24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/349


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1621 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0092/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 17 247 000, li jfisser tnaqqis ta' 0,93 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija jiġi prinċipalment mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kienet kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,88 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta' 0,15 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 85,69 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,93 % meta mqabbla mal-2018;

Prestazzjoni

2.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud mogħti mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħalma huma l-ispezzjonijiet u x-xejriet tal-ksur, l-attendenza għal sessjonijiet ta' taħriġ u l-implimentazzjoni tal-baġit kull tliet xhur;

3.

Jinnota li l-Aġenzija implimentat 99 % tal-attivitajiet tagħha fil-ħin u implimentat b'mod sħiħ il-pjan strateġiku annwali tal-komunikazzjoni tagħha fl-2019; jenfasizza li fl-2019 l-Aġenzija kkoordinat 32 381 spezzjoni tal-bastimenti tas-sajd, li wasslu għall-identifikazzjoni ta' 1 487 każ ta' ksur suspettat, u dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw żieda ta' 20,2 % u 107,8 % rispettivament meta mqabbla maċ-ċifri tal-2018; iqis li dawk iċ-ċifri juru li l-ispezzjonijiet u l-attivitajiet ta' segwitu tagħhom jibqgħu għodda essenzjali biex ikun żgurat li r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS) jiġu rrispettati;

4.

Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2019 l-Aġenzija wessgħet b'mod sinifikanti l-ambitu tal-attivitajiet tagħha mingħajr riżorsi addizzjonali; jisħaq b'mod partikolari li l-Aġenzija kkoordinat miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza applikabbli għal madwar 45 speċi ta' ħut addizzjonali fl-ilmijiet Ewropej, inklużi l-ispeċijiet kollha soġġetti għar-rekwiżiti tal-ħatt l-art, u estendiet dawk l-attivitajiet għas-sajd rikreattiv (il-bakkaljaw fil-Punent tal-Baħar Baltiku);

5.

Ifakkar fl-importanza tal-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS; jirrikonoxxi l-kontribut vitali tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni ta' dawk l-objettivi; jisħaq li r-reviżjoni li għaddejja tar-regolamenti li jirregolaw il-kontroll tas-sajd se twassal għal żieda fil-volum ta' xogħol tal-Aġenzija; jenfasizza l-inkoerenza fit-tfittxija li jiġu indirizzati l-obbligi dejjem akbar mingħajr riżorsi suffiċjenti biex dan isir; jisħaq, għalhekk, li fis-snin li ġejjin jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli għall-Aġenzija;

6.

Jinnota li l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) adottaw arranġament ta' ħidma tripartitiku li jiddefinixxi l-kooperazzjoni bejn dawk l-aġenziji u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta' gwardja tal-kosta billi jipprovdu servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ, kif ukoll billi jikkoordinaw operazzjonijiet b'diversi għanijiet; jinnota li, matul l-2019, l-Aġenzija estendiet il-kooperazzjoni operattiva mal-Europol u l-Eurojust fil-qafas tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali, li tkopri l-attivitajiet tas-sajd illegali; iqis dawk l-arranġamenti bħala eżempju ta' suċċess ta' sinerġija bejn l-aġenziji tal-Unjoni li għandu jservi bħala sors ta' ispirazzjoni għal aġenziji f'oqsma oħra;

7.

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha, bħala mezz biex tnaqqas il-burokrazija;

8.

Jinnota li r-riżultati tat-tieni evalwazzjoni esterna indipendenti li ssir kull ħames snin tal-Aġenzija għall-perjodu 2012-2016 ġew ippreżentati fl-2017; jinnota b'sodisfazzjon li, mill-11-il rakkomandazzjoni li saru, 10 ġew implimentati u li fil-każ tal-aħħar rakkomandazzjoni, li għadha mhux konkluża, qed isir progress b'konformità mal-pjan direzzjonali ppreżentat lill-bord amministrattiv fit-22 ta' Ottubru 2019;

9.

