Brussell, 19.1.2021

COM(2021) 35 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Front magħqud biex negħlbu l-COVID-19


INTRODUZZJONI

Aktarx li l-bidu tas-sena jimmarka l-bidu tat-tmiem tal-pandemija tal-COVID-19. Bis-saħħa ta’ xjenza pijuniera u sforzi politiċi u industrijali notevoli, dak li normalment isir f’għaxar snin intlaħaq f’għaxar xhur u, bl-introduzzjoni ta’ tilqim tal-massa rapidu, miljuni ta’ Ewropej issa tlaqqmu kontra l-COVID-19.

Madankollu, filwaqt li l-infezzjonijiet qed jiżdiedu u sakemm it-tilqim isir fuq livell meħtieġ biex ireġġa’ lura l-effetti tal-pandemija, se jkunu meħtieġa viġilanza, miżuri ta’ konteniment u kontrolli tas-saħħa pubblika kontinwi. L-UE u l-Istati Membri jridu jaġixxu issa biex irażżnu r-riskju tat-tielet mewġa potenzjalment aktar ħarxa ta’ infezzjonijiet, ikkaratterizzata minn varjanti ġodda aktar trażmissibbli tal-virus, li diġà huma preżenti madwar l-Ewropa.

Bit-tama u s-serjetà li jġib miegħu dan kollu, irid ikun hemm determinazzjoni mġedda u magħquda biex l-Ewropa taġixxi flimkien sabiex:

ØJitħaffu t-tilqim u l-forniment tal-vaċċini

ØJiżdiedu l-ittestjar u s-sekwenzjar għall-kontroll tal-infezzjonijiet u ta’ varjanti ġodda

ØJiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Uniku

ØJintwerew tmexxija u solidarjetà internazzjonali u solidarjetà ma’ sħabha

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta d-deċiżjonijiet u l-approċċ ikkoordinat meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-erba’ prijoritajiet fil-Laqgħa tal-Mexxejja fil-21 ta’ Jannar. Din tibni fuq l-esperjenza tal-aħħar ġimgħat, l-aktar pariri xjentifiċi riċenti u l-Komunikazzjoni “Nipproteġu ruħna mill-COVID-19 fix-xitwa” li ġiet adottata f’Diċembru.

F’tellieqa kontra l-ħin, azzjoni flimkien issa tgħinna nipproteġu aktar ħajjiet u għajxien aktar tard u ntaffu l-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema li diġà jinsabu taħt pressjoni. B’hekk l-Ewropa timxi flimkien għall-bidu tat-tmiem tal-pandemija.

1.Inħaffu t-tilqim

L-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini rnexxielha tiggarantixxi l-kwantità u l-kwalità tal-vaċċini meħtieġa għall-Istati Membri. Dan sar bl-appoġġ tal-iżvilupp tagħhom, bit-tħeġġiġ għall-produzzjoni tagħhom, u bl-akkwist tal-provvista tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea bniet fuq is-saħħa tan-negozjar ta’ 27 Stat Membru u 450 miljun ruħ biex setgħet tiggarantixxi 2,3 biljun doża bħala parti mill-usa’ portafoll ta’ vaċċini siguri u sikuri kontra l-COVID-19 fid-dinja.

Dan l-approċċ Ewropew se jippermetti li jitlaqqmu aktar minn biljun ruħ fl-Ewropa, fil-viċinat tagħha u lil hinn. Il-vaċċini BioNTech/Pfizer u Moderna waħidhom, li diġà ġew awtorizzati, jipprovdu dożi għal 380 miljun ruħ, jew aktar minn 80 % tal-popolazzjoni tal-UE. L-iskrutinju espert tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jiggarantixxi s-sikurezza tal-vaċċini kollha. Bħalissa l-EMA qed tivvaluta t-tielet vaċċin – Oxford/AstraZeneca – u mistennija tieħu deċiżjoni sal-aħħar tax-xahar. Bdiet rieżami kontinwu tal-vaċċin ta’ Johnson & Johnson.

Aktar tilqim, aktar malajr

It-tilqim tal-Ewropej beda matul il-Jiem Ewropej tat-Tilqim mis-27 sad-29 ta’ Diċembru 2020. Minn dakinhar, l-Istati Membri rċevew aktar minn 13-il miljun doża (12,25-il miljun doża minn BioNTech-Pfizer u 850 000 doża minn Moderna) abbażi ta’ koeffiċjent tad-distribuzzjoni tal-popolazzjoni pro rata u ngħataw aktar minn 5 miljun tilqima fl-UE.

