29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, għar-riskju ta’ aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, għar-riskju operattiv, għar-riskju tas-suq u għall-minimu tal-output”

(COM(2021) 664 final — 2021/0342 (COD))

(2022/C 290/07)

Relatur:

Bogdan PREDA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.1.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.1.2022

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

154/0/1

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrakkomanda politika tal-kapital soda, ibbilanċjata u li tħares ’il quddiem b’ponderazzjonijiet tar-riskju bbażati fuq riskji reali għall-istabbiltà, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività tal-banek tal-UE u li jiżdied il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar il-punt sa fejn il-proposti jindirizzaw l-isfidi msemmija hawn fuq.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-implimentazzjoni tal-elementi li fadal tal-istandards internazzjonali maqbula mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (“l-istandards ta’ Basel III”) (1), mill-perspettiva kemm tal-kronoloġija kif ukoll tas-sustanza, peress li huma maħsuba biex itejbu l-istabbiltà tas-suq finanzjarju fl-UE, u b’hekk iċ-ċittadini Ewropej ma jkunux esposti għal riskji akbar marbuta ma’ dan is-suq.

1.3

Il-KESE jenfasizza li l-istabbiltà tas-suq finanzjarju hija prerekwiżit kruċjali għall-istabbiltà ekonomika ġenerali, filwaqt li r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza adatti tas-settur bankarju huma essenzjali sabiex tiġi evitata t-theddida ta’ taqlib u kriżi. Ir-rekwiżiti kapitali prudenzjali huma strumentali biex jintlaħqu l-prerekwiżiti msemmija hawn fuq, filwaqt li l-KESE jappella lil-leġiżlaturi biex jiżguraw li l-proposti jipprevedu bilanċ adegwat bejn żewġ objettivi komplementari, jiġifieri (i) l-iżgurar li l-banek tal-UE jsiru aktar reżiljenti u (ii) il-ħtieġa li jiġu żgurati s-solidità finanzjarja u l-kompetittività fis-settur, inkluż mill-perspettiva ta’ qafas ta’ rekwiżiti kapitali bbilanċjat, biex jiġi appoġġjat ir-rwol tal-banek fil-finanzjament tal-ekonomija reali.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet perjodiċi tal-impatt reali tal-proposti, sabiex tevalwa jekk l-implimentazzjoni tagħhom tikkontribwixxix għal aktar stabbiltà tas-suq finanzjarju u r-reżiljenza fis-settur bankarju, u tqis ukoll il-kompetittività tal-banek tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li proporzjonijiet ta’ kapital sodi u bbilanċjati jikkontribwixxu għall-kompetittività.

1.5.

Il-KESE japprezza ħafna l-isforzi tal-Kummissjoni biex tittrasforma l-ekonomija tal-UE f’waħda aktar ekoloġika u aktar reżiljenti, inkluż permezz tar-reviżjoni u l-evalwazzjoni permanenti tal-għodod attwali previsti biex jiżdied l-użu tal-finanzjament sostenibbli. Is-settur finanzjarju jista’ jsir strumentali fil-bini ta’ ekonomija b’emissjonijiet żero netti tal-karbonju. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-enfasi fuq ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) fil-qafas prudenzjali (f’konformità mal-flussi ta’ ħidma internazzjonali, jiġifieri f’Basel III), inkluż permezz ta’ kontabbiltà aħjar għar-riskji tas-suq finanzjarju relatati mat-tibdil fil-klima.