Jinnota li, f'kooperazzjoni mal-Fora tal-Gwardji tal-Kosta, l-Aġenzija appoġġat it-tielet sessjoni ta' ħidma tal-Forum Ewropew tal-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta (ECGFF) dwar l-"Operazzjonijiet Marittimi b'Diversi Għanijiet" (MMO) li sar f'Catania, Sqallija, fl-Italja mit-3 sal-5 ta' Ġunju 2019 u li għalih attendew 90 delegat minn 16-il Stat Membru, l-EMSA u l-Frontex;

10.

Jenfasizza l-assistenza pprovduta mill-Aġenzija lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-rwol kruċjali tal-Aġenzija biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti mal-istati kostali kollha; jisħaq, f'dak ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati lill-Aġenzija bil-għan li jkun possibbli li tiġi ġestita ż-żieda fil-volum ta' xogħol ikkawżata mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u kwalunkwe konsegwenza potenzjali tar-relazzjoni l-ġdida għall-qafas ta' kontroll tas-sajd;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet 96,72 % mimlija, u nħatru 59 aġent temporanju mill-61 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (61 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019, l-Aġenzija ħaddmet 10 aġenti kuntrattwali u sitt esperti nazzjonali sekondati;

12.

Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex tibni ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversifikati u inklużivi billi tieħu azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta l-possibbiltajiet ta' tisħiħ u integrazzjoni ulterjuri tal-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ, fit-taħriġ, fl-iżvilupp tal-karriera u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll biex tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-persunal dwar dawk l-aspetti; jitlob lill-Aġenzija teżamina t-titjib u l-modifiki possibbli u raġonevoli tal-binjiet tal-Aġenzija (l-aċċess, it-tagħmir tal-uffiċċju adegwat) għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew diżabilitajiet oħra;

13.

Jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas totali ta' bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali superjuri u fil-bord amministrattiv (43 raġel u 13-il mara); jiddeplora l-fatt li n-nisa jirrappreżentaw biss 26 % tal-persunal impjegat fil-gradi AD 8 jew ogħla, filwaqt li jirrappreżentaw kważi nofs il-persunal totali; jinnota b'sodisfazzjon, madankollu, it-titjib ta' dik iċ-ċifra b'9 punti perċentwali meta mqabbla mal-2018 u b'2 punti perċentwali meta mqabbla mal-2017; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tikseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija;

14.

Jieħu nota tal-politika tal-Aġenzija li tippromwovi t-trattament ugwali tal-persunal u l-objettiv ta' bilanċ bejn il-ġeneri f'termini ta' numri, gradi u livelli ta' responsabbiltà;

15.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persunal tagħha, l-iggwidar u l-iżvilupp tal-karriera tul il-ħajja, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, in-nondiskriminazzjoni, il-bilanċ ġeografiku u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità; jinnota li l-Aġenzija qed tħejji strateġija b'firxa wiesgħa għar-riżorsi umani li għandha titlesta sa tmiem l-2020;

Akkwist

16.

Jenfasizza li l-attività ewlenija tal-akkwist fl-2019 kienet iffukata fuq it-tnedija ta' żewġ sejħiet miftuħa rispettivament għall-iżvilupp tas-software u s-servizzi tal-IT, u għas-servizzi u l-materjali tal-komunikazzjoni;

17.

Jilqa' l-fatt li, b'segwitu għall-objettiv tal-aġenziji tal-Unjoni li jaqsmu l-isforzi tal-akkwist, l-Aġenzija varat sejħa għall-offerti interistituzzjonali miftuħa fl-2019 u li żewġ aġenziji oħra ngħaqdu ma' dik il-proċedura ta' akkwist; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar iżviluppi futuri rigward il-proċeduri ta' akkwist konġunti tagħha; iqis dik il-prattika bħala eżempju li ta' min wieħed isegwi; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora aktar il-possibbiltajiet ta' simplifikazzjoni tal-proċeduri ma' istituzzjonijiet oħrajn;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

18.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jiddispjaċih li xi CVs u dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-bord amministrattiv u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dak ir-rigward;

19.

