29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE”

(COM(2021) 565 final — 2021/0434 (CNS))

(2022/C 290/08)

Relatur:

Benjamin RIZZO

Korelatur:

Javier DOZ ORRIT

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.2.2022

Bażi legali

Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Proposta tal-Kummissjoni dwar l-użu ħażin ta' kumpaniji fittizji għal finijiet ta' taxxa u l-objettivi tagħha. L-iżgurar ta' tassazzjoni effettiva u ġusta fis-suq uniku kollu huwa kruċjali biex jiffavorixxi rkupru reali wara l-pandemija tal-COVID-19.

1.2

Il-KESE japprezza l-konsultazzjoni pubblika wiesgħa li l-Kummissjoni nediet u se tkun miftuħa għall-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll il-konsultazzjoni aktar immirata tal-esperti nazzjonali, li kienu involuti abbażi tal-għarfien espert speċifiku tagħhom. Dawn il-konsultazzjonijiet taw lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jagħtu kontribut sinifikanti, u għandhom ikomplu jiġu inklużi f'diskussjonijiet futuri.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-għażla ta’ Direttiva li għandha l-għan li tiżgura qafas legali komuni fost l-Istati Membri. In-natura tas-suġġett li għandu jiġi rregolat u l-objettivi segwiti jfisser li ma jistgħux, fil-fatt, jiġu ttrattati permezz ta' inizjattivi individwali mill-Istati Membri fis-sistemi legali rispettivi tagħhom.

1.4

Il-KESE jqis li l-Proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li ma tmurx lil hinn milli tiżgura l-livell meħtieġ ta' protezzjoni għas-suq uniku, b'impatt li jidher raġonevoli fuq il-kumpaniji.

1.5

Il-KESE jqis li, sabiex jiġu ġestiti b'mod korrett il-kontrolli meħtieġa u sabiex tiġi kondiviża l-informazzjoni li tirriżulta relatata mal-Proposta, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa għandu jkollhom kapaċità adegwata biex jagħmlu dan f'termini ta' ħiliet u riżorsi.

1.6

Il-KESE jixtieq li, ladarba l-investigazzjonijiet dwar il-kumpaniji fittizji jkunu saru u tlestew, l-eżitu jsir trasparenti għall-pubbliku, u b'hekk isiru magħrufa r-riżultati tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

1.7

Il-KESE jemmen li għandhom jitwettqu kontrolli adegwati mhux biss fir-rigward tal-introjtu korporattiv iżda wkoll fir-rigward tal-assi, peress li t-taxxi jistgħu jiġu imposti anke jekk dawn l-assi ma jiġġeneraw l-ebda introjtu, bħal pereżempju fil-każ tat-taxxi fuq il-ġid.

1.8

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli komuni u ċari dwar il-kontenut speċifiku tad-dikjarazzjonijiet li l-impriżi jintalbu jagħmlu. Għandhom jiġu evitati r-rapportar eċċessiv li jmur lil hinn mill-objettivi tad-Direttiva u l-kostijiet ta' konformità li jirriżultaw minnu.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li f’leġiżlazzjoni differenti jiġu stabbiliti regoli mmirati biex tiġi evitata l-attività ta’ “abilitanti professjonali”, u b’hekk jiġi segwit l-approċċ tal-OECD għas-suġġett. Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni ta’ korpi superviżorji professjonali fil-ġlieda kontra l-prassi ħażina u l-attivitajiet kriminali possibbli mwettqa minn “abilitanti professjonali” tkun ta’ valur kbir.

1.10

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jkun hemm lista sħiħa u estensiva tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx u li jinsabu barra l-UE, fost affarijiet oħrajn sabiex il-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jaraw jekk il-fondi u l-assi li jiġġestixxu jistgħux ikunu konnessi ma' entitajiet fittizji li jinsabu barra mill-UE.

