Brussell, 24.3.2021

COM(2021) 137 final

2021/0070(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

L-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal

{SWD(2021) 62 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, ħabbret il-ħolqien ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal bl-għan li jiġi żgurat li “kull tifel u tifla fl-Ewropa f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali jkollhom aċċess għall-aktar drittijiet bażiċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni” 1 . L-appoġġ tat-tfal minn età bikrija u matul it-tfulija tagħhom huwa ta’ importanza kbira bil-għan li tinbena ekonomija tal-għarfien sostenibbli, ugwali, inklużiva u kompetittiva u soċjetà ġusta.

Bil-għan li tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali, din il-proposta tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu aċċess għal servizzi ewlenin ta’ kwalità għat-tfal fil-bżonn: edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni (inklużi attivitajiet ibbażati fl-iskola), kura tas-saħħa, nutrizzjoni u akkomodazzjoni. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tat-tfal fl-UE diġà għandhom aċċess għal dawn is-servizzi, aċċess inklużiv u verament universali huwa kruċjali biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha, u b’mod partikolari dawk li jesperjenzaw esklużjoni soċjali minħabba l-faqar jew forom oħra ta’ żvantaġġ.

L-esklużjoni soċjali hija fenomenu kumpless u multidimensjonali. L-ixprunaturi ewlenin tagħha huma r-riżorsi insuffiċjenti u l-faqar, iżda wkoll in-nuqqas ta’ aċċess ugwali għall-oġġetti u s-servizzi minħabba diversi forom ta’ żvantaġġ, li jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà 2 . Il-proposta għandha fil-mira tagħha lit-tfal fil-bżonn, b’referenza għat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Fid-dawl tal-isfidi multidimensjonali ffaċċjati minn persuni b’introjtu baxx, li għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw oġġetti u servizzi jew is-suq tax-xogħol, fil-livell tal-UE ġie miftiehem indikatur kompost li huwa “f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali”. Il-miżuri tal-indikaturi: (i) l-għadd ta’ persuni li għandhom introjtu disponibbli ekwivalizzat (wara t-trasferimenti soċjali) li huwa inqas mil-limitu tar-riskju ta’ faqar 3 ; (ii) deprivazzjoni materjali estrema li tkopri n-nuqqas ta’ oġġetti bażiċi li huma meħtieġa biex jiġi ggarantit standard adegwat ta’ għajxien f’soċjetà partikolari 4 ; u (iii) intensità tax-xogħol baxxa ħafna 5 . It-tfal li jgħixu f’tali unitajiet domestiċi huma partikolarment suxxettibbli għall-esklużjoni soċjali u huma l-grupp fil-mira ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-EU-27, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali hija ogħla għat-tfal milli għall-popolazzjoni totali. Fl-2019, 22,2 % (kważi 18-il miljun) tat-tfal kienu jgħixu f’unitajiet domestiċi f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, għall-kuntrarju ta’ 20,9 % (madwar 91 miljun) għall-popolazzjoni totali. It-tnaqqis tar-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fost it-tfal matul l-aħħar għaxar snin mexa b’ritmu anqas mgħaġġel milli fost il-popolazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, l-ispariġġ tal-faqar 6 fl-EU-27 huwa ogħla għat-tfal (25,4 % fl-2019) milli għall-bqija tal-popolazzjoni (24,3 %), u l-istess japplika għall-persistenza tal-faqar 7 (14,1 % għat-tfal fl-2018 meta mqabbel mal-10,8 % għall-bqija tal-popolazzjoni).

Hemm korrelazzjoni qawwija bejn l-esklużjoni soċjali tat-tfal u n-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi ewlenin. It-tfal li jgħixu fil-faqar jew li jesperjenzaw żvantaġġi partikolari huma aktar probabbli li jiffaċċjaw ostakoli fl-aċċess għas-servizzi, li huma kruċjali għall-benesseri tagħhom u għall-iżvilupp ta’ ħiliet soċjali, konjittivi u emozzjonali. Filwaqt li tali servizzi fl-Istati Membri kollha huma ġeneralment fis-seħħ, l-evidenza turi li l-aċċess mhuwiex uniformi. F’madwar terz tal-Istati Membri, il-ġenituri b’introjtu moderat isibu li l-kostijiet tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal huma għoljin ħafna. Il-kotba tal-iskola, it-trasport tal-iskola, l-ikliet u l-attivitajiet addizzjonali bbażati fl-iskola jpoġġu piż sinifikanti fuq il-baġits tal-familji fi 15-il Stat Membru. F’diversi Stati Membri, uħud mis-servizzi relatati mal-kura tas-saħħa għat-tfal biss huma kompletament mingħajr ħlas. F’sitt Stati Membri, aktar minn 10 % tat-tfal jesperjenzaw privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa. Il-fenomenu tal-persuni mingħajr dar żdied fi kważi l-Istati Membri kollha, u jaffettwa wkoll lit-tfal. L-ixprunaturi ta’ aċċess mhux ugwali għas-servizzi jistgħu jkunu diversi u jistgħu jinkludu: nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji biex ikopru l-kostijiet tas-servizzi mill-ġenituri jew mill-gwardjani; disponibbiltà limitata, b’mod partikolari f’żoni rurali 8 , remoti jew żvantaġġati; nuqqas ta’ adattament tas-servizzi, jew tal-persunal, għal tfal bi bżonnijiet partikolari; nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-servizzi disponibbli; jew ostakoli amministrattivi.

Flimkien mal-faqar, forom oħra ta’ żvantaġġ joħolqu ostakoli għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Il-proposta tirrakkomanda wkoll li, meta jfasslu l-miżuri integrati nazzjonali tagħhom biex jappoġġaw lit-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, l-Istati Membri jqisu wkoll, fejn xieraq, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tfal li huma mingħajr dar jew li jesperjenzaw privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa; li għandhom diżabilità; dawk bi sfond ta’ migrazzjoni; bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika (b’mod partikolari r-Rom); dawk li jkunu f’kura alternattiva (speċjalment istituzzjonali); u ta’ tfal f’sitwazzjonijiet prekarji tal-familja.

Tfal minn sfondi żvantaġġati huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-esklużjoni soċjali, li spiss tirriżulta mill-faqar jew mill-privazzjoni. Skont l-Istat Membru, ir-riskju ta’ faqar għat-tfal imrobbija minn ġenitur wieħed, f’familji bi tlett itfal jew aktar, jew bi sfond ta’ migrazzjoni jew Rom huwa sa tliet darbiet ogħla minn dak ta’ tfal oħra 9 . Tfal minn sfondi żvantaġġati juru wkoll rati ta’ attendenza konsiderevolment aktar baxxi fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal. It-tfal li jingħataw kura istituzzjonali jistgħu ma jibbenefikawx bis-sħiħ mill-edukazzjoni ġenerali u inklużiva. Barra minn hekk, tfal b’diżabilità, bi sfond ta’ migrazzjoni jew dawk li jgħixu f’żoni rurali jew remoti jaf ma jkunux jistgħu jieħdu sehem f’ħafna attivitajiet ibbażati fl-iskola. L-ostakoli jistgħu jinkludu l-affordabbiltà, in-nuqqas ta’ infrastruttura xierqa, l-aċċessibbiltà baxxa, jew problemi lingwistiċi. Il-parteċipazzjoni ta’ dawk it-tfal fi programmi tas-saħħa preventivi hija mxekkla wkoll. Status ta’ introjtu baxx jew sitwazzjoni prekarja tal-familja spiss jirriżultaw f’nutrizzjoni irregolari jew mhux tajba għas-saħħa. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u adegwata, inkluż l-ilma tax-xorb sikur, joħloq riskju akbar ta’ privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa u jaffettwa l-benesseri ġenerali tat-tfal. Dawn l-ostakoli kollha għall-aċċess jipperpetwaw iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ esklużjoni soċjali, b’effetti profondi u fit-tul fuq il-ħajja tat-tfal.

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tat-tfal huma essenzjali għall-progress soċjali u għall-iżvilupp sostenibbli. L-esklużjoni soċjali għandha effetti ta’ ħsara fuq l-opportunitajiet attwali u futuri tat-tfal u fuq il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għas-soċjetà tal-lum u ta’ għada. It-tfal li huma soċjalment esklużi huma inqas probabbli li jmorru tajjeb fl-iskola u li jgawdu minn saħħa tajba mill-pari tagħhom. Huma f’riskju ogħla li jitilqu kmieni mill-iskola u, meta jsiru adulti, huma aktar probabbli li jkunu qiegħda (fit-tul) u li jesperjenzaw il-faqar, minħabba opportunitajiet ta’ impjieg u qligħ imnaqqsa. Edukazzjoni u saħħa ta’ kwalità baxxa għandhom ukoll impatt importanti fuq l-ekonomija u fuq is-suq tax-xogħol peress li jxekklu t-tkabbir fl-impjiegi u jwasslu għal forza tax-xogħol ta’ kwalità aktar baxxa u inqas produttiva.

Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel u tinvolvi riskju sinifikanti ta’ żieda fil-faqar jew fir-rata ta’ esklużjoni soċjali. Ħolqot riskji soċjoekonomiċi għan-nisa u għall-gruppi vulnerabbli bħall-ġenituri waħedhom, it-tfal u l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, il-migranti, il-minoranzi, il-ħaddiema żgħażagħ u prekarji u l-persuni li jgħixu f’żoni u f’unitajiet domestiċi b’konnettività diġitali limitata jew mingħajr konnettività diġitali. Gruppi b’introjtu baxx u medju għandhom probabbiltà ogħla ta’ telf ta’ introjtu minħabba żieda fil-qgħad u inqas possibbiltajiet ta’ telexogħol. L-impatt fuq l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi huwa mistenni li jżid l-inugwaljanzi u jista’ jwassal biex kategoriji ġodda ta’ unitajiet domestiċi jkunu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Riżultat tal-għeluq tal-iskejjel kien li t-tfal baqgħu mingħajr sors affidabbli ta’ nutrizzjoni, peress li ħafna tfal kienu mċaħħda mill-ikliet tal-iskola. Id-diġitalizzazzjoni mifruxa mmitigat sa ċertu punt it-telf tal-edukazzjoni kkawżat mill-għeluq tal-iskejjel, iżda ħafna tfal ma kellhomx ambjenti tajbin ta’ tagħlim fid-dar eż. minħabba n-nuqqas ta’ tagħmir meħtieġ, konnessjoni tal-internet ħażina, jew nuqqas ta’ appoġġ fix-xogħol tal-iskola. Il-COVID‑19 u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali affettwaw ukoll l-arranġamenti ta’ kura formali, l-edukazzjoni, u s-servizzi ta’ divertiment.

