29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku ta’ relevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà”

(COM(2021) 723 final — 2021/0378 (COD))

il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew”

(COM(2021) 724 final — 2021/0379 (COD))

u l-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew”

(COM(2021) 725 final — 2021/0380 (COD))

(2022/C 290/10)

Relatur:

Florian MARIN

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9.2.2022 (COM(2021) 724 final u COM(2021) 725 final), 15.2.2022 (COM(2021) 723 final)

Parlament Ewropew, 14.2.2022

Bażi legali

Artikoli 50, 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

3.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

215/1/2

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP), li huwa għodda li qed tikkontribwixxi għal ekonomija aktar sostenibbli, diġitali u inklużiva, għat-tisħiħ tas-sovranità diġitali u għall-integrazzjoni aħjar tas-swieq tal-kapital.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-ESAP għandu jkun aktar ambizzjuż u li għandu jinħoloq aktar valur miżjud billi tiġi pproċessata l-informazzjoni minflok ma jkun biss għodda ta’ informazzjoni għall-ġbir ta’ informazzjoni mhux proċessata b’punt ta’ aċċess uniku. L-aggregazzjoni u t-trasformazzjoni tad-data u tar-rapporti u l-analiżijiet settorjali u territorjali għandhom jitwettqu permezz tal-ESAP.

1.3.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-ESAP għandu jinbena bħala għodda flessibbli u li għandu jkun possibbli li jinżiedu kategoriji ġodda ta’ data u li ssir komunikazzjoni mar-reġistri nazzjonali jew mal-Eurostat, u jeħtieġ li jitqiesu tipi differenti ta’ teknoloġiji. L-ESAP għandu jipprovdi sinerġija ċara bejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-indikaturi tal-Patt Ekoloġiku.

1.4.

Il-KESE jikkunsidra li għandu jiġi kkunsidrat li jiġi stabbilit bord konsultattiv, li għandu jinkludi lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali, ibbażat fuq proċess ta’ għażla trasparenti, u li jiddeċiedi dwar il-futur tal-ESAP u l-bidliet strateġiċi.

1.5.

It-tnaqqis taż-“żoni bojod” biex jiġi żgurat aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-ESAP huwa importanti. L-ESAP għandu jippermetti wkoll funzjonalitajiet li jippermettu lill-persuni b’diżabilità jibbenefikaw minn aċċessibbiltà tajba mingħajr diskriminazzjoni.

1.6.

Il-KESE jissuġġerixxi li huwa importanti ħafna li l-ESAP jiżgura proċeduri standard, trasparenza, integrità tad-data u kredibbiltà tas-sors tal-informazzjoni, validazzjoni awtomatika tad-data li tkun faċli għall-utent, u kontroll adatt tal-korp tal-ġbir għall-protezzjoni tad-data. Fil-futur qrib, se tkun importanti superviżjoni tajba u adatta tal-fornituri ta’ data finanzjarja u data ESG (ambjentali, soċjali u ta’ governanza).

1.7.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni biex tiġi ssussidjata l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tad-data għall-SMEs, biex l-SMEs jiġu eżentati minn kwalunkwe tariffa, irrispettivament mill-kwantità ta’ data pprovduta, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adatti għall-ħaddiema responsabbli għall-forniment u għall-ġestjoni tad-data.

1.8.

L-ESAP għandu jiżgura distinzjoni ċara bejn id-data finanzjarja u mhux finanzjarja u jagħtiha l-istess livell ta’ importanza, u joffri l-possibbiltà, fuq bażi volontarja, li tiġi ppubblikata data soċjali dwar l-attività ta’ kull kumpanija, il-ġestjoni tagħha u l-impjegati tagħha, abbażi ta’ kriterji speċifiċi.

1.9.

Il-KESE jikkunsidra li huwa meħtieġ helpdesk apposta biex jgħin fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni fil-format korrett u biex jiġi żgurat li tkun tista’ tintuża mil-lat tekniku, u li huwa meħtieġ ukoll taħriġ fil-litteriżmu finanzjarju u l-kompetenza diġitali. Fl-ESAP, jista’ jiġi inkluż sett minimu ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ekonomiċi, definiti fil-livell tal-UE b’metodoloġija komuni, bil-għan li jiġi żgurat użu aħjar u usa’.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi punt ta’ aċċess uniku li se jipprovdi aċċess elettroniku ċentralizzat għall-informazzjoni rilevanti għas-swieq tal-kapital u għas-servizzi finanzjarji (inkluża informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà) li għandha ssir pubblika skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda wkoll għal tipi oħra ta’ informazzjoni rilevanti għas-swieq tal-kapital u għas-servizzi finanzjarji li l-kumpaniji jiddeċiedu li jippubblikaw b’mod volontarju. L-ESAP huwa parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (1).

