Brussell, 27.4.2021

COM(2021) 120 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

L-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni

{SWD(2021) 121 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni

Introduzzjoni

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jippreżenta approċċ komprensiv u integrat li jiġbor flimkien il-fergħat ta’ politika relatati kollha biex tinbena sistema effettiva, fit-tul u sostenibbli tal-migrazzjoni u l-ażil. L-għan huwa li tiġi strutturata l-kapaċità tal-UE li toffri protezzjoni lill-persuni fil-bżonn, li tintegra lil dawk li jgħixu u jaħdmu fl-UE, u li tipprovdi proċessi effettivi u umani għar-ritorn ta’ persuni li mhumiex intitolati li jibqgħu. Sistema komuni tal-UE għar-ritorni hija komponent essenzjali ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni komprensiva u integrata. Kemm ir-ritorni volontarji kif ukoll dawk furzati 1 huma elementi ewlenin ta’ politika effettiva dwar ir-ritorn.

Is-suċċess ta’ kwalunkwe politika ta’ ritorn spiss jitkejjel skont l-għadd ta’ dawk li fil-fatt jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Bħalissa, fl-UE dawn iċ-ċifri għadhom baxxi, fejn madwar terz biss tan-nies ordnati biex jitilqu mill-UE jirritornaw b’mod effettiv. 2 Biex tkun effettiva, sistema komuni tal-UE għar-ritorni trid tkun tikkonsisti minn strutturi aktar b’saħħithom fl-UE permezz ta’ qafas legali u operazzjonali msaħħaħ għal proċeduri ta’ ritorn rapidi u ġusti li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u governanza msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, kif propost fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Jeħtieġ li dan jiġi kkombinat ma’ kooperazzjoni aktar effettiva mal-pajjiżi sħab dwar ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, kif spjegat fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar “It-tisħiħ fil-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni bħala parti minn politika tal-UE dwar il-migrazzjoni ġusta, effettiva u komprensiva” 3 . Sabiex jitkejjel is-suċċess reali ta’ politika ta’ ritorn, madankollu huwa importanti li jiġu kkunsidrati mhux biss ir-rati ta’ ritorn iżda wkoll is-sitwazzjoni tal-individwi kkonċernati, li dawn ikunu jistgħu jirritornaw b’mod dinjituż u li jitqiesu l-prospetti ta’ riintegrazzjoni tagħhom ladarba huma jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Flimkien mal-qafas legali l-ġdid ippreżentat fil-Patt il-Ġdid, ir-ritorn volontarju huwa element kruċjali tas-sistema komuni tal-UE għar-ritorni. Flimkien ma’ miżuri effettivi ta’ riintegrazzjoni, ir-ritorn volontarju għandu l-għan li jiżgura r-ritorn uman, effettiv u sostenibbli tal-migranti irregolari. Ir-ritorn volontarju, li normalment jitqies aktar kosteffettiv mir-ritorn furzat, jagħti lill-persuni rimpatrijati opportunitajiet reali u jqis il-ħtiġijiet, l-aspettattivi u l-prospetti tagħhom wara r-ritorn tagħhom. F’qafas ta’ sħubija komprensiva, il-pajjiżi tar-ritorn ikunu wkoll aktar inklinati li jipparteċipaw u jassumu r-responsabbiltà tal-proċess meta r-ritorni jkunu volontarji. Dawn l-elementi jibnu l-fiduċja fis-sistema u jagħmluha aktar kredibbli u effettiva.

Politika effettiva u ambizzjuża dwar ir-riintegrazzjoni bħala komponent ewlieni ta’ sistema komuni tal-UE għar-ritorni tista’ tgħin biex jingħelbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi u psikosoċjali li jiffaċċjaw il-migranti meta jirritornaw lejn il-komunità tagħhom u biex tagħmel ir-ritorn tagħhom aktar sostenibbli. Jeħtieġ li r-riintegrazzjoni titfassal bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, tal-komunitajiet lokali ospitanti u tas-soċjetà ċivili bil-għan li tikkontribwixxi biex tagħti prospetti futuri tanġibbli għall-persuna rimpatrijata u għall-komunità lokali tagħhom. Politika ambizzjuża ta’ riintegrazzjoni għandha tiffaċilita u tibbenefika mill-iżvilupp ta’ sħubiji komprensivi u ta’ benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi sħab li huma fil-qalba tad-dimensjoni esterna tal-Patt Ġdid. Ir-riintegrazzjoni sostenibbli għandha tikkontribwixxi wkoll għal strateġiji ta’ żvilupp usa’ f’pajjiżi sħab biex tiġġenera benefiċċji għall-iżvilupp u biex tindirizza wħud mill-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari.

Din l-Istrateġija tippromwovi r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni bħala parti integrali minn sistema komuni tal-UE għar-ritorni. Matul is-snin, il-Kummissjoni appoġġat ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni permezz ta’ diversi skemi nazzjonali u proġetti ffinanzjati mill-UE. Madankollu, din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni qed tippreżenta strateġija dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, li fiha jiġu stabbiliti approċċi ġodda għat-tfassil, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li jiġi żviluppat approċċ aktar uniformi u kkoordinat fost l-Istati Membri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Hija tipproponi approċċ li jrawwem azzjoni koerenti, jistabbilixxi rabtiet aktar mill-qrib mal-inizjattivi u l-istrateġiji nazzjonali favur l-iżvilupp fil-pajjiżi sħab, jirrinforza l-kapaċitajiet tagħhom u jrawwem ir-responsabbiltà tagħhom fir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni tan-nazzjonali tagħhom. L-għan huwa li tingħata spinta lill-effettività u lis-sostenibbiltà tas-sistema komuni tal-UE għar-ritorni għall-benefiċċju reċiproku tal-persuni rimpatrijati, l-UE u l-pajjiżi terzi.

Din l-istrateġija tappoġġa l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ komponenti ewlenin tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, b’mod partikolari r-regoli u l-proċeduri ċari għar-ritorn fil-fruntiera, l-isponsorizzazzjoni tar-ritorn u l-istrutturi ġodda ta’ governanza, billi tiffaċilita r-ritorn volontarju rapidu ta’ dawk li jfittxu ażil li jkunu ġew irrifjutati fil-fruntieri esterni u billi tistabbilixxi qafas komuni għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni li jista’ jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ solidarjetà.

1.Nibnu fuq dak li ksibna

Din l-istrateġija l-ġdida tibni fuq l-inizjattivi mnedija fis-snin preċedenti u fuq l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali u konġunti ta’ ritorn volontarju u riintegrazzjoni, kif ukoll fuq l-inizjattivi ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi sħab. Bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi li jikkostitwixxu l-bażi għall-iżvilupp ta’ qafas koerenti mressaq minn din l-istrateġija.

In-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni huwa network iffinanzjat mill-UE ta’ diversi Stati Membri u pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen 4 li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-migrazzjoni. In-Network sar parti kkonċernata ewlenija fil-proċess ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni. Jipprovdi assistenza lill-persuni rimpatrijati permezz ta’ kuntrattar konġunt ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni fil-pajjiżi ta’ ritorn u billi jesplora u jimplimenta soluzzjonijiet innovattivi f’kooperazzjoni mal-membri tiegħu u ma’ pajjiżi terzi. Minn meta twaqqaf f’nofs l-2018, in-Network (flimkien mal-predeċessur tiegħu, in-Network Ewropew tar-Riintegrazzjoni), appoġġa lill-Istati Membri parteċipanti biex jiksbu r-ritorn u r-riintegrazzjoni b’suċċess ta’ kważi 25 000 migrant.

Qafas operazzjonali għar-riintegrazzjoni u l-iżvilupp

Mill-2015, il-baġits għall-iżvilupp intużaw biex jiżdiedu l-isforzi għar-riintegrazzjoni tal-migranti li jirritornaw mill-Ewropa u l-pajjiżi ta’ tranżitu. In-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni laqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni fil-qafas ta’ inizjattiva innovattiva biex jesploraw l-għażliet biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib u jallinjaw l-objettivi. In-Network ħoloq qafas operazzjonali li jagħti pariri dwar kif jistgħu jiġu żviluppati modi prattiċi u fuq il-post ta’ ħidma flimkien. Bħalissa dan il-qafas qed jiġi ttestjat minn diversi Stati Membri fin-Niġerja u fil-Bangladesh.

