24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/478


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1669 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0105/2021),

A.

billi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita bħala sħubija pubblika-privata bir-Regolament (UE) Nru 560/2014 (1) għal perjodu ta’ għaxar snin bl-għan li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u li tikkontribwixxi biex l-Unjoni tiġi stabbilita bħala protagonist fundamentali fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-diffużjoni tal-prodotti b’bażi bijoloġika u l-bijofjuwils avvanzati;

B.

billi, skont l-Artikoli 38 u 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, li ġew adottati bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-uffiċjal tal-kontabbiltà ħejja l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2019;

C.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali, rappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (il-“BIC”);

Ġenerali

1.

Jinnota li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, hija ta’ EUR 975 000 000, li għandha titħallas minn Orizzont 2020; jinnota li l-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 2 730 000 000 matul il-perjodu taċ-ċiklu tal-ħajja tal-Impriża Konġunta, li jikkonsistu f’mill-inqas EUR 182 500 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 1 755 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura biex jimplimentaw attivitajiet addizzjonali barra mill-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta u jikkontribwixxu għall-objettivi tagħha;

2.

Jinnota li ġew miżmuma 23 mill-178 proposta eliġibbli mis-sejħa għal proposti tal-2019 u fl-istadju ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja sa tmiem l-2019; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għandha portafoll ta’ 124 proġett għaddej b’total ta’ 1 466 parteċipant minn 37 pajjiż b’valur ta’ għotja totali ta’ EUR 717 000 000;

3.

Jinnota li l-Impriża Konġunta pprovdiet effett ta’ strutturar fil-prijoritajiet strateġiċi tas-settur b’bażi bijoloġika u f’żoni ġeografiċi differenti filwaqt li żgurat ukoll parteċipazzjoni bbilanċjata tal-industrija, is-settur akkademiku, u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jinnota, barra minn hekk, li l-missjoni tal-Impriża Konġunta hija li timplimenta, fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, l-aġenda strateġika ta’ innovazzjoni u riċerka (SIRA) żviluppata mill-BIC u approvata mill-Kummissjoni; josserva li fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-baġit operattiv, l-allokazzjoni għall-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni u inizjattivi ewlenin hija konformi mal-miri filwaqt li huma meħtieġa aġġustamenti għall-azzjonijiet ta’ dimostrazzjoni u ta’ koordinazzjoni u appoġġ;

4.

Josserva bi tħassib kbir l-eżistenza ta’ problemi fir-rigward tal-governanza u t-trasparenza tal-Impriża Konġunta fejn il-kumpaniji privati parteċipanti jeżerċitaw kontroll esklussiv fuq il-prijoritajiet tas-sħubija (fejn l-industrija waħedha tfassal l-aġendi strateġiċi u l-pjanijiet ta’ ħidma annwali tal-industriji b’bażi bijoloġika) u jipprivatizzaw ir-riżultati u d-data tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi pubbliċi; jinsab imħasseb, f’dak ir-rigward, li l-Industrija tirrifjuta li tiżvela dokumenti kruċjali, bħal proposti għal proġetti, għotjiet jew ftehimiet ta’ proġetti; ifakkar, f’dan ir-rigward, li dawk id-dokumenti jikkonċernaw proġetti ffinanzjati minn fondi pubbliċi; jinnota bi tħassib li l-problemi msemmija hawn fuq huma parzjalment konsegwenza loġika tal-istruttura u l-mekkaniżmi ta’ din is-sħubija pubblika-privata;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta’ attività tal-Impriża Konġunta fil-futur se jirrispetta r-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li se jsegwi l-istrateġiji fil-qasam elaborat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

6.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2019 (ir-“rapport tal-Qorti”) sab li l-kontijiet annwali tal-2019 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2019 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi ta’ flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, skont ir-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

7.

Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta li l-baġit finali disponibbli għall-2019 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 141 629 433 (li minnhom EUR 133 608 895 kienu mill-baġit tal-Unjoni) u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 182 118 821 (li minnhom EUR 145 833 500 kienu mill-baġit tal-Unjoni); jinnota, barra minn hekk, li l-baġit amministrattiv kien jinkludi surplus relattivament kbir ta’ baġit mhux użat mis-snin preċedenti u li l-approprjazzjonijiet riattivati parzjalment ġew ikkunsmati bi prijorità, u li r-riattivazzjoni ulterjuri tal-approprjazzjonijiet hija prevista fil-baġit tal-2020 permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda fi tmiem l-2019 u għandha tkun prevista permezz ta’ emenda baġitarja; jinnota li fi tmiem l-2019, il-baġit amministrattiv kiseb rata ta’ implimentazzjoni ta’ 92 % u ta’ eżekuzzjoni ta’ 78 %; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza f’dan ir-rigward;

8.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 916 064 000 fi tmiem l-2019 jinkludi madwar EUR 216 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet irrappurtati iżda li għalihom il-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma tlestiex minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza li l-kumpaniji parteċipanti s’issa pprovdew biss 3,7 % tal-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom u li dawk il-kumpaniji rrifjutaw li jiżvelaw id-data li tippermetti evalwazzjoni xierqa ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet in natura;

9.

Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-impriżi konġunti li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri privati tagħhom; jitlob l-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-impriżi konġunti; il-proċedura komuni għandha tipprevedi metodi ta’ evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprovdi l-iskrutinju tal-awditi mwettqa mill-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa jintlaħaq sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista’ jinkludi r-rekwiżiti għal kontribuzzjoni privata li titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni.

10.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li minkejja l-kanċellazzjoni ta’ EUR 18 000 000 permezz tal-ewwel baġit emendatorju li jikkumpensa għar-riattivazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-snin preċedenti ta’ EUR 25 486 657, il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati żdied għal EUR 43 950 700 fi tmiem l-2019; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

11.

Jinnota li r-rati ta’ użu ġenerali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament kienu ta’ 87,40 % u ta’ 75,87 % rispettivament; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli kienet dovuta għall-evalwazzjoni tas-sejħa tal-2019 li rriżultat f’għadd aktar baxx minn dak mistenni ta’ proposti eliġibbli għal finanzjament taħt suġġett speċifiku; jinnota, barra minn hekk, li l-baġit operattiv tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn kiseb rata ta’ implimentazzjoni ta’ 87 %; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrieżamina l-proċeduri u r-rekwiżiti tagħha għal sejħiet għal proposti u tidentifika dgħufijiet potenzjali, inkluż fir-rigward tar-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa;

12.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fi tmiem l-2019 l-Impriża Konġunta implimentat 76 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020, u li l-pagamenti ta’ prefinanzjament għal proġetti magħżula taħt is-sejħa għal proposti tal-2018 ammontaw għal 62 % tal-valur tal-pagamenti operazzjonali li saru matul is-sena; jinnota li fl-2019 l-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament mxiet ‘il quddiem meta mqabbla mal-2018 minkejja dewmien b’xi rapporti perjodiċi u bl-ammonti ta’ ċerti talbiet għall-ispejjeż li kienu taħt il-livell antiċipat; josserva li l-ħtieġa ta’ tbassir pluriennali tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali, kull sena, bis-sejħa annwali finali fl-2020, iġġib aktar sfidi u volum ogħla ta’ tranżazzjonijiet hekk kif aktar proġetti qed jitwettqu b’mod parallel; jistieden lill-Impriża Konġunta timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni sabiex tevita xogħol b’lura, pagamenti mdewma u nuqqas ta’ persunal li jistgħu jaffettwaw serjament il-volum ta’ xogħol; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi strateġija biex iżżid ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

13.

Jinnota li mill-massimu ta’ EUR 975 000 000 tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-Unjoni li għandhom jiġu allokati lill-Impriża Konġunta matul il-ħajja tagħha, l-Unjoni kkontribwiet ammont totali ta’ EUR 414 638 000 sa tmiem l-2019, u li l-kontribuzzjoni għas-sena 2019 kienet ta’ EUR 150 032 737;

14.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li mill-minimu ta’ EUR 182 500 000 ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta, EUR 3 250 000 biss tħallsu fi tmiem l-2019; jinnota, barra minn hekk, li r-Regolament (UE) Nru 560/2014 (2) ġie emendat biex jippermetti lill-membri tal-industrija jipprovdu l-kontribuzzjonijiet fi flus tagħhom fil-livell tal-proġett u li, minkejja dik l-emenda, għad hemm riskju għoli li l-membri tal-industrija mhux se jiksbu l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ flus operattivi fi tmiem il-programm tal-Impriża Konġunta; ifakkar f’dak ir-rigward li l-proġetti kollha tal-industriji pubbliċi-privati b’bażi bijoloġika (proġetti BBI) kienu maħsuba biex jiġu ffinanzjati kemm mill-flus pubbliċi kif ukoll minn appoġġ in natura u finanzjarju mill-industrija; jiddeplora l-fatt li l-aħħar ċifri disponibbli juru li l-kumpaniji parteċipanti kienu ħallsu biss ammont żgħir ħafna tal-kontribuzzjonijiet mistennija tagħhom; jinnota li b’riżultat ta’ dan, fi tmiem l-2018 id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni ddeċieda li jnaqqas b’EUR 140 000 000 il-baġit tal-2020 tal-Impriża Konġunta li jammonta għal EUR 205 000 000; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward;

Prestazzjoni

15.