2.2.

L-informazzjoni se tinġabar permezz ta’ diversi korpi tal-ġbir li għandhom ir-responsabbiltà li, fost affarijiet oħra, iwettqu validazzjonijiet awtomatizzati u jipprovdu assistenza teknika lill-entitajiet li jkunu ppreżentaw l-informazzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tagħmel aktar data disponibbli għall-użu fl-ekonomija u fis-soċjetà, inkluż it-tnedija ta’ spazji Ewropej tad-data. Din għandha l-għan li tagħmel disponibbli aktar data tas-settur pubbliku ta’ kwalità ogħla għall-użu mill-ġdid, inkluża data tal-kumpaniji, filwaqt li tagħmel dawn is-settijiet ta’ data disponibbli b’mod aktar faċli u mingħajr ħlas (2). Għalhekk, l-inizjattiva leġiżlattiva mill-Kummissjoni dwar l-ESAP hija kemm f’waqtha kif ukoll rilevanti ħafna.

2.3.

L-ESAP se jiżgura aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni mingħajr ħlas, bil-possibbiltà li jiġu introdotti tariffi għal servizzi speċifiċi eż. meta jkun qed jiġi ppubblikat ammont kbir ta’ data. Il-validazzjoni awtomatizzata biex jiġi vverifikat li l-informazzjoni ppreżentata mill-korpi tal-ġbir tikkonforma mar-rekwiżiti se titwettaq abbażi ta’ qafas tekniku stabbilit u approvat mill-Kummissjoni. L-ESAP se jkun disponibbli għal mill-inqas 95 % tal-ħin kull xahar.

2.4.

L-ESAP mhux se jaħżen informazzjoni relatata mad-data personali, b’xi eċċezzjonijiet, u se jiġi mmonitorjat, billi jitqiesu indikaturi bħal:

l-għadd ta’ viżitaturi u tfittxijiet;

il-perċentwal ta’ tfittxijiet li jwasslu għal “view” jew għal “download”;

l-għadd u l-perċentwal ta’ informazzjoni li tinqara mill-magni aċċessibbli fuq l-ESAP;

l-għadd u l-perċentwal ta’ “views” u “downloads” li jinqraw mill-magni;

il-proporzjon tan-notifiki skont il-validazzjonijiet awtomatizzati.

2.5.

L-ESAP se jipprovdi funzjonalitajiet bħal interfaċċa faċli għall-utent bil-lingwi kollha tal-UE, funzjoni ta’ tiftix, servizz ta’ downloading, approċċ innovattiv biex jiġu pprovduti servizzi ta’ traduzzjoni u servizz ta’ notifika li jinforma lill-utenti dwar kwalunkwe informazzjoni ġdida disponibbli. L-ESAP se jiġi evalwat abbażi tal-aċċessibbiltà, il-kwalità u l-użu tal-informazzjoni, kif ukoll is-sodisfazzjon tal-utent finali u l-kapaċità tal-utenti li jilħqu l-objettivi tagħhom. Għall-implimentazzjoni tal-ESAP, qed jiġu mmodifikati diversi direttivi u regolamenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ESAP (punt ta’ aċċess uniku Ewropew). Li l-ekonomija tiġi adattata għall-futur diġitali, li tissaħħaħ is-sovranità diġitali, li tiżdied il-veloċità tal-fluss tal-informazzjoni u li jiġu stabbiliti standards komuni, b’enfasi fuq id-data, it-teknoloġija u l-infrastruttura, huma prijoritajiet ewlenin għall-UE. L-ESAP jippromovi finanzjament xprunat mid-data u jtejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess tal-kumpaniji, tan-negozji u tal-istituzzjonijiet finanzjarji għad-data u għall-informazzjoni tal-entitajiet. L-ESAP se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija aktar sostenibbli, diġitali u inklużiva kif ukoll għal integrazzjoni aħjar tas-swieq tal-kapital. Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid”, il-KESE jiddikjara li punt ta’ jiddikjara li punt ta’ aċċess uniku Ewropew huwa prijorità sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-Unjoni tas-swieq Kapitali (3).

