|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/487 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1672 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0113/2021), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi ("Impriża Konġunta IMI") twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin bil-għan li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u aktar sikuri; |
|
B. |
billi, wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 557/2014 f'Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 ("Impriża Konġunta IMI2") ġiet stabbilita għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024; billi din issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI u saret is-suċċessur tagħha f'Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza l-attivitajiet ta' riċerka fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru u tvara proġett ġdid fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; |
|
C. |
billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (l-"Industrija") huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta IMI u tal-Impriża Konġunta IMI2; |
|
D. |
billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-Impriża Konġunta IMI hija ta' EUR 1 000 000 000 għall-perjodu ta' 10 snin, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, filwaqt li l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż operazzjonali, kull wieħed minnhom b'ammont li ma jaqbiżx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni; |
|
E. |
billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għall-Impriża Konġunta IMI2 hija ta' EUR 1 638 000 000, li għandha titħallas mill-baġit ta' Orizzont 2020, u l-membri, għajr il-Kummissjoni, għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż operazzjonali u jikkontribwixxu għall-ispejjeż operazzjonali permezz ta' kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-"rapport tal-Qorti") il-kontijiet tal-Impriża Konġunta IMI2 għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta IMI2 fil-31 ta' Diċembru 2019, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
|
2. |
Jinnota li l-baġit finali disponibbli għall-2019, inklużi l-approprjazzjonijiet ta' snin preċedenti li ma ntużawx u ddaħħlu mill-ġdid, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta' wara kien ta' EUR 261 371 750 f'approprjazzjonijiet ta' impenn (li minnhom, EUR 255 561 977 mill-baġit tal-Unjoni) u EUR 231 316 906 f'approprjazzjonijiet ta' pagament (li minnhom, EUR 221 519 271 mill-baġit tal-Unjoni); jinnota li r-rati ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u tal-approprjazzjonijiet ta' pagament laħqu id-99,17 % u s-96,33 % rispettivament; |
|
3. |
Jinnota li, mill-EUR 1 000 000 000 f'kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-membri privati għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta IMI, sa tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta IMI kienet irrappurtat u vvalidat kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li jammontaw għal EUR 710 478 000 mill-membri privati, li minnhom, EUR 688 580 000 kienu kontribuzzjonijiet in natura u EUR 21 898 000 kienu kontribuzzjonijiet fi flus; jinnota li, fl-2019, l-ammont ta' dikjarazzjonijiet ta' spejjeż validati kif ukoll il-kontribuzzjonijiet in natura kien inqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-2018, minħabba l-fatt li l-għadd ta' proġetti tal-Impriża Konġunta IMI jonqos hekk kif il-proġetti jkunu qed jintemmu; jinnota li, sal-aħħar tas-sena, mit-total ta' 59 proġett fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru, 11-il proġett kienu għadhom għaddejjin; |
|
4. |
Jinnota li r-rata ta' utilizzazzjoni tal-Impriża Konġunta IMI għall-approprjazzjonijiet ta' pagament tal-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru kienet ta' 97 %; |
|
5. |
Jinnota li mill-EUR 1 425 000 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li għandhom isiru mill-Industrija għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta IMI2, ġew irrappurtati u vvalidati kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 202 598 000 u kontribuzzjonijiet fi flus ta' EUR 15 554 000, u li barra minn hekk, ġew irrappurtati u vvalidati kontribuzzjonijiet fi flus ta' EUR 5 662 000 u kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 8 203 000 mis-sħab assoċjati; |
