IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.1.2021
COM(2021) 3 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
IT-TIENI PERSPETTIVA DWAR L-ARJA NADIFA
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.1.2021
COM(2021) 3 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
IT-TIENI PERSPETTIVA DWAR L-ARJA NADIFA
It-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa
1.Introduzzjoni
Kif imsemmi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 , il-ħolqien ta’ ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi jeħtieġ iktar azzjoni għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ tniġġis u miżuri biex dan jitnaddaf u jiġi rimedjat. Sabiex tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekosistemi naturali tal-Ewropa, l-UE trid tissorvelja, tirrapporta, tipprevjeni u tirrimedja aħjar it-tniġġis tal-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-prodotti tal-konsumatur. Dan se jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
Ir-“Rapport tal-2020 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa” tal-EEA ppubblikat f’Novembru 2020 juri li, għalkemm l-emissjonijiet ta’ ħafna mill-inkwinanti tal-arja naqsu fl-UE f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin (ara l-Illustrazzjoni 1), it-tniġġis tal-arja għadu problema sinifikanti. It-tniġġis tal-arja b’mod ġenerali huwa responsabbli għal madwar 400 000 mewta prematura fl-UE kull sena u għall-fatt li madwar żewġ terzi taż-żona tal-ekosistemi fl-UE jiġu esposti għall-ewtrofikazzjoni 2 . It-tniġġis tal-arja jinvolvi wkoll kostijiet ekonomiċi konsiderevoli billi jġib miegħu żieda fl-ispejjeż mediċi, tnaqqis fil-produttività, pereżempju permezz ta’ ġranet ta’ xogħol mitlufin, u tnaqqis fir-rendiment agrikolu.
L-UE ilha taħdem għal għexieren ta’ snin biex ittejjeb il-kwalità tal-arja billi tikkontrolla l-emissjonijiet ta’ sustanzi ta’ ħsara fl-atmosfera u billi tintegra r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fis-settur tat-trasport, tal-industrija, tal-enerġija, tal-agrikoltura u tal-bini. L-għan huwa li t-tniġġis tal-arja jitnaqqas għal livelli li jimminimizzaw l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent madwar l-UE.
L-approċċ tal-UE għat-titjib tal-kwalità tal-arja huwa bbażat fuq tliet pilastri. L-ewwel pilastru jinkludi l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali stabbiliti fid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali għall-ożonu troposferiku, il-materja partikolata, l-ossidi tan-nitroġenu, il-metalli tqal perikolużi u għadd ta’ sustanzi li jniġġsu oħrajn 3 . Jekk jinqabżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti, l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jagħtu dettalji dwar miżuri biex il-perjodu li matulhom jinqabżu l-valuri limitu jkun qasir kemm jista’ jkun.
It-tieni pilastru jikkonsisti fl-obbligi nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (Direttiva NEC) 4 għas-sustanzi li jniġġsu l-arja transfruntiera l-aktar importanti: diossidi tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu, ammonijaka, komposti organiċi volatili mhux metaniċi u materja partikolata. L-Istati Membri kellhom jiżviluppaw programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja (NAPCPs) sal-2019 u jippreżentaw il-miżuri li se jimplimentaw biex jikkonformaw mal-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
It-tielet pilastru jinkludi standards ta’ emissjonijiet għal sorsi ewlenin ta’ tniġġis, minn emissjonijiet ta’ vetturi u bastimenti sa dawk tas-setturi tal-enerġija u tal-industrija. Dawn l-istandards huma stabbiliti fil-livell tal-UE f’leġiżlazzjoni apposta.
Din it-tieni edizzjoni tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tivvaluta l-prospetti għall-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva NEC għall-2030 u lil hinn minnha, filwaqt li tqis l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettiv tal-Programm tal-Arja Nadifa 5 li sal-2030, l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa jitnaqqas bin-nofs, meta mqabbel mal-2005. Din it-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa taġġorna l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-ewwel perspettiva ppubblikata fl-2018 6 , filwaqt li tqis l-għadd kbir ta’ żviluppi li jirriżultaw mid-Direttiva NEC u minn leġiżlazzjoni u politiki rilevanti oħrajn. Din l-edizzjoni turi wkoll l-impatt tal-politika dwar it-tibdil fil-klima fuq l-ilħuq ta’ dawn l-objettivi u tinnota li l-ilħuq tal-mira klimatika għall-2030 se jagħti kontribut deċiżiv biex l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa jitnaqqsu bin-nofs sal-2030.
It-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tikkumplimenta l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC ippubblikat f’Ġunju 2020 7 , billi tipprovdi valutazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni tal-evoluzzjoni probabbli tat-tniġġis tal-arja u kemm dan huwa probabbli li jkun ’il bogħod mill-obbligi tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja tal-2030. Is-sejbiet se jinformaw il-pjan ta’ azzjoni dwar tniġġis żero li ġej tal-2021 8 , li għandu l-għan li jqiegħed lill-UE fit-triq lejn tniġġis żero u ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, kif imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 . Fl-aħħar nett, din l-edizzjoni tivvaluta l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi; flimkien mal-monitoraġġ tal-ekosistemi meħtieġ mid-Direttiva NEC, din se tipprovdi kontribut għall-analiżi li tirfed l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-bijodiversità 10 , peress li t-tniġġis tal-arja huwa fattur importanti tat-telf tal-bijodiversità.
L-analiżi li saret għal din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa sa issa ma setgħetx tinkorpora l-impatt fuq sustanzi li jniġġsu l-arja minn tnaqqis ipproġettat fl-attività ekonomika minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-impatti fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu ma kinux ugwali matul il-perjodi ta’ lockdown u li l-emissjonijiet ġenerali jistgħu jerġgħu lura għal-livelli preċedenti meta l-ekonomija tirkupra 11 .
2.L-istat tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u tal-kwalità tal-arja u l-progress lejn il-konformità
2.1.Is-sitwazzjoni attwali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u tal-kwalità tal-arja
Mill-2005 (is-sena bażi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva NEC) u anke qabel, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja fl-UE naqsu b’mod sinifikanti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali 12 . Fil-fatt, mill-2000 il-PDG tal-UE kiber b’madwar 30 % filwaqt li l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja ewlenin naqsu b’10 % għal 70 %, skont is-sustanza li tniġġes 13 .
Illustrazzjoni 1: Żvilupp fl-emissjonijiet tal-EU-28, 2000-2018 (bħala % tal-livelli tal-2005) (Sors: EEA)
Din ix-xejra ta’ tnaqqis għandha tinżamm permezz ta’ sforzi kontinwi, b’mod partikolari għal dawk is-sustanzi li jniġġsu li wrew tnaqqis iżgħar. Pereżempju, l-emissjonijiet tal-ammonijaka laħqu livell li ma nbidilx mill-2005 u saħansitra żdiedu f’dawn l-aħħar snin f’xi Stati Membri.
Minkejja dan it-tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-kwalità tal-ħajja f’ċerti hotspots għadha mxekkla, peress li l-istandards tal-kwalità tal-arja għadhom ma ntlaħqux. Is-sitwazzjoni hija partikolarment gravi fiż-żoni urbani, fejn jgħixu l-maġġoranza tal-Ewropej. Wisq ċittadini tal-UE għadhom esposti għal konċentrazzjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja ’l fuq mil-limitu jew mill-valuri fil-mira stabbiliti fid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, u saħansitra aktar minnhom huma esposti għal livelli ogħla minn dawk rakkomandati mil-Linji Gwida dwar il-Kwalità tal-Arja tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Fl-2018, madwar 4 % tal-popolazzjoni urbana tal-EU-28 kienet esposta għal livelli ta’ PM2.5 ogħla mill-valur ta’ limitu annwali tal-UE, filwaqt li 70 % kienu esposti għal konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-valuri tal-Linji Gwida tal-Kwalità tal-Arja tal-WHO 14 .
