IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.4.2021
COM(2021) 213 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020
Rapport ta’ sinteżi għall-2020 tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-programm
li jkopru l-implimentazzjoni fl-2014-2019
{SWD(2021) 86 final}
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020
Rapport ta’ sinteżi għall-2020 tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-programm li jkopru l-implimentazzjoni fl-2014-2019
1.Introduzzjoni
Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) jikkonsistu minn ħames strumenti ġestiti b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Il-Fondi SIE jiffinanzjaw investimenti li jagħtu kontribuzzjoni kbira għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.
Il-Fondi SIE, li rrappreżentaw 44 % tal-baġit tal-UE fil-perjodu 2014-2020, jippromwovu żvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tal-Unjoni, iġibu valur miżjud Ewropew sod u jikkontribwixxu għall-koeżjoni u l-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali, li huma kollha prerekwiżiti importanti għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Il-Fondi SIE huma s-sors ewlieni ta’ finanzjament għal diversi ambizzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni von der Leyen. L-appoġġ għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll għall-ambjent u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha, jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-investimenti li jappoġġaw l-iskjerament tal-broadband, it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u t-teknoloġiji, is-servizzi u l-ħiliet jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv li nagħmlu l-Ewropa lesta għall-era diġitali. L-appoġġ lill-intrapriżi biex isiru aktar produttivi u kompetittivi, l-investiment fil-kura soċjali u tas-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-akkomodazzjoni, kif ukoll l-indirizzar tal-isfidi partikolari li jaffaċċjaw iż-żoni rurali u l-abitanti tagħhom jgħinu biex tinbena ekonomija għas-servizz tan-nies. Il-Fondi SIE jiżguraw titjib fit-tul fl-ekonomija u fil-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, u ma jħallu lil ħadd u lill-ebda reġjun barra fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali.
Filwaqt li primarjament jappoġġaw strateġiji ta’ investiment fit-tul, il-Fondi SIE jistgħu jintużaw ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet emerġenti. Sabiex jittaffew l-impatti negattivi tal-kriżi ekonomika u tas-saħħa kkawżati mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ir-riżorsi disponibbli mill-Fondi SIE ġew ridirezzjonati malajr biex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi. B’retroattività applikata għan-nefqa mġarrba minn Frar 2020, il-Fondi SIE pprovdew rispons ta’ emerġenza essenzjali għall-kriżi billi appoġġaw ix-xiri ta’ tagħmir mediku u għenu lill-kumpaniji, lill-ħaddiema u lill-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni jlaħħqu mal-kriżi, u b’hekk urew il-flessibbiltà u l-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu malajr taħt ċiranzi imprevedibbli. Dan wassal għall-mobilizzazzjoni ta’ madwar EUR 20 biljun sa tmiem l-2020 u r-ridirezzjonar tagħhom għall-ħtiġijiet akuti emerġenti.
Dan ir-rapport jivvaluta l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE matul il-perjodu 2014-2019. Dan jagħti informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni finanzjarja u dwar x’setgħu jiksbu l-Fondi sa tmiem l-2019 f’termini ta’ outputs u riżultati fiżiċi. Dan huwa bbażat fuq l-informazzjoni ta’ monitoraġġ fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2019 li l-Istati Membri ressqu lill-Kummissjoni rigward il-programmi ta’ investiment tagħhom. Id-data ta’ skadenza għat-tressiq tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-programmi ġiet estiża mit-30 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru 2020, f’konformità mal-emenda tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni. Għalhekk, il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport ġiet posposta skont dan, u b’hekk il-Kummissjoni setgħet diġà tagħti xi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-Fondi SIE fl-2020 u l-mobilizzazzjoni tagħhom biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
Dan ir-rapport ta’ sinteżi għall-2020 jivvaluta l-pass mgħaġġel tal-implimentazzjoni finanzjarja, li nżamm fl-2019 fl-oqsma tematiċi kollha. Dan juri li l-livell ta’ implimentazzjoni finanzjarja huwa konsistenti man-natura pluriennali tal-politiki ffinanzjati mill-Fondi SIE. Sa tmiem l-2019, intnefqu aktar minn EUR 260 biljun, li jirrappreżentaw 41 % tal-allokazzjoni ġenerali. Il-progress fl-implimentazzjoni finanzjarja varja bejn it-temi differenti, bl-appoġġ għall-kompetittività tal-SMEs, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju, u l-infrastrutturi tan-network tat-trasport u tal-enerġija jmorru l-aħjar. Ħafna drabi l-kisbiet fl-2019 qabżu b’mod sinifikanti l-kisbiet kumulattivi għall-2014-2018 mkejla permezz ta’ indikaturi. L-esperjenza tal-passat turi li l-kisbiet tal-operazzjonijiet kofinanzjati li ġew appoġġati mill-Fondi SIE isegwu mill-qrib il-livell ta’ implimentazzjoni finanzjarja fl-Istati Membri.
2.Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni
2.1.Implimentazzjoni finanzjarja
L-EUR 461 biljun f’riżorsi tal-Fond SIE huma impenjati għas-snin 2014-2020, iżda l-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarji tal-proġetti huma eliġibbli għal kofinanzjament mill-Fondi sa tmiem l-2023 (fil-każ tal-FAEŻR sa tmiem l-2025). Għalhekk, il-Fondi SIE għandhom perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ għaxar snin, li minnhom l-2019 kienet is-sitt sena. Flimkien ma’ kofinanzjament nazzjonali, il-Fondi skattaw investiment ġenerali ta’ EUR 643 biljun matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
Il-volum finanzjarju tal-proġetti magħżula mill-Istati Membri għall-appoġġ mill-Fondi SIE sa tmiem l-2019 jammonta għal EUR 570,6 biljun u jirrappreżenta 89 % tal-allokazzjoni totali. Din hija żieda sinifikanti ta’ 17-il punt perċentwali meta mqabbla mas-sitwazzjoni fi tmiem l-2018 u tikkonferma li l-aċċellerazzjoni fl-għażla tal-proġetti li bdiet fl-2016 kompliet fl-2019. Għalkemm hemm differenzi bejn il-Fondi, it-tendenza ġenerali hija rassikuranti u turi li l-Istati Membri qed jagħmlu progress tajjeb fl-għażla tal-proġetti, u b’hekk qed jimxu lejn l-użu sħiħ tal-allokazzjoni disponibbli fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
Il-politiki ta’ investiment fit-tul huma normalment ikkaratterizzati minn perjodu latenti bejn id-diversi fażijiet tagħhom: il-programmazzjoni, l-għażla tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni u n-nefqa. L-evidenza tal-passat turi li l-implimentazzjoni finanzjarja tal-Fondi SIE għandha tendenza li tkun kajmana fis-snin bikrin tal-implimentazzjoni filwaqt li taċċellera b’mod sinifikanti wara. Il-perjodu 2014-2020 mhuwiex eċċezzjoni. Ir-rata tal-infiq kienet biss ta’ 7 % fi tmiem l-2016, bdiet taċċelera b’mod sinifikanti fl-2017, u laħqet il-41 % sa tmiem l-2019 (u saħansitra t-53 % għall-FAEŻR). Ir-rata tal-infiq hija mistennija li tħaffef il-pass saħansitra aktar fis-snin ta’ wara.
L-aktar data finanzjarja reċenti rrapportata mill-Istati Membri għall-2020 tikkonferma t-tendenzi pożittivi kemm fl-għażla kif ukoll fir-rata tal-infiq, li laħqet l-101 % u s-56 % rispettivament sa tmiem l-2020. Iż-żieda ta’ 15-il punt perċentwali fl-infiq fl-2020 hija ogħla miż-żieda fl-2019. Dan jissuġġerixxi li r-rata ta’ implimentazzjoni ma naqqsitx fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
F’termini ta’ pagamenti mill-baġit tal-UE lill-Istati Membri, tħallas total nett ta’ EUR 182,2 biljun sa tmiem l-2019 (39,5 %, bil-prefinanzjament u l-pagamenti interim tan-nefqa ddikjarata inklużi u bl-irkupri mnaqqsa), li żdiedu għal EUR 253,7 biljun sa tmiem l-2020 (55 %). Fl-2019, ġew diżimpenjati EUR 130,3 miljun.