Fuq il-bażi tal-mandat imsaħħaħ tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (il-Frontex) qed tiżviluppa l-kapaċità tagħha li tappoġġa r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Fl-2020, l-Aġenzija bdiet tappoġġa lill-Istati Membri fil-qasam tar-ritorn volontarju. Madwar 18 % tal-operazzjonijiet ta’ ritorn tal-Aġenzija organizzati fl-2020 kienu ritorni volontarji, u dan is-sehem qed jiżdied. F’nofs l-2022, il-Frontex se tieħu f’idejha l-attivitajiet tan-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni. Dan se jiżgura li l-benefiċċji tan-Network jiġu estiżi bl-istess mod għall-Istati Membri kollha u li l-Frontex tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha fil-qasam tar-ritorn b’mod kompletament effettiv, filwaqt li tipprovdi appoġġ bla xkiel fl-organizzazzjoni ta’ assistenza mfassla apposta għar-ritorn u assistenza għar-riintegrazzjoni għall-persuni rimpatrijati, b’mod partikolari permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni f’pajjiżi terzi. L-ewwel proġett pilota tal-Frontex għal appoġġ konġunt individwali għar-riintegrazzjoni għal persuni rimpatrijati mill-UE se jibda f’Mejju 2021, u dan iwitti t-triq għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-mandat tal-Aġenzija dwar ir-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni.

Biex ittejjeb il-kwalità tal-counselling fil-qasam tar-ritorn, il-Kummissjoni żviluppat, fil-kuntest tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, qafas tal-UE dwar il-counselling fil-qasam tar-ritorn li jipprovdi gwida lill-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri fl-istabbiliment, il-ġestjoni u l-iżvilupp ta’ strutturi ta’ counselling fl-Istati Membri. Dan il-qafas huwa referenza għall-ħolqien jew it-tmexxija ta’ programmi nazzjonali ta’ counselling fil-qasam tar-ritorn u jindirizza l-isfidi tal-konsulenza billi jippromwovi prattika tajba u jagħti rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, flimkien maċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) u l-Frontex, in-Network Ewropew tar-Ritorn u tar-Riintegrazzjoni qed jiżviluppa kurrikulu komuni għal counsellors fil-qasam tar-ritorn, li jiffoka fuq il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu l-konsulenti. L-involviment tal-Frontex fit-tfassil ta’ dan il-kurrikulu jiżgura l-komplementarjetà mal-ħidma tal-Aġenzija biex tħarreġ esperti fil-politika ta’ ritorn bħala membri tal-korp permanenti.

L-UE u l-Istati Membri tagħha identifikaw, fil-livell strateġiku u operazzjonali, il-ħtieġa li jaħdmu flimkien u jiżviluppaw għodod konġunti biex jappoġġaw ir-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni sostenibbli. Xi wħud mill-għodod ewlenin li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-prattika diġà jinsabu fi stadju avvanzat ta’ żvilupp.

L-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni (RIAT, Reintegration Assistance Tool) tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fost il-counsellors fil-qasam tar-ritorn u l-fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni f’ambjent diġitali sigur u tippermetti lill-utenti jimmonitorjaw il-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u għar-Riintegrazzjoni (RRAI, Return and Reintegration Assistance Inventory) li jiġbor informazzjoni dwar it-tip ta’ assistenza (jiġifieri l-livell u t-tip ta’ għajnuna fi flus kontanti jew in natura), il-benefiċjarji potenzjali, l-organizzazzjonijiet involuti u l-istadji tal-proċedura li fihom huwa offrut l-appoġġ. Dawn l-għodod se jippermettu koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni tar-ritorn , u se jtejbu l-allokazzjoni tal-finanzjament u jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki 5 .

F’Diċembru 2016, ġiet imnedija l-Inizjattiva Konġunta bejn l-UE u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għall-Protezzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Migranti, li hija ffinanzjata mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Fost attivitajiet oħra, l-Inizjattiva Konġunta appoġġat ir-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni sostenibbli fir-Reġjun tas-Saħel u tal-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq, u kkontribwiet għat-tisħiħ tal-istrutturi ta’ governanza tal-migrazzjoni f’pajjiżi terzi. Minn April 2017 sa Ottubru 2020, hija pprovdiet assistenza ta’ akkoljenza lil 93 110 migrant wara l-wasla u assistenza għar-riintegrazzjoni lil 75 182 , filwaqt li appoġġat 34 646 ritorn umanitarju mil-Libja lejn il-pajjiżi ta’ oriġini. L-Inizjattiva Konġunta tat riżultati tajbin fil-qasam tar-ritorni. Mil-lat tar-riintegrazzjoni, l-isfidi identifikati jinkludu r-responsabbiltà u l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, il-koordinazzjoni ma’ atturi oħra rigward it-twettiq ta’ operazzjonijiet simili u l-kwalità tal-monitoraġġ 6 . Jenħtieġ li l-isforzi futuri ta’ appoġġ konġunt għar-riintegrazzjoni jiġu inkorporati fl-approċċ komprensiv u allinjati mal-prijoritajiet ġeografiċi identifikati f’dan il-kuntest.

2.Sfidi li jridu jiġu indirizzati

Minkejja l-kisbiet li saru f’dawn l-aħħar snin, għad hemm potenzjal biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tar-ritorn volontarju u tar-riintegrazzjoni. Is-sehem tar-ritorni volontarji bħalissa huwa ta’ 27 % tat-tluq kollu mill-UE. Għadd ta’ nuqqasijiet ifixklu l-effettività sħiħa u l-espansjoni tal-azzjoni tal-UE dwar l-appoġġ għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni fl-UE, kif ukoll is-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni f’pajjiżi terzi.

Frammentazzjoni tal-approċċi. L-appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni fl-UE huwa frammentat, fejn l-Istati Membri ħadu approċċi differenti, mingħajr il-koerenza meħtieġa sabiex il-politika tkun effettiva. Dan huwa dovut għan-nuqqas ta’ qafas konġunt u għall-fatt li l-Istati Membri jipparteċipaw f’livelli differenti ta’ kooperazzjoni ma’ kwalunkwe pajjiż terz partikolari.

B’riżultat ta’ dan, għalkemm l-Istati Membri kollha għandhom programmi nazzjonali ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni, dawn ivarjaw ħafna. B’mod partikolari, hemm diverġenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (pereżempju, uħud minnhom ikopru biss il-persuni li jfittxu l-ażil li ġew rifjutati), fil-proċeduri u fil-livell ta’ assistenza pprovduta lill-persuni rimpatrijati. Dan idgħajjef il-fiduċja tal-persuni rimpatrijati u tal-pajjiżi terzi fis-sistema u r-rieda tagħhom li jipparteċipaw. Il-livelli jew it-tipi differenti ta’ appoġġ joħolqu tensjoni meta l-persuni rimpatrijati jqabblu s-sitwazzjonijiet tagħhom matul operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn jew meta lura f’pajjiżhom, u jikkumplikaw il-forniment ta’ servizzi komplementari ta’ riintegrazzjoni għall-pajjiżi ta’ oriġini u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni. Min-naħa tiegħu, dan in-nuqqas ta’ approċċ konsistenti jikkomplika l-implimentazzjoni u l-kooperazzjoni kumplessiva skont il-ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni tal-UE. Jista’ wkoll jimmina l-isforzi ta’ pajjiżi sħab biex jiżviluppaw approċċ koerenti għar-riintegrazzjoni tal-migranti li jirritornaw u joħloq aspettattivi foloz għall-pajjiżi sħab dwar dak li tista’ toffri l-UE. Il-frammentazzjoni tista’ wkoll tinkoraġġixxi u twassal għal movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari li jfittxu li jagħżlu l-pakkett nazzjonali li jaqbel l-aktar mal-interessi individwali tagħhom.

Spiża tar-ritorn

Ir-ritorn volontarju huwa ġeneralment meqjus bħala aktar kosteffettiv mir-ritorn furzat. L-istima tal-ispejjeż tar-ritorn volontarju għandha tinkludi l-assistenza fi flus u in natura pprovduta lill-persuna rimpatrijata, it-titjira u, fejn rilevanti, il-pakkett ta’ riintegrazzjoni. Għar-ritorni furzati, l-ispiża tinkludi l-ispiża tal-akkomodazzjoni tal-persuna rimpatrijata fil-faċilità ta’ detenzjoni ta’ qabel it-tneħħija, u l-involviment ta’ skorti u arranġamenti speċjali oħra qabel, matul u wara r-ritorn. Is-servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew stima li r-ritorn furzat jiswa EUR 3 414 għal kull individwu, meta mqabbel ma’ EUR 560 għal kull ritorn volontarju. L-ispiża medja indikattiva tar-ritorni mill-pajjiżi ta’ tranżitu hija stmata għal madwar EUR 2 500 għal kull persuna.

Biex jiġu promossi r-ritorni volontarji sal-potenzjal sħiħ tagħhom, jeħtieġ ukoll li xi aspetti tal-qafas legali attwali jittejbu. Huwa ċar li iktar ma migrant irregolari jirritorna malajr, iktar tkun għolja l-probabbiltà li r-ritorn jiġi aċċettat mill-migrant jekk dan isir fil-kuntest ta’ proċedura ġusta u effettiva u l-persuna tirċievi informazzjoni preċiża u kompluta. Madankollu, li persuni jaħarbu matul il-perijodu tat-tluq volontarju għadha kwistjoni sinifikanti, li tkompli xxekkel ir-ritorni. Proċeduri u regoli komuni rapidi u ġusti dwar l-ażil u r-ritorn, flimkien ma’ appoġġ aħjar għar-ritorn volontarju, inkluż għal migranti soġġetti għall-proċedura ta’ ritorn fil-fruntiera u soġġetti għal detenzjoni amministrattiva fejn xieraq, jistgħu jżidu l-użu ta’ ritorni volontarji fl-istadji bikrija tal-proċess ta’ ritorn.