It-tniġġis tal-arja għadu l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-UE 15 , huwa l-kawża ta’ mard kroniku u serju bħall-ażma, problemi kardjovaskulari u l-kanċer tal-pulmun 16 , u tħassib ewlieni dwar is-saħħa u l-ambjent għaċ-ċittadini tal-UE 17 . Il-gruppi ta’ status soċjoekonomiku aktar baxx, l-anzjani, it-tfal, u dawk bi problemi ta’ saħħa għandhom it-tendenza li jkunu affettwati b’mod aktar negattiv mit-tniġġis tal-arja milli tiġi affettwata l-popolazzjoni ġenerali 18 .
2.2.Progress lejn il-konformità
Filwaqt li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva NEC bdew japplikaw fl-2020, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-NEC wera li kważi l-Istati Membri kollha għandhom bżonn immedjat u sostanzjali li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ mill-inqas uħud mis-sustanzi li jniġġsu sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-ammonijaka. Dan jidher ukoll fl-analiżi tad-differenza bejn l-aħħar emissjonijiet irrapportati (li jikkorrispondu għas-sena 2018) u l-livell ta’ emissjonijiet permess mid-Direttiva NEC għall-perjodu 2020-29 19 , li turi li ħafna Stati Membri għandhom bżonn inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’sa 10 % f’inqas minn sentejn 20 . Għall-PM2.5 u l-NOx, sitt 21 u ħames 22 Stati Membri rispettivament se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’sa 30 % jew aktar.
L-Istati Membri se jkollhom iżidu l-isforzi tagħhom saħansitra aktar biex jikkonformaw mal-obbligi aktar ambizzjużi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 skont id-Direttiva NEC. Meta mqabbla mal-livelli ta’ emissjonijiet tagħhom għall-2018, ħames Stati Membri 23 se jkollhom inaqqsu bin-nofs l-emissjonijiet tagħhom tal-PM2.5 u 15-il Stat Membru 24 se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ NOx b’aktar minn 30 % meta mqabbla mal-2018; barra minn hekk, 15 u 13-il Stat Membru rispettivament se jkollhom inaqqsu l-emissjonijiet tal-NMVOC 25 u tal-ammonijaka 26 tagħhom b’sa 30 % jew aktar. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-passi li jmiss tal-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC u se tkompli tappoġġa l-isforzi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, iżda se tagħmel użu wkoll mis-setgħat legali tagħha biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tiġi infurzata.
Fir-rigward tal-kwalità tal-arja, kien hemm titjib sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin, iżda għad hemm problemi kbar fejn jinqabżu l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja tal-UE skont id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Għall-2019, 23 Stat Membru rrapportaw li kienu qabżu l-valuri limitu għal minn tal-inqas standard wieħed tal-kwalità tal-arja, għal tal-inqas sustanza li tniġġes waħda, f’mill-inqas post wieħed – dan jinkludi 17-il Stat Membru fejn inqabżu l-valuri limitu tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għall-NO2, 14-il Stat Membru fejn inqabżu l-valuri limitu għall-PM10, erba’ Stati Membri fejn inqabżu l-valuri limitu għall-PM2.5 u Stat Membru wieħed għall-SO2.
Mill-1 ta’ Diċembru 2020, għadhom għaddejjin total ta’ 31 każ ta’ ksur kontra 18-il Stat Membru minħabba li nqabżu l-livelli limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10, PM2.5, NO2 jew SO2 jew għal monitoraġġ difettuż. Għaxra minn dawn il-każijiet ġew riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li minnhom, ħames każijiet irċevew deċiżjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Arja Aktar Nadifa għal Kulħadd” f’Mejju 2018, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ infurzar kontinwu 27 .
2.3.Is-segwitu għall-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali
F’Novembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati ta’ kontroll tal-idoneità taż-żewġ Direttivi tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 28 . Hija kkonkludiet li, minkejja li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE kienu strumentali biex tiġi xprunata tendenza ’l isfel fil-qabżiet tal-valuri limitu u l-esponiment tal-popolazzjoni għall-qabżiet, f’ċerti każijiet għad fadal wisq biex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-arja. Ikkonkludiet ukoll li għal diversi sustanzi li jniġġsu l-istandards attwali tal-kwalità tal-arja mhumiex ambizzjużi daqs ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO 29 , speċjalment għall-materja partikolata fina (PM2.5). Sussegwentement, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbar li l-Kummissjoni se tuża t-tagħlimiet miksuba mill-kontroll tal-idoneità u se tipproponi b’mod partikolari li tirrevedi l-istandards tal-kwalità tal-arja biex tallinjahom aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ , il-mudellar u l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja biex tgħin lill-awtoritajiet lokali jkollhom arja aktar nadifa 30 .
3.L-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC u ta’ leġiżlazzjoni ta’ appoġġ tal-UE
3.1.Bidliet fil-leġiżlazzjoni li jikkontribwixxu għal arja nadifa
Seħħew diversi bidliet fil-politika u fil-leġiżlazzjoni minn meta ġiet ippubblikata l-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa. B’mod partikolari, il-livell ta’ ambizzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima żdied mad-dħul fis-seħħ ta’ objettivi ogħla f’Diċembru 2018 31 . Waħda mill-konklużjonijiet tal-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, li skontha s-sinerġiji bejn il-politiki dwar l-arja u l-klima jagħmlu l-ilħuq tal-objettivi taż-żewġ politiki aktar faċli, tapplika saħansitra aktar issa. Madankollu, biex fil-fatt dawn il-benefiċċji jimmaterjalizzaw ruħhom, il-leġiżlazzjoni trid tiġi implimentata fil-ħin. Ġiet adottata wkoll leġiżlazzjoni addizzjonali tal-UE li tillimita s-sustanzi li jniġġsu l-arja fis-sors tagħhom, bħall-istandards Euro 6 għal vetturi li jaħdmu bid-diżil.
Barra minn hekk, f’April 2019, l-Istati Membri kellhom jissottomettu l-NAPCPs tagħhom għall-ewwel darba, fejn iddeskrivew il-politiki u l-miżuri li beħsiebhom idaħħlu fis-seħħ biex jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva NEC. Il-qafas tal-immudellar li jirfed l-analiżi f’din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa jinkorpora kemm jista’ jkun dawn il-politiki u l-miżuri; madankollu, il-livell ta’ dettall tagħhom ivarja ħafna bejn l-Istati Membri, u f’xi każijiet jipprevjeni l-inklużjoni tagħhom fl-analiżi kwantitattiva 32 .
Iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika għal tnaqqis tal-gassijiet serra b’55 % sal-2030 33 ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2020, li għadha soġġetta għal negozjati interistituzzjonali, mhijiex parti mil-linja bażi fl-analiżi għat-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa iżda hija riflessa bħala xenarju ta’ politika.