Fl-UE hemm kunsens dwar l-importanza li jiġi ggarantit aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għal servizzi ewlenin ta’ kwalità għal tfal li jiffaċċjaw diversi forom ta’ żvantaġġ. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2015 10 , u kif ikkonfermat fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus tal-4 ta’ April 2019 11 , il-Parlament Ewropew talab għal Garanzija Ewropea għat-Tfal, b’enfasi fuq it-tfal fil-faqar u b’enfażi fuq ċerti servizzi ewlenin. Il-Parlament talab ukoll lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà ta’ tali Garanzija Ewropea għat-Tfal permezz ta’ azzjoni preparatorja pluriennali. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Garanzija Ewropea għat-Tfal. Fir-Rapport Speċjali 20/2020 tagħha dwar il-faqar fost it-tfal tad-29 ta’ Settembru 2020 12 , il-Qorti Ewropea tal-Awdituri enfasizzat li hemm bżonn ta’ mmirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni għall-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal. B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tinkludi azzjonijiet u objettivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fl-inizjattivi futuri tagħha, inkluż bħala parti mill-proċess ta’ koordinazzjoni ekonomika tas-Semestru Ewropew. Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal 13 , li fiha jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għall-istabbiliment tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fl-ewwel trimestru tal-2021, u jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-implimentazzjoni tagħha u jinvestu r-riżorsi kollha possibbli, inklużi l-fondi tal-UE. Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu strateġiji nazzjonali pluriennali biex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

Jenħtieġ li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew jaqgħu lura. Ix-xejriet demografiċi u n-nuqqas ta’ ħiliet, enfasizzati fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt tat-tibdil demografiku adottat fis-17 ta’ Ġunju 2020 14 , jagħmluha indispensabbli li jitrawwem il-potenzjal tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku tagħhom. Filwaqt li l-UE tesperjenza wieħed mill-ogħla livelli ta’ inklużjoni soċjali u ta’ koeżjoni fid-dinja 15 , hemm bżonn ta’ azzjoni politika deċiżiva biex tappoġġa lit-tfal f’ċirkostanzi aktar diffiċli u li jistgħu jiffaċċjaw ostakoli minħabba forom differenti ta’ żvantaġġi. Għalhekk, il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tiffoka fuq l-appoġġ għat-tfal fil-bżonn.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprovdi l-qafas għal azzjoni tal-UE u nazzjonali għal swieq tax-xogħol ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb u protezzjoni u inklużjoni soċjali 16 . Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 17 jfittex li jtejjeb aktar l-istandards tal-għajxien, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b’hekk jiżgura l-ġustizzja, ir-reżiljenza u l-konverġenza soċjali ’l fuq. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi spinta ġdida biex jiġu indirizzati l-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-UE. Dan jistabbilixxi l-mira li jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, u minn dan, tal-inqas 5 miljuni jenħtieġ li jkunu tfal. It-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta se ssegwi x-xejriet u l-prestazzjonijiet tal-Istati Membri, u b’hekk tippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika stabbilit sew fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

L-objettiv tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal huwa li tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali billi jiġi ggarantit l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin. B’dan il-mod, l-inizjattiva tikkontribwixxi għat-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs għat-tfal fil-bżonn u għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, u abbażi ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv, il-proposta:

tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jimmiraw miżuri ta’ appoġġ għat-tfal fil-bżonn, mifhuma bħala persuni taħt it-18-il sena li huma f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali;

meta jiġu identifikati t-tfal fil-bżonn u fi ħdan dan il-grupp, tirrakkomanda lill-Istati Membri biex iqisu, fejn xieraq, forom speċifiċi ta’ żvantaġġ, bħall-ħtiġijiet ta’: (i) tfal mingħajr dar jew tfal li jesperjenzaw privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa; (ii) tfal b’diżabilità; (iii) tfal bi sfond ta’ migrazzjoni; (iv) tfal bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika (b’mod partikolari r-Rom); (v) tfal li jkunu f’kura alternattiva (speċjalment istituzzjonali); u (vi) tfal f’sitwazzjonijiet prekarji tal-familja;

tistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu lit-tfal fil-bżonn aċċess effettiv u mingħajr ħlas għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni (inklużi attivitajiet ibbażati fl-iskola), ikla bnina kull jum tal-iskola u kura tas-saħħa; l-iżgurar li ċerti servizzi jkunu mingħajr ħlas huwa wieħed mill-modi kif tiżdied l-effettività tal-aċċess;

tistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lit-tfal fil-bżonn aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u għal akkomodazzjoni adegwata;

tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif il-garanzija tal-aċċess għal dawn is-servizzi tista’ tiġi appoġġata minn miżuri korrispondenti;

tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ governanza u ta’ rapportar;

tipprovdi għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-arranġamenti ta’ evalwazzjoni.

Il-proposta tirrikonoxxi li l-indirizzar tal-ixprunaturi tal-esklużjoni soċjali tat-tfal huwa sfida multidimensjonali. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal innifisha tkun effettiva biss fi ħdan sett usa’ ta’ miżuri integrati, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , u fi ħdan qafas ta’ politika usa’ tal-istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li għaliha tikkontribwixxi wkoll din il-proposta. Għal dan il-għan, il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jibnu qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni billi: (i) jiżguraw li l-politiki rilevanti jkunu konsistenti ma’ xulxin u jtejbu r-rilevanza tagħhom għall-appoġġ tat-tfal; (ii) jinvestu f’sistemi adegwati ta’ edukazzjoni, saħħa u protezzjoni soċjali; (iii) jipprovdu miżuri ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-ġenituri jew il-gwardjani u appoġġ għall-introjtu għall-familji u t-tfal; (iv) jindirizzaw id-dimensjoni territorjali tal-esklużjoni soċjali, inkluż f’żoni urbani, rurali u remoti distintivi; (v) isaħħu l-kooperazzjoni u l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati; (vi) jevitaw id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tat-tfal fil-bżonn; (vii) jappoġġaw investimenti strateġiċi fit-tfal u s-servizzi, inkluż infrastruttura ta’ abilitazzjoni u forza tax-xogħol kwalifikata; u (viii) jallokaw riżorsi adegwati u jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament tal-UE.

Hemm fondi tal-Unjoni disponibbli biex jappoġġaw miżuri li jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027, l-Istati Membri li għandhom rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali ogħla mill-medja tal-UE (fl-2017-2019) se jkollhom jallokaw 5 % tal-FSE+ għall-ġlieda kontra l-faqar jew l-esklużjoni soċjali fost it-tfal, filwaqt li Stati Membri oħra se jkunu meħtieġa li jallokaw ammont xieraq. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jikkontribwixxi wkoll permezz ta’investimenti li jibqgħu validi għall-futur fl-infrastruttura soċjali, fit-tagħmir u fl-aċċess għal servizzi ġenerali u ta’ kwalità, kif ukoll permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni fir-reġjuni tal-fruntieri.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi opportunità biex issaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u biex ittaffi l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi tagħhom immirati biex jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-isfidi edukattivi, soċjali, ekonomiċi u legali li jaffettwaw lit-tfal.

L-Istati Membri se jkomplu jibbenefikaw ukoll mill-iskema tal-ħalib, tal-frott u tal-ħaxix tal-UE 2017 – 2023 18 . Fl-2023, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-iskema biex tipprovdi lit-tfal b'aktar prodotti li huma tajbin għas-saħħa u ttejjeb il-fehim tagħhom dwar il-benefiċċji tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013, L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ 19 stipulat approċċ integrat għat-tnaqqis tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fost it-tfal u t-titjib tal-benesseri tat-tfal. Ir-Rakkomandazzjoni ffukat fuq tliet oqsma: (i) l-aċċess għal riżorsi adegwati; (ii) l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd; u (iii) iż-żamma tad-drittijiet tat-tfal li jipparteċipaw fil-logħob, fir-rikreazzjoni, f’attivitajiet sportivi u kulturali, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom. Din il-proposta tikkomplementa l-politiki eżistenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tat-tfal, tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni L-investiment fit-Tfal u ssaħħaħ it-tieni qasam tagħha billi tagħti prijorità lill-aċċess għal servizzi ewlenin għat-tfal fil-bżonn.

Il-proċess ta’ koordinazzjoni ekonomika u tal-impjiegi tas-Semestru Ewropew, appoġġat mit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali 20 , enfasizza l-isfida tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fost it-tfal, u għadd ta’ Stati Membri rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati għall-pajjiż 21 . Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi 22 jenfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għal kulħadd, inkluż it-tfal, għal ċerti servizzi, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u tali aċċess iservi bħala kundizzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs.

Fil-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn) appoġġaw għadd ta’ oqsma ta’ politika rilevanti għat-tfal, inkluż l-indirizzar tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fost it-tfal, is-servizzi ta’ edukazzjoni u kura ġenerali ta’ kwalità, kif ukoll l-ikel tajjeb għas-saħħa u sustanzjuż u l-għajnuna materjali lil tfal fil-bżonn.

Fl-2017-2020, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali pprovda appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tar-riformi tal-Istati Membri mmirati lejn: (i) iż-żieda fil-kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola; (ii) iż-żieda tal-inklużjoni fis-sistemi edukattivi; (iii) l-appoġġ għad-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal; (iv) it-titjib tal-aċċess għas-servizzi għal tfal b’diżabilità; (v) it-trawwim tal-integrazzjoni soċjali ta’ tfal migranti jew ta’ minoranza etnika; (vi) iż-żieda f’sistemi ġudizzjarji nazzjonali li huma adattati għat-tfal; u (vii) ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-familja, biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet li qed jevolvu ta’ kull tip ta’ familja.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija komplementarja u konsistenti ma’ għadd ta’ inizjattivi oħra tal-UE. Tirrappreżenta riżultat konkret tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u se tikkontribwixxi għall-kisba tal-mira ewlenija tagħha li tnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed, inkluż in-nisa, se tikkontribwixxi wkoll biex jiġi indirizzat il-faqar; il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi mira ewlenija li tinkiseb rata ta’ impjieg ta’ 78 % u jipproponi ambizzjoni komplementari biex sal-2030 titnaqqas mill-inqas bin-nofs id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi.