Ġbir insuffiċjenti tad-data. L-informazzjoni statistika disponibbli bħalissa ma tipprovdix stampa sħiħa dwar l-użu tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni fl-UE, peress li l-Istati Membri m’għandhom l-ebda obbligu li jirrappurtaw dwar it-tqassim bejn ir-ritorn volontarju u dak furzat u dwar it-tip ta’ assistenza pprovduta lill-persuni rimpatrijati.

Nuqqas ta’ qafas koerenti għall-counselling fil-qasam tar-ritorn u mekkaniżmu biex il-persuni rimpatrijati jiġu riferuti lejn programmi ta’ ritorn u ta’ riintegrazzjoni (riferimenti). Il-counselling effettiv fil-qasam tar-ritorn huwa essenzjali biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-fażijiet ta’ qabel it-tluq u ta’ wara l-wasla u biex ir-reintegrazzjoni tirnexxi. Fil-preżent, ma hemm l-ebda qafas fis-seħħ dwar il-counselling jew il-kwalifiki minimi u r-rekwiżiti ta’ taħriġ biex jiġi pprovdut is-servizz. Bħalissa qed jintużaw diversi mekkaniżmi biex il-persuni rimpatrijati jiġu riferuti lejn programmi ta’ ritorn u riintegrazzjoni, li jwassal għal frammentazzjoni, telf ta’ informazzjoni u diskrepanza bejn il-ħiliet, il-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet tal-migranti u l-appoġġ offrut. Biex jipprovdu servizz ta’ kwalità għolja, il-counsellors fil-qasam tar-ritorn jeħtieġu taħriġ speċifiku u aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar l-assistenza disponibbli għall-persuni rimpatrijati u l-opportunitajiet eżistenti fil-pajjiżi ta’ ritorn.

Koordinazzjoni insuffiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati. Hemm numru ta’ partijiet ikkonċernati u atturi li huma attivi fil-qasam tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, jiġifieri l-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi fil-livell nazzjonali u lokali. Dawn jinkludu l-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, ix-xogħol soċjali u l-fornituri tal-kura tas-saħħa, l-awtoritajiet tal-akkomodazzjoni u tal-edukazzjoni, l-għajnuna legali u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ f’diversi pajjiżi u f’livelli differenti. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn dawn l-organizzazzjonijiet qed iwassal għal duplikazzjonijiet u ineffiċjenzi. Pereżempju, Stat Membru jista’ jappoġġa t-tkomplija tal-ivvjaġġar ta’ persuna rimpatrijata mill-ajruport tal-wasla lejn il-belt ta’ oriġini kif ukoll l-akkomodazzjoni għal żmien qasir hemmhekk, filwaqt li proġett ieħor tal-UE diġà jiffinanzja dik l-istess akkomodazzjoni, flimkien ma’ kura medika. Is-sinerġiji insuffiċjenti mal-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp fil-pajjiżi sħab jistgħu jaffettwaw l-effettività u s-sostenibbiltà tal-programmi ta’ riintegrazzjoni. Pereżempju, jeħtieġ li t-taħriġ ipprovdut lill-persuni rimpatrijati jqis is-sinerġiji possibbli ma’ proġetti ta’ żvilupp li għaddejjin bħalissa u li jkun allinjat mal-istrateġiji nazzjonali biex tingħata spinta lil ċerti setturi. Sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew il-lakuni, il-proġetti jeħtieġ li jiġu kkoordinati fost l-Istati Membri u r-riintegrazzjoni għandha tiġi integrata fl-attivitajiet ta’ programmazzjoni.

Nuqqas ta’ sostenibbiltà, inkluż minħabba nuqqas ta’ responsabbiltà u ta’ kapaċitajiet tal-pajjiżi ta’ oriġini. Il-pajjiżi sħab ġeneralment jaraw ir-riintegrazzjoni bħala element pożittiv ta’ kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. Madankollu, minħabba li ma jkollhomx kapaċitajiet biżżejjed, huma ftit il-pajjiżi terzi li huma kapaċi jimmaniġġjaw il-proċess ta’ riintegrazzjoni u jiżguraw koordinazzjoni suffiċjenti mal-istrateġiji nazzjonali tal-migrazzjoni u l-iżvilupp. Pereżempju, pajjiż sieħeb li jkun lest jipparteċipa fl-għoti ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni lin-nazzjonali tiegħu li jirritornaw jista’ ma jkollux l-istruttura ta’ governanza, il-persunal b’ħiliet meħtieġa (inkluż il-ġestjoni tal-appoġġ u l-monitoraġġ tad-donaturi) u l-kapaċità li jipprovdi servizzi pubbliċi mfassla għall-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u psikosoċjali speċifiċi tal-persuni rimpatrijati. Barra minn hekk, il-fornituri lokali ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni jista’ ma jkollhomx il-kapaċitajiet neċessarji. B’konsegwenza ta’ dan, il-proċessi ta’ riintegrazzjoni jistgħu ma jkunux sostenibbli biżżejjed u jkunu jiddependu ħafna fuq id-donaturi u s-sħab operazzjonali, u jirriskjaw ukoll li jiġu frammentati minħabba nuqqas ta’ koerenza bejn l-iskemi ffinanzjati mid-donaturi.

Finanzjament insuffiċjenti. Ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni saru prijoritajiet ewlenin għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Madankollu, l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament li ġew mobilizzati biex iżidu r-ritorni volontarji mhux dejjem setgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi kollha.

Il-pandemija tal-COVID-19 hija sfida addizzjonali, peress li hija xxekkel l-abilità tal-UE li tirritorna l-migranti irregolari, tillimita l-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi li jaċċettaw mill-ġdid u jintegraw mill-ġdid lin-nazzjonali tagħhom, u tista’ tnaqqas ir-rieda tal-migranti li jirritornaw minħabba l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija fil-pajjiżi ta’ oriġini.

3.Approċċ strateġiku għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni

Din l-istrateġija tirrikonoxxi l-valur tar-ritorn volontarju u għandha l-għan li żżid l-għadd u s-sehem ta’ ritorni volontarji mill-Ewropa u mill-pajjiżi ta’ tranżitu, ittejjeb il-kwalità tal-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-persuni rimpatrijati u ssaħħaħ il-koerenza u l-governanza tal-azzjoni tal-UE.

L-istrateġija tistabbilixxi approċċ ġdid, aktar koordinat u integrat għat-tfassil, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni u tal-azzjonijiet f’pajjiżi terzi biex jinbnew rabtiet aħjar ma’ inizjattivi oħra ta’ żvilupp, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet u r-responsabbiltà ta’ pajjiżi terzi biex jintegraw mill-ġdid in-nazzjonali tagħhom stess u biex l-iskemi jsiru sostenibbli. Din l-istrateġija ssegwi u tippromwovi l-objettivi ġenerali tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, inklużi l-istrutturi ta’ governanza u l-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni fir-ritorn u r-riammissjoni stabbiliti fil-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija tgħin biex il-proċedura ta’ ritorn fil-fruntiera proposta fil-Patt il-Ġdid issir aktar effettiva, billi tippromwovi ritorni volontarji rapidi mill-fruntieri esterni tal-UE, u b’hekk tnaqqas it-tul tas-soġġorn tal-persuni fil-proċedura tal-fruntiera, u b’mod ġenerali timmassimizza l-effiċjenza tagħha. Proċedura effiċjenti ta’ ritorn fil-fruntiera se tiffaċilita u tħeġġeġ ukoll ir-ritorn volontarju peress li n-nies se jkunu disponibbli u aktar lesti li jikkooperaw mal-awtoritajiet. Hija tattrezza aħjar lill-UE biex tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta’ pressjoni migratorja billi tiffaċilita l-isponsorizzazzjoni għar-ritorni volontarji, kif stabbilit fil-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, b’qafas komuni li jnaqqas il-frammentazzjoni u jżid il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Bi tweġiba għal dawn l-isfidi, l-istrateġija tistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri taħt seba’ pilastri, li jiġbru flimkien l-aspetti interni, esterni u operazzjonali tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni u li jkopru:

1.Qafas legali u operazzjonali aktar effettiv;

2.Il-koordinazzjoni effettiva bejn il-partijiet ikkonċernati kollha;

3.L-appoġġ għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni ta’ migranti li ġejjin minn pajjiżi terzi u bejn pajjiżi terzi;

4.Counselling u riferiment effettivi fil-qasam tar-ritorn;

5.L-iżgurar tal-kwalità tal-appoġġ;

6.It-trawwim tas-sostenibbiltà tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni u tar-responsabbiltà tal-pajjiżi sħab; u

7.Finanzjament għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni.