3.2.

Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-ESAP ma jiġġenerax obbligi ta’ rapportar ġodda u juża r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni eżistenti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. L-ESAP huwa għodda li se jagħmilha possibbli li jiġi vvalutat aħjar kif l-entitajiet Ewropej jikkontribwixxu għall-miri tas-sostenibbiltà u tal-klima. L-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà hija essenzjali sabiex l-investimenti jiġu diretti mill-ġdid lejn proġetti li se jappoġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika, kif enfasizzat mill-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni dwar l-istrateġija mġedda għall-finanzi sostenibbli (4).

3.3.

L-ESAP jiżgura l-aċċess għall-informazzjoni għal perjodu ta’ żmien, inkluża l-informazzjoni tal-passat, li hija importanti sabiex jiġu żgurati proċessi adatti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fis-swieq tal-kapital. Il-finanzjament Ewropew huwa problematiku, minħabba li jirriżulta f’kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni: l-ispejjeż ta’ finanzjament li jiffaċċjaw il-kumpaniji jiddependu fil-biċċa l-kbira mill-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tagħhom, in-negozji ġodda b’restrizzjonijiet kollaterali jsibuha diffiċli li jiksbu kwalunkwe finanzjament, u l-konsum ma jiġix protett minn xokkijiet ekonomiċi lokali (5). It-traċċar tal-prestazzjoni ekonomika u tas-sostenibbiltà se jkun kruċjali għas-swieq tal-kapital u għad-deċiżjonijiet futuri tal-investiment.

3.4.

L-ESAP qed jiġi stabbilit f’mument meta s-settur finanzjarju tal-UE qed jiffaċċja trasformazzjoni profonda minħabba ż-żewġ tranżizzjonijiet ewlenin, jiġifieri t-tranżizzjoni diġitali u dik klimatika. Se jintilfu l-impjiegi, iridu jinkisbu ħiliet ġodda, ir-responsabbiltajiet tal-impjegati qed jinbidlu, u se jiġu implimentati sensji jew mudelli organizzattivi ġodda ta’ xogħol. L-ESAP jista’ jkun għodda biex jiġu ġestiti b’mod pożittiv xi wħud mill-effetti tal-proċessi ta’ trasformazzjoni finanzjarja tal-UE li qed ikunu ta’ sfida.

3.5.

L-ESAP għandu l-potenzjal li jkun fattur għall-iżvilupp u għall-investimenti. L-SMEs li jridu jżidu l-viżibbiltà tagħhom jistgħu jiġu mħeġġa jippubblikaw id-data tagħhom biex jattiraw investimenti u swieq futuri. Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jitqies ir-rwol tal-intermedjarji tas-software, għaliex xi kumpaniji, l-aktar SMEs, se jaħdmu ma’ dawn it-tipi ta’ entitajiet sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv marbut mal-ġestjoni u l-ħżin tad-data. L-ESAP qed jikkontribwixxi biex il-proċess tad-deċiżjonijiet tal-investiment jorħos u biex tiżdied il-viżibbiltà għall-SMEs.

3.6.

L-ESAP għandu jippermetti interoperabbiltà effiċjenti mal-Eurostat u mar-reġistri nazzjonali. Id-dinamika tal-interessi pubbliċi jew tas-suq rigward it-trasparenza u d-data għandha tiġi integrata permezz billi jkun possibbli li jinżiedu kategoriji ġodda ta’ data fil-futur. L-ESAP għandu jinbena bħala strument tad-data li huwa flessibbli fir-rigward tad-diversi setturi u inizjattivi Ewropej. Il-komunikazzjoni bejn teknoloġiji differenti hija importanti. L-ispiża taż-żieda ta’ data ġdida għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-impatt tagħha fuq is-swieq kapitali u mill-perspettiva tal-ġestjoni tad-data.

3.7.

Huwa importanti li tiġi żgurata konnettività tal-Internet adegwata fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex il-kumpaniji kollha jkollhom aċċess għall-ESAP u sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni. Huwa kruċjali li jsir investiment fit-tnaqqis ta’ “żoni bojod” u li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati kollha tas-suq tal-kapital ikollhom aċċess għall-ESAP.