Il-proposta tikkomplementa l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata fl-istess żmien, li tiġbor flimkien l-inizjattivi eżistenti u futuri kollha dwar id-drittijiet tat-tfal taħt qafas ta’ politika koerenti wieħed, u tagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti kemm għall-azzjoni interna kif ukoll esterna tal-UE. Din tiddeskrivi l-ħidma tal-Kummissjoni fl-oqsma li ġejjin: (i) il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja politika u demokratika tal-UE; (ii) l-inklużjoni soċjoekonomika, l-edukazzjoni u s-saħħa; (iii) il-prevenzjoni u l-protezzjoni mill-forom kollha ta’ vjolenza u diskriminazzjoni; (iv) ġustizzja adatta għat-tfal; (v) tfal fl-era diġitali; u (vi) id-dimensjoni globali tad-drittijiet tat-tfal. It-taqsima dwar l-inklużjoni soċjoekonomika hija allinjata mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

Fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja 23 , bil-għan li jappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kwalità tagħhom. Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” 24 fejn l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jikkostitwixxu waħda mis-sitt dimensjonijiet li għandhom jiġu kkonsolidati. Abbażi ta’ dik il-Komunikazzjoni, fid-19 ta’ Frar 2021 il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 25 u qabel fuq mira fil-livell tal-UE li mill-inqas 96 % tat-tfal bejn it-3 snin u l-età tal-bidu tal-edukazzjoni primarja obbligatorja jenħtieġ li jipparteċipaw f’edukazzjoni u f’kura bikrija tat-tfal. Ir-Riżoluzzjoni tipprevedi wkoll it-titjib tal-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri qablu li s-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ jenħtieġ li jkun inqas minn 9 % sal-2030.

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” 26 , li, fil-qalba tagħha, tippreżenta viżjoni ambizzjuża għall-edukazzjoni diġitali minn perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja bl-inklużjoni tal-istudenti kollha tal-etajiet kollha.

Fil-5 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 27 . L-istrateġija għandha l-għan li tiġġieled kontra l-isterjotipi tal-ġeneri li jaffettwaw il-benesseri u l-opportunitajiet tal-bniet u tas-subien fid-diversità kollha tagħhom minn età bikrija. Hija tħabbar ukoll, kif ikkonfermat mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li fl-2022 il-Kummissjoni se tippreżenta r-reviżjoni tal-objettivi ta’ Barċellona 28 għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. L-Istrateġija tippromwovi wkoll l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-kondiviżjoni ugwali ta’ xogħol ta’ kura mhux imħallas, inkluż il-kura tat-tfal, bejn in-nisa u l-irġiel. Sakemm in-nisa jkomplu jġorru responsabbiltà sproporzjonata għat-trobbija tat-tfal, l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-inklużjoni soċjali tat-tfal se jkomplu jkunu interkonnessi mill-qrib.

Fid-19 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 29 . Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi l-ġlieda kontra r-razziżmu permezz ta’ programmi ta’ politika u ta’ finanzjament fl-oqsma tal-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni. Jippromwovi azzjonijiet biex jiżgura li tfal bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni u li l-għalliema jitħarrġu biex jaħdmu mat-tfal kollha u jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet ta’ studenti minn sfondi differenti. Dan jipprevedi wkoll rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini etnika jew razzjali, inkluża d-diskriminazzjoni tat-tfal Rom, f’oqsma differenti bħall-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali.

Fis-7 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni 30 . Dan jikkonsisti f’Komunikazzjoni u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ Marzu 2021 31 . Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni multipla u strutturali kontra r-Rom, b’mod partikolari kontra t-tfal Rom, u biex jieħdu miżuri aktar b’saħħithom li jappoġġaw lit-tfal Rom u lill-familji tagħhom fl-oqsma interrelatati tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni ġenerali inklużiva ta’ kwalità u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għal servizzi essenzjali, in-nutrizzjoni u l-aċċess għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni.

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja 32 . L-inizjattiva hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ affordabbiltà tal-akkomodazzjoni rinnovata u l-aċċessibbiltà tagħha, u b’hekk tikkontribwixxi għall-għan li tiġi ggarantita akkomodazzjoni adegwata għat-tfal fil-bżonn, speċjalment permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku 33 .

Fl-1 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat pakkett “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss” 34 biex tappoġġa liż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol. Wieħed mill-elementi kostitwenti tal-pakkett kien proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ 35 , li ġiet adottata mill-Kunsill fit-30 ta’ Ottubru 2020. L-għan tar-Rakkomandazzjoni huwa li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali.

Fit-12 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 36 , li tippreżenta miżuri għall-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom, inklużi t-tfal.

Fl-24 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 37 , li jkopri l-migranti u ċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq il-fatturi ta’ abilitazzjoni essenzjali għal integrazzjoni u inklużjoni ta’ suċċess: l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-ħiliet, u s-saħħa u l-akkomodazzjoni. Jagħti attenzjoni partikolari lit-tfal tal-migranti u liċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni.

Fit-3 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer 38 , li tagħti attenzjoni partikolari lill-kanċer fit-tfulija. Waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-pjan hija t-tnedija tal-“Inizjattiva ta’ Għajnuna għat-Tfal bil-Kanċer” biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għal detezzjoni, dijanjożi, trattament u kura rapidi u ottimali.

L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 39  għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità fid-deċennju li ġej, fl-UE u lil hinn minnha. L-istrateġija tadotta wkoll perspettiva intersezzjonali għall-ħtiġijiet tat-tfal b’diżabilità.

Diversi inizjattivi tal-Kummissjoni diġà indirizzaw il-kuntest ta’ politika usa’ u l-ixprunaturi ewlenin tal-esklużjoni soċjali tat-tfal, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri u tal-gwardjani. Dawn l-inizjattivi huma: ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol 40 ; ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol 41 ; id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw 42 ; ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali 43 ; l-Aġenda l-Ġdida għall-Ħiliet 44 ; l-Istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jitaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) 45 u l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea 46 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Skont l-Artikolu 151 tat-TFUE, l-objettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jinkludu l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tal-ħajja mtejba, protezzjoni soċjali xierqa, u l-iżvilupp ta’ riżorsi umani, bil-ħsieb ta’ livell għoli ta’ impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. It-titjib tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet għat-tfal kollha li jgħixu fl-UE jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Skont l-Artikolu 153(1)(j) tat-TFUE, l-Unjoni ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Artikolu 151.

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skontu, il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni, flimkien mal-Artikolu 153(1)(j) u l-Artikolu 153(2) tat-TFUE.

Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 3 tat-Trattat).

Il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u b’mod partikolari għall-Artikolu 24 tagħha, li jirrikonoxxi li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom, u l-Artikolu 33, li jistipula li l-familja trid tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Filwaqt li l-politiki li jindirizzaw l-esklużjoni soċjali tat-tfal huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-Unjoni għandha l-kompetenza li tappoġġa u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

Il-proposta tiżgura l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE. Din issostni impenn politiku biex tavvanza l-opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha, u b’mod partikolari għat-tfal fil-bżonn, u tappoġġa konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri.

Il-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE qed isir saħansitra akbar fid-dawl tal-isfidi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19, peress li l-impatti soċjoekonomiċi tagħha x’aktarx jaffettwaw b’mod sproporzjonat lit-tfal fil-bżonn. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal se tgħin biex ittaffi wħud mill-effetti negattivi tal-pandemija billi tiżgura li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess sħiħ għas-servizzi ewlenin.

Filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, il-proposta tagħti kontenut konkret lil din l-ambizzjoni, b’mod partikolari billi tikkapitalizza fuq it-tmien snin tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni L-Investiment fit-Tfal. Intervent iffukat tal-UE biex titnaqqas id-diskrepanza bejn it-tfal fil-bżonn u l-pari tagħhom li jinsabu f’sitwazzjoni aħjar f’termini ta’ aċċess għal servizzi ewlenin fl-aħħar mill-aħħar se jikkontribwixxi biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għat-tfal fl-UE, filwaqt li jiġu evitati l-kostijiet ekonomiċi u soċjetali għoljin tal-esklużjoni soċjali tat-tfal u t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi.

Il-proposta se tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali sabiex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali tat-tfal. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali tat-tfal bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-indirizzar tal-esklużjoni soċjali tat-tfal. Tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi. Hija tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali differenti jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni. Dan jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mir-Rakkomandazzjoni skont il-kuntest speċifiku tagħhom.

Il-proporzjonalità wkoll kellha rwol ewlieni fil-gwida tal-għażla tal-istrument.

Għażla tal-istrument

L-istrument hu proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Din tibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u hija f’konformità mat-tip ta’ strumenti disponibbli għal azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika soċjali. Bħala strument legali, il-proposta tindika l-impenn tal-Istati Membri fir-rigward ta’ miżuri stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni, u tipprovdi bażi politika soda għall-kooperazzjoni fil-livell Ewropew f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-mandat tal-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2017, meta ppreżentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni għamlet evalwazjoni ta’ 4 snin mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni L-Investiment fit-Tfal 47 . Il-valutazzjoni ġiet ikkomplementata bi studju minn esperti min-Network Ewropew tal-Politika Soċjali intitolat “Progress across Europe in the implementation of the 2013 EU recommendation on Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage. A study of national policies” 48 .

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni rrieżaminat il-progress miksub, kemm f’termini ta’ politika ġenerali kif ukoll għal kull wieħed mit-tliet oqsma. Hija eżaminat ukoll l-impatt fuq it-tfassil tal-politika għat-tfal u l-familji, inkluż għadd ta’ prattiki tajbin u eżempji prattiċi ta’ azzjonijiet meħuda.

Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni kienet għadha għaddejja. Għalkemm ir-Rakkomandazzjoni rċeviet appoġġ qawwi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, inkluż mill-Parlament Ewropew u mis-soċjetà ċivili, din kienet għadha la magħrufa sew u lanqas ma ntużat kif suppost fl-Istati Membri fil-livell lokali, fejn iridu jiġu żviluppati u implimentati mekkaniżmi ta’ politika konkreti. Madankollu, il-valutazzjoni enfasizzat li r-Rakkomandazzjoni ispirat għadd ta’ proġetti b’impatt pożittiv. Din kienet, sa diversi gradi, użata b’suċċess bħala lieva ta’ politika fis-Semestru Ewropew, u kkontribwiet għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti għall-Istati Membri dwar suġġetti li jvarjaw minn servizzi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u appoġġ għall-introjtu sa edukazzjoni inklużiva. Kellha wkoll impatt fuq it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tal-2014-2020 49 .

