Brussell, 13.1.2021

COM(2021) 5 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-seba’ rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

{SWD(2021) 1 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-seba’ rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1.Sejbiet ewlenin

Il-monitoraġġ affidabbli tas-suq ferrovjarju huwa fundamentali biex wieħed jifhem l-iżviluppi tas-suq u jieħu deċiżjonijiet ta’ politika informati. Il-Kummissjoni tiffinanzja inizjattivi settorjali bħall-attivitajiet tal-valutazzjoni komparattiva tal-PRIME KPIs u taħdem mal-Istati Membri biex jittejjeb il-monitoraġġ.

Dan ir-rapport ikopri data sal-2018 u għalhekk ma jipprovdi l-ebda evidenza dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur. Filwaqt li s-servizzi ferrovjarji, u b’mod speċjali tal-merkanzija, komplew għaddejjin matul l-2020, l-għadd ta’ passiġġieri internazzjonali naqas b’mod sinifikanti matul id-diversi lockdowns u d-domanda globali naqset minħabba l-inċertezza u r-reċessjoni ekonomika.

Is-sejbiet u x-xejriet ewlenin għall-2015-2018 fl-EU27 (bl-eċċezzjoni tat-tul tan-network ta’ veloċità għolja, li għalih il-paragun huwa mal-2019) huma li:

-it-traffiku ferrovjarju żdied kull sena bi 2,5 % għall-passiġġieri u b’4,1 % għall-merkanzija;

-is-“sehem modali” tal-ferroviji fil-modi tat-trasport fuq l-art żdied minn 7,6 % għal 7,8 % għall-passiġġieri u naqas minn 18,8 % għal 18,7 % għall-merkanzija;

-fl-2018, il-ferrovija kienet tirrappreżenta biss 0,4 % tal-emissjonijiet kemm tal-gassijiet serra (GHG) kif ukoll tas-CO2 mit-trasport u 2 % tal-konsum tal-enerġija mit-trasport;

-it-tul tan-network ta’ veloċità għolja żdied bi 17 % bejn l-2015 u l-2019;

-it-tul totali tal-linji tal-ferrovija li ġew iddikjarati li huma kkonġestjonati żdied b’aktar mid-doppju;

-fl-2018, l-impriżi ferrovjarji kellhom 1 082 liċenzja attiva globalment;

-is-sehem medju mis-suq tal-kompetituri għall-operaturi nazzjonali diġà stabbiliti fl-2018 kien:

·42 % tas-swieq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija (żieda ta’ 8 punti perċentwali);

·10 % tas-swieq tal-passiġġieri kummerċjali (żieda ta’ 2 punti perċentwali);

·16,2 % tas-swieq tal-passiġġieri tal-obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP) (tnaqqis ta’ 0,5 punti perċentwali);

-il-ferrovija tibqa’ wieħed mill-aktar modi sikuri ta’ trasport, bl-ivvjaġġar bil-karozza jkun kważi 50 darba aktar riskjuż mill-ivvjaġġar bil-ferrovija; u,

-fl-aħħar tal-2018, ftit aktar minn 916 000 persuna kienu impjegati fis-settur ferrovjarju, madwar 527 000 minnhom minn impriżi ferrovjarji (kemm operaturi ewlenin kif ukoll alternattivi) u 389 000 minn maniġers tal-infrastruttura.

Metodoloġija

Din hija s-seba’ edizzjoni tar-rapport dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju li l-Kummissjoni tippreżenta kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE 1 . L-iskop tiegħu huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fis-swieq ferrovjarji fil-kuntest tal-politika tas-suq ferrovjarju tal-UE 2 . Ir-rapport ikopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, li jinkludu: l-evoluzzjoni tas-suq uniku għas-servizzi ferrovjarji; l-infrastruttura u s-servizzi disponibbli għall-impriżi ferrovjarji; il-kundizzjonijiet ta’ qafas għas-suq ferrovjarju (inklużi t-tariffi 3 ); l-istat tan-network; l-użu tad-drittijiet ta’ aċċess; u l-ostakli għal servizzi ferrovjarji aktar effettivi. Analiżi dettaljata ta’ dawn is-suġġetti hija inkluża fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż.

Dan huwa t-tieni rapport li huwa bbażat fuq il-kwestjonarju ta’ rapportar stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju 4 (“ir-Regolament RMMS”), u l-ewwel wieħed li għandu jiġi prodott wara tmiem il-perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni tiegħu, fl-2018.

Minbarra d-data dwar l-RMMS sottomessa mill-Istati Membri, mir-Renju Unit u min-Norveġja, dan ir-rapport huwa bbażat ukoll fuq kontributi mill-ktejjeb tal-istatistika EU transport in figures 5 (It-trasport tal-UE f’ċifri), rapporti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji 6 , il-Eurostat 7 , statistika miġbura minn diversi organizzazzjonijiet settorjali, preżentazzjonijiet u studji. Fejn ir-Regolament RMMS huwa l-uniku sors, ir-rapport jivvaluta x-xejriet għall-2015-2018 biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data. Meta jintużaw sorsi oħra, ir-rapport jista’ jippreżenta xejriet fuq perjodu itwal.