1.11

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida adatti dwar it-test tas-sustanza stabbilit mid-Direttiva, b'attenzjoni partikolari għat-tifsira ta' termini speċifiċi bħal “residenza”, “direttur residenti” u “bini”.

1.12

Il-KESE jinnota li l-kumpaniji fittizji jistgħu jiġu stabbiliti u utilizzati wkoll biex jiffaċilitaw ix-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll biex jiġu evitati l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tindirizza kwistjonijiet bħal dawn fil-leġiżlazzjoni Ewropea minbarra l-Proposta inkwistjoni, li hija purament Direttiva dwar it-taxxa.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tassazzjoni tan-Negozji għas-seklu 21, adottata fit-18 ta' Mejju 2021, tistabbilixxi kemm objettivi għall-perjodu twil ta' żmien kif ukoll oħrajn għall-perjodu qasir biex tappoġġja l-irkupru mit-tifqigħa tal-COVID-19 u biex tiżgura dħul pubbliku adegwat fil-futur.

2.2

Il-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni dwar l-entitajiet fittizji hija waħda mill-inizjattivi speċifiċi għall-perjodu qasir ta' żmien imħabbra mill-Komunikazzjoni biex tittejjeb is-sistema tat-taxxa attwali, b'enfasi partikolari fuq l-iżgurar ta' tassazzjoni ġusta u effettiva.

2.3

Entitajiet ġuridiċi mingħajr ebda sustanza jew attività ekonomika minima jistgħu jintużaw ħażin għal finijiet ta' taxxa, bħall-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa jew saħansitra l-ħasil tal-flus. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn dawk li mistennija jħallsu t-taxxa jevadu jew jevitaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom permezz ta' impriżi li ma jwettqu l-ebda attività ekonomika reali. Il-kumpaniji fittizji jistgħu jiffavorixxu ambjent ta' distribuzzjoni inġusta tal-piż tat-taxxa, kif ukoll kompetizzjoni fiskali inġusta fost il-ġurisdizzjonijiet.

2.4

Il-Proposta mressqa mill-Kummissjoni tapplika għall-impriżi kollha li huma meqjusa residenti tat-taxxa u li huma eliġibbli li jirċievu ċertifikat tar-residenza tat-taxxa fi Stat Membru tal-UE. Ladarba jiġu adottati bħala Direttiva, ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu trasposti fid-diversi sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri sat-30 ta' Ġunju 2023, u jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ fl-1 ta' Jannar 2024.

2.5

Hemm ħafna leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus, reat li ħafna drabi jippreferuh ċerti kumpaniji fittizji, u dan jista' jipprovdi kuntest utli għall-Proposta tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, għandha ssir referenza għall-pakkett leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni ta' Lulju 2021, li jikkonsisti fi tliet regolamenti u direttiva (1).

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

Id-Direttiva tirreferi għal skemi użati għall-finijiet tal-evitar tat-taxxa jew tal-evażjoni tat-taxxa. L-iskema mmirata mill-Proposta tinvolvi l-istabbiliment ta' impriżi fl-UE li suppost qed iwettqu attivitajiet ekonomiċi ġenwini, iżda li fil-fatt ma jwettqux tali attivitajiet. Ir-raġuni vera għaliex uħud minn dawn it-tipi ta' kumpaniji huma stabbiliti hija, fil-fatt, sabiex ċerti vantaġġi tat-taxxa jgħaddu għand is-sid benefiċjarju tagħhom jew għand il-grupp li jappartjenu għalih.

3.2

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-iskemi, id-Direttiva proposta tistabbilixxi test li għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw impriżi li suppost huma involuti f'attività leġittima, iżda li ma għandhomx sustanza ekonomika minima u għalhekk possibbilment qed jintużaw ħażin sabiex jinkisbu vantaġġi tat-taxxa mhux dovuti. Dan it-test huwa ddefinit bħala “test tas-sustanza”.