Il-valutazzjoni enfasizzat li ħafna mill-Istati Membri qablu li approċċ integrat komprensiv biss ikun strateġija effettiva li kapaċi tkisser iċ-ċiklu ta’ żvantaġġ. L-Istati Membri identifikaw dan il-fokus imġedded u l-ħtieġa li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell lokali bħala sfida. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qablu li huwa soċjalment ġust u ekonomikament sod li jsir aktar investiment fit-tfal matul l-ewwel snin u li l-għoti ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja huwa l-komponent ewlieni.

Fl-aħħar nett, f’termini ta’ kisbiet, il-valutazzjoni sabet li l-ewwel żewġ oqsma tar-Rakkomandazzjoni, dwar l-aċċess għall-introjtu u s-servizzi, kienu strumentali biex iwasslu għal bidliet konkreti fil-politika u għall-iżvilupp ta’ proġetti.

Barra minn hekk, l-istudju min-Network Ewropew tal-Politika Soċjali kkonkluda li t-titjib fl-Istati Membri dwar l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità affordabbli kien insuffiċjenti u mhux uniformi. L-inqas progress sar fl-oqsma tal-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.

It-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni L-Investiment fit-Tfal u s-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jenfasizzaw li l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tat-tfal teħtieġ sforzi msaħħa biex jiġi mmirat aħjar l-appoġġ finanzjarju tal-UE fl-Istati Membri.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata bejn Lulju u Novembru 2020 permezz ta’ kwestjonarji online, gruppi ta’ fokus u seduti ta’ smigħ iddedikati, li involvew lill-Istati Membri permezz tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, is-sħab soċjali Ewropej, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tfal infushom. Din il-proposta tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati miġbura matul il-konsultazzjonijiet.

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni mmirata enfasizzaw li l-UE għandha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fi sforzi kkoordinati biex titjieb is-sitwazzjoni tat-tfal fil-bżonn. Il-partijiet ikkonċernati laqgħu inizjattiva dwar Garanzija Ewropea għat-Tfal u enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tas-saħħa mingħajr ħlas, akkomodazzjoni adegwata u nutrizzjoni tajba għas-saħħa, u li jiġu żgurati attivitajiet ta’ logħob u ta’ rikreazzjoni għat-tfal. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati kienu favur li tiġi proposta rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Garanzija Ewropea għat-Tfal. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġu inklużi gruppi speċifiċi ta’ tfal fil-grupp fil-mira tal-Garanzija għat-Tfal. Huma enfasizzaw l-importanza tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u t-tkissir taċ-ċiklu ta’ żvantaġġ, li jiffukaw mhux biss fuq il-ħtiġijiet tat-tfal, iżda jappoġġaw familji sħaħ.

Il-proposta tibbenefika wkoll mill-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mat-tfal fejn ħadu sehem 10 000 tifel u tifla. Ir-riżultat sejjaħ biex il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tiffoka fuq miżuri konkreti u effettivi biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tat-tfal kollha, b’attenzjoni partikolari għal tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u aċċess ugwali għal edukazzjoni affordabbli u ta’ kwalità għat-tfal kollha, mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni sekondarja.

Is-sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati huwa mehmuż mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-proposta.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta hija bbażata fuq id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jqis l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni L-Investiment fit-Tfal, ir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-faqar fost it-tfal u l-għarfien espert miġbur permezz ta’ azzjoni preparatorja pluriennali mitluba mill-Parlament Ewropew, b’mod partikolari l-“Feasibility study for a Child Guarantee” 50 u “Study on the economic implementing framework of a possible EU Child Guarantee Scheme including its financial foundation” 51 .

L-għan tal-istudju ta’ fattibbiltà għal Garanzija għat-Tfal kien li jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal u janalizza l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha, u li jivvaluta l-valur miżjud tal-UE tagħha. L-istudju ffoka fuq erba’ gruppi speċifiċi ta’ tfal li huma soċjalment vulnerabbli: tfal f’kura residenzjali, tfal b’diżabilità, tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (inklużi tfal refuġjati) u tfal li jgħixu f’sitwazzjoni prekarja tal-familja. Dan analizza l-fattibbiltà li dawn jiġu ggarantiti aċċess għal ħames servizz ewlieni: il-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, l-edukazzjoni mingħajr ħlas, l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal mingħajr ħlas, l-akkomodazzjoni adegwata u n-nutrizzjoni tajba għas-saħħa.

L-istudju kkonkluda li l-aċċess tal-kategoriji ta’ tfal ta’ hawn fuq għal dawn il-ħames servizzi fil-fatt jeħtieġ li jitjieb. In-nuqqas ta’ aċċess jista’ jkollu konsegwenzi fuq medda ta’ żmien qasira u twila għat-tfal infushom, iżda wkoll għas-soċjetà. Is-servizzi ġenerali jeħtieġ li jkunu inklużivi biex jiżguraw li t-tfal fil-bżonn jibbenefikaw bis-sħiħ u jevitaw l-istigma u s-segregazzjoni. Għalkemm l-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi jkun parti importanti mill-indirizzar tal-esklużjoni soċjali tat-tfal, dan ikun jeħtieġ li jitqiegħed fi ħdan approċċ usa’, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni L-Investiment fit-Tfal, u fi ħdan qafas ta’ politika soċjali ta’ abilitazzjoni. Fl-aħħar nett, il-fondi tal-UE għandhom potenzjal konsiderevoli biex ikollhom rwol aktar effettiv u strateġiku fl-appoġġ tal-aċċess għas-servizzi.

“The economic implementing framework of a possible EU Child Guarantee scheme including its financial foundation”, li jikkomplementa l-istudju ta’ fattibbiltà, esplora x’jistgħu jkunu l-kost u l-benefiċċji għall-awtoritajiet kompetenti li jiggarantixxu li t-tfal kollha fil-bżonn ikollhom aċċess nondiskriminatorju għall-ħames servizzi koperti mill-Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-istudju kkonkluda li l-benefiċċji jkollhom kemm impatt fuq perjodu ta’ żmien qasir fuq il-ħajja tat-tfal kif ukoll impatt fit-tul fuq il-prospetti tat-tfal bħala adulti, fuq is-soċjetà u fuq l-infiq pubbliku futur. L-istudju wera li l-kostijiet assoċjati mal-provvista għat-tfal fil-bżonn ta’ ikliet tal-iskola mingħajr ħlas, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u mingħajr ħlas u t-tneħħija tal-kostijiet tal-iskola huma relattivament baxxi, u huma speċjalment baxxi fid-dawl tal-benefiċċji potenzjalment għoljin li l-azzjonijiet jistgħu jġibu magħhom.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fuq talba tal-Parlament Ewropew u fi sħubija mal-UNICEF, qed tmexxi proġetti pilota fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fil-Greċja u fl-Italja biex tittestja dawn l-azzjonijiet fil-prattika, u qed tirriċerka l-oqfsa ta’ politika fil-Ġermanja, fil-Litwanja u fi Spanja. Dan se jipprovdi kontribut siewi għall-fażi tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni proposta.

Valutazzjoni tal-impatt

L-istrument propost – rakkomandazzjoni tal-Kunsill – joffri gwida dwar kif tiġi implimentata l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, filwaqt li jippermetti wkoll lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jfasslu u jimplimentaw miżuri, skont il-prattiki nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

L-impatt tar-Rakkomandazzjoni mhux se jiddependi biss fuq kif l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri. Iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż, bħas-sitwazzjoni makroekonomika, it-tfassil tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-servizzi soċjali u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol huma importanti wkoll, u jagħmluha diffiċli li l-impatt speċifiku tal-proposta jiġi separat minn fatturi oħra.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-aktar sfidi importanti fir-rigward tal-esklużjoni soċjali tat-tfal, kif ukoll lakuni li jipprevjenu l-aċċess ugwali tat-tfal fil-bżonn għas-servizzi rilevanti. Dan jinkludi wkoll analiżi preliminari tal-effettività u tal-impatti potenzjali tar-Rakkomandazzjoni.

L-analiżi użat taħlita ta’ għarfien espert intern u estern. Din toriġina wkoll minn għadd ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ tagħlim bejn il-pari u mill-feedback riċevut matul konsultazzjonijiet immirati. Flimkien, dawn il-kontribuzzjonijiet jissarfu f’miżuri dettaljati fil-proposta.

Barra minn hekk, qiegħed jiġi propost ġbir aħjar tad-data fil-livell tal-UE sabiex jitjieb il-monitoraġġ mill-qrib tal-azzjonijiet fl-Istati Membri. Hemm dispożizzjoni speċifika inkluża fil-proposta biex tiġi rieżaminata r-Rakkomandazzjoni wara perjodu inizjali ta’ implimentazzjoni.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal se tikkontribwixxi għas-salvagwardja tad-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom u għall-protezzjoni legali, ekonomika u soċjali tal-familja (l-Artikolu 24 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Qed jiġi propost li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, appoġġata mit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta, inkluż indikatur ewlieni ġdid dwar tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.

Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jinnominaw Koordinatur nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal, mgħammar b’riżorsi u b’mandat adegwati, li jikkoordina u jimmonitorja b’mod effettiv l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u jaġixxi bħala persuna ta’ kuntatt għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Koordinaturi tal-Garanzija tat-Tfal u mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku (eż. permezz ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari jew konsulenza bejn il-pari), il-qsim ta’ esperjenzi, l-iskambju ta’ prattika tajba u biex issegwi l-azzjonijiet tal-Istati Membri meħuda biex jimplimentaw il-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni abbażi tar-rapporti biennali mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha wkoll mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fl-istabbiliment ta’ qafas komuni ta’ monitoraġġ, inkluż indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi, biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali se jaħdmu wkoll flimkien biex itejbu d-disponibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rilevanza ta’ data pertinenti fil-livell tal-UE.

Fl-aħħar nett, wara perjodu inizjali tal-implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tirrapporta lill-Kunsill sa 5 snin wara l-adozzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

§ 1-2 jiddefinixxu l-objettiv tar-Rakkomandazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħha (min huma t-tfal li huma indirizzati mir-Rakkomandazzjoni).