Id-data u l-medji aggregati jirreferu għall-EU27 (jiġifieri għall-Istati Membri attwali tal-UE 8 ). Peress li r-Renju Unit kien Stat Membru sal-31 ta’ Jannar 2020, ir-rapport jipprovdi wkoll totali u medji għall-EU28, jew fit-test jew fil-fajl Excel ippubblikat fuq is-sit web tad-DĠ MOVE flimkien mar-rapport 9 .

2.Il-ferrovija u s-sostenibbiltà

Il-ferrovija hija l-uniku mod ta’ trasport li naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-CO2 kważi kontinwament mill-1990, filwaqt li ġġorr madwar 13 % tal-merkanzija u 7 % tal-passiġġieri fil-modi kollha (EU27, 2018). Fiha nfisha, il-ferrovija hija komparattivament anqas niġġiesa u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija minn mezzi oħra tat-trasport bil-magna. Fl-2018, il-ferrovija kienet tirrappreżenta biss 0,4 % kemm tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tat-trasport kif ukoll tas-CO2 u 2 % tal-konsum tal-enerġija mit-trasport fl-EU27 10 . Biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-ferrovija se jkollha tieħu sehem akbar mit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

3.Network ferrovjarju tal-UE

It-tul totali tan-network ferrovjarju tal-EU27 fl-2018 kien ta’ madwar 201 000 kilometru ta’ linji (0,4 % anqas mill-2015). Madwar 56 % tan-network kien elettrifikat, żieda ta’ 855 kilometru mill-2015 (+1,2 %).

In-network ta’ veloċità għolja tal-UE kien ilaħħaq aktar minn 9 100 kilometru sal-aħħar tal-2019, żieda ta’ 17 % mill-2015 11 .

Illustrazzjoni 1: It-tul tan-networks nazzjonali għal kull pajjiż (eluf ta’ kilometri ta’ linja, 2018) u l-bidla relattiva (2015-2018)

Sors: Ktejjeb tal-istatistika, 2020. Data addizzjonali meħuda minn diversi sorsi oħra.

4.Evoluzzjoni tas-servizzi ferrovjarji

L-għadd totali ta’ kilometri ferrovjarji tal-UE (kemm il-movimenti ferrovjarji tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija) baqa’ sostanzjalment stabbli matul l-aħħar 10 snin. Is-servizzi tal-passiġġieri u tal-merkanzija rkupraw b’rati differenti wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 (b’varjazzjonijiet għat-trasport tal-merkanzija). Bejn l-2015 u l-2018, it-traffiku ferrovjarju 12 fl-EU27 żdied bi 2,5 % fis-sena għall-passiġġieri u b’4,1 % għall-merkanzija 13 .

Illustrazzjoni 2: Volumi ta’ passiġġieri u merkanzija (pax-km, tunnellata-km u tren-km, 2005-2018)

Sors: RMMS, 2020. Data addizzjonali meħuda minn diversi sorsi oħra u stimi. Id-data għall-2015 u l-2016 għall-RO hija stima; id-data tinkludi wkoll aġġustamenti għall-valur pax-km tal-2018 għall-BE, il-valuri tat-tunnellata-km tal-2015 u 2016 għall-ES, NL u LU, u l-valuri ta’ tren-km tal-2015 u l-2016 għall-IE.

Sal-2018, il-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ferrovija tal-EU27 kienu jammontaw għal 404 biljun kilometru tal-passiġġieri minn madwar 5 triljun kilometru tal-passiġġieri tat-trasport kollu fuq l-art 14 . It-traffiku tal-passiġġieri bil-ferrovija huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu domestiku, b’7 % minnu biss jaqsam il-fruntieri fl-2018.

Illustrazzjoni 3: L-evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ferrovija (domestiku, internazzjonali u l-proporzjon tat-traffiku internazzjonali fir-rigward tat-traffiku totali) (biljun pax-km, 2007-2018)

Sors: RMMS, 2020. Data addizzjonali meħuda minn diversi sorsi oħra u stimi. Id-data tal-2015 għall-BE, EE, EL, LU u RO hija stima.

Kull ċittadin tal-EU27 ivvjaġġa medja ta’ 909 kilometru tal-passiġġieri fl-2018 (+2.4 % fis-sena mill-2015 15 ).

Bejn l-2015 u l-2018, is-sehem modali tal-karozzi tal-passiġġieri fit-trasport tal-passiġġieri fuq l-art fl-EU27 żdied minn 81 % għal 81,4 %, filwaqt li l-ferroviji żdiedu minn 7,6 % għal 7,8 %, b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi.

Illustrazzjoni 4: Qasma modali tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art skont il-pajjiż (% fl-2018) u l-bidla fil-punti perċentwali għall-ferrovija (2015-2018)

Sors: Ktejjeb tal-istatistika, 2020; ħlief CY u MT.

