6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/169


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030”

(COM(2021) 572 final)

(2022/C 152/28)

Relatur:

Simo TIAINEN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 10.8.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.11.2021

Adottat fil-plenarja

8.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fl-“Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030”, il-Kummissjoni Ewropea ġustament tiddikjara li l-foresti għandhom funzjoni varjata u kumplessa u għandhom potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali sinifikanti. Il-vitalità u s-saħħa tal-foresti huma ta’ importanza fundamentali, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll klimatiċi, u f’termini ta’ tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq il-foresti u l-benesseri tan-nies. Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li l-istrateġija għall-foresti tindirizza l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, dan għandu jsir b’mod aktar komprensiv. Il-KESE jinnota wkoll li ma hemm l-ebda tweġiba dwar kif għandhom jiġu rremunerati s-servizzi tal-ekosistema mhux kummerċjali pprovduti mill-foresti, u għalhekk mis-sidien tal-foresti. L-istrateġija tiddeskrivi ftit eżempji pożittivi, u l-Kumitat jappella għal soluzzjoni verament konvinċenti u sostenibbli għall-futur.

1.2.

L-istrateġija għall-foresti għandha tgħaqqad id-diversi oqsma ta’ politika u strateġiji b’rabta mal-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell it-tajjeb, f’konformità mal-kompetenzi u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Peress li l-foresti jvarjaw ħafna fl-UE kollha, ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, u l-ġestjoni tal-foresti u l-ippjanar tal-ġestjoni tal-foresti jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell nazzjonali biex jikkontribwixxu għal għanijiet komuni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ qafas fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ kwistjonijiet b’rabta mas-suq uniku u kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi li ma jistgħux jissolvew permezz ta’ miżuri nazzjonali biss u li ħafna drabi jeħtieġu wkoll azzjoni internazzjonali.

1.3.

Tenħtieġ kooperazzjoni avvanzata fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika, u l-KESE jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi n-negozji, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ambjentali, ikunu involuti mill-qrib fl-iżvilupp ulterjuri u l-monitoraġġ tal-istrateġija, filwaqt li jiġi indikat ir-rwol ċentrali tas-sidien tal-foresti, l-industriji u l-ħaddiema fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti.

1.4.

Il-KESE jappella għal koerenza, ċertezza, stabbiltà, ċarezza u konsistenza fil-qafas ta’ politika u dak regolatorju. Huwa kruċjali li ma jiġux introdotti inizjattivi li jissovrapponu jew jikkontradixxu d-definizzjonijiet, il-prinċipji, il-kriterji, l-indikaturi, il-linji gwida u l-iskemi ta’ sostenibbiltà eżistenti u li ġew adottati b’mod wiesa’. Il-protezzjoni tal-proprjetà u tal-intrapriża ħielsa huma wkoll prinċipji li jeħtieġ li jiġu rispettati.

1.5.

Minħabba firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet b’implikazzjonijiet mhux ċari, il-KESE jappella għal valutazzjoni tal-impatt komprensiva tal-istrateġija biex jiġu identifikati l-implikazzjonijiet għall-kundizzjonijiet tas-suq, iż-żoni rurali u l-ħtiġijiet varji ta’ finanzjament, inkluż dak għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, l-infrastruttura, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u t-titjib tal-bijodiversità.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt lil-istrateġija tagħti attenzjoni dovuta lill-adattament għat-tibdil fil-klima, peress li t-tisħin globali jittrasforma l-kundizzjonijiet tas-siġar u l-organiżmi kollha u huwa assoċjat ma’ diżastri forestali, b’konsegwenzi fatali kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal viżjoni olistika tar-rwol li jaqdu l-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kombinazzjoni ta’ sekwestru, ħżin u sostituzzjoni biex tinkiseb ekonomija ta’ wara l-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-Kumitat – bħall-istrateġija tal-foresti tal-Kummissjoni – jenfasizza l-importanza ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tal-foresti u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ ir-riċerka fir-rigward tar-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, l-ekosistemi tal-foresti u l-ġestjoni tal-foresti u jappella għall-ġbir u l-kondiviżjoni sistematiċi ta’ data affidabbli dwar l-istat tal-foresti. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-innovazzjoni fl-oqsma tal-produzzjoni tal-bijomassa sostenibbli u reżiljenti għall-klima, prodotti ġodda bbażati fuq il-foresti, u prattiki tal-ekonomija ċirkolari, bl-użu sħiħ tat-teknoloġiji diġitali.

