Brussell, 11.5.2021

COM(2021) 229 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali











RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali

WERREJ 

1.    INTRODUZZJONI    

2. VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IL-KREDITU IPOTEKARJU    

2.1 Impatt fuq il-protezzjoni tal-konsumatur    

Fiduċja u sodisfazzjon tal-konsumatur bis-self ipotekarju    

Effettività tar-regoli dwar ir-reklamar u l-informazzjoni prekuntrattwali    

Perjodu ta’ riflessjoni u/jew ta’ rtirar    

Prattiki ta’ rbit u abbinar    

Valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja    

Konoxxenza u kompetenza tal-persunal    

Self f’munita barranija    

Dritt għal ħlas lura antiċipat    

Arretrati u bejgħ furzat    

Ċessjoni tal-krediti lil parti terza    

Drittijiet postkuntrattwali ġodda    

Konklużjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur    

2.2 Impatt fuq is-suq uniku    

Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva    

Aċċess għall-bażijiet tad-data tal-kreditu    

Mobilità tal-konsumaturi/Bdil tal-fornituri    

Passaport tal-UE għall-intermedjarji tal-kreditu    

Self ipotekarju minn istituzzjonijiet mhux tal-kreditu    

Infurzar    

Konklużjoni dwar l-aspetti tas-suq uniku    

2.3 Impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja    

Konklużjoni dwar l-aspetti ta’ stabbiltà finanzjarja    

3. SUPERVIŻJONI TAR-REĠISTRI TA’ KREDITU    

4. KONKLUŻJONIJIET    


ABBREVJAZZJONIJIET 

RPAI            Rata tal-perċentwali annwali ta’ imposta

BĊE    Bank Ċentrali Ewropew

EBA            Awtorità Bankarja Ewropea

FISE            Fuljett Informattiv Standardizzat Ewropew

UE            Unjoni Ewropea

NCA            Awtorità nazzjonali kompetenti

CCD            Id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur (id-Direttiva 2008/48/KE)

CRA            Aġenziji ta’ Referenza tal-Kreditu

DĠ FISMA    Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

FIN-NET        Network għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim Finanzjarju

FinTech        Teknoloġija finanzjarja

GDPR            Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679)

GEGRFS        Grupp ta’ Esperti tal-Gvernijiet dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur

SM            Stati Membri

NPL            Self improduttiv



1.    INTRODUZZJONI 

Id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju 1 (Mortgage Credit Directive, MCD) ġiet adottata fl-4 ta’ Frar 2014, bħala parti mill-isforzi tal-UE biex toħloq suq uniku għas-self ipotekarju, u fl-isfond tal-kriżi finanzjarja globali.

L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-MCD fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-21 ta’ Marzu 2016. Madankollu, kienu biss tmien Stati Membri li ttrasponew id-Direttiva fil-ħin. L-aħħar Stat Membru ttraspona d-Direttiva fil-liġi nazzjonali f’Ġunju 2019.

Dan ir-rapport ġie mħejji skont l-Artikolu 44 tal-MCD, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina l-effettività u l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet dwar il-konsumaturi u s-suq intern, b’enfasi fuq l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva. Studju mniedi mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2 (l-“Istudju tar-RPA”) ifforma l-bażi għal dan ir-rapport. Barra minn hekk, u f’konformità mal-Artikolu 45 tal-MCD, ir-rapport jeżamina l-ħtieġa għal superviżjoni tar-reġistri tal-kreditu. Il-Kummissjoni se tissodisfa r-rekwiżit skont l-Artikolu 45 tal-MCD li tippreżenta rapport komprensiv li jivvaluta l-isfidi usa’ tad-dejn eċċessiv privat marbut direttament mal-attività tal-kreditu fi stadju aktar tard, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-konsumaturi.

Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni ffaċċjat għadd ta’ sfidi marbutin mal-ġbir tad-data. Dawn jikkonċernaw prinċipalment iż-żmien limitat minn mindu ġiet applikata d-Direttiva, id-diffikultajiet fl-aċċess għar-reġistri nazzjonali tal-intermedjarji tal-kreditu u l-kriżi tal-COVID-19, li kkoinċidiet mal-istadju tal-ġbir tad-data tal-istudju tal-RPA.

Dan ir-rapport se jikkontribwixxi għall-fażijiet li jmiss, fejn il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni bbażata fuq evidenza addizzjonali miġbura permezz ta’ konsultazzjoni pubblika ddedikata u valutazzjoni tal-impatt bil-għan li tiddeċiedi dwar l-inizjattivi li jmiss (leġiżlattivi jew le) li jikkonċernaw id-Direttiva.

2. VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IL-KREDITU IPOTEKARJU 

L-MCD kellha l-għan li toħloq “suq uniku effiċjenti u kompetittiv għall-konsumaturi, il-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi trawwem il-fiduċja tal-konsumatur, il-mobilità tal-konsumatur, l-attività transfruntiera tal-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu u kundizzjonijiet ekwi.” 3 Fittxet ukoll “li tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn il-kredituri u tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja 4 .

Għalhekk, it-taqsima li ġejja tevalwa kif l-MCD ikkontribwiet biex jingħata livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, biex jiġi żviluppat suq uniku għal self ipotekarju, u biex tiġi promossa l-istabbiltà finanzjarja.

2.1 Impatt fuq il-protezzjoni tal-konsumatur

Fil-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva fuq il-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur 5 , huwa meħtieġ li tingħata ħarsa lejn kif din ikkontribwiet għal aktar fiduċja tal-konsumatur u sodisfazzjon bis-self ipotekarju u lejn l-effettività tar-regoli dwar ir-reklamar u l-informazzjoni prekuntrattwali. B’mod partikolari, il-valutazzjoni ħarset lejn ir-rata perċentwali annwali tal-imposti (RPAI), il-prattiki ta’ rbit u abbinar, il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, l-konoxxenza u l-kompetenza tal-persunal, is-self f’munita barranija, id-dritt għal riflessjoni/irtirar, il-ħlas lura antiċipat, l-arretrati u l-bejgħ furzat.

Fiduċja u sodisfazzjon tal-konsumatur bis-self ipotekarju

Ir-riżultati mill-edizzjoni tal-2018 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur tal-UE 6 (“is-CMS tal-UE”) juru li, minn meta daħlet fis-seħħ l-MCD, is-sodisfazzjon tal-konsumatur b’self ipotekarju tjieb minn punteġġ ta’ 6.6/10 fl-2014 għal 7.3/10 fl-2018. Bl-istess mod, il-fiduċja fis-suq tal-kreditu ipotekarju żdiedet (minn punteġġ ta’ 6/10 fl-2014 għal 6.8/10 fl-2018).

Is-CMS tal-UE tal-2018 tinnota li l-implimentazzjoni tal-MCD x’aktarx li kkontribwiet għal valutazzjoni mtejba tas-suq tal-kreditu ipotekarju minħabba li tat lill-konsumaturi informazzjoni dettaljata dwar it-termini tas-self ipotekarju mogħti u l-aċċess għal ħlas lura antiċipat. Madankollu, minħabba li d-Direttiva ġiet trasposta tard f’ħafna Stati Membri, ir-riżultati tas-CMS tal-UE tal-2018 jistgħu ma jirriflettux l-effetti tagħha għalkollox. Barra minn hekk, ir-riżultati tas-CMS tal-UE ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn konsumaturi li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu ipotekarju fl-2017-18 u dawk li kkonkludew kuntratti ta’ kreditu ipotekarju qabel dak iż-żmien.

Effettività tar-regoli dwar ir-reklamar u l-informazzjoni prekuntrattwali

Ħafna drabi, il-konsumaturi jkunu f’pożizzjoni aktar dgħajfa mill-fornituri tas-servizzi f’termini ta’ aċċess għal informazzjoni rilevanti dwar il-prodotti u s-servizzi. Dan, ħafna drabi, jiġi aggravat minn kwistjonijiet ta’ mġiba bħall-preġudizzju konjittiv relatati ma’ żbalji sistematiċi fl-ipproċessar u l-interpretazzjoni tal-informazzjoni li jaffettwaw id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi. . L-MCD fittxet li tindirizza dan billi tiżgura li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni xierqa li tippermettilhom jagħmlu deċiżjonijiet infurmati. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar u l-informazzjoni prekuntrattwali huma strumentali għal dan il-għan.

