Brussell, 25.1.2021

COM(2021) 38 final

2021/0021(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 1 . Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tfittex li tiżgura aktar koordinazzjoni fost l-Istati Membri li jkunu qed jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika fil-kuntest tal-pandemija. Ir-Rakkomandazzjoni tistipula b’mod ċar li meta jiġu adottati jew applikati restrizzjonijiet għall-moviment liberu, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni inkarigat lill-Kummissjoni biex bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti fiha fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, u biex tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjonijiet tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn ikun meħtieġ.

Kif innutat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2021 dwar front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19 2 , il-qlib għal sena ġdida x’aktarx jimmarka l-bidu ta’ tmiem il-pandemija tal-COVID-19. Bis-saħħa tax-xjenza pijuniera u sforzi politiċi u industrijali notevoli, dak li normalment isir f’għaxar snin inkiseb f’għaxar xhur, u bit-tnedija tat-tilqim rapidu tal-massa, miljuni ta’ Ewropej issa tlaqqmu kontra l-COVID-19.

Madankollu, filwaqt li l-infezzjonijiet qed jiżdiedu u sakemm it-tilqim jibda jsir fuq l-iskala meħtieġa li taqleb il-mewġa kontra l-pandemija, huma meħtieġa viġilanza kontinwa, miżuri ta’ konteniment u kontrolli tas-saħħa pubblika. L-UE u l-Istati Membri jridu jaġixxu issa biex irażżnu r-riskju tat-tielet mewġa ta’ infezzjonijiet li tista’ tkun aktar ħarxa, ikkaratterizzata minn varjanti tal-virus ġodda aktar trażmissibbli li diġà huma preżenti fl-Ewropa.

Dawn il-varjanti l-ġodda tal-virus 3 huma kawża reali u serja ta’ tħassib. Għalkemm bħalissa ma hemm l-ebda evidenza li dawn jikkawżaw mard aktar gravi, il-varjanti jidhru li huma mal-50–70 % aktar trażmissibbli 4 . Dan ifisser li l-virus jista’ jinfirex aktar faċli u aktar malajr, u dan iżid il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-limiti tagħhom. Din hija probabbilment il-kawża l-għaliex żdiedu b’mod sostanzjali l-każijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri matul dawn l-aħħar ġimgħat.

B’riżultat ta’ dan, l-ivvjaġġar se jkompli jippreżenta sfida partikolari. L-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu, speċjalment lejn u minn żoni ta’ riskju għoli, jenħtieġ li jiġi ferm skoraġġut sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika titjieb b’mod konsiderevoli.

Dan huwa appoġġat mir-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fil-valutazzjoni rapida tar-riskju tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 5 . L-ECDC ivvaluta bħala għolja ħafna l-probabbiltà li l-varjanti li huma ta’ tħassib fl-UE/ŻEE jiġu introdotti u jinxterdu fil-komunità, minħabba ż-żieda fit-trażmissibbiltà tagħhom. Tali żieda fit-trażmissibbiltà x’aktarx li kienet se twassal għal żieda fl-għadd ta’ infezzjonijiet. Imbagħad dan, x’aktarx li kien se jwassal għal rati ogħla ta’ mwiet u ta’ ammissjonijiet fl-isptarijiet fost il-gruppi ta’ kull età, iżda b’mod partikolari dawk fi gruppi ta’ età akbar jew b’komorbiditajiet. Konsegwentement, l-ECDC ikkunsidra li kienu meħtieġa interventi mhux farmaċewtiċi aktar stretti biex titnaqqas it-trażmissjoni u tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa. Għalhekk, l-ECDC qies li l-impatt tal-introduzzjoni u tat-tixrid fil-komunità tal-varjanti huwa għoli. L-ECDC ivvaluta r-riskju ġenerali assoċjat mal-introduzzjoni u l-firxa komunitarja tal-varjanti ta’ tħassib bħala għoli/għoli ħafna.