1.8.

It-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika tal-attivitajiet ibbażati fuq il-foresti jeħtieġu ħiliet ġodda, li jridu jitqiesu b’mod partikolari fit-taħriġ vokazzjonali, u fl-organizzazzjoni tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u li l-ħaddiema jingħataw opportunitajiet u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati fil-bijoekonomija bbażata fuq l-injam. Huwa jenfasizza r-rwol tad-djalogu soċjali fl-iżvilupp tal-ħiliet u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-kooperazzjoni hija meħtieġa wkoll biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta’ attivitajiet moderni u bbażati fuq il-foresti, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

1.9.

Hemm bżonn ta’ ambjent favorevoli għall-investiment produttiv tul il-ktajjen tal-valur, biex jiġi realizzat il-potenzjal tal-innovazzjoni u l-impjiegi tal-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal investiment fl-infrastruttura, biex jiffaċilita l-loġistika u jippermetti d-diġitalizzazzjoni f’attivitajiet ibbażati fuq il-foresti.

1.10.

Sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp globali, il-KESE jistieden lill-UE tippromovi b’mod attiv kondizzjonijiet ekwivalenti għall-intrapriżi tal-UE li jikkompetu fis-swieq internazzjonali tal-bijoekonomija u biex issaħħaħ l-implimentazzjoni globali tal-ftehimiet internazzjonali li jikkontribwixxu għall-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-foresti.

2.   Kummenti ġenerali: il-qafas tal-politika

2.1.

L-“Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030” taġġorna l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2013 biex tqis l-iżviluppi reċenti u ħalli twieġeb għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bil-għan li tinkiseb UE moderna, newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kompetittiva u soċjalment ġusta. Il-KESE diġà ressaq il-fehmiet tiegħu dwar ir-rapport ta’ progress għall-istrateġija preċedenti (1).

2.2.

Il-foresti għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, peress li huma intrinsikament marbuta mal-elementi kostitwenti varji tal-ftehim, jiġifieri l-promozzjoni tal-industriji sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, il-bini u s-sistemi tal-ikel, kif ukoll l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis ambjentali.

2.3.

Il-foresti huma wkoll kwistjoni globali ewlenija u rilevanti għal ħafna mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi dawk relatati mal-ħajja fuq l-art, l-azzjoni klimatika, it-tnaqqis tal-faqar, is-saħħa u l-benesseri, l-industrija u l-innovazzjoni, ix-xogħol deċenti, u t-tkabbir ekonomiku.

2.4.

Fid-dawl tar-rwol u l-potenzjal multidimensjonali tal-foresti f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali, il-Kumitat jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati l-funzjonijiet kollha tal-foresti sabiex jiġi ġġenerat l-aħjar benefiċċju ġenerali possibbli.

2.5.

Huwa ta’ importanza fundamentali li jiġu sostnuti l-vitalità u s-saħħa tal-foresti, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll klimatiċi, u f’termini tat-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq il-foresti u l-benesseri tan-nies. Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li l-istrateġija għall-foresti tindirizza l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, dan għandu jsir b’mod aktar komprensiv. Il-KESE jinnota wkoll li ma hemm l-ebda tweġiba dwar kif għandhom jiġu rremunerati s-servizzi tal-ekosistema mhux kummerċjali pprovduti mill-foresti, u għalhekk mis-sidien tal-foresti. L-istrateġija tiddeskrivi ftit eżempji pożittivi, u l-Kumitat jappella għal soluzzjoni verament konvinċenti u sostenibbli għall-futur.