Filwaqt li kull Stat Membru jlaqqam f’konformità mal-istrateġija tiegħu stess, huwa importanti li l-isforzi tat-tilqim fl-Ewropa jibqgħu fil-biċċa l-kbira sinkronizzati – kemm minħabba raġunijiet marbuta mas-saħħa kif ukoll minħabba raġunijiet tas-Suq Uniku. Madankollu, data bikrija turi differenzi bejn l-Istati Membri fil-persentaġġ tal-persuni mlaqqma, b’firxa minn aktar minn 2 % għal inqas minn 0,5 %. Filwaqt li għadu kmieni wisq, huwa importanti li jinżamm rekord tal-progress, u f’dan l-ispirtu l-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard 1 se jistabbilixxu sistema li timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tat-tilqim biex jappoġġaw introduzzjoni rapida u effiċjenti fl-Istati Membri kollha.

It-tilqim mhuwiex tellieqa bejn il-pajjiżi iżda tellieqa kontra l-ħin. Hekk kif jinfirxu varjanti ġodda, it-tħaffif fil-pass tal-amministrazzjoni tal-vaċċini jsir dejjem aktar importanti. It-tilqim jirrikjedi sett kumpless ta’ passi ta’ ġestjoni u loġistiċi, kif ukoll tħejjija biex dawn jiżdiedu f’konformità maż-żieda fil-provvista. Dawn jinkludu ħażniet adegwati, sistemi effettivi għall-ġestjoni tal-appuntamenti, l-organizzazzjoni ta’ postijiet u faċilitajiet għal tilqim tal-massa, it-tħejjija ta’ ħżin fil-kesħa meħtieġ, u t-taħriġ ta’ aktar persunal. Il-Kummissjoni tappoġġa dan billi taħdem mal-kumpaniji biex tiżviluppa skeda trasparenti u ċara tal-konsenja tal-vaċċini differenti. Assigurat linja tal-provvista ta’ tagħmir mediku vitali meħtieġ għat-tilqim permezz tal-Akkwist Konġunt tal-UE, li minnu l-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu l-ordnijiet tagħhom.

Huwa essenzjali li jkun hemm miri konkreti biex jiġi garantit sforz ambizzjuż ta’ tilqim. Dak li jitkejjel, isir:

ØSa Marzu 2021, l-Istati Membri għandhom ikunu laqqmu minimu ta’ 80 % tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa u soċjali u tal-persuni ’l fuq minn 80 sena.

ØSas-sajf tal-2021, l-Istati Membri għandhom ikunu laqqmu minimu ta’ 70 % tal-popolazzjoni adulta.

Bħala bidu, l-ilħiq ta’ dawn iż-żewġ miri jnaqqas ir-rati tal-mewt u tal-ammissjonijiet fl-isptar, inaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u mbagħad ipoġġi lill-Ewropa fit-triq it-tajba għall-immunità kollettiva, u jgħinna nipproteġu lil dawk li ma jistgħux jitlaqqmu u jipproteġina kontra t-tixrid tal-virus. Varar b’suċċess tal-vaċċini jgħin ukoll biex l-ekonomija tal-Ewropa titpoġġa fit-triq solida għall-irkupru.

Inżidu l-produzzjoni tal-vaċċini, il-provvisti u l-informazzjoni

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, jeħtieġ li nżidu l-provvista tal-vaċċini. Il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI appoġġaw kontinwament iż-żieda tal-kapaċitajiet tal-manifattura fl-UE permezz tal-Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem u s-self tal-BEI. Se jkomplu jaħdmu mal-manifatturi biex jimmassimizzaw il-kapaċità tal-produzzjoni fl-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogu strutturat mal-atturi fil-katina tal-valur tal-manifattura tal-vaċċini. L-appoġġ jista’ jieħu forom differenti, bħall-appoġġ għall-investiment għall-impjanti tal-manifattura, it-tħeġġiġ u l-iffaċilitar, fejn meħtieġ, ta’ ftehimiet bejn il-manifatturi biex jadattaw il-faċilitajiet tagħhom għal skop differenti u jipproduċu l-vaċċini approvati ta’ xulxin u jespandu aktar il-kapaċitajiet permezz tal-manifattura b’kuntratt. Dan se jgħin ukoll biex tingħeleb kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-katina tal-provvista.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mal-kumpaniji biex jiggarantixxu li l-produzzjoni l-ġdida tkun effettiva malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-EMA biex tħaffef il-proċess tal-approvazzjoni għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni l-ġodda. L-ECDC se juża l-ittestjar tal-istress biex jidentifika l-passi loġistiċi ta’ suċċess – bħal kif jiġu stabbiliti ċentri ta’ tilqim u kif għandhom jitmexxew sistemi elettroniċi ta’ prenotazzjoni – biex jittieħed kont ta’ prattiki tajba u pariri prattiċi disponibbli għall-Istati Membri.