Sal-2018, il-volumi tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija tal-EU27 kienu jammontaw għal 435 biljun tunnellata-kilometru mit-2,3 triljun tunnellata-kilometru tat-trasport kollu fuq l-art 16 . Aktar minn nofs it-total tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa transfruntier, u dan jagħmel il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija sensittiva ħafna għall-interoperabbiltà u d-diffikultajiet operattivi bejn in-networks ferrovjarji nazzjonali.

Illustrazzjoni 5: L-evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija (domestiku, internazzjonali u proporzjon tat-traffiku internazzjonali fir-rigward tat-traffiku totali) (biljun tunnellata-km, 2007-2018)

Sors: RMMS, 2020. Data addizzjonali meħuda minn diversi sorsi oħra u stimi. Għall-2016, hemm reviżjoni ta’ xi inputs u stimi tal-RMMS meta mqabbla mas-sitt rapport tal-RMMS.

Bejn l-2015 u l-2018, is-sehem modali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija fuq l-art fl-EU27 żdied minn 74,2 % għal 75,4 %, filwaqt li tal-ferrovija naqas minn 18,8 % għal 18,7 %, b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi.

Illustrazzjoni 6: Qasma modali tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art skont il-pajjiż (% fl-2018) u l-bidla fil-punti perċentwali għall-ferrovija (2015-2018)

Sors: Ktejjeb tal-istatistika, 2020.

5.Evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-settur ferrovjarju

5.1.Imposti infrastrutturali

It-tariffi ta’ aċċess għal-linji tal-ferrovija rrappreżentaw aktar minn 80 % tad-dħul tal-maniġers tal-infrastruttura mit-tariffi fl-EU27 fl-2018 (84 % mill-ferroviji tal-merkanzija u 88 % mill-ferroviji tal-passiġġieri 17 ).

It-tariffi ta’ aċċess għal-linji tal-ferrovija għal ferroviji ta’ veloċità għolja (ħlief il-mark-ups) kienu ogħla minn tariffi oħra tal-passiġġieri, bl-ogħla tariffi fl-2018 iseħħu fir-Renju Unit (EUR 18 għal kull kilometru ferrovjarju) u fil-Belġju (EUR 10,6 għal kull kilometru ferrovjarju).

Illustrazzjoni 7: Tariffi ta’ aċċess (ħlief il-mark-ups) għal kategoriji differenti ta’ ferroviji tal-passiġġieri, skont il-pajjiż (EUR għal kull tren-km, 2018)

Sors: RMMS, 2020.

It-tariffi fuq il-merkanzija (ħlief il-mark-ups) huma mmonitorjati għal tliet tunnellaġġi grossi massimi differenti (1 000, 1 600, u 6 000). Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, it-tariffi ta’ aċċess jiżdiedu skont id-daqs tal-ferrovija, għalkemm mhux neċessarjament pro rata skont it-tunnellaġġ.

Illustrazzjoni 8: Tariffi ta’ aċċess (ħlief il-mark-ups) għal kategoriji differenti ta’ ferroviji tal-merkanzija, skont il-pajjiż (EUR għal kull tren-km, 2018)

Sors: RMMS, 2020.

Ma kien hemm l-ebda xejra ċara ’l fuq jew ’l isfel għal ferroviji tal-passiġġieri jew tal-merkanzija fil-livelli tal-imposti 18 rrapportati bejn l-2015 u l-2018, ħlief għal ferroviji ta’ veloċità għolja (li għalihom it-tariffi ta’ aċċess għal-linji tal-ferrovija naqsu kullimkien ħlief fir-Renju Unit).

Il-pjattaforma għall-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Ewropa (PRIME) se twettaq studju estensiv dwar il-mekkaniżmi ta’ imposti u ta’ finanzjament tal-maniġers tal-infrastruttura, li se jitlesta fl-2021. L-istudju se jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-imposti ta’ aċċess għal-linji tal-ferrovija u l-komponenti differenti tagħhom.

Sabiex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament 2020/1429, adottat f’Ottubru 2020, jippermetti li jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq is-settur ferrovjarju billi jiġu ffaċilitati temporanjament ir-regoli dwar it-tariffi 19 .

5.2.L-allokazzjoni tal-kapaċità u l-limitazzjonijiet infrastrutturali

Fl-2018, in-network tal-EU27 kellu intensità tal-użu ta’ 18,2 elf kilometru ta’ ferrovija għal kull kilometru ta’ linja (19,5 għall-EU28). L-aktar networks użati b’mod intensiv fl-2018 kienu dawk fl-Ewropa tal-Punent, b’mod partikolari dawk fin-Netherlands, li għandhom intensità ta’ użu ta’ 50,6 elef kilometru ta’ ferrovija għal kull kilometru ta’ linja. Il-Greċja tidher li għandha l-inqas intensità ta’ użu, b’4,8 elef kilometru ta’ ferrovija għal kull kilometru ta’ linja. Għalkemm dawn il-medji nazzjonali wesgħin ma jgħidu xejn dwar l-aktar partijiet vojta tan-network, jistgħu jipprovdu xi indikazzjonijiet dwar liema networks huma, bħala medja, aktar traffikużi minn oħrajn u għalhekk jista’ jkollhom kapaċità limitata għal aktar traffiku.