2.6.

Il-KESE jemmen li l-istrateġija għall-foresti għandha tgħaqqad id-diversi oqsma ta’ politika u strateġiji relatati mal-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti. Dan se jirrikjedi kooperazzjoni transsettorjali, li tkopri r-riċerka, l-innovazzjoni, il-politiki industrijali, tal-impjiegi u fiskali, flimkien mal-politiki klimatiċi u ambjentali u d-dimensjoni tal-iżvilupp rurali tal-politika agrikola.

2.7.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell it-tajjeb, f’konformità mal-kompetenzi u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Bħala regola ġenerali, kwistjonijiet relatati mas-suq uniku jeħtieġu miżuri sodi fil-livell tal-UE. Fil-livell tal-UE huwa meħtieġ ukoll qafas fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi li ma jistgħux jissolvew permezz ta’ miżuri nazzjonali biss – u li ħafna drabi jeħtieġu wkoll azzjoni internazzjonali.

2.8.

Min-naħa l-oħra, il-livell nazzjonali huwa l-aktar livell adegwat għall-ġestjoni tal-foresti u l-ippjanar tal-ġestjoni tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni. Għalhekk, il-KESE jqis li l-involviment u l-appoġġ tal-Istati Membri huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. F’dan ir-rigward, il-pjani strateġiċi nazzjonali għall-foresti għandhom rwol essenzjali x’jaqdu, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-aspetti tal-klima u tal-bijodiversità, iżda anke billi jindikaw modi kif is-sidien tal-foresti jiġu kkumpensati finanzjarjament għas-servizzi tal-ekosistema mhux kummerċjali tal-foresti. Ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, peress li l-karatteristiċi tal-foresti jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-UE kollha. Is-sinifikat tal-foresti fl-ekonomiji nazzjonali tal-Istati Membri jvarja wkoll, kif huwa l-każ għas-sjieda tal-foresti, li tvarja mis-sidien tas-settur pubbliku, kumpaniji privati kbar u investituri għal sidien żgħar ta’ familji.

2.9.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-prattiki tajbin jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri u li tiġi żviluppata kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, abbażi ta’ prattiki ta’ ħidma riveduti aktar milli korpi formali ġodda. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi n-negozji, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ambjentali, jkunu involuti mill-qrib fl-iżvilupp ulterjuri u l-monitoraġġ tal-istrateġija, u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tas-sidien tal-foresti, l-industriji u l-ħaddiema fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti. L-investiment fil-bini tal-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati u tal-awtoritajiet kompetenti huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.

2.10.

Minħabba r-rwol ewlieni tas-sidien privati tal-foresti u l-intrapriżi, għandhom jitqiesu bis-sħiħ il-protezzjoni tal-proprjetà u l-intrapriża ħielsa. B’mod ġenerali, mhuwiex fattibbli li jiġu kkontrollati l-firxiet tal-prodotti, l-għażliet tal-materja prima, jew il-prattiki operattivi; min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet qafas ibbażati fuq data xjentifika u teknoloġikament newtrali, li skonthom l-atturi tal-bijoekonomija jistgħu jinnovaw, jinvestu u joperaw. Dan japplika, pereżempju, għall-implimentazzjoni tal-prinċipju kaskata, li jeħtieġ li jkun ibbażat fuq is-suq.

2.11.

Il-KESE jappella għal koerenza, ċertezza, stabbiltà, ċarezza u konsistenza fil-qafas ta’ politika u regolatorju, meta wieħed iqis iċ-ċikli twal ta’ investiment ta’ ħafna attivitajiet tal-bijoekonomija. Huwa kruċjali li ma jiġux introdotti inizjattivi li jissovrapponu jew jikkontradixxu d-definizzjonijiet, il-prinċipji, il-kriterji, l-indikaturi, il-linji gwida u l-iskemi ta’ sostenibbiltà eżistenti u li ġew adottati b’mod wiesa’. Barra minn hekk, kwalunkwe inizjattiva għandha tevita burokrazija eċċessiva bħall-ġbir u r-rappurtar ta’ data multipla.