L-EMA u l-ECDC se jappoġġaw dan kollu billi jwettqu u jikkoordinaw studji mifruxa madwar l-UE kollha dwar is-sikurezza u l-effettività tal-vaċċini kontra l-COVID-19. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika u prattiki tajba, li jinvolvi l-Pjattaforma ta’ Konsulenza Xjentifika tal-UE dwar il-COVID-19.

Il-komunikazzjoni ċara u kontinwa dwar l-importanza u s-sikurezza tal-vaċċini għadha essenzjali biex tiġi indirizzata l-eżitazzjoni għall-vaċċini u jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni.

Dokumentazzjoni tat-tilqim u rikonoxximent reċiproku

Aktar ma jitlaqqmu nies, aktar isir ta’ importanza kbira li jkun hemm dokumentazzjoni u rikonoxximent reċiproku tat-tilqim. Iċ-ċertifikati tat-tilqim jippermettu li jkun hemm rekord ċar tal-istorja tat-tilqim ta’ kull individwu, biex jiġu żgurati segwitu mediku xieraq kif ukoll il-monitoraġġ ta’ effetti negattivi possibbli. Approċċ komuni tal-UE għal ċertifikati fdati, affidabbli u verifikabbli jippermetti li n-nies jużaw ir-rekords tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalkemm huwa prematur li jiġi previst l-użu taċ-ċertifikati tal-vaċċini għal skopijiet oħra għajr il-protezzjoni tas-saħħa, approċċ tal-UE jista’ jiffaċilita applikazzjonijiet transfruntiera oħra ta’ dawn iċ-ċertifikati fil-futur.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fuq iċ-ċertifikati tat-tilqim li jistgħu jiġu rikonoxxuti u użati f’sistemi tas-saħħa madwar l-UE f’konformità sħiħa mal-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE – u jiġu applikati globalment permezz tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. In-Network e-Saħħa se jiddefinixxi s-sett tad-data minimu meħtieġ għal dawn iċ-ċertifikati fil-livell tal-UE, inkluż identifikatur uniku u qafas xieraq ta’ fiduċja li jiggarantixxu l-privatezza u s-sigurtà. Din il-ħidma għandha tkun lesta sal-aħħar ta’ Jannar 2021 u tiġi ppreżentata fid-WHO bħala standard universali possibbli.

AZZJONIJIET EWLENIN

·L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri għat-tilqim ta’ minimu ta’ 80 % tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa u soċjali u tal-persuni ’l fuq minn 80 sena sa Marzu 2021 u minimu ta’ 70 % tal-popolazzjoni adulta totali sas-sajf.

·Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-EMA se jaħdmu mal-kumpaniji biex jimmassimizzaw il-kapaċità tal-manifatturi tal-vaċċini;

·Abbażi tad-data li għandhom jagħtu l-Istati Membri, l-ECDC se jippubblika l-aħħar informazzjoni dwar id-dożi riċevuti u mogħtija darbtejn fil-ġimgħa;

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-manifatturi tal-vaċċini biex tippubblika u taġġorna l-iskedi tal-konsenja.

·Jintlaħaq ftehim dwar approċċ komuni għaċ-ċertifikati tat-tilqim sal-aħħar ta’ Jannar 2021 biex iċ-ċertifikati tal-Istati Membri jkunu jistgħu jintużaw malajr fis-sistemi tas-saħħa madwar l-UE u lil hinn;

·Il-Kummissjoni tistabbilixxi studji fuq skala kbira madwar l-UE kollha dwar is-sikurezza u l-effettività tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

·L-ECDC jiżviluppa rekord tal-pariri loġistiċi ttestjati għall-istress biex jintużaw mill-Istati Membri.

2.Nindirizzaw il-varjanti

It-tfaċċar riċenti ta’ varjanti ġodda tal-virus 2 huwa kawża reali ta’ tħassib. Filwaqt li attwalment m’hemm l-ebda evidenza li dawn jikkawżaw mard aktar sever, jidher li l-varjanti huma bejn 50 % u 70 % aktar trażmissibbli 3 . Dan ifisser li l-virus jista’ jinfirex aktar faċilment u aktar malajr, u jżid il-piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa li huma taħt wisq pressjoni. Din hija kawża waħda probabbli għaż-żidiet sostanzjali fil-każijiet f’ħafna mill-Istati Membri matul dawn l-aħħar ġimgħat.

Figura 1. Kronoloġija tal-każijiet pożittivi tal-COVID-19, li tissuġġerixxi li hemm it-tielet mewġa 4 .

It-tfaċċar ta’ varjanti riċenti qajjem tħassib ukoll dwar l-impatti potenzjali fuq l-effettività tal-vaċċini. Bħalissa m’hemm l-ebda evidenza li l-varjanti jnaqqsu l-protezzjoni li joffri xi vaċċin li jinsab bħalissa fis-suq jew fil-Fażi III tal-provi kliniċi. Madankollu, huwa importanti li s-sitwazzjoni tiġi mmonitorjata mill-qrib u li jittieħdu passi issa biex jitnaqqas iż-żmien għall-iżvilupp li huwa meħtieġ jekk ikun meħtieġ li l-vaċċini jiġu mmodifikati. Il-manifatturi tal-vaċċini għandhom ikunu lesti biex jipprovdu d-data rilevanti lill-EMA biex jitħaffef il-proċess jekk ikun meħtieġ.