Fir-rigward tar-reklamar, id-Direttiva kkontribwiet għall-prevenzjoni ta’ prattiki ta’ reklamar inġusti u qarrieqa, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikoli 10 u 11. Skont l-istudju tal-RPA, ħafna mill-konsumaturi jemmnu li r-reklami għal self ipotekarju huma ġusti, ċari u mhux qarrieqa. Madankollu, hemm indikazzjonijiet li r-rekwiżiti tar-reklamar jistgħu ma jkunux adattati għad-dinja diġitali, filwaqt li l-kredituri jsemmu diffikultajiet biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-informazzjoni meta jirreklamaw online.

Id-Direttiva (l-Artikolu 14) tirrikjedi l-għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u personalizzata bla ħlas lill-konsumaturi, b’mod partikolari permezz tal-Fuljett Informattiv Standardizzat Ewropew (FISE) inkluża r-rata perċentwali annwali tal-imposti (RPAI). L-evalwazzjoni turi li l-konsumaturi bbenefikaw minn dan, b’mod partikolari billi rċevew informazzjoni prekuntrattwali aħjar f’format standardizzat 7 bil-FISE u l-kalkolu tar-RPAI. Instab li l-informazzjoni dwar ir-RPAI kienet importanti biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-offerti, għalkemm l-evidenza turi li ftit konsumaturi jifhmu kompletament it-tifsira tar-RPAI 8 . Barra minn hekk, għalkemm l-informazzjoni pprovduta fl-FISE hija meqjusa importanti għall-konsumaturi biex jagħmlu deċiżjoni infurmata, ħafna drabi jidher li l-konsumaturi jkunu mgħobbija żżejjed b’informazzjoni li ma jaqrawx jew ma jifhmux, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jitqabblu l-prodotti. Jidher ukoll li l-FISE mhux dejjem jiġi pprovdut fil-ħin, u għalhekk il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jagħżlu l-aħjar offerti (eż. jirċievu biss l-informazzjoni meta jirċievu l-offerta finali), mhuwiex adattat għall-apparati elettroniċi (eż. smartphones) jew l-għoti ta’ informazzjoni f’forma diġitali. L-istudju tal-RPA jindika wkoll li jista’ jkun li l-informazzjoni prekuntrattwali mhux dejjem qed tingħata mingħajr ħlas lill-konsumaturi.

Perjodu ta’ riflessjoni u/jew ta’ rtirar

Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri issa tagħti lill-konsumaturi perjodu ta’ riflessjoni, ta’ rtirar jew it-tnejn, li mhux dejjem kellhom qabel. Ħafna mill-Istati Membri għażlu li jagħtu perjodu ta’ riflessjoni aktar milli perjodu ta’ rtirar. Madankollu, il-proporzjon ta’ konsumaturi li ħassew li jingħataw biżżejjed żmien biex jirriflettu naqas (meta mqabbel ma’ qabel ġiet implimentata d-Direttiva).

B’kuntrast ma’ dan, kien hemm sehem akbar tal-konsumaturi li ngħataw dritt ta’ rtirar jaħsbu li ngħataw biżżejjed żmien biex jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom minn dawk li ġew mistħarrġa qabel ġiet implimentata d-Direttiva. Jidher li d-Direttiva kienet effettiva f’dan ir-rigward, għalkemm fil-prattika l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi ma jirtirawx minn self ipotekarju. Uħud mill-konsumaturi li ppruvaw jirtiraw mill-kuntratt ipotekarju ffaċċjaw diversi diffikultajiet.

Prattiki ta’ rbit u abbinar

Għalkemm l-evidenza miġbura turi li kien hemm tnaqqis żgħir fil-proporzjon tal-konsumaturi li kienu meħtieġa jixtru servizzi abbinat addizzjonali, dawn il-prattiki għadhom iseħħu, b’mod partikolari fost l-intermedjarji tal-kreditu għal prodotti tal-assigurazzjoni 9 . Mhuwiex ċert kemm il-prattiki ta’ rbit huma konformi mal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 12 10 . F’dan il-kuntest, il-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-UE tista’ tapplika wkoll.

Valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja

Jidher li l-obbligu għall-kredituri li jwettqu valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja (l-Artikoli 18 u 20 tal-MCD) u r-rekwiżit li l-fornitur jista’ biss jagħmel il-kreditu disponibbli għall-konsumatur jekk ir-riżultat tal-valutazzjoni jkun pożittiv 11 , huma fost l-aktar dispożizzjonijiet effettivi f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur peress li jipprevjenu lill-fornituri milli jagħtu kreditu lill-konsumaturi li ma jkunux jistgħu jħallsuh lura 12 . Il-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, l-arretrati fuq is-self ipotekarju jidher li naqsu jagħti indikazzjoni inizjali li dawn id-dispożizzjonijiet qed jibda jkollhom effett pożittiv. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu l-perjodu latenti bejn il-ħruġ ta’ kreditu u meta l-konsumaturi jidħlu f’diffikultà finanzjarja, jista’ jkun biss possibbli li ssir valutazzjoni sħiħa tal-effettività vera ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fi stadju aktar tard. Madankollu, hemm ċerta inċertezza dwar il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet jiġu applikati għall-konsumaturi responsabbli in solidum għas-self peress li l-MCD tirreferi biss għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ konsumatur individwali. Kien hemm ukoll bidla riċenti fis-suq tal-kreditu biex jintużaw il-Big Data u t-tagħlim awtomatiku biex jinħolqu servizzi personalizzati, ibbażati b’mod partikolari fuq valutazzjonijiet imħaffa tal-affidabbiltà kreditizja (l-aktar fil-kuntest tal-kreditu tal-konsumatur) 13 . Dawn it-teknoloġiji jistgħu jagħmluha aktar faċli u irħas għall-konsumaturi biex jiksbu self ipotekarju, u jistgħu jtejbu l-kapaċità tal-mutwanti biex jivvalutaw ir-riskji pereżempju permezz ta’ analitika abbażi tal-algoritmi tal-affidabbiltà kreditizja. Fl-istess ħin, dawn joħolqu wkoll riskji ġodda fir-rigward tad-data użata (eż. data tal-midja soċjali), il-mod kif tingħata l-informazzjoni u l-offerta mfassla (biex titħaffef id-deċiżjoni tax-xiri tal-konsumaturi), u l-immirar u l-personalizzazzjoni tal-konsumaturi (b’mod partikolari t-trasparenza tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja abbażi tal-algoritmi) 14 . Dawn il-kwistjonijiet huma koperti wkoll mill-Proposta riċenti tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali).

Bħala rispons għat-tibdil fil-klima u għall-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli, il-kunċett ta’ “self ipotekarju għall-effiċjenza enerġetika” beda jaqbad matul dawn l-aħħar ftit snin. Riċerka riċenti identifikat korrelazzjoni potenzjali bejn il-prestazzjonijiet tas-self tad-detenturi tas-self ipotekarju u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-proprjetajiet tagħhom, li tindika riskju possibbilment aktar baxx ta’ inadempjenza ta’ dan it-tip ta’ self ipotekarju. Aktar riċerka dwar dan is-suġġett għadha għaddejja f’diversi livelli 15 .

Konoxxenza u kompetenza tal-persunal

Ir-riżultati tal-istudju tal-RPA jindikaw li r-rekwiżiti tal-MCD dwar il-konoxxenza u l-kompetenza tal-persunal (l-Artikolu 9 u l-Anness III) setgħu wasslu għal żieda fil-livell ta’ kompetenza tal-persunal tal-kredituri, u għalhekk ikkontribwixxa għal livell ogħla ta’ professjonaliżmu. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi mistħarrġa kienu jaħsbu li l-persunal impjegat mill-kredituri u mill-intermedjarju tal-kreditu għandu livell xieraq ta’ konoxxenza u kompetenza. Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija indikaw li kien hemm żieda fl-ispejjeż tat-taħriġ bħala riżultat tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, ġie nnotat li l-kredituri qed jiddependu dejjem aktar fuq robokonsulenti.

Self f’munita barranija

L-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar is-self f’munita barranija jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom id-dritt li jikkonvertu l-kuntratt ta’ kreditu f’munita alternattiva b’kundizzjonijiet speċifikati jew, jekk ikun hemm arranġamenti oħra fis-seħħ, jillimitaw ir-riskju tar-rata tal-kambju li għalih ikun espost il-konsumatur. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jipprevjenu detriment sostanzjali għall-konsumatur kif osservat fil-passat meta l-munita barranija li fiha nħareġ self żdiedet fil-valur 16 .

