15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 506/136


P9_TA(2021)0124

L-istabbiliment ta' Orizzont Ewropa – li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ April 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (07064/2/2020 – C9-0111/2021 – 2018/0224(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2021/C 506/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (07064/2/2020 – C9-0111/2021),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1) u tas-16 ta' Lulju 2020 (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2018 (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (4) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0435),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni emendata (COM(2020)0459),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0122/2021),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 33.

(2)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 124.

(3)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 79.

(4)  Testi adottati tas-17.4.2019, P8_TA(2019)0395.


ANNESS

Dikjarazzjoni politika konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati f'Orizzont Ewropa

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka (1), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jerġgħu jagħmlu disponibbli għall-benefiċċju tal-programm ta' riċerka approprjazzjonijiet ta' impenn, li jikkorrispondu għall-ammont sa EUR 0,5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fil-perjodu 2021-2027 ta' diżimpenji, li jirriżulta minn nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ta' proġetti li jappartjenu għall-Programm Qafas “Orizzont Ewropa” jew il-predeċessur tiegħu “Orizzont 2020”, kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja u għas-setgħat tal-Kummissjoni li timplimenta l-baġit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li d-distribuzzjoni indikattiva ta' dak l-ammont ser tkun kif ġej sa:

EUR 300 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Diġitali, Industrija u Spazju” b'mod partikolari għar-riċerka tal-kwantum;

EUR 100 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Klima, Enerġija u Mobbiltà”; u

EUR 100 000 000 fi prezzijiet kostanti tal-2018 għall-cluster “Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva”.

Dikjarazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ta' assoċjazzjoni

"It-tieni subparagrafu (a)(i) tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE jipprevedi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każ ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 217 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-assoċjazzjoni ta' pajjiż terz ma' Orizzont Ewropa spiss ikunu parti minn ftehimiet ta' assoċjazzjoni bħal dawn. Sabiex jagħti l-approvazzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat skrutinju Parlamentari xieraq huwa meħtieġ li dawk il-ftehimiet ikopru l-aspetti rilevanti kollha tar-relazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiż terz partikolari fir-rigward ta' Orizzont Ewropa.

Il-Parlament Ewropew għalhekk jistenna li meta l-Kunsill, skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'korp stabbilit permezz ta' ftehim li jinvolvi l-assoċjazzjoni ta' pajjiż terz ma' Orizzont Ewropa, dawk il-pożizzjonijiet ma jwasslux għal ċirkomvenzjoni tar-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew billi d-determinazzjoni tal-aspetti essenzjali tal-parteċipazzjoni ta' dak il-pajjiż terz f'Orizzont Ewropa titħalla f'idejn dak il-korp.

Għalhekk, il-Parlament Ewropew iqis li tali deċiżjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, meta dawn jikkonċernaw partijiet ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni li jittrattaw l-assoċjazzjoni ta' pajjiż terz ma' Orizzont Ewropa, għandhom jinżammu għal minimu assolut. Barra minn hekk, jekk l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni tal-Kunsill tkun qed tiġi kkunsidrata min-negozjatur tal-Unjoni jew mill-Kunsill jew mill-kumitat speċjali tiegħu meta jindirizza direttivi lin-negozjatur, il-Parlament Ewropew jistenna li jiġi infurmat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż billi jingħata opinjoni motivata dwar għaliex l-adozzjoni ta' pożizzjoni f'isem l-Unjoni minn korp stabbilit bi ftehim hija meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fir-[Regolament dwar Orizzont Ewropa] u d-[Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm speċifiku]."