Sabiex ma jiddaħħlux u ma jixterdux malajr il-varjanti tas-SARS-CoV-2 li jħassbu, l-ECDC irrakkomanda, bħala waħda mill-opzjonijiet ta’ rispons, li l-ivvjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li jiġi evitat. Minbarra r-rakkomandazzjonijiet kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali, u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta’ dawk infettati, jenħtieġ li l-miżuri tal-ivvjaġġar bħall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi jinżammu, b’mod partikolari għall-vjaġġaturi minn żoni b’inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda. Jekk is-sekwenzjar ma jkunx adegwat biex jeskludi l-possibbiltà ta’ inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda, skont il-gwida tal-ECDC dwar is-sekwenzjar ġenomiku, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll miżuri proporzjonati għall-ivvjaġġar minn żoni fejn ikun hemm livell għoli kontinwu ta’ trażmissjoni komunitarja.

Kif previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475, il-Kummissjoni, appoġġata mill-ECDC, kienet qed tivvaluta regolarment il-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-limiti stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi. Minħabba l-isfidi msemmija hawn fuq li jirriżultaw mill-varjanti ta’ tħassib aktar infettivi, il-Kummissjoni tqis li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi adattata.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar proporzjonati u mhux diskriminatorji kif ukoll l-ittestjar tal-vjaġġaturi jenħtieġ li jinżammu jew jissaħħu, b’mod partikolari għal żoni b’inċidenza ogħla ta’ varjanti ta’ tħassib. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwarantina tal-vjaġġaturi, b’eċċezzjonijiet xierqa għal vjaġġaturi ta’ funzjoni essenzjali jew bi ħtiġijiet indispensabbli.

Tali miżuri mmirati għandhom l-għan li jipprevjenu l-ħtieġa li l-fruntieri jingħalqu jew li jseħħu projbizzjonijiet ġenerali fuq l-ivvjaġġar u jiġu sospiżi t-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim tal-ilma bejn l-Istati Membri, li mhumiex iġġustifikati peress li miżuri aktar immirati għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas tħarbit. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” 6  għandha żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija, u b’hekk jiġi evitat it-tħarbit fil-katina tal-provvista.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din ir-rakkomandazzjoni sservi biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mar-restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din ir-rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni, inklużi dawk li jirrigwardaw is-saħħa pubblika u l-kontrolli fil-fruntieri interni

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 21(2), 168(6) u 292.

Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Artikolu 292 TFUE jippermetti li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha meta t-Trattati jipprevedu li għandu jadotta atti fuq proposta mill-Kummissjoni.

Dan japplika fis-sitwazzjoni attwali, peress li meħtieġ approċċ konsistenti biex tiġi evitata aktar konfużjoni kkawżata minn miżuri unilaterali u mhux ikkoordinati biżżejjed li jirrestrinġu l-moviment liberu fl-Unjoni. L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Jekk ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Unjoni biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

Skont l-Artikolu 168(6), il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta wkoll rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati x’aktarx twassal għal restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li jkunu inkonsistenti u frammentati, u dan jirriżulta f’inċertezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-UE. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv maħsub.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li saru f’intervalli regolari mal-Istati Membri minn mindu ġew implimentati l-ewwel restrizzjonijiet temporanji, l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti.

Valutazzjoni tal-impatt

mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru restrizzjonijiet f’dawk il-każijiet fejn ikun meħtieġ biss u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew fejn hemm il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi r-restrizzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.

Kull restrizzjoni għall-moviment liberu fl-Unjoni li tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika trid tkun meħtieġa, proporzjonata u bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Kull restrizzjoni trid tkun xierqa biex jinkiseb l-objettiv li mixtieq jintlaħaq; u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dan l-objettiv jintlaħaq.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Xejn.

2021/0021 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 7 . Ir-rakkomandazzjoni stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri miftiehem, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.

(2)Bl-użu tal-kriterji u l-limiti stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ilu jippubblika, darba fil-ġimgħa, mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri 8 .