It-tul totali ta’ linji tal-ferrovija li ġie ddikjarat li huwa kkonġestjonat fl-EU27 żdied b’mod kostanti mill-2015 u kważi rdoppja sal-2018. Dan affettwa 2 261 kilometru ta’ linji tal-ferrovija (3 432 kilometru fl-EU28), inkluż 1 339 kilometru tul il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

F’każijiet ta’ konġestjoni, is-servizzi li l-aktar li jingħataw prijorità mill-Istati Membri huma dawk ipprovduti fl-ambitu ta’ OSP, li huwa l-ewwel prijorità fi 13-il pajjiż, segwit minn servizzi internazzjonali tal-passiġġieri (7 pajjiżi). It-traffiku tal-merkanzija (kemm domestiku kif ukoll internazzjonali) rari jingħata l-ewwel prijorità.

Sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet operattivi tal-infrastruttura u l-inkompatibbiltà bejn is-sistemi nazzjonali eżistenti ta’ kontroll tal-ferroviji, li huma ostakli sinifikanti għall-interoperabbiltà bla xkiel, l-UE introduċiet sistema Ewropea komuni ta’ sinjalazzjoni, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Skont il-pjan Ewropew għall-varar tal-ERTMS 20 , din is-sistema ta’ sinjalazzjoni jenħtieġ li tintuża fuq 15 682 kilometru ta’ linji tal-ferrovija sal-2023; s’issa, is-sistema ġiet installata fuq 5 906 kilometri ta’ tul ippjanat tal-linji tal-ferrovija (jew 38 %), li jirrappreżenta 78 % tal-mira ppjanata għal tmiem l-2019.

5.3.Nefqa fuq l-infrastruttura u l-finanzjament tagħha

Fl-2018, in-nefqa totali tal-infrastruttura ferrovjarja tal-EU27 kienet ta’ EUR 38,7 biljun wara li fl-2015 laħqet l-ogħla livell ta’ EUR 39,1 biljun 21 .

Illustrazzjoni 9: Nefqa fuq l-infrastruttura u l-proporzjon ta’ manutenzjoni u tiġdid (EUR biljun, 2011-2018)

Sors: RMMS, 2020.

Fl-2018: 

-in-nefqa totali fuq il-manutenzjoni u t-tiġdid irrapportata għall-EU27 kienet ta’ EUR 20,6 biljun, jiġifieri 53 % tan-nefqa totali (EUR 25,8 biljun u 54 % għall-EU28), b’varjazzjonijiet sinifikanti bejn il-pajjiżi; u

-fl-EU27, il-baġits nazzjonali ammontaw għal 72,3 % tan-nefqa u investiment totali għall-infrastruttura, il-kofinanzjament tal-UE kien jammonta għal 8,3 % u 19,4 % ġew minn sorsi oħrajn, inklużi self, finanzjament ta’ ekwità u tariffi 22 .

5.4.Kwalità tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija

It-trasport bil-ferrovija jibqa’ wieħed mill-aktar modi sikuri ta’ trasport. L-ivvjaġġar bil-karozza huwa kważi 50 darba aktar riskjuż mill-ivvjaġġar bil-ferrovija. Is-sikurezza ferrovjarja kompliet titjieb bejn l-2015 u l-2018 fl-EU27, minkejja li kien hemm żieda żgħira fl-għadd ta’ fatalitajiet u ta’ korrimenti serji fl-2016 23 .

Abbażi tad-definizzjoni użata 24 , il-puntwalità medja tas-servizzi tal-passiġġieri reġjonali u lokali fl-EU27 naqset ftit minn 93 % fl-2015 għal 90 % fl-2018 25 . Il-puntwalità medja tas-servizzi tal-passiġġieri fuq distanzi twal u ta’ veloċità għolja naqset minn 85 % fl-2015 għal 79 % fl-2018 26 . L-affidabbiltà medja tas-servizzi tal-passiġġieri lokali u reġjonali naqset bejn l-2015 u l-2018, bis-sehem tas-servizzi kkanċellati jiżdied minn 1,4 % għal 1,9 % 27 . L-affidabbiltà medja tas-servizzi tal-passiġġieri fuq distanzi twal u ta’ veloċità għolja żdiedet bejn l-2015 u l-2018, bis-sehem tas-servizzi kkanċellati jonqos minn 1,5 % għal 1,3 % 28 .

Il-puntwalità medja 29 fl-2018 għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-EU27 kienet ta’ 60,0 % għas-servizzi domestiċi u 53,2 % għas-servizzi internazzjonali: ġew ikkanċellati 7,3 % tas-servizzi domestiċi u 11,0 % tas-servizzi internazzjonali 30 .

5.5.Kuntratti għal servizzi pubbliċi

Fl-2018, is-servizzi tal-passiġġieri tal-OSP tal-EU27, bħala medja, irrappreżentaw 60 % tat-total tal-kilometri tal-passiġġieri tal-ferrovija (minn 53 % fl-2015 31 ), li madwar 98 % minnhom ikopru servizzi domestiċi. Fis-servizzi domestiċi, l-OSP kopra aktar servizzi reġjonali milli servizzi fuq distanzi twal.