1.6.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-ħidma ta’ divulgazzjoni b’rabta mal-ESG (2) mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) bil-għan li tagħmilha possibbli li jiġu vvalutati sew ir-riskji ambjentali tal-banek u l-istrateġija finanzjarja tagħhom għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità klimatika. Il-KESE jistieden ukoll lill-EBA tħaffef il-pass tal-ħidma ta’ skrutinju tagħha dwar il-qafas tal-ewwel pilastru biex tiddetermina jekk jirriflettix biżżejjed il-karatteristiċi uniċi tar-riskji klimatiċi. Ir-regolamentazzjoni tal-politiki makroprudenzjali, inklużi dawk ibbażati fuq il-kapital, jista’ jkollha rwol importanti biex jitqiesu aħjar ir-riskji tas-suq finanzjarju relatati mat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-EBA ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tindirizza n-nuqqasijiet fid-divulgazzjonijiet attwali b’rabta mal-ESG fil-livell tal-UE, inkluż dwar l-assi relatati mal-fjuwils fossili u assi soġġetti għal avvenimenti kroniċi u akuti tat-tibdil fil-klima, sabiex tħeġġeġ żieda sostanzjali fl-istrateġiji tal-banek b’rabta mal-finanzjament sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-suġġett ta’ din l-Opinjoni huwa l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal (i) regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, għar-riskju ta’ aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, għar-riskju operattiv, għar-riskju tas-suq u għall-minimu tal-output (il-Proposta CRR) u (ii) direttiva li temenda d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fir-rigward tas-setgħat superviżorji, tas-sanzjonijiet, tal-fergħat ta’ pajjiżi terzi, u tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza, u li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Proposta CRD).

2.2

Kif stabbilit fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, iż-żewġ atti normattivi huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jiġu implimentati l-istandards ta’ Basel III, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll diversi kwistjonijiet ta’ importanza għall-istabbiltà finanzjarja u l-finanzjament stabbli tal-ekonomija fil-kuntest tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-qafas ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju, it-tisħiħ tal-enfasi fuq ir-riskji ESG fil-qafas prudenzjali, u l-armonizzazzjoni ulterjuri tas-setgħat u l-għodod superviżorji.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jenfasizza li l-istabbiltà tas-suq finanzjarju hija prerekwiżit kruċjali għall-istabbiltà ekonomika ġenerali u, għalhekk, hija fl-interess pubbliku komuni. Regolamentazzjoni u sorveljanza sodi tas-settur bankarju biex tiġi evitata t-theddida ta’ taqlib u kriżi huma essenzjali, filwaqt li r-rekwiżiti kapitali prudenzjali huma strumentali biex jiġi evitat l-użu ta’ fondi pubbliċi għas-salvataġġ ta’ banek f’diffikultà.

3.2

Implimentazzjoni leali iżda ġusta tal-istandards ta’ Basel III hija importanti għall-kumpaniji u l-impjiegi Ewropej, iżda bl-istess mod biex jitrawwem l-aċċess għas-sjieda residenzjali u biex jiġu xprunati l-ekonomiji tal-UE orjentati lejn l-esportazzjoni, li ħafna negozji jiddependu minnhom għat-tkabbir tagħhom, u daqstant ieħor iċ-ċittadini għall-impjieg tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-istandards internazzjonali huma implimentati f’mudell bankarju tal-UE li minnu nnifsu huwa aktar avvers għar-riskju u inqas dipendenti mis-swieq kapitali milli f’ġurisdizzjonijiet oħra.

3.3

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex tintroduċi l-elementi li fadal tal-istandards ta’ Basel III, li huma maħsuba biex jillimitaw ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju u joħolqu fiduċja u prevedibbiltà għall-investituri u r-regolaturi. Il-KESE jirrikonoxxi li l-UE teħtieġ regoli biex tindirizza l-isfidi (jiġifieri l-isfidi tal-irkupru, tal-klima u dawk diġitali), il-karatteristiċi speċifiċi (il-kreditu bankarju huwa bil-bosta l-mezz ewlieni ta’ finanzjament għall-ekonomija tal-UE) u l-ambizzjonijiet (l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Patt Ekoloġiku) tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, huwa imperattiv li ċ-ċittadini u l-kontribwenti Ewropej ma jkunux esposti għal riskji akbar ta’ kriżi tas-suq finanzjarju; għalhekk jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ adegwat bejn l-isfidi msemmija hawn fuq u s-sustanza u d-diskrezzjonijiet tal-istandards ta’ Basel III. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar il-karatteristiċi speċifiċi tal-banek Ewropej u l-impatt relatat fuqhom u fuq l-ekonomija tal-UE, biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi jilħqu l-bilanċ adegwat bejn implimentazzjoni li timxi skont l-istandards ta’ Basel III, l-eżerċizzju tad-diskrezzjonijiet nazzjonali pprovduti mill-istandards ta’ Basel III u l-ħtieġa li jitressqu aġġustamenti biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet kemm tal-ekonomija tal-UE kif ukoll tal-banek tal-UE.