(3)Kif previst fil-premessa 26 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk għandhomx jitqiesu kriterji oħra, bħar-rati ta’ ospitalizzazzjoni jew ir-rati ta’ okkupanza fl-unitajiet tal-kura intensiva fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi.

(4)Żewġ fatturi għandhom impatt fuq l-iżvilupp attwali tal-pandemija. Minn naħa waħda, mill-bidu tal-2021, beda jiġi varat it-tilqim tal-massa, u miljuni ta’ Ewropej diġà tlaqqmu kontra l-COVID-19. Madankollu, kif innutat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19 9 , filwaqt li l-infezzjonijiet qed jiżdiedu u sakemm it-tilqim jiġi amministrat fuq l-iskala meħtieġa biex tinqaleb il-folja tal-pandemija, se jkunu meħtieġa viġilanza kontinwa, miżuri ta’ trażżin u kontrolli tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, l-UE u l-Istati Membri jridu jaġixxu biex irażżnu r-riskju tal-mewġa li jmiss ta’ infezzjonijiet, li tista’ tkun aktar ħarxa, ikkaratterizzata minn varjanti tal-virus SARS-CoV-2 ġodda aktar trażmissibbli li diġà qegħdin fl-Ewropa.

(5)Dan l-aħħar tfaċċaw varjanti ġodda tal-virus, u dan huwa ta’ tħassib kbir. Filwaqt li bħalissa ma hemm l-ebda evidenza li dawn jikkawżaw mard aktar gravi, il-varjanti jidhru li huma mal-50–70 % aktar trażmissibbli 10 . Dan ifisser li l-virus jista’ jinfirex aktar faċli u aktar malajr, u dan iżid il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-limiti tagħhom. Dan hija probabbilment il-kawża l-għaliex żdiedu b’mod sostanzjali l-każijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri matul dawn l-aħħar ġimgħat.

(6)Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, fl-aħħar valutazzjoni tar-riskju tiegħu dwar it-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE 11 ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu, jiddikjara li r-riskju assoċjat mal-introduzzjoni u t-tixrid komunitarju tal-varjanti ta’ tħassib żdied għal għoli/għoli ħafna.

(7)Bħala waħda mill-opzjonijiet ta’ rispons għal dan ir-riskju, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jirrakkomanda li sabiex ma jiddaħħlux u ma jixterdux malajr il-varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu, l-ivvjaġġar mhux essenzjali jenħtieġ li jiġi evitat. Minbarra r-rakkomandazzjonijiet kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali, u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta’ dawk infettati, jenħtieġ li l-miżuri tal-ivvjaġġar bħall-ittestjar u l-kwarantina tal-vjaġġaturi jinżammu, b’mod partikolari għall-vjaġġaturi minn żoni b’inċidenza ogħla ta’ varjanti ġodda. Jekk is-sekwenzjar jkun għadu insuffiċjenti biex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ inċidenza ogħla tal-varjanti l-ġodda, skont il-gwida tal-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar is-sekwenzjar ġenomiku, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll miżuri proporzjonati għall-ivvjaġġar minn żoni fejn ikun hemm livell għoli kontinwu ta’ trażmissjoni komunitarja.

(8)Għaldaqstant, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(9)Sabiex jitqies il-livell ferm għoli ta’ trażmissjoni fil-komunità, possibbilment marbut maż-żieda fit-trażmissibbiltà tal-varjanti l-ġodda ta’ tħassib, jenħtieġ li jiżdied kulur ġdid, l-aħmar skur, fil-mappa ppubblikata ta’ kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Dan il-kulur jenħtieġ li jindika ż-żoni fejn il-virus qed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, anki minħabba l-varjanti ta’ tħassib aktar infettivi.

(10)Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll il-prevalenza tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar front magħqud biex tingħeleb il-COVID-19 tenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu b’mod urġenti s-sekwenzjar tal-ġenomi għal 5-10 % tar-riżultati tat-testijiet pożittivi, jekk ikun meħtieġ billi jużaw il-kapaċità taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex jidentifikaw il-progress tal-varjanti jew biex jidentifikaw oħrajn ġodda.

