|
12.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 194/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni”
(COM(2021) 556 final — 2021/0197(COD))
(2022/C 194/11)
|
Relatur: |
Dirk BERGRATH |
|
Korelatur: |
Bruno CHOIX |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 13.9.2021 Kunsill, 20.9.2021 |
|
Bażi legali |
Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adottata fis-sezzjoni |
13.12.2021 |
|
Adottata fil-plenarja |
19.1.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
566 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
237/1/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-UE ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Barra minn hekk, il-KESE jissottolinja l-importanza tal-Istrateġija tal-UE għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti, li stabbiliet sensiela ta’ stadji importanti biex jintlaħaq dan l-objettiv ambizzjuż biex it-trasport isir adattat għal Ewropa newtrali għall-klima fl-2050, billi tippromovi “approċċ ta’ sistema integrata” (1). |
|
1.2. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li r-reġistrazzjonijiet il-ġodda tal-karozzi u tal-vannijiet fl-Unjoni Ewropea għandhom jagħmluha possibbli li jinkiseb tnaqqis ta’ 100 % fl-emissjonijiet mill-flotta kollha tal-UE sal-2035. Il-KESE jappoġġja l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-flotta kollha proposti għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri b’55 % (meta mqabbla mal-mira tal-2021), u jappoġġja wkoll b’mod ġenerali l-mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % għall-vetturi kummerċjali ħfief mill-2030. |
|
1.3. |
Il-KESE jisħaq li l-limiti tal-flotta jipprovdu spinta qawwija ħafna u effiċjenti għal bidla teknoloġika fl-industrija. F’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu (2), il-KESE jinnota li, minkejja l-benefiċċji kollha, l-approċċ tal-“emissjonijiet mill-egżost” għandu jiġi kkomplementat minn strumenti ta’ politika oħrajn. Il-Pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % irid jiżgura approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja u jevita l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq li twassal għal bidla fl-emissjonijiet upstream fil-katina tal-valur. |
|
1.4. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid bil-qawwa li l-mobilità individwali trid tibqa’ aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, b’mod speċjali għal dawk li jivvjaġġaw li ma għandhomx aċċess għal trasport pubbliku ta’ kwalità jew għal soluzzjonijiet oħra ta’ mobilità (3). |
|
1.5. |
Is-settur tal-karozzi huwa ta’ importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea. Il-manifattura tal-karozzi (assemblaġġ u fornituri) timpjega 2,6 miljun ħaddiem u tiġġenera 900 000 impjieg fl-industriji tal-forniment, li flimkien jirrappreżentaw 11,6 % tal-impjiegi fil-manifattura fl-UE. |
|
1.6. |
Bl-aċċellerazzjoni drammatika tar-ritmu tad-dekarbonizzazzjoni li l-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % se jinvolvi, l-aktar fl-industrija tal-karozzi, se jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali — pereżempju, f’Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) estiż — biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’reġjuni dipendenti mill-ktajjen tal-provvista tal-karozzi. |
|
1.7. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu biex titwettaq evalwazzjoni li tinkludi s-sitwazzjoni attwali dwar il-kwalifiki u t-taħriġ (mill-ġdid) tal-persunal kif ukoll analiżi aġġornata tal-oqsma li fihom tkun meħtieġa azzjoni (addizzjonali) sabiex jittejbu aktar il-ħiliet u l-kwalifiki tal-impjegati fl-industrija tal-karozzi għat-tranżizzjoni strutturali (4). Il-KESE jtenni li dawn l-aspetti għandhom jiġu inklużi fid-dispożizzjonijiet proposti dwar il-governanza u l-monitoraġġ. |
|
1.8. |
Il-KESE huwa mħasseb li sakemm ma jkunx hemm fis-seħħ l-infrastruttura tal-iċċarġjar meħtieġa biex tappoġġja t-tranżizzjoni, se jkun diffiċli biex jintlaħqu l-miri għt-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-infrastruttura tal-iċċarġjar għandha tiġi implimentata fejn in-nies jgħixu, jaħdmu u jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. |