Jinnota li l-Impriża Konġunta użat indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) skont Orizzont 2020 kif ukoll tmien KPIs speċifiċi tal-Impriża Konġunta stabbiliti f’SIRA 2017; jinnota li l-prestazzjoni medja tal-Impriża Konġunta fir-rigward tat-tliet KPIs ewlenin ta’ Orizzont 2020 (żmien li tinforma, żmien li tagħti għotjiet, u żmien li tħallas) taqbeż il-miri stabbiliti fl-2019; jinnota li l-ktajjen tal-valur ġodda b’bażi bijoloġika li nħolqu mill-proġetti tal-Impriża Konġunta qabżu b’mod sinifikanti l-miri ta’ SIRA;

16.

Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha.

17.

Jinnota l-valur tal-effett ta’ ingranaġġ mistenni ta’ 2,11 fi tmiem l-2019 li huwa taħt il-valur fil-mira ġenerali ta’ 2,86 fi tmiem il-programm; jinnota li l-valur tal-effett ta’ ingranaġġ huwa mistenni peress li jiġi kkalkolat billi jinkludi kontribuzzjonijiet in natura ma’ attivitajiet addizzjonali li għalihom il-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma kienx possibbli minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jinnota li l-ingranaġġ operazzjonali rrapportat qed jiżdied; jistieden lill-Impriża Konġunta twettaq azzjonijiet imtejba biex tilħaq l-effett ta’ ingranaġġ mixtieq;

18.

Jinnota li s-sejħiet tal-Impriża Konġunta huma miftuħa bis-sħiħ għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe parti kkonċernata u li l-proposti kollha rċevew sottomissjonijiet; jinnota li l-proposti miżmuma kienu jikkorrispondu għal 81 % tal-kopertura ġenerali tas-suġġett, b’erba’ suġġetti mhux koperti; jinnota b’sodisfazzjon li s-sejħa tal-2019 attirat applikanti mill-Istati Membri kollha; jinnota l-isforzi kbar tal-Impriża Konġunta fil-komunikazzjoni tal-objettivi u r-riżultati tagħha, u t-talbiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati; jinnota li l-Impriża Konġunta ħadet azzjonijiet fl-2019 b’enfasi fuq l-inkoraġġiment ta’ impenn imġedded fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-sejħiet; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tinkludi lill-Istati Membri li huma kontinwament sottorappreżentati fis-sejħiet u l-proġetti ffinanzjati tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tieħu azzjonijiet bil-għan li żżid is-suġġetti koperti;

19.

Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2019 l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta inkludew il-konklużjoni tat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja għas-sejħa tal-2018, li rriżultat fl-iffirmar ta’ 19-il ftehim ta’ għotja;

20.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kienet ta’ 63 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta;

21.

Jilqa’ r-rapport annwali tal-attività tal-Impriżi Konġunti li jinkludi l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tal-proġetti BBI; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi aktar ċifri rigward ir-riżultati tal-impatt ambjentali mistenni ta’ dawk il-proġetti, inkluża valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jadottaw metodu approfondit li jimmonitorja l-prestazzjoni, bil-għan li jevalwa l-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt f’termini soċjali u okkupazzjonali kif ukoll l-impatt fuq is-suq; huwa tal-fehma li r-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għal tqassim mill-ġdid tal-finanzjamenti tal-Unjoni;

23.

Jinnota li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat intenzjonat tal-prestazzjoni; ifakkar li d-DPI għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet tal-ħallieqa individwali iżda joffru wkoll dettalji dwar il-mod kif id-dritt ikun se jintużaw fil-futur; jinnota li billi l-attività hija ffinanzjata anki minn finanzjamenti pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u suġġetti għal rekwiżiti speċjali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku fir-rigward tad-DPI u tal-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

24.