3.4

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti għandha tissalvagwardja l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, iżda m’għandhiex twassal għal żieda mhux ġustifikata fir-rekwiżiti kapitali għall-banek tal-UE, lil hinn minn dak li huwa previst fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatt fuq ir-rekwiżiti kapitali, inkluż fuq il-banek kooperattivi żgħar u l-banek żgħar, m’għandux ikun ta’ piż żejjed u għalhekk m’għandux ikollu impatt fuq il-kompetittività tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq finanzjarju.

3.5

Il-KESE huwa għalkollox konxju wkoll tal-fatt li r-rekwiżiti kapitali eżistenti kkontribwew b’mod deċiżiv biex is-sistema bankarja ssir aktar reżiljenti matul il-kriżijiet, kif intwera wkoll fil-kuntest tal-pandemija, fejn il-livell attwali ta’ kapitalizzazzjoni ppermetta lill-banek Ewropej ikampaw matul il-pandemija f’kundizzjoni tajba u jkomplu jiffinanzjaw u jappoġġjaw l-ekonomija Ewropea biex tirreżisti x-xokk ekonomiku kbir tal-pandemija tal-COVID-19. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol kruċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li stabbilixxa politika ta’ appoġġ kbir, u li b’hekk ikkontribwixxa għar-reżiljenza tal-banek fil-kriżi tal-COVID-19.

3.6

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti attwali jsaħħu r-regoli attwali, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rekwiżiti kapitali, biex tkompli tipprevjeni t-teħid ta’ riskji eċċessivi, ingranaġġ finanzjarju għoli u mġiba spekulattiva. Minħabba l-kuntest ekonomiku u soċjali attwali, hemm ħafna riskji sinifikanti li għad iridu jiġu indirizzati b’mod adegwat, pereżempju, ir-riskji klimatiċi jew is-self li ma jrendix (NPLs). Ir-rekwiżiti kapitali għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jipprevjenu t-theddida ta’ falliment, u taqlib u kriżi fis-suq finanzjarju, iżda m’għandhomx ikunu eċċessivi. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li l-banek tal-UE jaqdu rwol determinanti fil-finanzjament tal-ekonomija reali u fl-appoġġ għat-tranżizzjonijiet diġitali u sostenibbli, b’impatt indirett fuq l-impjiegi u l-istandards tal-għajxien. Id-dispożizzjonijiet regolatorji relatati mar-rekwiżiti kapitali jeħtieġ li jqisu dawn l-aspetti.