(11)Il-livell għoli ta’ trażmissjoni komunitarja fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jfisser li l-ivvjaġġar se jkompli jippreżenta sfida partikolari. L-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu, speċjalment lejn u minn żoni ta’ riskju għoli, jenħtieġ li jiġi ferm skoraġġut sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika titjieb b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari minħabba li faqqgħu l-varjanti l-ġodda. Minħabba li r-riskju ta’ infezzjoni jew ta’ trażmissjoni huwa simili għall-ivvjaġġar domestiku u transfruntier, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw koerenza bejn il-miżuri applikati għaż-żewġ tipi ta’ vjaġġar mhux essenzjali.

(12)Fil-konklużjonijiet orali li ħarġu wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 12 , il-President tal-Kunsill Ewropew innota li jeħtieġ li l-fruntieri jibqgħu miftuħin biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq uniku, inkluż il-fluss ta’ oġġetti u servizzi essenzjali. Ma għandhomx jiġu imposti projbizzjonijiet indiskriminati fuq l-ivvjaġġar. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri li jirrestrinġu l-ivvjaġġar mhux essenzjali fl-UE biex titrażżan il-firxa tal-virus. Il-Kunsill, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tiegħu, jista’ jkollu bżonn jirrevedi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-ivvjaġġar intra-UE u l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fid-dawl tar-riskji li l-varjanti l-ġodda tal-virus qed joħolqu.

(13)Approċċ koordinat għandu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. L-għeluq tal-fruntieri jew il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar b’mod ġenerali, kif ukoll is-sospensjoni tat-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim tal-ilma, mhumiex ġustifikati, peress li miżuri aktar immirati, bħall-kwarantina obbligatorja jew l-ittestjar, għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas tħarbit. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” 13 għandha żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, u b’hekk jiġi evitat it-tħarbit fil-katina tal-provvista.

(14)Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni trid tkompli tiġi applikata f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni, inkluż abbażi tan-nazzjonalità. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe miżura li tittieħed ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika. Informazzjoni ċara, f’waqtha u komprensiva lill-pubbliku tibqa’ kruċjali sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza legali u l-konformità miċ-ċittadini. Ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu infurzati b’mod adegwat u kwalunkwe sanzjoni stabbilita jenħtieġ li tkun effettiva u proporzjonata.

(15)Fit-11 ta’ Jannar 2020, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa qabel dwar rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward il-miżuri ta’ iżolament għall-pazjenti bil-COVID-19 u l-miżuri ta’ kwarantina għal min kellu kuntatt u għall-vjaġġaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa 14 rigward il-miżuri ta’ kwarantina għall-vjaġġaturi jenħtieġ li jiġu applikati mill-Istati Membri meta jimponu kwarantina relatata mal-ivvjaġġar. B’mod partikolari, fejn jiġu imposti rekwiżiti ta’ kwarantina għall-ivvjaġġar minn żona ta’ riskju għoli, għandu jitqies it-tqassir tal-perjodu ta’ kwarantina meħtieġ jekk jinkiseb test negattiv wara ħamest ijiem jew sebgħa mid-dħul, dejjem jekk il-vjaġġatur ma jiżviluppax xi sintomi.

(16)Minħabba ż-żieda fil-kapaċità tal-ittestjar tal-COVID-19, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 jenħtieġ li tiġi emendata biex l-Istati Membri jingħataw l-opzjoni li jobbligaw lill-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni mhux ikklassifikati bħala “ħodor” biex jagħmlu test qabel it-tluq.

