f’Diċembru 2020 u l-abbozz tal-konklużjonijiet tiegħu huma pożittivi.
4.2.Informazzjoni, Pubbliċità u Viżibbiltà
B’mod ġenerali, fl-2020 saru 429 azzjoni ta’ viżibbiltà u komunikazzjoni, prinċipalment online minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Ġew ippubblikati tliet fuljetti dwar l-edukazzjoni biex tingħata spinta lill-ħiliet, ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra u l-ambjent bl-Ingliż, bit-Tork u bil-Grieg u bdiet it-tħejjija għal żewġ fuljetti oħra.
4.3.Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru
Saru laqgħat ma’ rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, inkluż matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Gvern għall-verifika tad-drittijiet tal-proprjetà u l-faċilitazzjoni tal-ħidma tal-kumitati tekniċi bikomunali. Il-Kummissjoni tiltaqa’ regolarment mar-Rappreżentanza Permanenti.
5.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni tkompli tagħti assistenza skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna biex tiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tat-TCc, permezz ta’ ħidma taħt is-sitt objettivi tagħha. Matul l-2020, l-assistenza kompliet tiffoka fuq oqsma li jippreżentaw problemi partikolari għall-konformità futura mal-acquis.
Ir-rekord tal-assistenza tal-passat u l-maturità tal-proġetti se jkunu riflessi b’mod kontinwu fl-eżerċizzji ta’ programmar futuri. L-isforzi se jkomplu jiffokaw fuq li jkollhom aktar impatt fl-oqsma prijoritarji permezz ta’ anqas azzjonijiet iżda azzjonijiet li jkunu akbar.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tuża r-riżorsi, inkluż taħt il-Programm ta’ Għajnuna, biex tappoġġa negozjati għal soluzzjoni taħt l-awspiċji tan-NU kif meħtieġ.