Jinnota li sal-aħħar tal-2019, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien jinkludi 22 membru meta mqabbel mat-23 ibbaġitjati; josserva li żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ ġew varati fl-2019, waħda għal aġent kuntrattwali u waħda għal aġent temporanju, u li barra minn hekk, tliet kandidati għal żewġ karigi temporanji u aġent kuntrattwali nħatru fi tmiem l-2019 u kellhom jassumu dmirijiethom fl-ewwel trimestru tal-2020;

25.

Jinnota b’sodisfazzjon li fl-2019 l-Impriża Konġunta kisbet bilanċ ġust bejn il-ġeneri fid-diversi korpi tagħha (kumitat xjentifiku: 60 % nisa u 40 % irġiel; Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati: 48 % nisa u 52 % irġiel; uffiċċju tal-programm: 70 % nisa u 40 % irġiel; esperti tal-evalwazzjoni (sejħa għal proposti 2019): 46 % nisa u 54 % irġiel; koordinaturi tal-proġett: 44 % nisa u 56 % irġiel), bl-eċċezzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija (20 % nisa u 80 % irġiel); jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Impriża Konġunta li hija m’għandha ebda influwenza fuq l-għamla tal-Bord ta’ Tmexxija; jinnota b’sodisfazzjon il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal involut fil-proġetti tal-Impriża Konġunta (46 % nisa u 54 % irġiel);

26.

Jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta kompliet tuża l-kuntratti qafas u l-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz eżistenti tal-Kummissjoni kif ukoll varat proċeduri speċifiċi ta’ sejħiet għall-offerti, u barra minn hekk li għall-persunal interim u s-servizzi komuni tal-IT hija ffirmat ukoll kuntratti speċifiċi skont il-kuntratti qafas ġestiti b’mod konġunt ma’ impriżi konġunti oħra fil-white atrium; jinnota wkoll li fil-bidu tal-2018, l-uffiċċju tal-programm implimenta verżjoni ssimplifikata tal-proċedura interna għall-offerti u l-iffirmar ta’ kuntratti ta’ akkwist, u li implimenta aktar titjib u simplifikazzjonijiet fl-2019; jinnota li hija stabbilita sistema ta’ kontroll ex ante biex tiġi żgurata l-korrettezza tal-pagamenti kollha u jiġi evitat finanzjament doppju, f’konformità mal-istrateġiji ta’ kontroll ex ante u ta’ kontra l-frodi ta’ Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta tqis ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-IT tagħha lil fornituri esterni; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’aktar dettalji dwar ir-reklutaġġ ta’ persunal interim u b’mod partikolari dwar jekk dak ir-reklutaġġ kienx soluzzjoni temporanja meħtieġa biex jiġi indirizzat volum akbar ta’ xogħol;

Awditu intern

27.

Jinnota li fl-2019, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) ivverifika l-proċessi ta’ għotjiet ta’ Orizzont 2020 implimentati mill-Impriża Konġunta, u li kkonkluda li, b’mod ġenerali, l-Impriża Konġunta stabbiliet sistema ta’ kontroll intern effikaċi u effiċjenti filwaqt li pprovdiet ukoll rakkomandazzjonijiet; jinnota li l-Impriża Konġunta aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet u qablet dwar pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta’ kwittanza l-livell ta’ implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien żejjed; jinnota li l-IAS nieda t-tieni valutazzjoni tar-riskju tiegħu f’Novembru 2019 sabiex jidentifika u jipprijoritizza s-suġġetti tal-awditjar li se jikkostitwixxu l-pjan strateġiku ta’ awditjar intern għall-2021-2023;

28.

Josserva li l-uffiċċju tal-programm ippjana azzjonijiet sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ okkorrenza ta’ riskji identifikati u l-impatt tar-riskji materjalizzati, wara l-valutazzjoni annwali tar-riskju li bdiet f’Settembru 2019, u li r-reazzjonijiet għar-riskji ppjanati għall-2019 ġew implimentati; jinnota li bejn Ġunju u Settembru tal-2019, l-uffiċċju tal-programm wettaq awtovalutazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern (ICSs) tiegħu biex jivvaluta l-livell attwali ta’ implimentazzjoni tal-ICSs u biex jesplora l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jgħolli l-qafas ta’ kontroll intern (QKI) tal-organizzazzjoni għal livell ogħla ta’ maturità; jinnota li minn dik il-valutazzjoni ġew identifikati ftit każijiet ġodda u dawk l-aktar importanti huma relatati mas-sejbiet tal-IAS fejn ġew miżjuda azzjonijiet korrettivi mal-pjan ta’ azzjoni; jinnota li ma ħareġ l-ebda riskju kritiku fil-kuntest tal-konformità, l-effikaċja u l-effiċjenza; jinnota wkoll li fl-2019 l-uffiċċju tal-programm ħejja l-kundizzjoni għal tranżizzjoni effettiva għal QKI ġdid f’konformità mal-aktar prattika riċenti tal-korpi tal-Unjoni;