L-evidenza miġbura turi li, għalkemm ir-regoli tal-MCD kienu effettivi fil-prevenzjoni tal-esponiment tal-konsumatur għar-riskju tar-rata tal-kambju u l-inadempjenza, f’ħafna pajjiżi l-mutwanti waqfu joffru self f’munita barranija bħala riżultat tar-regoli. F’pajjiżi oħra, kien hemm tnaqqis sinifikanti fis-self f’munita barranija.

Dritt għal ħlas lura antiċipat

L-Artikolu 25 tal-MCD jagħti lill-konsumaturi d-dritt għall-ħlas lura antiċipat tas-self ipotekarju, soġġett għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu kundizzjonijiet għal ħlas lura antiċipat, b’mod partikolari kumpens ġust u oġġettiv.

L-evidenza miġbura mill-Kummissjoni turi li din id-dispożizzjoni hija effettiva biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur 17 . Għalkemm il-konsumaturi għandhom id-dritt li jagħmlu ħlas antiċipat tal-bilanċ pendenti tas-self ipotekarju kollu, jew parti minnu, jidher li minoranza biss tal-konsumaturi eżerċitaw dan id-dritt minn mindu d-Direttiva daħlet fis-seħħ. Il-benefiċċju sħiħ ta’ dan id-dritt jidher li huwa limitat minħabba n-nuqqas ta’ kuxjenza fost il-konsumaturi, l-inabbiltà tagħhom li jivvalutaw kemm jistgħu jiffrankaw, u t-tariffi li jkollhom jitħallsu (ara t-Taqsima 2.2. dwar il-mobbiltà tal-konsumaturi).

Studju 18 kkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2019 (l-“Istudju tal-ICF”) wera li l-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta mal-ħlas lura antiċipat (l-iskadenza tal-perjodu ta’ avviż jew il-perjodu kuntrattwali minimu) u l-ammont possibbli ta’ kumpens li għandu jitħallas lill-mutwanti, speċjalment f’self ipotekarju b’rata tal-imgħax fissa, jistgħu jiskoraġġixxu lill-konsumaturi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda mhux kollha, stabbilew definizzjoni preċiża tal-kumpens li għandu jitħallas (bħal perċentwal tal-imgħax dovut jew tal-bilanċ pendenti), li tippermetti lil mutwatarju jikkalkula l-ispejjeż bil-quddiem. Dan jidher li jnaqqas b’mod konsiderevoli d-differenzi bejn il-kalkolu tal-ammonti dovuti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu, filwaqt li jtejjeb iċ-ċertezza legali u t-trasparenza ġenerali.

Arretrati u bejgħ furzat

 

L-għan tal-Artikolu 28 tal-MCD dwar l-arretrati u l-bejgħ furzat huwa li jħeġġeġ lill-kredituri jittrattaw ir-riskju tal-kreditu emerġenti fi stadju bikri u li jagħmlu tentattivi raġonevoli biex isolvu s-sitwazzjoni qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ bejgħ furzat. Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għall-istudju tal-RPA indikaw li l-MCD ikkontribwiet għal tnaqqis fid-dejn eċċessiv. Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-konsumaturi jissuġġerixxu li l-konsumaturi wkoll huma sodisfatti bl-imġiba tal-mutwanti f’dan ir-rigward. Tlettax-il Stat Membru użaw l-għażla prevista fid-Direttiva li tippermetti lill-kredituri jimponu imposti addizzjonali fuq il-konsumaturi f’każ ta’ inadempjenza (b’xi limiti) filwaqt li 12-il Stat Membru ma għamlux dan 19 . Abbażi tal-informazzjoni limitata mogħtija, u minħabba l-perjodu qasir ta’ applikazzjoni tal-MCD u t-traspożizzjoni tardiva tagħha, mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni b’livell għoli ta’ ċertezza jekk dawn id-dispożizzjonijiet kinux effettivi fit-tnaqqis tar-riskju ta’ bejgħ furzat.

 

L-impatt ekonomiku tal-COVID-19 joħloq riskju li għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom u jista’ jkollhom dejn eċċessiv. Se ssir analiżi aktar dettaljata fil-kuntest tar-rapport li jmiss dwar l-isfidi usa’ tad-dejn privat eċċessiv.

Ċessjoni tal-krediti lil parti terza

Il-GDPR jirrikjedi li l-kreditur/kontrollur il-ġdid jinforma lill-konsumatur/lis-suġġett tad-data dwar l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, fost dettalji oħra 20 . Madankollu, għall-kuntrarju tas-CCD, l-MCD ma tipprovdi l-ebda garanzija b’mod espliċitu lill-konsumaturi f’każ li jkun hemm ċessjoni tal-kuntratt ta’ kreditu lil parti terza. Sabiex jiġi żgurat li l-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur ma jiġix affettwat f’każ ta’ ċessjoni ta’ kreditu, il-Kummissjoni inkludiet, fil-proposta tagħha għal Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral (il-“proposta għal Direttiva dwar l-NPL”) 21 , emenda tal-MCD biex jiġi żgurat li f’każijiet bħal dawn il-konsumatur ikun intitolat li jressaq kontra x-xerrej tal-kreditu kwalunkwe difiża disponibbli kontra l-fornitur oriġinali 22 . Il-proposta tirrikjedi wkoll li x-xerrejja tal-kreditu għall-konsumatur li mhumiex stabbiliti fl-UE jaħtru istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu awtorizzati fl-UE għas-servizzjar tal-kuntratt ta’ kreditu 23 . Il-proċedura leġiżlattiva ta’ din il-proposta għadha għaddejja.

Drittijiet postkuntrattwali ġodda

L-emendi tal-kuntratt ta’ kreditu jistgħu jkunu ta’ detriment għall-konsumaturi minħabba s-sitwazzjoni ta’ dipendenza li jsibu ruħhom fiha, u b’hekk titnaqqas is-setgħa ta’ negozjar tagħhom fir-rigward tal-fornitur. Għalhekk, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjoni ġdida fil-proposta għal Direttiva dwar l-NPL 24 li tipprovdi li, jekk it-termini tal-kuntratt jiġu emendati, il-konsumaturi jkunu intitolati li jirċievu deskrizzjoni ċara u komprensiva tat-tibdil propost, l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni u r-raġunijiet għall-ilment disponibbli.

Konklużjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur

Bħala konklużjoni, hemm indikazzjonijiet li l-MCD ikkontribwiet biex jogħla l-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE, b’mod partikolari billi stabbiliet livell minimu ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha. Jidher ukoll li kkontribwiet għal żieda fil-livell ta’ fiduċja tal-konsumatur fis-suq ipotekarju. Madankollu, jidher li xi limitazzjonijiet relatati mal-kapaċità tal-konsumaturi li jipproċessaw informazzjoni kumplessa u estensiva u l-inadegwatezza ta’ ċerti rekwiżiti tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni għall-konsenja diġitali, ixekklu l-effettività sħiħa tar-regoli. L-obbligu tal-fornitur li jivvaluta l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur qabel ma jiffinalizza l-kuntratt seta’ wassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ konsumaturi li jesperjenzaw diffikultajiet biex iħallsu lura l-kreditu tagħhom. Id-dritt ta’ ħlas lura antiċipat kellu effetti pożittivi iżda jidher li l-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta miegħu u l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas jiskoraġġixxu lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt u jibdlu l-kuntratti biex jiffrankaw. Indikazzjonijiet bikrija dwar id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-arretrati u l-bejgħ furzat jindikaw li huma effettivi fit-tnaqqis tar-riskju tal-bejgħ furzat. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet x’aktarx li jiġu ttestjati b’mod aktar estensiv fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. L-emenda tal-MCD u s-salvagwardji għall-konsumatur il-ġodda proposti mill-Kummissjoni huma mistennija li jżidu l-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur f’każijiet fejn ikun hemm ċessjoni tal-kreditu lil parti terza.

2.2 Impatt fuq is-suq uniku

L-MCD għandha l-għan li tippromwovi l-kummerċ transfruntier fi krediti ipotekarji u b’hekk suq uniku, billi ddaħħal livell ta’ armonizzazzjoni fir-rekwiżiti għall-għoti ta’ self ipotekarju (b’mod partikolari li jkopru l-kondotta tan-negozji, is-superviżjoni tal-intermedjarji tal-kreditu u l-attività tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu). Minn livell baxx ħafna ta’ madwar 1 % tas-self ipotekarju mogħtija fl-2016 25 , l-għoti transfruntier tas-self ipotekarju baqa’ limitat ħafna (b’valur ta’ EUR 52 biljun (<1 %)) 26 .  