§ 3 fiha definizzjonijiet, li għandhom jiġu applikati għall-finijiet ta’ din il-proposta.

§ 4-5 jinsabu fil-qalba tar-Rakkomandazzjoni. Dawn jistiednu lill-Istati Membri biex jiggarantixxu lit-tfal fil-bżonn aċċess effettiv u mingħajr ħlas għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskola, tal-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola u l-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jiggarantixxu għat-tfal fil-bżonn aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata. L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw tfal fil-bżonn, u fi ħdan dan il-grupp, iqisu forom speċifiċi ta’ żvantaġġ esperjenzat mit-tfal fil-bżonn.

§ 6 tirreferi għall-isforzi li l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu fil-bini ta’ qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali u biex ikissru ċ-ċikli interġenerazzjonali tal-faqar u tal-iżvantaġġ, u tirrakkomanda għadd ta’ miżuri ta’ politika għal dak il-għan.

§ 7-10 jirrakkomandaw sett ta’ miżuri nazzjonali li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu sabiex jimplimentaw b’mod effettiv il-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

§ 11 tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ governanza u ta’ rapportar. Dawn jinkludu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Istati Membri:

·li jinnominaw Koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal li jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni;

·li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-identifikazzjoni tat-tfal fil-bżonn u l-ostakoli li jiffaċċjaw biex jaċċessaw u jieħdu s-servizzi koperti mir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali;

·li jippreżentaw pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni;

·li jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni;

·li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali;

·li jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni;

§ 12 tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni u tilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

·tuża s-Semestru Ewropew biex timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni;

·taħdem b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u mal-Koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal;

·tirrapporta regolarment dwar il-progress lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali;

·taħdem b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fuq qafas ta’ monitoraġġ u indikaturi rilevanti;

·tirrieżamina l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tirrapporta lill-Kunsill sa ħames snin wara l-adozzjoni;

·issaħħaħ l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni, u żżid it-tixrid tar-riżultati.

2021/0070 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

L-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 153(2) u l-Artikolu 153(1)(j) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

(2)Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)Skont l-Artikolu 151 tat-TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom bħala l-objettivi tagħhom il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp ta’ riżorsi umani bil-mira ta' livell għoli ta' impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Skont l-Artikolu 153(1), il-punt (j) tat-TFUE, bil-għan li jintlaħqu dawk l-objettivi, l-Unjoni ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

(4)L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom, u li l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn istituzzjonijiet privati. L-Artikolu 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.

(5)L-Artikolu 17 tal-Karta Soċjali Ewropea Riveduta, li saret fi Strasburgu fit-3 ta’ Mejju 1996, jikkonferma l-impenn li jiġi żgurat li t-tfal ikollhom il-kura, l-assistenza, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jeħtieġu.

(6)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-20 ta’ Novembru 1989, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha, tistipula fl-Artikoli 18, 24, 27, 28 u 31 li l-Istati Partijiet jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal għall-assistenza mill-Istat, it-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jinkiseb, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, standard adegwat ta’ għajxien, edukazzjoni, divertiment, attivitajiet rikreattivi, u li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja kulturali u artistika.

(7)L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 52 , ratifikata mill-Unjoni u mill-Istati Membri kollha tagħha, jistipula li l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha adegwati biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa mit-tfal b’diżabilità tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħra.

(8)Flimkien mal-Istati Membri tagħha, l-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ li tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, inklużi dawk dwar il-qerda tal-faqar, l-iżgurar ta’ ħajja b’saħħitha u l-promozzjoni tal-benesseri, u l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa.

(9)F’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn stabbilew 20 prinċipju biex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw sew. Il-prinċipju 11 jipprevedi d-dritt tat-tfal għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li tkun affordabbli u ta’ kwalità tajba, protezzjoni mill-faqar u għal miżuri speċifiċi biex jittejbu l-opportunitajiet indaqs tat-tfal minn sfondi żvantaġġati.

(10)Fl-20 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE 53 L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. Dik ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi approċċ integrat għat-tnaqqis tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tat-tfal u għat-titjib tal-benesseri tat-tfal li jibni fuq tliet pilastri: l-aċċess għar-riżorsi; l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità; u d-dritt tat-tfal li jipparteċipaw.

(11)Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2015 54 , stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu garanzija għat-tfal, b’enfasi fuq it-tfal fil-faqar u l-aċċess tagħhom għas-servizzi. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2021 55 il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għall-Garanzija Ewropea għat-Tfal fl-ewwel trimestru tal-2021, u stieden lill-Istati Membri jinvestu r-riżorsi kollha possibbli, inklużi l-fondi tal-UE, biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali tat-tfal u biex jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ta’ garanzija tat-tfal.

(12)Id-Dikjarazzjoni Konġunta intitolata “Overcoming poverty and social exclusion – mitigating the impact of COVID-19 on families – working together to develop prospects for strong children”, iffirmata f’Diċembru 2020 minn 24 Ministru tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, talbet garanzija Ewropea għat-tfal ibbażata fuq il-prinċipji konġunti u l-approċċ integrat tar-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-ministri affermaw mill-ġdid li l-aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli, akkomodazzjoni diċenti u nutrizzjoni adegwata huma essenzjali għat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.

(13)Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 56 jipprovdi impetus ġdid biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita l-mira bl-Orizzont 2030 biex jitnaqqas bi 15-il miljun l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla.

(14)L-Istrateġija komprensiva tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal 57 tgħin biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà, tipproteġi lit-tfal vulnerabbli, inklużi dawk f’riskju ta’ esklużjoni u marġinalizzazzjoni soċjoekonomiċi, tipproteġi d-drittijiet tat-tfal online, trawwem ġustizzja li hija adatta għat-tfal u tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra t-tfal. Din għandha wkoll l-għan li tiġġieled id-diskriminazzjoni tat-tfal, inkluż abbażi tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom — jew dawk tal-ġenituri tagħhom.

(15)L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali billi jiġi ggarantit l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin. It-tfal fil-bżonn huma persuni taħt it-18-il sena, li huma f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali 58 .

(16)Sabiex jipprovdu għal aċċess effettiv jew aċċess effettiv u mingħajr ħlas għas-servizzi ewlenin, l-Istati Membri - f’konformità maċ-ċirkostanzi u l-approċċi nazzjonali - jenħtieġ li jorganizzaw u jipprovdu tali servizzi jew jipprovdu benefiċċji adegwati sabiex il-ġenituri jew il-gwardjani tat-tfal fil-bżonn ikunu f’pożizzjoni li jkopru dawn is-servizzi.

(17)Hemm kważi 18-il miljun tifel u tifla f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-UE. Wieħed mid-determinanti ewlenin tal-esklużjoni soċjali tat-tfal huwa l-aċċess mhux ugwali għas-servizzi ewlenin, li huma essenzjali għall-benesseri u l-iżvilupp ta’ ħiliet soċjali, konjittivi u emozzjonali. It-tfal li jgħixu fil-faqar jew it-tfal minn sfondi żvantaġġati huma aktar probabbli li jiffaċċjaw ostakoli fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni inklużiva, il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni tajba għas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata. Dawn jibdew ħajjithom fi żvantaġġ, u dan jista’ jkollu implikazzjonijiet fit-tul għall-iżvilupp u għall-prospetti futuri tagħhom.

(18)It-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-esklużjoni soċjali tipperikola l-koeżjoni soċjali matul il-ġenerazzjonijiet u tiġġenera kostijiet ogħla għall-istati soċjali tagħna, filwaqt li xxekkel ir-reżiljenza ekonomika u soċjali. It-titjib tal-aċċess ugwali tat-tfal fil-bżonn għas-servizzi ewlenin huwa mezz importanti biex jiżdiedu l-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs għat-tfal fil-bżonn u għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

(19)L-indirizzar tal-iżvantaġġ mis-snin bikrija huwa investiment kosteffettiv, anke f’perspettiva fit-tul, peress li jikkontribwixxi mhux biss għall-inklużjoni tat-tfal u tal-eżiti soċjoekonomiċi ogħla tagħhom meta jkunu adulti, iżda wkoll għall-ekonomija u għas-soċjetà permezz ta’ integrazzjoni aħjar fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali. L-investiment f’opportunitajiet indaqs għat-tfal jipprovdi s-sisien għal tkabbir sostenibbli u inklużiv, jappoġġa is-soċjetajiet ġusti u reżiljenti u l-konverġenza soċjali ’l fuq. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiġi indirizzat l-impatt ta’ żviluppi demografiċi negattivi billi jitnaqqsu n-nuqqasijiet ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema u tiġi żgurata kopertura territorjali aħjar, filwaqt li jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

(20)L-aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal li tkun ta’ kwalità u inklużiva huwa ċentrali biex titkisser it-trażmissjoni tal-esklużjoni soċjali u biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata. Madankollu, id-disponibbiltà limitata u l-kostijiet għoljin tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jistgħu joħolqu ostakolu għal tfal minn familji b’introjtu baxx. Ir-rati ta’ attendenza tagħhom huma konsiderevolment aktar baxxi u jirriżultaw aktar tard f’eżiti edukattivi agħar u f’rati ogħla ta’ tluq bikri mill-iskola, b’mod partikolari għat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni jew it-tfal Rom. Is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni ġenerali minn tfal b’diżabilità jew ħtiġijiet edukattivi speċjali jibqgħu sfida. L-għażla tal-istabbiliment edukattiv jeħtieġ li tirrifletti l-aħjar interessi tat-tfal. L-għadd dejjem jikber ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni fis-sistemi edukattivi jitlob il-prevenzjoni ta’ ambjenti tal-iskola segregati u l-adattament tal-metodi tat-tagħlim.

(21)Parti importanti mit-tagħlim, inkluż l-akkwist ta’ ħiliet soċjali, isseħħ permezz ta’ attivitajiet sportivi, kulturali jew ta’ divertiment. Tali attivitajiet urew li kienu ta’ benefiċċju, speċjalment għal tfal minn sfondi żvantaġġati. Madankollu, ċerti gruppi ta’ tfal jistgħu ma jaffordjawhomx jew il-parteċipazzjoni tagħhom tkun imxekkla min-nuqqas ta’ infrastruttura xierqa, minn aċċessibbiltà dgħajfa jew minn problemi lingwistiċi.