Illustrazzjoni 10: Sehem tat-traffiku tal-passiġġieri offrut rispettivament fl-ambitu tal-OSP u s-servizzi ferrovjarji kummerċjali għal kull pajjiż (% ta’ pax-km, 2018)

Sors: RMMS, 2020. Id-data għall-BE, PT, EL u FR hija stima. Id-data għall-RO mhix disponibbli.

L-offerti kompetittivi ntużaw biss għal 26 % tas-servizzi kollha tal-OSP attivi fl-2018 fl-EU27 (43 % fl-EU28), kważi esklussivament fl-Istati Membri li lliberalizzaw is-servizzi tagħhom qabel (il-Ġermanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit).

Il-kumpens għall-OSP jibqa’ sors sinifikanti ta’ dħul għall-impriżi ferrovjarji fil-maġġoranza tal-Istati Membri, għalkemm il-livelli ta’ kumpens għall-OSP għal kull kilometru ferrovjarju jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi. Fl-2018, il-kumpens medju għall-OSP fl-EU27 kien ta’ EUR 10,51 għal kull kilometru ta’ ferrovija (EUR 8.57 fl-EU28).

5.6.Ħruġ ta’ liċenzji

B’mod ġenerali, fl-2018 ġew irrapportati 1 082 liċenzja attiva għall-impriżi ferrovjarji fl-EU27 (1 126 fl-EU28). Il-Ġermanja rrapportat l-ikbar numru (434), u l-Irlanda u l-Lussemburgu l-anqas wieħed (2).

It-tariffi medji meħtieġa għall-kisba ta’ liċenzja fl-2018 (jekk kien hemm) kienu jvarjaw minn EUR 37 500 fil-Portugall għal EUR 5 fil-Kroazja.

Spanja, il-Polonja u r-Renju Unit irrapportaw l-itwal żmien medju għall-kisba ta’ liċenzja (aktar minn 100 jum).

5.7.Grad ta’ ftuħ tas-suq u ta’ użu tad-drittijiet ta’ aċċess

Is-sehem medju mis-suq tal-kompetituri fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tal-EU27 żdied minn 34 % għal 42 % bejn l-2015 u l-2018 32 . Fl-2018, kien hemm operaturi ġodda jikkompetu ma’ operaturi nazzjonali diġà stabbiliti f’kull pajjiż, ħlief fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Litwanja u fil-Lussemburgu, u f’aktar minn nofshom is-sehem mis-suq tal-kompetituri kien ta’ aktar minn 30 %.

Illustrazzjoni 11: Is-sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għal kull pajjiż (% fl-2018) u l-bidla fil-punti perċentwali (2015-2018)

Sors: RMMS, 2020. Hemm operatur wieħed b’sehem mis-suq ta’ 100 % fl-EL, IE, LT u LU.

L-aċċess miftuħ u l-offerti kompetittivi obbligatorji għall-kuntratti tas-servizz pubbliku fis-suq domestiku tal-passiġġieri ġew introdotti biss fil-livell tal-UE mar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju. Għadu kmieni wisq biex wieħed jara l-effetti tiegħu fuq pajjiżi li ma kinux fetħu s-swieq tagħhom minn qabel.

Bħala medja, il-kompetituri kellhom sehem mis-suq ta’ 10 % fis-swieq nazzjonali tal-passiġġieri kummerċjali fl-EU27 fl-2018, żieda ta’ 2 punti perċentwali meta mqabbla mal-2015 33 , u sehem mis-suq ta’ 16,2 % fis-swieq nazzjonali tal-passiġġieri tal-OSP, livell kważi kostanti meta mqabbel mal-2015 (tnaqqis ta’ 0,5 punti perċentwali 34 ).

Illustrazzjoni 12: Is-sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tal-passiġġieri kummerċjali għal kull pajjiż (% fl-2018) u l-bidla fil-punti perċentwali (2015-2018)

Sors: RMMS, 2020. BG, DK, HR, FI, EL, LT, LU, SI, ES ma rrapportaw l-ebda kompetitur fis-servizzi kummerċjali b’sehem mis-suq ta’ 1 % jew aktar għall-2018. Ma kien hemm l-ebda servizz tas-suq tal-passiġġieri kummerċjali fl-IE. Ma kien hemm ebda data disponibbli għall-NL u għall-RO.

Illustrazzjoni 13: Is-sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tal-passiġġieri tal-OSP għal kull pajjiż (% fl-2018) u l-bidla fil-punti perċentwali (2015-2018)

Sors: RMMS, 2020. Id-data għall-PT fl-2015 tirrappreżenta stima. L-ebda kompetitur fis-suq tal-passiġġieri tal-OSP ma ġie rrapportat minn BE, BG, HR, EE, FI, FR, EL, HU, IE, LT, LU, SI u ES.