In-nuqqas tal-attività ta’ self ipotekarju transfruntier huwa minħabba l-fatt li għad hemm ostakli sinifikanti, inkluż id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’oqsma lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva bħas-sistemi fiskali, ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà u tal-art, id-dritt kuntrattwali li jirregola l-kuntratti ta’ kreditu u kwistjonijiet postkuntrattwali bħal regoli ta’ bejgħ furzat. Kif muri mill-istudju tal-RPA, il-kredituri jibżgħu li l-fatt li jkollhom jimplimentaw liġijiet barranin b’mod legalment sigur jesponihom għal riskji u sfidi legali li jistgħu jdgħajfu l-profittabbiltà tat-tranżazzjonijiet transfruntiera.

In-nuqqas ta’ attività transfruntiera huwa kkawżat ukoll minn raġunijiet oħra, bħall-preferenza tal-konsumaturi favur is-suq domestiku u l-lingwa tagħhom. Skont l-istudju tal-RPA, l-aktar raġunijiet irrapportati b’mod frekwenti mill-konsumaturi dwar il-għala ma jeħdux self ipotekarju ma’ mutwanti minn pajjiż ieħor tal-UE kienu li kienx hemm dan il-bżonn jew għaliex qatt ma għadditilhom minn moħħhom jagħmlu dan. In-nuqqas ta’ familjarità u fiduċja mal-fornituri, l-ostakli lingwistiċi u n-nuqqas ta’ kuxjenza dwar il-prodotti disponibbli kienu wkoll kwistjonijiet irrapportati b’mod frekwenti.

Dawn l-ostakli żdiedu mill-Istati Membru permezz tal-“gold-plating” tar-rekwiżiti tad-Direttiva u l-implimentazzjoni tal-għażliet regolatorji (eż. ir-reklamar, il-prattiki ta’ rbit, il-perjodu ta’ riflessjoni/irtirar) li jimponu obbligi addizzjonali u spejjeż assoċjati li ma jistgħux jiġu attribwiti għad-Direttiva nfisha.

Minkejja dawn l-ostakli, l-MCD kellha impatt fuq il-funzjonament tas-suq uniku billi kisbet kundizzjonijiet ekwi (eż. l-istabbiliment ta’ rekwiżiti u dispożizzjonijiet għall-kredituri u l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi għall-intermedjarji tal-kreditu u l-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu). B’riżultat ta’ dan, ikkontribwiet sa ċertu punt biex il-konsumaturi jingħataw għażla usa’ u kwalità aħjar. Id-diġitalizzazzjoni u l-għadd akbar ta’ konsumaturi diġitalment u finanzjarjament litterati jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa għal kuntatti wiċċ imb wiċċ u jgħinu biex tingħata spinta lill-għoti ta’ self ipotekarju bejn il-fruntieri fil-futur.

L-iżvilupp ta’ suq uniku għal self ipotekarju jiddependi mill-effettività tar-regoli tal-MCD fil-promozzjoni ta’ attività transfruntiera, fiż-żieda fil-mobilità tal-konsumaturi, fl-aċċess bla xkiel għall-bażijiet tad-data (għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja), fil-garanzija ta’ self responsabbli mill-fornituri tal-kreditu, l-intermedjarji u l-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu u fl-infurzar effettiv. Minħabba li s-suq uniku jevolvi b’mod kostanti, hemm ħtieġa li r-regoli jżommu l-pass ma’ żviluppi ġodda bħall-pjattaformi online peer-to-peer.

Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

Id-data miġbura tindika li, b’mod ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-MCD jibqa’ xieraq biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva, għalkemm hemm lok għal xi aġġustamenti.

L-iskemi ta’ rilaxx ta’ ekwità, magħrufa wkoll bħala ipoteki inversi, bħalissa huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MCD skont l-Artikolu 3(2)(a). Fl-istudju tal-RPA nstab li l-livell attwali tar-regolamentazzjoni ta’ dawn l-iskemi jista’ ma jkunx biżżejjed u jista’ joħloq riskju f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur 27 .

L-Artikolu 46 tal-MCD estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tas-CCD biex jinkludi krediti għar-rinnovazzjoni ta’ proprjetà residenzjali ta’ aktar minn EUR 75 000. Bħalissa s-CCD qed tiġi rieżaminata u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha qed jiġi vvalutat.

Il-ħolqien ta’ pjattaformi online peer-to-peer li jlaqqgħu lill-konsumaturi kemm bħala mutwanti kif ukoll bħala mutwatarji jista’ jkollu implikazzjonijiet għas-suq ipotekarju fil-futur 28 . Għalkemm is-suq għal self bejn il-pari u l-crowdfunding għall-proprjetà residenzjali għadu żgħir u x’aktarx li jibqa’ hekk mill-anqas fil-futur qrib, dawn l-iżviluppi jistħoqqilhom monitoraġġ. L-Istati Membri ħadu approċċi differenti, bil-biċċa l-kbira jagħżlu li għalissa ma jirregolawx dan il-qasam. F’xi każijiet, il-leġiżlaturi nazzjonali jirrikjedu li pjattaformi bħal dawn jirreġistraw bħala intermedjarji tal-kreditu. Hemm ukoll inċertezza legali dwar jekk is-siti web tat-tqabbil tal-offerti jikkwalifikawx bħala intermedjarji tal-kreditu.

Il-Finlandja biss irrapportat li użat l-għażla prevista fl-Artikolu 3(3)(a) biex teskludi ċerti kuntratti ta’ kreditu garantiti mill-kamp ta’ applikazzjoni.

Ir-Renju Unit biss uża l-għażla li jeskludi kuntratti ta’ kreditu “buy-to-let” mid-Direttiva (l-Artikolu 3(3)(b)).

Aċċess għall-bażijiet tad-data tal-kreditu

L-Artikolu 21 tal-MCD jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu aċċess nondiskriminatorju għall-bażijiet tad-data tal-kreditu minn kredituri li jinsabu f’pajjiżi oħra għall-fini tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi. Id-diffikultajiet relatati mal-aċċess għall-bażijiet tad-data tal-kreditu jistgħu jkunu impediment għall-għoti transfruntier tas-self ipotekarju.

L-istudju tal-RPA sab li l-kundizzjonijiet għall-aċċess nondiskriminatorju għall-bażijiet tad-data tal-kreditu huma ġeneralment ċari, u ma hemm l-ebda evidenza ta’ diskriminazzjoni. Madankollu, l-istudju juri wkoll li sabiex fil-fatt jaċċessaw il-bażi tad-data, il-fornituri jintalbu jipprovdu data korrispondenti għall-bażi tad-data (prinċipju ta’ reċiproċità 29 ). Iżda l-fornituri fl-Istati Membri li jippermettu li data “negattiva” (data dwar l-inadempjenza fil-ħlas) biss tiġi pproċessata għal finijiet ta’ valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ma jistgħux jipprovdu bażijiet ta’ data fi Stati Membri b’data “pożittiva” (eż. dwar l-impenji finanzjarji kurrenti) u għalhekk huma fi żvantaġġ fir-rigward ta’ kompetituri li jipproċessaw data kemm negattiva kif ukoll dik pożittiva. Aktar kumplikazzjonijiet jirriżultaw mid-differenzi fil-kontenut tal-bażijiet tad-data tal-kreditu u min-nuqqas ta’ terminoloġija komuni, bħad-definizzjoni ta’ “inadempjenza” 30 . 

Mobilità tal-konsumaturi/Bdil tal-fornituri

Id-dispożizzjonijiet tal-MCD dwar l-informazzjoni prekuntrattwali, il-projbizzjoni tal-prattiki ta’ rbit, il-perjodu ta’ riflessjoni/irtirar u b’mod partikolari d-dritt għal ħlas lura antiċipat tal-kreditu jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex jibdlu l-fornituri. Il-mobilità tal-konsumaturi hija importanti ħafna biex titrawwem il-kompetizzjoni u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aħjar offerti disponibbli fis-suq.

Il-konsumaturi ma jbiddlux il-fornituri spiss. Skont studju mwettaq għall-Kummissjoni 31 , fil-kampjun kollu ta’ 14-il Stat Membru, l-iffrankar aggregat għall-konsumaturi mill-bdil tal-fornituri jista’ jilħaq sa EUR 1,7 biljun fix-xahar, jew aktar minn EUR 20 biljun fis-sena. Skont l-istħarriġ tal-konsumaturi b’self ipotekarju mwettaq għal dan l-istudju, il-perċentwal tal-konsumaturi kollha li attwalment għandhom self ipotekarju li jistgħu jibbenefikaw mill-bdil tas-self ipotekarju tagħhom ivarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri (eż. 22 % fl-Iżvezja meta mqabbel ma’ 78 % fil-Portugall) 32 .