|
1.9. |
Il-fjuwils rinnovabbli u dawk b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll l-e-fjuwils, jista’ jkollhom xi rwol x’jaqdu fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, b’mod speċjali għall-flotta eżistenti u għal partijiet li diffiċli jiġu elettrifikati, iżda jridu jiġu applikati standards ta’ sostenibbiltà sodi. |
2. Kuntest tal-proposta
|
2.1. |
Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (5) nediet strateġija ġdida għat-tkabbir għall-UE li għandha l-għan li tittrasforma lill-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Hija tafferma mill-ġdid l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-miri klimatiċi tagħha u tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. |
|
2.2. |
Dan l-objettiv huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (6). |
|
2.3. |
Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt komprensiva, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 (7) ipproponiet li tiżdied l-ambizzjoni tal-UE u li jitressaq pjan komprensiv biex il-mira vinkolanti tal-Unjoni Ewropea għall-2030 lejn tnaqqis nett fl-emissjonijiet tiżdied għal mill-anqas 55 %, b’mod responsabbli. Il-mira għall-2030 hija konformi mal-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm ferm taħt iż-2 oC u li jsiru sforzi biex din tinżamm għal 1,5 oC. Il-Kunsill Ewropew approva l-mira vinkolanti l-ġdida tal-UE għall-2030 fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2020 (8). Sabiex twettaq dan il-livell ogħla ta’ ambizzjoni għall-2030, il-Kummissjoni rrieżaminat il-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ dwar il-klima u l-enerġija, li hija mistennija li tnaqqas biss l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’40 % sal-2030 u b’60 % sal-2050. |
|
2.4. |
Dan il-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %”, kif imħabbar fil-Pjan dwar il-Mira Klimatika tal-Kummissjoni (9), huwa l-aktar element komprensiv fl-isforzi għall-implimentazzjoni tal-mira klimatika ambizzjuża l-ġdida għall-2030, u s-setturi u l-politiki ekonomiċi kollha, inkluż it-trasport bit-triq, se jkollhom jikkontribwixxu għal dan. |
|
2.5. |
L-industrija tal-karozzi hija ta’ importanza fundamentali għall-ekonomija tal-UE u tammonta għal aktar minn 7 % tal-PDG tal-UE, u tipprovdi impjiegi, direttament jew indirettament, lil 12,6 miljun Ewropew. L-investiment tal-UE fil-karozzi għar-riċerka u l-iżvilupp jammonta għal EUR 60,9 biljun fis-sena. |
|
2.6. |
L-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (10) tindirizza l-isfidi usa’ tat-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero u tistabbilixxi pjan direzzjonali biex it-trasport Ewropew jitqiegħed b’mod sod fit-triq it-tajba għal futur sostenibbli u intelliġenti. |
|
2.7. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Istrateġija jinkludi politiki mmirati, fost affarijiet oħra, lejn it-tisħiħ tal-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura relatata. Il-bidla lejn vetturi b’emissjonijiet żero se tipprevjeni t-tniġġis u ttejjeb is-saħħa taċ-ċittadini tagħna; dan jappoġġja wkoll l-Ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif artikolat fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (11). |
|
2.8. |
L-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief huma xprunaturi ewlenin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur, kif muri fil-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Ambizzjoni Klimatika tal-Ewropa għall-2030. L-objettivi ġenerali ta’ din il-proposta huma li tikkontribwixxi għall-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050 u għal dan il-għan, f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq tnaqqis nett ta’ mill-anqas 55 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990. |
|
2.9. |