Is-suċċess tal-istrateġija jiddependi fuq kollaborazzjoni bla xkiel u kostruttiva bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti inklużi l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Frontex, il-pajjiżi sħab u kostellazzjoni kbira ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ritorn volontarju u ta’ riintegrazzjoni (pereż. l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali) attivi f’dan il-qasam.

3.1 Qafas legali u operazzjonali aktar effettiv

Filwaqt li l-elementi ewlenin ta’ din l-istrateġija jistgħu jiġu implimentati fuq il-bażi tal-qafas legali attwali, it-tisħiħ tal-qafas attwali huwa meħtieġ biex jiġi appoġġat bis-sħiħ approċċ strateġiku u koerenti għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Id-Direttiva dwar ir-Ritorn 7 tipprijoritizza r-ritorn volontarju fuq ir-ritorn furzat, iżda ma tipprovdix qafas għall-istabbiliment u t-tmexxija ta’ programmi ta’ ritorn volontarju assistit jew għall-appoġġ tar-riintegrazzjoni tal-migranti irregolari. Barra minn hekk, id-dritt internazzjonali ma għandux regoli jew obbligi għall-għoti ta’ dan l-appoġġ 8 .

Il-qafas legali ġdid propost skont il-Patt il-Ġdid jista’ jindirizza dawn in-nuqqasijiet u jimplimenta governanza aktar konsolidata bbażata fuq ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni 9 . Il-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 10 tistabbilixxi bażi konġunta biex tinkiseb koerenza bejn il-programmi nazzjonali dwar ir-ritorn volontarju u, fejn meħtieġ, ir-riintegrazzjoni, u tipprovdi regoli aħjar għat-titjib tal-kooperazzjoni tal-migranti u t-tnaqqis taċ-ċans li l-migranti jaħarbu. Barra minn hekk, flimkien mal-proposta emendata għal Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil 11 , għandha l-għan li tnaqqas it-tul tal-proċeduri ta’ ritorn u li tagħmel il-proċeduri ta’ ritorn b’mod ġenerali aktar simplifikati u effettivi, filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-persuni rimpatrijati, speċjalment id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv, fl-istadji kollha tal-proċess tar-ritorn. Dan imbagħad se jkun ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni ta’ ritorni volontarji. Jenħtieġ li l-ambizzjoni u l-objettivi stabbiliti f’din l-istrateġija jiġu riflessi fin-negozjati li għaddejjin bħalissa mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-Patt il-Ġdid, b’mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għal persuni vulnerabbli 12 u l-counselling. Fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, il-Kummissjoni se tappoġġa li jintlaħaq kompromess bejn il-koleġiżlaturi biex jiġi żgurat li l-qafas legali jkun jappoġġa bis-sħiħ użu strateġiku għar-ritorni volontarji.

Il-qafas legali tal-UE jrid jiżgura wkoll l-integrità tas-sistema tal-UE u jevita l-abbużi. Il-proposta għal Regolament Eurodac rivedut 13 se ttejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jimmonitorjaw l-għoti ta’ assistenza għar-ritorn u r-riintegrazzjoni u tnaqqas ir-riskju ta’ movimenti sekondarji mhux awtorizzati mħeġġa minn programmi nazzjonali differenti billi tintroduċi kampijiet tad-data ġodda għall-monitoraġġ ta’ din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u bir-reqqa tar-regoli tar-ritorn, b’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, filwaqt li tqis ukoll l-azzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ din l-istrateġija.

Il-ġbir tad-data se jitjieb permezz tar-Regolament emendat dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni 14 , hekk kif l-Istati Membri se jibdew jipprovdu data dwar it-tip ta’ ritorn u assistenza li jirċievu, b’mod partikolari dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Barra minn hekk, bid-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE 15 u l-operazzjonalizzazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn 16 , se tkun disponibbli informazzjoni addizzjonali dwar l-għoti ta’ perjodu ta’ tluq volontarju u r-ritorn volontarju ta’ migranti irregolari mill-UE. Il-proposta emendata tal-Eurodac 17 se tikkumplimenta l-istampa billi tirreġistra informazzjoni dwar jekk ingħatatx l-assistenza għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni lill-migranti irregolari. Fl-aħħar nett, ir-rapporti dwar l-Għarfien u l-Analiżi tas-Sitwazzjoni tal-Migrazzjoni (MISAA) se jsaħħu wkoll l-għarfien operazzjonali u tas-sitwazzjoni dwar ir-ritorn fl-Unjoni. Dawn l-iżviluppi se jipprovdu ħarsa ġenerali aktar affidabbli u kompluta lejn id-disponibbiltà, l-użu u l-effettività tal-assistenza għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni fl-UE. Il-ġbir ta’ din id-data kollha b’mod sistematiku u koerenti jsaħħaħ il-kredibbiltà tar-ritorni volontarji u għalhekk joħloq inċentiv għall-Istati Membri biex jiddependu aktar fuq ir-ritorn volontarju.

Ir-rwol tal-Frontex bħala l-fergħa operattiva tas-sistema komuni ta’ ritorni tal-UE huwa essenzjali għat-titjib tal-effettività ġenerali tas-sistema u għall-appoġġ, b’għodod ġodda, tal-użu prattiku ta’ qafas konsolidat tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Jenħtieġ li l-Aġenzija tappoġġa għadd dejjem akbar ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn volontarju u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha li tipprovdi assistenza operazzjonali lill-Istati Membri fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn volontarju u riintegrazzjoni, inkluż dwar il-counselling fil-qasam tar-ritorn (eż. kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-migranti), appoġġ wara l-wasla u l-monitoraġġ tal-effettività tal-assistenza għar-riintegrazzjoni.

Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħmlu użu akbar mill-appoġġ operazzjonali kollu li toffri l-Frontex. Minbarra li ħadet f’idejha l-attivitajiet tan-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni, il-Frontex qed tiżviluppa servizzi konġunti ta’ riintegrazzjoni, li jagħtu lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex jidentifikaw l-appoġġ għal każijiet individwali, jiżguraw il-konsistenza fil-kontenut u fil-kwalità tas-servizzi, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-korp permanenti, b’esperti tar-ritorn li jipprovdu appoġġ speċjalizzat, se tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija f’dan il-qasam u fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. L-istabbiliment ta’ diviżjoni ddedikata fi ħdan il-Frontex, immexxija minn Viċi Direttur Eżekuttiv, se jattrezza lill-Aġenzija biex tissodisfa l-mandat estiż tagħha fil-qasam tar-ritorn.

L-Uffiċjal indipendenti għad-Drittijiet Fundamentali, appoġġat mis-superviżuri li jaħdmu għall-uffiċċju tiegħu/tagħha, jassiti l-Frontex fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha tad-drittijiet fundamentali u jippromwovi r-rispett tal-Aġenzija ta’ dawn id-drittijiet fl-attivitajiet kollha tagħha, inkluż ir-ritorn.

Il-Koordinatur tar-Ritorn u n-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn, li jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri, se jipprovdu aktar appoġġ tekniku biex jinġabru flimkien il-linji differenti tal-politika ta’ ritorn tal-UE inkluż fil-qasam tar-ritorn volontarju u tar-riintegrazzjoni, fejn il-Koordinatur tar-Ritorn jista’ jippromwovi approċċ aktar koerenti għall-assistenza għar-riintegrazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi sħab speċifiċi. Il-Koordinatur tar-Ritorn se jikkoopera mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha biex jiżgura li l-azzjonijiet jaħdmu flimkien b’mod koerenti u li l-appoġġ disponibbli jintuża kemm jista’ jkun possibbli. Il-ħidma tal-Koordinatur u tan-Network ta’ Livell Għoli se jifformaw parti integrali mill-qafas ta’ governanza stabbilit mill-proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni.

It-triq ’il quddiem

-Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tavvanza u tikkonkludi n-negozjati dwar id-diversi elementi tal-Patt il-Ġdid, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil u l-proposti tar-Regolament Eurodac, bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-qafas legali u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

-L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-assistenza operazzjonali li l-Frontex tista’ toffri fir-rigward tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni inizjali.

-Jenħtieġ li l-Frontex iżżid l-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn li twettaq, inklużi r-ritorni volontarji.

-Il-Frontex għandha taħtar bħala kwistjoni ta’ prijorità l-Viċi Direttur Eżekuttiv biex imexxi l-istruttura ddedikata għar-Ritorn tal-Aġenzija.

-Il-Frontex għandha tieħu f’idejha l-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tan-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni sa nofs l-2022.

3.2 Koordinazzjoni effettiva bejn il-partijiet ikkonċernati kollha

Hemm bżonn li l-koordinazzjoni tal-istrutturi eżistenti tiżdied u li l-programmi ta’ riintegrazzjoni jintrabtu ma’ strateġiji nazzjonali aktar wesgħin u programmi ta’ żvilupp ta’ pajjiżi sħab, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ duplikazzjoni u jittejjeb l-użu tar-riżorsi.