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Premessa 47

Il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta l-baġit tal-Aċċelleratur tal-EIC b'mod li tiżgura li l-appoġġ ta' għotja biss lill-SMEs, inklużi n-negozji ġodda, jikkorrispondi għall-appoġġ ipprovdut taħt il-baġit tal-istrument għall-SMEs tal-Programm Orizzont 2020, f'konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 u l-Premessa 47 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 6

Wara talba, il-Kummissjoni biħsiebha tiskambja fehmiet mal-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew dwar: (i) il-lista ta' kandidati għas-sħubijiet potenzjali abbażi tal-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE li se jkunu koperti mill-valutazzjonijiet tal-impatt (tal-bidu); (ii) il-lista ta' missjonijiet tentattivi identifikati mill-bordijiet tal-Missjoni; (iii) ir-riżultati tal-Pjan Strateġiku qabel l-adozzjoni formali tiegħu, u (iv) se tippreżenta u tikkondividi dokumenti relatati mal-programmi ta' ħidma.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-etika/dwar ir-riċerka taċ-ċelloli staminali – l-Artikolu 19

Għall-Programm Qafas Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020 biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issoktar ta' dan il-qafas etiku minħabba li dan żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih jipparteċipaw riċerkaturi minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

1.

Id-deċiżjoni dwar il-Programm Orizzont Ewropa espliċitament teskludi tliet oqsma ta' riċerka mill-finanzjament tal-Unjoni:

attività ta' riċerka li timmira għall-klonazzjoni tal-bniedem għall-finijiet ta' riproduzzjoni;

attivitajiet ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel mod li tali tibdil ikun jista' jintiret;

attivitajiet ta' riċerka maħsuba sabiex joħolqu embrijuni tal-bniedem għall-fini biss ta' riċerka jew għall-fini tal-kisba ta' ċelloli staminali, anke permezz ta' trasferiment ta' nuklei ta' ċelloli somatiċi.

2.

Ma jingħata l-ebda finanzjament fl-Istati Membri kollha fejn attività tkun ipprojbita. Fejn attività tkun ipprojbita fi Stat Membru, din mhix ser tiġi ffinanzjata f'dak l-Istat Membru.

3.

Id-deċiżjoni dwar Orizzont Ewropa u d-dispożizzjonijiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament tal-Unjoni tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta' valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

4.

Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. L-użu possibbli ta' ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijuni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzjati, fid-dawl tal-objettivi li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, bil-bosta l-akbar parti tal-fondi tal-Unjoni għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali hija ddedikata għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment f'Orizzont Ewropa.

5.

Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem irid jgħaddi b'suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-objettivi xjentifiċi.

6.

Il-proposti li jgħaddu b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal analiżi tal-etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din l-analiżi tal-etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. L-analiżi tal-etika sservi wkoll biex tivverifika li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun se titwettaq ir-riċerka.

7.

F'każijiet partikolari, l-analiżi tal-etika tista' titwettaq matul il-perjodu kemm idum il-proġett.

8.

Qabel ma jibdew, il-proġetti kollha li jipproponu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem iridu jiksbu l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha jridu jiġu osservati, inkluż f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, in-nuqqas ta' inċitament finanzjarju, eċċ. Se jsiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u ta' kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn se titwettaq ir-riċerka.

9.

Proposta li tgħaddi b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika, mill-analiżijiet tal-etika nazzjonali jew lokali u mill-analiżi tal-etika Ewropea se tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni, fuq bażi ta' każ b'każ, lill-Istati Membri, imlaqqgħin bħala kumitat li jaġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri mhu se jiġi ffinanzjat.

10.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

11.

Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f'approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa reġistru Ewropew ta' linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. Appoġġ għal tali reġistru se jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijuni tal-bniedem fl-Ewropa, se jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista' jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

12.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bil-prattika attwali u mhix se tippreżenta lill-kumitat li jaġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami proposti għal proġetti li jinkludu attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijuni tal-bniedem, inkluż biex jinkisbu ċelloli staminali. L-esklużjoni tal-finanzjament ta' dan il-pass ta' riċerka mhux se tipprevjeni l-finanzjament tal-Unjoni ta' passi sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 5

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-kompromess milħuq mill-koleġiżlaturi dwar il-formulazzjoni tal-Artikolu 5. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-programm speċifiku dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża msemmi fl-Artikolu 1(2)(c) huwa limitat biss għall-azzjonijiet ta' riċerka fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża futur filwaqt li l-azzjonijiet ta' żvilupp huma kkunsidrati barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar l-Artikolu 16.1.d

Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-tieni subparagrafu tiegħu “L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali, li jikkondividu l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu.” Madankollu, il-Kummissjoni jiddispjaċiha dwar l-inklużjoni tar-“rispett tad-drittijiet tal-bniedem” fis-sett ta' kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn pajjiżi terzi sabiex ikunu eliġibbli għal assoċjazzjoni mal-Programm skont il-punt (d) tal-Artikolu 16(1). L-ebda programm ieħor tal-UE għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur ma ra l-ħtieġa li jinkludi tali referenza espliċita, filwaqt li m'hemm l-ebda dubju li l-UE qed tfittex li ssegwi approċċ konsistenti fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi fir-rigward tal-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-istrumenti u fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, u li għandu jiggwida din id-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill

Il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura l-akbar involviment tal-Kunsill, matul in-negozjati ta' ftehimiet li jassoċjaw pajjiżi terzi ma' programmi tal-Unjoni, inkluż il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa, f'konformità mal-Artikolu 218 TFUE. Għal dan il-għan, f'konformità mal-Artikolu 218(4) TFUE, il-Kunsill jista' jaħtar kumitat speċjali li f'konsultazzjoni miegħu jsiru n-negozjati, inkluż fir-rigward tat-tfassil u l-kontenut ta' tali ftehimiet.

F'dan ir-rigward, il-Kunsill ifakkar fil-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, kif stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar l-Artikolu 218(4) TFUE, li skontu l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-kumitat speċjali bl-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji kollha għall-monitoraġġ tal-progress tan-negozjati, bħal pereżempju, b'mod partikolari, l-għanijiet ġenerali mħabbra u l-pożizzjonijiet meħuda mill-partijiet l-oħra matul in-negozjati, fi żmien xieraq qabel il-laqgħat tan-negozjati, sabiex tippermetti l-formulazzjoni tal-opinjonijiet u pariri relatati man-negozjati (2).

Fejn diġà jeżistu ftehimiet li jassoċjaw pajjiżi terzi ma' programmi tal-Unjoni li jinkludu awtorizzazzjoni permanenti għall-Kummissjoni biex tiddetermina t-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal kull pajjiż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fi kwalunkwe programm partikolari, u fejn il-Kummissjoni hija assistita f'dan il-kompitu minn kumitat speċjali, il-Kunsill ifakkar li l-Kummissjoni għandha taġixxi f'konsultazzjoni ma' dak il-kumitat speċjali b'mod sistematiku matul il-proċess ta' negozjar, pereżempju billi tikkondividi abbozzi ta' testi qabel il-laqgħat mal-pajjiżi terzi rilevanti u billi tipprovdi briefings u debriefings regolari.

Fejn diġà jeżistu ftehimiet li jassoċjaw pajjiżi terzi ma' programmi tal-Unjoni iżda fejn ma jkun previst l-ebda kumitat speċjali, il-Kunsill iqis li l-Kummissjoni għandha b'mod simili tidħol f'djalogu mal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu b'mod sistematiku matul il-proċess ta' negozjar meta jiġu ddeterminati t-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-assoċjazzjoni ma' Orizzont Ewropa.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali

Il-Kummissjoni tieħu nota tad-dikjarazzjoni unilaterali tal-Kunsill, li hija se tikkunsidra kif xieraq, b'mod konsistenti mat-Trattat, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u mal-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, meta tikkonsulta l-kumitat speċjali skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 5

Il-Kunsill ifakkar li jirriżulta mill-Artikoli 179(3) u 182(1) TFUE, moqrija flimkien, li l-Unjoni tista' tadotta Programm Qafas pluriennali wieħed biss li jistabbilixxi l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku kollha tal-Unjoni. Il-Kunsill huwa għalhekk tal-fehma li l-Fond Ewropew għad-Difiża msemmi fl-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament li jistabbilixxi l-Programm Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka – Orizzont Ewropa, li jkopri kemm l-attivitajiet ta' riċerka kif ukoll ta' żvilupp teknoloġiku ta' dan il-Fond, huwa programm speċifiku li jimplimenta l-Programm Qafas skont it-tifsira tal-Artikolu 182(3) TFUE u jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi dak il-Programm Qafas.


(1)  ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 3.

(2)  Ara s-sentenza tas-16 ta' Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-425/13, EU:C:2015:483, punt 66.