Studju tal-imġiba mwettaq għall-Kummissjoni 33 wera li ma hemm l-ebda raġuni unika għaliex il-konsumaturi ma jibdlux is-self ipotekarju, iżda taħlita ta’ raġunijiet bħas-sodisfazzjon bil-fornitur attwali, is-sitwazzjoni tas-suq (eż. rati tal-imgħax baxxi), in-nuqqas ta’ għarfien dwar l-opportunità li jibdlu jew dwar il-benefiċċji potenzjali. Fatturi sinifikanti oħra huma prijoritajiet oħra, wisq informazzjoni biex tiġi pproċessata u l-mod kif din tiġi ppreżentata, sens ta’ biża’ li ssir l-għażla żbaljata, u l-ħin, l-ispejjeż u l-intrigu tat-tiftix għal offerta aħjar. Kif imsemmi fit-Taqsima 2.1, it-tħassib dwar kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw id-dritt għal ħlas lura antiċipat ukoll jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jibdlu s-self ipotekarju 34 .

Iż-żewġ studji msemmija aktar ’il quddiem dwar il-bdil jindikaw ukoll falliment potenzjali tas-suq relatat ma’ għadd ta’ prattiki minn fornituri li jiskoraġġixxu l-bdil. B’mod partikolari, l-istudju tal-ICF wera li n-nuqqas ta’ qafas ġuridiku speċifiku għall-bdil tas-self ipotekarju 35  jista’ jikkostitwixxi ostaklu għall-bdil, peress li l-istituzzjoni tal-kreditu jistgħu jieħdu vantaġġ minn lakuni leġiżlattivi biex jadottaw diversi prattiki kummerċjali li jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi, jew saħansitra jipprevjenuhom, milli jibdlu l-prodotti finanzjarji. Prattiki kummerċjali bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għall-iskrutinju tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-UE.

Passaport tal-UE għall-intermedjarji tal-kreditu

Waħda mill-bidliet ewlenin li ġabet magħha d-Direttiva kienet li jinħoloq passaport tal-UE għall-intermedjarji tal-kreditu u li l-attività tagħhom tiġi rregolata bl-istess mod bħall-kredituri. Dan jippermetti lill-intermedjarji tal-kreditu joffru s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra filwaqt li l-konsumaturi jibbenefikaw minn proċess eħfef biex jiksbu self ipotekarju, b’mod partikolari meta jkunu jfittxu self ipotekarju fi Stati Membri oħra.

Skont l-MCD, l-Istati Membri jridu jfasslu reġistru tal-intermedjarji tal-kreditu liċenzjati. Madankollu, ir-reġistri mhux dejjem ikunu aċċessibbli faċilment 36 u l-informazzjoni disponibbli tvarja bejniethom. Għal din ir-raġuni, l-għadd totali ta’ intermedjarji tal-kreditu li bħalissa joperaw madwar l-UE mhuwiex magħruf.

Ġeneralment, l-intermedjarji tal-kreditu għandhom rwol żgħir fis-self ipotekarju (ara l-Anness). Madankollu, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri għandhom livell moderat ta’ attività (u fl-Irlanda 37 , saħansitra livell għoli) 38 . Skont ir-riżultati tal-istħarriġ tal-konsumaturi mwettaq mill-RPA, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, anqas minn kwart tal-konsumaturi (24 %) użaw intermedjarju tal-kreditu. Għal self ipotekarju mogħti bejn l-2016 u l-2019, dan żdied għal 36 %. Madankollu, din il-bidla ma tistax tiġi attribwita esklużivament għad-Direttiva peress li l-użu tal-intermedjarji tal-kreditu jidher li huwa assoċjat ma’ fatturi oħra wkoll, bħall-prassi u l-kultura nazzjonali, li jvarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri. Uħud mid-differenzi jidhru li jippersistu fil-mod kif id-definizzjoni ta’ intermedjarju tal-kreditu hija interpretata mill-Istati Membri. Pereżempju, is-siti web ta’ tqabbil u pjattaformi online li jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu self ipotekarju huma meqjusa bħala intermedjarji fi wħud mill-Istati Membri iżda mhux f’oħrajn.

Ftit huma l-intermedjarji tal-kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fuq livell transfruntier u l-evidenza limitata disponibbli tissuġġerixxi li d-Direttiva ftit li xejn kellha impatt fuq dan l-aspett. Uħud mill-partijiet ikkonċernati inklużi rappreżentanti tal-industrija u awtoritajiet pubbliċi kkonsultati mill-RPA nnotaw li raġuni possibbli għal dan hija d-domanda limitata ħafna għall-intermedjarji tal-kreditu li joffru servizzi fuq livell transfruntier.

B’kuntrast, wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-MCD huwa li daħħlet rekwiżiti regolatorji minimi ġodda għall-UE kollha għall-intermedjarji tal-kreditu. Dan għen biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn il-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu u żied il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi stabbilixxa standards ta’ kwalità għad-distribuzzjoni u l-għoti ta’ self ipotekarju.

Self ipotekarju minn istituzzjonijiet mhux tal-kreditu

Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jiżguraw li istituzzjonijiet mhux tal-kreditu ikunu soġġetti għal proċess ta’ ammissjoni xieraq, li jinkludi l-entrata tal-istituzzjoni mhux tal-kreditu f’reġistru u l-arranġamenti għas-superviżjoni minn awtorità kompetenti. Id-Direttiva tiddefinixxi biss istituzzjonijiet mhux tal-kreditu bħala dawk il-kredituri li mhumiex istituzzjoni tal-kreditu. Dan jista’ jinkludi kumpaniji tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħal fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli, awżiljarji finanzjarji bħal sensara tat-titoli u lokazzjoni finanzjarja.

Id-data disponibbli (ara l-Anness) tissuġġerixxi li s-sehem tas-self ipotekarju mogħti minn istituzzjonijiet mhux tal-kreditu għadu limitat. Ir-riżultati mill-istħarriġ tal-konsumaturi tal-RPA jindikaw li l-proporzjon ta’ konsumaturi madwar l-UE li kisbu self ipotekarju minn istituzzjoni mhux bankarja ma nbidilx minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva. Madankollu, fl-2017 fin-Netherlands , madwar 35 % tas-self ipotekarju ġdid ingħata minn fondi tal-pensjonijiet, assiguraturi jew fondi ipotekarji, żieda mill-2016. L-Awstrija u l-Belġju wkoll għandhom livelli mhux negliġibbli ta’ attività, u jidher li qed jiżdied fil-Belġju (bħalissa huwa ogħla minn 10 %).

Il-fehma tal-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati mistħarrġa fl-istudju tal-RPA kienet li d-Direttiva hija adattata għall-iskop ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet mhux tal-kreditu. Il-partijiet ikkonċernati indikaw prinċipalment li l-istess regoli għandhom japplikaw għall-fornituri kollha fis-suq ipotekarju, u li d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju għenet biex ikun hemm kundizzjonijiet aktar ekwi f’dan il-qasam.

Fir-rapport tiegħu tal-2017 39 , il-BĊE ssuġġerixxa li r-rwol dejjem akbar tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu fis-suq ipotekarju ħoloq xi sfidi f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja. Ir-rapport tal-BĊE spjega li s-sehem dejjem akbar tas-suq tal-fornituri mhux bankarji jista’ jillimita l-effettività ta’ wħud mill-miżuri makroprudenzjali li japplikaw biss għall-banek. Pereżempju, żieda fil-ponderazzjoni tar-riskju applikata għall-iskoperturi tas-self ipotekarju għall-kalkolu tal-proporzjonijiet tal-kapital tal-banek, li l-għan tagħha kien li tindirizza akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet fis-suq ipotekarju, tista’ twassal għal żieda fis-self ipotekarju minn kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet 40 .

Il-fehma predominanti tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati mill-RPA (assoċjazzjonijiet tal-industrija u awtoritajiet kompetenti) hija li r-regoli tal-MDC għenu biex ikun hemm kundizzjonijiet aktar ekwi f’dan il-qasam.

Infurzar

L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 38) u jipprevedu soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi mal-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu (l-Artikolu 39).