2.2.Kisbiet ewlenin tal-Fondi SIE
Il-qafas regolatorju għall-2014-2020 li jirregola l-Fondi SIE jipprevedi sett ta’ indikaturi komuni li jippermettu monitoraġġ affidabbli u koerenti tal-prestazzjoni tal-azzjonijiet u l-outputs tal-investiment mill-Kummissjoni.
Sa tmiem l-2019, intgħażlu aktar minn 13-il miljun proġett għall-appoġġ mill-Fondi.
|
Fond
|
Numru kumulattiv ta’ proġetti magħżula sa tmiem l-2019
|
|
Fond ta’ Koeżjoni
|
216 088
|
|
FAEŻR
|
1 523 204
|
|
FEMS
|
47 038
|
|
FEŻR
|
3 211 554
|
|
FSE/YEI
|
8 801 758
|
|
Total
|
13 015 692
|
Iċ-ċifri ewlenin tal-prestazzjoni rrapportati minn dawk il-proġetti sa tmiem l-2019 kienu:
·intgħażlu 2,1 miljun intrapriża biex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Fondi SIE, li minnhom 1,6 miljun intrapriża kienu diġà appoġġati;
·Inħolqu 184 000 impjieg ġdid bl-appoġġ mill-FEŻR;
·36,4 miljun parteċipant ibbenefikaw mill-proġetti appoġġati mill-FSE u mill-YEI;
·S’issa ġew appoġġati 1,5 miljun proġett biex jgħinu lis-settur agrikolu u lin-negozji rurali jsiru aktar kompetittivi u biex joħolqu u jżommu l-impjiegi fiż-żoni rurali; Intgħażlu 31 miljun ettaru ta’ art agrikola jew 18 % tal-erja agrikola użata (“EAU”) għall-appoġġ għall-ġestjoni tal-art biex il-bijodiversità tiġi protetta aħjar;
·61 % tal-popolazzjoni rurali totali (176 miljun abitant) hija koperta minn kważi 3 500 Grupp ta’ Azzjoni Lokali (GAL) LEADER appoġġati mill-FAEŻR;
·367 Grupp ta’ Azzjoni Lokali għas-Sajd (FLAGs) ġew appoġġati mill-FEMS sa tmiem l-2019. Minn dawn, kważi 93 % kienu operazzjonali.
2.3.Riprogrammazzjoni finanzjarja wara r-rieżami tal-prestazzjoni
F’konformità mal-orjentazzjoni msaħħa tal-prestazzjoni tal-Fondi SIE fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, twarrbet riżerva tal-prestazzjoni, li tammonta għal 6 % ta’ dawn il-Fondi, u l-allokazzjoni finali tagħha saret kondizzjonali fuq li jintlaħqu l-objettivi intermedji tal-prestazzjoni stabbiliti għall-2018 miftiehma fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Il-Kummissjoni rrieżaminat il-prestazzjoni tal-programmi kofinanzjati mill-Fondi SIE fl-2019. Ir-rieżami qabbel ir-riżultati tal-programmi sa tmiem l-2018 mal-objettivi intermedji tal-prestazzjoni. Imbagħad, ir-riżerva tal-prestazzjoni ġiet allokata għall-prijoritajiet li ssodisfaw l-objettivi intermedji tagħhom tal-prestazzjoni. B’mod ġenerali, il-maġġoranza l-kbira tal-prijoritajiet, li jammontaw għal 84 % tal-allokazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni, ġew ivvalutati bħala produttivi. Dan kien jikkorrispondi għal EUR 22 biljun mill-ammont totali tar-riżerva tal-prestazzjoni ta’ EUR 26,1 biljun. Għall-bqija tal-prijoritajiet, li ma laħqux l-objettivi intermedji tagħhom, l-Istati Membri kellhom jipproponu r-riallokazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni korrispondenti (EUR 4,1 biljun) għat-twettiq tal-prijoritajiet. Għall-prijoritajiet li ma rnexxilhomx jilħqu l-objettivi intermedji tagħhom, dan kien prinċipalment minħabba diffikultajiet u dgħufijiet fl-implimentazzjoni, bħal domanda aktar baxxa għall-finanzjament milli mistenni, proċeduri amministrattivi kajmana li kkawżaw dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti, ħolqien ta’ strumenti nazzjonali aktar favorevoli li eskludew il-Fondi SIE, u fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-awtoritajiet tal-programm.
Ir-rieżami tal-prestazzjoni skattat eżerċizzju sinifikanti ta’ riprogrammazzjoni, li f’xi każijiet mar lil hinn mis-sempliċi riallokazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni u kien jikkonsisti f’riallokazzjonijiet finanzjarji ulterjuri fost l-oqsma tematiċi tal-programmi. Wara li vvalutat il-proposti ta’ riprogrammazzjoni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat il-programmi mmodifikati tard fl-2019 u kmieni fl-2020. Ir-rieżami tal-prestazzjoni b’mod ġenerali rriżulta fl-ottimizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-Fondi għal oqsma tematiċi li wrew prestazzjoni tajba. Ir-riprogrammazzjoni tiżgura valur miżjud ogħla u żieda fl-effettività tal-Fondi SIE fil-kontribuzzjoni tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi tal-programmi.
2.4.Appoġġ tal-Fondi SIE għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19
Il-kriżi tal-COVID-19 tippreżenta sfida kbira għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-komunitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-marda u fl-indirizzar tal-impatt soċjoekonomiku tagħha.
F’Marzu u f’April 2020, il-Kummissjoni nediet żewġ pakketti ta’ miżuri: l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+) biex tiġi mmobilizzata l-politika ta’ koeżjoni tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriżi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE adottaw iż-żewġ proposti mingħajr dewmien . Filwaqt li l-pakketti tas-CRII ma joffrux riżorsi finanzjarji ġodda tal-UE, dawn jipprovdu likwidità u flessibbiltà biex ir-riżorsi li ma jkunux intnefqu jiġu ridiretti lejn fejn huma l-aktar meħtieġa.
Uħud mill-flessibbiltajiet disponibbli jinkludu: it-trasferiment ta’ finanzjament mhux allokat tal-UE bejn il-Fondi u l-kategoriji tar-reġjuni, żieda immedjata fil-likwidità biex jitjieb il-fluss tal-flus, għażla biex tiżdied ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE għal 100 % għas-sena kontabilistika 2020-2021, u l-possibbiltà li jiġu introdotti pretensjonijiet għal rimborż tal-ispejjeż tal-COVID-19 imġarrba mill-1 ta’ Frar 2020.
L-investimenti mwettqa mill-Istati Membri jiffukaw fuq: is-settur tas-saħħa biex jiġi żgurat tagħmir protettiv personali, jiġi ffinanzjat l-ittestjar u jiġu appoġġati l-isptarijiet bix-xiri ta’ tagħmir mediku addizzjonali; is-settur tan-negozji biex jingħata kapital operatorju lill-SMEs, tiġi ffaċilitata d-diġitalizzazzjoni u jiġu stabbiliti jew jitfasslu mill-ġdid l-istrumenti finanzjarji; u l-appoġġ għan-nies biex jiġu implimentati skemi ta’ żamma tal-impjiegi u tingħata għajnuna lill-gruppi vulnerabbli.
Sa tmiem l-2020, iċ-ċifri ewlenin dwar il-volum tar-riżorsi ridiretti taħt il-Fondi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, FSE, u Fond ta’ Koeżjoni) kienu kif ġej:
Riprogrammazzjoni:
·EUR 7 biljun għall-azzjonijiet tas-saħħa;
·EUR 11-il biljun għall-appoġġ għan-negozji;
·EUR 3,1 biljun f’appoġġ dirett għan-nies, inkluż il-ħaddiema u l-gruppi vulnerabbli.