Inħaffu s-sekwenzjar ġenomiku

Il-ħeffa li biha jiġu identifikati l-varjanti hija importanti biex tiġi identifikata t-theddida tagħhom u r-rispons ta’ politika meħtieġ. Is-sekwenzjar ġenomiku jippermetti l-intraċċar tal-bidliet fil-ġenomi virali, u dan huwa importanti biex nifhmu l-progress tal-virus u biex niskrinjaw għal varjanti ġodda. Jista’ jgħin biex jiġu identifikati l-varjanti, li jżidu r-riskju billi jinfirxu aktar malajr jew billi jkollhom sintomi aktar severi.

Jenħtieġ b’mod urġenti li l-UE tħaffef is-sekwenzjar. Bħalissa Stat Membru wieħed biss qed jittestja aktar minn 1 % tal-kampjuni, filwaqt li l-oħrajn kollha mhumiex qed jagħmlu biżżejjed sekwenzjar, jew xejn affattu. Din ir-rata ta’ sekwenzjar mhijiex biżżejjed biex tiġi identifikata l-progressjoni tal-varjanti jew biex jiġu identifikati oħrajn ġodda. L-ECDC bħalissa qed jiżviluppa linji gwida speċifiċi għas-sekwenzjar, li huma mfassla apposta għal kull varjant ġdid. Din il-ħidma tiddependi fuq it-tqassim tad-data mis-sekwenzjar ġenomiku fl-UE u mas-sħab internazzjonali.

L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jilħqu kapaċità ta’ sekwenzjar ta’ mill-inqas 5 % - u preferibbilment 10 % - tar-riżultati pożittivi tat-testijiet. Għandu jitnaqqas id-dewmien fir-riżultati u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li din id-data titqassam b’mod paragunabbli.

L-ECDC għandu l-kapaċità li jikkomplementa u jissupplimenta l-kapaċità tas-sekwenzjar ġenomiku nazzjonali sa massimu ta’ 18 000 kampjun tal-virus. S’issa, żewġ Stati Membri biss użaw dan is-servizz, u tnejn oħra huma mistennija jagħmlu dan dalwaqt. L-Istati Membri, speċjalment dawk li m'għandhomx kapaċità nazzjonali, għandhom jużaw il-kapaċità tal-ECDC bħala kwistjoni ta’ urġenza. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità, pereżempju billi timmobilizza fondi biex tixtri tagħmir għas-sekwenzjar ġenomiku u biex tappoġġa lin-Network tad-WHO tal-Laboratorji ta’ Referenza. It-tagħmir eżistenti tas-sekwenzjar fil-faċilitajiet tar-riċerka nazzjonali għandu jintuża sal-massimu tiegħu. Il-Kummissjoni se tattiva inizjattivi u riżorsi dwar id-data ġenomika, Intelliġenza Artifiċjali u Kompjuters ta’ Prestazzjoni Għolja biex tappoġġa l-ipproċessar u l-analiżi ta’ data ġenomika vitali 5   6 .

Inżidu l-ittestjar

L-ittestjar effettiv għandu rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tat-tixrid tal-virus, u jipprovdi l-informazzjoni ewlenija għat-traċċar tal-kuntatti kif ukoll xejriet usa’. Jiffaċilita wkoll il-moviment liberu tal-persuni u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Għalkemm it-testijiet RT-PCR għadhom il-punt ta’ riferiment, għandu jiġi estiż l-użu tat-Testijiet tal-Antiġeni Rapidu (Rapid Antigen Tests, RATs). S’issa, disa’ Stati Membri għandhom strateġiji jew gwida speċifika fis-seħħ għall-użu ta’ RATs u tnax-il Stat Membru bħalissa qegħdin jużawhom fil-prattika. Huwa essenzjali li jkun hemm implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni 7 u ftehim rapidu fil-Kunsill dwar il-qafas komuni għat-testijiet tal-antiġeni rapidi biex tiġi pprovduta s-sistema ta’ ttestjar meħtieġa.  8

Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest ta’ varjanti ġodda. Jenħtieġ li l-istrateġiji nazzjonali tal-ittestjar jiġu aġġornati b’mod urġenti biex jitqiesu l-varjanti l-ġodda. Dan jippermetti segwitu u kwarantina ta’ persuni f’żoni b’inċidenza ogħla b’mod sinifikanti tal-varjant u għandu jkun akkumpanjat bi traċċar tal-kuntatti speċifiku.