|
6. |
Jinnota li, fi tmiem l-2019, il-kontribuzzjonijiet totali mill-Industrija u s-sħab assoċjati għall-attivitajiet fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta IMI2 ammontaw għal EUR 232 017 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni totali fi flus tal-Unjoni ta' EUR 423 743 000; ifakkar li l-evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni tal-Impriża Konġunta IMI2 enfasizzat in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' kif ġew ikkalkulati l-kontribuzzjonijiet in natura tal-Industrija; itenni, għalhekk, it-talbiet preċedenti tiegħu għal informazzjoni dettaljata dwar il-kontribuzzjonijiet in natura tal-Industrija, speċjalment dwar it-tip ta' kontribuzzjonijiet in natura u l-valur rispettiv tagħhom; |
|
7. |
Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-Impriżi Konġunti li jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-membri privati tal-Impriżi Konġunti; jitlob l-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-Impriżi Konġunti; iqis li l-proċedura komuni għandha tipprevedi metodi ta' evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tiskrutinizza l-awditi mwettqa mill-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas legali xieraq li jiżgura li l-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa tinkiseb sa tmiem l-Impriżi Konġunti, u jinnota wkoll li l-qafas legali jista' jinkludi rekwiżiti biex il-kontribuzzjoni privata titħallas qabel jew fl-istess ħin meta ssir il-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni; |
|
8. |
Jinnota li, rigward il-baġit 2019 disponibbli għall-proġetti ta' Orizzont 2020, ir-rati ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 100 % u ta' 98 %, rispettivament; jinnota li, fi tmiem l-2019, 79 mit-total ta' 83 proġett tal-Impriża Konġunta IMI2 li kienu għadhom għaddejjin kienu ffinanzjati fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020; |
|
9. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, wara l-implimentazzjoni ta' bosta miżuri korrettivi, fl-2019 l-Impriża Konġunta IMI2 tejbet b'mod sinifikattiv l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-ħtieġa tagħha ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ġodda; jinnota madankollu, li l-Impriża Konġunta IMI2 kellha trodd lura EUR 139 100 891 mill-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-2019 lill-baġit tal-Unjoni minħabba li kien hemm inqas suġġetti għal sejħiet għal proposti fil-pjan ta' ħidma annwali tal-2019. jinnota, barra minn hekk, li skont ir-rapport tal-Qorti, minħabba l-ħtieġa mnaqqsa li rriżultat ta' esperti tal-evalwazzjoni, l-Impriża Konġunta IMI2 użat biss EUR 2 821 000 (jew 49 %) mill-EUR 5 799 000 tal-baġit 2019 disponibbli għall-infiq infrastrutturali (titolu 2 tal-baġit); jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tkompli ttejjeb l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-approprjazzjonijiet ta' pagament u ta' impenn tagħha; |
|
10. |
Jinsab imħasseb li l-Industrija teżerċita kontroll esklużiv fuq il-prijoritajiet tal-Impriża Konġunta IMI2, u li l-Industrija waħedha tfassal l-aġendi strateġiċi u l-pjanijiet ta' ħidma annwali u tipprivatizza r-riżultati u d-data ta' proġetti ffinanzjati minn fondi pubbliċi; |
|
11. |
Jinsab irrabjat ħafna dwar il-fatt li l-Industrija, li tieħu d-deċiżjonijiet b'mod konġunt mal-Kummissjoni fi ħdan l-Impriża Konġunta IMI2, ibblokkat il-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 biex tintegra t-tħejjija epidemjoloġika (jiġifieri l-antiċipazzjoni u t-tħejjija għal epidemiji bħal dik ikkawżata mill-COVID-19) fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ħidma tal-Impriża Konġunta IMI2; jinsab imħasseb li l-Industrija tirrifjuta li tiżvela dokumenti kruċjali, bħal proposti għal proġetti, jew ftehimiet ta' proġetti jew għotjiet; ifakkar, f'dan ir-rigward, li dawk id-dokumenti jikkonċernaw proġetti ffinanzjati minn fondi pubbliċi; jinnota b'dispjaċir li l-problemi msemmija hawn fuq huma parzjalment konsegwenza loġika tal-istruttura u l-mekkaniżmi ta' din is-sħubija pubblika-privata; |