3.3

L-ewwel stadju tat-test jaqsam id-diversi tipi ta' impriżi bejn dawk “f'riskju” ta' nuqqas ta' sustanza u li qed jintużaw ħażin għal finijiet ta' taxxa, u dawk “f'riskju baxx”. Il-każijiet ta' riskju huma kkaratterizzati minn għadd ta' karatteristiċi normalment identifikati simultanjament f'impriżi li ma għandhomx sustanza (kriterji primarji (gateway criteria)). B'kuntrast ma' dan, każijiet b'riskju baxx ma jippreżentaw l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji jew uħud minnhom biss u ma jissodisfawx il-kriterji primarji.

3.4

Il-kriterji rilevanti jqisu bħala “f'riskju” dawk l-impriżi, mhux speċifikament eżentati mid-Direttiva, involuti f'attivitajiet transfruntiera, li huma ġeografikament mobbli u li, barra minn hekk, jiddependu minn impriżi oħra għall-amministrazzjoni tagħhom stess (b'mod partikolari fornituri ta' servizzi lil partijiet terzi professjonali). Il-każijiet b'riskju baxx li ma jissodisfawx il-kriterji primarji huma irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva.

3.5

Il-kumpaniji l-ewwel iridu jagħmlu awtovalutazzjoni u, jekk jikkwalifikaw bħala “f'riskju”, jintalbu jirrapportaw dwar is-sustanza tagħhom fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom. Ir-rapportar dwar is-sustanza jimplika l-għoti ta' informazzjoni speċifika biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-attività mwettqa mill-impriża.

3.6

Fir-rigward tat-tieni stadju, tliet elementi jiddeterminaw l-eżitu tat-test tas-sustanza:

i)

post fiżiku disponibbli għall-użu esklużiv tal-impriża;

ii)

mill-inqas kont bankarju wieħed proprju u attiv fl-UE;

iii)

mill-inqas direttur wieħed residenti qrib l-impriża u ddedikat għall-attivitajiet tagħha jew, inkella, għadd suffiċjenti tal-impjegati tal-impriża li jirrisjedu qrib l-impriża u li huma involuti fl-“attivitajiet ewlenin li jiġġeneraw l-introjtu” tagħha.

3.7

It-tielet stadju tat-test jippreskrivi l-valutazzjoni adatta tal-informazzjoni rrapportata mill-impriża fit-tieni stadju fir-rigward tas-sustanza. Impriża li tkun każ ta' riskju – peress li tkun issodisfat il-kriterji primarji – u li r-rapportar tagħha jwassal ukoll għas-sejba li mill-inqas wieħed mill-elementi rilevanti dwar is-sustanza huwa nieqes, għandha tiġi preżunta li hija “fittizja” skont id-Direttiva l-ġdida u għalhekk hija nieqsa mis-sustanza u preżumibbilment tintuża ħażin għall-finijiet ta' taxxa.

3.8

Impriża li hija “każ ta' riskju”, iżda li r-rapportar tagħha jiżvela li għandha l-elementi rilevanti kollha tas-sustanza, għandha minflok tiġi preżunta li ma hijiex “fittizja” għall-finijiet tad-Direttiva. Madankollu, din il-preżunzjoni ma teskludix il-possibbiltà li amministrazzjoni tat-taxxa ssib li tali impriża hija fittizja għal raġunijiet barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

3.9

Ir-raba' stadju jinvolvi d-dritt tal-impriża preżunta li tkun “fittizja” u li tintuża ħażin għall-finijiet tal-evitar tat-taxxa skont id-Direttiva li tipprova mod ieħor billi turi s-sustanza tagħha stess bl-użu ta' evidenza konkreta (“konfutazzjoni”). Għalhekk, l-impriżi inkwistjoni se jkollhom dritt effettiv li jagħmlu l-affermazzjoni li huma mhumiex “fittizji” skont id-Direttiva.