(22)Tfal minn familji b’introjtu baxx ma għandhomx aċċess faċli għal ċerti servizzi tal-kura tas-saħħa, bħall-kura dentali jew għal apparat ta’ sostenn, bħal ħadid tas-snien, lentijiet korrettivi jew nuċċalijiet. Huma għandhom ukoll inqas opportunitajiet u riżorsi biex jibbenefikaw minn programmi ta’ prevenzjoni tal-mard u ta’ promozzjoni tas-saħħa. Il-faqar ta’ introjtu u determinanti soċjali oħra jaffettwaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp u s-saħħa ġenerali, inkluża s-saħħa mentali, tat-tfal u jżidu r-riskju ta’ mard fis-snin ta’ wara. L-intervent bikri u l-prevenzjoni huma essenzjali. Aċċess aħjar għall-programmi ta’ prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa pubblika, inkluż it-tilqim, u l-appoġġ għat-trobbija tat-tfal jistgħu jgħinu biex jinkisbu riżultati aħjar.

(23)L-aċċess għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u sostenibbli huwa sfida b’mod partikolari għal familji b’introjtu baxx. Programmi ta’ ikel u nutrizzjoni tajbin għas-saħħa jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati problemi bħal dieta ħażina, nuqqas ta’ attività fiżika, obeżità jew użu ta’ alkoħol u tabakk, u b’hekk jitnaqqsu l-malnutrizzjoni u n-nutrizzjoni ħażina, li huma aktar prevalenti fost tfal minn sfondi żvantaġġati. L-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-iskemi tal-ikliet tal-iskola għali xi tfal, li f’daqqa waħda ġew imċaħħda minn sors affidabbli ta’ nutrizzjoni matul il-lockdown 59 .

(24)Tfal minn familji b’introjtu baxx, bi sfond ta’ migrazzjoni jew bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika huma f’riskju ogħla ta’ privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa, ta’ affollament eċċessiv u ta’ faqar enerġetiku u huma aktar esposti għall-fenomenu tal-persuni mingħajr dar. In-nefqiet fuq l-akkomodazzjoni huma piż kbir, speċjalment għal unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed. L-għoti ta’ akkomodazzjoni adegwata u l-iżgurar li t-tfal u l-familji tagħhom jirċievu akkomodazzjoni adegwata f’xelters ta’ emerġenza huwa mekkaniżmu importanti biex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali tat-tfal u jiġi minimizzat ir-riskju ta’ persuni mingħajr dar. Bl-għan li jiġu deistituzzjonalizzati t-tfal, jenħtieġ li dawn jitqiegħdu f’kura istituzzjonali biss bħala l-aħħar soluzzjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tagħhom. Jenħtieġ li tiġi promossa l-kura ta’ kwalità bbażata fil-komunità jew ibbażata fuq familja. L-għoti ta’ appoġġ lit-tfal li jħallu l-kura istituzzjonali jappoġġa l-għajxien indipendenti u l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

(25)Il-pandemija tal-COVID-19 jista’ jkollha effetti estensivi fuq il-benesseri ekonomiku u soċjali tal-familji u tat-tfal, u x’aktarx taffettwa b’mod sproporzjonat lit-tfal minn sfondi żvantaġġati. Gruppi b’introjtu baxx u medju jiffaċċjaw riskju ogħla ta’ telf ta’ introjtu, b’impatt potenzjalment sinifikanti fuq l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi minħabba żieda fil-qgħad u tnaqqis fil-possibbiltajiet ta’ telexogħol. Il-kriżi mistennija li żżid l-inugwaljanzi eżistenti u x’aktarx li tirriżulta f’żieda fin-numru ta’ unitajiet domestiċi li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Din tqiegħed ukoll pressjoni sinifikanti fuq id-disponibbiltà tas-servizzi. It-tfal li jesperjenzaw diversi forom ta’ żvantaġġ huma fost l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19. It-tagħlim mill-bogħod kien diffiċli għal ħafna tfal li jgħixu f’unitajiet domestiċi mingħajr appoġġ mill-familja, ħiliet jew tagħmir adegwat, inkluż għal tfal li jgħixu f’territorji remoti jew rurali b’infrastruttura diġitali inadegwata.

(26)L-indirizzar tal-esklużjoni soċjali tat-tfal u t-tnaqqis tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 jeħtieġu approċċ integrat, iffukat fuq il-persuna u multidimensjonali u qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi f’diversi livelli jirrikjedi prevenzjoni effettiva u jappoġġa l-inklużjoni soċjali tat-tfal. Flimkien mal-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi ewlenin, fir-reġjuni u fit-territorji kollha, inkluż permezz ta’ investimenti fl-infrastruttura tas-servizzi u fil-forza tax-xogħol, huwa meħtieġ ukoll li jittejbu l-effettività u r-rilevanza tal-politiki relatati, jiġu kkombinati miżuri preventivi u ta’ rimedju u li jsir l-aħjar użu mill-istrumenti eżistenti tal-Unjoni.

(27)Il-proċess ta’ koordinazzjoni ekonomika u tal-impjiegi tas-Semestru Ewropew, appoġġat mit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, enfasizza l-isfida tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fost it-tfal, b’għadd ta’ Stati Membri li rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati għall-pajjiż. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jenfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għal kulħadd, inkluż it-tfal, għal ċerti servizzi, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; u tali aċċess iservi bħala kundizzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs.

(28)Il-fondi tal-Unjoni huma disponibbli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u miżuri ta’ appoġġ ulterjuri. Fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew Plus propost 60 l-Istati Membri kollha se jkollhom bżonn jallokaw ammont xieraq biex jiġi indirizzat il-faqar jew l-esklużjoni soċjali tat-tfal. Għall-Istati Membri fejn ir-rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali tkun ogħla mill-medja tal-Unjoni, dan l-ammont għandu jkun mill-inqas 5 % tal-allokazzjoni nazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew Plus tagħhom. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u InvestEU se jappoġġaw bl-istess mod investimenti fl-infrastruttura ta’ abilitazzjoni, bħall-akkomodazzjoni soċjali u l-faċilitajiet tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, kif ukoll tagħmir u aċċess għal servizzi ġenerali u ta’ kwalità. Bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa u l-istrument “Next Generation EU”, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza toffri finanzjament addizzjonali mill-Unjoni għal riformi, investimenti u politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, it-tfal u ż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza 61 . L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-ġustizzja u s-saħħa, inklużi riformi transsettorjali li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali.

(29)L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskema tal-ħalib, il-frott u l-ħaxix tal-UE 2017 – 2023 biex jagħmlu prodotti tajbin għas-saħħa aktar disponibbli għat-tfal u jtejbu l-fehim tagħhom dwar il-benefiċċji ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli.

(30)Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tiġi implimentata permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali jenħtieġ li jidentifikaw tfal fil-bżonn u l-ostakoli li jiffaċċjaw biex jaċċessaw u jieħdu s-servizzi koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal. Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jiġi mmonitorjat regolarment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ monitoraġġ rilevanti.

(31)Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE, tikkostitwixxi riżultat tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u tikkomplementa l-Istrateġija komprensiva tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(32)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji tal-liġi proċedurali nazzjonali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u ma tinvolvix estensjoni tas-setgħat tal-Unjoni,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

OBJETTIV U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-GARANZIJA EWROPEA GĦAT-TFAL

(1)L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali billi jiġi ggarantit l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin.

(2)Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għat-tfal fil-bżonn.

DEFINIZZJONIJIET

(3)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)“tfal fil-bżonn” tfisser persuni taħt it-18-il sena, li huma f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.

(b)“tfal bi sfond ta’ migrazzjoni” tfisser tfal ċittadini ta’ pajjiż terz, irrispettivament mill-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, u tfal b’nazzjonalità ta’ Stat Membru li għandhom sfond ta’ migrazzjoni minn pajjiż terz permezz ta’ mill-inqas wieħed mill-ġenituri tagħhom imwieled barra mill-pajjiż;

(c)“tfal f’sitwazzjonijiet prekarji tal-familja” tfisser tfal esposti għal diversi fatturi ta’ riskju li jwasslu għall-esklużjoni soċjali, bħal: tfal li jgħixu f’unità domestika b’ġenitur wieħed; tfal li jgħixu ma’ ġenitur b’diżabilità; tfal li jgħixu f’unità domestika fejn hemm problemi ta’ saħħa mentali jew mard fit-tul; tfal li jgħixu f’unità domestika fejn hemm abbuż ta’ sustanzi, jew vjolenza domestika; tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni li mar jgħix fi Stat Membru ieħor u li huma nfushom baqgħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom; tfal li għandhom omm adolexxenti jew li huma omm adolexxenti; tfal li għandhom ġenitur il-ħabs;

(d)“aċċess effettiv” tfisser sitwazzjoni fejn is-servizzi jkunu faċilment disponibbli, affordabbli, aċċessibbli, ta’ kwalità tajba, ipprovduti f’waqthom u fejn l-utenti potenzjali jkunu konxji tal-eżistenza tagħhom, kif ukoll tal-intitolamenti biex jużawhom;

(e)“aċċess effettiv u mingħajr ħlas” tfisser sitwazzjoni fejn is-servizzi jkunu mingħajr ħlas, faċilment disponibbli, aċċessibbli, ta’ kwalità tajba, ipprovduti f’waqthom, fejn l-utenti potenzjali jkunu konxji tal-eżistenza tagħhom, kif ukoll tal-intitolamenti biex jużawhom;

(f)“attivitajiet ibbażati fl-iskola” tfisser tagħlim permezz ta’ logħob, rikreazzjoni, sport jew attività kulturali li jseħħu waqt jew barra mill-ħinijiet regolari tal-iskola, li jkunu organizzati mill-iskola u li jkunu parti mill-kurrikuli tal-iskola jew marbuta magħhom;

(g)“ikla tajba għas-saħħa” jew “nutrizzjoni tajba għas-saħħa” tfisser konsum bilanċjat ta’ ikel, li jipprovdi lit-tfal bin-nutrijenti meħtieġa għall-iżvilupp fiżiku u mentali tagħhom u għall-attività fiżika li tikkonforma mal-ħtiġijiet fiżjoloġiċi;

(h)“akkomodazzjoni adegwata” tfisser akkomodazzjoni li tissodisfa l-istandards tekniċi nazzjonali attwali, li tinsab fi stat raġonevoli ta’ manutenzjoni, tipprovdi livell raġonevoli ta’ kumdità termali u tkun disponibbli b’kost affordabbli.

RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN

(4)L-Istati Membri huma mistiedna:

(a)jiggarantixxu għat-tfal fil-bżonn aċċess effettiv u mingħajr ħlas għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, għall-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskola, mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola u l-kura tas-saħħa;

(b)jiggarantixxu għat-tfal fil-bżonn aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata.

(5)L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw tfal fil-bżonn u fi ħdan dan il-grupp iqisu, fejn xieraq, fit-tfassil tal-miżuri integrati nazzjonali tagħhom, żvantaġġi speċifiċi esperjenzati minn:

(a)tfal mingħajr dar jew tfal li jesperjenzaw privazzjoni ta’ akkomodazzjoni severa;

(b)tfal b’diżabilità;

(c)tfal bi sfond ta’ migrazzjoni;

(d)tfal bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika (b’mod partikolari r-Rom);

(e)tfal li jkunu f’kura alternattiva (speċjalment istituzzjonali);

(f)tfal f’sitwazzjonijiet prekarji tal-familja.

QAFAS TA’ POLITIKA TA’ ABILITAZZJONI

(6)L-Istati Membri huma mistiedna jibnu qafas ta’ politika integrat u ta’ abilitazzjoni biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali tat-tfal, li jiffoka fuq it-tkissir taċ-ċikli interġenerazzjonali tal-faqar u tal-iżvantaġġ u t-tnaqqis tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Għal dan il-għan, biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri:

(a)jiżguraw konsistenza ma’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-politiki soċjali, tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tan-nutrizzjoni u tal-akkomodazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u, fejn possibbli, itejbu r-rilevanza tagħhom għall-appoġġ tat-tfal, b’mod integrat;

(b)iżidu l-investiment fl-edukazzjoni, fis-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali adegwati sabiex jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet tat-tfal u tal-familji tagħhom, b’mod partikolari ta’ dawk esposti għall-esklużjoni soċjali;

(c)jiżguraw politiki u riżorsi adegwati, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-ġenituri jew il-gwardjani u appoġġ għall-introjtu għall-familji u l-unitajiet domestiċi, sabiex l-ostakoli finanzjarji ma jwaqqfux lit-tfal milli jaċċessaw servizzi ta’ kwalità;

(d)jindirizzaw id-dimensjoni territorjali tal-esklużjoni soċjali, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal skont żoni urbani, rurali, remoti u segregati distintivi, abbażi ta’ approċċ integrat u multidixxiplinari;

(e)isaħħu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-involviment tagħhom, mal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, fit-tfassil, fit-twettiq u fil-monitoraġġ tal-politiki u tas-servizzi ta’ kwalità għat-tfal;

(f)jieħdu miżuri biex jippromwovu l-inklużjoni u biex jevitaw u jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tat-tfal fil-bżonn;

(g)jappoġġaw investimenti strateġiċi f’servizzi ta’ kwalità għat-tfal, inkluż fl-infrastruttura ta’ abilitazzjoni u l-forza tax-xogħol kwalifikata;

(h)jiddedikaw riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi nazzjonali u tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, REACT-EU, InvestEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

L-EDUKAZZJONI U L-KURA BIKRIJA TAT-TFAL, L-EDUKAZZJONI U L-ATTIVITAJIET IBBAŻATI FL-ISKOLA, IKLA TAJBA GĦAS-SAĦĦA KULL JUM TAL-ISKOLA

(7)Bil-għan li jiġi ggarantit aċċess effettiv u mingħajr ħlas għat-tfal li jeħtieġu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni u attivitajiet ibbażati fl-iskola u ikla tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola, l-Istati Membri huma mħeġġa:

(a)jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakoli finanzjarji u mhux finanzjarji għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, fl-edukazzjoni, u fl-attivitajiet ibbażati fl-iskola;

(b)jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola, jerġgħu jinvolvu lit-tfal li huma f’riskju li jitilqu kmieni mill-iskola jew li telqu mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ;

(c)jipprovdu appoġġ għat-tagħlim lit-tfal b’diffikultajiet fit-tagħlim biex jikkumpensaw għan-nuqqasijiet lingwistiċi, konjittivi u edukattivi tagħhom;

(d)jadattaw faċilitajiet u materjali edukattivi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u tal-istabbilimenti edukattivi għall-ħtiġijiet ta’ tfal b’diżabilità, bl-użu ta’ metodi ta’ tagħlim u apprendiment inklużivi; għal dan il-għan għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ għalliema kkwalifikati u professjonisti edukattivi oħra, bħal psikologi, terapisti tad-diskors, riabilitaturi jew assistenti tat-tagħlim;

(e)jistabbilixxu miżuri biex jappoġġaw l-edukazzjoni inklużiva u jevitaw klassijiet segregati fi stabbilimenti tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal u fi stabbilimenti edukattivi; dan jista’ jinkludi wkoll l-għoti ta’ prijorità jew aċċess bikri għat-tfal fil-bżonn;

(f)jiżguraw mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola;

(g)jiżguraw l-għoti ta’ materjali edukattivi, inklużi kotba jew uniformijiet, fejn applikabbli;

(h)jipprovdu konnettività b’veloċità għolja, servizzi diġitali u tagħmir adegwat meħtieġ għall-apprendiment mill-bogħod biex jiġi żgurat l-aċċess għal kontenut edukattiv online;

(i)jiżguraw it-trasport lejn stabbilimenti tal-edukazzjoni u tal-kura u tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, fejn applikabbli;

(j)jiżguraw aċċess ugwali u inklużiv għal attivitajiet ibbażati fl-iskola, inkluża l-parteċipazzjoni fi vjaġġi tal-iskola;

(k)jiżviluppaw qafas għall-kooperazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi, il-komunitajiet lokali, is-servizzi soċjali u l-atturi tal-ekonomija soċjali biex jappoġġaw l-edukazzjoni inklużiva, jipprovdu l-kura wara l-iskola u l-opportunitajiet li jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi, kulturali u ta’ divertiment, u jibnu u jinvestu fi stabbilimenti edukattivi bħala ċentri ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni.

IL-KURA TAS-SAĦĦA

(8)Bil-għan li jiġi ggarantit aċċess effettiv u mingħajr ħlas għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għat-tfal fil-bżonn, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a)jiffaċilitaw is-sejbien bikri u t-trattament ta’ mard u problemi tal-iżvilupp, inklużi dawk relatati mas-saħħa mentali, jiżguraw aċċess għal programmi mediċi perjodiċi inklużi programmi dentali u oftalmoloġiċi, eżamijiet u skrinjar; jiżguraw segwitu kurattiv u riabilitattiv f’waqtu, inkluż aċċess għal mediċini, trattamenti u appoġġ, u aċċess għal programmi ta’ tilqim;

(b)jipprovdu servizzi mmirati ta’ riabilitazzjoni u ta’ abilitazzjoni għat-tfal b’diżabilità;

(c)jimplimentaw programmi aċċessibbli ta’ promozzjoni tas-saħħa u ta’ prevenzjoni tal-mard immirati lejn it-tfal fil-bżonn u l-familji tagħhom, kif ukoll professjonisti li jaħdmu mat-tfal.

NUTRIZZJONI TAJBA GĦAS-SAĦĦA

(9)Bil-għan li jiġi ggarantit aċċess effettiv għal nutrizzjoni suffiċjenti u tajba għas-saħħa għat-tfal fil-bżonn, inkluż permezz tal-iskema tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa:

(a)jappoġġaw l-aċċess għal ikliet tajbin għas-saħħa anki barra mill-jiem tal-iskola, inkluż permezz ta’ appoġġ in natura jew finanzjarju;

(b)jiżguraw li l-istandards ta’ nutrizzjoni fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u tal-edukazzjoni jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi tad-dieta;

(c)jillimitaw ir-reklamar u jirrestrinġu d-disponibbiltà ta’ ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, melħ u zokkor fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni bikrija u tal-kura tat-tfal u tal-edukazzjoni;

(d)jipprovdu informazzjoni adegwata għat-tfal u għall-familji dwar nutrizzjoni tajba għas-saħħa għat-tfal.

AKKOMODAZZJONI ADEGWATA

(10)Bil-għan li jiġi ggarantit aċċess effettiv għal akkomodazzjoni adegwata għat-tfal fil-bżonn, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a)jiżguraw li t-tfal mingħajr dar u l-familji tagħhom jirċievu akkomodazzjoni adegwata f’xelters ta’ emerġenza, trasferiment minnufih minn tali xelters għal akkomodazzjoni permanenti u provvista ta’ servizzi soċjali u konsultattivi rilevanti;

(b)jivvalutaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, politiki nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-akkomodazzjoni u jieħdu azzjonijiet biex jiżguraw li l-interessi tal-familji bit-tfal fil-bżonn jitqiesu kif xieraq; tali valutazzjoni u reviżjoni jenħtieġ li jinkludu wkoll politiki dwar l-akkomodazzjoni soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni;

(c)jipprovdu aċċess ta’ prijorità u f’waqtu għall-akkomodazzjoni soċjali għat-tfal fil-bżonn u għall-familji tagħhom;

(d)filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, ma għandhomx iħallu li t-tfal jitqiegħdu f’kura istituzzjonali; jiżguraw tranżizzjoni tat-tfal minn kura istituzzjonali għal kura ta’ kwalità bbażata fil-komunità jew ibbażata fuq il-familja u jappoġġaw l-għajxien indipendenti u l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

GOVERNANZA U RAPPORTAR

(11)Bil-għan li jkun hemm governanza, monitoraġġ u rapportar sodi, l-Istati Membri huma mħeġġa:

Koordinaturi Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal

(a)jinnominaw Koordinatur nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal, mgħammar b’riżorsi u mandat adegwati li jippermettu l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

Identifikazzjoni tat-tfal fil-bżonn

(b)bil-ħsieb tal-aktar immirar effettiv tal-miżuri għat-tfal fil-bżonn u filwaqt li jitqiesu l-organizzazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali, jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-identifikazzjoni tat-tfal fil-bżonn u l-ostakoli li jiffaċċjaw biex jaċċessaw u jieħdu s-servizzi koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni;

Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali

(c)fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jippreżentaw pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni, li jkopri l-perjodu sal-2030, biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-pjan ta’ azzjoni jenħtieġ li jinkludi b’mod partikolari:

(i)il-kategoriji fil-mira tat-tfal fil-bżonn li jridu jintlaħqu permezz ta’ miżuri integrati korrispondenti;

(ii)il-miri kwantitattivi u kwalitattivi li jridu jintlaħqu f’termini ta’ tfal fil-bżonn li jridu jintlaħqu permezz ta’ miżuri korrispondenti, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali u lokali;

(iii)miżuri ppjanati jew meħuda fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, u r-riżorsi finanzjarji u l-iskedi ta’ żmien meħtieġa;

(iv)miżuri oħra ppjanati jew meħuda biex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali tat-tfal u biex jitkissru ċikli ta’ żvantaġġ interġenerazzjonali, ibbażati b’mod partikolari fuq il-qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni previst fil-paragrafu 6;

(v)qafas nazzjonali għall-ġbir, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-data ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, ukoll bil-ħsieb li jiġi stabbilit il-qafas ta’ monitoraġġ komuni msemmi fil-paragrafu 12(d).