Prestazzjoni
|
12. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI2 għandha 10 indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) li ġew segwiti u rrappurtati għall-ewwel darba fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2018, u dan kien jinvolvi wkoll ġbir ta' data mill-Impriża Konġunta IMI, fejn rilevanti; jinnota li analiżi tal-KPIs turi li l-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI2 issa, jiġifieri f'nofs iċ-ċiklu tal-programm tal-Impriża Konġunta IMI2, jinsabu f'pożizzjoni tajba meta mqabbla mal-miri stabbiliti u kapaċi jiġġeneraw innovazzjonijiet u impatti osservabbli; minħabba n-natura kumplessa u fit-tul tal-proġetti; jinnota li, rigward l-outputs u l-impatti aktar fit-tul tal-programmi tagħha, l-Impriża Konġunta IMI2 fl-2019 wettqet valutazzjoni sinifikanti tal-impatt soċjoekonomiku tal-44 proġett tal-Impriża Konġunta IMI li kienu tlestew; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tivvaluta wkoll l-impatt ambjentali tal-proġetti tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta IMI2 tiġbor data biex tirrapporta, abbażi tal-KPIs standard rilevanti ta' Orizzont 2020; |
|
13. |
Jieħu nota tal-evalwazzjoni finali tal-Kummissjoni tal-Impriża Konġunta IMI li kkonkludiet li ma seta' jiġi identifikat l-ebda benefiċċju soċjoekonomiku mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI, u lanqas ma sabet eżempji li din offriet terapiji jew prodotti ġodda, aktar sikuri u aktar effettivi lill-pazjenti jew li qassret iż-żmien tal-iżvilupp; barra minn hekk, ikkonkludiet ukoll li suġġetti ta' riċerka eqreb għall-interess pubbliku minn dawk identifikati mill-industrija jistgħu jiġu identifikati aħjar taħt il-programm ta' riċerka usa', u bi spiża aktar baxxa għall-baġit pubbliku; |
|
14. |
Huwa mħasseb li l-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta IMI2 imwettqa mill-Kummissjoni fl-2017 ikkonkludiet li, sal-lum, ma jistax jingħad li l-IMI offriet terapiji jew prodotti ġodda, aktar sikuri u aktar effettivi lill-pazjenti u li f'dak ir-rigward, il-valur miżjud tal-IMI għall-pazjenti u għas-soċjetà b'mod ġenerali huwa diffiċli li jintwera; |
|
15. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI2 għandha tagħmel enfasi qawwija fuq l-oqsma fejn hemm ħtieġa kbira ta' saħħa pubblika u fuq il-prijoritajiet tal-aġenda ta' riċerka strateġika tagħha; jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta IMI2 varat tliet sejħiet għal proposti b'total ta' 10 suġġetti, u ffirmat 29 ftehim ta' għotja għal proġetti ġodda, filwaqt li espandiet f'oqsma ġodda fi ħdan l-industrija farmaċewtika, u żiedet ukoll ir-rabtiet tagħha ma' setturi oħra involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa; |
|
16. |
Jinsab allarmat li l-Impriża Konġunta IMI2 iffinanzjat diversi proġetti li ppermettew lill-industrija farmaċewtika tagħmel lobbjar lir-regolaturi fl-Unjoni biex idgħajfu l-istandards tal-valutazzjoni tas-sikurezza għal prodotti farmaċewtiċi ġodda u biex iħaffu l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar id-dettalji tal-ispejjeż imġarrba għall-proġetti in kwistjoni; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta' attività futur tal-Impriża Konġunta IMI2 jirrispetta wkoll il-Programm l-UE għas-Saħħa kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/522 (1) u l-istrateġiji l-oħra kollha tal-Unjoni fil-qasam; |
|
18. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kienet ta' 75 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta IMI2; |
|
19. |
Jitlob li l-Impriża Konġunta IMI2 teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha. |
|
20. |
Jinnota li, fl-2019, il-valur tal-effett ta' lieva tal-Impriża Konġunta IMI2 kien ta' 1,03; jirrimarka bi tħassib li din ir-rata ma tilħaqx l-aspettattivi; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tieħu passi biex tilħaq il-mira; |
|
21. |