3.10

Ladarba impriża titqies bħala “fittizja” għall-finijiet tad-Direttiva u ma tikkonfutax din il-preżunzjoni, il-konsegwenzi tat-taxxa għandhom jiġu skattati kif applikabbli. Dawn il-konsegwenzi ma għandhom jippermettu l-ebda vantaġġ tat-taxxa li nkiseb jew li jista' jinkiseb.

3.11

Peress li sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji ta' trattat dwar it-taxxa, impriża normalment teħtieġ tipprovdi ċertifikat ta' residenza għall-finijiet ta' taxxa, l-Istat Membru ta' residenza tat-taxxa tal-impriża “fittizja” jew ma joħroġ l-ebda ċertifikat ta' residenza tat-taxxa, jew joħroġ ċertifikat b'dikjarazzjoni ta' twissija, li tfisser l-inklużjoni ta' dikjarazzjoni espliċita biex jiġi evitat l-użu tiegħu għall-finijiet tal-kisba tal-vantaġġi msemmija hawn fuq.

3.12

Fil-każ li l-vantaġġi tat-taxxa mogħtija lill-impriża jiġu esklużi, għandu jiġi ddeterminat kif il-flussi tal-introjtu lejn u mill-impriża, kif ukoll kwalunkwe assi li jkun proprjetà tal-impriża, għandhom fil-fatt jiġu ntaxxati. L-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni għandha tqis il-ġurisdizzjonijiet kollha li jistgħu jiġu affettwati minn tranżazzjonijiet li jinvolvu l-impriża “fittizja”.

3.13

Ir-regoli tad-Direttiva jaffettwaw biss lill-Istati Membri, peress li pajjiżi terzi ma jaqgħux fl-ambitu tal-liġi tal-UE. F'dawn il-każijiet, il-ftehimiet għall-evitar tat-tassazzjoni doppja bejn Stat Membru u pajjiż terz għandhom jiġu rrispettati kif dovut fir-rigward tal-allokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni. Fin-nuqqas ta' tali ftehimiet, l-Istat Membru involut jrid japplika l-liġi nazzjonali tiegħu.

3.14

L-Istati Membri kollha se jkollhom aċċess għall-entitajiet ta' rapportar skont id-Direttiva, fi kwalunkwe ħin u mingħajr il-ħtieġa li jippreżentaw speċifikament talba għall-informazzjoni. Għal dan il-għan, l-informazzjoni se tiġi skambjata fost l-Istati Membri mill-ewwel stadju, meta impriża tiġi kklassifikata bħala “f’riskju” skont id-Direttiva. Għal dan il-għan, se jiġi introdott reġistru jew bażi tad-data.

3.15

Il-leġiżlazzjoni proposta tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu l-penali applikabbli għall-ksur tal-obbligi ta' rapportar minquxa fid-Direttiva, kif trasposti fid-diversi sistemi legali nazzjonali. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.16

Livell minimu ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri huwa mistenni permezz tal-istabbiliment ta' penali monetarja minima skont id-dispożizzjonijiet eżistenti fis-settur finanzjarju. Il-penali għandhom jinkludu sanzjoni amministrattiva pekunarja ta' mill-inqas 5 % tal-fatturat tal-impriża.

4.   Kummenti ġenerali tal-KESE

4.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-Proposta tal-Kummissjoni u l-objettivi ġenerali tagħha. L-iżgurar ta' tassazzjoni effettiva u ġusta fis-suq uniku kollu huwa kruċjali sabiex jiffavorixxi rkupru reali wara l-pandemija tal-COVID-19. Dħul suffiċjenti mit-taxxa għall-Istati Membri huwa tabilħaqq fattur ewlieni biex jiffaċilita l-investimenti pubbliċi mmirati lejn il-kisba ta' suq uniku aktar ekoloġiku u aktar diġitalizzat. Il-KESE huwa kemxejn imħasseb li r-rekwiżiti ta’ sustanza ma jirrikonoxxux l-aspett diġitali u jenfasizzaw biss l-importanza ta’ assi tanġibbli. Dan jista’ joħloq problemi fil-futur.