L-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2, li jipprovdu vetturi ġodda b’emissjonijiet żero lis-suq, huma wkoll miżura komplementari għad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), li se tiddekarbonizza l-produzzjoni tal-elettriku użat fil-vetturi elettriċi u tinċentiva l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-vetturi b’magna ta’ kombustjoni li qed jintużaw attwalment. Hemm ukoll sinerġiji importanti bejn l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 u sistema msaħħa għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) (13) u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-UE ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, u l-appoġġ tiegħu għall-miri riveduti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, kif stabbilit fl-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (14). |
|
3.2. |
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE b’minn tal-inqas 55 % sal-2030 se jirrikjedi sforzi addizzjonali sinifikanti fis-setturi kollha tal-ekonomija. Dan jgħodd speċjalment għat-trasport. Is-settur tat-trasport huwa fost il-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, bl-objettiv ġenerali li sal-2050 jinkiseb tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport. L-emissjonijiet relatati mat-trasport bit-triq huma responsabbli għal 22 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE u għal 27 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha (15). Skont id-data uffiċjali, l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq kienu 26,8 % ogħla fl-2018 minn dawk fl-1990 (16). Aktar reċentement, l-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri żdiedu għat-tielet sena konsekuttiva fl-2019, u laħqu 122,3 grammi ta’ diossidu tal-karbonju għal kull kilometru (g CO2/km) (17). |
|
3.3. |
Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, li stabbiliet sensiela ta’ stadji importanti biex jintlaħaq dan l-objettiv ambizzjuż biex it-trasport isir adattat għal Ewropa newtrali għall-klima fl-2050. Billi tibni fuq dokumenti ta’ politika preċedenti, l-Istrateġija tippromovi b’mod ġust “approċċ ta’ sistema integrata”, li jiddependi minn portafoll ta’ strumenti komplementari biex jiġi ttrasformat it-trasport. L-istandards tal-emissjonijiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu iżda l-ilħuq tal-miri stabbiliti se jirrikjedi sforzi addizzjonali biex tiġi implimentata l-infrastruttura, biex tiżdied il-produzzjoni tal-elettriku dekarbonizzat u biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi għall-prezz tal-karbonju għat-trasport (18). |
|
3.4. |
Ir-Regolament dwar l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u għall-vetturi kummerċjali ħfief huwa l-pedament tal-istrateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur. Il-KESE jirrimarka li reviżjoni fil-fond tar-Regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief tlestiet fl-2018 (19). Il-KESE jirrikonoxxi li madankollu, din ir-reviżjoni reċenti mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif stabbiliti fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima. |
|
3.5. |
Is-settur tal-karozzi huwa ta’ importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea. Il-manifattura tal-karozzi (assemblaġġ u fornituri) timpjega 2,6 miljun ħaddiem u tiġġenera 900 000 impjieg fl-industriji tal-forniment, li flimkien jirrappreżentaw 11,6 % tal-impjiegi fil-manifattura fl-UE. B’kollox, l-attivitajiet relatati mal-karozzi jimpjegaw 12,6 miljun persuna fl-Ewropa, li jfisser li s-settur tal-karozzi huwa responsabbli għal 6,6 % tal-impjiegi kollha tal-UE. L-industrija tal-karozzi tal-UE tiġġenera EUR 76 biljun ta’ surplus kummerċjali kull sena u hija responsabbli għal 33 % tal-infiq totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ix-xiri u l-użu ta’ vetturi bil-mutur huma sors ewlieni ta’ dħul mit-tassazzjoni għall-Istati Membri, bil-Ġermanja biss tiġbor kważi EUR 100 biljun fis-sena (20). |
|
3.6. |