2.12.

Fil-fehma tal-KESE huwa vitali li l-prinċipji msemmija hawn fuq relatati mal-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-sjieda, l-istabbiltà, il-koerenza u l-evitar ta’ duplikazzjonijiet jiġu kkunsidrati bir-reqqa u jiġu rrispettati bis-sħiħ f’ħidma ulterjuri. Dan japplika b’mod partikolari għall-inizjattivi dwar sistema monitoraġġ, indikaturi u livelli limitu għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, skema ta’ ċertifikazzjoni eqreb għan-natura, u kriterji relatati mal-foresti għal finanzjament sostenibbli.

2.13.

Kollox ma’ kollox, l-implikazzjonijiet tal-istrateġija mhumiex ċari u xi wħud mill-inizjattivi tagħha jistgħu jdgħajfu l-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti u jipperikolaw l-impjiegi, speċjalment fiż-żoni rurali, billi jillimitaw it-tagħlil. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ li titwettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva tal-istrateġija biex jiġu evalwati l-implikazzjonijiet kumulattivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġu identifikati d-diversi ħtiġijiet ta’ finanzjament, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, l-infrastruttura, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u l-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità.

3.   Kummenti speċifiċi: ir-rwol tal-foresti fit-tibdil fil-klima u l-bijodiversità

3.1.

Il-foresti jaqdu rwol konsiderevoli fil-proċessi naturali: fil-kontroll taċ-ċikli tal-karbonju, l-ilma u n-nutrijenti, fil-formazzjoni tal-ħamrija, u fiż-żamma tal-bijodiversità. Min-naħa l-oħra, il-foresti nfushom huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

3.2.

Fl-UE, iż-żona totali tal-foresti u ż-żona tal-foresti protetti żdiedu f’dawn l-aħħar deċennji, iż-żieda fl-injam tisboq il-qtugħ tas-siġar, u l-foresti huma bir ewlieni tal-karbonju (2). B’kuntrast, id-deforestazzjoni qed tkompli fil-livell globali – speċjalment f’żoni tropikali – u qed tbiddel dawn il-foresti f’sors ta’ emissjonijiet u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-telf kontinwu tal-bijodiversità (3). Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ukoll ir-rwol tal-foresti fuq skala globali, u jistieden lill-UE tippromovi b’mod attiv l-implimentazzjoni globali tal-ftehimiet internazzjonali li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti.

3.3.

Il-foresti u l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti jaqdu rwol multiplu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: permezz tas-sekwestru u l-ħażna tal-karbonju u permezz tas-sostituzzjoni ta’ materja prima, enerġija u prodotti bbażati fuq il-fossili. Dan ifisser li hemm sinerġiji u kompromessi bejn diversi miżuri (4). Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-mekkaniżmi kollha jitqiesu b’mod olistiku meta wieħed ifittex l-aktar soluzzjonijiet sostenibbli biex tinkiseb ekonomija ta’ wara l-fjuwils fossili.

3.4.

Is-sekwestru tal-karbonju mhuwiex biss kwistjoni ta’ żona ta’ art forestali iżda huwa primarjament kwistjoni ta’ tkabbir tal-foresti u fotosinteżi qawwija. Minbarra l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, il-ġestjoni attiva, l-użu u t-tiġdid tal-foresti huma għalhekk essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-foresti bħala bir tal-karbonju.

3.5.

Ir-rwol tal-foresti fil-ħażna tal-karbonju huwa wkoll varjat, peress li l-karbonju ma jinħażinx biss fis-siġar u fil-ħamrija, iżda wkoll fil-prodotti bbażati fuq l-injam. F’dan is-sens, il-prodotti tal-injam dejjiema, bħall-bini u l-għamara ta’ kwalità għolja, huma l-aktar effettivi. Anke l-prodotti li ġejjin minn foresti b’tul ta’ ħajja iqsar iżommu l-kontenut tal-karbonju tagħhom, sakemm dawn jiġu rriċiklati. Barra minn hekk, meta materja prima rinnovabbli bbażata fuq il-foresti tintuża biex tissostitwixxi l-materja fossili, jiġi evitat ir-rilaxx tal-karbonju mill-ħażna tal-fossili.

