24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/296


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1603 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0104/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (iċ-"Ċentru") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 59 206 000, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 2,03 % meta mqabbel mal-2018; billi 97,68 % tal-baġit taċ-Ċentru huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,23 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,71 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 81,41 %, li meta mqabbla mas-sena ta' qabel tirrappreżenta żieda żgħira ta' 0,19 %;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li ċ-Ċentru juża diversi mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) inklużi fid-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni tiegħu għall-perjodi 2020-2022 u 2021-2023 sabiex jevalwa l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tiegħu kif ukoll il-lista ta' KPIs inkluża fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2015, fost indikaturi oħra, biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu; jinnota li l-KPIs ġew kemxejn riveduti u li l-lista ġiet riveduta kompletament għad-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni 2021-2023; jinnota li 90,30 % tal-attivitajiet tal-programm ta' ħidma għall-2019 ġew implimentati;

3.

Josserva li ċ-Ċentru jiddeskrivi bħala "għadha għaddejja" l-istatus tal-azzjoni meħuda fir-rigward tar-rakkomandazzjoni tal-awtorità ta' kwittanza mis-sena li għaddiet dwar ir-rwol taċ-Ċentru fl-iżvilupp ta' għodod għad-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-indirizzar ta' pandemija; jistieden liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta' kwittanza fil-ħin dwar l-istatus tal-pjan ta' azzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija attwali u l-mitigazzjoni tal-effetti negattivi tagħha;

4.

Jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru jaqsam l-aħjar prattiki u jaħdem b'mod regolari ma' aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Kummissjoni, b'mod aktar speċifiku, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel; jinnota, barra minn hekk, li ċ-Ċentru jipparteċipa fi proċeduri ta' akkwist interistituzzjonali u fl-użu ta' servizzi kondiviżi, prinċipalment servizzi tal-IT u stħarriġ tal-persunal; jinnota li ċ-Ċentru qed juża servizzi kondiviżi offruti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea għal skopijiet ta' kontinwità tal-operat fl-irkupru minn diżastri; jilqa' l-użu tal-KPIs biex jiġu vvalutati l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni taċ-Ċentru;

5.

Jinnota li evalwazzjoni esterna għall-perjodu 2013-2017 ġiet konkluża fl-2018-2019 u r-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjoni ġew adottati fl-2020; jilqa' l-fatt li l-evalwazzjoni kkonkludiet li ċ-Ċentru kiseb suċċess fl-appoġġ li ta fl-oqsma ta' prijorità tal-politika tal-Unjoni u nazzjonali u wera l-kapaċità li jadatta b'suċċess għall-iżviluppi tal-politika; jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru ġie evalwat b'mod pożittiv fir-rigward tal-koerenza tal-azzjonijiet tiegħu u l-koordinazzjoni ma' korpi rilevanti oħra; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tal-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni; huwa, madankollu, tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-ħidma taċ-Ċentru għandha ssir mill-Kummissjoni minflok mill-bord tal-amministrazzjoni taċ-Ċentru;

6.

Jinnota li d-denominazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru, bħala aġenzija tal-Unjoni, hija l-euro; madankollu, peress li s-sede tiegħu tinsab barra miż-żona tal-euro (l-Iżvezja), ħafna mill-ispejjeż tiegħu jsiru bil-krona Żvediża (SEK); barra minn hekk, jirrikonoxxi li ċ-Ċentru huwa espost għal fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju, peress li mhux biss il-kontijiet bankarji tiegħu huma fil-krona Żvediża, iżda jwettaq ukoll ċerti tranżazzjonijiet f'muniti barranin oħrajn;

7.

Huwa tal-fehma li ċ-Ċentru għandu kwistjoni li ilha teżisti bin-nuqqas ta' kompetenzi meħtieġa u d-dritt li jikkoordina; iqis li, mingħajr il-kompetenzi xierqa u mingħajr dritt għal koordinazzjoni aħjar mal-korpi nazzjonali, iċ-Ċentru mhux se jkun jista' jissodisfa l-aspettattivi li wasslu għall-istabbiliment tiegħu; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2020 (2) biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 (3) u biex jissaħħaħ il-mandat taċ-Ċentru;

8.