3.8.

L-ESAP għandu jiżgura l-integrità tad-data u l-kredibbiltà tas-sors tal-informazzjoni ppreżentata lill-korpi tal-ġbir. L-evalwazzjoni awtomatizzata tal-informazzjoni għandha tkun sempliċi u faċli għall-utent. L-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni valida u adatta u l-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jibqgħu prijoritajiet kontinwi. Il-korpi tal-ġbir għandhom ukoll jiġu mmonitorjati sew u l-protezzjoni tad-data għandha tkun ukoll prijorità kontinwa.

3.9.

Opportunitajiet aħjar ta’ finanzjament għall-kumpaniji se joħolqu opportunitajiet ġodda għas-suq tal-UE u opportunitajiet ġodda ta’ impjieg. L-ESAP għandu jqis it-tipi kollha ta’ investimenti u atturi tas-suq, inkluż fil-qasam tal-ekonomija soċjali jew tal-finanzjament kollettiv, li għandhom impatt pożittiv fuq l-interess ġenerali, speċjalment għal persuni vulnerabbli. L-ESAP għandu jippermetti funzjonalitajiet li jippermettu lill-persuni b’diżabilità jibbenefikaw minn aċċessibbiltà adatta.

3.10.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-użu tal-ESAP, u d-divulgazzjoni ta’ ċerta informazzjoni, se jkunu mingħajr ħlas. Madankollu, l-ispiża tal-liċenzji jew tal-ġbir, tal-ġenerazzjoni u tal-ġestjoni tad-data tista’ tkun għolja. Għandhom jiġu introdotti inċentivi fiskali u sussidji għall-SMEs sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-forniment tad-data, speċjalment għal rapporti obbligatorji. L-investimenti fit-tagħmir tas-software u tal-hardware għal kumpaniji u għal partijiet ikkonċernati oħra tas-suq tal-kapital għandhom jiġu appoġġjati minn fondi tal-UE sabiex jippermettu l-użu adatt tal-ESAP u l-interazzjoni miegħu. Huwa meħtieġ aktar involviment fil-livell tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. L-SMEs għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe tariffa, irrispettivament minn kemm tkun qed tiġi ppubblikata informazzjoni. Il-livell tat-tariffi, meta jiġu applikati, għandu jkun trasparenti u għandu jiġu stabbilit f’rabta diretta skont l-ispejjeż tal-ġestjoni tad-data.

3.11.

L-ESAP għandu jittratta kumpaniji elenkati u mhux elenkati bl-istess mod, irrispettivament mid-daqs jew mill-post ġeografiku. L-ESAP għandu jsir strument li jiġġenera valur miżjud billi jġib aktar effiċjenza fir-rapportar, fit-trasparenza u fil-ġestjoni tad-data.

3.12.

Il-governanza tal-ESAP għandha tkun ibbażata fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili u għandha tinkludi żewġ livelli ta’ struttura ta’ governanza, kif ġej:

bord konsultattiv, li għandu jinkludi s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, abbażi ta’ proċess trasparenti ta’ għażla u li jiddeċiedi dwar il-futur tal-ESAP u l-bidliet strateġiċi;

bord eżekuttiv li jiżgura standards tekniċi u l-funzjonament tajjeb tal-ESAP.

3.13.

F’kuntest li fih l-iskopertura tal-banek hija għolja, il-fiduċja tal-investitur u d-deċiżjoni li wieħed jinvesti f’kumpaniji li jużaw is-swieq tal-kapital jiddependu mid-disponibbiltà faċli, il-kwalità u l-komparabilità tal-informazzjoni. Sabiex tinħoloq relazzjoni effiċjenti u komprensiva bejn l-emittenti u l-investituri, il-KESE jafferma li l-proċeduri standard huma kruċjali. L-istandardizzazzjoni għandha tinkludi l-istess skadenzi ta’ żmien għad-divulgazzjoni u metodoloġiji għad-data ppubblikata skont il-prinċipju ta’ “l-istess attività, l-istess riskju, l-istess regoli”.

3.14.