4.2

Għalhekk, il-Proposta tal-Kummissjoni hija kompletament konformi mal-Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tan-Negozji għas-seklu 21, li tirriżulta f'azzjoni konkreta u konsistenti mmirata lejn il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, u b'hekk jiġi żgurat ambjent ta' tassazzjoni ġusta madwar l-Ewropa.

4.3

Il-KESE jinnota li l-Proposta tal-Kummissjoni hija konsistenti ma' inizjattivi leġiżlattivi preċedenti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE, bħad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD) u d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC) bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Huwa ta' importanza kbira li tiġi segwita l-konsistenza fost regoli differenti tat-taxxa li bejniethom hija mistennija interazzjoni kostanti, sabiex jiġu evitati eżiti mhux intenzjonati.

4.4

Il-Proposta tal-Kummissjoni tikkomplementa l-proposta reċenti rigward il-livell minimu globali ta' tassazzjoni għall-gruppi multinazzjonali fl-UE (magħrufa bħala “pilastru 2”), minkejja l-kampijiet ta' applikazzjoni differenti taż-żewġ Direttivi, minħabba li l-pilastru 2 se jiġi applikat għal kumpaniji li jaqbżu l-limitu tal-fatturat ta' EUR 750 miljun, filwaqt li d-Direttiva dwar il-kumpaniji fittizji mhijiex soġġetta għal tali limiti.

4.5

Il-KESE japprezza l-konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni nediet qabel ma ppubblikat il-Proposta tagħha. Din il-konsultazzjoni kienet tinkludi 32 mistoqsija mmirati, fost affarijiet oħra, biex jiddefinixxu l-problema u l-kawżi tagħha, u jidentifikaw il-forma adatta ta' azzjoni tal-UE. Għalhekk, il-partijiet ikkonċernati ngħataw opportunità sinifikanti biex jipparteċipaw u jesprimu l-osservazzjonijiet u t-tħassib tagħhom qabel l-iżvilupp tar-regoli l-ġodda. Il-KESE jiddispjaċih li huma biss ftit il-partijiet interessati (50) li użaw din l-opportunità.

4.6

Il-KESE jappoġġja wkoll il-konsultazzjoni pubblika addizzjonali tal-esperti nazzjonali, li kienu involuti b'mod immirat, abbażi tal-għarfien espert speċifiku tagħhom. Il-kombinazzjoni ta' konsultazzjoni wiesgħa indirizzata lill-partijiet ikkonċernati u oħra aktar dettaljata indirizzata lil esperti kwalifikati tilħaq bilanċ tajjeb bejn l-iżgurar ta' proċess leġiżlattiv li huwa kemm parteċipatorju u proċess teknikament avvanzat.

4.7

L-istess natura tas-suġġett li għandu jiġi rregolat permezz tad-Direttiva u l-objettivi stabbiliti – l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni transfruntiera tat-taxxa – jirrikjedu qafas komuni li għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri.

4.8

Fil-fatt, qafas komuni adatt u effettiv ma setax jinkiseb permezz ta' miżuri individwali implimentati minn kull Stat Membru fir-rigward tas-sistemi legali rispettivi tagħhom. F'dak il-każ, il-frammentazzjoni eżistenti tiġi tabilħaqq irreplikata u possibbilment saħansitra tmur għall-agħar minħabba azzjonijiet multipli u mhux ikkoordinati mwettqa fil-livell nazzjonali.

4.9

Il-kumpaniji fittizji li ġew stabbiliti fl-Istati Membri jeħtieġ li jinġiebu f'konformità mad-Direttiva, u l-kollaborazzjoni tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri hija aktar prijoritarja minn qatt qabel biex jiġi evitat it-tnaqqis tal-kapaċità fiskali tal-UE kollha kemm hi. Sabiex il-kontrolli jiġu ġestiti b'mod korrett u biex l-informazzjoni tiġi kondiviża, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità adatta u riżorsi suffiċjenti biex tagħmel dan.