Jilqa' l-fatt li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-Impriża Konġunta IMI2 għall-2019, il-KPIs rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-2019 juru li 51 % tal-membri tal-persunal totali li jaħdmu fil-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI2 kienu nisa, 27 minn 89 koordinatur tal-proġetti għall-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI2 fl-2019 kienu nisa u li n-nisa jammontaw għal 45 % sa 60 % tal-konsulenti u l-esperti li jwettqu evalwazzjonijiet u analiżijiet, u li jaħdmu fil-kumitat xjentifiku; |
|
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jipprovdu metodu approfondit ta' segwitu tal-prestazzjoni bil-għan li jiġi evalwat il-valur miżjud tal-Impriża Konġunta IMI2, u jiġi vvalutat l-impatt tagħha f'termini soċjali u tal-impjiegi, kif ukoll l-impatt tagħha fuq is-suq; ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għal tqassim mill-ġdid tal-finanzjament tal-Unjoni; |
|
23. |
Jinnota li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat intenzjonat tal-prestazzjoni; ifakkar li d-DPI għandhom l-għan li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħallieqa individwali, iżda jipprovdu wkoll dettalji dwar kif id-drittijiet se jintużaw fil-futur; jinnota li peress li l-attività hija ffinanzjata parzjalment bi flus pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti u aċċessibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali fir-rigward tad-DPI u l-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti; |
Persunal u Reklutaġġ
|
24. |
Jinnota li, f'Diċembru 2019, l-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol mimlija fl-Impriża Konġunta IMI2 kien ta' 53 (48 fl-2018) minn 56 fit-tabella tal-persunal; |
|
25. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2019, l-Impriża Konġunta stabbilizzat b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tal-persunal tagħha, b'mod partikolari, ir-rata ta' dawran tal-impjegati naqset minn 21 % għal 5,6 %, l-għadd ta' membri tal-persunal fuq liv minħabba mard fit-tul naqas minn erbgħa għal wieħed, u l-użu ta' persunal interim naqas minn 5,1 għal 3,8 ekwivalenti full time; |
|
26. |
Jinnota li, fi tmiem l-2019, in-nazzjonalitajiet ta' 13-il Stat Membru kienu rappreżentati fl-Impriża Konġunta IMI 2, erba' minnhom b'membru wieħed tal-persunal; jinnota li 72 % tat-53 membru tal-persunal kienu nisa, u 28 % biss kienu rġiel; |
|
27. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tintroduċi skema ta' taħriġ obbligatorju għall-membri ġodda tal-persunal u għall-membri tal-persunal li huma operattivi diġà; |
Awditu intern
|
28. |
Jinnota li f'Ġunju 2019, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) ħareġ il-pjan ta' awditjar intern strateġiku għall-perjodu 2019-2021 għall-Impriża Konġunta IMI2, ibbażat fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tal-IAS imwettqa f'Diċembru 2018; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta IMI2 kompliet timplimenta l-pjan ta' azzjoni li jirriżulta mir-rapport tal-awditjar tal-2018 dwar il-Koordinazzjoni maċ-Ċentru ta' Appoġġ Komuni (CSC) u l-implimentazzjoni ta' għodod u servizzi tas-CSC fl-Impriża Konġunta IMI2, u li f'Jannar 2020, ir-rakkomandazzjoni dwar is-sistema komuni tal-IT ta' Orizzont 2020 ingħalqet; |
Kontroll intern
|
29. |
Jinnota s-sejba tal-Qorti li l-Impriża Konġunta IMI2 waqqfet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli, ibbażati fuq eżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; u li fi tmiem l-2019, hija kienet implimentat il-qafas ta' kontroll intern il-ġdid u żviluppat indikaturi għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-attivitajiet ta' kontroll għall-prinċipji ta' kontroll intern u l-karatteristiċi relatati kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-2019 kienet it-tieni sena tal-awtovalutazzjoni mill-Impriża Konġunta IMI2 tal-attivitajiet ta' kontroll intern tagħha fl-ambitu tal-qafas il-ġdid; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI2 tippreżenta rapporti dwar l-eżerċizzju ta' awtovalutazzjoni lill-awtorità ta' kwittanza; |
|
30. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-pagamenti interim u finali fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta IMI2 twettaq awditi ex post fil-bini tal-benefiċjarji, filwaqt li għad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ta' proġetti fl-ambitu ta' Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u li, abbażi tar-riżultati tal-awditu ex post disponibbli fl-aħħar tal-2019, hija rrappurtat rata ta' żball rappreżentattiva ta' 2,05 % u rata ta' żball residwu ta' 0,66 % għall-proġetti tagħha tas-Seba' Programm Kwadru, u rata ta' żball rappreżentattiva ta' 0,85 % u rata ta' żball residwu ta' 0,52 % għall-proġetti tal-programm' Orizzont 2020 (ikklirjar u pagamenti finali); jinnota, barra minn hekk, li skont il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 (2), l-għan aħħari għal-livell ta' żball residwu fl-għeluq tal-programmi, wara li jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi u l-miżuri ta' korrezzjoni u ta' rkupru kollha, huwa li jinkiseb livell kemm jista' jkun qrib it-2 %; |
|
31. |
Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tal-Qorti, bħala parti mill-kontrolli tal-pagamenti operazzjonali, il-Qorti wettqet awditu ta' kampjun magħżul b'mod aleatorju ta' pagamenti ta' Orizzont 2020 li saru fl-2019 fil-livell tal-benefiċjarji finali biex tikkorrobora r-rati ta' żbalji tal-awditjar ex post, u li dawk l-awditi dettaljati ma wrew l-ebda żball sinifikanti jew dgħufijiet fil-kontroll tal-benefiċjarji tal-Impriża Konġunta IMI2 inklużi fil-kampjun; |
|
32. |
Jinnota li fl-2018 u l-2019, il-Qorti għamlet rieżami, abbażi ta' kampjuni, tal-awditi ex post imwettqa mis-Servizz ta' Awditjar Komuni tal-Kummissjoni u mill-awdituri esterni kkuntrattati tagħha; isemmi li r-rata ta' żball residwu rrappurtata mis-seba' Impriżi Konġunti ta' Orizzont 2020 (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, Clean Sky, IMI2, Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea, Industriji b'bażi Bijoloġika u Shift2Rail) fir-rapport annwali tal-attività rispettiv tagħhom mhijiex direttament komparabbli mar-rata ta' żball ippubblikata fir-rapport annwali 2019 tal-Qorti għall-infiq tar-riċerka tal-Kummissjoni; |
|
33. |
Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rigward ta' każijiet ta' suspett ta' frodi, fl-2019, l-Impriża Konġunta IMI2 ma identifikat l-ebda każ ġdid ta' irregolaritajiet jew suspett ta' frodi waqt il-ġestjoni tal-portafoll tal-proġetti tagħha u ma rċeviet l-ebda mistoqsija jew talba għal informazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
34. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI2 adottat regoli dwar il-kunflitti ta' interess u ppubblikat is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha; |
|
35. |
Jinnota li fl-2019 l-Impriża Konġunta IMI2 stabbiliet qafas ta' etika robust wara l-adozzjoni mill-bord tat-tmexxija tal-"Politika tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u tal-fastidju sesswali"; jinnota wkoll il-ħidma li saret bi tħejjija għall-adozzjoni mill-bord tat-tmexxija tal-linji gwida tal-Impriża Konġunta IMI2 dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta kmieni fl-2020; |
|
36. |
Jinnota li għaddejjin negozjati u ħidma preparatorja biex tinħoloq Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva bħala suċċessur possibbli tal-Impriża Konġunta IMI2; jinnota li l-objettivi ewlenin għall-Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandhom ikunu l-adozzjoni ta' proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet kompletament ibbilanċjati u trasparenti, il-monitoraġġ kontinwu tal-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi, u l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida li tgħin biex jiġi prevenut li s-sħab privati ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom; jiddispjaċih li tali sforzi għal titjib ma sarux diġà fl-2019 biex jittejbu l-prestazzjoni u t-trasparenza tal-Impriża Konġunta IMI2. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-"Programm l-UE għas-Saħħa") għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 ( ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1 ).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE ( ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).