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u l-membri tal-FIN-NET 41 mistħarrġa fl-istudju tal-RPA qiesu li kien hemm livell għoli ta’ konformità mal-MCD. F’konformità ma’ din is-sejba, l-ilmenti li rċeviet il-Kummissjoni kienu jikkonċernaw prinċipalment self ipotekarju mogħti qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva. Il-konformità rriżultat f’żieda fil-protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li l-industrija bbenefikat l-aktar minn titjib fil-kundizzjonijiet ekwi, titjib fiċ-ċarezza ġuridika u spejjeż ta’ litigazzjoni aktar baxxi. L-awtoritajiet pubbliċi indikaw prinċipalment li l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet (l-Artikolu 38(2)) f’pajjiżhom jipprovdu biżżejjed trasparenza. Barra minn hekk, id-direttiva l-ġdida dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

B’kuntrast, uħud mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur issuġġerew li l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu aktar proattivi. Qiesu n-nuqqas ta’ infurzar bir-reqqa tad-Direttiva bħala ostaklu għall-“iżvilupp ta’ offerti transfruntiera” u għal suq uniku għal self ipotekarju.

Konklużjoni dwar l-aspetti tas-suq uniku

Bħala konklużjoni, id-Direttiva ħolqot kundizzjonijiet aktar ekwi madwar l-Istati Membri billi stabbiliet rekwiżiti minimi għall-fornituri tal-kreditu u l-intermedjarji tal-kreditu madwar l-UE.

Madankollu, ma żviluppatx suq uniku għal self ipotekarju fuq skala akbar, la għall-fornituri tas-self ipotekarju u lanqas għall-intermedjarji tal-kreditu. Għad fadal ostakli kbar għall-għoti transfruntier ta’ self ipotekarju, l-aktar relatati ma’ differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’oqsma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-gold-plating tad-Direttiva tal-MCD mill-Istati Membri ukoll ħoloq ostakli għall-kummerċ transfruntier. Għalkemm hemm data skarsa dwar self minn istituzzjonijiet mhux tal-kreditu, is-sehem tagħhom tas-suq ipotekarju jidher li baqa’ limitat għalkemm żdied xi ftit f’xi Stati Membri (eż. in-Netherlands u l-Belġju). L-aċċess minn mutwanti għall-bażijiet tad-data tal-kreditu mhuwiex diskriminatorju iżda huwa mxekkel mill-prinċipju ta’ reċiproċità u mid-differenzi fil-kontenut tal-bażijiet tad-data tal-kreditu.

Jekk aktar konsumaturi jagħżlu li jużaw id-dritt li jibdlu s-self ipotekarju, dan jista’ jwassalhom biex jiffrankaw sostanzjalment u bl-istess mod tiżdied il-kompetizzjoni għal self ipotekarju.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, uħud mill-aspetti jista’ jkun li saru żejda. Fil-futur, iż-żieda tad-diġitalizzazzjoni tista’ toħloq sfidi. Is-self bejn il-pari (għalkemm bħalissa mhuwiex komuni għal self ipotekarju) għandu l-potenzjal li jikber u se jirrikjedi aktar valutazzjoni tar-regoli applikabbli għalih. Jidher li hemm lok biex jittejjeb l-infurzar tal-MCD mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari dwar aspetti transfruntiera.

2.3 Impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja

Deċiżjonijiet ħżiena ta’ għoti u teħid b’self u, b’riżultat ta’ dan, l-inadempjenza tal-konsumaturi u d-dejn eċċessiv jista’ jkollhom konsegwenzi severi għal dawn l-individwi u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha. Rapport tal-BERS ippubblikat fl-2019 jenfasizza l-importanza tas-swieq tal-proprjetà immobbli residenzjali u l-kreditu ipotekarju għall-istabbiltà finanzjarja 42 . Iż-żminijiet ħżiena fis-swieq tal-proprjetà immobbli residenzjali huma kawża komuni ta’ kriżijiet bankarji u jseħħu relattivament b’mod regolari.

Il-leġiżlaturi tal-UE daħħlu diversi dispożizzjonijiet fl-MCD li għandhom l-għan li jiżguraw għoti u teħid b’self responsabbli u jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu:

·valutazzjoni obbligatorja tal-affidabbiltà kreditizja bbażata b’mod predominanti fuq il-kapaċità ta’ ħlas lura minflok fuq il-valur tas-self ipotekarju meta mqabbel mal-valur tal-proprjetà residenzjali jew fuq iż-żieda preżunta fil-prezzijiet tal-proprjetà (l-Artikolu 18(3)), flimkien ma’ rekwiżit biex jiġi evitat li l-fornituri jsellfu lill-konsumaturi li ma jkunux jistgħu jħallsu lura s-self (l-Artikolu 18(5)(a)) (ara it-Taqsima 2.1);

·rekwiżit għall-użu ta’ standards affidabbli li jirregolaw il-valutazzjoni tal-proprjetà (l-Artikolu 19);

·rekwiżiti dwar self f’munita barranija (l-Artikolu 23) biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu konxji tar-riskju li qed jieħdu (twissijiet) u li l-konsumaturi għandhom il-possibbiltà li jillimitaw l-esponiment tagħhom għar-riskju tar-rata tal-kambju tul il-perjodu tas-self ipotekarju;

·rekwiżit biex jiġi żgurat li kwalunkwe indiċi jew rata ta’ referenza użata għall-kalkolu ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli tkun ċara, aċċessibbli, oġġettiva u verifikabbli (l-Artikolu 24) u li l-konsumaturi jiġu infurmati bl-ismijiet tal-parametri referenzjarji u tal-amministraturi tagħhom, kif ukoll dwar l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-konsumatur (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1)) 43 ;

·dispożizzjonijiet ġodda biex jiġi żgurat li l-kredituri juru tolleranza raġonevoli u jagħmlu tentattivi raġonevoli biex jirrisolvu s-sitwazzjoni permezz ta’ mezzi oħra qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ bejgħ furzat (l-Artikolu 28) (ara t-Taqsima 2.1).

Il-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati għall-istudju tal-RPA kellhom fehmiet imħallta meta ġew mistoqsija sa liema punt l-MCD ikkontribwiet għall-istabbiltà finanzjarja. Il-fehma predominanti kienet li l-enfasi primarja tad-Direttiva hija fuq il-protezzjoni tal-konsumatur aktar milli l-istabbiltà finanzjarja u li atti oħra ta’ leġiżlazzjoni huma aktar adatti biex jirregolaw l-istabbiltà tas-suq (b’mod partikolari r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital). Intqal ukoll li l-MCD serviet biss biex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti fl-Istati Membri.

Minkejja dan, il-partijiet ikkonċernati nnotaw li d-Direttiva għenet biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja billi evitat li l-konsumaturi jieħdu kreditu li ma jkunux jistgħu jħallsu lura u billi armonizzat ir-rekwiżiti bejn it-tipi ta’ mutwanti. Il-partijiet ikkonċernati nnotaw ukoll li d-Direttiva żiedet il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-konsumaturi billi rregolat l-attività tal-intermedjarji tal-kreditu.

Ġie nnotat ukoll li l-għażla ta’ ħlas lura antiċipat tas-self ipotekarju għall-konsumaturi mmotivat lill-konsumaturi biex inaqqsu d-dejn tagħhom u li dan għandu impatt potenzjali fuq l-istabbiltà tas-suq.  

Skont l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri 44 u minn partijiet ikkonċernati oħra, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-mutwanti waqfu joffru self f’munita barranija bħala riżultat tal-MCD. Dan is-self wassal għal detriment konsiderevoli għall-konsumatur qabel l-adozzjoni tal-MCD (ara t-Taqsima 2.1). Madankollu, il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 tista’ tkun test importanti tal-impatt tad-Direttiva fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari sal-punt li din tgħin biex jiġi evitat bejgħ furzat fuq skala kbira b’effett ta’ tfixkil fuq is-swieq tal-akkomodazzjoni u s-settur finanzjarju.

Konklużjoni dwar l-aspetti ta’ stabbiltà finanzjarja

Bħala konklużjoni, l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li l-partijiet ikkonċernati ma jqisux l-istabbiltà finanzjarja bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tad-Direttiva. Madankollu, għenet biex jiġi evitat li l-konsumaturi jieħdu kreditu li ma jkunux jistgħu jħallsu lura, ipprovdiet lill-konsumaturi l-opportunità li jnaqqsu l-livell tad-dejn tagħhom, u llimitat ir-riskju tar-rata tal-kambju tal-konsumaturi fuq l-aċċess għal self f’munita barranija - kollha kemm huma fatturi li għandhom jgħinu fil-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 tista’ tkompli tittestja l-impatt tad-Direttiva fuq l-istabbiltà finanzjarja.

