24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/414


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1645 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (qabel l-4 ta’ Lulju 2019: Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija) għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0078/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2019 kien EUR 16 147 153, li jirrappreżenta żieda ta’ 19,06 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija ġej kollu kemm hu mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,50 %, li tfisser li l-Aġenzija għaddiet l-objettiv ippjanat tagħha b’żieda ta’ 0,25 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 81,35 %, li tfisser tnaqqis ta’ 1,62 % meta mqabbla mal-2018;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li l-Aġenzija tkompli tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud offrut mill-attivitajiet tagħha, b’mod partikolari biex tistma l-impatt u l-effett tal-kodiċijiet tan-network, biex iżżomm rendikont tal-ammendi kollha imposti u biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha;

3.

Jinnota li l-Aġenzija rnexxielha tadotta deċiżjonijiet, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet sinifikanti fis-swieq tal-Unjoni tal-elettriku u tal-gass li rriżultaw mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (2) (REMIT); jinnota bi tħassib li xi kompiti ma ngħatawx prijorità jew ma ġewx eżegwiti minħabba nuqqas ta’ riżorsi;

4.

Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Aġenzija baqgħet testernalizza s-servizzi ta’ kontabbiltà lill-Kummissjoni u tikkondividi r-riżorsi ma’ Aġenziji oħra fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, il-baġit u l-finanzi, l-akkwist u l-ġestjoni tal-faċilitajiet; iqis tali inizjattiva bħala eżempju validu biex l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni jsegwu;

5.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha u żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u -sigurtà);

6.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ proċeduri ta’ operazzjonijiet u ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa’ tkun proattiva f’dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni akkost ta’ kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Politika dwar il-persunal

7.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet 100 % implimentata, b’67 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 67 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma’ 67 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota, barra minn hekk, li fl-2019 ħadmu għall-Aġenzija 26 aġent kuntrattwali u erba’ esperti nazzjonali sekondati;

8.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija (ħamest irġiel u mara waħda) u fil-Bord tal-Amministrazzjoni (11-il raġel u seba’ nisa); jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Aġenzija;

9.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija kienet qed tuża ħaddiema interim biex twettaq kompiti fit-tul ħalli tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ membri tal-persunal impjegati direttament;

10.

Jinnota bi tħassib li skont ir-Rapport Speċjali 22/2020 tal-Qorti intitolat “Il-futur tal-aġenziji tal-UE – Potenzjal għal aktar flessibbiltà u kooperazzjoni”, l-Aġenzija hija esposta għar-riskju ta’ riżorsi limitati li jwassal għat-tnaqqis tal-ordni ta’ prijoritajiet ta’ lista twila ta’ kompiti;

11.

Jilqa’ favorevolment il-fatt li l-Aġenzija rċeviet riżorsi addizzjonali fil-kuntest tal-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha;

12.

Jinnota li l-Aġenzija adottat deċiżjoni dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, li ġew organizzati diversi korsijiet ta’ taħriġ għall-iskop li jżidu s-sensibilizzazzjoni u joffru lill-persunal informazzjoni u tali korsijiet huma obbligatorji għall-impjegati l-ġodda; jinnota li ġie rrappurtat każ wieħed ta’ allegat fastidju, iżda ħadd ma ġie investigat u ħadd ma tressaq il-qorti;

13.

Jinsab mħasseb dwar id-daqs kbir tal-Bord tal-amministrazzjoni tal-aġenzija, fatt li jikkomplika l-proċess deċiżjonali u jiġġenera spejjeż amministrattivi konsiderevoli;

14.

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà;

Sostenibbiltà

15.

Jiddispjaċih li l-Aġenzija għadha ma ffissatx objettivi ta’ tnaqqis ta’ CO2; jilqa’ pożittivament madankollu l-isforzi li għamlet l-Aġenzija bil-għan li toħloq qafas ta’ ħidma li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha li ħadet l-Aġenzjija bil-għan li tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha, il-konsum tal-enerġija tagħha u tiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;

Akkwist pubbliku

16.

Jinnota li 67 proċedura ta’ akkwist tlestew mis-47 proċedura ppjanata għall-2019; jinnota li wara l-osservazzjoni tal-Qorti dwar l-użu tal-akkwist elettroniku, l-Aġenzija implimentat is-sejħiet għall-offerti elettroniċi fl-2019 u jirrikonoxxi li s-sottomissjonijiet elettroniċi ta’ offerti kienu qed jiġu implimentati fl-2020;

17.

