|
8.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/186 |
P9_TA(2021)0272
Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 2021-2027 ***II
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (06980/2/2021 – C9-0195/2021 – 2018/0206(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
(2022/C 67/30)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06980/2/2021 – C9-0195/2021), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0382), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0447), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0197/2021), |
|
1. |
Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari; |
|
2. |
Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni; |
|
3. |
Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill; |
|
4. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
|
5. |
Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
6. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali. |
(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.
(3) Testi adottati tal-4.4.2019, P8_TA(2019)0350.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal
Fl-2019 kien hemm 18-il miljun tifel u tifla f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE, b'għadd kbir ħafna f'xi wħud mill-Istati Membri. It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha aggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar u kellhom effett aktar qawwi fuqhom. Il-faqar fost it-tfal huwa preżenti b'mod konsistenti fl-Istati Membri kollha u għadu ogħla minn dak għall-adulti fl-età tax-xogħol.
Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim ibbilanċjat li jagħmel lill-FSE+ għodda deċiżiva biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar fost it-tfal. Il-ftehim jirrikonoxxi l-urġenza li jsir investiment fit-tfal fl-Istati Membri kollha.
Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal bil-għan li tindirizza l-isfida b'mod strutturali. Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fl-impjieg taż-żgħażagħ
Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi soċjoekonomika b'segwitu għat-tifqigħa tal-COVID-19. Minn Diċembru 2019 sa Diċembru 2020 il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied bi 3 punti perċentwali fl-UE, u b'hekk l-għadd ta' żgħażagħ mingħajr impjieg tela' għal aktar minn 3,1 miljuni. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien konsistentement u b'mod sinifikanti ogħla minn dak tal-popolazzjoni adulta, bl-aħħar ċifri juru differenza ta' aktar minn 10 punti perċentwali (17,8 % meta mqabbel ma' 6,6 % f'Diċembru 2020).
Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi li jirrikonoxxi l-isfida fl-Istati Membri kollha. L-FSE+ huwa l-aktar strument ta' finanzjament importanti tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li ġiet adottata reċentement kif ukoll ta' miżuri rilevanti oħra fl-ambitu tal-inizjattiva Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.
Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.