Jenħtieġ ukoll li jkun hemm aktar ħidma biex jiġi appoġġat ir-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 bejn l-Istati Membri. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jistabbilixxi lista komuni ta’ RATs u l-użi tagħhom, kif maqbul mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kumitat tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex jiġi inkluż sett standard ta’ data fuq il-formola tar-riżultati tat-testijiet. Għandhom jiġu esplorati wkoll l-iżviluppi ta’ testijiet rapidi oħra bbażati fuq l-aċidu nuklejku biex jiġi identifikat il-virus.

Il-Kummissjoni qed tgħin direttament lill-Istati Membri biex jespandu l-kapaċità tal-ittestjar tagħhom permezz ta’ xiri dirett, akkwist konġunt u finanzjament speċifiku. Qed tixtri aktar minn 21 miljun RAT għal konsenja lill-Istati Membri sa April, b’EUR 100 miljun mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (Emergency Support Instrument, ESI). Tnieda akkwist konġunt ieħor għat-testijiet rapidi tal-antiġeni rapidi u se jippermetti livell ferm akbar ta’ akkwist fix-xhur li ġejjin. Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar, b’finanzjament mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. B’mod aktar ġenerali, sa mill-adozzjoni tagħha, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (Coronavirus Response Investment Initiative, CRII) ippermettiet il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 6,8 biljun ta’ fondi ta’ Koeżjoni għall-kura tas-saħħa b’mod ġenerali.

AZZJONIJIET EWLENIN

Sekwenzjar

·L-Istati Membri jżidu urġentement is-sekwenzjar ġenomiku għal 5-10 % tar-riżultati pożittivi tat-testijiet, jekk meħtieġ billi jużaw il-kapaċità tal-ECDC;

·L-Istati Membri jikkondividu s-sekwenzi ġenomiċi fil-livell tal-UE;

·Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità għas-sekwenzjar fil-futur qrib.

Ittestjar

·L-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jaqblu malajr dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-qafas komuni għat-Testijiet tal-Antiġeni Rapidi;

·L-Istati Membri għandhom jaġġornaw l-istrateġiji tal-ittestjar biex jinkorporaw l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi u jiżviluppaw gwida dwar l-użu ta’ dawn it-testijiet;

·L-Istati Membri jaqblu dwar lista komuni ta’ Testijiet tal-Antiġeni Rapidi sal-aħħar ta’ Jannar;

·Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu sett standard ta’ data li jiġi inkluż fil-formola tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19;

·L-Istati Membri jaġġornaw l-istrateġiji tal-ittestjar biex jirriflettu l-varjanti l-ġodda matul Frar 2021.

3.Nippreservaw is-Suq Uniku u l-Moviment Liberu filwaqt li Nżidu l-Miżuri ta’ Mitigazzjoni

Is-sinsla tar-rispons Ewropew b’saħħtu għall-pandemija tal-COVID-19 kienet l-unità u l-preservazzjoni tal-funzjoni tas-Suq Uniku. Kif urew l-avvenimenti ta’ Marzu 2020, l-għeluq tal-fruntieri b’mod mhux ikkoordinat u mgħaġġel u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mhumiex se jwaqqfu l-virus, iżda minflok idgħajfu s-Suq Uniku u l-ekonomiji tagħna, u l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE.

L-Istati Membri kollha implimentaw miżuri sinifikanti biex jikkontrollaw u jtaffu l-impatt tal-pandemija fuq il-popolazzjoni tagħhom. Filwaqt li dawn il-miżuri jiġu bi prezz għoli għall-ekonomija, il-kuntatt soċjali, u l-benesseri tan-nies, dawn huma effettivi biex jikkontrollaw il-firxa tal-virus.

Il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jinżammu sakemm it-tilqim ikun biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji. Għalkemm dan il-messaġġ se jkun diffiċli għal ħafna ċittadini, ir-realtà hi li dan huwa investiment meħtieġ biex jiġu salvati l-ħajjiet u jitħaffef ir-ritorn għal soċjetà b’inqas restrizzjonijiet. Miżuri bħalma huma l-ittestjar, l-iżolazzjoni, it-traċċar tal-kuntatti u l-kwarantina tal-individwi għalissa għadhom għodod meħtieġa. Il-komunikazzjoni u messaġġi konsistenti għadhom essenzjali daqs qatt qabel, inkluż l-ispjegazzjoni tal-ħtieġa kontinwa għal miżuri restrittivi, bħalma huma l-maskri jew it-tbegħid fiżiku.

Approċċ komuni tal-UE għad-definizzjoni tar-rati ta’ inċidenza, li jista’ jiskatta r-rilassament tar-restrizzjonijiet, jixpruna l-kunfidenza pubblika permezz tal-progress fl-intraċċar.