3.2.Prospetti għall-kisba tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fid-Direttiva NEC għall-2030 u lil hinn minnha
F’Diċembru 2018, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jilħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030 34 , li jeħtieġu li jiġu implimentati politiki u miżuri xierqa. B’dawk il-miżuri u bl-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti li tindirizza t-tniġġis tal-arja mis-sors tagħha, it-tnaqqis fl-emissjonijiet kollha ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja meħtieġ mid-Direttiva NEC madwar l-UE għandu jiġi ssodisfat għall-perjodu mill-2030 ’il quddiem, ħlief għall-ammonijaka. Madankollu, dan jaħbi d-differenzi bejn l-Istati Membri fl-ilħuq tal-impenji nazzjonali tagħhom.
L-impenn ta’ tnaqqis ta’ SO2 għall-2030 jinkiseb mill-Istati Membri kollha ħlief wieħed 35 jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti kollha tiġi implimentata bis-sħiħ. Il-miżuri mħabbra fl-NAPCPs jiffaċilitaw dan l-ilħuq. Għal NOx, PM2.5 u NMVOC, żewġ Stati Membri 36 jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom anke bil-miżuri mħabbra fl-NAPCPs tagħhom u għalhekk ikollhom bżonn jintroduċu aktar miżuri. Ikun hemm problema kbira għall-ammonijaka, fejn il-leġiżlazzjoni eżistenti ma tkunx biżżejjed biex jintlaħqu l-impenji ta’ tnaqqis tal-2030 għal 22 Stat Membru 37 . Minkejja li l-Istati Membri ħabbru fl-NAPCPs tagħhom li se jdaħħlu fis-seħħ miżuri addizzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka, dawn xorta ma jkunux biżżejjed għal 15-il Stat Membru 38 biex jilħqu l-impenji tagħhom tal-2030 dwar l-ammonijaka.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri jridu jimplimentaw bis-sħiħ u mill-aktar fis possibbli l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-miżuri kollha li huma ħabbru. Għall-15-il Stat Membru li għalihom l-impenn tal-ammonijaka se joħloq problemi anke jekk jintroduċu l-miżuri ppjanati fl-NAPCPs tagħhom, jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri ulterjuri b’urġenza. Dan huwa meħtieġ ukoll mid-Direttiva NEC jekk Stat Membru ikun previst li mhuwiex se jilħaq wieħed mill-impenji tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
L-eżerċizzju ta’ mmudellar skont din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa identifika l-aktar miżuri kosteffettivi għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja li jippermettu lill-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom skont id-Direttiva NEC, anke mingħajr ma jitqiesu s-sinerġiji possibbli ma’ miżuri klimatiċi. Għall-SO2, PM2.5 u NOx, huma relatati l-aktar ma’ miżuri fil-proċessi industrijali u fil-kombustjoni industrijali. Sabiex jitnaqqas l-NMVOC, il-maġġoranza l-kbira tal-miżuri kosteffiċjenti jindirizzaw l-emissjonijiet mill-ħruq tal-bijomassa għat-tisħin domestiku u, sa ċertu punt, mill-użu tas-solventi. Il-miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka bl-aktar mod kosteffiċjenti huma kollha relatati mal-agrikoltura u huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, relatati mal-prattiki tal-għalf tal-annimali, mal-ġestjoni tad-demel u mal-użu tal-fertilizzanti 39 .
4.Prospetti għall-ilħuq ta’ objettivi fit-tul
Fir-rigward tal-għan li sal-2030, l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa jitnaqqsu bin-nofs meta mqabbel mal-2005, l-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa kkonkludiet li dan l-impatt (espress f’għadd ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja) fil-fatt jitnaqqas b’aktar minn 50 % sal-2030 jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni kollha adottata bejn l-2014 u l-2017 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja; din l-analiżi qieset ukoll l-effetti tal-miżuri li jistgħu jindirizzaw diversi sustanzi li jniġġsu simultanjament. Madankollu, l-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa kienet inqas pożittiva fir-rigward tal-impatti fuq l-ekosistemi, billi l-ebda waħda mill-miżuri l-ġodda li ġew stabbiliti bejn l-2014 u l-2017 ma indirizzat l-emissjonijiet tal-ammonijaka mill-agrikoltura, is-sors primarju tat-tniġġis tal-arja li jaffettwa l-ekosistemi 40 .
Il-metodoloġija użata għat-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tqis l-iżviluppi tal-politika u dawk leġiżlattivi mill-2018 (dwar il-politika tal-UE dwar il-klima u l-kontroll addizzjonali tat-tniġġis) u l-informazzjoni (bħal inventarji aħjar tal-emissjonijiet, u fehim aħjar tal-impatt tal-emissjonijiet fuq is-saħħa u l-valur ekonomiku tagħhom) li ma kinux inklużi fl-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa 41 . Bħala konsegwenza, mhuwiex possibbli li jsir paragun dirett bejn ir-riżultati taż-żewġ rapporti tal-Perspettivi. Madankollu, għadu utli li jiġu vvalutati l-aktar riżultati reċenti fl-ilħuq tal-objettivi tal-programm tal-arja nadifa u li tinstilet konklużjoni dwar il-progress li sar fuq dik il-bażi.
4.1.Konċentrazzjoni fl-isfond tas-sustanzi li jniġġsu
Jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni settorjali kollha eżistenti li tirregola t-tniġġis tal-arja u l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u tal-enerġija għall-2030 kif miftiehem f’Diċembru 2018, l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja jitnaqqsu biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva NEC fil-livell tal-UE fl-2030 għas-sustanzi kollha li jniġġsu minbarra l-ammonijaka. Barra minn hekk, l-ebda żona ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja ma taqbeż il-25 mikrogramma/m3 ta’ PM2.5 , f’konċentrazzjoni fl-isfond 42 ; fl-2019, kien hemm 14-il żona bħal din f’erba’ Stati Membri.
L-għadd ta’ żoni li għalihom il-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ sfond ikkalkulati tal-PM2.5 ikunu konformi mal-Linji Gwida attwali tal-WHO ta’ 10 µg/m³ huwa mistenni li jiżdied minn 41 % taż-żoni kollha fl-2015 għal 90 % fl-2030, għal darba oħra jekk wieħed jassumi li l-leġiżlazzjoni eżistenti kollha tiġi implimentata bis-sħiħ. Jekk jiġu implimentati l-miżuri kollha ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja teknikament fattibbli, dan il-proporzjon jiżdied għal 98 %. L-aktar sitwazzjoni ambizzjuża f’termini kemm tal-politika dwar l-arja kif ukoll ta’ dik dwar il-klima (li tinvolvi bidliet fl-istil tal-ħajja biex jiġi mitigat it-tibdil fil-klima u l-introduzzjoni tal-miżuri kollha li huma teknikament possibbli biex jittaffa t-tniġġis tal-arja) iġġib il-konċentrazzjonijiet fl-isfond fiż-żoni kollha taħt il-valur attwali tal-Linji Gwida tal-WHO fl-2050.
Din ix-xejra tista’ tidher ukoll fl-esponiment li qed jevolvi tal-popolazzjoni tal-UE għat-tniġġis tal-arja. Il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f’żoni b’konċentrazzjoni ta’ PM2.5 fl-isfond taħt il-valur tal-Linji Gwida tal-WHO ta’ 10 µg/m³ jikber aktar mid-doppju bejn l-2015 u l-2030 jekk jiġu implimentati l-liġijiet kollha adottati dwar l-arja nadifa u l-klima (Illustrazzjoni 2). Madankollu, dan kieku xorta jħalli 12 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2030 esposta għal livelli ta’ materja partikolata fina ogħla mill-valur tal-Linji Gwida tal-WHO. Bl-aktar politika ambizzjuża dwar l-arja nadifa (bil-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni teknikament fattibbli fis-seħħ), dan il-valur jitnaqqas għal 4 %. Dan il-valur li jifdal huwa dovut għat-tniġġis tal-arja li joriġina minn barra l-UE (pajjiżi ġirien u tbaħħir internazzjonali) u ta’ oriġini naturali. Madankollu, dawn ix-xejriet pożittivi għandhom x’jaqsmu biss mal-konċentrazzjoni fl-isfond u ma jinkludux hotspots possibbli ta’ tniġġis, inklużi dawk fejn it-tniġġis huwa ogħla mill-valuri rakkomandati tal-WHO, li xorta jridu jiġu indirizzati.