(17)Fid-dawl tal-livell għoli ta’ trażmissjoni komunitarja f’żoni li għadhom iridu jiġu kklassifikati bħala “ħomor skuri”, il-persuni li jivvjaġġaw minn żoni bħal dawn għal raġunijiet mhux essenzjali għandhom jiġu obbligati jagħmlu test qabel it-tluq kif ukoll kwarantina, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, wara li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Meta l-vjaġġaturi ma jkunux fi kwarantina fil-post ta’ residenza tagħhom, għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet fiżiċi xierqa fil-post ta’ kwarantina kif ukoll għandhom jiġu żgurati l-protezzjoni u l-għoti ta’ kura lit-tfal f’kundizzjonijiet ta’ kwarantina, u dawn għandhom ikunu konformi mal-Linji Gwida tad-WHO 15 .

(18)Meta persuni li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ma jkunux jistgħu jagħmlu test qabel it-tluq, dawn għandhom jitħallew jagħmlu test wara li jaslu, sabiex jiġi evitat li jiġu impeduti milli jirritornaw lejn djarhom.

(19)Minħabba l-livell għoli ta’ infezzjonijiet f’żoni “ħomor skuri”, jenħtieġ li l-vjaġġaturi essenzjali jkunu obbligati wkoll jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 u joqogħdu kwarantina, dment li dan ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet jew il-ħtiġijiet essenzjali tagħhom, pereżempju għax il-popolazzjoni ġenerali fid-destinazzjoni se tkun esposta għall-vjaġġatur b’mod limitat ħafna. Meta Stat Membru, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, xorta jirrikjedi testijiet għall-ħaddiema tat-trasport u għall-fornituri tas-servizzi, dan ma għandux iwassal għal tħarbit fit-trasport 16 . Biex jinżammu l-ktajjen tal-provvista, ir-rekwiżiti ta’ kwarantina jenħtieġ li ma japplikawx għall-persunal tat-trasport waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.

(20)Ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar transfruntier iħarbtu b’mod partikolri lill-persuni li jaqsmu l-fruntieri kuljum jew ta’ spiss biex imorru għax-xogħol jew għall-iskola, iżuru qraba stretti, għall-kura medika, jew biex jieħdu ħsieb l-għeżież tagħhom. Jenħtieġ li dawn il-persuni ma jkunux obbligati joqogħdu kwarantina meta jaqsmu l-fruntieri għal dan l-għan essenzjali, minħabba t-tħarbit sinifikanti li dan jikkawża għall-ħajja u l-għajxien tan-nies kif ukoll għall-ekonomija kollha kemm hi. Sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun komparabbli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, ma jidhirx li huwa meħtieġ li dawn il-persuni jagħmlu testijiet frekwenti sempliċement għax jaqsmu l-fruntiera. Il-koordinazzjoni mill-qrib fost l-Istati Membri u r-reġjuni transfruntieri se tibqa’ partikolarment importanti.

(21)Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tkompli tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra jew jekk jenħtieġx li jiġu adattati livelli limitu, u tibgħat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn ikun meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 hija emendata kif ġej:

1.L-ittra (c) tal-punt 10 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(c) bl-aħmar, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun bejn 50 u 150 u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta’ 4 % jew aktar, jew jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun aktar minn 150 iżda anqas minn 500,

2.Fil-punt 10 tiddaħħal l-ittra (ca) li ġejja:

“(ca) bl-aħmar skur, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tal-każijiet tal-COVID-19 innotifikati tkun 500 jew aktar;”.

3.L-ittra (a) tal-punt 13 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(a) jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw id-differenzi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika bejn iż-żoni kklassifikati bħala “oranġjo”, “ħomor” jew “ħomor skuri” u jaġixxu b’mod proporzjonat;”.

4.L-ittra (d) tal-punt 13 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(d) jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-istrateġiji tal-ittestjar u jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ żoni b’rati għoljin ta’ ttestjar;”.

5.Fil-punt 13 tiddaħħal l-ittra (e) li ġejja:

“(e) jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-prevalenza tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 li jħassbu.