4.10

Il-KESE jqis ukoll li l-Proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li ma tmurx lil hinn mill-iżgurar tal-livell minimu meħtieġ ta' protezzjoni għas-suq uniku, b'impatt li jidher raġonevoli fuq il-kumpaniji. Fil-fatt, id-Direttiva għandha l-għan li tikseb protezzjoni minima għas-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri, u tiżgura l-grad essenzjali ta' koordinazzjoni fi ħdan l-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

4.11

Min-naħa l-oħra, l-impatt fuq il-kumpaniji jidher ukoll li huwa proporzjonat, u jilħaq bilanċ tajjeb fost id-diversi objettivi u valuri, inklużi:

i)

l-effettività fit-tnaqqis tal-użu ħażin tal-entitajiet fittizji;

ii)

il-qligħ mit-taxxa għall-finanzi pubbliċi;

iii)

il-kostijiet ta' konformità għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa;

iv)

l-effetti indiretti fuq is-suq uniku u fuq il-kompetizzjoni fost id-ditti.

4.12

Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li skambju effettiv u trasparenti ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa huwa essenzjali għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-kumpaniji fittizji u, b'mod aktar ġenerali, sabiex jiġi żgurat ambjent ta' tassazzjoni ġust u aktar effiċjenti. Dan il-punt għandu jiġi segwit b'attenzjoni kbira sabiex ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li fihom kumpanija fittizji jkollha tranżazzjonijiet li jinvolvu żewġ Stati Membri. Ladarba jitlestew il-proċessi ta' investigazzjoni fil-kumpaniji fittizji, l-eżitu għandu jsir trasparenti għall-pubbliku. L-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom iħabbru r-riżultati tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

4.13

Il-kumpaniji fittizji previsti f'din id-Direttiva jistgħu jintużaw kemm għall-evażjoni tat-taxxa kif ukoll għall-evitar tat-taxxa u, f’xi każijiet partikolari, saħansitra biex jitwettqu reati, bħall-ħasil tal-flus, li spiss ikunu konnessi miegħu. Għalhekk, il-koordinazzjoni leġiżlattiva u l-koordinazzjoni tad-diversi superviżuri responsabbli għall-ġlieda kontra dawn ir-reati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, huma essenzjali. Bid-Direttiva UNSHELL, l-awtoritajiet tat-taxxa se jkollhom aċċess għal aktar informazzjoni, li se tippermettilhom li jagħmlu kontrolli reċiproċi ta' din il-firxa ġdida ta' informazzjoni mal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej iridu jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma toħloqx problemi għal kwalunkwe tip ta’ kumpanija li twettaq l-attività tagħha skont il-liġi.

4.14

L-għarfien dwar is-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji fittizji u l-assi tagħhom u dwar is-sidien reali tat-tranżazzjonijiet li huma jwettqu huwa essenzjali sabiex jinstab tarf tan-natura vera tal-attivitajiet tagħhom u sabiex tiġi mifhuma l-firxa tal-evażjoni tat-taxxa jew tal-ħasil tal-flus imwettqa. Il-ħabi ta' sjieda benefiċjarja permezz ta' ktajjen ta’ kumpaniji fittizji, ġestiti minn “abilitanti professjonali”, huwa inerenti għall-finijiet kriminali tagħhom. L-għodod biex isiru magħrufa s-sidien benefiċjarji jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Madankollu, ma hemm l-ebda referenza għal din il-kwistjoni fid-Direttiva proposta li qed tiġi diskussa. Il-KESE jqis li dan, flimkien ma' lakuni oħra fir-rabta bejn iż-żewġ partijiet ta' leġiżlazzjoni, għandu jiġi solvut, jew billi jiġi spjegat kif għandu jsir dan f'din id-Direttiva jew billi tiġi promossa b'mod urġenti liġi qafas Ewropea biex tindirizza din il-kwistjoni.