Regoli ta’ finanzjament u dawk immodifikati:
·Żieda immedjata ta’ EUR 7,6 biljun fil-likwidità;
·166 programm tal-politika ta’ koeżjoni għażlu kofinanzjament tal-UE ta’ 100 %, u b’hekk taffew il-kofinanzjament nazzjonali b’EUR 6,2 biljun li jista’ jintuża għal miżuri nazzjonali oħra ta’ rispons għall-kriżijiet;
·Ġew ittrasferiti EUR 5,5 biljun bejn il-Fondi u bejn il-kategoriji tar-reġjuni.
Sa tmiem l-2020, total ta’ EUR 19,7-il biljun f’riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni kienu ġew immobilizzati/riprogrammati biex tiġi miġġielda l-kriżi.
Id-Dashboard tal-Coronavirus fuq il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa jagħti informazzjoni aġġornata dwar dawn iċ-ċifri.
Biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija fuq l-agrikoltura u ż-żoni rurali, ġiet introdotta miżura ġdida tal-FAEŻR, li tipprovdi appoġġ temporanju ta’ likwidità lill-bdiewa u lin-negozji rurali partikolarment affettwati mill-kriżi tal-COVID-19. Sa tmiem l-2020, il-miżura l-ġdida ġiet attivata f’aktar minn 40 programm ta’ żvilupp rurali nazzjonali jew reġjonali f’14-il Stat Membru. Ġew allokati aktar minn EUR 700 miljun għall-miżura.
Barra minn hekk, is-CRII+ introduċiet għażliet ġodda għall-użu tal-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-FAEŻR biex jiġu ffinanzjati self u garanziji awtonomi ta’ kapital operatorju għall-SMEs. Sa tmiem l-2020, seba’ strumenti finanzjarji appoġġati mill-FAEŻR introduċew dawn l-għażliet fil-kuntest tal-emendi tal-PŻR relatati mal-COVID-19.
Barra minn hekk, ġew stabbiliti diversi flessibbiltajiet biex jgħinu lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji jindirizzaw l-impatt tal-pandemija. Pereżempju, il-proċeduri għall-emendi u r-regoli dwar il-kontrolli għall-programmi tal-iżvilupp rurali reġjonali ġew immodifikati, u f’xi każijiet, il-pagamenti lill-benefiċjarji ġew avvanzati u d-dati tal-iskadenzi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ ġew estiżi.
Bl-istess mod, bħala riżultat tal-COVID-19, il-FEMS introduċa appoġġ ta’ emerġenza biex jikkumpensa għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd u għas-sospensjoni jew għat-tnaqqis tal-produzzjoni u tal-ipproċessar.
Dawn il-miżuri huma mistennija li jkomplu jżommu livelli ta’ implimentazzjoni suffiċjenti fl-2020, jippreservaw l-investimenti u l-attivitajiet fil-kuntest tal-pandemija, u jappoġġaw it-tendenza ġenerali ta’ titjib irrapportata fit-Taqsima 2.1.
Kaxxa 1: Eżempju ta’ Fondi SIE li jikkontribwixxu għar-rispons għall-COVID-19
•Biex jiffaċċja l-isfidi relatati mal-COVID li jaffettwaw lill-SMEs ta’ Gävleborg (l-Iżvezja), il-proġett “We are changing!” jipprovdi lil dawn l-SMEs b’appoġġ u b’pariri fit-tranżizzjoni biex isiru aktar innovattivi, diġitalizzati, sostenibbli u kompetittivi. Il-proġett se jistabbilixxi wkoll pjattaforma ta’ tagħlim biex jiġu skambjati l-esperjenzi u jiġi analizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID fir-reġjun ta’ Norra Mellansverige b’mod aktar ġenerali. Nofs l-ispejjeż tal-proġett huma koperti mill-FEŻR, b’għotja ta’ EUR 2,7 miljun.
3.Implimentazzjoni skont it-temi ewlenin
It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet tal-Fondi skont il-qasam ta’ politika ewlieni.
Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport ta’ sinteżi għall-2020 tikkoinċidi mal-aġġornament tal-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Fondi SIE, u turi l-volum finanzjarju tal-għażla u n-nefqa tal-proġetti, kif ukoll il-previżjonijiet u l-kisbiet għal indikaturi komuni, kif irrapportat mill-awtoritajiet tal-programm għall-2019. Il-pjattaforma turi l-aktar valuri reċenti rrapportati, li jistgħu jvarjaw mid-data disponibbli meta dan it-test ikun ġie ffinalizzat.
3.1.Tkabbir intelliġenti: R&I, ICT u kompetittività tal-SMEs
Total ta’ EUR 189 biljun, li jirrappreżenta 30 % tal-finanzjament totali, huwa ddedikat għall-objettivi intelliġenti, li jkopru r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, l-ICT u l-kompetittività tal-SMEs. Sa tmiem l-2019, il-proġetti magħżula għal dawn l-objettivi kienu jammontaw għal EUR 144 biljun, 88 % tal-allokazzjoni totali (allokati għall-proġetti fil-graff ta’ hawn taħt), filwaqt li EUR 64,5 biljun, li jikkorrispondu għal 40 % tal-allokazzjoni, kienu diġà tħallsu lill-benefiċjarji tal-proġetti (minfuqa mill-proġetti).
Allokati għall-proġetti
Minfuqa mill-proġetti
Riċerka u Innovazzjoni
Teknoloġiji tal-Informazzjoni u
tal-Komunikazzjoni
Kompetittività tal-SMEs
Implimentazzjoni finanzjarja (f’% tal-ammont totali ppjanat)
Ammont totali ppjanat (UE + nazzjonali, EUR biljun)
L-użu tal-Fondi SIE għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali biex jgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-prattika. L-appoġġ għall-innovazzjoni permezz ta’ strateġiji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni huwa kruċjali għal firxa ta’ prijoritajiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew, ekonomija għas-servizz tan-nies, u nagħmlu l-Ewropa lesta għall-era diġitali.
Sa tmiem l-2019 ġew irreġistrati kisbiet sostanzjali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, bħala riżultat tal-appoġġ mill-FEŻR, aktar minn 34 000 intrapriża kkooperaw ma’ istituzzjonijiet tar-riċerka (53 % tal-mira) u aktar minn 17 000 intrapriża introduċew prodotti ġodda fis-suq (59 % tal-mira, u żieda ta’ 20 punt perċentwali mill-2018).
Il-Fondi SIE qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija Ewropea billi jtejbu l-infrastruttura tal-ICT u jagħtu s-setgħa lin-nies, lill-intrapriżi u lill-awtoritajiet pubbliċi b’ġenerazzjoni ġdida ta’ teknoloġiji u ħiliet. L-għażla tal-proġetti żdiedet b’mod sostanzjali fl-2019 bi EUR 3 biljun, u laħqet 83 % tal-allokazzjoni totali. Il-pagamenti, li għadhom lura minn oqsma oħra ta’ politika (27 % tal-allokazzjoni totali), qed jirkupraw b’żieda ta’ 12-il punt perċentwali fl-2019. Bil-biċċa l-kbira tal-investimenti mistennija li jimmaterjalizzaw fl-2020 u lil hinn, il-Fondi SIE se jgħinu biex jagħmlu lill-Ewropa lesta għall-era diġitali.
Aktar minn 4,5 miljun unità domestika diġà qed jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-broadband bis-saħħa ta’ proġetti appoġġati mill-FEŻR. Kważi 12-il miljun unità domestika huma mistennija li jibbenefikaw sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni. Fiż-żoni rurali, aktar minn 1 400 operazzjoni ta’ investiment ibbenefikaw minn total ta’ aktar minn EUR 830 miljun f’appoġġ mill-FAEŻR biex itejbu l-aċċessibbiltà, l-użu u l-kwalità tal-ICTs. Aktar minn 5 miljun persuna fiż-żoni rurali bbenefikaw minn infrastruttura jew minn servizzi tal-IT imtejba.