Illustrazzjoni 2: Id-distribuzzjoni tal-esponiment tal-popolazzjoni għall-PM2.5 għal xenarji ewlenin, EU-27 (Sors: IIASA)
Nota: MTFR tfisser “Miżuri għat-Tnaqqis Massimu Teknikament Fattibbli tat-Tniġġis tal-Arja”.
4.2.Impatti fuq is-saħħa
L-imwiet prematuri minħabba l-PM2.5 huma mbassra li jonqsu b’madwar 55 % bejn l-2005 u l-2030 jekk il-politiki kollha li l-Istati Membri diġà qablu dwarhom jiġu implimentati bis-sħiħ 43 ; dan jimplika tnaqqis ta’ 28 % fl-għadd stmat ta’ dawn l-imwiet prematuri bejn l-2020 u l-2030. Il-miżuri mħabbra fl-NAPCPs jaċċelleraw dan it-tnaqqis bejn l-2020 u l-2030, u jiksbu tnaqqis ta’ 31 %. Jekk jiġu stabbiliti miżuri massimi għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja 44 , l-imwiet prematuri jinżlu b’44 % bejn l-2020 u l-2030. Madankollu, dan xorta jħalli aktar minn 130 000 mewta prematura fis-sena fl-UE minħabba t-tniġġis tal-PM2.5 waħdu.
Meta wieħed iħares lejn il-kwistjoni mill-perspettiva tan-numru ta’ snin ta’ ħajja mitlufin minħabba t-tniġġis tal-PM2.5, l-istampa ġenerali tibqa’ l-istess (ara l-illustrazzjoni 3). Minbarra l-kobenefiċċji importanti mill-miżuri klimatiċi, huma mistennija wkoll benefiċċji sinifikanti minn miżuri addizzjonali għal arja nadifa.
Illustrazzjoni 3: Snin ta’ ħajja mitlufin minħabba esponiment għall-PM2.5 fl-EU-27 (Sors: IIASA) 45
L-implimentazzjoni tal-politiki u tal-miżuri mħabbra mill-Istati Membri fl-NAPCPs tagħhom tiġġenera kostijiet stmati ta’ madwar EUR 1,4 biljun fis-sena fl-UE (għal miżuri ppreżentati b’biżżejjed dettall fl-NAPCPs u li għalihom jista’ jiġi attribwit kost). Madankollu, iż-żieda fil-benefiċċji tas-saħħa (kemm f’termini ta’ mortalità kif ukoll f’ta’ morbidità mnaqqsa) jaqbżu l-kostijiet miżjuda fil-każijiet kollha li ġew analizzati (ara t-Taqsima 4.4 għal aktar dettalji dwar l-impatti ekonomiċi). Il-benefiċċji għas-saħħa li jirriżultaw mill-miżuri tal-NAPCP
46
jammontaw għal bejn EUR 8 biljun u EUR 43 biljun fis-sena għall-UE
47
; għalhekk hemm vantaġġ ġenerali għas-soċjetà fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
Kaxxa 1: Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa
Din l-analiżi tibni fuq ir-riċerka dwar l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa mill-WHO (Riskji għas-Saħħa li jiġu mit-Tniġġis tal-Arja fl-Ewropa - HRAPIE). Dawn huma stimi konservattivi, peress li s-sejbiet minn letteratura epidemjoloġika ġdida saru disponibbli minn mindu ġiet ippubblikata l-HRAPIE (fl-2013), li juru l-effetti ta’ firxa usa’ ta’ impatti fuq is-saħħa kkawżati mit-tniġġis tal-arja (pereżempju effetti usa’ ta’ partikoli ultrafini). Il-metodoloġija użata għall-valutazzjoni tal-impatti fuq is-saħħa f’dan ir-rapport tvarja sa ċertu punt minn dik użata mill-EEA; dan jikkonċerna primarjament il-granularità tad-data sottostanti dwar il-kwalità tal-arja u l-livell li fih il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu jibdew ikollhom impatt fuq is-saħħa. F’termini ta’ tqegħid ta’ valur fuq l-impatti fuq is-saħħa, id-data użata hawnhekk ġiet aġġornata mill-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa fir-rigward tas-sena li fiha ġew espressi l-prezzijiet (2015, minflok 2005 fl-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa). Din l-analiżi tipprovdi wkoll valutazzjoni aktar aġġornata tal-ħajja, tas-snin tal-ħajja mitlufin u tal-morbidità, bl-użu ta’ data tal-OECD u ta’sorsi oħrajn. Għalhekk, in-numri ppreżentati hawn ma jistgħux jitqabblu direttament ma’ dawk irrapportati mill-EEA, u lanqas ma’ dawk ippreżentati fl-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, għal dawn ir-raġunijiet metodoloġiċi kollha. Madankollu, in-numri jipprovdu ordnijiet utli ta’ kobor u huma informattivi meta jitqabblu s-sitwazzjonijiet varji bl-użu tal-istess metodoloġija.
Għal informazzjoni sħiħa dwar il-metodoloġija, ara r-rapport IIASA.
4.3.L-impatti fuq l-ekosistemi
It-titjib reċenti f’termini tal-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi 48 huwa mistenni li jkompli fil-futur fix-xenarji kollha. Madankollu, minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, is-sitwazzjoni għadha preokkupanti, peress li l-livelli tad-depożiti tan-nitroġenu għadhom ferm ogħla minn tagħbijiet kritiċi 49 u jheddu l-bijodiversità, speċjalment fiż-żoni tan-Natura 2000. Bil-leġiżlazzjoni kollha adottata implimentata, iż-żoni tan-Natura 2000 li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni se jonqsu bi 8 % bejn l-2020 u l-2030; bil-miżuri kollha mħabbra mill-Istati Membri fl-NAPCPs tagħhom implimentati wkoll, it-tnaqqis ikun ta’ 15 %. Madankollu, dan xorta jħalli aktar minn nofs (58 %) taż-żoni tan-Natura 2000 taħt it-theddida tal-ewtrofikazzjoni. Jekk il-miżuri kollha ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja li huma teknikament fattibbli jiġu implimentati, dan il-proporzjon jinżel għal 46 % fl-2030, u dan juri l-potenzjal konsiderevoli għal titjib (ara l-Illustrazzjoni 4).
It-tniġġis tal-arja għandu impatt fuq l-ekosistemi kollha, inklużi l-għelejjel agrikoli u l-foresti, u dawn kollha jibbenefikaw bil-kbir minn tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, permezz tat-tnaqqis tal-ewtrofikazzjoni, tal-aċidifikazzjoni u tal-fluss żejjed tal-ożonu. Għal dan it-theddid kollu, il-kombinazzjoni ta’ miżuri għal arja nadifa u miżuri tal-enerġija u klimatiċi jipprovdu l-akbar benefiċċji fl-2050.