L-ivvjaġġar se jkompli jkun partikolarment problematiku. L-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali, speċjalment dak minn jew lejn żoni ta’ riskju għoli, għandu jiġi skoraġġut bil-qawwa sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika titjieb b’mod konsiderevoli, partikolarment fid-dawl tat-tifqigħa ta’ varjanti ġodda.

L-għeluq tal-fruntieri jew il-projbizzjonijiet totali fuq l-ivvjaġġar u s-sospensjoni tat-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim bl-ilma mhumiex ġustifikati, billi miżuri aktar immirati għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas interruzzjoni. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” 9 għandha żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiggarantixxi l-moviment liberu tal-merkanzija u b’hekk tevita l-interruzzjonijiet fil-katina ta’ provvista.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għandhom ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ottubru 2020 10 . Ir-restrizzjonijiet proporzjonati, inkluż l-ittestjar tal-vjaġġaturi, għandhom jinżammu għal dawk li jivvjaġġaw minn żoni b’inċidenza ogħla ta’ varjanti ta’ tħassib. Ir-regoli ta’ kwarantina applikabbli għandhom jiġu rispettati u infurzati 11 , b’eċċezzjonijiet għall-vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali, bħall-ħaddiema tat-trasport, il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u soċjali, il-ħaddiema tal-ewwel linja, dawk transfruntiera u staġjonali. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk żviluppi ġodda, bħall-varjanti ta’ tħassib li għadhom kif ġew identifikati, jeħtiġux aġġornamenti tal-qafas attwali dwar il-koordinament tar-restrizzjonijiet tal-moviment liberu b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

Il-miżuri għandhom jiġu applikati biex jitnaqqas aktar ir-riskju ta’ trażmissjoni marbut mal-mezzi tal-ivvjaġġar, bħall-miżuri tal-iġjene u tat-tbegħid fil-vetturi u fit-terminusijiet. Għandu jiġi kkunsidrat l-ittestjar ftit qabel l-ivvjaġġar fejn in-nies ikunu f’post konfinat ma’ oħrajn. It-traċċar tal-kuntatti għadu ta’ importanza partikolari.

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri hija maħsuba biex tippermetti li l-Istati Membri parteċipanti jidentifikaw u jikkuntattjaw malajr lill-passiġġieri kollha li, mingħajr ma jafu, kienu f’kuntatt mill-qrib ma’ passiġġier li rriżulta pożittiv. Tliet Stati Membri – l-Italja, Spanja u s-Slovakkja – diġà ħadu sehem fi proġett pilota li rnexxa.

AZZJONIJIET EWLENIN

·Għandu jkun hemm approċċ komuni tal-UE dwar id-definizzjoni tar-rati ta’ inċidenza;

·L-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti b'mod partikolari għar-restrizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jaslu minn żoni b’inċidenza għolja tal-varjanti l-ġodda. L-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali għandu jiġi skoraġġut sakemm titjieb is-sitwazzjoni epidemjoloġika;

·Ir-restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq l-ivvjaġġar u l-ittestjar tal-vjaġġaturi għandhom jinżammu, b’mod partikolari minn żoni b’inċidenza ogħla ta’ varjanti ta’ tħassib.

·Fejn meħtieġ, għandha tiġi infurzata b’mod strett il-kwarantina tal-vjaġġaturi, b’eċċezzjonijiet xierqa għall-vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali.

4.Niżguraw Tmexxija Ewropea u Solidarjetà Internazzjonali

Il-pandemija tal-COVID-19 qed tpoġġi pressjoni bla preċedent fuq id-dinja kollha, b’aktar minn 93 miljun każ u 2 miljun mewta rrappurtati madwar id-dinja. Dan jenfasizza biss il-ħtieġa għal rispons globali għal din il-kriżi globali. Il-multilateraliżmu, il-kooperazzjoni internazzjonali, it-trasparenza u s-solidarjetà jridu jibqgħu inkorporati fir-rispons tagħna. 

L-UE diġà qed tmexxi sforzi internazzjonali, kemm permezz tal-isforzi tagħha stess kif ukoll billi tgħaqqad flimkien lill-atturi ewlenin. Sa minn meta tnieda f’April 2020, pakkett għall-irkupru globali ta’ EUR 38,5 biljun taħt approċċ komuni ta’ “Tim Ewropa” appoġġa lill-pajjiżi sħab b’rispons ta’ emerġenza għall-ħtiġijiet umanitarji, saħħaħ is-sistemi tas-saħħa u servizzi tas-saħħa kruċjali, u assista fl-irkupru ekonomiku u l-appoġġ soċjali. Ġiet mobilizzata assistenza umanitarja li tammonta għal EUR 449 miljun fil-forma ta’ provvisti mediċi, persunal mediku, għajnuna loġistika 12 u appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet umanitarji.