B’16 % tal-allokazzjoni totali tal-Fondi SIE mmirati għall-SMEs, il-FEŻR, il-FAEŻR u l-FEMS huma l-akbar sors ta’ finanzjament tal-UE għall-SMEs, u jikkontribwixxu għall-prijorità tal-Kummissjoni li trawwem “ekonomija għas-servizz tan-nies”. Il-Fondi jagħtu appoġġ vitali għall-kumpaniji biex jikbru u jsiru aktar produttivi u kompetittivi u għan-negozji biex jintroduċu soluzzjonijiet innovattivi.
B’90 % tal-ammont ippjanat diġà allokat għall-proġetti u kważi 50 % minfuqa, dan huwa wieħed mill-oqsma ta’ appoġġ bl-aħjar prestazzjoni sa tmiem l-2019. Fl-istess perjodu, kienu ntgħażlu 1,1 miljun intrapriża għall-appoġġ mill-FEŻR fil-forma ta’ għotjiet, strumenti finanzjarji jew appoġġ mhux finanzjarju. Minn dawn, aktar minn 600 000 kienu diġà bbenefikaw mill-appoġġ u implimentaw il-proġetti tagħhom; dan jirrappreżenta żieda sostanzjali (42 punt perċentwali) meta mqabbel mal-kisba fi tmiem l-2018. Bis-saħħa tal-appoġġ mill-FEŻR, diġà nħolqu 184 000 impjieg fl-intrapriżi benefiċjarji (46 % tal-mira) u 190 000 impjieg addizzjonali huma mistennija minn proġetti diġà magħżula. Kważi 45 % tal-appoġġ mogħti mill-FEMS ġie ddedikat għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs, li ħafna minnhom joperaw f’komunitajiet remoti.
Kaxxa 2: Eżempji ta’ Fondi SIE li jikkontribwixxu għat-tkabbir intelliġenti
•Is-Slovenja qed tappoġġa diversi proġetti innovattivi ta’ riċerka u żvilupp biex tgħin lill-kumpaniji jiżviluppaw prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew imtejba b’valur miżjud għoli u b’potenzjal għas-suq. Eżempju wieħed bħal dan huwa s-sistema domestika HIQ, li hija sistema ta’ apparati u software għall-awtomatizzazzjoni tad-djar. Il-funzjoni primarja tagħha hija li tikkontrolla t-tagħmir fid-djar (id-dwal, il-blinds, it-tisħin u t-tkessiħ). Madankollu, din tista’ tkopri wkoll funzjonijiet aktar sofistikati, bħall-ġestjoni tal-enerġija. Il-proġett tas-sistema domestika HIQ jibbenefika minn kontribuzzjoni mill-FEŻR ta’ EUR 400 000.
•Fil-Comunidad Valenciana (Spanja), applikazzjoni mobbli għall-komunikazzjoni mal-prattikanti tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, għall-ġestjoni tal-appuntamenti mediċi u għall-evitar tal-istennija fil-kjus, saret disponibbli għall-utenti bis-saħħa tal-operazzjoni “GVA-Salut: Promoting digital public services in e-health”. L-applikazzjoni tat spinta lill-effiċjenza, lid-disponibbiltà u lill-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fir-reġjun kollu. Bit-tifqigħa tal-COVID-19, ġiet inkorporata funzjoni ġdida biex titqassam informazzjoni lill-utenti kollha dwar miżuri u rakkomandazzjonijiet. Sa April 2019, l-għadd ta’ utenti qabeż l-400 000, filwaqt li l-għadd ta’ appuntamenti kien żdied għal madwar 200 000. L-investiment totali għal dan il-proġett jammonta għal EUR 34 miljun, b’kontribuzzjoni mill-FEŻR ta’ EUR 17-il miljun.
•Regadio de Precisão – Precision Irrigation (il-Portugall): Ġie stabbilit Grupp Operazzjonali tas-SEI-AGRI appoġġat mill-FAEŻR biex jiġu żviluppati għodod agronomiċi ġodda li se jippermettu lill-bdiewa jużaw it-tisqija bil-pern b’mod aktar effiċjenti. Il-proġett jippermetti lill-bdiewa jsaqqu u jiffertilizzaw b’mod aktar effiċjenti abbażi ta’ informazzjoni u pariri apposta, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-ħamrija, ir-riżervi tal-ilma fil-ħamrija u l-għalla inkwistjoni.
•L-iżvilupp ta’ negozji tas-sajd u tal-akkwakultura fuq skala żgħira fiż-żona tal-FLAG tal-Litwanja tal-Punent huwa parti vitali mill-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni bħal Klaipeda u Priekulė. Dan il-proġett, implimentat minn kumpanija lokali żgħira, għandu l-għan li jtejjeb l-ipproċessar tal-prodotti lokali tas-sajd u tal-akkwakultura permezz ta’ serje ta’ investimenti strateġiċi ffinanzjati mill-FEMS.
3.2.Tkabbir sostenibbli: ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, tibdil fil-klima, ambjent u networks fit-trasport u fl-enerġija
Billi jappoġġaw investimenti b’newtralità klimatika, nodfa u b'ekonomija ċirkolari kif ukoll investimenti fl-ambjent u fl-adattament għat-tibdil fil-klima, il-Fondi SIE (b’mod partikolari l-FAEŻR, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni) qed jagħtu kontribut sostanzjali għall-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-programmi ddedikaw EUR 250,6 biljun għat-tkabbir sostenibbli, li jirrappreżentaw 39 % tal-allokazzjoni kumplessiva. Sa tmiem l-2019, ġew allokati EUR 208,6 biljun għall-proġetti (92 % tal-finanzjament iddedikat) u l-infiq ammonta għal EUR 101,4 biljun (45 % tat-total ippjanat).
Allokati għall-proġetti
Minfuqa mill-proġetti
Implimentazzjoni finanzjarja (f’% tal-ammont totali ppjanat)
Ammont totali ppjanat (UE + nazzjonali, EUR biljun)
Ekonomija b’Livell baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju
Adattament għat-Tibdil fil-Klima u Prevenzjoni tar-Riskji
Ħarsien tal-Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi
Infrastrutturi tan-Networks fit-Trasport u fl-Enerġija
Għall-2014-2020, 25 % tal-Fondi SIE qed jintnefqu fuq proġetti b’objettivi ta’ azzjoni klimatika. Dawn jinkludu varjetà kbira ta’ azzjonijiet fl-oqsma tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, tal-ekonomija ċirkolari, tal-prevenzjoni tar-riskju, tal-ħarsien tal-ambjent, tal-mobbiltà urbana nadifa u tal-attivitajiet assoċjati ta’ riċerka u innovazzjoni. Il-kontribuzzjoni tal-Fondi SIE tvarja minn 57 % tal-pakkett baġitarju totali tal-FAEŻR allokat għall-objettivi klimatiċi għal 27 % tal-allokazzjoni totali tal-Fond ta’ Koeżjoni, għal 19 % tal-allokazzjoni totali tal-FEMS u għal 17 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR. L-ammonti mogħtija lil u minfuqa mill-proġetti b’objettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima żdiedu b’mod sinifikanti matul l-2019 hekk kif l-implimentazzjoni tal-programmi aċċellerat, anke jekk is-sehem tagħhom mill-ammonti totali jibqa’ taħt il-volum ippjanat għall-Fond ta’ Koeżjoni, il-FEŻR u l-FEMS. Il-FAEŻR u l-FSE qed jaqbżu l-allokazzjoni ppjanata għall-objettivi klimatiċi. L-Anness 3 jagħti dettalji dwar l-allokazzjoni u l-infiq klimatiċi tal-Fondi.