3.7

Fir-rigward tal-ESG, il-KESE jirrimarka li s-swieq finanzjarji jistgħu u għandhom jappoġġjaw u jsaħħu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u aktar ekoloġika, iżda s-settur bankarju ma jistax iwettaq din il-bidla dejjiema waħdu. Skont l-aħħar analiżijiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), aktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE għadhom jissussidjaw il-fjuwils fossili aktar milli s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (5), filwaqt li “l-appoġġ mill-UE għall-investimenti jeħtieġ li jkun allinjat aħjar mal-prinċipji tal-finanzi sostenibbli” (6). F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob li l-politiki industrijali u l-oqfsa legali rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali jsiru kompletament konsistenti bil-għan li (i) jiġu promossi opportunitajiet ta’ investiment sostenibbli biex jinfluwenzaw l-allokazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi f’din id-direzzjoni u (ii) biex jitneħħew is-sussidji għall-fjuwils fossili u biex l-objettivi klimatiċi jiġu rikonċiljati mal-ħtiġijiet soċjali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ESG fil-proposti leġiżlattivi, iżda jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rigward is-setgħa tas-superviżuri li jnaqqsu r-riskji li jirriżultaw mill-allinjament ħażin tal-istituzzjonijiet mal-objettivi ta’ politika rilevanti tal-Unjoni u xejriet ta’ tranżizzjoni usa’ relatati mal-fatturi ESG sabiex tagħmilha ċara kif tiġi eżerċitata din is-setgħa.

3.8

Minbarra d-divulgazzjoni u l-ittestjar tal-istress klimatiku, il-politiki makroprudenzjali, inklużi miżuri bbażati fuq il-kapital, jista’ jkollhom rwol fil-kontabbiltà adegwata tar-riskji relatati mal-ESG tal-banek u fl-iffaċilitar ta’ distribuzzjoni tal-flussi ta’ kreditu bejn is-setturi li jistgħu jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità klimatika. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-EBA u l-BĊE jaċċelleraw il-ħidma tagħhom:

(i)

dwar il-qafas tal-ewwel pilastru, sabiex jiġi ddeterminat sa liema punt il-qafas regolatorju attwali jirrifletti b’mod adatt ir-riskji ESG u l-miżuri relatati meħtieġa, jekk ikun il-każ, u

(ii)

dwar il-kalibrazzjoni adegwata u f’waqtha tal-ittestjar tal-istress għar-riskji ESG.

3.9

Il-KESE jilqa’ l-mandati mogħtija lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istandards f’ġurisdizzjonijiet oħra biex tiżgura l-konsistenza fir-rigward tal-kronoloġija u s-sinifikat tal-impatt fuq il-partijiet interessati rilevanti, inkluż f’termini taż-żieda fir-rekwiżiti kapitali. Il-KESE jwissi wkoll, madankollu, kontra spirall ’l isfel ta’ standards regolatorji jew dewmien ulterjuri fl-istandards li jidħlu fis-seħħ, u jindika l-implimentazzjoni aktar fqira ta’ regoli partikolari f’xi ġurisdizzjonijiet. Dawn jistgħu jwasslu għal riskji severi għall-istabbiltà globali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jilqa’, b’mod partikolari, il-proposti li ġejjin fil-proposta tal-Kummissjoni, iżda jirrakkomanda li jiġu analizzati diversi aspetti ta’ titjib tekniku ulterjuri:

(i)

L-applikazzjoni tal-minimu tal-output fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni b’mekkaniżmu ta’ ridistribuzzjoni bbażat fuq ir-riskju (biex tiġi żgurata kapitalizzazzjoni adegwata tas-sussidjarji fl-UE) għal kull grupp bankarju, peress li dan mhux biss jiżgura konsistenza internazzjonali, iżda wkoll jevita l-effetti negattivi tal-applikazzjoni fil-livell tal-entità.

(ii)

It-titjib speċifiku fir-rigward tal-minimu tal-output f’self speċjalizzat (Artikolu 495(b)) huwa apprezzat, iżda għandu jiġi evalwat aktar mill-perspettiva tal-kisba ta’ konsistenza akbar fir-rigward tal-minimi tal-input, meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-subklassijiet ta’ self speċjalizzat, filwaqt li l-limiti minimi tal-parametri skont l-approċċ standardizzat la jiriflettu ir-riskji attwali u lanqas ma jirriflettu r-robustezza ta’ dawn it-tipi ta’ finanzjament.