L-ilħuq tal-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030 għat-trasport bit-triq se jirrikjedi sforzi kbar biex l-industrija tal-karozzi tinbidel u tiġi ssostitwita l-flotta eżistenti tal-vetturi. L-użu ta’ vetturi elettriċi fl-Ewropa qed jiżdied b’mod rapidu f’ħafna Stati Membri iżda għadu limitat, fid-dawl tal-fatt li l-karozzi elettriċi jirrappreżentaw biss 3,5 % tar-reġistrazzjonijiet totali tal-karozzi ġodda fl-2019, inklużi l-vetturi elettriċi bil-batterija (BEV) u l-vetturi elettriċi ibridi plug-in (PHEV), filwaqt li l-karozzi elettriċi jirrappreżentaw biss 1,2 % tal-flotta eżistenti tal-karozzi fl-UE (21). Ċifri reċenti jindikaw estensjoni rapida tal-ishma mis-suq tal-vetturi BEV u PHEV b’9,8 %, u 9,1 % tas-sehem mis-suq rispettivament fit-tielet kwart tal-2021 (22). |
|
3.7. |
Għandu jiġi kkunsidrat li l-industrija tal-karozzi tal-UE se jkollha tiddekarbonizza f’kuntest fejn qed issibha diffiċli b’sensiela ta’ fatturi ewlenin oħra ta’ bidliet strutturali li diġà għandhom impatt sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol tagħha: l-awtomatizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tal-linji tal-assemblaġġ jinvolvu kisbiet fil-produttività li se jkollhom impatt fuq in-numru ta’ sigħat maħduma fis-settur (23), in-nuqqas kontinwu ta’ semikondutturi wassal għal telf fil-produzzjoni, u l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha wasslu għal tnaqqis storiku fil-bejgħ u l-produzzjoni. |
|
3.8. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid bil-qawwa li l-mobilità individwali trid tibqa’ aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, b’mod speċjali għal dawk li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura li ma għandhomx aċċess għal trasport pubbliku ta’ kwalità jew għal soluzzjonijiet oħra ta’ mobilità (24). Ostaklu sinifikanti għat-tkabbir tas-suq tal-BEV huwa l-prezzijiet għoljin tax-xiri bil-quddiem, li jwasslu għal spejjeż akbar ta’ deprezzament għall-ewwel sidien, li jiddeterminaw it-taħlita tal-istokk. Madankollu, diversi rapporti juru li l-vetturi BEV diġà huma l-aktar għażla affordabbli għall-konsumaturi f’ħafna pajjiżi meta titqies l-ispiża totali tas-sjieda (25). Se jkun essenzjali li, fis-snin li ġejjin, il-miżuri ta’ appoġġ u l-inċentivi jinżammu proporzjonati sabiex joffru benefiċċji għall-utenti ta’ vetturi użati, li se jibbenefikaw l-aktar mill-elettrifikazzjoni. |
|
3.9. |
F’Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tistabbilixxi EUR 40 biljun f’“Fond għal Tranżizzjoni Ġusta” biex tappoġġja reġjuni li jiddependu mill-industriji intensivi fil-faħam u s-CO2 fl-isforzi tagħhom biex jiddekarbonizzaw. Fil-kuntest tal-baġit tal-UE u tan-negozjati tal-UE dwar l-irkupru, l-Istati Membri qablu li jiddedikaw EUR 17,5 biljun lill-JTF. Bl-aċċellerazzjoni drammatika tal-pass tad-dekarbonizzazzjoni li se jinvolvi l-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 %, l-aktar fl-industrija tal-karozzi, se jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fir-reġjuni li jiddependu mill-ktajjen tal-provvista tal-karozzi. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE jisħaq li l-limiti tal-flotta jipprovdu spinta qawwija ħafna u effiċjenti għal bidla teknoloġika fl-industrija. Dan huwa dovut l-aktar għal dan l-impuls regolatorju li l-industrija Ewropea tal-karozzi stabbiliet fit-triq lejn vetturi mingħajr emissjonijiet. Limiti aktar ambizzjużi tal-flotta se jgħinu biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun tista’ ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. |
|
4.2. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li r-reġistrazzjonijiet il-ġodda tal-karozzi u tal-vannijiet fl-Unjoni Ewropea għandhom jagħmluha possibbli li jinkiseb tnaqqis ta’ 100 % fl-emissjonijiet mill-flotta kollha tal-UE sal-2035. Il-KESE jindika li din il-mira ta’ tnaqqis tista’ tinkiseb biss jekk il-kundizzjonijiet qafas jkunu kollha interkonnessi bl-aħjar mod u l-klijenti (madwar l-Unjoni Ewropea) ikunu jistgħu jiġu konvinti li jaqilbu għal vetturi b’emissjonijiet żero. Għalhekk huwa importanti li tiġi introdotta l-infrastruttura meħtieġa tal-iċċarġjar fejn in-nies jgħixu, jaħdmu u jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, filwaqt li jiġi żgurat li din l-infrastruttura tal-iċċarġjar tkun konvenjenti għalihom. |
|