4.15

Barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, xi kumpaniji fittizji jinħolqu u jintużaw ukoll biex jiffaċilitaw ix-xogħol mhux iddikjarat u biex jiġu evitati l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tindirizza din il-kwistjoni fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jqis il-“kriterju primarju” implimentat mill-Proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta' indikaturi kumulattivi bħala raġonevoli u adatt. F'dan ir-rigward, il-KESE josserva li l-entitajiet li għandhom assi għall-użu privat, bħall-proprjetà immobbli, il-jottijiet, il-ġettijiet, l-opri tal-arti jew l-ekwità waħidhom jista' ma jkollhom l-ebda introjtu għal perjodi twal ta' żmien, iżda xorta jwasslu għal benefiċċji sinifikanti tat-taxxa għall-entitajiet ta' kontroll tagħhom.

5.2

Għalhekk, il-Kumitat jemmen li l-kontrolli ma għandhomx ikunu biss fuq l-introjtu, iżda wkoll fuq l-assi, peress li t-taxxi jistgħu jiġu imposti anke jekk ma jiġġeneraw l-ebda introjtu, bħat-taxxi fuq il-ġid fejn applikabbli. Il-KESE jemmen li, sabiex jiġu ġestiti b'mod korrett dawn il-kontrolli u sabiex tiġi kondiviża l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità adegwata u biżżejjed riżorsi biex tagħmel dan.

5.3

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida adatti dwar it-test tas-sustanza stabbilit mid-Direttiva, b'attenzjoni partikolari għat-tifsira ta' termini speċifiċi bħal “residenza”, “direttur residenti” u “bini”. Skont dan l-approċċ, id-diskrepanzi nazzjonali u l-interpretazzjonijiet diverġenti li jistgħu jkunu ta' ħsara għas-suq intern jistgħu jitnaqqsu jew jiġu indirizzati aħjar. B'mod partikolari, il-KESE jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra kif xieraq il-mudelli diġitali l-ġodda tan-negozju f'dan ir-rigward.

5.4

Il-KESE jqis li l-involviment tal-kumpaniji f'attivitajiet transfruntiera għandu jiġi evalwat bir-reqqa fir-rigward tan-natura attwali tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn tali kumpaniji minn naħa, u b'referenza għall-proprjetajiet u l-assi tagħhom min-naħa l-oħra. Il-kumpaniji li jippreżentaw livell adegwat ta' trasparenza u li ma joħolqux riskju reali ta' nuqqas ta' sustanza ekonomika għall-fini tal-evażjoni tat-taxxa jew tal-evitar tat-taxxa ma għandhomx ikunu koperti mid-Direttiva.

5.5

Id-Direttiva UNSHELL hija bbażata fuq l-istandard eżistenti tal-UE u internazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura l-kompatibbiltà mal-istandard internazzjonali u komuni tal-UE rilevanti diġà fis-seħħ, b'mod partikolari l-kunċett ta' “attività ekonomika sostanzjali” żviluppat fil-kuntest ta' reġimi tat-taxxa preferenzjali u diskuss b'mod estensiv fil-forum dwar prattiki tat-taxxa dannużi. Kwistjoni importanti oħra li għandha tiġi indirizzata tikkonċerna t-tħassib dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni u ċari dwar il-kontenut speċifiku tad-dikjarazzjonijiet li l-impriżi jintalbu jagħmlu. Għandhom jiġu evitati r-rapportar eċċessiv li jmur lil hinn mill-objettivi tad-Direttiva u l-kostijiet ta' konformità li jirriżultaw minnu.

5.6

Il-KESE jħeġġeġ li għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-rwol tal-hekk imsejħa “abilitanti professjonali”, kwistjoni mhux imsemmija fil-proposta għal Direttiva. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti r-regoli biex tiġi regolata l-attività ta’ “abilitanti professjonali” permezz ta’ leġiżlazzjoni differenti, b'konformità mal-kriterji stabbiliti dwar is-suġġett mill-OECD, li spiss ikollhom ukoll rwol rilevanti fil-qasam speċifiku tal-kumpaniji fittizji (2).