5.8.Kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol

Fl-aħħar tal-2018, ftit aktar minn 916 000 persuna kienu impjegati fis-settur ferrovjarju tal-EU27, madwar 527 000 minnhom minn impriżi ferrovjarji (kemm operaturi ewlenin kif ukoll alternattivi) u 389 000 minn maniġers tal-infrastruttura 35 .

Il-forza tax-xogħol ferrovjarja hija fil-biċċa l-kbira magħmula minn irġiel; bħala medja, 21 % biss tal-impjegati huma nisa. Il-proporzjon ta’ persunal femminili jvarja bejn 51 % fl-Estonja u 9 % fl-Irlanda.

Illustrazzjoni 14: Impjegati totali (maniġers tal-infrastruttura ewlenin flimkien ma’ impriżi ferrovjarji) skont l-istruttura tal-ġeneru, (% fl-2018)

Sors: RMMS, 2020.

Is-sehem ta’ impjegati iżgħar (taħt l-età ta’ 30 sena) li jaħdmu għal impriżi ferrovjarji żdied fl-EU27, minn 8,2 % fl-2015 għal 10,6 % fl-2018 36 . Forza tax-xogħol li qed tixjieħ tkompli tkun ta’ tħassib, speċjalment għal Spanja, għar-Rumanija, għall-Greċja, għall-Bulgarija u għal-Litwanja, fejn aktar minn 50 % tal-forza tax-xogħol kellhom aktar minn 50 sena fl-2018. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom it-tendenza li jkollhom forza tax-xogħol akbar mill-impriżi ferrovjarji, iżda s-sehem tal-impjegati iżgħar żdied ukoll bejn l-2015 u l-2018 minn 7,9 % għal 8,3 %.

Illustrazzjoni 15: Impjegati skont il-grupp ta’ età, (% fl-2015-2018)

Sors: RMMS, 2020. Id-data għall-2015 ma kinitx disponibbli għall-RUs f’LV, LU, ES u SE. Id-data għall-2015 ma kinitx disponibbli għall-IMs f’ES, LU u LV.

L-impjieg full-time huwa l-aktar status komuni għall-impjegati kemm tal-maniġers tal-infrastruttura kif ukoll tal-impriżi ferrovjarji. L-impjegati kollha tal-maniġers tal-infrastruttura jidhru li għandhom kuntratti permanenti fil-Belġju, fid-Danimarka u fil-Lussemburgu, filwaqt li fl-Irlanda, 89 % biss għandhom dan. L-Iżvezja, l-Italja, il-Polonja, in-Netherlands, il-Ġermanja u n-Norveġja biss irrapportaw proporzjon ta’ impjegati f’impriżi ferrovjarji b’kuntratti permanenti ta’ anqas minn 95 %. L-anqas sehem ta’ kuntratti full-time għall-persunal tal-maniġers tal-infrastruttura jinsab fin-Netherlands (83 %) u fil-Belġju (88 %). Fl-impriżi ferrovjarji ewlenin, is-sehem l-aktar baxx ta’ kuntratti full-time jinsab fil-Belġju (86 %).

Ftit Stati Membri biss irrapportaw l-użu ta’ programmi ta’ apprendistat u ta’ traineeship, li huma l-aktar komuni fl-Awstrija u fil-Ġermanja kemm għall-impriżi ferrovjarji kif ukoll għall-maniġers tal-infrastruttura.

6.Konklużjonijiet

Is-settur ferrovjarju jagħti kontribut sostanzjali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-EU27, billi jimpjega direttament aktar minn 900 000 persuna u jċaqlaq madwar 1,6 biljun tunnellata ta’ merkanzija 37 u 7,1 biljun passiġġier 38 kull sena.

L-użu akbar tal-ferroviji huwa kruċjali biex jissodisfa d-domanda għal trasport aktar sostenibbli u jkollu effetti pożittivi sostanzjali fuq it-tniġġis u l-konsum tal-enerġija, u b’hekk jgħin biex jinkiseb it-tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Filwaqt li l-volumi tal-passiġġieri tal-ferrovija żdiedu b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar ftit snin, il-volumi tal-merkanzija bil-ferrovija żdiedu b’mod aktar irregolari. Il-movimenti tal-ferroviji, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, baqgħu stabbli, filwaqt li d-domanda għal forom sostenibbli ta’ trasport żdiedet flimkien mas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tibdil fil-klima.

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, il-ferrovija għadha mhijiex qed tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. It-trasport bil-ferrovija jeħtieġ li jsir aktar puntwali u affidabbli meta mqabbel ma’ modi oħra billi tiżdied l-orjentazzjoni tiegħu lejn il-klijent u jsir użu aħjar mill-innovazzjoni. Irid isir ukoll aktar effiċjenti u affordabbli.

Biex tgħin lis-settur jiffaċċja l-isfidi ewlenin tiegħu tas-suq, l-azzjoni tal-UE qed tiffoka fuq erba’ objettivi:

1.Suq kompetittiv

L-aċċess ġust għas-suq għall-operaturi kollha jippermetti l-introduzzjoni ta’ offerti multimodali ġodda u għażla akbar għall-passiġġieri u n-negozji.