4.3. |
Il-KESE jappoġġja l-miri proposti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-flotta kollha tal-UE għal karozzi ġodda tal-passiġġieri b’55 % (meta mqabbla mal-mira tal-2021) mill-2030. Il-KESE jinnota li, minħabba ċ-ċikli speċifiċi ta’ produzzjoni u żvilupp fl-industrija tal-karozzi, issa jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-industrija biex tinkiseb din il-mira. |
|
4.4. |
Filwaqt li jappoġġja wkoll b’mod ġenerali l-mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % għall-vetturi kummerċjali ħfief, il-KESE jiġbed l-attenzjoni kemm għaċ-ċiklu speċifiku tal-produzzjoni u l-iżvilupp kif ukoll għall-użu tipiku ta’ dawn il-vetturi. Il-KESE huwa mħasseb li sakemm ma jkunx hemm fis-seħħ l-infrastruttura tal-iċċarġjar biex tappoġġja t-tranżizzjoni, se jkun diffiċli biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis u għalhekk jistgħu jkunu meħtieġa kriterji addizzjonali. |
|
4.5. |
Il-KESE jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu tal-2018 għal rieżami ta’ nofs it-terminu tar-Regolament attwali (oriġinarjament ippjanat għall-2024) li jkun jinkludi s-sitwazzjoni attwali dwar il-kwalifika u t-taħriġ (mill-ġdid) tal-persunal kif ukoll analiżi aġġornata tal-oqsma li fihom tkun meħtieġa azzjoni (addizzjonali) sabiex jittejbu aktar il-ħiliet u l-kwalifiki tal-impjegati fl-industrija tal-karozzi għat-tranżizzjoni strutturali (26). Il-KESE jtenni li dawn l-aspetti għandhom jiġu inklużi fid-dispożizzjonijiet proposti dwar il-governanza u l-monitoraġġ, li għandhom ikunu bbażati fuq testijiet tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan fl-użu reali. |
|
4.6. |
Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-istandards tas-CO2 trid tkun ibbażata fuq in-newtralità teknoloġika, filwaqt li jiġi kkunsidrat li mhux l-għażliet kollha joffru prestazzjoni għolja ta’ effiċjenza enerġetika. Għalkemm l-elettrifikazzjoni hija b’mod ċar l-għażla ewlenija fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, tista’ ma tkunx l-aktar għażla rilevanti għal modi tat-trasport aktar tqal jew għal trasport fuq distanzi twal. Kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2018 “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd”, għandha titqies varjetà wiesgħa ta’ teknoloġiji u l-approċċ tal-UE jrid ikun ibbażat fuq in-newtralità teknoloġika. Il-batteriji, l-idroġenu, il-bijofjuwils avvanzati, il-bijometan u l-likwidi elettroniċi se jkollhom rwol fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport. Il-KESE jappoġġja l-prinċipju tan-“newtralità teknoloġika” u jisħaq fuq il-ħtieġa li fit-taħlita tal-mobbiltà jinżammu s-sistemi ta’ motopropulsjoni kollha li jissodisfaw l-istandards tas-CO2 u tal-emissjonijiet f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. |
|
4.7. |
F’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu (27), il-KESE jinnota li, minkejja l-benefiċċji kollha, l-approċċ tal-“emissjonijiet mill-egżost” magħżul fl-abbozz ta’ regolament għandu jiġi kkomplementat minn strumenti ta’ politika oħrajn. Il-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % irid jiżgura approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja u jevita l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq li twassal għal bidla fl-emissjonijiet upstream fil-katina tal-valur. Ir-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambu tal-Emissjonijiet, kif ukoll id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, iridu jiżguraw li l-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq u d-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku jseħħu bl-istess pass. |
|
4.8. |
L-adozzjoni attwali tas-suq turi li t-teknoloġija ibrida rikarikabbli tista’ taġixxi bħala teknoloġija ta’ punt ta’ dħul u teknoloġija tranżizzjonali biex tgħin biex jintlaħqu l-miri klimatiċi fis-settur tat-trasport. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-vetturi ibridi jintużaw f’modalità purament elettrika għall-biċċa l-kbira tal-ħin, b’iċċarġjar frekwenti. Sabiex tiġi miġġielda d-diskussjoni dejjem tikber dwar it-tikkettar qarrieqi tal-PHEVs, għandhom jittieħdu miżuri malajr biex tingħata spinta lill-proporzjon ta’ “vjaġġi elettriċi”, inklużi:
|
|
4.9. |
Il-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll l-e-fjuwils, jista’ jkollhom ċertu rwol x’jaqdu fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, speċjalment għall-flotta eżistenti u għall-partijiet li diffiċli jiġu elettrifikati, peress li dawn il-fjuwils se jkunu meħtieġa bħala prijorità għad-dekarbonizzazzjoni ta’ partijiet tas-sistema tat-trasport li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati, bħall-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE trid tiżgura li jiġu applikati standards robusti ta’ sostenibbiltà. L-ewwel nett, valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja trid tiżgura li l-impronta tal-karbonju tkun konsistenti mal-objettiv li tintlaħaq in-newtralità klimatika fl-2050. It-tieni, anke jekk limitat, l-użu ta’ dawn il-fjuwils alternattivi jrid ikun konformi mal-SDGs tan-NU u, b’riżultat ta’ dan, il-bijofjuwils mill-għelejjel, il-bijofjuwils ibbażati fuq il-palm u s-sojja jridu jitneħħew gradwalment. |
|
4.10. |
Il-KESE huwa favur it-tneħħija tad-deroga għall-manifatturi ta’ volum żgħir ta’ karozzi, li jirreġistraw inqas minn 10 000 karozza jew inqas minn 22 000 vann fis-sena, mill-2030 ’l hawn. Suq niċċa ġenerali għall-vetturi li mhumiex marbuta mal-miri tal-emissjonijiet mhuwiex aċċettabbli. Madankollu, il-proposta ma għandhiex dispożizzjoni għal karozzi bi skop speċjali li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati. |
Brussell, id-19 ta’ Jannar 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 158.
(2) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 52.
(3) L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-istrateġija tal-UE dwar il-mobilità u l-katini ta’ valur industrijali tal-UE: approċċ ekosistemiku fl-industrija tal-karozzi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), punt 1.3 (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 26).
(4) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 52, punti 1.6 u 4.13.
(5) COM(2019) 640 final.
(6) COM(2018) 773 final.
(7) COM(2020) 562 final.
(8) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2020, EUCO 22/20 CO EUR 17 CONCL 8.
(9) COM(2020) 562 final.
(10) COM(2020) 789 final.
(11) COM(2021) 400 final, ara wkoll f’dan il-kuntest id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1) u d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).
(12) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(13) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(14) ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143.
(15) https://unfccc.int/documents/275968
(16) https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/transport-emissions-of-greenhouse-gases-7/assessment
(17) https://www.eea.europa.eu/highlights/average-car-emissions-kept-increasing
(18) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 158.
(19) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 52.
(20) Ċifri tal-ACEA, 2021 https://www.acea.auto/files/ACEA_Pocket_Guide_2021-2022.pdf
(21) UE + ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżlanda: https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/proportion-of-vehicle-fleet-meeting-5/assessment; BEV 0,4 % u ibridi 0,8 %; Ċifri tal-ACEA, 2021.
(22) https://www.acea.auto/fuel-pc/fuel-types-of-new-cars-battery-electric-9-8-hybrid-20-7-and-petrol-39-5-market-share-in-q3-2021/
(23) Ara l-Istitut Fraunhofer, studju ELAB 2.0.
(24) L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-istrateġija tal-UE dwar il-mobilità u l-katini ta’ valur industrijali tal-UE: approċċ ekosistemiku fl-industrija tal-karozzi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja), punt 1.3 (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 26).
(25) https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2021-039_electric_cars_calculating_the_total_cost_of_ownership_for_consumers.pdf
(26) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 52, punti 1.6 u 4.13.