29.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante affidabbli li huma bbażati fuq eżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; jinnota li l-Impriża Konġunta jeħtiġilha timplimenta l-QKI l-ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq il-prinċipji, u li sa tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta kienet lestiet analiżi tad-distakk meta mqabbla mas-sistema ta’ kontroll intern eżistenti u żviluppat indikaturi tal-prestazzjoni għall-prinċipji l-ġodda kollha ta’ kontroll intern u l-karatteristiċi relatati, u li l-Bord ta’ Tmexxija tagħha adotta l-qafas ta’ kontroll intern ġdid fi Frar 2020;

30.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 0,6 % u rata ta’ żball residwu ta’ 0,47 % għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali) abbażi tar-riżultati tal-awditu ex post tas-servizz ta’ awditjar komuni tal-Kummissjoni fi tmiem l-2019, imqabbla mal-valur fil-mira tal-livell ta’ żball residwu fl-għeluq tal-programmi li għandu jkun kemm jista’ jkun qrib it-2 %;

31.

Jinnota bi tħassib s-sejba tal-Qorti li awditi ddettaljati ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li ttieħdu b’mod każwali fl-2019 fil-livell tal-benefiċjarji finali biex jikkorroboraw ir-rati ta’ żbalji tal-awditu ex post żvelaw żbalji kwantifikabbli żgħar relatati mal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li s-sorsi ewlenin ta’ żbalji tagħhom kienu l-użu ta’ rati fis-siegħa annwali u ta’ rati fis-siegħa esaġerati fix-xahar; jistieden lill-Impriża Konġunta timmonitorja b’mod diliġenti l-kundizzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet li fuqhom isiru l-pagamenti, sabiex fil-futur jiġu evitati talbiet għal pagamenti ineliġibbli;

32.

Jinnota li f’Marzu 2018 ġie adottat pjan ta’ azzjoni, wara r-rapport ta’ evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni dwar l-Impriża Konġunta ppubblikat fl-2017; jinnota li l-Impriża Konġunta qed timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, u li fl-2019 il-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew segwiti skont l-iskadenzi miftiehma filwaqt li oħrajn kienu għadhom għaddejjin; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tagħmel sforzi biex tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar is-sitwazzjoni attwali sa Ġunju 2021;

Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza

33.

Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli dwar il-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-korpi kollha tagħha fi tmiem l-2017, u li l-uffiċċju tal-programm żviluppa sett komprensiv ta’ regoli u proċeduri li huma implimentati b’mod effettiv fl-istruttura ta’ governanza kollha tagħha; jinnota, barra minn hekk, li fl-2019, parti minn dak il-qafas ġiet awditjata mill-IAS. iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tevalwa mill-ġdid u taġġorna r-regoli adottati fl-2017; jiddispjaċih li l-Impriża Konġunta naqset milli tippubblika jew tagħmel disponibbli fuq talba s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tad-direttur eżekuttiv tagħha u tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha;

34.

Jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-politika ta’ finanzjament tagħha tal-lobbying industrijali u l-ħidma dwar ir-relazzjonijiet pubbliċi li għandha fil-mira r-regolaturi tal-UE;

35.

Jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza fid-dettall dwar il-miżuri li adottat għall-ġlieda kontra l-fastidju u l-frodi, għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u għall-protezzjoni tal-informaturi;

Kummenti oħra

36.

Jinnota li għaddejjin negozjati u ħidma preparatorja għall-istabbiliment ta’ Ewropa ċirkolari b’bażi bijoloġika (CBE) bħala suċċessur possibbli tal-Impriża Konġunta; jinnota li l-objettivi ewlenin tas-CBE għandhom ikunu l-adozzjoni ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament ibbilanċjati u trasparenti, il-monitoraġġ kontinwu tal-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi tal-programm tagħha u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida li tgħin tevita li s-sħab privati ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom; jiddispjaċih li tali sforzi għal titjib ma kinux diġà saru fl-2019 biex jittejbu l-prestazzjoni u t-trasparenza tal-Impriża Konġunta;

(1)  ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).