Illustrazzjoni 4: Iż-żona tal-ekosistemi terrestri (1 000 km2) fejn id-depożiti tan-nitroġenu jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni, EU-27 (Sors: IIASA) 50
4.4. L-impatti ekonomiċi
Filwaqt li t-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara diretta lis-saħħa tal-bniedem u għandu impatt negattiv fuq l-għelejjel agrikoli, fuq ir-rendiment tal-foresti, fuq l-ekosistemi u fuq il-bini, għandu wkoll impatt indirett fuq l-ekonomija, pereżempju permezz tat-telf ta’ jiem tax-xogħol minħabba saħħa aktar dgħajfa. Fil-każijiet kollha li ġew analizzati, miżuri addizzjonali biex jitnaqqas it-tniġġis dejjem iġibu gwadann nett għas-soċjetà, bil-benefiċċji ta’ arja aktar nadifa dejjem ikunu aktar importanti mill-kostijiet ta’ dawn il-miżuri. L-Illustrazzjoni 5 turi li l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-NAPCP waħedha twassal għal madwar EUR 7 biljun fis-sena fl-2030 ta’ benefiċċji netti addizzjonali 51 għall-UE. Jekk il-miżuri kollha li huma teknikament possibbli jiġu implimentati, dawn il-benefiċċji netti jistgħu jkunu madwar EUR 21 biljun fis-sena sal-2030. Il-mortalità evitata (stmata hawn permezz ta’ impatti mnaqqsa tal-PM2.5) hija bil-bosta l-aktar benefiċċju importanti ta’ miżuri għal arja nadifa, segwita mill-morbidità evitata. B’mod ġenerali, il-benefiċċji għas-saħħa huma ogħla fis-snin bikrin tal-implimentazzjoni iżda jibqgħu stabbli wara l-2030, filwaqt li l-kostijiet tal-miżuri jonqsu wara l-2030.
Miżuri aktar ambizzjużi dwar l-arja nadifa u klimatiċi jżidu l-benefiċċji netti għas-soċjetà fil-każijiet kollha analizzati. Jekk tiġi implimentata politika aktar ambizzjuża dwar il-klima (l-ilħuq tan-newtralità klimatika fl-2050), il-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja ma jkollhom l-ebda kost meta mqabbla mal-linja bażi 52 . Dan l-iffrankar fil-kostijiet li jsir, flimkien mal-benefiċċji tas-suq ta’ miżuri għal arja nadifa, għandu jagħti spinta lill-PDG tal-UE b’0,15 % fl-2050 fl-aħjar każ possibbli. F’każ bħal dan 53 , jekk jitqies ix-xogħol empiriku reċenti fuq iż-żidiet fil-produttività miksuba permezz ta’ arja aktar nadifa 54 , il-PDG saħansitra jiżdied b’sa 1,3 % fl-2050 meta mqabbel mal-linja bażi.
Illustrazzjoni 5: It-tibdil fil-benefiċċji netti ta’ miżuri għal arja nadifa taħt diversi xenarji ta’ politika dwar l-arja u l-klima meta mqabbel mal-linja bażi, f’EUR biljun fis-sena (EU-27), abbażi ta’ valutazzjoni konservattiva tal-impatti kollha 55 (Sors: JRC, f’rapport ta’ IIASA)
5.Interazzjonijiet mal-politika dwar it-tibdil fil-klima u dwar il-klima
5.1.Prospetti għall-emissjonijiet ta’ sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira (metan u karbonju iswed)
Il-metan u l-karbonju iswed jikkontribwixxu kemm għat-tniġġis tal-arja kif ukoll għat-tisħin globali. Il-metan mhuwiex biss gass b’effett serra qawwi ħafna iżda wkoll prekursur importanti għall-ożonu troposferiku, li huwa ta’ ħsara kbira għas-saħħa. Il-karbonju iswed huwa komponent tal-materja partikolata, iżda huwa wkoll kontributur qawwi għat-tisħin tal-klima.
Bl-objettivi u bil-leġiżlazzjoni dwar l-arja, il-klima u l-enerġija (ix-xenarju bażi) adottati attwalment, l-emissjonijiet ikkalkolati tal-metan jonqsu b’madwar 20 % bejn l-2020 u l-2050, filwaqt li benefiċċji żgħar ħafna biss jirriżultaw f’ dan ir-rigward mill-miżuri mħabbra mill-Istati Membri fl-NAPCPs tagħhom. Madankollu, biż-żieda fl-ambizzjoni klimatika proposta mill-Kummissjoni fl-2020 56 , it-tnaqqis se jilħaq l-44 % matul l-istess perjodu. Dan it-tnaqqis ma jqisx l-effett fuq l-azzjonijiet stipulati fl-istrateġija dwar il-metan li ġiet adottata dan l-aħħar 57 , li jkompli jsaħħaħ din ix-xejra ta’ tnaqqis.
Għall-karbonju iswed, il-politiki eżistenti u, sa ċertu punt ferm inqas importanti, dawk imħabbra fl-NAPCPs, jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-UE b’madwar 80 % bejn l-2020 u l-2050. L-akbar tnaqqis tal-karbonju iswed jinkiseb meta l-miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet fl-arja jiġu kkombinati ma’ politiki dwar il-klima aktar ambizzjużi, li juru kif jistgħu jinkisbu sinerġiji permezz tal-miżuri biex jiġi indirizzat il-karbonju iswed.
5.2.Il-kobenefiċċji u l-kompromessi bejn il-politiki
Ġew analizzati diversi xenarji għall-klima fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq it-tniġġis tal-arja fil-ħidma tal-immudellar li tirfed din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa. Xi wħud minn dawn ix-xenarji huma bbażati fuq il-każijiet żviluppati għall-"Viżjoni strateġika fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" tal-Kummissjoni 58 ; din għandha l-għan li tikseb ekonomija newtrali fil-karbonju sal-2050 permezz ta’ diversi rotot, b’xenarju wieħed jiddependi fuq l-ekonomija ċirkolari u fuq bidliet fl-istil tal-ħajja 59 u ieħor jiddependi fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi 60 . Xenarju ieħor jikkorrispondi mal-proposta l-ġdida għal tnaqqis ta’ 55 % fil-gassijiet serra sal-2030 61 . Dan jippermetti li jiġu identifikati l-effetti ta’ diversi azzjonijiet fil-livell tal-UE fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja għall-2030 u għall-2050.
L-Illustrazzjoni 6 turi li, fuq medda twila ta’ żmien (2050), l-azzjonijiet biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima dejjem jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja (l-iżgħar kontribut huwa relatat mal-PM2.5 – ara l-Kaxxa 2 ta’ hawn taħt għal xi spjegazzjonijiet possibbli). Ix-xenarju għall-klima li jirrifletti bidla lejn ekonomija ċirkolari u bidla fl-istil tal-ħajja huwa dak li jikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja.
Illustrazzjoni 6: Projezzjonijiet għall-emissjonijiet tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja fl-EU-27 taħt xenarji varji u t-tnaqqis potenzjali massimu pprovdut mill-miżuri għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja u l-politiki dwar il-klima (Sors: IIASA) 62
Kif jidher fit-Taqsima 4.4, il-kost tal-miżuri għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja ikun ogħla meta dawn jiġu introdotti waħedhom milli meta jiġu implimentati flimkien ma’ miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Huwa ċar li jeżistu miżuri li huma ta’ benefiċċju għaż-żewġ politiki, u dawn jeħtieġ li jiġu promossi, filwaqt li l-miżuri li jwasslu għal kompromessi jenħtieġ li jiġu evitati. Miżuri biex jiżdied is-sehem ta’ sorsi rinnovabbli mhux kombustibbli fil-konsum tal-enerġija, biex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika tal-bini u biex jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ tisħin u tkessiħ aktar sostenibbli u biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika b’mod ġenerali, kif ukoll miżuri li jappoġġaw it-trasport nadif, huma partikolarment ta’ benefiċċju. Min-naħa l-oħra, miżuri li jżidu l-użu tal-bijoenerġija f’apparat mingħajr teknoloġiji adegwati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet 63 huma ta’ detriment għall-arja nadifa u jeħtieġ li jiġu evitati.