Ifaħħar liċ-Ċentru għall-involviment proattiv tiegħu mal-midja biex jiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja, l-internet u l-midja soċjali, bil-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar ħidmitu;

9.

Ifakkar li l-missjoni taċ-Ċentru hija li jidentifika, jivvaluta u jikkomunika t-theddidiet kurrenti u emerġenti għas-saħħa tal-bniedem minn mard jittieħed; jisħaq li, fl-2019, iċ-Ċentru wieġeb għal 34 talba xjentifika formali mill-Kummissjoni (li għaxra minnhom tressqu mill-Membri), u ppubblika total ta' 219-il rapport, li jinkludu 24 valutazzjoni tar-riskju rapida li jindirizzaw it-theddid ta' mard;

10.

Jissottolinja li l-Qorti, fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 21/2019 (4), sabet li l-azzjonijiet taċ-Ċentru pprovdew appoġġ siewi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 95,56 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, u 172 aġent temporanju minn total ta' 180 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni kienu ġew maħtura (meta mqabbel ma' 180 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota wkoll li, barra minn hekk, fl-2019 kienu jaħdmu għaċ-Ċentru 96 aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat wieħed;

12.

Jinnota li ċ-Ċentru rrapporta bilanċ bejn il-ġeneri relattivament tajjeb għall-2019 fir-rigward tal-maniġers superjuri (erba' rġiel u żewġ nisa) u fir-rigward tal-bord tal-amministrazzjoni tiegħu (12-il raġel u 15-il mara); ifaħħar ir-rappreżentanza ġeografika tal-persunal fi ħdan iċ-Ċentru;

13.

Jinsab imħasseb dwar l-għadd kbir ta' membri tal-bord tal-amministrazzjoni taċ-Ċentru, li jagħmel it-teħid ta' deċiżjonijiet wieħed diffiċli u jiġġenera ammont konsiderevoli ta' spejjeż amministrattivi;

14.

Iħeġġeġ liċ-Ċentru jagħmel sforzi favur l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

15.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi taċ-Ċentru biex jipprevjeni l-fastidju; jilqa' l-fatt li ma ġie rrappuratat l-ebda każ ta' fastidju fl-2019;

Sostenibbiltà

16.

Jiddispjaċih li ċ-Ċentru għadu ma ffissax objettivi ta' tnaqqis ta' CO2; jilqa', madankollu, l-isforzi li għamel iċ-Ċentru biex joħloq qafas ta' ħidma li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent kif ukoll il-miżuri kollha li ħa ċ-Ċentru bil-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju u l-konsum tal-enerġija tiegħu, kif ukoll jiżviluppa fluss tax-xogħol mingħajr karti;

Akkwist pubbliku

17.

Jirrikonoxxi li, għat-tnedija ta' 11-il proċedura ta' akkwist fl-2019, intużaw flussi ta' xogħol elettroniċi għall-akkwist, abbażi tal-applikazzjoni e-PRIOR tad-DĠ DIGIT tal-Kummissjoni; jinnota li l-flussi tax-xogħol elettroniċi interni ġodda taċ-Ċentru, li jkopru l-akkwist, il-proċessi legali u n-notifiki tat-tibdil tal-persunal, żguraw li l-proċessi jkunu aktar effiċjenti u li jkun hemm aktar konformità; jinnota li ċ-Ċentru qaleb għal sistema ġdida għal pubblikazzjonijiet ex ante u li l-għodda ta' stħarriġ tal-Unjoni ġiet implimentata;

18.