Sensibilizzazzjoni

(d)jiżviluppaw miżuri effettivi ta’ sensibilizzazzjoni lejn it-tfal fil-bżonn u l-familji tagħhom, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali u permezz ta’ stabbilimenti edukattivi, medjaturi mħarrġa, servizzi ta’ appoġġ għall-familja, soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, bil-għan li titqajjem kuxjenza u titħeġġeġ u tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tas-servizzi koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni;

Involviment tal-partijiet ikkonċernati

(e)jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet reġjonali, lokali u awtoritajiet rilevanti oħra, tfal u partijiet ikkonċernati rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi, stabbilimenti edukattivi u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali, id-drittijiet tat-tfal, l-edukazzjoni inklużiva u n-nondiskriminazzjoni, inklużi korpi nazzjonali tal-ugwaljanza matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni;

Rapportar lill-Kummissjoni

(f)jirrapportaw kull sentejn lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali.

IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

(12)Il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

(a)timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inklużi l-eżiti tagħha u l-impatt fuq it-tfal fil-bżonn, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u tipproponi, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri.

(b)taħdem b’mod konġunt mal-Istati Membri, mal-Koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal u mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, taqsam l-esperjenzi, tiskambja prattiki tajbin u ssegwi l-azzjonijiet meħuda b’rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni kif stabbilit fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali rilevanti.

(c)tirrapporta regolarment lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, abbażi tar-rapporti mill-Istati Membri.

(d)taħdem flimkien mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali biex:

(i)tistabbilixxi qafas komuni ta’ monitoraġġ u tiżviluppa indikaturi komuni tar-riżultati kwantitattivi u kwalitattivi biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(ii)bil-għan li jiġi infurmat it-tfassil tal-politika, ittejjeb id-disponibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rilevanza ta’ data komparabbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż dwar tfal fil-bżonn u l-aċċess tagħhom għas-servizzi, u l-adegwatezza u l-kopertura tal-benefiċċji mmirati lejn it-tfal;

(e)tirrieżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tirrapporta lill-Kunsill sa 5 snin wara l-adozzjoni;

(f)issaħħaħ is-sensibilizzazzjoni u l-isforzi ta’ komunikazzjoni u żżid it-tixrid tar-riżultati u tal-eżempji ta’ prattika tajba fil-livell tal-Unjoni u fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024.

(2)

   Ara pereżempju: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa ta’ Solidarjetà: Intensifikazzjoni tal-Ġlieda Kontra l-Esklużjoni Soċjali, Trawwim tal-Integrazzjoni”, KUMM(92)542. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għall-affarijiet soċjali waqt laqgħa tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 1989 dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, ĠU C 277, 31.10.1989, p. 1-1. ‘The multi-dimensional analysis of social exclusion”, Levitas at al, (2007); “Leaving no one behind: the imperative of inclusive development. Report on the World social situation 2016.”, Nazzjonijiet Uniti (2016).

(3)

   Stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjali.

(4)

   Deprivazzjoni materjali estrema tfisser l-inkapaċità furzata li tħallas għal mill-inqas 4 mid-9 oġġetti li ġejjin: (1) kontijiet tal-kera, tal-ipoteka jew tal-utilitajiet; (2) iż-żamma tad-dar sħuna b’mod adegwat; (3) spejjeż mhux mistennija; (4) konsum ta’ laħam jew ta’ proteini b’mod regolari; (5) vaganzi; (6) sett tat-televixin; (7) magna tal-ħasil; (8) karozza; (9) telefon.

(5)

   Dan jirrifletti s-sehem tal-popolazzjoni ta’ taħt is-60 sena li jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn il-persuni tal-età tax-xogħol ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal tax-xogħol totali tagħhom matul l-aħħar sena.

(6)

   L-ispariġġ medjan relattiv tar-riskju tal-faqar li jgħin biex jiġi kkwantifikat kemm huma fqar il-foqra. Dan huwa kkalkolat bħala d-differenza bejn l-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan ta’ persuni taħt il-limitu tar-riskju ta’ faqar u l-limitu tar-riskju ta’ faqar, espressa bħala perċentwal tal-limitu tar-riskju ta’ faqar.

(7)

   Ir-rata persistenti ta’ faqar hija s-sehem ta’ persuni li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat taħt il-limitu ta’ faqar fis-sena attwali u f’mill-inqas sentejn mit-tliet snin preċedenti.

(8)    F’Ġunju 2021 il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni intitolata “Il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali” li fost l-oħrajn se tindirizza aċċess limitat tat-tfal għal servizzi jew infrastrutturi f’żoni rurali, remoti jew żvantaġġati.
(9)

   Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2021 adottat mill-Kunsill fil-15 ta’ Marzu 2021.

(10)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (2014/2237(INI)).

(11)

   Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), (COM(2018)0382 – C8-0232/2018 – 2018/0206(COD)).

(12)

   Ir-Rapport Speċjali 20/2020: Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal - Jenħtieġ immirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 2020.

(13)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2021/2523(RSP)).

(14)

   Ir-Rapport dwar l-Impatt tat-Tibdil Demografiku, il-Kummissjoni Ewropea, 2020.

(15)

   Pereżempju, l-inugwaljanza ġenerali fl-introjtu, kif imkejla mill-proporzjon S80/S20, ammontat fl-2018 għal 8,4 għall-Istati Uniti iżda 5,05 biss għall-EU-27, b’ekonomiji ewlenin oħra li jew ma għandhomx data riċenti u affidabbli (l-istima taċ-Ċina għall-2011 kienet ta’ 28,3), jew li huma ogħla mil-livell tal-UE (ir-Renju Unit 5,6, il-Ġappun 6,2). Minkejja Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem globali kemxejn aktar baxx (0,920 għall-Istati Uniti meta mqabbel maż-0,894 għall-EU-27 fl-2019), Ewropew medju jgħix 2,4 snin aktar minn Amerikan medju (l-istennija tal-għomor fi snin fl-2018 kienet rispettivament 80,9 u 78,5).

(16)

   B’mod partikolari l-prinċipju 1 “Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja”, il-prinċipju 3 “Opportunitajiet indaqs”, il-prinċipju 11 “Kura tat-tfal u appoġġ għat-tfal”, il-prinċipju 14 “Introjtu minimu”, il-prinċipju 16 “Kura tas-saħħa”, il-prinċipju 17 “Inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità”, il-prinċipju 19 “Akkomodazzjoni u għajnuna għall-persuni mingħajr dar” u l-prinċipju 20 “Aċċess għal servizzi essenzjali”.

(17)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”, COM(2021)102 final.

(18)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671–854.

(19)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta’ Frar 2013 “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(20)

    https://ec.europa.eu/eurostat/web/european-pillar-of-social-rights/indicators/social-scoreboard-indicators .

(21)

   Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet rilevanti għall-faqar fost it-tfal, bħall-appoġġ għall-introjtu, l-edukazzjoni inklużiva, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-fenomenu tal-persuni mingħajr dar.

(22)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, ĠU L 344, 19.10.2020, p. 22–28.

(23)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal, ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4–14.

(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni”, COM(2020)625 final.
(25)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1-21.

(26)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali”, COM(2020) 624 final.

(27)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025”, COM(2020) 152 final.

(28)

   L-objettivi ta’ Barċellona ġew miftiehma fl-2002 mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona. Dawn jgħidu li 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin, u 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja għall-iskola jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-kura tat-tfal.

(29)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025”, COM(2020) 565 final.

(30)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni”, COM(2020) 620 final.

(31)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, 2021/C 93/01.

(32)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja”, COM(2020) 662 final.

(33)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku, ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35-41.
(34)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM/2020/276 final.

(35)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ” 2020/C 372/01, ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1–9. 

(36)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” COM/2020/698 final.

(37)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027”, COM(2020) 758 final.

(38)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” COM(2021) 44 final.

(39)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030”, COM(2021) 101 final.

(40)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol, ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11–14.

(41)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol, ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1–5.

(42)

   Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79-93).

(43)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom 2019/C 387/01, (ĠU C 387, 15.11.2019), p. 1–8.

(44)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, COM(2020)274.

(45)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1–7.

(46)

   Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea, COM(2020) 682 final.

(47)

   Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, SWD(2017) 258 final.

(48)

   Progress across Europe in the implementation of the 2013 EU recommendation on “Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage”, a study of national policies, il-Kummissjoni Ewropea, 2017.

(49)

   Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014 – 2020, 25,6 % tal-allokazzjoni totali tal-FSE ta’ EUR 86,4 biljun ġew allokati għal miżuri ta’ inklużjoni soċjali. Taħt il-FEŻR, ġew allokati EUR 24,1 biljun għal prijoritajiet ta’ tkabbir inklużiv, inkluż għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-investiment f’faċilitajiet tal-edukazzjoni.

(50)

   “Feasibility Study for a Child Guarantee, Final Report”, il-Kummissjoni Ewropea, 2020.

(51)

   “Study on the economic implementing framework of a possible EU Child Guarantee Scheme including its financial foundation, Final Report”, il-Kummissjoni Ewropea 2020.

(52)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(53)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta’ Frar 2013 “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(54)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (2014/2237(INI)).

(55)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2021/2523(RSP)).

(56)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”, COM(2021)102 final.

(57)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal”, COM(2021) 142/1.

(58)    Dan jirreferi għal tfal f’riskju ta’ faqar, li jesperjenzaw deprivazzjoni materjali estrema, u/jew li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna.
(59)

   2020 Social Protection Committee annual review of the Social Protection Performance Monitor (SPPM) and developments in social protection policies. Report on key social challenges and key messages, p. 58.

(60)

   Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), COM(2018) 382 final.

(61)    F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17–75.