Hemm differenzi importanti fil-progress finanzjarju bejn it-temi differenti. L-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju huma wieħed mill-objettivi tematiċi li l-aktar li qed jipprogressa malajr f’termini tal-ammonti diġà minfuqa mill-benefiċjarji. Min-naħa l-oħra, l-investimenti fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għadhom lura minħabba bidu kajman ħafna fis-snin bikrin tal-perjodu ta’ programmazzjoni, li għadu ma ġiex ikkumpensat mill-aċċellerazzjoni rreġistrata f’dawn l-aħħar tliet snin. Dan huwa dovut għas-sehem kbir ta’ Fondi SIE li jappoġġaw l-investimenti fl-infrastruttura, bħall-effiċjenza enerġetika fil-bini, l-enerġija rinnovabbli, il-grilji elettriċi ta’ distribuzzjoni intelliġenti jew it-trasport urban sostenibbli, fejn iċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-proġetti għandu tendenza li jkun itwal.
Sa tmiem l-2019, ġew irreġistrati l-kisbiet tanġibbli li ġejjin:
· il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli se titkabbar b’5 800 MW (81 % tal-mira), li minnhom 2 100 MW diġà ġew installati, kważi d-doppju meta mqabbla mal-kapaċità installata sa tmiem l-2018;
·il-prestazzjoni tal-enerġija ta’ 598 000 unità domestika (96 % tal-mira) se titjieb; daqs 285 000 unità domestika diġà kienu qed jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet imtejba sa tmiem l-2019, li huwa 100 000 aktar minn dak sa tmiem l-2018;
·il-konsum tal-enerġija tal-bini pubbliku se jitnaqqas fis-sena b’6,1 sigħat terawatt (92 % tal-mira), li minnhom 1,2 sigħat terawatt diġà ġew iffrankati fis-sena, id-doppju tal-kisba meta mqabbla ma tmiem l-2018;
·21 miljun persuna se jibbenefikaw minn provvista tal-ilma mtejba (li diġà qabżet il-mira bi 80 %), li minnhom 2,5 miljun persuna diġà jibbenefikaw minnha (id-doppju meta mqabbla mal-kisba sa tmiem l-2018);
·il-miżuri ta’ ħarsien mill-għargħar se jnaqqsu l-vulnerabbiltà ta’ kważi 40 miljun persuna (161 % tal-mira), li minnhom 7,5 miljuni ma għadhomx esposti għal riskji ta’ għargħar minħabba investimenti appoġġati mill-Fondi SIE;
·il-proġetti għal trasport urban nadif ipprovdew 102 km linji ġodda jew imtejba tat-tramm u tal-metrò (21 % tal-mira) b’400 km addizzjonali fi proġetti li qed jiġu implimentati;
·permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-art agrikola u forestali, l-UE laħqet 99 % tal-miri tagħha tal-FAEŻR għall-2023 fir-rigward tas-sekwestru u l-konservazzjoni tal-karbonju kif ukoll fir-rigward tat-tnaqqis tal-gassijiet serra u tal-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-agrikoltura.
·40 % tal-appoġġ mill-FEMS mogħti lis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura taħt l-objettiv tematiku “Il-preservazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi” ġie impenjat biex jippreserva u jħares l-ambjent, pereżempju permezz tal-ħarsien taż-żoni tan-Natura 2000, u biex jippromwovi l-effiċjenza fir-riżorsi u t-tnaqqis tal-iskart.
Kaxxa 3: Eżempji ta’ Fondi SIE li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli
• Fil-belt Ċeka ta’ Zlín, għotja mill-FEŻR ta’ EUR 3 miljun iffinanzjat ix-xiri ta’ seba’ trolleybuses ġodda b’sistema innovattiva ta’ batteriji abbord biex joperaw tul rotta tat-trasport estiża ġdida fil-belt. Bis-saħħa tal-batteriji, ix-xarabankijiet jistgħu jivvjaġġaw sa 12-il kilometru lil hinn mir-rotot normali tat-trolley, u dan jippermetti lil aktar abitanti tal-belt jużaw dan il-mod sikur u ekoloġiku tat-trasport.
•Fl-Irlanda, il-Pont ta’ Mary Elmes jagħti aċċess multimodali tant meħtieġ tul ix-Xmara Lee fil-qalba tal-Belt ta’ Cork. Il-pont jippromwovi trasport aktar ekoloġiku billi jagħti aċċess għall-persuni bil-mixi u għaċ-ċiklisti bejn żewġ partijiet sinifikanti tal-belt għal mhux aktar minn 11 000 persuna kuljum. Il-proġett ibbenefika minn għotja ta’ EUR 1,5 miljun mill-FEŻR.
•F’Varna, il-Bulgarija, il-FEMS appoġġa lil Lavak. Ltd, kumpanija tas-sajd, f’investiment biex ittejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja u ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom. Dan huwa negozju mmexxi mill-familja mis-sajd sal-bejgħ, il-kummerċjalizzazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-FEMS kien hemm il-ħin kollu biex jgħinhom jespandu u biex jappoġġahom tul il-pandemija tal-COVID-19.
•Proġett fis-Slovenja ħa l-kultivazzjoni tad-dwieli b’mod li jibża għan-natura f’azjenda agrikola tal-familja pass ’il quddiem bl-appoġġ mill-FAEŻR għall-iżvilupp ta’ metodi tal-ipproċessar ta’ skart żero li jużaw il-prodotti sekondarji kollha tal-għeneb b’mod sostenibbli u kompletament ċirkolari. Iż-żrieragħ, iż-żejt u d-dqiq li jirriżultaw urew li huma popolari ħafna mal-klijenti. Il-vinji jiġu kkultivati mingħajr erbiċidi u b’użu minimu ta’ insettiċidi. Il-proċess tal-vinifikazzjoni jipproduċi 0 % skart bis-saħħa ta’ prattiki ċirkolari u ta’ żvilupp ġdid tal-prodotti.
3.3.Tkabbir inklużiv: impjieg, inklużjoni soċjali u edukazzjoni
L-UE tkompli tagħti spinta deċiżiva lill-aġenda soċjali tagħha, b’mod partikolari mill-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. F’dan il-kuntest, il-Fondi SIE appoġġaw riformi strutturali, inkluż il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u dan ħeġġeġ l-impjieg taż-żgħażagħ, naqqas il-faqar u l-inugwaljanzi, u indirizza l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll aspetti tal-inklużjoni soċjali bħall-problema ta’ persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.
F’dan il-qasam ġew ippjanati aktar minn EUR 174 biljun, b’mod partikolari mill-FSE. Sa tmiem l-2019, il-proġetti magħżula għall-appoġġ ammontaw għal EUR 123 biljun jew 85 % tal-allokazzjoni totali, u l-infiq ġenerali kien ta’ EUR 57,5 biljun jew 40 % tat-total ippjanat.
Implimentazzjoni finanzjarja (f’% tal-ammont totali ppjanat)
Ammont totali ppjanat (UE + nazzjonali, EUR biljun)
Impjieg Sostenibbli u ta’ Kwalità
Inklużjoni Soċjali
Taħriġ Edukattiv u Vokazzjonali
Allokati għall-proġetti
Minfuqa mill-proġetti
Intgħażlu EUR 49 biljun fi proġetti biex jitjiebu l-opportunitajiet ta’ impjieg u rriżultaw f’36,4 miljun parteċipant appoġġati mill-FSE u mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), inkluż kważi 14,6-il miljun persuna qiegħda u 13,9-il miljun parteċipant inattiv. Sa tmiem l-2019, 4,5 miljun persuna kienu sabu impjieg bis-saħħa tal-appoġġ mill-FSE u mill-YEI.