3. SUPERVIŻJONI TAR-REĠISTRI TA’ KREDITU

L-Istati Membri kollha għandhom bażijiet tad-data/reġistri tal-kreditu, li ġeneralment jiġu kkonsultati mill-fornituri ta’ self ipotekarju biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur.

Dawn il-bażijiet ta’ data tal-kreditu jistgħu jkunu pubbliċi jew privati, skont l-Istat Membru. F’xi Stati Membri, ir-reġistri tal-kreditu bi sjieda u tmexxija privata jiġbru informazzjoni finanzjarja mis-settur bankarju iżda wkoll informazzjoni minn organizzazzjonijiet oħra fl-ekonomija li jipprovdu kreditu (eż. utilitajiet, kumpaniji tat-telekomunikazzjoni). F’oħrajn, ir-reġistri tal-kreditu pubbliċi, miżmuma mill-bank ċentrali jew l-aġenzija superviżorja tal-bank, jiġbru informazzjoni dettaljata ħafna dwar is-self li jieħdu l-konsumaturi, prinċipalment għall-analiżi statistika u għas-superviżjoni ekonomika. Uħud mir-reġistri tal-kreditu pubbliċi jippermettu lill-banek jikkonsultaw il-bażi tad-data tagħhom.

L-attività ta’ dawn il-bażijiet tad-data jew l-aġenziji ta’ referenza tal-kreditu trid tikkonforma mar-rekwiżiti legali (multipli) nazzjonali. Minħabba li l-ipproċessar tad-data personali huwa parti mill-attività ewlenija tagħhom u mir-riskju ewlieni involut, il-bażijiet tad-data tal-kreditu kollha huma soġġetti għas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data (DPAs) għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-konformità mal-GDPR u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tispeċifika aktar dan 45 . Dan ifisser li dawk l-entitajiet huma taħt is-sorveljanza tad-DPAs għal kwistjonijiet relatati mal-infurzar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-prinċipju tar-responsabbiltà, inklużi l-obbligi li jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, li jinnotifikaw ksur tad-data, li jikkonformaw mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, u li jaħtru uffiċjali tal-protezzjoni tad-data.

Għalhekk, l-aġenziji ta’ referenza tal-kreditu huma diġà ssorveljati fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE mid-DPAs u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tat-twettiq tal-attività tagħhom fl-ipproċessar tad-data personali skont l-MCD. Bħalissa ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li din is-superviżjoni tiġi estiża.

4. KONKLUŻJONIJIET

Abbażi tad-data disponibbli, ir-rieżami jindika li d-Direttiva kienet effettiva biex iżżid l-istandard tal-protezzjoni tal-konsumatur u għenet biex tarmonizza l-prattiki tas-self ipotekarju madwar l-Istati Membri. Madankollu, il-livell tal-protezzjoni għadu jvarja peress li d-Direttiva tagħti diversi għażliet lill-Istati Membri. Hemm ukoll ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur jibqgħu idonei huwa u jiżviluppa s-suq u jinħolqu sfidi ġodda, b’mod partikolari mid-diġitalizzazzjoni. Il-proċess tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja jista’ jeħtieġ ukoll li jiġi aġġustat biex iżomm il-pass mal-progress fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, u dan jiddependi wkoll fuq l-iżviluppi tal-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, u l-objettivi ta’ politika relatati mal-klima u l-ambjent.

Id-Direttiva kellha impatt limitat fuq il-ħolqien ta’ suq uniku għas-self ipotekarju, l-aktar għal raġunijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MCD. Madankollu, il-gold-plating tal-MCD mill-Istati Membri jista’ wkoll ifixkel il-kisba ta’ dan l-għan. Bid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji hemm il-possibbiltà li l-attività transfruntiera tista’ tiżdied fil-futur qrib. Is-self ipotekarju bejn il-pari wkoll għandu l-potenzjal li jikber, u dan iġib miegħu l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli attwali jibqgħu idonei għal dak il-għan. Hemm ukoll lok biex jiżdied il-livell ta’ bdil tas-self ipotekarju mill-konsumaturi, li jista’ potenzjalment ikun ta’ benefiċċju kbir għall-konsumaturi filwaqt li jżid il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-suq.

Għalkemm il-partijiet ikkonċernati jistgħu ma jqisux li l-objettiv ewlieni tad-Direttiva huwa l-istabbiltà finanzjarja, din wasslet biex il-konsumaturi jirċievu self li huwa konformi mal-kapaċità finanzjarja tagħhom u li jista’ jgħin biex jitnaqqas il-livell ta’ dejn tagħhom. Madankollu, il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 tista’ tipprovdi aktar informazzjoni dwar il-kontribut tad-Direttiva għall-istabbiltà finanzjarja.

Dan ir-rieżami indika li l-aġenziji ta’ referenza tal-kreditu huma diġà soġġetti għal livell xieraq ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tat-twettiq tal-attività tagħhom fl-ipproċessar tad-data personali skont l-MCD.

(1)

Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, test b’rilevanza għaż-ŻEE, ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34-85 (MCD).

(2)

 L-istudju “Evaluation of the Mortgage Credit Directive”, minn Risk & Policy Analysts (RPA), 2020, ara  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/e4a1db26-2f94-11eb-b27b-01aa75ed71a1  

(3)

Il-punt 1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar kuntratti ta’ kreditu ipotekarju.

(4)

Ara l-premessa 75 tal-MCD.

(5)

Id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ kreditu ipotekarju konklużi mill-21 ta’ Marzu 2016 (ara l-Artikolu 43(1)).

(6)

Ara https://ec.europa.eu/info/publications/consumer-markets-scoreboard_en .

(7)

L-edizzjoni tal-2018 tas-CMS tal-UE turi li wara d-dħul fis-seħħ tal-MCD, “il-komparabilità” fis-suq ipotekarju tjiebet.

(8)

Il-konsumaturi spiss ma jirrealizzawx li meta jqabblu r-RPAI, huma jridu jqabblu s-self ipotekarju tal-istess tul u tip, ara l-istudju tal-RPA.

(9)

Kif żvelat mix-xiri bil-moħbi li sar fl-istudju tal-RPA.

(10)

L-ewwel sentenza tal-Qorti dwar l-MCD (il-Kawża C-778/18 Association francaise des usagers de banques) kienet tikkonċerna l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kwistjoni tal-prattiki ta’ rbit.

(11)

Ara l-Artikolu 18(5)(a) tal-MCD.

(12)

Ara l-istudju tal-RPA. Fl-2009, għaxar Stati Membri biss kellhom leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-għoti ta’ kreditu lill-konsumaturi li ma jkunux jistgħu jħallsuh lura. Ara London Economics, “Study on the costs and benefits of different policy options for mortgage credit”.

(13)

Ara l-istudju tas-CML (2017): Digital change and Mortgage Borrowers. The Council of Mortgage Lenders, paġni 9–10. Il-konstatazzjonijiet għar-Renju Unit jistgħu jkunu trasferibbli għall-UE.

(14)

Il-Kummissjoni Ewropea (2019): Behavioural study on the digitalisation of the marketing and distance selling of retail financial services, għadu ma ġiex ippubblikat.

(15)

Fil-livell tal-Kummissjoni, din il-ħidma qed titwettaq fil-grupp ta’ ħidma tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija dwar il-valutazzjoni tar-riskju u fil-livell tal-industrija permezz tal-Inizjattiva EMF-ECBC dwar Self Ipotekarju għall-Effiċjenza Enerġetika.

(16)

Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew “Mortgage Credit - Mis-selling of Financial Products”, Ġunju 2018.

(17)

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati fl-intervisti u fil-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-RPA huma ta’ din il-fehma.

(18)

ICF “Study on switching of financial services and products”, 2019, għadu ma ġiex ippubblikat.

(19)

Ara l-istudju tal-RPA, valutazzjoni legali.

(20)

Ara l-Artikolu 14 tal-GDPR.

(21)

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral {SWD(2018) 75 final}.

(22)

Ara l-Artikolu 38 tal-proposta għal direttiva dwar l-NPL.

(23)

Ara l-Artikolu 15(1) tal-proposta għal direttiva dwar l-NPL.

(24)

Ara l-Artikolu 34 tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-NPL

(25)

Id-data mill-Ewrobarometru speċjali tal-2016 turi li fl-UE-28, 1 % biss tal-konsumaturi li jgħixu fil-Belġju, Ċipru u n-Netherlands kienu xtraw b’self ipotekarju fi Stat Membru ieħor (din iċ-ċifra kienet kemxejn ogħla għal-Lussemburgu (3 %) u għall-Irlanda (2 %)).