Għal dan il-għan, il-pilastru tas-suq tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju introduċa sejħiet għall-offerti kompetittivi bħala l-proċedura standard għall-allokazzjoni tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku, b’perjodu ta’ tranżizzjoni sa Diċembru 2023. Dan fetaħ ukoll aċċess għall-forniment kummerċjali tas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri tal-ferroviji, bl-iskeda tal-2021 bħala bidu. Il-Kummissjoni se tkun partikolarment viġilanti fil-monitoraġġ tat-traspożizzjoni korretta u l-applikazzjoni tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, biex tiżgura li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu fuq perjodu medju ta’ żmien.

Jenħtieġ li tiġi promossa wkoll il-kompetizzjoni ġusta bejn il-modi tat-trasport, billi jiġi żgurat li kull mod iħallas għall-ispejjeż esterni tiegħu.

2.Servizzi ferrovjarji transfruntiera mtejba 

Il-qsim tal-fruntieri interni tal-UE jrid isir proċess aktar faċli sabiex jiżdied is-sehem modali tal-ferroviji. It-tneħħija tal-ostakli għall-interoperabbiltà, il-varar tal-ERTMS, id-disponibbiltà ta’ vetturi ferrovjarji xierqa u d-disponibbiltà ta’ sewwieqa tal-ferroviji huma fundamentali għal dan il-għan.

Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni nediet studju dwar il-konnessjonijiet transfruntiera u fuq distanzi twal, b’enfasi speċjali fuq is-servizzi bil-ferrovija ta’ billejl; huwa mistenni rapport sa nofs l-2021.

3.Prestazzjoni aħjar tal-infrastruttura ferrovjarja 

L-iżgurar tal-forniment effiċjenti ta’ servizzi tat-trasport bil-ferrovija jirrikjedi infrastruttura żviluppata sew mingħajr ma jkun hemm konġestjonijiet u konnessjonijiet neqsin. L-UE se tkompli l-politika tagħha dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura permezz tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), b’appoġġ finanzjarju sinifikanti pprovdut lill-ferroviji fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Sa tmiem l-2030 se jkun disponibbli network ta’ prestazzjoni għolja u ta’ veloċità għolja aktar estensiv bit-tlestija ta’ proġetti ewlenin tat-TEN-T.

Is-settur ferrovjarju jassorbi ammont sinifikanti ta’ finanzjament pubbliku. Suq dejjem jikber ta’ bonds ekoloġiċi jista’ jippermetti bidla lejn il-finanzjament privat ta’ investimenti sostenibbli. Ir-Regolament dwar it-Tassonomija 39 u l-atti delegati tiegħu jistabbilixxu l-qafas u l-kriterji meħtieġa għal sistema ta’ klassifikazzjoni ċara biex jiġu identifikati l-attivitajiet sostenibbli.

Il-livelli dejjem jiżdiedu ta’ konġestjoni qed ikomplu jkabbru din il-problema, b’mod partikolari tul il-kurituri ferrovjarji ewlenin, u x-xogħlijiet ewlenin ta’ manutenzjoni qed jimpedixxu l-użu effiċjenti tan-network. Il-Kummissjoni tappoġġa l-approċċi l-ġodda tas-settur għall-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-kapaċità bbażati fuq pjattaformi/għodod diġitali interkonnessi u l-implimentazzjoni immedjata tagħhom.

4.Aktar orjentazzjoni lejn il-klijent 

Is-servizzi ferrovjarji jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti. Il-puntwalità u l-affidabbiltà mtejba u l-aċċess aħjar għas-servizzi fil-faċilitajiet ferrovjarji huma prijorità kemm għas-servizzi tal-passiġġieri kif ukoll għal dawk tal-merkanzija.

Id-drittijiet tal-passiġġieri għal informazzjoni, assistenza, kontinwazzjoni tal-vjaġġ u kumpens iridu jkunu garantiti biex jiżdied l-użu tal-ferrovija. Il-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) 1371/2007 40 , li ntlaħaq ftehim dwarha f’Ottubru 2020 mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, għandha ttejjeb id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa, tiċċara r-regoli dwar l-infurzar u t-trattament tal-ilmenti u tiżgura protezzjoni aħjar tal-passiġġieri f’każijiet ta’ tfixkil fl-ivvjaġġar.

Il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jibqgħu element ewlieni mill-politika tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lit-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. L-evalwazzjoni tal-qafas legali għar-Regolament 913/2010 41 qed tħejji t-triq għal miżuri leġiżlattivi addizzjonali.

Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi għat-titjib tal-effiċjenza u l-flessibbiltà tal-proċess tal-iskedar ta’ żmien, il-proċess għat-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ kontinġenza u l-koordinazzjoni ta’ restrizzjonijiet temporanji tal-kapaċità.