(iii)

Iż-żamma tal-fatturi ta’ appoġġ għall-SMEs u l-infrastruttura flimkien mal-eżenzjonijiet tal-Aġġustamenti tal-Valwazzjoni tal-Kreditu (Artikolu 501/501a) hija apprezzata ħafna, peress li huma għodod sinifikanti għall-banek biex ikomplu jappoġġjaw segmenti importanti tal-ekonomija Ewropea, speċjalment fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-COVID-19. Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-opportunità li tkompli tiċċara u tissemplifika l-kriterji għall-fatturi ta’ appoġġ għall-infrastruttura biex jagħtu spinta lill-finanzjament tal-infrastruttura, u jeħtieġ li jitqiesu wkoll ir-riskji relatati u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja;

(iv)

Is-semplifikazzjoni tal-approċċ ta’ trasparenza fit-trattament tal-fondi ta’ investiment (CIUs) hija, fil-prinċipju, imfassla tajjeb, iżda l-KESE jqis li hija meħtieġa aktar korrelazzjoni tar-regoli u l-limitazzjonijiet ta’ governanza relatati (eż. dipendenza minn data pprovduta minn partijiet terzi fil-kalkolu tar-rekwiżit ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq kontra s-CIUs);

(v)

Iż-żamma tal-ponderazzjoni tar-riskju ta’ 100 % għal investimenti ta’ ekwità strateġika fit-tul hija meħtieġa, iżda l-KESE jemmen li jkun jaqbel li tiġi applikata b’mod ġust għall-banek kollha, sew jekk jadottaw approċċ standardizzat kif ukoll jekk jadottaw approċċ ta’ mudelli interni.

(vi)

L-istimoli għall-banek biex iċaqilqu r-riżorsi lejn ekonomija b’newtralità klimatika u l-involviment mal-klijenti huma kruċjali għall-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. F’dan ir-rigward, sabiex titħaffef u tissaħħaħ din il-bidla meħtieġa, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jimplimentaw bidla kbira fl-inċentivi u fid-diżinċentivi għall-ekonomija sottostanti, kif trasposti fil-politiki industrijali u fl-oqfsa rilevanti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar id-dispożizzjonijiet relatati mal-ESG fil-Proposta CRR u fil-Proposta CRD fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq.

4.2

Sadanittant, il-KESE jissuġġerixxi għadd ta’ kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-proposti. Il-KESE jenfasizza f’dan il-kuntest li l-interess pubbliku komuni għas-salvagwardja tal-istabbiltà tas-suq finanzjarju huwa prijorità ewlenija u, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb ma’ għanijiet oħra ta’ politika, filwaqt li għandu jiġi evitat akkost ta’ kollox li l-istabbiltà finanzjarja titqiegħed f’riskju. L-adozzjoni tal-istandards ta’ Basel III fl-UE m’għandhomx jipperikolaw l-għan li tiżdied l-istabbiltà tas-suq finanzjarju sabiex ikun hemm tħejjija aħjar għat-taqlib u l-kriżijiet ekonomiċi fil-futur. Barra minn hekk, il-miżuri proposti għandhom, fi kwalunkwe każ, jiżguraw li l-kapitalizzazzjoni tal-banek tissaħħaħ aktar, filwaqt li jiżguraw ukoll il-kompetittività tagħhom:

(i)

Tiġi eliminata l-kondizzjonalità bbażata fuq l-użu ta’ klassifikazzjonijiet għas-soluzzjoni tranżizzjonali biex jitnaqqas l-impatt tal-minimu tal-output fuq garanziji korporattivi mhux klassifikati (l-Artikolu 465(3)). Dan minħabba l-kopertura baxxa tal-klassifikazzjonijiet esterni għas-suq tal-UE u biex tiġi evitata d-dipendenza żejda mill-klassifikazzjonijiet esterni, f’konformità mad-Direttiva dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

(ii)

Fir-rigward tal-arranġament tranżitorju għall-minimu tal-output għall-ipoteki residenzjali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-opportunità li tirrevedih minn diversi perspettivi (il-proporzjon bejn is-self u l-valur, asimmetrija bejn il-metodoloġiji tar-riskju, is-sensittività għar-riskju) sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati fuq l-aċċess għal ipoteki residenzjali. Madankollu, kwalunkwe reviżjoni f’dan ir-rigward għandha tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ bżieżaq immobiljari.

