17.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 379/27


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 34/2021 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

(2021/C 379/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (1) taħt l-Intestatura 6 ("Viċinat u d-Dinja") tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027.

2.

Fil-Parlament Ewropew, il-fajl huwa assenjat lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET). Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fis-27 ta’ Marzu 2019 (2).

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta opinjoni fis-sessjoni plenarja fit-12 ta’ Diċembru 2018 (3), u l-Kumitat tar-Reġjuni fis-sessjoni plenarja fil-5 u s-6 ta’ Diċembru 2018 (4).

4.

Il-proposta ġiet eżaminata mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tkabbir u l-Pajjiżi li qed Jinnegozjaw l-Adeżjoni mal-UE matul il-Presidenza Awstrijaka (5) u dik Rumena, u fid-19 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill laħaq qbil dwar l-approċċ ġenerali parzjali (6).

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020 ippermettew il-finalizzazzjoni tal-mandat għal negozjati tal-Kunsill mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fis-sessjoni tiegħu tat-28 ta’ Ottubru 2020 (7) wara diskussjonijiet ulterjuri fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tkabbir u l-Pajjiżi li qed Jinnegozjaw l-Adeżjoni mal-UE taħt il-Presidenza Ġermaniża.

6.

In-negozjati interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar l-Istrument propost bdew taħt il-Presidenza Finlandiża, u komplew taħt il-Presidenza Kroata, il-Presidenza Ġermaniża u dik Portugiża.

7.

It-trilogu informali finali sar fit-2 ta’ Ġunju 2021 u rriżulta fi qbil politiku dwar il-kwistjonijiet pendenti. Kienu meħtieġa aktar laqgħat tekniċi f’Ġunju 2021 biex il-ftehim jissawwar f’test leġiżlattiv u jiġu solvuti għadd ta’ dettalji pendenti, li sussegwentement ġew ikkonfermati bil-miktub bejn il-koleġiżlaturi.

8.

Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-ftehim proviżorju ġie ppreżentat lill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tkabbir u l-Pajjiżi li qed Jinnegozjaw l-Adeżjoni mal-UE, li ma kellu ebda oġġezzjoni għat-test.

9.

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma t-test ta’ kompromess finali fit-28 ta’ Ġunju 2021 (8).

10.

Dak it-test tressaq għall-vot ta’ konferma mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) tal-Parlament Ewropew fl-1 ta’ Lulju 2021. Fil-15 ta’ Lulju 2021, il-President tal-AFET iffirma ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 2) li ssemmi li, jekk il-Kunsill jibgħat il-pożizzjoni tiegħu formalment lill-Parlament Ewropew fil-forma kif tinsab fl-anness għal dik l-ittra, huma kienu jirrakkomandaw lill-plenarja tal-Parlament Ewropew li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti, fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew.

II.   OBJETTIV

11.

L-IPA III għandu l-għan li jappoġġa l-benefiċjarji fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, ġuridiċi, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa minn dawk il-benefiċjarji biex jikkonformaw mal-valuri tal-Unjoni u biex progressivament jallinjaw ruħhom mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki (l-"acquis") tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ sħubija futura mal-Unjoni u b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità reċiproka. L-IPA III jiżgura l-kontinwità mal-IPA II (li jkopri l-perijodu 2014-2020) u l-komplementarjetà ma’ strumenti (b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali) u ma’ politiki oħra (eż. dwar it-tibdil fil-klima) tal-Unjoni.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

12.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kellhom negozjati bil-għan li jikkonkludu ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ("ftehim bikri fit-tieni qari").

13.

It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jirrifletti l-kompromess ġust milħuq fin-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iffaċilitat mill-Kummissjoni.

14.

Il-ftehim jiffoka fuq l-elementi li ġejjin:

l-azzjonijiet skont l-IPA III għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ approċċ tematiku, sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-assistenza tal-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurati l-konsistenza, is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet mal-oqsma l-oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u mal-politiki u l-programmi rilevanti l-oħra tal-Unjoni;

il-koerenza bejn l-assistenza u l-qafas ġenerali tal-politika tat-tkabbir, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-koerenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-assistenza pprovduta skont l-IPA III u assistenza oħra;

l-assistenza skont dan ir-Regolament hija bbażata kemm fuq approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni kif ukoll fuq prinċipju ta’ sehem ġust: għandha tkun differenzjata fl-ambitu u fl-intensità skont il-prestazzjoni tal-benefiċjarji filwaqt li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ dawk il-benefiċjarji sabiex jiġi evitat livell sproporzjonatament baxx ta’ assistenza meta mqabbel ma’ benefiċjarji oħra;

huwa previst li l-ambitu u l-intensità tal-assistenza jistgħu jiġu modulati f’każ ta’ rigressjoni sinifikattiva jew nuqqas ta’ progress persistenti minn benefiċjarju fl-oqsma fundamentali (l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività), inkluż billi l-fondi jitnaqqsu proporzjonalment u jiġu diretti mill-ġdid, b’modi li għandhom jevitaw li jikkompromettu l-appoġġ għat-titjib tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u, fejn xieraq, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali. Fejn ikun reġa’ beda l-progress, l-assistenza tiġi modulata wkoll skont dan biex isservi ta’ appoġġ ulterjuri għal dawk l-isforzi;

bord strateġiku speċifiku fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-EFSD+ għall-Balkani tal-Punent;

tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni mir-riċevituri ta’ tali finanzjament, b’mod partikolari meta jippromwovu u jirrapportaw dwar l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom billi jenfasizzaw l-appoġġ li rċevew mill-Unjoni u l-benefiċċji tiegħu għan-nies b’mod viżibbli fuq il-materjal ta’ komunikazzjoni relatat mal-azzjonijiet appoġġati bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament; u billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil udjenzi differenti, inkluż il-media u l-pubbliku, b’mod strateġiku;

bilanċ bejn id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istrument: kien hemm qbil li ser jiġu adottati dokumenti ta’ programmazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati biex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddefinixxu ċerti objettivi speċifiċi u prijoritajiet tematiċi għall-kooperazzjoni, kif ukoll biex jemendaw il-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza u l-lista ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fl-Annessi II, III u IV;

id-definizzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li għandhom jintużaw biex jgħinu fil-kejl tal-progress u, fejn xieraq, tal-prontezza mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-kontribut tal-Unjoni għall-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-IPA III (l-Anness IV);

l-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021 (il-premessa (36)).

IV.   KONKLUŻJONI

15.

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari hija rappreżentazzjoni bilanċjata tal-eżitu tan-negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bl-appoġġ tal-Kummissjoni, u li, ladarba jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid ser jissodisfa l-objettiv li jiġi żgurat finanzjament effiċjenti, koerenti u komprensiv għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

(1)  10184/18 + ADD 1 + ADD 2

(2)  7802/19

(3)  15601/18

(4)  15622/18

(5)  15532/18

(6)  7539/19

(7)  12373/20

(8)  9890/21 + ADD1