6.Il-punt 16a li ġej jiddaħħal wara l-intestatura “Qafas komuni fir-rigward ta’ miżuri possibbli għal vjaġġaturi li ġejjin minn żoni ta’ riskju ogħla”:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskoraġġixxu bil-qawwa kull vjaġġar mhux essenzjali lejn u minn żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri” u jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u minn żoni kklassifikati bħala “ħomor” skont il-punt 10. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw koerenza bejn il-miżuri meħuda rigward l-ivvjaġġar transfruntier u l-ivvjaġġar fit-territorju tal-Istati Membri stess.

Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu li jevitaw tħarbit fl-ivvjaġġar essenzjali, u jżommu l-flussi tat-trasport mexjin f’konformità mas-sistema tal-“Korsiji Ħodor” kif ukoll jevitaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista u l-moviment tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jivvjaġġaw għal raġunijiet professjonali jew ta’ negozju.”.

7.L-ittri (a) u (b) tal-punt 17 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a) joqogħdu kwarantina kif rakkomandat mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa 17 ; u/jew

(b) jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel ma jsiefru jew wara li jaslu. Dan jista’ jkun jew test tal-RT-PCR jew test rapidu tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE 18 .”.

8.Fil-punt 17, jitħassar is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu joffru lill-vjaġġaturi l-għażla li jissostitwixxu t-test imsemmi fl-ittra (b) b’test għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettaq qabel il-wasla.”.

9.Fil-punt 17, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru kapaċità suffiċjenti ta’ ttestjar u jaċċettaw iċ-ċertifikati elettroniċi tat-testijiet, filwaqt li jiżguraw li dan ma jnaqqasx mill-għoti ta’ servizzi essenzjali tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-laboratorji.”.

10.Jiddaħħal il-punt 17 a li ġej:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata bħala “ħamra skura” skont il-punt 10(ca) jagħmlu kemm it-test għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel jaslu kif ukoll joqogħdu kwarantina kif rakkomandat mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, iżommu jew jirrinforzaw l-interventi mhux farmaċewtiċi, b’mod partikolari f’żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri”, isaħħu l-isforzi tal-ittestjar u tat-traċċar tal-kuntatti u jżidu l-livell ta’ sorveljanza u ta’ sekwenzjar ta’ kampjun rappreżentattiv tal-każijiet tal-COVID-19 fil-komunità, sabiex jikkontrollaw il-firxa u l-impatt tal-varjanti emerġenti tas-SARS-CoV-2 li għandhom aktar trażmissibbiltà.”.

11.Jiddaħħal il-punt 17b li ġej:

“Jenħtieġ li l-Istati Membri joffru lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom l-opzjoni li flok jagħmlu t-test ta’ qabel il-wasla msemmi fil-punti 17(b) u 17a, jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 wara li jaslu, flimkien ma’ kull rekwiżit ta’ kwarantina applikabbli.”.

12.Jiddaħħal il-punt 19 a li ġej:

“Skont il-punt 17a, il-vjaġġaturi b’funzjoni essenzjali jew li jeħtieġu jivvjaġġaw minn żona “ħamra skura” jenħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittestjar u joqogħdu kwarantina, dment li dan ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-eżerċizzju tal-funzjoni jew ħtiġijiethom.

B’deroga, il-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport, skont il-punt 19(b), jenħtieġ li fil-prinċipju ma jkunux obbligati jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 f’konformità mal-punti 17(b) u 17a. Meta Stat Membru jesiġi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport għandhom jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, għandhom jintużaw it-testijiet rapidi tal-antiġeni, u dan ma għandux jwassalx għal tħarbit fit-trasport. Jekk iseħħ tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu jew iħassru immedjatament kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan sabiex jippreservaw il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”. Il-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport ma għandhomx ikunu obbligati joqogħdu kwarantina f’konformità mal-punti 17 (a) u 17a waqt li jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.”.