(26)

Ara d-data tal-BĊE tal-2019 dwar il-pożizzjonijiet pendenti ta’ self transfruntier lil unitajiet domestiċi mogħtija minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Id-data tinkludi self ipotekarju u tipi oħra ta’ kreditu għall-konsumatur, bħal self għall-unitajiet domestiċi, overdrafts u karti tal-kreditu. Id-data turi li mill-EUR 5 882 biljun f’ammonti pendenti, EUR 52 biljun (<1 %) huma għal self ipotekarju transfruntier fiż-żona tal-euro. Id-data tkopri biss self transfruntier dirett, b’esklużjoni tal-attivitajiet ta’ fergħat ta’ banek barranin li jipprovdu self ipotekarju.

(27)

Ara r-riżultati tal-konsultazzjoni mwettqa mill-RPA mal-partijiet ikkonċernati.

(28)

Ara pereżempju Ziegler et al. (2019) Expanding Horizons: The 3rd European Alternative Finance Industry.

(29)

Ara wkoll ICF, 2020, Evaluation of the CCD; Il-Kummissjoni Ewropea, 2009, Report of the Expert Group on Credit Histories.

(30)

ICF, 2020, Evaluation of the CCD; Il-Kummissjoni Ewropea, 2009, Report of the Expert Group on Credit Histories.

(31)

Ara “Study on switching of financial services and products elaborated by ICF (2019)”, għadu ma ġiex ippubblikat.

(32)

Dawn l-istimi jirreferu għall-bdil fi ħdan mutwanti eżistenti (“bdil intern”) u għal mutwanti ġdid (“bdil estern”) u huma bbażati fuq kampjun ta’ 14-il Stat Membru.

(33)

“Applying behavioural insight to encourage consumer switching of financial products” minn G. Marandola, A. Proestakis, J. Sousa Lourenço, R. van Bavel, 2020, għadu ma ġiex ippubblikat.

(34)

Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-UE.

(35)

Qafas ġuridiku għall-bdil jeżisti biss fl-Italja u fi Spanja. L-Irlanda, il-Portugall u d-Danimarka għandhom biss ftit dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw il-bdil tas-self ipotekarju, ara l-istudju tal-ICF.

(36)

L-EBA tipprovdi link għar-reġistri nazzjonali disponibbli.

(37)

452 intermedjarju tal-kreditu rreġistrati.

(38)

L-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja u l-Portugall.

(39)

Ara https://www.ecb.europa.eu/pub/financial-stability/fsr/focus/2017/pdf/ecb~8341bea69d.fsrbox201705_07.pdf .

(40)

Idem 

(41)

In-Network għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim Finanzjarju huwa network ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali responsabbli mir-riżoluzzjoni barra mill-qorti tal-ilmenti tal-konsumaturi li jikkonċernaw is-servizzi finanzjarji.

(42)

BERS (2019): Vulnerabilities in the residential real estate sectors of the EEA countries, https://www.esrb.europa.eu/news/pr/date/2019/html/esrb.pr190923~75f4b1856d.en.html .

(43)

Kif emendat bl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment.

(44)

Konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti tal-Gvernijiet dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur tal-Kummissjoni (GEGRFS).

(45)

Ara l-Artikolu 51(1) tal-GDPR.


Brussell, 11.5.2021

COM(2021) 229 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali












ANNESS

Dettalji tar-reġistri pubbliċi u informazzjoni għas-superviżjoni tal-intermedjarji tal-kreditu u l-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu 1

Stat Membru

Rwol tal-intermedjarji tal-kreditu fis-self ipotekarju

Rwol tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu fis-self ipotekarju

AT

Moderat

Baxx (<10 % tal-valur totali tas-self ipotekarju)

BE

Baxx għal moderat

Baxx (11 % tas-self fit-tul, li jista’ jinkludi forom oħra ta’ self, iżda li qed jiżdied mill-2010)

BG

Baxx

Mhux magħruf

CY

Baxx ħafna (l-ebda rekord disponibbli mill-Bank ta’ Ċipru)

Baxx ħafna (3 kumpaniji biss)

CZ

Moderat (322 intermedjarju tal-kreditu għall-konsumatur indipendenti, 1024 intermedjarju tal-kreditu għall-konsumatur marbut)

10-20 istituzzjoni mhux tal-kreditu jipprovdu self ipotekarju (u 85 huma kklassifikati bħala istituzzjonijiet mhux tal-kreditu b’mod aktar ġenerali)

DK

Baxx

Baxx ħafna (sehem mis-suq stmat = 1-2 %)

DE

Moderat

Baxx ħafna (<5 %)

EE

8 intermedjarji tal-kreditu Estonjani u 22 intermedjarju tal-kreditu minn Stati Membri oħra li joperaw fl-Estonja

Moderat/baxx (29 istituzzjoni mhux tal-kreditu awtorizzata) iżda perċentwal żgħir biss tat-total ta’ self għall-unitajiet domestiċi fit-tul

EL

Baxx

Mhux applikabbli. Il-kreditu residenzjali/ipotekarju jista’ jingħata biss minn istituzzjonijiet tal-kreditu tas-CRD IV u istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom “passaport” u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti tas-CRD IV.

ES

Baxx (25)

Mhuwiex ċert minħabba n-nuqqas ta’ data. Uħud mill-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu huma taħt is-superviżjoni tal-bank ċentrali Spanjol (Banco de España) u oħrajn taħt is-17 Comunidades Autonomas (reġjuni awtonomi) ta’ Spanja.

FI

Baxx ħafna

Baxx ħafna — 3 istituzzjonijiet biss jipprovdu self ipotekarju

FR

Moderat (ma nstabet l-ebda data reċenti iżda madwar 22 % ġew irrapportati fl-2007)

Baxx ħafna (madwar 1-2 %)

HR

Baxx (27 Intermedjarju tal-Kreditu Marbut. L-ebda informazzjoni disponibbli dwar l-intermedjarji tal-kreditu mhux marbuta)

Mhux magħruf

HU

Moderat (l-ebda data reċenti iżda madwar 25 % fl-2007)

Mhux magħruf: 219-il istituzzjoni mhux tal-kreditu iżda mhuwiex ċert kemm minnhom jipprovdu self ipotekarju ((anqas) intermedjarji tal-kreditu huma l-mexxejja tas-suq)

IE

Moderat/għoli (452)

Mhux magħruf

IT

Moderat

200 istituzzjoni mhux tal-kreditu, l-ebda waħda ma topera fis-suq ipotekarju tal-konsumatur

LT

Moderat/għoli (424)

Baxx ħafna (3 istituzzjonijiet mhux tal-kreditu minn 9 jipprovdu self ipotekarju). Id-daqs tas-suq tal-kreditu ipotekarju tagħhom kien 0.02 % fl-2019, Q3).

LU

Baxx (25)

Baxx ħafna (madwar 1-2 %)

LV

Baxx ħafna

Baxx ħafna (madwar 2-3 %)

MT

Baxx ħafna

Baxx ħafna (<5 %)

NL

Moderat iżda l-figura mhux magħrufa

Baxx/moderat għal self fit-tul, li jista’ jinkludi forom oħra ta’ self (madwar 17 %, żieda mill-2010)

PL

Moderat/għoli (731)

Ineżistenti

PT

Baxx għal moderat (15 % tat-total fl-2007)

Ma hemmx istituzzjonijiet mhux tal-kreditu (il-banek u l-intermedjarji tal-kreditu biss jistgħu jipprovdu self ipotekarju. Dawn huma, u jridu jkunu, taħt is-superviżjoni tal-BdP)

RO

Baxx (14)

Baxx (14-il istituzzjoni finanzjarja mhux bankarja)

SE

Baxx (10 intermedjarji tal-kreditu Żvediżi u 11-il intermedjarju barrani li joperaw fl-Iżvezja)

Baxx (10 istituzzjonijiet mhux tal-kreditu bi stokk totali <1 %)

SI

Baxx ħafna (intermedjarju wieħed marbut ma’ kreditur wieħed

Baxx ħafna (istituzzjoni mhux tal-kreditu waħda biss b’attività limitata ħafna)

SK

Moderat (191 aġent finanzjarju indipendenti li jipprovdu self, self ipotekarju u medjazzjoni ta’ kreditu għall-konsumatur)

33 istituzzjoni mhux tal-kreditu iżda mhuwiex ċert kemm minnhom jipprovdu wkoll self ipotekarju - data mhux disponibbli.

(1)

L-istudju tal-RPA, paġna 226.