Il-kriżi tal-COVID-19 u l-ħtieġa ta’ rkupru sostenibbli u inklużiv li permezz tiegħu ħadd ma jitħalla jibqa’ lura żiedu l-pressjoni biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-ħtieġa tal-kumpaniji għall-fondi u l-investimenti hija fl-ogħla livell li qatt kien hemm.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Għall-KESE, huwa ċar li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali m’għandhiex tkun għażla volontarju għall-benefiċċju ta’ ftit persuni, iżda għandha tkun realtà fl-Istati Membri kollha tal-UE. Għandhom jiġu allokati riżorsi finanzjarji u umani adatti biex jiġi żgurat użu effiċjenti u effettiv tal-ESAP. L-involviment u l-appoġġ tal-Istati Membri u tas-superviżuri nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-ESAP jiġi rikonoxxut bħala strument Ewropew importanti tad-data għall-kumpaniji, għall-investituri u għall-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu prijorità. L-ESAP għandu jiġi promoss fl-Istati Membri kollha, flimkien mal-vantaġġi u l-importanza ta’ dan l-istrument. Il-media soċjali tista’ tintuża għal dan il-għan.

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni hija lesta li ġġib aktar trasparenza, tagħmel aktar data disponibbli (6) u tappoġġja t-trasformazzjoni diġitali tal-finanzi fis-snin li ġejjin, kif imsemmi fl-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali (7). Il-possibbiltà li tiġi aggregata d-data u li jiġu ġġenerati rapporti għandha tiġi integrata fl-ESAP (8). Għandu jkun hemm funzjonalitajiet ta’ tqabbil u ta’ bullettini. L-ESAP jista’ jinkludi forum tal-partijiet ikkonċernati għad-diskussjonijiet, għall-ispjegazzjonijiet u għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

4.3.

Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jiġi pprovdut helpdesk dedikat biex jgħin fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni fil-format korrett u biex jiġi żgurat li din tkun tista’ tintuża mil-lat tekniku. L-assistenza pprovduta għandha tinkludi proċeduri komuni u qafas għall-konsistenza, il-komparabilità u l-użu tad-data. Fl-aħħar nett, biex jiġi żgurat proċess kosteffettiv, l-ESAP għandu jaħdem bl-aktar formati tal-fajl komuni, bħal XBRL, PDF, XML, HTML, CSV, TXT u XLS.

4.4.

Il-KESE jikkunsidra li d-diġitalizzazzjoni u d-data ċentralizzata se jkollhom impatt pożittiv fuq ir-rapportar. Dan se jwassal għal titjib f’testijiet tal-istress u analiżijiet klimatiċi differenti kif ukoll għal identifikazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-portafolli tal-istituzzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. L-ESAP se jkun għodda li tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ riskji potenzjali u għall-ġenerazzjoni ta’ opportunitajiet għall-kumpaniji. L-ESAP jista’ jkun ukoll għodda li tgħin biex tingħata spinta lir-riċerka tal-SMEs fil-livell Ewropew.

4.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jiġi żgurat li għad-data finanzjarja u għad-data mhux finanzjarja jingħata l-istess livell ta’ importanza f’termini ta’ viżibbiltà u ta’ rilevanza. L-informazzjoni mhux finanzjarja għandha tinkludi – fuq bażi volontarja – data soċjali dwar l-attività ta’ kull kumpanija u l-impjegati tagħha. Id-data li tikkonċerna l-ġestjoni u l-persunal tal-kumpanija ma għandhiex, fuq bażi volontarja, tiġi eskluża (għadd ta’ impjegati, ġeneru, eċċ.). F’dan ir-rigward jistgħu jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi għall-informazzjoni soċjali.

4.6.

Il-KESE jqis li l-ESAP għandu jkun aktar ambizzjuż. B’mod speċifiku, jenħtieġ li jinżiedu objettivi addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-ġbir ta’ data mhix ipproċessata, u jenħtieġ li jinħoloq aktar valur miżjud billi tiġi pproċessata l-informazzjoni minflok li l-ESAP ikun biss għodda ta’ informazzjoni b’punt ta’ aċċess uniku. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-ESAP se jkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Ir-rwol u l-importanza tal-ESAP huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li r-riċerkaturi, l-imsieħba soċjali, l-NGOs, l-akkademiċi u l-analisti jkollhom aċċess akbar, adatt, ġust, ugwali u immedjat għall-informazzjoni. L-ESAP jista’ jappoġġja l-ħolqien ta’ pjattaformi privati ġodda għall-ipproċessar tal-informazzjoni; madankollu, l-ispiża li tirriżulta mill-użu tagħhom u l-aċċess għas-swieq tal-kapital se jibqgħu problema, speċjalment għal investituri żgħar, bħala individwi privati.