13.Jiddaħħal il-punt 19b li ġej:

“L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li persuni li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera u li jivvjaġġaw minn naħa għal oħra tal-fruntiera ta’ kuljum jew frekwentement għal skopijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew biex jindokraw lil ħaddieħor joqogħdu kwarantina. Jekk jiġi introdott ir-rekwiżit tal-ittestjar għall-ivvjaġġar transfruntier f’dawn ir-reġjuni, il-frekwenza tat-testijiet fuq dawn il-persuni jenħtieġ li tkun proporzjonata. Jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tkun simili, ma għandu jiġi impost l-ebda rekwiżit tal-ittestjar relatat mal-ivvjaġġar. Persuni li jsostnu li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt jistgħu jintalbu jipprovdu evidenza dokumentarja jew jippreżentaw dokument ġustifikattiv għal dan il-għan.”.

14.Il-punt 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kwalunkwe miżura applikata għall-persuni li jaslu minn żona kklassifikata bħala “ħamra skura”, “oranġjo” jew “griża” skont il-punt 10 ma tistax tkun diskriminatorja, jiġifieri jenħtieġ li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jkunu qed jirritornaw.”.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(2)    COM(2021) 35 final.
(3)    Il-varjanti “B117” u “501Y.V2”.
(4)    ECDC Risk Assessment: Risk related to spread of new SARS-CoV-2 variants of concern in the EU/EEA (Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Ir-riskju relatat mat-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu).
(5)    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Risk related to spread of new SARS-CoV-2 variants of concern in the EU/EEA (Ir-riskju relatat mat-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu), l-ewwel aġġornatment – il-21 ta’ Jannar 2021. ECDC: Stokkolma; 2021. Disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-risk-related-to-spread-of-new-SARS-CoV-2-variants-EU-EEA-first-update.pdf
(6)    Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar li naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19, COM(2020) 685 final, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant SARS-COV-2 osservat fir-Renju Unit, ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72.
(7)    ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(8)    Disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/weekly-maps-coordinated-restriction-free-movement  
(9)    COM(2021) 35 final.
(10)    ECDC Risk Assessment: Risk related to spread of new SARS-CoV-2 variants of concern in the EU/EEA (Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Ir-riskju relatat mat-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 li jħassbu), disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/covid-19-risk-assessment-spread-new-sars-cov-2-variants-eueea  
(11)    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Ir-riskju relatat mat-tixrid fl-UE/fiż-ŻEE ta’ varjanti tas-SARS-CoV-2 ġodda li jħassbu, l-ewwel aġġornatment – il-21 ta’ Jannar 2021. ECDC: Stokkolma; 2021. Disponibbli fuq: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-risk-related-to-spread-of-new-SARS-CoV-2-variants-EU-EEA-first-update.pdf  
(12)    Il-konklużjonijiet orali magħmula mill-President Charles Michel wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Jannar 2021, disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2021/01/21/oral-conclusions-by-president-charles-michel-following-the-video-conference-of-the-members-of-the-european-council-on-21-january-2021/  
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar li naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19, COM(2020) 685 final, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant SARS-COV-2 osservat fir-Renju Unit, ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72.
(14)    Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward l-iżolament tal-pazjenti bil-COVID-19 u l-kwarantina għal min kellu kuntatt u l-vjaġġaturi, maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fil-11 ta’ Jannar 2020, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/hsc_quarantine-isolation_recomm_en.pdf
(15)    Numru ta’ referenza tad-WHO: WHO/2019-nCoV/IHR_Quarantine/2020.3. Disponibbli fuq: https://www.who.int/publications/i/item/considerations-for-quarantine-of-individuals-in-the-context-of-containment-for-coronavirus-disease-(covid-19)  
(16)    Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit, ĠU L 436, 28.12.2020, p. 72.
(17)    Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward l-iżolament tal-pazjenti bil-COVID-19 u l-kwarantina għal min kellu kuntatt u għall-vjaġġaturi, maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fil-11 ta’ Jannar 2020, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/hsc_quarantine-isolation_recomm_en.pdf  
(18)     https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5451-2021-INIT/mt/pdf