(iii)

Issir reviżjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet dwar l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB) li jippermetti l-użu ta’ maturitajiet reali, minflok maturitajiet fissi sabiex jiġi rifless ir-riskju reali inkorporat.

(iv)

Il-fatturi tal-konverżjoni ta’ kreditu għandhom jinżammu f’20 % għal entrati kontinġenti relatati mat-tranżazzjonijiet (eż. garanziji ta’ eżekuzzjoni, garanzija tal-offerti, garanziji) minħabba r-rwol ewlieni tagħha fl-ekonomija tal-UE, sabiex tkun konsistenti mad-data ta’ inadempjenza reali tas-suq rilevanti.

(v)

Id-dispożizzjonijiet relatati mas-suq kapitali għandhom jiġu evalwati aktar sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ impatt sproporzjonat fuq l-iħħeġġjar, il-kostijiet tal-likwidità u tal-finanzjament ta’ garanziji sovrani u korporattivi, u, għalhekk, biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-Banek ta’ Investiment Korporattiv tal-UE li jikkompetu fis-swieq tal-UE u dawk internazzjonali.

(vi)

Jiġi emendat il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet reali tal-interessi minoritarji għall-kapital konsolidat, li attwalment imur kontra l-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u jnaqqas l-interess fil-kumpaniji elenkati.

4.3

Il-KESE jenfasizza li t-tibdil fil-klima jirriżulta f’riskji li diġà qed jaffettwaw il-banek u li jista’ jkollhom implikazzjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja profonda għall-banek, jekk ma jiġux indirizzati b’mod adegwat kemm fil-livell regolatorju kif ukoll f’dak bankarju. F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza l-ħidma tal-Kumitat ta’ Basel u tal-awtoritajiet Ewropej dwar ir-riskji finanzjarji relatati mal-klima, biex jidentifikaw lakuni potenzjali fil-qafas attwali u biex jikkunsidraw miżuri possibbli biex jiġu indirizzati tali lakuni. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipju ta’ materjalità doppja jiġi osservat bis-sħiħ meta jiġi żviluppat aktar il-qafas rilevanti għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika.

4.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-banek li, f’termini ta’ daqs, rwol u skopertura għal riskji sistemiċi, huma żgħar (skont id-definizzjoni ta’ entità żgħira u mhux kumplessa fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital), iżda li xorta jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti aktar onerużi, inklużi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u kapital, minħabba li huma parti minn grupp bankarju “sinifikanti”. Madankollu, kwalunkwe evalwazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandha tqis li banek iżgħar li huma parti minn grupp bankarju sinifikanti għandhom aktar riżorsi disponibbli biex jindirizzaw sew ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u kapital.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://www.bis.org/bcbs/basel3.htm

Basel III huma sett ta’ miżuri maqbula internazzjonalment żviluppati mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja tal-2007-09. Il-miżuri għandhom l-għan li jsaħħu r-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskju tal-banek. Bħall-istandards kollha tal-Kumitat ta’ Basel, l-istandards Basel III huma rekwiżiti minimi li japplikaw għal banek attivi internazzjonalment. Il-membri jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw u japplikaw standards fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom fiż-żmien stabbilit mill-Kumitat.

(2)  https://www.eba.europa.eu/regulation-and-policy/transparency-and-pillar-3

(3)  Magħruf bħala r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

(4)  Magħrufa bħala d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital.

(5)  https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=60760

(6)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_22/SR_sustainable-finance_MT.pdf