Fost dawn il-parteċipanti, dawk b’ħiliet baxxi jirrappreżentaw 49 % tal-individwi kollha; 15 % kienu migranti, kellhom sfond barrani jew kienu minn minoranzi. Il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-irġiel f’attivitajiet appoġġati mill-FSE hija mqassma kważi b’mod ugwali fil-livell tal-UE (52 % huma nisa). Iż-żieda fin-numru ta’ parteċipanti tal-FSE u tal-YEI minn tmiem l-2016 tindika b’mod ċar aċċellerazzjoni qawwija fl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-prattika.
L-investimenti fl-impjiegi qed imorru tajjeb. Minbarra l-FSE, il-YEI kompliet tagħti appoġġ ta’ finanzjament sostanzjali liż-żgħażagħ fl-Istati Membri eliġibbli. Il-YEI turi progress tajjeb, b’EUR 10,4 biljun li ġew allokati għal 227 000 proġett sa tmiem l-2019. In-nefqa ddikjarata turi implimentazzjoni soda fil-prattika; sa tmiem l-2019, madwar 3 miljun żagħżugħ kienu ġew inklużi fil-miżuri appoġġati mill-YEI:
·madwar żewġ miljun parteċipant kienu temmew l-intervent tal-YEI;
·aktar minn 900 000 parteċipant kienu ġew offruti impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ; u
·madwar 1,4 miljun parteċipant, li kienu qed isegwu kors edukattiv jew ta’ taħriġ, kienu kisbu kwalifika jew kienu f’impjieg, inkluż impjieg indipendenti.
Għall-inklużjoni soċjali, li għaliha l-FSE huwa l-akbar kontributur, il-proġetti magħżula sa issa jirrappreżentaw kważi EUR 57 biljun. Sa tmiem l-2019, bis-saħħa tal-appoġġ mill-FSE, 2,5 miljun parteċipant b’diżabbiltà, 5,6 miljun migrant, parteċipant bi sfond barrani jew minoranza u 6,5 miljun persuna żvantaġġata oħra kienu rċevew għajnuna biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet it-tajba għas-suq tal-impjiegi.
Għall-edukazzjoni u t-taħriġ, EUR 41,8 biljun kienu impenjati għal proġetti konkreti. Sa tmiem l-2019, bis-saħħa tal-appoġġ mill-FSE, kienu ġew megħjuna 17,8-il miljun persuna b’livell baxx ta’ ħiliet, 5,5 miljun kienu kisbu kwalifika u 1,8 miljun kienu qed isegwu kors edukattiv jew ta’ taħriġ.
Bħala riżultat tal-appoġġ mill-FEŻR, il-kapaċità tal-infrastruttura tal-indukrar tat-tfal u tal-edukazzjoni tkabbret għal 15-il miljun persuna (8,7 miljuni aktar minn fi tmiem l-2018), u 39 miljun persuna issa jibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa mtejba madwar l-UE kollha (11,3-il miljun aktar minn fi tmiem l-2018).
Il-FAEŻR appoġġa aktar minn 63 000 operazzjoni li jsaħħu l-inklużjoni soċjali fiż-żoni rurali. Dan ipprovda wkoll appoġġ lill-komunitajiet rurali lokali li jimplimentaw l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom stess. Kważi 3 500 Grupp ta’ Azzjoni Lokali jkopru aktar minn 60 % tal-popolazzjoni rurali fl-UE u jlaqqgħu flimkien partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili f’qasam partikolari.
Kaxxa 4: Eżempji ta’ Fondi SIE li jikkontribwixxu għat-tkabbir inklużiv
•Fil-Belġju, affaċċjat bil-COVID-19, iċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar l-Industriji Kreattivi, Technocité, qrib Mons f’Wallonia, stabbilixxa klassijiet virtwali biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jkomplu l-korsijiet ta’ taħriġ tagħhom. Madwar EUR 3,3 miljun mill-FSE ppermettew lill-għalliema u lill-istudenti jsegwu l-korsijiet tagħhom fiċ-ċentru tal-ħiliet ta’ Technocité. Il-korsijiet ta’ taħriġ jiffukaw fuq suġġetti bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà virtwali, l-Internet tal-oġġetti, id-disinn sod, eċċ. Il-FSE qed jappoġġa wkoll lil “Stuyfplek”, network li jħeġġeġ it-tkabbir personali ta’ persuni żvantaġġati u ta’ persuni b’diżabbiltà biex jgħinhom isibu impjieg. Il-proġett, li rċieva EUR 377 000 finanzjament tal-UE, ġie adattat malajr biex isib modi ġodda ta’ taħriġ u interazzjoni f’sessjonijiet u taħriġ online matul il-kriżi tal-coronavirus.
•Fi Spanja, b’baġit ta’ EUR 47 miljun, il-proġett “Empleaverde”, ikkofinanzjat mill-FSE, qed joħloq impjiegi ekoloġiċi, jippromwovi l-intraprenditorija u jgħin fil-bini ta’ ekonomija aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar reżiljenti fi Spanja. L-attivitajiet, li komplew matul il-pandemija tal-COVID-19, jinkludu t-titjib ta’ ħiliet trasversali, strateġiji attivi ta’ tiftix ta’ impjieg, il-ħolqien ta’ networks u ta’ kuntatti professjonali, u l-iżvilupp ta’ intelliġenza emozzjonali. S’issa, il-programm ikkofinanzja 339 proġett, u ħadem ma’ 500 organizzazzjoni. Dan appoġġa 1,3 miljun riċevitur u għen fil-ħolqien ta’ 2 600 negozju.
•Ħanut tal-merċa u kafetterija soċjali ġew stabbiliti bl-appoġġ tal-FAEŻR fil-Lussemburgu biex jgħinu lil persuni b’diżabbiltà intellettwali jidħlu fis-suq tax-xogħol. Ġew organizzati madwar 40 sessjoni ta’ ħidma b’aktar minn 500 parteċipant. Xi persuni b’diżabbiltà intellettwali saru għalliema assoċjati fis-sessjonijiet ta’ ħidma dwar is-sapun u x-xemgħat. Inħolqu żewġ impjiegi għal persuni bi bżonnijiet speċjali. F’kooperazzjoni ma’ Fairtrade Luxembourg, inħolqot marka tat-te b’ċertifikazzjoni tal-bijotikketta. L-imballaġġ isir waqt sessjoni ta' ħidma għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
•Iċ-Ċentru tal-Kura Ġerjatrika l-ġdid fil-belt kostali Pollakka ta’ Sopot huwa mfassal biex jipprovdi lir-residenti anzjani tar-reġjun ta’ Pomorskie b’aċċess għal firxa komprensiva ta’ servizzi mediċi speċjalizzati li qabel ma kinux disponibbli lokalment. Flimkien ma’ kura għall-pazjenti ta’ ġewwa u barra fuq il-post, dawn is-servizzi jinkludu appoġġ bit-telekura lejl u nhar għall-pazjenti, għall-familji tagħhom u għall-carers. Barra minn hekk, il-ftuħ taċ-Ċentru diġà ġġenera 70 impjieg ġdid. Bi spiża totali ta’ EUR 6,6 miljun, il-proġett kien appoġġat minn kontribuzzjoni ta’ EUR 4,6 miljun mill-FEŻR.
•Il-Grupp ta’ Azzjoni Lokali għas-Sajd (FLAG) ta’ Chioggia u Po Delta fl-Italja kkonvinċa b’suċċess lil skola sekondarja biex tniedi programm ta’ taħriġ uffiċjali fis-sajd kummerċjali u fil-produzzjoni tal-ħut. B’appoġġ mill-FEMS, il-FLAG uża l-attivitajiet ta’ animazzjoni tiegħu ffinanzjati permezz tal-FEMS, flimkien mal-partijiet ikkonċernati tas-sajd u l-komunità lokali usa’, biex jattira l-ewwel gruppi ta’ studenti tiegħu li se jsiru imprendituri tal-futur.