Jinnota li tnejn minn tliet osservazzjonijiet tal-Qorti ġew implimentati, waħda rigward il-kontrolli ex ante mwettqa fir-rigward tal-kuntratt qafas tal-IT u waħda rigward kuntratti ta' servizzi ta' konferenza u ta' tagħmir multimedjali; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta dwar l-istatus tal-azzjonijiet meħuda biex jirrispondi għat-tielet osservazzjoni, jiġifieri fir-rigward tal-istruttura u d-dokumentazzjoni tal-kontrolli u r-rikonċiljazzjonijiet fir-rigward tal-formoli tal-ordnijiet, ir-riżultati tanġibbli u l-fatturi;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

19.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' wħud mid-dikjarazzjonijiet ta' interess u mis-CVs tal-bord tal-amministrazzjoni u tal-forum konsultattiv; jistieden liċ-Ċentru jippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-bord tal-amministrazzjoni u tal-forum konsultattiv u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; jinnota li ċ-Ċentru adotta politika ta' indipendenza li tirrikjedi sistematikament il-ġbir u l-ispezzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi mit-tim tal-maniġment superjuri tiegħu, mill-membri ewlenin tal-persunal u mill-esperti esterni li jipparteċipaw fl-attivitajiet xjentifiċi taċ-Ċentru;

20.

Jinnota li ċ-Ċentru rreġistra u għalaq każ wieħed ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-2019 u li ttieħdu l-miżuri xierqa, u jinnota li, b'riżultat ta' dan, inħarġet tfakkira bil-miktub lill-membri tal-persunal dwar id-dmirijiet tagħhom skont ir-Regolament tal-Persunal; jinnota li fl-2019 ġew identifikati u investigati aktar 29 kunflitt ta' interess potenzjali rilevanti, li għal 21 minnhom ġew applikati miżuri ta' mitigazzjoni; jinnota li ċ-Ċentru rreġistra laqgħat mal-lobbisti u li dawn isiru pubbliċi fuq talba; jisħaq li ċ-Ċentru jeħtieġlu jkompli jtejjeb il-qafas tal-etika tiegħu billi jadotta miżuri ta' protezzjoni tal-informaturi;

21.

Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

22.

Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

23.

Jinnota li l-pjan ta' awditjar attwali taċ-Ċentru jkopri l-perjodu mill-2018 sal-2020; jinnota li l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti kollha ġew ikkunsidrati u ġew żviluppati pjanijiet ta' azzjoni xierqa; jinnota li wara l-awditu tal-2019 tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar "It-Tħejjija u r-Rispons fl-ECDC", inħarġu ħames rakkomandazzjonijiet, tnejn ikklassifikati bħala importanti ħafna u tlieta bħala importanti, li minnhom waħda importanti ħafna u waħda importanti diġà ġew implimentati; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet li fadal;

24.

Jinnota li fl-2019 iċ-Ċentru rreġistra 46 każ fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet li ġew analizzati konsegwentement, u li ġie żviluppat pjan ta' azzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta' eċċezzjonijiet;

25.

Jinnota li fl-2019 il-bord tal-amministrazzjoni approva l-qafas ta' kontroll intern aġġornat taċ-Ċentru u l-kodiċi ta' kondotta tiegħu kif ukoll il-politika ta' indipendenza taċ-Ċentru għall-persunal u r-regolamentazzjoni finanzjarja tiegħu;

Kummenti oħra

26.

Jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru żviluppa strateġija komprensiva mmirata lejn il-kisba tal-kosteffettività u lejn il-ħarsien tal-ambjent; jistieden liċ-Ċentru jagħti l-attenzjoni dovuta lit-taħlita enerġetika tas-sorsi tal-elettriku tiegħu u jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jakkwista l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

27.

Jilqa' l-miżuri ġodda meħuda miċ-Ċentru biex ixerred ir-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku u biex jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; jilqa' l-bidliet fis-sit web għad-diversi partijiet ikkonċernati; jinnota li ċ-Ċentru ma għandux politika speċifika dwar iċ-ċibersigurtà, iżda għandu diversi politiki ta' sigurtà stabbiliti li jinkludu politika dwar iċ-ċibersigurtà;

28.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 192, 8.6.2020, p. 6.

(2)  COM(2020)0726.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2019 intitolat "L-indirizzar tar-reżistenza għall-antimikrobiċi: progress fis-settur tal-annimali, iżda din it-theddida għas-saħħa tibqa' sfida għall-UE", (ĠU C 392, 19.11.2019, p. 7).

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.