Kaxxa 2: Analiżi tal-EEA tal-effetti taż-żieda fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq it-tniġġis tal-arja
L-EEA stmat l-impatt tal-konsum finali gross ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Is-sitwazzjoni fl-2017 hija mqabbla ma’ sitwazzjoni ipotetika fejn il-konsum tal-enerġija rinnovabbli kien jibqa’ fil-livell tiegħu tal-2005. Meta mqabbla ma’ dik il-bażi, l-EEA tikkonkludi li l-konsum addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE wassal għal tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ SO2 u NOx b’6 % u b’1 % rispettivament fl-2017. B’kuntrast għal dan, dan wassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-PM2.5 u tal-NMVOC ta’ 13 % u 4 % rispettivament, li hija stmata li seħħet fl-Istati Membri kollha ħlief f’wieħed (il-Portugall). L-EEA tispjega din iż-żieda relattiva biż-żieda fl-użu tal-bijoenerġija matul il-perjodu (li l-użu tagħha fil-fatt naqas b’mod konsiderevoli fil-Portugall mill-2005). Billi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bijomassa tintuża għat-tisħin domestiku, l-EEA tikkonkludi li dan x’aktarx li wassal għal żidiet fil-konċentrazzjonijiet tal-PM2.5.
Sors: EEA, Renewable energy in Europe 2019 - Recent growth and knock-on effects ( https://www.eionet.europa.eu/etcs/etc-cme/products/etc-cme-reports/renewable-energy-in-europe-2019-recent-growth-and-knock-on-effects ).
6.Dimensjoni transfruntiera u internazzjonali
L-analiżi li saret biex tappoġġa din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa turi li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kontribuzzjoni sinifikanti għall-konċentrazzjoni fl-isfond tal-PM2.5 tiġi minn Stati Membri oħrajn, minbarra kontribuzzjonijiet domestiċi diġà sinifikanti. Dan jirrifletti n-natura transfruntiera tat-tniġġis tal-arja, u jiġġustifika azzjoni fuq livell tal-UE f’dan is-settur. Hija ssaħħaħ l-idea li l-Istati Membri kollha jridu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja skont l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva NEC, sabiex l-isforzi konġunti tagħhom fil-livell nazzjonali jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. L-analiżijiet kost-benefiċċji nazzjonali tal-miżuri għal arja nadifa jenħtieġ li jqisu l-effetti kollaterali pożittivi tagħhom f’pajjiżi ġirien.
Barra minn hekk, l-analiżi turi li l-kontribuzzjonijiet għall-konċentrazzjoni fl-isfond tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jiġu wkoll minn pajjiżi mhux tal-UE, f’livelli differenti skont is-sitwazzjoni ġeografika tal-Istati Membri. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni aktar b’saħħitha bilateralment (b’mod partikolari fil-kuntest tal-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat 64 iżda wkoll billi tibni sħubijiet internazzjonali aktar b’saħħithom) u f’fora internazzjonali bħall-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE 65 . Ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Arja mill-partijiet kollha, b’mod partikolari mill-pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant li għadhom ma għamlux dan, hija prijorità ewlenija. Pass ewlieni lejn l-ilħuq ta’ dan l-objettiv huwa r-ratifika mill-Istati Membri kollha tal-Protokoll emendat ta’ Gothenburg għall-Konvenzjoni dwar l-Arja 66 , kif ukoll tal-Protokolli emendati dwar il-Metalli Tqal u Sustanzi Organiċi li Jniġġsu Persistenti.
Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-sehem ewlieni tal-isforz biex titnaqqas il-konċentrazzjoni fl-isfond tas-sustanzi li jniġġsu l-arja jiġi mill-azzjoni domestika ta’ kull Stat Membru billi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom stess. Dan is-sehem huwa ħafna drabi ogħla fl-akbar Stati Membri, fejn mill-inqas nofs l-isforz irid jiġi mit-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi. Stati Membri iżgħar u aktar iżolati jistgħu jibbenefikaw aktar minn rispettivament tnaqqis fil-pajjiżi ġirien u fit-tbaħħir internazzjonali (speċjalment fil-każ tal-gżejjer) 67 .
7.Konklużjoni
Dan ir-rapport juri li, jekk il-leġiżlazzjoni kollha adottata sal-2018 twassal il-benefiċċji kollha tagħha u jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri mħabbra fl-NAPCPs tagħhom, l-UE kollha kemm hi tikseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li jikkorrispondu mal-obbligi skont id-Direttiva NEC għall-2030. Għas-sustanzi kollha li jniġġsu minbarra l-ammonijaka, dan jista’ jinkiseb ukoll b’ċertu marġini 68 . Madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri u r-rapport jagħmilha ċara li dan jibqa’ prospett imbiegħed, peress li ħafna mill-Istati Membri għad iridu jagħmlu sforz sinifikanti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-2020-29 skont id-Direttiva NEC (għalkemm dawn l-obbligi huma inqas stretti minn dawk tal-2030).
Ir-rapport jagħmel argument sod għall-Istati Membri sabiex ikomplu, jintensifikaw u jwessgħu l-isforzi tagħhom, u biex jimplimentaw miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-gassijiet serra b’mod li jkun ta’ appoġġ reċiproku; il-prijoritajiet u l-azzjonijiet imħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-opportunitajiet ipprovduti fil-baġit fit-tul għall-2021-2027 u NextGenerationEU 69 se jgħinu biex iwasslu sinerġiji bħal dawn. Inizjattivi bħall-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni (Renovation Wave) 70 , standards aktar stretti għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja għall-vetturi 71 , ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 72 u l-azzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għal ekonomija newtrali għall-klima u diżakkoppjata mir-riżorsi sal-2050 se jgħinu biex it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja jiġi integrat fis-setturi kollha. Inizjattivi ġodda bħall-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer 73 u l-Programm l-UE għas-Saħħa 74 se jipprovdu l-opportunità biex jiġu indirizzati aħjar ir-rabtiet bejn l-ambjent u s-saħħa. L-istrumenti finanzjarji l-ġodda li jappoġġaw lil NextGenerationEU, flimkien mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, se jappoġġaw l-isforzi nazzjonali, reġjonali u lokali biex tinkiseb arja aktar nadifa.
Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida, li għadha soġġetta għal negozjati interistituzzjonali, se jkollha wkoll rwol kruċjali fl-inċentivar tal-Istati Membri biex inaqqsu t-tniġġis tal-arja fis-settur agrikolu.