3.4.Tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti
Sa tmiem l-2019, kienu ġew allokati madwar EUR 5,2 biljun għal proġetti li indirizzaw il-kapaċità istituzzjonali u r-riformi, u dan irrappreżenta 83 % tas-EUR 6,2 biljun ippjanati (prinċipalment mill-programmi tal-FSE). L-infiq fil-prattika ammonta għal EUR 1,8 biljun (30 % tat-total ippjanat). Dan l-isforz kien ikkumplimentat b’appoġġ ipprovdut, minbarra l-Fondi SIE, permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, li issa nbidel fl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.
Allokati għall-proġetti
Minfuqa mill-proġetti
Amministrazzjoni Pubblika Effiċjenti
Implimentazzjoni finanzjarja (f’% tal-ammont totali ppjanat)
Ammont totali ppjanat (UE + nazzjonali, EUR biljun)
Taħt dan l-objettiv:
·487 782 parteċipant ġew appoġġati mill-FSE;
·2 331 proġett immirati lejn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali jew lejn servizzi pubbliċi ġew appoġġati mill-FSE.
L-implimentazzjoni ta’ proġetti mmirati lejn il-bini ta’ kapaċitajiet għall-partijiet ikkonċernati li jipprovdu l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ u l-impjiegi u l-politiki soċjali għadha lura, b’rata ta’ għażla tal-proġetti li għadha taħt l-40 %. Ir-raġunijiet għad-dewmien ivarjaw bejn l-Istati Membri u jinkludu bidliet legali li jaffettwaw l-implimentazzjoni jew id-diffikultajiet marbuta mal-karatteristiċi innovattivi u kumplessi tal-intervent.
Kaxxa 5: Eżempju ta’ appoġġ mill-Fondi SIE għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali
•Fl-Italja, proġett tal-FSE għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-muniċipalitajiet żgħar (jiġifieri dawk b’popolazzjoni residenti ta’ mhux aktar minn 5 000 abitant u dawk maħluqa wara amalgamazzjoni ta’ muniċipalitajiet, kull waħda b’popolazzjoni ta’ mhux aktar minn 5 000 abitant) u li jippromwovi servizzi pubbliċi effiċjenti, governanza tajba u l-bini ta’ kapaċitajiet istituzzjonali fil-livell lokali. B’baġit totali ta’ EUR 42 miljun, il-proġett se jipproduċi impatti fuq il-kwalità tas-servizzi għaċ-ċittadini u n-negozji, itejjeb il-ħiliet tal-awtoritajiet pubbliċi lokali fl-implimentazzjoni tal-politiki appoġġati mill-Fondi SIE permezz ta’ interventi ta’ riorganizzazzjoni diġitali xierqa u aċċess għad-data, isaħħaħ il-governanza f’diversi livelli u jakkumpanja l-proċess tar-riforma tal-awtoritajiet lokali.
3.5. Żvilupp territorjali u urban
Għall-2014-2020, madwar EUR 32 biljun qed jiġu allokati għall-iżvilupp territorjali integrat u għall-iżvilupp urban sostenibbli. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji sofriet xi dewmien fis-snin bikrin tal-perjodu ta’ programmazzjoni minħabba dewmien fil-finalizzazzjoni tal-istrateġiji u fl-istabbiliment tal-proċeduri amministrattivi li jiżguraw implimentazzjoni deċentralizzata. Taħt il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, ġew allokati EUR 23 biljun għall-proġetti sa tmiem l-2019, li jirrappreżentaw 73 % tal-allokazzjoni ppjanata. Kien hemm aċċellerazzjoni konsiderevoli fil-livell tan-nefqa ġġenerata mill-proġetti, li laħqet it-EUR 8,3 biljun (26 % tal-allokazzjoni ppjanata) sa tmiem l-2019. Din hija żieda notevoli meta mqabbla mal-EUR 1,2 biljun fi tmiem l-2017.
Il-proġetti magħżula taħt l-istrateġiji ta’ żvilupp integrat sa tmiem l-2019 se jipprovdu: 42 miljun metru kwadru ta’ spazju miftuħ urban rinnovat jew żviluppat reċentement (141 % tal-mira) aċċessibbli għall-pubbliku; 2,6 miljun metru kwadru ta’ bini pubbliku rinnovat jew mibni ġdid (111 % tal-mira); u kważi 21 000 unità ta’ abitazzjoni rinnovata (88,1 % tal-mira). F’konformità mal-implimentazzjoni finanzjarja, l-implimentazzjoni fiżika għadha lura u tvarja bejn 15-30 % tal-valuri fil-mira.
Kaxxa 6: Eżempju ta’ Fondi SIE li jappoġġaw l-iżvilupp territorjali u urban
•Fil-Polonja, iż-żona postindustrijali u dik li xi darba kienet il-parkeġġ disorganizzat fis-subborgi ta’ Krakovja nbidlet f’post ekoloġiku għar-rikreazzjoni u għal-laqgħat miftuħ għar-residenti kollha. Il-Park ta’ Przystań Wisła inħoloq b’involviment estensiv tal-pubbliku, li għażel il-proġett tal-kunċett ta’ park f’konsultazzjoni pubblika wiesgħa. Il-faċilitajiet tal-park jinkludu kafetterija, bitħa għal-logħob u gallerija tal-arti fil-beraħ għan-nies lokali biex juru x-xogħol tagħhom. Il-park għandu wkoll ġnien tax-xita u ġnien pubbliku tal-ħxejjex. L-aċċess għal persuni b’diżabbiltà huwa pprovdut. L-investiment għal dan il-proġett ammonta għal EUR 603 462, bil-FEŻR jikkontribwixxi EUR 319 243.
3.6.Kooperazzjoni territorjali
Il-FEŻR jagħti appoġġ għal programmi ta’ kooperazzjoni territorjali li jinvestu fi proġetti transfruntiera, tranżnazzjonali u interreġjonali. Dawn il-programmi jammontaw għal EUR 12,6-il biljun tal-allokazzjoni ppjanata, li minnhom EUR 11,8-il biljun kienu diġà ġew allokati għall-proġetti sa tmiem l-2019. Dawn il-proġetti ġġeneraw EUR 3,8 biljun f’nefqa, li jirrappreżentaw 30 % tal-ammont ippjanat. Bħala tali, sa tmiem l-2019, l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi ta’ kooperazzjoni baqgħet aktar kajmana mill-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali/reġjonali.
Uħud mill-kisbiet tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali huma inklużi fl-indikaturi aggregati taħt it-temi ta’ investiment ewlenin ta’ hawn fuq, filwaqt li xi indikaturi ddedikati jkejlu l-aspett ta’ kooperazzjoni tal-proġetti appoġġati:
·17 500 intrapriża u 3 600 istituzzjoni ta’ riċerka pparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka transfruntiera, tranżnazzjonali jew interreġjonali;
·107 000 persuna bbenefikaw minn inizjattivi ta’ mobbiltà transfruntiera;
·aktar minn 80 000 persuna pparteċipaw f’inizjattivi konġunti ta’ impjieg lokali u f’korsijiet konġunti ta’ taħriġ.
Kaxxa 6: Eżempji ta’ Fondi SIE li jappoġġaw il-kooperazzjoni territorjali
•Fiż-żona transfruntiera bejn Franza u Spanja, fejn l-aċċessibbiltà fiż-żoni muntanjużi tista’ tkun diffiċli, il-proġett EGAL-URG ħoloq sptar mobbli għal sitwazzjonijiet ta’ diżastri u ta’ emerġenza, inkluż għar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19. Fi żmien 20 minuta, dak li jidher bħala vann sempliċi jsir sptar bit-tagħmir kollu meħtieġ biex jieħu ħsieb 18-il pazjent, u jinkludi unità tal-kura intensiva żgħira li tista’ tospita tmien pazjenti. Il-proġett ibbenefika minn għotja ta’ EUR 1,5 miljun mill-FEŻR.