Firxa wiesgħa ta’ atturi u partijiet ikkonċernati huma involuti fil-proċessi ta’ ritorn volontarju u ta’ riintegrazzjoni. Il-persuni rimpatrijati nfushom huma l-aktar persuni importanti fil-proċess, flimkien ma’, fl-aħħar tal-katina, il-pajjiżi u l-komunitajiet lokali ta’ oriġini. Fl-UE, minbarra l-awtoritajiet nazzjonali u lokali (l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, il-pulizija, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet), id-dijaspora, il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-perċezzjoni negattiva tar-ritorn permezz tal-involviment mal-komunitajiet tal-oriġini. Bl-istess mod, barra mill-UE, firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll awtoritajiet nazzjonali u atturi oħra fil-pajjiżi ta’ oriġini huma involuti fl-għoti ta’ appoġġ lill-persuni rimpatrijati. Id-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi għandhom jiżguraw approċċ konġunt u koordinat tal-UE f’termini ta’ programmazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ ta’ proġetti ta’ riintegrazzjoni.

Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza f’pajjiżi sħab fejn jidħol l-irbit tar-riintegrazzjoni mal-iżvilupp, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se tiżgura koordinazzjoni fost il-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ ritorn u ta’ riintegrazzjoni, li jinkludu l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u l-atturi tal-iżvilupp. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiffaċilitaw ir-riferiment tal-persuni rimpatrijati lejn programmi ta’ żvilupp rilevanti disponibbli f’pajjiżi sħab li jistgħu jikkontribwixxu għar-riintegrazzjoni sostenibbli, bħall-ħolqien tal-impjiegi, l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet jew l-inklużjoni soċjali.

Id-delegazzjonijiet tal-UE, appoġġati mill-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropej dwar il-Migrazzjoni, għandhom jikkontribwixxu biex jinżamm involviment kontinwu mal-partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi tagħhom, inkluż bi ħsieb li jinbena fehim tal-kuntest u l-prijoritajiet lokali, li jiġu identifikati l-ħtiġijiet għall-bini tal-kapaċitajiet u li ssir koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju u operazzjonali. Fl-istess ħin, meta jkun possibbli u meħtieġ, huma se jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ azzjoni fost l-Istati Membri billi jieħdu approċċ ta’ “Team Europe”.

Il-Koordinatur tar-Ritorn, flimkien man-Network ta’ Livell Għoli, se jappoġġa wkoll il-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-istrateġiji u l-programmi ta’ ritorn volontarju u ta’ riintegrazzjoni, biex jippromwovi l-konsistenza bejn l-azzjonijiet nazzjonali u din l-istrateġija u biex jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.



It-triq ’il quddiem

-Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza f’pajjiżi sħab dwar l-irbit tar-riintegrazzjoni mal-iżvilupp, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se tiżgura koordinazzjoni f’pajjiżi sħab rilevanti fost il-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ ritorn u ta’ riintegrazzjoni.

-Il-Koordinatur tar-Ritorn u n-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn se jappoġġaw l-isforzi biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni.

3.3 Appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni tal-migranti li ġejjin minn pajjiżi terzi u bejn pajjiżi terzi

Task Force bejn l-Unjoni Afrikana, l-UE u n-NU

It-Task Force bejn l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti, stabbilita f’Novembru 2017, wasslet għat-tnedija ta’ operazzjoni ewlenija ta’ evakwazzjoni umanitarja, ikkomplementata b’assistenza għar-riintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini. Hija wasslet għal aktar minn 54 000 ritorn umanitarju volontarju ta’ migranti mil-Libja lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, iffaċilitati mill-IOM u mill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana.

L-UE għandha tradizzjoni twila ta’ għoti ta’ appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni tal-migranti minn pajjiżi terzi lejn pajjiżi sħab. Din il-forma ta’ assistenza tista’ tipprovdi għajnuna personali immedjata lill-individwi involuti, tappoġġahom meta jiġu kkonfrontati b’sitwazzjonijiet ta’ periklu u ta’ diffikultà, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-komunitajiet u l-pajjiżi li lejhom jirritornaw u jintegraw mill-ġdid fihom, filwaqt li fl-istess ħin tkun ta’ interess għall-pajjiżi sħab. Dan l-appoġġ se jkompli b’mod parallel mal-appoġġ għar-ritorni volontarji mill-Istati Membri u se jibbenefika miż-żieda fis-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni u tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiżi terzi.

Fost il-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE, l-Inizjattiva Konġunta bejn l-UE u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għall-Protezzjoni u r-Riintegrazzjoni tal-Migranti għandha importanza ewlenija għax hija żgurat il-protezzjoni, l-assistenza għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni lil aktar minn 100 000 migrant fil-Libja, in-Niġer u fil-pajjiżi Afrikani l-oħrajn, fejn għenithom imorru lura u jintegraw mill-ġdid fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom fl-Afrika tal-Punent, Ċentrali u tal-Lvant b’mod sostenibbli u dejjiemi. L-Inizjattiva Konġunta appoġġat ukoll, sa ċertu punt, l-integrazzjoni mill-ġdid tal-migranti li jirritornaw mill-UE, meta fondi oħra tal-UE jew tal-Istati Membri ma kinux disponibbli għal dan il-għan.

Minbarra l-Inizjattiva Konġunta, l-UE, permezz tal-proġetti ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni u l-Iżvilupp fl-Afganistan (RADA) u ta’ Riintegrazzjoni Sostenibbli u Governanza Mtejba tal-Migrazzjoni tal-Bangladesh (Prottasha), implimentati wkoll mill-IOM, ipprovdiet assistenza għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni għal persuni rimpatrijati Afgani u Bangladeshi li jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minn pajjiżi terzi oħra ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, inkluż mill-Iran u l-Pakistan. Dawn il-proġetti appoġġaw ukoll b’mod ġenerali l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-migranti Afgani u Bangladeshi li jirritornaw lura lejn pajjiżhom mit-territorju tal-UE.

Il-pajjiżi sħab li huma wkoll pajjiżi ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu tal-migrazzjoni irregolari jikkondividu tħassib u interessi simili f’dak li għandu x’jaqsam mar-ritorn ta’ migranti irregolari u l-iżgurar tar-riintegrazzjoni sostenibbli tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini. Is-sħubiji fil-livell reġjonali u multilaterali, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, se jiġu esplorati aktar, inkluż fuq il-bażi tal-esperjenza tat-Taskforce bejn l-Unjoni Afrikana, l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti dwar il-migrazzjoni fil-Libja stabbilita f’Novembru 2017. Dan l-approċċ trilaterali innovattiv, li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, appoġġa b’mod effettiv ir-ritorni volontarji mil-Libja, b’impenn politiku u appoġġ mingħajr preċedent mill-Unjoni Afrikana li indirizzat l-ostakli operazzjonali u politiċi, bħall-għoti ta’ assistenza konsulari f’ċirkostanzi partikolarment diffiċli.

It-triq ’il quddiem

-L-UE se tipprovdi appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni tal-migranti minn pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni lejn pajjiżi ta’ oriġini, inkluż permezz ta’ esplorazzjoni ulterjuri ta’ sħubijiet possibbli fil-livell reġjonali u multilaterali.

3.4 Counselling u riferiment effettivi fil-qasam tar-ritorn

Counselling fil-qasam tar-ritorn spjegat fil-qosor

Proċess ta’ ritorn volontarju li jirnexxi jibda b’sensibilizzazzjoni u djalogu mfassla apposta bejn il-counsellor u l-migrant, li matulu l-migrant jirċievi fil-ħin informazzjoni aġġornata u rilevanti dwar l-istatus tiegħu u l-offerta li jirċievi appoġġ għar-ritorn volontarju. Dan id-djalogu għandu jsir fl-aktar stadju bikri possibbli tal-proċess tal-migrazzjoni, inkluż matul il-proċeduri tal-ażil jekk ikun xieraq, pereżempju għal persuni li ġejjin minn pajjiżi b’rata baxxa ta’ rikonoxximent. Il-proċess għandu jgħin lill-migrant jippjana ritorn sikur u dinjituż u għandu jibni l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn il-migrant u l-counsellor. Id-djalogu jrid iqis il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet individwali tal-migranti u jindirizza t-tħassib tagħhom. Rigward il-minorenni b’mod partikolari, il-counselling jeħtieġ li jiġi pprovdut f’lingwa li tkun adatta għat-tfal u għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika tal-minorenni, filwaqt li jiżgura l-aħjar interessi tal-minorenni. Il-counselling jinvolvi kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni bejn firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet fil-livell tal-Istat, muniċipali u lokali, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, inklużi l-awtoritajiet tal-ażil. L-użu tal-counselling online żdied matul il-pandemija attwali u se jibqa’ jkun utli fil-provvediment ta’ counselling mill-bogħod. Il-counselling online jippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta’ riintegrazzjoni jipparteċipaw fis-sessjonijiet tal-counselling u jista’ jiffaċilita l-konversazzjonijiet ta’ segwitu.