3.6.

Il-KESE jappella wkoll sabiex il-vulnerabbiltà tal-foresti għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa għall-adattament jiġu indirizzati bir-reqqa, peress li t-tisħin jittrasforma l-kundizzjonijiet tas-siġar u l-organiżmi kollha u huwa akkumpanjat minn diżastri forestali kkawżati miż-żieda fin-nixfa, in-nirien, il-maltempati u l-pesti. Min-naħa l-oħra, il-foresti jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima billi jipprovdu protezzjoni kontra l-erożjoni, l-uqigħ tal-art u l-għargħar.

3.7.

Il-foresti, inklużi l-foresti ġestiti, huma kruċjali wkoll għall-bijodiversità, peress li dawn jipprovdu l-ħabitats tal-parti l-kbira tal-bijodiversità terrestri. Il-bijodiversità tista’ tiġi ppreservata b’modi differenti: permezz tal-protezzjoni ta’ speċijiet fil-periklu, il-ħolqien ta’ żoni protetti fejn l-attività tal-bniedem hija limitata jew saħansitra pprojbita, jew l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni tal-foresti li jippermettu kemm iż-żamma tal-bijodiversità kif ukoll l-użu soċjoekonomiku tal-foresti.

3.8.

Meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-foresti huma ġestiti, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tal-foresti u l-protezzjoni tal-bijodiversità, li jippermetti li l-funzjonijiet multipli tal-foresti jiġu kkombinati. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-miżuri bbażati fuq is-suq u dawk volontarji għall-protezzjoni tal-bijodiversità u s-sekwestru tal-karbonju mis-sidien tal-foresti u japprova l-esplorazzjoni u l-iżvilupp tal-iskemi ta’ kreditu għal dawn il-miżuri.

3.9.

Kemm il-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju kif ukoll il-bijodiversità tal-foresti jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri. Id-differenzi huma parzjalment relatati ma’ kundizzjonijiet naturali differenti u parzjalment jirriżultaw mill-mod ta’ ġestjoni tal-foresti u l-użu tagħhom tul iż-żmien. Il-ħtieġa li jiġu protetti u rrestawrati l-foresti għalhekk tvarja wkoll fl-UE, u dan għandu jiġi rikonoxxut meta jiġu ddeterminati l-foresti li għandhom jiġu rrestawrati jew protetti.

3.10.

Il-KESE jħeġġeġ sabiex tissokta r-riċerka fir-rigward tal-proċessi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tal-foresti u r-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, l-ekosistemi tal-foresti u l-attivitajiet tal-bniedem, sabiex jiġi żgurat li l-prattiki tal-ġestjoni tal-foresti jkunu bbażati fuq xjenza soda. Huwa importanti wkoll li d-data dwar l-istat tal-foresti tiġi mmonitorjata u kondiviża b’mod sistematiku, li jsir użu sħiħ mill-għodod u s-sistemi diġitali, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-affidabbiltà adegwati tad-data.

3.11.

Il-KESE japprova l-inizjattiva li jitħawlu 3 biljun siġra bħala proġett ta’ dimostrazzjoni prattiku, inkluż l-ippjanar adegwat ta’ siti u speċijiet, l-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji, it-tħawwil, il-ġestjoni, u l-monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi u r-riżultati. Din l-afforestazzjoni ma tridx tirriżulta f’kompetizzjoni mal-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel jew tinjora l-ħtieġa li jinżamm pajsaġġ miftuħ f’xi postijiet.

4.   Kummenti speċifiċi: ir-rwol ekonomiku u soċjali tal-foresti

4.1.