L-emissjonijiet tal-ammonijaka mill-agrikoltura jibqgħu kwistjoni pendenti fil-każijiet kollha analizzati f’dan ir-rapport, u l-miżuri addizzjonali mħabbra mill-Istati Membri fl-NAPCPs tagħhom jeħtieġ li jiġu implimentati mingħajr dewmien biex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet, u jeħtieġ li jiġu introdotti saħansitra aktar miżuri f’ħafna Stati Membri. Aktar minn 90 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-UE jiġu mill-agrikoltura, b’mod partikolari mit-trobbija tal-bhejjem u mill-ħżin u mill-użu ta’ fertilizzanti organiċi u inorganiċi. Il-PAK il-ġdida teħtieġ li tagħti sehemha fl-appoġġ u fil-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-Istati Membri jridu jisfruttaw l-opportunitajiet il-ġodda pprovduti minn, pereżempju, l-iskemi ekoloġiċi proposti fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-objettivi strateġiċi proposti (inkluża l-ġestjoni tar-riżorsi naturali bħall-arja u l-ilma). Jenħtieġ li tiġi segwita PAK b’ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi b’saħħithom sabiex jiġu riflessi l-prijoritajiet skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’konformità mal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” u mal-istrateġija għall-bijodiversità 75 .
B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-Istati Membri billi tiżviluppa aktar gwida u appoġġ tekniku għall-bdiewa u għall-istituzzjonijiet nazzjonali dwar kif jimplimentaw miżuri magħrufa sew u kosteffettivi biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u billi tesplora modi innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fl-agrikoltura. Dan jenħtieġ li jsir b’mod integrat, filwaqt li jitqies it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, kif ukoll l-impatti klimatiċi, f’konformità ma’ dak li se jsir sforz għalih għas-setturi kollha permezz tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Madankollu, il-miżuri kollha msemmija hawn fuq mhux se jkunu biżżejjed biex jeliminaw l-effetti kollha tat-tniġġis tal-arja, u se jippersistu l-livelli inkwetanti ta’ konċentrazzjoni tat-tniġġis fl-ibliet, kif ukoll theddid relatat mat-tniġġis tal-arja għall-ekosistemi, inklużi dawk protetti. Minkejja li l-livelli ta’ konċentrazzjoni tat-tniġġis jistgħu jkunu ħafna eqreb tal-valuri tal-Linji Gwida attwali dwar il-Kwalità tal-Arja tal-WHO jekk ikun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-politiki miftiehma dwar il-klima u l-enerġija u tal-miżuri għal arja nadifa mħabbrin mill-Istati Membri fl-NAPCPs tagħhom, se jibqa’ jkun hemm imwiet prematuri fl-UE minħabba t-tniġġis tal-arja. Peress li saħansitra livelli relattivament baxxi ta’ esponiment għat-tniġġis huma ta’ ħsara, hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi fil-livelli kollha biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. Minbarra t-tisħiħ tal-miżuri domestiċi, hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni internazzjonali u interreġjonali aktar b’saħħitha; b’mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni dwar l-Arja iżda anke lil hinn minnha, inkluż il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UNEA dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fuq livell globali 76 . Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ prekursuri ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, b’mod partikolari l-metan (il-metan huwa prekursur importanti tal-ożonu troposferiku, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent). L-istrateġija dwar il-metan ħabbret li r-reviżjoni tad-Direttiva NEC (mistennija sal-2025) se tesplora l-inklużjoni possibbli tal-metan fost is-sustanzi li jniġġsu regolati tagħha.
Din it-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa u l-analiżi ta’ appoġġ tagħha jipprovdu elementi għal implimentazzjoni aktar informata tad-Direttiva NEC mill-Istati Membri. Din se tiġi aġġornata madwar sentejn oħra bil-pubblikazzjoni tat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, bħala parti mill-attivitajiet usa’ għall-ilħuq tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.
COM (2019) 640
Ir-Rapport tal-2020 dwar il-Kwalità tal-Arja tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA): l-EEA tuża metodoloġija kemxejn differenti minn dik użata għal din il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa biex tistma l-għadd ta’ mwiet prematuri. Id-differenzi ewlenin huma spjegati fil-Kaxxa 1. L-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi permezz tal-ewtrofikazzjoni huwa stmat skont it-“tagħbija kritika”. Għal aktar informazzjoni, ara wkoll it-Taqsima 4.3 ta’ hawn taħt.
Id-Direttivi 2004/107/KE u 2008/50/KE.
Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (“Direttiva NEC”).
COM (2013) 918
COM (2018) 446
COM (2020) 266
Ara “Roadmap for an EU Action Plan Towards a Zero Pollution Ambition for air, water and soil” (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12588-EU-Action-Plan-Towards-a-Zero-Pollution-Ambition-for-air-water-and-soil).
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbar l-objettiv ġenerali li “jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-UE, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent”. It-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tipprovdi wkoll kontribut lejn dan l-objettiv.
COM/2020/380
Ara pereżempju OECD/Unjoni Ewropea (2020), Health at a Glance: Europe 2020: State of Health in the EU Cycle, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/82129230-en ; Ir-Rapport tal-2020 dwar il-Kwalità tal-Arja tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Ara EEA NEC Directive emissions data viewer 1990-2018( https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/dashboards/necd-directive-data-viewer-3 ).
Ir-Rapport tal-2020 dwar il-Kwalità tal-Arja tal-EEA.
Ir-Rapport tal-2020 dwar il-Kwalità tal-Arja tal-EEA.
‘Healthy Environment, Healthy Lives’, Rapport tal-EEA Nru 21/2019.
Pereżempju ara: OECD/Unjoni Ewropea (2020), “Health at a Glance: Europe 2020: State of Health in the EU Cycle”, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/82129230-en .
Il-Kummissjoni Ewropea (2017). L-Ewrobarometru Speċjali 468: “L-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn l-ambjent”.
“Unequal exposure and unequal impacts: social vulnerability to air pollution, noise and extreme temperatures in Europe”, Rapport tal-EEA Nru 22/2018; “ Employment and Social Developments in Europe 2019”
EEA National Emission reduction Commitments Directive reporting status 2020 ( https://www.eea.europa.eu/publications/national-emission-reduction-commitments-directive ).
10 Stati Membri għall-ammonijaka (l-Awstrija, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, Spanja, l-Iżvezja), sitta għan-NOx (id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, l-Iżvezja), erbgħa għall-PM2.5 (il-Finlandja, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja), erbgħa għan-NMVOC (il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Litwanja) u tnejn għall-SO2 (il-Litwanja, il-Polonja).
Il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Ungerija, ir-Rumanija.
Ċipru, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija.
Ċipru, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija.
L-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja.
Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja.
L-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja.
COM (2018) 330 final
SWD (2019) 427 final
Il-Linji Gwida tal-WHO bħalissa qed jiġu riveduti u l-Kummissjoni qed issegwi dan mill-qrib.
Għal aktar informazzjoni, ara: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12677-Revision-of-EU-Ambient-Air-Quality-legislation
F’Diċembru 2018, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (UE) 2018/2002 u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2018/2001/UE riformulata t-tnejn daħlu fis-seħħ, u rispettivament stabbilixxew il-miri tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 32,5 % għall-effiċjenza fl-enerġija (meta mqabbla mal-projezzjonijiet tal-użu mistenni tal-enerġija fl-2030) u ta’ mill-inqas 32 % għall-enerġija rinnovabbli; dawn il-miri kienu parti mix-xenarju għall-klima fl-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa u issa huma parti mil-linja bażi fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, li għalhekk tinkludi wkoll tnaqqis ta’ gassijiet serra ta’ madwar 40 % fl-2030 meta mqabbla mal-2005.
Għad-dettalji, ara r-rapport tal-IIASA: “Support to the development of the Second Clean Air Outlook”: https://ec.europa.eu/environment/air/clean_air/outlook.htm
COM/2020/562 final
Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 24.