Huwa importanti li l-migranti jiġu pprovduti, fl-aktar stadju bikri, b’informazzjoni f’waqtha, aġġornata u affidabbli permezz ta’ counselling b’mod personali jew online. Il-Kummissjoni, flimkien man-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, se tirrieżamina u taġġorna perjodikament il-qafas tal-UE dwar il-counselling fil-qasam tar-ritorn biex tikkondividi l-aħjar prattiki aġġornati dwar l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ strutturi nazzjonali li jipprovdu counselling fil-qasam tar-ritorn.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Frontex biex tiżviluppa, bħala objettiv aktar fit-tul, kurrikulu ta’ ritorn komprensiv għall-prattikanti li jinkludi komponenti tat-tagħlim dwar l-aspetti kollha tal-politika u l-prattika fil-qasam tar-ritorn. Il-kurrikulu tar-ritorn se jinkludi, iżda ma jkunx limitat għal, moduli ddedikati dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, u se jinkorpora għodod eżistenti bħall-qafas tal-UE dwar il-pariri fir-rigward tar-ritorn u l-kurrikulu komuni għal counsellors fil-qasam tar-ritorn. F’każijiet fejn ikun xieraq, il-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-pajjiżi tal-oriġini jistgħu jipprovdu wkoll il-kontribut tagħhom. Il-Frontex se tappoġġa lill-Istati Membri billi tibgħat esperti mħarrġa fil-counselling fil-qasam tar-ritorn bħala parti mill-korp permanenti.

Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet disponibbli u biex jiġu ffaċilitati r-riferimenti bejn counsellors fil-qasam tar-ritorn u l-fornituri tas-servizzi, għandu jsir użu aħjar mill-għodod ta’ informazzjoni eżistenti, b’mod partikolari l-Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni u l-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni. Il-ħidma fuq dawn l-għodod ta’ ġestjoni tal-għarfien hija meħtieġa biex jiġi ssimplifikat l-użu tal-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni fil-counselling u r-riferiment fil-qasam tar-ritorn, u biex jiġu ffaċilitati aġġornamenti regolari u tiġi analizzata l-informazzjoni dwar l-Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni. Dan se jgħin fil-monitoraġġ tal-programmi, jimmassimizza l-użu tagħhom u jtejjeb il-kwalità tagħhom.

It-triq ’il quddiem

-Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu ruħhom f’kuntatt bikri, attiv u effettiv mal-migranti irregolari, filwaqt li jqisu l-vulnerabbiltajiet, u jiżviluppaw strutturi effettivi ta’ counselling fil-qasam tar-ritorn (kemm għal counselling personali kif ukoll għal counselling online) skont il-qafas tal-UE għall-counselling fil-qasam tar-ritorn.

-In-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni għandu jiffinalizza l-kurrikulu komuni għal counsellors fil-qasam tar-ritorn sa nofs l-2022.

-Il-Frontex għandha tintensifika t-taħriġ tagħha dwar il-counselling fil-qasam tar-ritorn, b’mod partikolari għall-esperti tar-ritorn tal-korp permanenti, wara l-adozzjoni tal-kurrikulu komuni.

-Jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw b’mod regolari u frekwenti l-Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni u jissimplifikaw l-użu tal-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni fil-proċessi ta’ riferiment u ta’ counselling fil-qasam tar-ritorn; il-Kummissjoni se tipprovdi taħriġ regolari dwar kif wieħed jagħmel dan.

-Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Frontex, għandha tiżviluppa aktar l-għodod ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE bħall-Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni u l-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni, inkluż billi tippromwovi l-interoperabbiltà tagħhom mas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn, u tiżgura strutturi ta’ governanza xierqa għalihom.

3.5 L-iżgurar tal-kwalità tal-appoġġ

L-assistenza għar-ritorn volontarju tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn li jinkludu counselling, appoġġ mediku u psikoloġiku, kif ukoll assistenza finanzjarja, legali u loġistika għall-ivvjaġġar. Ta’ spiss, dan jingħata flimkien mal-assistenza ta’ wara l-wasla u r-riintegrazzjoni biex jgħinu lill-persuna rimpatrijata ssib jew toħloq opportunitajiet ġodda fil-pajjiż ta’ ritorn, inkluż bl-involviment tal-komunitajiet lokali immedjatament mal-wasla kif ukoll għat-tul.

Punt uniku ta’ kuntatt għas-servizzi ta’ riintegrazzjoni, taħt it-tmexxija nazzjonali

Fit-Tuneżija, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jiffinanzja r-riintegrazzjoni soċjoekonomika u jgħin fit-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ riintegrazzjoni mmexxi mit-Tuneżija. L-objettiv huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Tuneżini sabiex iwettqu r-riintegrazzjoni fil-livell ċentrali u lokali u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE filwaqt li jitħeġġeġ ir-riferiment għall-mekkaniżmu nazzjonali ta’ riintegrazzjoni.

Fl-Armenja, in-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni jappoġġa Ċentru ta’ Riferiment għar-Riintegrazzjoni, stabbilit f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, li jipprovdi counselling u riferiment lejn servizzi u proġetti lokali u internazzjonali, u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riintegrazzjoni.

Dawn il-proġetti juru kif, bl-appoġġ istituzzjonali meħtieġ, il-pajjiżi ta’ oriġini jistgħu jistabbilixxu punt uniku ta’ servizz għall-fażijiet kollha ta’ riintegrazzjoni permezz ta’ mekkaniżmu nazzjonali ta’ riferiment għall-fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni.

Din l-assistenza għandha titfassal apposta, tingħata mal-wasla u tqis il-kapaċitajiet individwali u l-ħtiġijiet speċifiċi, b’mod partikolari ta’ gruppi vulnerabbli. Għat-tfal, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet speċifiċi fil-pajjiż tar-ritorn jitqiesu fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali u s-sitwazzjoni tal-familja. Dan jiżgura li l-migranti jirċievu l-assistenza li jeħtieġu mal-wasla tagħhom u jagħmel ir-ritorn tagħhom sostenibbli. Il-ħtiġijiet ta’ minorenni mhux akkumpanjati u tfal migranti huma prijoritajiet politiċi ewlenin għas-sistema ta’ ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE. L-għoti ta’ appoġġ ta’ kwalità lit-tfal fil-kuntest ta’ ritorni volontarji u riintegrazzjoni, u filwaqt li jitqiesu aħjar l-interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, huwa kruċjali biex dawn ikunu jistgħu jibnu futur fil-pajjiż ta’ oriġini.

Appoġġ ta’ kwalità għolja jtejjeb iċ-ċansijiet ta’ riintegrazzjoni sostenibbli. Madankollu, hemm nuqqas ta’ standards komuni ta’ kwalità għat-tfassil tal-kontenut u l-forma tal-assistenza għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni u għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiddependu fuqhom, biex joffru dan l-appoġġ b’suċċess f’pajjiżi terzi. Dan wassal għal diskrepanzi kbar fil-kwalità, fil-kontenut u fil-konsistenza tal-appoġġ, skont l-Istat Membru li jirritorna l-migranti, il-pajjiż terz kkonċernat u l-fornitur tal-assistenza għar-riintegrazzjoni. Barra minn hekk, diversi donaturi, awtoritajiet pubbliċi, fornituri ta’ assistenza għar-riintegrazzjoni u sħab lokali spiss japplikaw kriterji differenti għall-valutazzjoni tas-suċċess tal-iskemi, li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-informazzjoni dwar l-assistenza għar-riintegrazzjoni u jnaqqas il-valur tagħha għat-tfassil tal-politika.

In-nuqqas ta’ standards komuni, flimkien mal-frammentazzjoni tal-programmi nazzjonali, jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-livell ta’ aċċettazzjoni tar-ritorn, kemm mill-migranti irregolari kif ukoll mill-pajjiżi terzi. Dan jaffettwa b’mod partikolari l-ħidma konġunta mwettqa minn diversi Stati Membri bl-appoġġ tal-Frontex jew fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni tar-ritorn.

B’reazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet, huwa essenzjali li l-ħidma tal-fornituri ta’ servizzi għall-assistenza għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni tilħaq standards għoljin. Il-Kummissjoni se tiżviluppa qafas ta’ kwalità għall-fornituri tas-servizzi ta’ riintegrazzjoni, li jidentifika standards komuni, li jistgħu jiġu appoġġati mill-finanzjament tal-UE. Dawn l-istandards se jkopru r-rekwiżiti organizzazzjonali u tal-ġestjoni tal-proġetti u l-kundizzjonijiet għall-appoġġ materjali. Il-qafas ta’ kwalità se jistabbilixxi wkoll indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, inkluż dwar it-tempestività, il-konformità mal-istandards u l-livell ta’ servizz, li jtejjeb il-komparabbiltà tad-data miġbura dwar l-assistenza għar-riintegrazzjoni. Il-qafas se jqis il-ħtiġijiet speċifiċi li jiffaċċjaw il-gruppi vulnerabbli, bħall-minorenni mhux akkumpanjati, il-familji, il-persuni b’diżabilità jew il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-qafas se jenfasizza wkoll l-importanza li tittrawwem ir-responsabbiltà tal-pajjiżi sħab u l-iżvilupp ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni lokali li, billi jkollhom għarfien aħjar tas-sitwazzjoni lokali, jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jaħdmu fil-kuntest lokali u jkunu aktar kosteffettivi. L-involviment tal-atturi tal-pajjiżi sħab jista’ jappoġġa wkoll l-iżvilupp tal-qafas ta’ kwalità.

Il-qafas ta’ kwalità se jżid il-kredibbiltà tar-ritorn volontarju u l-iskemi ta’ riintegrazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, jappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet tal-fornituri tas-servizzi ta’ riintegrazzjoni, iżid u jarmonizza l-kwalità u l-kontenut tal-assistenza individwali u jiffaċilita l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi. Filwaqt li jallinja l-approċċi nazzjonali aktar mill-qrib u jipprovdi proċeduri u regoli konġunti dwar il-modalitajiet u t-tip ta’ assistenza, il-qafas tal-kwalità jista’ jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-isponsorizzazzjoni tar-ritorn u jżid l-aċċettazzjoni minn pajjiżi terzi tal-attivitajiet konġunti ta’ ritorn tal-Istati Membri.

It-triq ’il quddiem

-F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, Frontex u n-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni, il-Kummissjoni se tqiegħed għad-dispożizzjoni, sa nofs l-2022, qafas ta’ kwalità għall-fornituri ta’ servizzi tar-riintegrazzjoni bbażat fuq standards ta’ kwalità komuni u se tinkoraġġixxi l-użu tiegħu.

-Il-Frontex se tapplika l-qafas tal-kwalità fil-ġestjoni ta’ servizzi konġunti ta’ riintegrazzjoni pprovduti lill-persuni rimpatrijati li jiġu riferuti lill-Aġenzija mill-awtoritajiet nazzjonali.

3.6 It-trawwim tas-sostenibbiltà tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni u tar-responsabbiltà tal-pajjiżi sħab

Il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni sostenibbli huma aspetti ewlenin tas-sħubijiet tal-migrazzjoni komprensivi u ta’ benefiċċju reċiproku li l-UE se ssaħħaħ skont il-Patt il-Ġdid mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Il-pajjiżi ta’ oriġini huma fl-aħjar pożizzjoni biex joħolqu prospetti ekonomiċi u soċjali għan-nazzjonali tagħhom, inklużi migranti li jirritornaw. Madankollu, diversi raġunijiet jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ir-responsabbiltà tagħhom tal-proċess ta’ riintegrazzjoni. Xi wħud minn dawn ir-raġunijiet huma relatati ma’ nuqqasijiet fir-rigward tal-kapaċitajiet, tas-servizzi pubbliċi kif ukoll tal-oqfsa politiċi, leġiżlattivi u operazzjonali. Ir-riferiment lejn is-servizzi pubbliċi involuti fil-proċess ta’ riintegrazzjoni, bħall-fornituri ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, tat-taħriġ jew tal-edukazzjoni u l-aġenziji tal-impjiegi, jista’ ma jkunx żviluppat biżżejjed minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni u minħabba l-kwalità insuffiċjenti tas-servizz ipprovdut. Is-sinerġiji insuffiċjenti bejn il-ħidma tal-atturi internazzjonali u l-oqfsa u l-inizjattivi żviluppati mill-pajjiżi ta’ oriġini, inklużi l-istrutturi paralleli, jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv.

Ir-riintegrazzjoni sostenibbli

Is-sostenibbiltà hija kunċett multidimensjonali li jinkludi l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet tal-individwu, ir-riintegrazzjoni ekonomika, soċjali u psikosoċjali fil-komunità, il-kosteffettività għad-donaturi u l-kontribut għall-iżvilupp lokali. Minbarra li jagħti appoġġ lill-persuni rimpatrijati individwali, il-kunċett ta’ riintegrazzjoni sostenibbli għandu l-għan usa’ li jibni l-kapaċità tal-komunitajiet riċeventi, tas-settur privat u tal-partijiet ikkonċernati lokali. L-għan huwa li l-pajjiżi sħab jiġu inkoraġġuti jassumu r-responsabbiltà tal-proċess biex jintegraw mill-ġdid u finalment jirritornaw u jaċċettaw mill-ġdid lin-nazzjonali tagħhom stess bħala parti mill-objettivi aktar wesgħin għall-iżvilupp tal-pajjiż u għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

L-UE se tappoġġa u tippromwovi żieda gradwali fir-responsabbiltà tal-pajjiżi ta’ oriġini matul il-proċess ta’ riintegrazzjoni f’inizjattivi nazzjonali u lokali f’pajjiżi sħab billi tindirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet, biex tiżgura s-sostenibbiltà u l-kuntestwalizzazzjoni, kif ukoll biex iżżid l-effettività. Jekk rilevanti, l-azzjoni tal-UE għandha timmira wkoll lejn is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jimmobilizzaw il-punti qawwija tagħhom. L-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp ta’ “approċċ tal-gvern kollu” għar-riintegrazzjoni, b’ippjanar aħjar u aktar sinerġiji mal-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u lokali u rispons akbar mis-servizzi pubbliċi għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni rimpatrijati, filwaqt li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet tal-koeżjoni soċjali. Il-Frontex għandha tipprovdi wkoll l-appoġġ tagħha biex tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, f’konformità mal-mandat tagħha. Dan se jinkludi l-iskjerament ta’ uffiċjali ta’ kollegament f’pajjiżi terzi biex jassistu fl-organizzazzjoni tar-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, biex isaħħu l-kapaċitajiet lokali u jrawmu r-responsabbiltà.

Biex timmassimizza l-impatt tal-assistenza għar-riintegrazzjoni, fl-ambitu tas-sħubijiet internazzjonali tagħna li huma komponent ewlieni tal-Patt il-Ġdid, l-UE se tgħin biex jissaħħu l-korpi governattivi u l-istrutturi ta’ governanza tal-migrazzjoni f’pajjiżi terzi u tevita li jitwaqqfu sistemi paralleli mmexxija jew mid-donatur jew mill-fornituri tas-servizzi ta’ riintegrazzjoni. Dan l-appoġġ għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali u tal-fornituri tas-servizzi ta’ riintegrazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni, pereżempju billi jipprovdi taħriġ u jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ politika u operazzjonali, u b’hekk itejjeb is-sostenibbiltà u jnaqqas id-dipendenza fuq il-fornituri esterni u l-finanzjament tad-donaturi. Il-pajjiżi ta’ oriġini se jiġu mħeġġa u appoġġati biex jassumu aktar responsabbiltajiet fl-akkoljenza u l-orjentazzjoni tal-persuni rimpatrijati, pereżempju bl-istabbiliment ta’ punti uniċi ta’ servizz li jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u jikkoordinaw ir-riferimenti għar-riintegrazzjoni u proġetti oħra ta’ żvilupp, bl-involviment xieraq tas-settur privat. L-involviment tal-komunitajiet lokali għandu jiżdied, inkluż billi jinfetħu għan-nies tal-post l-iskemi ta’ riintegrazzjoni bbażati fuq il-komunità.

Dan se jżid ukoll il-koerenza ma’ programmi ta’ żvilupp f’pajjiżi sħab appoġġati mill-UE jew minn donaturi oħra. Fil-livell strateġiku, id-djalogu ta’ sħubija ma’ pajjiżi sħab se jgħin biex jitqiesu l-prijoritajiet strateġiċi fit-tfassil u t-twettiq ta’ programmi ta’ riintegrazzjoni filwaqt li, fil-livell operazzjonali, il-koordinazzjoni aħjar u l-ġestjoni tal-informazzjoni ffaċilitati mill-għodod ta’ riferiment u ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni deskritti fl-istrateġija se jgħinu biex jiġi massimizzat l-użu tar-riżorsi u titjieb il-kwalità tar-riferimenti fil-programmi kollha. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-sitwazzjoni lokali u lid-dinamika biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni.

It-triq ’il quddiem

-Il-Kummissjoni se tintegra u tissimplifika kemm jista’ jkun ir-ritorn u r-riintegrazzjoni fl-attivitajiet ta’ programmar tal-iżvilupp fil-livell nazzjonali u lokali fil-pajjiżi sħab; ir-riferimenti lejn programmi tal-iżvilupp (bħal taħriġ edukattiv tekniku u vokazzjonali u azzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi) għandhom jiżdiedu. F’dan ir-rigward, is-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Delegazzjonijiet tal-UE se jikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi lokali ta’servizzi tar-riintegrazzjoni.

-Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa legali, ta’ politika u operazzjonali għar-riintegrazzjoni fil-pajjiżi sħab.

-Biex titrawwem ir-responsabbiltà tar-riintegrazzjoni minn pajjiżi sħab, il-Kummissjoni, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, se taħdem fi sħubija mal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali ta’ dawk il-pajjiżi biex tippjana u timplimenta l-programmi ta’ riintegrazzjoni.

-Il-Kummissjoni, fejn xieraq bl-appoġġ tal-Frontex, se tappoġġa t-tisħiħ fil-kapaċità tal-pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta’ ritorn volontarju u ta’ riintegrazzjoni.

3.7 Finanzjament għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni

Fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, l-UE kienet attur ewlieni fl-appoġġ għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni, filwaqt li kkumplimentat u appoġġat l-isforzi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE. Huwa stmat li 75 % tal-ispejjeż tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit li qed joperaw iġġarrbu mill-finanzjament tal-UE u l-bqija mill-baġits nazzjonali.

Fiċ-ċiklu finanzjarju ġdid 2021-2027, l-UE se ssaħħaħ ir-rwol tagħha, filwaqt li tqis il-prijoritajiet stabbiliti f’din l-istrateġija u tappoġġa l-implimentazzjoni tagħha fi ħdan il-fondi rilevanti, filwaqt li tiżgura koordinazzjoni matul il-proċess kollu. Permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) għall-2021-2027, il-Kummissjoni se tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jippromwovu ż-żieda fir-ritorni volontarji mill-UE u se tipprovdi finanzjament għal skemi ta’ ritorn volontarju assistit kif ukoll għar-riintegrazzjoni inizjali tagħhom fil-pajjiżi tagħhom. Barra minn hekk, se tiżgura appoġġ finanzjarju għaż-żamma u l-iżvilupp tal-għodod ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, bħall-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni u l-Inventarju ta’ Assistenza għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni, u għall-bini tal-kapaċità fl-Istati Membri. Il-Frontex se tipprovdi appoġġ komplementari f’dan il-qasam permezz tal-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn u ta’ wara r-ritorn li twettaq. L-attivitajiet iffinanzjati mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dawk imwettqa mill-Frontex se jiffokaw prinċipalment fuq l-istadji bikrin ta’ appoġġ għar-riintegrazzjoni u appoġġ speċifiku għal persuni rimpatrijati individwali.

L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) - Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, inkluż billi jassistu lill-migranti u lill-familji tagħhom f’pajjiżi ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni barra mill-UE biex jirritornaw u jintegraw mill-ġdid b’mod volontarju f’pajjiżhom. Mill-baġit totali ta’ EUR 79,5 biljun, b’mod indikattiv 10 % tal-pakkett finanzjarju tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali se jkun iddedikat b’mod partikolari għal azzjonijiet li jappoġġaw il-ġestjoni u l-governanza tal-migrazzjoni, l-ispostament furzat kif ukoll li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat meta dawn ikunu mmirati direttament lejn sfidi relatati mal-migrazzjoni u l-ispostament furzat. Filwaqt li jaħdmu f’komplementarjetà mal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u abbażi ta’ approċċ imfassal għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali, dawn il-fondi se jikkontribwixxu wkoll għar-riintegrazzjoni tal-migranti u l-familji tagħhom li jirritornaw mill-UE, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ strutturi u kapaċitajiet ta’ pajjiżi sħab u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ appoġġ li jibbenefikaw kemm lill-persuni rimpatrijati kif ukoll lill-komunitajiet riċeventi.

Barra minn hekk, l-NDICI - Ewropa Globali u l-IPA III se jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi tal-pajjiżi ta’ oriġini biex iżidu r-responsabbiltà tagħhom tal-attivitajiet ta’ ritorn u riintegrazzjoni li jseħħu fit-territorju tagħhom, inkluż billi jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jirreferu lill-persuni rimpatrijati lejn skemi effettivi ta’ riintegrazzjoni u billi jgħinuhom jiżviluppaw qafas legali u ta’ politika adegwat, kif ukoll l-għodod ta’ informazzjoni u l-istrutturi ta’ koordinazzjoni rilevanti.

Dawn iż-żewġ strumenti ta’ finanzjament se jappoġġaw ukoll lill-pajjiżi terzi rilevanti ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jipprovdu protezzjoni u assistenza għar-ritorn volontarju mit-territorju tagħhom, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-migranti, inklużi l-vulnerabbiltà, il-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li jipprovdu protezzjoni internazzjonali.

Il-Kummissjoni se tqis il-prijoritajiet ta’ din l-istrateġija fl-ipprogrammar tal-inizjattivi differenti tagħha dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoi relatati ma’ pajjiżi sħab u reġjuni individwali. Il-pajjiżi sħab u r-reġjuni speċifiċi li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-forom differenti ta’ appoġġ previsti skont l-istrateġija se jiġu identifikati bħala parti mill-eżerċizzju ta’ programmar.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiffinanzja r-riċerka dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u ssaħħaħ il-bażi tal-evidenza. L-aspettattivi u l-perċezzjonijiet dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni għandhom jiġu eżaminati aktar, flimkien ma’ valutazzjoni fil-fond tal-effettività u s-sostenibbiltà tar-riintegrazzjoni.

It-triq ’il quddiem

-Il-Kummissjoni se tqis l-objettivi ta’ din l-istrateġija fil-programmi pluriennali tal-Istati Membri fil-qafas tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kif ukoll fl-ipprogrammar tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III.

-Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jappoġġaw ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni tal-migranti li jirritornaw mit-territorju tagħhom anke permezz tal-baġits nazzjonali tagħhom.

-Il-Kummissjoni se tappoġġa r-riċerka fil-qasam tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni.

Il-passi li jmiss

Il-promozzjoni tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni hija objettiv strateġiku ewlieni kif stabbilit fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

Il-Kummissjoni, fejn ikun rilevanti, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, l-Istati Membri, il-Frontex, id-delegazzjonijiet tal-UE, il-pajjiżi sħab u l-firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u ta’ organizzazzjonijiet involuti fil-politika dwar il-migrazzjoni, se taħdem b’mod konġunt biex timplimenta l-aspetti kollha ta’ din l-istrateġija biex tiżgura li l-iskemi tal-UE u dawk nazzjonali jkunu mfassla tajjeb u kkoordinati biex jippromwovu u jappoġġaw ir-ritorn volontarju effettiv u uman u programmi ta’ riintegrazzjoni sostenibbli.

Il-ħidma mill-qrib ma’ pajjiżi sħab se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-istrateġija. Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil wera bidla fil-paradigma fl-involviment tal-UE mas-sħab internazzjonali dwar il-migrazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se timpenja ruħha mal-pajjiżi prijoritarji dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni bħala parti minn sħubijiet ta’ migrazzjoni komprensivi, ibbilanċjati, imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku, li jwessgħu u jibnu fuq il-fiduċja li diġà nbniet.

Qafas legali mtejjeb se jkompli jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva ta’ din l-istrateġija. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex isir progress fl-avvanz u fil-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Patt il-Ġdid, inkluża r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Il-mandat estiż tal-Frontex, it-tnedija tal-korp permanenti u ż-żieda tal-kapaċità tiegħu li jappoġġa r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni jridu jiġu massimizzati biex jinkisbu l-objettivi ta’ din l-istrateġija.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija, b’mod partikolari fil-kuntest tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni u f’diskussjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri fil-Kunsill.

(1)

Ir-ritorn volontarju jirreferi għar- ritorn assistit jew indipendenti ta’ individwu lejn pajjiż terz fuq il-bażi tar-rieda ħielsa tal- persuna rimpatrijata ; ir-ritorn furzat jirreferi għall-infurzar ta’ obbligu ta’ ritorn, b’mod partikolari t-trasport fiżiku tal-persuna rimpatrijata lejn pajjiż terz.

(2)

Mill-491 195 ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali li ġew ordnati jirritornaw fl-2019, 142 320 effettivament irritornaw lejn pajjiż terz.

(3)

 COM (2021) 56 final.

(4)

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera.

(5)

Aktar informazzjoni dwar il-qafas tal-UE dwar il-counselling fil-qasam tar-ritorn u l-Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni tiġi pprovduta fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

(6)

Ara pereżempju r-rapport “Learning Lessons from the EUTF”: https://ec.europa.eu/trustfundforafrica/sites/euetfa/files/exec_summary_llii__0.pdf u https://ec.europa.eu/trustfundforafrica/sites/euetfa/files/learning_lessons_from_the_eutf_5.pdf .

(7)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

(8)

Xi dikjarazzjonijiet politiċi, madankollu, jenfasizzaw l-importanza tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni - ara pereżempju l-Aġenda 2030 tan-NU, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-mira 10.7; Patt Globali għall-Migrazzjoni, l-objettiv 21.

(9)

COM(2020) 610 final.

(10)

COM(2018) 634 final.

(11)

COM(2020) 611 final.

(12)

Skont l-Artikolu 3(9) tad-Direttiva 2008/115/KE, “Persuni vulnerabbli tfisser minorenni, minorenni mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali”.

(13)

COM(2020) 614 final.

(14)

 Ir-Regolament (UE) 2020/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 198, 22.6.2020, p. 1.

(15)

 Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011, ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

(16)

 Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1.

(17)

 COM(2020) 614 final.