Il-foresti jissodisfaw firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet ta’ kuljum billi jipprovdu materja prima għal prodotti industrijali u prodotti għall-konsumatur, spazji ta’ divertiment u ikel tajjeb għas-saħħa għal użu domestiku dirett. Għalhekk, il-foresti jaqdu rwol essenzjali kemm fil-bijoekonomija bbażata fuq l-injam kif ukoll f’dik mhux ibbażata fuq l-injam, kif ukoll jikkontribwixxu għas-saħħa u l-benesseri mentali.

4.2.

Il-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti hija bbażata fuq diversi ktajjen tal-valur, li jkopru s-sidien tal-foresti u ħafna tipi ta’ industriji u servizzi, minn intraprendituri tal-magni tal-foresti u tat-trasport sa kumpaniji tal-ipproċessar tal-injam, u minn mikrointrapriżi lokali, kooperattivi u SMEs sa kumpaniji internazzjonali kbar. B’konsegwenza ta’ dan, il-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti tipprovdi impjiegi f’ħafna oqsma u f’diversi postijiet, li huma importanti ferm għaż-żoni rurali.

4.3.

Il-biċċa l-kbira tal-injam tond fl-UE jintuża bħala materja prima industrijali (zkuk u polpa tal-injam), filwaqt li l-użu tal-injam għall-fjuwil ivarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri (5). Ħlief fil-każ tal-karta tal-istampar, id-domanda globali hija prevista li tikber kemm għall-prodotti tradizzjonali kif ukoll għal dawk ġodda bbażati fuq l-injam. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat li n-normi u l-istandards ma jfixklux, iżda pjuttost jinkoraġġixxu, l-użu ta’ prodotti u l-kostruzzjoni bbażati fuq l-injam, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-konsumaturi jiġu infurmati b’mod korrett dwar il-preżenza possibbli ta’ materjali mhux tal-injam f’dawk il-prodotti permezz ta’ tikketta adegwata.

4.4.

Il-prattiki tajbin attwali jissuġġerixxu li tipi differenti ta’ siġar u l-partijiet differenti tas-siġar jintużaw għall-iskop u l-prodotti li huma l-aktar adatti għalihom u, b’dan il-mod, jiġġeneraw l-akbar valur miżjud mingħajr ma jinħlew ir-riżorsi naturali. Ħafna mill-enerġija bbażata fuq il-foresti hija prodotta minn żbir, residwi tal-qtugħ tas-siġar jew flussi sekondarji mix-xogħol tal-injam. L-impjanti tal-polpa huma eżempju tajjeb ta’ impjanti li jipproduċu l-elettriku u s-sħana bħala prodott sekondarju. Barra minn hekk, il-flussi laterali u r-residwi jintużaw bħala materja prima fi proċessi industrijali eżistenti u, dejjem aktar, għal bijoprodotti ġodda.

4.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati b’mod intensiv it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet għall-produzzjoni tal-bijomassa sostenibbli u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza enerġetika u materjali, u l-prattiki tal-ekonomija ċirkolari tul il-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti. It-teknoloġiji diġitali, inkluża l-IA, għandhom potenzjal konsiderevoli biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tal-foresti, il-proċessi industrijali, il-loġistika u l-interazzjoni bejn l-imsieħba tal-katina tal-provvista.

4.6.

L-aktar innovazzjonijiet estensivi jiġġeneraw materjali u prodotti ġodda, inklużi l-bijokimiċi, il-bijokarburanti avvanzati u l-fibri tat-tessuti, li wħud minnhom huma prodotti ta’ volum baxx b’valur miżjud għoli. Peress li ħafna drabi l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda jitwettaq fil-kuntest tal-produzzjoni attwali, l-unitajiet ta’ produzzjoni tradizzjonali jwasslu għal ekosistemi tan-negozju ġodda li jinvolvu varjetà wiesgħa ta’ intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

4.7.