•Il-proġett Interreg tal-ispazju Alpin “Smart Villages” jagħmel l-irħula remoti fi Franza, fl-Italja, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvizzera, fil-Liechtenstein, u fis-Slovenja aktar intelliġenti. Approċċ ta’ Raħal Intelliġenti għaż-żoni muntanjużi jista’ jisfrutta l-potenzjal tal-atturi lokali biex jagħmlu r-reġjun tagħhom post aktar attraenti fejn wieħed jgħix u jaħdem. Il-proġett issa huwa parti minn strateġija makroreġjonali (EUSALP) u huwa inkorporat bis-sħiħ fl-istrateġija tal-Irħula Intelliġenti tal-Kummissjoni. EUR 2 miljun mill-investiment totali ta’ EUR 2,6 miljun ġew ipprovduti mill-FEŻR.
4.Ħidma ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri
L-isforz ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri għamel progress konsiderevoli fis-sena li għaddiet meta vvaluta l-kisba tal-miri, il-proċessi fil-qalba tal-implimentazzjoni, u l-eżiti u l-effetti tal-azzjonijiet appoġġati. Dan jirrappreżenta impenn kbir biex tiġi ġġenerata evidenza għat-tfassil tal-politika, f’konformità mal-orjentazzjoni tar-riżultati aktar soda tal-politika. L-isforzi ta’ evalwazzjoni żdiedu b’mod sostanzjali meta mqabbla mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, anke bis-saħħa ta’ diversi forom ta’ appoġġ ipprovduti mill-Kummissjoni.
Iż-żieda fl-għadd ta’ evalwazzjonijiet mitmuma ġabet għarfien estensiv dwar l-implimentazzjoni tal-programmi u l-effettività tagħhom. Filwaqt li s-sejbiet huma diffiċli biex jiġu ġġenerati, il-Fondi SIE kienu effettivi f’ħafna oqsma u taw appoġġ konkret lil tipi differenti ta’ benefiċjarji fis-setturi pubbliċi u privati kif ukoll lil individwi. It-tkabbir inklużiv huwa l-qasam fejn il-valur miżjud tal-UE huwa aktar evidenti u li fuqu huma kkonċentrati l-biċċa l-kbira tal-evalwazzjonijiet tal-impatt li saru s’issa.
L-evalwazzjonijiet fl-oqsma rispettivi tagħhom jipprovdu lill-Istati Membri b’input siewi għat-tfassil tal-politika, li jinkludi t-tħejjija tal-programmi għall-2021-2027. Is-sejbiet disponibbli se jiġu kkomplementati b’għadd dejjem jikber ta’ evalwazzjonijiet tal-impatt fl-aħħar snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni, meta jkun mistenni li joħorġu aktar riżultati. Se jinqalgħu aktar sfidi meta jasal iż-żmien biex jiġu vvalutati l-impatti. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti appoġġ lill-Istati Membri permezz tan-networks u s-servizzi ddedikati.
Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport jagħti aktar dettalji dwar is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni dwar il-programmi appoġġati mill-Fondi SIE.
5.Konklużjonijiet
L-investimenti appoġġati mill-programmi tal-Fondi SIE għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ tar-reġjuni, tal-ibliet, taż-żoni rurali u tal-komunitajiet kostali, u jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej f’kull Stat Membru u reġjun fl-Unjoni Ewropea. Dawn jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija Ewropea u l-ekonomija għas-servizz tan-nies, f’konformità mal-valuri espressi fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ħadd ma jitħalla jibqa' lura.
L-2019 kienet is-sitt sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi SIE għall-2014-2020, b’nefqa eliġibbli għall-finanzjament sa tmiem l-2023. Wara bidu kajman fl-ewwel ftit snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni, l-implimentazzjoni ħaffet il-pass mill-2017, b’riżultati sinifikanti ħafna miksuba fl-2019. Dan ippermetta progress fl-impenn sħiħ tar-riżorsi disponibbli, b’89 % (jew EUR 570,6 biljun) tal-finanzjament disponibbli mogħti lil proġetti magħżula. Sa tmiem l-2020, ir-rata tal-għażla tal-proġetti kienet żdiedet aktar għal 101 %. Fil-każ ta’ xi Stati Membri u Fondi, il-valur tal-proġetti eżistenti diġà jaqbeż l-allokazzjonijiet tagħhom. In-nefqa ġġenerata mill-proġetti ta’ investiment qed tirkupra malajr u laħqet il-EUR 264,1 biljun, li jirrappreżentaw 41 % tal-allokazzjoni ġenerali. Ir-rata tal-infiq kienet laħqet is-56 % sa tmiem l-2020.
Il-progress fl-implimentazzjoni finanzjarja jvarja bejn it-temi differenti, bl-appoġġ għall-kompetittività tal-SMEs, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju, u l-infrastrutturi tan-network fit-trasport u fl-enerġija jmorru l-aħjar. L-investimenti f’xi oqsma ewlenin, inkluż ir-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-inklużjoni soċjali, qed jiġu implimentati b’pass aktar kajman, iżda l-aċċellerazzjoni importanti f’dawn l-aħħar sentejn hija mistennija li tinżamm għall-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
Ġew irreġistrati xi kisbiet notevoli għal għadd ta’ indikaturi komuni fejn il-valuri tal-kisba għall-2019 juru żieda qawwija meta mqabbla mal-kisbiet kumulattivi għall-2014-2018. B’mod ġenerali, il-livell tal-kisbiet isegwi mill-qrib il-livell tan-nefqa ġġenerata mill-proġetti. Ċerti differenzi importanti jistgħu jiġu osservati fil-livell tal-kisba għall-indikaturi komuni, li prinċipalment huwa dovut għall-pass differenti tal-implimentazzjoni tal-investimenti sottostanti u għan-natura tar-riżultati prodotti mill-proġetti. L-evidenza tal-passat turi li fil-każijiet kollha, il-biċċa l-kbira tal-kisbiet tanġibbli jseħħu fit-tieni nofs taċ-ċiklu tal-programmazzjoni.
Id-data ta’ monitoraġġ disponibbli tissuġġerixxi li l-Fondi se jilħqu l-objettivi stabbiliti. Is-sejbiet preliminari dwar l-impatti tal-interventi ffinanzjati taħt il-programmi għall-2014-2020, ibbażati fuq l-aktar evalwazzjonijiet affidabbli mwettqa mill-Istati Membri, jindikaw riżultati pożittivi u joffru rakkomandazzjonijiet biex jiġu żviluppati l-interventi sabiex jiġu kkonsolidati u estiżi l-benefiċċji tagħhom.
Il-Fondi SIE ġew skjerati b’suċċess fl-2020 biex jgħinu lill-Istati Membri jtaffu l-impatti negattivi tal-kriżijiet ekonomiċi u tas-saħħa kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Ir-regoli li jirregolaw il-Fondi ġew emendati b’veloċità mingħajr preċedent, u b’hekk kwalunkwe flus mhux allokati setgħu jiġu ttrasferiti malajr biex tiġi indirizzata l-kriżi. B’effett retroattiv, minn Frar 2020, il-Fondi SIE pprovdew rispons ta’ emerġenza essenzjali għall-kriżi billi appoġġaw ix-xiri ta’ tagħmir mediku u għenu lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jlaħħqu mal-kriżi, u b’hekk urew il-flessibbiltà u l-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu malajr taħt ċirkostanzi imprevedibbli. Aktar minn EUR 20 biljun diġà ġew immobilizzati sa tmiem l-2020 u ġew ridiretti fejn il-flus kienu l-aktar meħtieġa. Imsaħħa bis-EUR 47,5 biljun tal-pakkett REACT-EU u bit-EUR 8,07 biljun addizzjonali għall-iżvilupp rurali mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, il-programmi tal-Fondi SIE se jorbtu r-rispons ta’ emerġenza għal żmien qasir mal-għan fit-tul ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għall-Istati Membri u għar-reġjuni kollha li se jiġu appoġġati fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.