It-Tim Ewropa mmobilizza wkoll EUR 853 miljun b’appoġġ għall-COVAX, l-inizjattiva globali biex jiġi żgurat aċċess ekwu u ġust għal vaċċini siguri u effettivi 13 . L-UE kumplessivament hija l-akbar donatur tal-COVAX.

Mekkaniżmu ta’ Kondiviżjoni tal-Vaċċini tal-UE

Bħala kwistjoni ta’ urġenza, solidarjetà u sigurtà tas-saħħa fl-UE u lil hinn, l-UE tista’ u għandha tkompli żżid l-isforzi tagħha biex tiggarantixxi aċċess internazzjonali usa’ għall-vaċċini. Din il-ħidma trid issir abbażi ta’ “ħela żero”, li tirrikjedi li l-pajjiżi riċevituri jkunu mħejjija biżżejjed.

L-UE se tkompli tappoġġa lill-COVAX, inkluż l-istabbiliment ta’ bafer umanitarju ta’ madwar 100 miljun doża. Il-COVAX għadha r-rotta ewlenija għall-appoġġ tal-Pajjiżi bi Dħul Baxx u Medju biex ikollhom aċċess ġust għat-tilqim, u tiżgura kopertura ta’ 20 % fl-ifqar 92 pajjiż. Madankollu, dan se jieħu ż-żmien. Għaldaqstant, ħafna minnhom bħalissa jiddependu fuq l-appoġġ tal-UE biex jipprovdu aċċess bikri għall-vaċċini għal dawk l-aktar vulnerabbli, għall-persunal mediku, u għal gruppi prijoritarji oħra.

Il-Kummissjoni tibni fuq l-esperjenza tal-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini u hija lesta li twaqqaf mekkaniżmu tal-UE għall-kondiviżjoni tal-vaċċini. Dan jiggarantixxi l-kondiviżjoni tal-aċċess għal xi wħud miż-2,3 biljun doża assigurati mill-UE, permezz tal-approċċ ippruvat tat-“Tim Ewropa”. Tingħata attenzjoni speċjali lill-Balkani tal-Punent, il-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna u l-Afrika. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju primarjament għall-ħaddiema tas-saħħa, kif ukoll għal ħtiġijiet umanitarji.

Dan il-mekkaniżmu jaġixxi bħala punt uniku għat-talbiet u linja diretta li permezz tagħha jistgħu jingħataw id-dożi inizjali, possibbilment permezz tal-COVAX, mingħajr ma jiġu mfixkla l-pjanijiet tat-tilqim tal-Istati Membri. In-numri jiżdiedu hekk kif jiżdiedu l-provvisti tal-vaċċini, u sakemm il-COVAX tkun tista’ tforni volumi kbar biżżejjed direttament mill-kumpaniji. Dan l-eżerċizzju ta’ solidarjetà mingħajr preċedent jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn komunikazzjoni diretta lill-Ewropej u kampanja ta’ komunikazzjoni ddedikata fil-pajjiżi sħab li tispjega l-prinċipju li ħadd mhu sigur sakemm kulħadd ikun sigur.

Fl-istess ħin, għandhom jiġu intensifikati l-isforzi biex tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali u s-solidarjetà internazzjonali mhux biss biex titrażżan il-pandemija attwali iżda anki biex nitħejjew għal dik li jmiss. L-Aġenda l-ġdida għall-Bidla bejn l-UE u l-Istati Uniti 14 , li ġiet proposta dan l-aħħar, se tifforma l-bażi għal impenn u kontribut b’saħħithom għall-COVAX, kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Uniti. L-Inizjattiva dwar il-Kummerċ u s-Saħħa, immexxija mill-UE, fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tiffaċilita l-fluss tal-vaċċini u trattamenti mediċi oħrajn għal fejn l-aktar hemm bżonn. Il-Kummissjoni se tesplora l-għażliet kollha ulterjuri disponibbli biex tipprovdi lil sħabha bl-aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Is-Summit Globali dwar is-Saħħa li jmiss, ospitat mill-Italja flimkien mal-Kummissjoni f’Mejju 2021 fil-qafas tal-G20, se jagħti wkoll opportunità biex jinġabar appoġġ internazzjonali biex jiżdiedu t-tħejjija u r-reżiljenza għal pandemiji futuri. AZZJONIJIET EWLENIN

·Il-Kummissjoni twaqqaf Mekkaniżmu ta’ Kondiviżjoni tal-Vaċċini tal-UE biex tistruttura l-forniment tal-vaċċini kondiviżi mill-Istati Membri mal-pajjiżi sħab permezz tal-approċċ ta’ Tim Ewropa.

·Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkomplu jimmobilizzaw l-appoġġ għall-COVAX;

·L-UE tappoġġa l-isforzi biex tissaħħaħ l-arkitettura tas-saħħa globali f’forums differenti, bħas-Summit Globali dwar is-Saħħa li jmiss.