4.7.

Meta jiġu ffaċilitati l-big data, it-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali dawn iwasslu għal effiċjenza akbar fl-użu tal-informazzjoni biex jinħolqu swieq tal-kapital aktar integrati u b’hekk l-ekonomija tal-UE ssir aktar reżiljenti. Ir-rapporti u l-analiżijiet settorjali f’livell territorjali għandhom ikunu għażliet għall-utenti futuri tal-ESAP. Il-verifika u l-iżgurar tal-validità tad-data għandhom jingħataw attenzjoni kostanti. Ir-rapportar u l-ġestjoni tad-data li jikkoinċidu għandhom jiġu mmonitorjati bir-reqqa. Madankollu, il-KESE jikkunsidra li t-twassil ta’ informazzjoni mhux ipproċessata huwa inqas ambizzjuż u mhuwiex biżżejjed għal investituri ġodda li mhumiex familjari mas-swieq tal-kapital li qed jikkunsidraw li jinvestu fihom.

4.8.

L-ESAP għandu jitnieda mhux biss biex jintlaħaq l-objettiv tas-suq tal-kapital, iżda wkoll biex jintlaħqu objettivi ta’ politika komplementari, bħall-kontribut tal-kumpaniji għall-indikaturi tal-SDGs tan-NU. L-għoti ta’ aċċess lil pajjiżi terzi għad-data jista’ jikkontribwixxi biex jiġi żgurat investiment supplimentari għall-kumpaniji tal-UE fil-futur. L-ESAP għandu jsegwi l-eżempju tal-portal InvestEU u jista’ jappoġġja l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (9).

4.9.

Il-KESE jikkunsidra li l-litteriżmu finanzjarju (Azzjoni 7 tal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali) u l-kompetenza diġitali għandhom jiġu implimentati. Huwa meħtieġ ukoll manwal għal-litteriżmu u d-data finanzjarji. Jistgħu jinħarġu u jiġu promossi linji gwida apposta dwar kif wieħed jifhem l-importanza tad-data, u dwar l-użu u l-kondiviżjoni tad-data. Il-fondi tal-FSE+ jistgħu jintużaw f’dan ir-rigward. Għandha tingħata attenzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u adegwati għall-ħaddiema involuti fil-ġbir u l-ġestjoni tad-data minn diversi kumpaniji jew partijiet ikkonċernati.

4.10.

Il-KESE jissuġġerixxi li sett minimu ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ekonomiċi, definiti fil-livell tal-UE, u metodoloġija komuni jistgħu jiġu inklużi fl-ESAP biex jiġi żgurat użu aħjar u aktar mifrux. Għandha tiġi żgurata sinerġija ċara mal-Artikolu 8 tat-Tassonomija tal-UE dwar is-sostenibbiltà (10) peress li l-ESAP jinkludi data dwar is-sostenibbiltà. L-ESAP għandu jinkludi spazju apposta għall-istatistika dwar il-Patt Ekoloġiku u għall-kontribut tal-kumpaniji għall-indikaturi tal-Patt Ekoloġiku.

4.11.

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-merti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni adatti u proporzjonati tal-fornituri ta’ data finanzjarja u data ESG, peress li dawn ser ikomplu jaqdu rwol ewlieni, upstream u downstream, meta l-ESAP isir operattiv.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Azzjoni 1, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid, 24.9.2020, COM(2020) 590 final.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(3)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20.

(4)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (2020), Rapport dwar Sustainable Finance and the Role of Securities Regulators and IOSCO (Finanzi sostenibbli u r-Rwol tar-Regolaturi tat-Titoli u l-IOSCO) [mhux disponibbli bil-Malti].

(5)  https://blogs.imf.org/2019/09/10/a-capital-market-union-for-europe-why-its-needed-and-how-to-get-there

(6)  COM(2020) 66 final.

(7)  COM(2020) 591 final.

(8)  Simili għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa.

(9)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20.

(10)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020R0852&from=MT