5.7

L-OECD, li tiddeskrivi l-kategoriji professjonali, li wħud mill-prattikanti tagħhom jiġġestixxu jew jikkollaboraw ma' ktajjen ta' kumpaniji fittizji, tqis li huwa essenzjali li ssir enfasi fuq “l-abilitanti professjonali” sabiex tiġi miġġielda l-attività kriminali tal-kumpaniji stabbiliti għal skopijiet illegali, inkluża l-evażjoni tat-taxxa. Fil-fatt, għall-professjonisti li josservaw il-liġi għandha ssir distinzjoni kif dovut minn sett żgħir ta' prattikanti li jużaw il-ħiliet tagħhom fil-qasam tal-liġi tat-taxxa u l-kontabbiltà korporattiva biex jiffavorixxu b'mod attiv prattiki relatati mal-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

5.8

Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li fil-mira jkun hemm l-abilitanti professjonali li jfornu b'mod attiv opportunitajiet għall-isfruttar ta' prattiki illegali li jiffavorixxu reati fiskali u finanzjarji. Permezz ta' dan, ikun possibbli li jiġi mfixkel fattur kruċjali relatat mal-abbużi mit-taxxa. It-tnaqqis tal-opportunitajiet għal żvilupp ta’ prattiki fiskali inġusti huwa tabilħaqq pass fundamentali biex jintlaħqu l-istess objettivi segwiti mill-Proposta tal-Kummissjoni.

5.9

Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni ta’ korpi regolatorji jew superviżorji professjonali fil-ġlieda kontra l-prassi ħażina u l-attivitajiet kriminali possibbli ta’ “abilitanti professjonali” tkun ta’ valur kbir. Din tkun linja interessanti ta' żvilupp tal-patt soċjali u politiku Ewropew kontra r-reati fiskali u ekonomiċi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni, li l-Kumitat appoġġja f'diversi Opinjonijiet.

5.10

Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tiġi kkoordinata mar-regoli eżistenti dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, peress li l-użu ta' kumpaniji fittizji mmirati lejn l-evażjoni tat-taxxa jista' jinteraġixxi ma' tali prattika madwar l-UE u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat speċifikament f'dan ir-rigward. Għal darb'oħra, il-KESE jqis li għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li tiġi stabbilita Direttiva dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti.

5.11

Il-Kumitat jemmen li l-lista ta' kumpaniji li mhumiex soġġetti għar-rapportar (l-Artikolu 6(2)) għandha tkun iġġustifikata u vvalutata tajjeb sabiex jiġi żgurat li dawn ma jibbenefikawx minn vantaġġ tat-taxxa mhux dovut u li ma jintużawx biex tiġi evitata l-liġi.

5.12

Il-KESE jqis ukoll li għandha tiġi stabbilita aktar azzjoni meta kumpanija jew entità barra mill-UE tagħmel negozju ma' kumpanija jew entità kkwotata tal-UE. Wieħed għandu jifhem liema azzjoni tista' ssir disponibbli għal kumpaniji jew entitajiet ikkwotati tal-UE sabiex jara li l-fondi jew l-assi li qed jiġu ġestiti mhumiex ġejjin minn barra l-entità “fittizji” tal-UE.

5.13

Sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni effettiva kontra kumpaniji li jinnegozjaw ma' kumpaniji bbażati f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa, il-Kumitat itenni l-ħtieġa li l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx tkun kemm jista' jkun effettiva u komprensiva.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Pakkett leġiżlattiv kontra l-ħasil tal-flus (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 89).

(2)  Ending the Shell Game: Cracking down on the Professionals who enable Tax and White Collar Crimes, OECD, Pariġi, 2021.