Il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni hija fundamentali biex il-ferroviji jsiru aktar attraenti għan-negozji. Ir-Regolament il-ġdid dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI 42 ) se jippermetti skambji diġitali ta’ informazzjoni bejn in-negozji u l-awtorità. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tressaq proposta għal Sħubija Ewropea dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Settur Ferrovjarju, li tibni fuq l-Impriża Konġunta Shift2Rail attwali. Is-sħubija futura se tiffoka fuq l-aċċellerazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi u soluzzjonijiet operattivi, iffaċilitati mid-diġitalizzazzjoni u l-awtomazzjoni.

Is-Sena Ewropea tal-Ferrovija 2021 se tkompli tappoġġja l-isforzi biex jiżdiedu s-sehem ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija li jiċċaqilqu bil-ferrovija, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki.

(1)

     Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(2)

     Flimkien mar-rapport dwar is-suq ferrovjarju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji tippubblika rapporti annwali dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà tal-ferroviji.

(3)

      Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ servizzi offruti, mhuwiex possibbli li jsir monitoraġġ komprensiv tal-prezzijiet tat-trasport bil-ferroviji għall-klijenti.

(4)

     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fil-qafas tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 1).

(5)

      https://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/statistics/pocketbook-2020_en  

(6)

      https://www.era.europa.eu/library/corporate-publications_en  

(7)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/transport/data/database  

(8)

     In-Norveġja tipparteċipa fl-RMMS, iżda d-data għan-Norveġja mhijiex inkluża fit-totali u fil-medji tal-UE.

(9)

      https://ec.europa.eu/transport/modes/rail/market/market_monitoring_en  

(10)

     EU28: 0,5 %, 0,5 % u 2 % rispettivament.

(11)

     EU28: 217 000 kilometru ta’ linji, li minnhom 54 % kienu elettrifikati, u aktar minn 9 200 kilometru ta’ linji ta’ veloċità għolja.

(12)

     Id-data dwar il-volumi rrapportata fil-kwestjonarju annwali tal-RMMS tista’ tvarja minn dik irrapportata mill-Eurostat, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni differenti, il-probabbiltà ta’ għadd doppju tal-volumi ta’ tranżitu u aġġustamenti (stimi u integrazzjoni ta’ data minn sorsi oħra).

(13)

     EU28: 2,4 % għall-passiġġieri u 3,8 % għall-merkanzija.

(14)

     EU28: 473 biljun kilometru tal-passiġġieri, minn madwar 6 triljun kilometru tal-passiġġieri tat-trasport kollu fuq l-art.

(15)

     EU28: 926 kilometru tal-passiġġieri u +2.2 % rispettivament.

(16)

     Ħlief il-pipelines. Għall-EU28: 452 biljun tunnellata-kilometru minn 2,4 triljun tunnellata-kilometru tat-trasport kollu fuq l-art.

(17)

     EU28: 84 % u 89 % rispettivament.

(18)

     It-tariffi ta’ aċċess għal-linji tal-ferrovija, ħlief il-mark-ups.

(19)

     Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1).

(20)

     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta’ Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew għall-varar tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ĠU L 3, 6.1.2017, p. 6-28).

(21)

     EU28: minn EUR 49,5 biljun fl-2015 għal EUR 47,5 biljun fl-2018.

(22)

     EU28: 68,8 %, 6,6 % u 24,5 % rispettivament.

(23)

     Sors: Report on Railway Safety and Interoperability in the EU 2020 (Rapport dwar is-Sikurezza u l-Interoperabbiltà tal-Ferroviji fl-UE 2020) tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji.

(24)

     L-RMMS iqis ferrovija tal-passiġġieri bħala puntwali jekk id-dewmien ikun ta’ ħames minuti jew anqas.

(25)

     EU28: bejn wieħed u ieħor l-istess ċifri.

(26)

     EU28: minn 84 % għal 77 %

(27)

     EU28: minn 1,6 % għal 2,2 %.

(28)

     EU28: żdied minn 1,7 % għal 1,8 %.

(29)

     L-RMMS iqis ferrovija tal-merkanzija bħala puntwali jekk id-dewmien ikun ta’ 15-il minuta jew anqas.

(30)

     EU28: il-puntwalità medja kienet ta’ 63,0 % għas-servizzi domestiċi u 53,2 % għas-servizzi internazzjonali; ġew ikkanċellati 6,8 % tas-servizzi domestiċi u 11,0 % tas-servizzi internazzjonali.

(31)

     EU28: 66 %, żieda minn 60 % fl-2015.

(32)

     EU28: minn 35 % għal 43 %.

(33)

     EU28: 12 %, +2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2015.

(34)

     EU28: 32 %, -2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2015.

(35)

     Għall-EU28: ftit aktar minn 1 034 000 kienu impjegati, madwar 600 000 minn impriżi ferrovjarji u 434 000 minn maniġers tal-infrastruttura.

(36)

     EU28: 8,4 % u 10,6 % rispettivament.

(37)

Eurostat, EU27 ħlief BE, li mmarka d-data bħala kunfidenzjali.

(38)

Eurostat, EU27 ħlief BE, HU, NL u PL, li mmarkaw id-data bħala kunfidenzjali.

(39)

     Ir-Regolament (UE) Nru 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13-43).

(40)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14-41).

(41)

     Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar network ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22-32).

(42)

     Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33-48).