Jinnota li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet bl-ammont totali mħallas b’mod irregolari li jikkorrispondi għal EUR 988 138,00, li jirrappreżenta 6,3 % tal-pagamenti kollha li saru mill-Aġenzija fl-2019; jinnota li l-pagamenti irregolari osservati kienu relatati ma’ żewġ proċeduri ta’ akkwist irregolari li ma kinux twettqu kif preskritt wara proċeduri kompetittivi;

18.

Jinnota r-risposta tal-Aġenzija għas-sejba tal-Qorti u l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tipprevjeni li dawn il-proċeduri ta’ akkwist irregolari jerġgħu jseħħu;

19.

Jiddispjaċih li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata abbażi ta’ żewġ proċeduri ta’ akkwist irregolari, li għalihom l-Aġenzija kienet naqset milli twettaq proċeduri ta’ akkwist kompetittivi u xierqa, u dan ifisser li l-pagamenti kollha assoċjati huma irregolari; jinsab inkwetat immens bil-fatt li l-pagamenti irregolari li saru skont il-kuntratti li rriżultaw minn tali proċeduri ta’ akkwist irregolari jirrappreżentaw 6,3 % tal-pagamenti kollha li saru mill-Aġenzija fl-2019.

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

20.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li ġie identifikat każ ta’ kunflitt ta’ interess fl-2019, li rriżulta f’valutazzjoni mill-Bord ta’ Regolaturi u mill-unità tar-riżorsi umani li ddeċidew li ma jiħdux azzjoni addizzjonali;

21.

Jinnota b’sodisfazzjon li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess ta’ tal-Bord tal-Amministrazzjoni u tal-maniġment superjuri ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

22.

Jinnota l-kontinwazzjoni tal-azzjonijiet li ttieħdu biex tittejjeb it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija billi jiġu rrappurtati l-laqgħat li l-persunal tal-Aġenzija jkollu mal-partijiet ikkonċernati esterni, b’mod partikolari l-laqgħat tad-direttur mal-organizzazzjonijiet u l-individwi li jaħdmu għal rashom, u d-disponibbiltà tagħhom fuq is-sit web tal-Aġenzija;

23.

Jinnota bi tħassib is-sejba tal-Qorti li l-proċeduri ta’ reklutaġġ ma ġewx applikati kif xieraq għall-proċess ta’ selezzjoni, u dan irriżulta fin-nuqqas min-naħa tal-Aġenzija li tirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali u li tapplika kontrolli interni effikaċi;

24.

Jenfasizza l-fatt li l-qafas etiku li japplika attwalment għall-istituzzjonijiet u għall-aġenziji tal-Unjoni jippreżenta inkonvenjenti notevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta’ konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji kollha tal-Unjoni;

25.

Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

26.

Jinnota li l-Aġenzija rrappurtat li l-qafas ta’ kontroll intern tagħha huwa effikaċi u li l-valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tiegħu ma żvelatx nuqqasijiet, ħlief għal nuqqas żgħir wieħed li jikkonċerna n-nuqqas ta’ reġistrazzjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet tagħha; jinnota bi tħassib li l-Qorti sabet li r-reġistru tal-eċċezzjonijiet ma kienx imtela kif suppost; jirrakkomanda li l-Aġenzija tirreġistra l-eċċezzjonijiet u l-avvenimenti kollha mhux konformi fir-reġistru, u li dawn jitqiesu kif xieraq fil-valutazzjoni annwali tal-qafas ta’ kontroll intern;

27.

Jinnota li l-pjan ta’ awditjar strateġiku għall-Aġenzija għall-perjodu mill-2017 sal-2019 ġie implimentat bis-sħiħ u s-servizz tal-awditjar intern iddetermina s-suġġetti ta’ awditjar għall-perjodu ta’ ppjanar li jmiss;

28.

Jinnota li tlieta mill-ħames azzjonijiet li rriżultaw mill-valutazzjoni tar-riskju tas-servizz tal-awditjar intern ġew implimentati bis-sħiħ fl-oqsma tal-kontinwità tal-attivitajiet, il-ġestjoni tad-dokumenti u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi tal-azzjonijiet li għaddejjin għall-governanza tal-IT u s-sorveljanza tas-suq fl-ambitu ta’ REMIT;

Kummenti oħra

29.

Jinnota li l-Aġenzija fittxet oqsma ta’ titjib fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà, billi stabbiliet mekkaniżmu biex teżamina mill-ġdid l-istandards u l-linji gwida kull sena; jirrikonoxxi l-ħolqien ta’ funzjoni ta’ awditjar minn parti terza biex jiġu evalwati l-proċessi tal-Aġenzija minn perspettiva taċ-ċibersigurtà;

30.

Jilqa’ favorevolment l-isforzi tal-Aġenzija biex toffri post tax-xogħol effikaċi f’termini tal-kostijiet u ekokompatibbli;

31.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 120, 29.03.2019, p. 139.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.