L-iżvilupp tal-ħiliet huwa prerekwiżit wieħed mit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika għall-attivitajiet ibbażati fuq il-foresti. Huwa wkoll mezz neċessarju biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Id-domanda l-ġdida għall-ħiliet għandha tiġi kkunsidrata fit-taħriġ vokazzjonali u l-istudji universitarji, kif ukoll fl-organizzazzjoni tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Barra minn hekk, huma meħtieġa wkoll servizzi prattiċi ta’ konsulenza biex jgħinu lin-negozji, speċjalment lin-negozji ż-żgħar, jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

4.8.

Il-KESE jenfasizza r-rwol tad-djalogu soċjali fl-iżvilupp tal-ħiliet u s-saħħa, u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-allokazzjoni tal-fondi tal-FSE+ għat-titjib ta’ impjiegi ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati fil-bijoekonomija bbażata fuq l-injam tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar u tnaqqas il-migrazzjoni minn żoni rurali. It-tnaqqis tal-faqar jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-qtugħ illegali tal-injam, speċjalment għal skopijiet ta’ tisħin.

4.9.

Peress li l-impjiegi relatati mal-foresti huma ddominati mill-irġiel u peress li l-età medja tal-persuni f’dawn l-impjiegi hija relattivament għolja, huwa importanti li jiġu attirati aktar ħaddiema u intraprendituri nisa, kif ukoll żgħażagħ, fis-settur. Dan se jirrikjedi kooperazzjoni biex tiġi żviluppata l-immaġni tal-forestrija u l-industriji bbażati fuq il-foresti, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-opportunitajiet ipprovduti mill-bijoekonomija moderna. Hija meħtieġa wkoll komunikazzjoni soda tas-soċjetà dwar il-modi u l-prerekwiżiti għat-tisħiħ tal-vitalità u r-reżiljenza tal-foresti.

4.10.

Sabiex jiġi realizzat il-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-impjiegi tal-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti, jenħtieġ ambjent favorevoli għall-investimenti produttivi tul il-ktajjen tal-valur. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal infrastruttura adegwata, inkluż fiż-żoni rurali. Il-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti teħtieġ infrastruttura tat-trasport li tissodisfa l-ħtiġijiet loġistiċi tal-forestrija u tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ bijoprodotti bbażati fuq il-foresti. Infrastruttura diġitali adegwata hija prerekwiżit essenzjali ieħor tal-bijoekonomija moderna.

4.11.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE u l-fondi nazzjonali, inklużi l-fondi għall-iżvilupp rurali, biex itejbu l-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti. Għandhom jiġu evitati skemi ta’ appoġġ li jxekklu jew ifixklu s-swieq tal-bijoekonomija, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika għas-sussidji eżistenti u inċentivi oħrajn għall-ħruq tal-injam.

4.12.

L-intrapriżi tal-UE jeħtieġu wkoll ambjent kummerċjali kompetittiv li jippermettilhom jesportaw prodotti u soluzzjonijiet sostenibbli relatati mal-foresti lejn pajjiżi oħrajn u jikkompetu b’suċċess mal-importazzjonijiet minn barra l-UE. Il-KESE jistieden lill-UE tippromovi l-istess regoli fis-swieq internazzjonali tal-bijoekonomija u tagħmel użu minn sħubijiet pan-Ewropej u internazzjonali u ftehimiet ta’ kummerċ barrani biex tippromovi l-ambizzjoni klimatika tal-UE u s-sostenibbiltà tal-użu tal-foresti barra mill-UE.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Rapport ta’ Progress tal-KE dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 87).

(2)  https://forest.eea.europa.eu/news/summary-for-policy-makers-state-of-europe2019s-forests-2020

(3)  http://www.fao.org/state-of-forests/en/

(4)  https://ec.europa.eu/jrc/en/science-update/forest-based-bioeconomy-and-climate-change-mitigation-trade-offs-and-synergies

(5)  https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/12069644/KS-FK-20-001-EN-N.pdf/a7439b01-671b-80ce-85e4-4d803c44340a?t=1608139005821