Jissottolinja l-impenn meħud mill-Aġenzija biex tittejjeb it-trasparenza tal-attivitajiet tagħha billi jiġu rrappurtati l-laqgħat li l-persunal u d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jkollhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u li dawn ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija; jiddispjaċih li dik l-informazzjoni tidher f'taqsima li teżisti biss fil-verżjoni Ingliża tas-sit web tagħha; jistieden lill-Aġenzija twettaq l-impenn tagħha u taġġorna regolarment il-paġna ddedikata għal dik l-informazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tas-sit web tagħha;

20.

Jilqa' l-isforzi tal-Aġenzija biex iżżid il-viżibbiltà tal-azzjoni tagħha kemm fl-istampa tradizzjonali kif ukoll fin-networks soċjali; jemmen li l-istrateġija ta' komunikazzjoni implimentata mill-Aġenzija tikkontribwixxi għal fehim aħjar mill-pubbliku ġenerali tar-rwol, l-organizzazzjoni istituzzjonali u l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tas-sajd; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f'dik id-direzzjoni u ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari mal-komunità xjentifika u akkademika;

Kontrolli interni

21.

Jinnota li fl-2019, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar "L-Implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Pjanijiet ta' Eżerċizzju Konġunt (JDP)" u li kien hemm qbil dwar pjan ta' azzjoni għal oqsma fejn potenzjalment jista' jkun hemm titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda;

22.

Jinnota li, fl-2018, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar "L-Ippjanar, l-Ibbaġitjar u l-Monitoraġġ fl-Aġenzija" u li kien hemm qbil dwar pjan ta' azzjoni għal oqsma fejn potenzjalment jista' jkun hemm titjib; jinnota li l-Aġenzija implimentat erbgħa minn ħames rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda;

23.

Jinnota li, f'April 2019, il-bord amministrattiv tal-Aġenzija adotta qafas ta' kontroll intern rivedut allinjat mal-qafas ta' kontroll intern adottat mill-Kummissjoni u meħtieġ skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid tal-EFCA (2); jinnota li l-valutazzjoni annwali tal-qafas ta' kontroll intern ikkonkludiet li hemm bżonn ta' miżuri biex jitjieb aktar il-komponent tal-attivitajiet ta' kontroll, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-kuntratti; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar;

24.

Jinnota bi tħassib li fl-2019 ġew irreġistrati tliet eċċezzjonijiet u każ wieħed ta' nonkonformità, b'valur nozzjonali totali ta' EUR 46 000, l-aktar fir-rigward ta' dewmien fl-iffirmar tal-emendi tal-kuntratti; jinnota li, għalkemm valur nozzjonali ġie attribwit għall-avvenimenti, ma kien hemm l-ebda telf jew impatt finanzjarju għall-Aġenzija u li qed jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu evitati żbalji bħal dawn; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar;

Kummenti oħra

25.

Jinnota li l-Aġenzija nediet proċess sabiex tiġi ċċertifikata fl-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali ("EMAS") tal-UE u ħadet sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li tnaqqas l-impatt globali tagħha fuq l-ambjent; jirrimarka, madankollu, li l-Aġenzija ma għandha l-ebda miżura addizzjonali fis-seħħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 jew tikkumpensa għalihom;

26.

Jinnota li l-Aġenzija wettqet analiżi tal-impatt probabbli tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u identifikat il-passi ta' mitigazzjoni meħtieġa;

27.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 192, 8.6.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 19-W-5 tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tad-29.8.2019 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (https://www.efca.europa.eu/sites/default/files/AB%20Decision%2019-W-5_Financial%20Regulation.pdf).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.