5.Konklużjoni

Il-ġimgħat li ġejjin jirrappreżentaw sfida kbira għall-UE kollha kemm hi. Qabel ma l-benefiċċji tat-tilqim jilħqu livell li jippermetti t-tneħħija tar-restrizzjonijiet, l-UE tħabbat wiċċha ma’ sfida kbira biex tindirizza r-riskju maħluq minn varjanti ġodda li jikkaġunaw trażmissjoni usa’ u aktar rapida tal-virus.

It-tweġiba tinsab fil-ħidma flimkien, b’unità, solidarjetà, koordinazzjoni u viġilanza. L-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini wriet kif approċċ komuni kellu l-frott fit-twassil tal-vaċċini li se jkunu t-triq ’il quddiem għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet. Dawn għandhom ikunu l-missjoni u l-aġenda għas-saħħa pubblika komuni tagħna għax-xhur li ġejjin, biex inżommu l-pandemija taħt kontroll sakemm jiġu varati vaċċini siguri u effettivi f’livell suffiċjenti.

Jenħtieġ li nżommu d-determinazzjoni biex napplikaw il-passi li huma essenzjali biex inrażżnu t-tixrid tal-virus. U jekk inkomplu naħdmu flimkien biex nużaw l-eċċellenza xjentifika tagħna, il-kapaċità produttiva tagħna, is-solidarjetà tagħna u l-valuri tagħna, nistgħu niggarantixxu li l-Ewropej ikunu jistgħu jħallu warajhom aktar malajr il-limiti u t-tbatijiet li ġarrbu matul din l-aħħar sena u jimxu lejn it-triq solida għall-irkupru.

(1)      L-ECDC ħoloq modulu ta’ rappurtar dedikat ġdid fis-Sistema ta’ Sorveljanza Ewropea (TESSy).
(2)      Il-varjant “B117”, li ġie identifikat l-ewwel darba fir-Renju Unit f’Settembru, u “501Y.V2”, li ġie identifikat fl-Afrika t’Isfel.
(3)      Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC: Riskju marbut mat-tixrid tal-varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib fl-UE/fiż-ŻEE
(4)      Sors: https://covid-statistics.jrc.ec.europa.eu
(5)

     L-esperti li jaħdmu biex jippermettu aċċess transfruntier għal miljun ġenoma “umana” sal-2022 (id-Dikjarazzjoni ta’ Aktar minn Miljun Ġenoma) jistgħu jiġu mobilizzati biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien u prattiki fl-ipproċessar ta’ data ġenomika umana u virali. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka qed jikkollabora ma’ repożitorji internazzjonali tas-sekwenzi, bħall-GISAID, biex janalizza l-informazzjoni tas-sekwenza tal-COVID-19 sabiex jifhem l-emerġenza ta’ varjanti ġodda u l-possibbiltajiet ta’ identifikazzjoni tagħhom.

(6)

     Il-proġett Exscalate, il-pjattaforma tas-supercomputing l-aktar b’saħħitha u komprensiva fid-dinja għall-adattament ta’ mediċini għal skop differenti, qed jiżviluppa mudelli 3D tal-proteina tal-virus u qed jagħmilha disponibbli permezz ta’ spazju tad-data apposta. Bħala parti minn din il-ħidma, dan l-aħħar ippubblika l-mudelli 3D tal-proteini spika mutati, inkluż dawk li oriġinaw minn mutazzjonijiet virali fil-Brażil, fl-Afrika t’Isfel, fir-Renju Unit u fid-Danimarka.

(7)      C(2020) 7502 final u C(2020) 8037 final tat-18 ta’ Novembru 2020.
(8)      COM(2020) 849 final tat-18 ta’ Diċembru 2020.
(9)      Ara l-Komunikazzjoni COM (2020) 685 final u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2020/2243 tat-22 ta’ Diċembru 2020 (C/2020/9607).
(10)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.
(11) Illum, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa qed jippubblika Rakkomandazzjonijiet għal approċċ komuni tal-UE rigward l-iżolament għall-pazjenti tal-COVID-19 u l-kwarantina għall-kuntatti u l-vjaġġaturi.
(12)

     Pereżempju l-Pont Umanitarju bl-Ajru, li huma titjiriet iffinanzjati mill-Kummissjoni biex jittrasportaw materjal tas-saħħa u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Jintużaw ukoll għar-ripatrijazzjoni ta’ persuni espatrijati f’pajjiżi sħab.

(13) Il-Faċilità tal-COVAX taħdem taħt l-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (Access to Covid-19 Tools Accelerator, ACT-A) biex tixtri 2 biljun doża sal-aħħar tal-2021, inkluż aktar minn 1,3 biljun għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
(14) JOIN(2020) 22 final