Is-Slovenja.
Iċ-Ċekja u l-Lussemburgu għall-NOx; Il-Ġermanja u n-Netherlands għall-PM2.5; L-Irlanda u l-Lussemburgu għall-NMVOC.
L-Istati Membri kollha minbarra l-Greċja, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja u s-Slovenja.
L-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja.
Ara r-rapport tal-IIASA għal aktar dettalji.
L-ammonijaka hija wkoll prekursur għall-PM2.5 sekondarju, li huwa ta’ ħsara għas-saħħa.
Ara r-rapport tal-IIASA għad-dettalji
25 mikrogramma/m3 jikkorrispondu għall-valur limitu tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, li tirreferi għall-konċentrazzjoni ġenerali, filwaqt li r-riżultati ppreżentati hawnhekk jirreferu biss għall-konċentrazzjoni fl-isfond u ma jinkludux l-emissjonijiet fil-hotspots lokali.
Biex tinżamm il-konsistenza mal-kalkoli preċedenti għal bidla bħal din, dawn il-kalkoli jitwettqu billi l-popolazzjoni tinżamm kostanti fil-livell tagħha tal-2010. Madankollu, dan ma jsirx fl-istimi tal-benefiċċji ekonomiċi u tas-saħħa, li jużaw projezzjonijiet ta’ data futura dwar il-popolazzjoni għall-Istati Membri għal aktar akkuratezza.
Xenarju massimu teknikament fattibbli.
“linja bażi CAO2” tikkorrispondi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha adottata sal-2018; “Tnaqqis potenzjali minn miżuri klimatiċi addizzjonali” jikkorrispondi għas-sitwazzjoni bl-aktar emissjonijiet baxxi ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja fost ix-xenarji fit-tul għall-klima li biex tinkiseb ekonomija dekarbonizzata sal-2050; “Tnaqqis potenzjali minn kontrolli addizzjonali tat-tniġġis tal-arja” jikkorrispondi għat-tnaqqis massimu teknikament fattibbli tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja (MTFR).
Mill-ġdid, bl-avvertenza li mhux il-miżuri kollha jistgħu jiġu mmudellati minħabba nuqqas ta’ dettalji f’xi NAPCPs.
Il-firxa hija minħabba d-diversi metodi ta’ valutazzjoni u l-firxa tal-impatti fuq is-saħħa li ġew inklużi.
Minħabba l-karatteristiċi tal-mudell, f’din l-analiżi huma inklużi biss l-ekosistemi terrestri.
Dan it-terminu jiddeskrivi l-kapaċità tal-ekosistema li tassorbi s-sustanzi li jniġġsu tan-nitroġenu li jikkawżaw l-ewtrofikazzjoni (jew sustanzi li jniġġsu aċidifikanti, fil-każ ta’ aċidifikazzjoni) iddepożitati mill-atmosfera mingħajr ma jikkawżaw effetti negattivi għall-ambjent naturali (EEA, ir-Rapport tal-2020 dwar il-Kwalità tal-Arja).
Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 47għad-didiskalija tal-graff.
Il-benefiċċji netti jikkorrispondu għall-benefiċċji bil-kostijiet imnaqqsa minnhom.
Ta’ min jinnota li l-kost tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mhux inkluż f’din il-graff.
Meta jiġu implimentati l-miżuri kollha teknikament fattibbli għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u t-tibdil fil-klima jinżamm taħt 1.5°C.
Dechezleprêtre et al. (2019), The economic cost of air pollution: Evidence from Europe, Dokumenti ta’ Ħidma tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-OECD.
Il-benefiċċji jidhru ’l fuq mill-assi-x, il-kostijiet huma taħt. “NAPCP” jirrappreżenta sitwazzjoni fejn il-miżuri kollha magħżulin għall-adozzjoni fl-NAPCPs iwasslu għal benefiċċji oħra apparti dawk mill-politiki diġà miftiehma; “MTFR tal-linja bażi” tirrappreżenta sitwazzjoni fejn il-miżuri għat-Tnaqqis Massimu Teknikament Fattibbli tat-tniġġis tal-arja jwasslu għal benefiċċji oħra apparti dawk mill-politiki diġà miftiehma; “TECH+WAM” tirrappreżenta sitwazzjoni fejn il-miżuri tal-NAPCP jiżdiedu mal-mitigazzjoni ambizzjuża tat-tibdil fil-klima bbażata fuq għażliet teknoloġiċi; “LIFE+WAM” tirrappreżenta sitwazzjoni fejn il-miżuri tal-NAPCP jiżdiedu mal-mitigazzjoni ambizzjuża tat-tibdil fil-klima bbażata fuq l-ekonomija ċirkolari; “LIFE MTFR” tirrappreżenta sitwazzjoni fejn il-miżuri għat-Tnaqqis Massimu Teknikament Fattibbli tat-tniġġis tal-arja jwasslu għal benefiċċji oħra apparti dawk mill-mitigazzjoni ambizzjuża tat-tibdil fil-klima bbażata fuq l-ekonomija ċirkolari. Dawn is-sitwazzjonijiet klimatiċi differenti huma deskritti f’aktar dettall fit-Taqsima 5.2.
COM(2020) 562 final
COM(2020) 663 final; eżempji ta’ azzjonijiet settorjali jkopru l-agrikoltura, l-enerġija, l-iskart u l-ilma mormi.
COM(2018)773 final
Ix-xenarju “1.5 LIFE” jilħaq l-ambizzjoni ta’ 1.5°C permezz ta’ ekonomija aktar ċirkolari, dieti b’użu inqas intensiv tal-karbonju, ekonomija kollaborattiva, eċċ.
Ix-xenarju “1.5 TECH” jilħaq l-ambizzjoni ta’ 1.5°C permezz ta’ għażliet teknoloġiċi. L-emissjonijiet li jifdal li ma jistgħux jiġu mitigati sal-2050 huma bbilanċjati mill-emissjonijiet negattivi permezz tal-użu tal-bijoenerġija assoċjata mal-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-bjar tal-LULUCF.
COM(2020) 562 final
Għad-didiskalija, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 47
Madankollu, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tal-Ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu u għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils solidi jistabbilixxu limiti għat-tniġġis tal-arja għal tagħmir tal-bijomassa.
B’mod partikolari billi l-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jitħeġġu jħaffu t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-pajjiżi li ffirmaw ftehimiet mal-UE jallinjaw il-liġijiet tagħhom aktar mill-qrib ma’ dawk tal-UE.
UNECE Convention on Long-Range Transport of Air Pollution (https://www.unece.org/env/lrtap/welcome.html.html).
Kif emendata fl-2012.
Ir-riżultati għall-Istati Membri kollha disponibbli fir-rapport IIASA.
Għall-ammonijaka, il-miżuri tal-NAPCP ikunu biżżejjed biex jinkiseb, għall-UE kollha kemm hi, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jikkorrispondi għall-impenji tad-Direttiva NEC.
https://ec.europa.eu/info/strategy/recovery-plan-europe_mt
https://ec.europa.eu/energy/topics/energy-efficiency/energy-efficient-buildings/renovation-wave_mt
Bħall-Proposta għal standards aktar stretti dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja għall-vetturi b’magni tal-kombustjoni mħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Ara l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12306-EU-rules-on-industrial-emissions-revision).
https://ec.europa.eu/health/non_communicable_diseases/cancer_mt
https://ec.europa.eu/health/funding/eu4health_mt
COM/2020/381
Ir-Riżoluzzjoni 3/8 tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent.