6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

(COM(2021) 559 final — 2021/0223 (COD))

“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ introduzzjoni strateġika li jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex jiġi appoġġat il-varar rapidu ta’ fjuwils alternattivi”

(COM(2021) 560 final)

(2022/C 152/23)

Relatur:

John COMER

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.7.2021

Parlament Ewropew, 13.9.2021

Kummissjoni Ewropea, 13.9.2021

Bażi legali

L-Artikoli 90-91, l-Artikoli 170-171 u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

9.11.2021

Adottata fil-plenarja

9.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

137/4/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal regolament dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi.

1.2.

Il-vetturi elettriċi bil-batterija jidhru li qed isiru l-għażla ppreferuta għat-trasport bil-karozzi għall-biċċa l-kbira tal-manifatturi. In-nuqqas tal-litju (x’aktarx għal perjodu ta’ żmien qasir) u l-prezz dejjem jiżdied tiegħu joħolqu problema għall-introduzzjoni tal-vetturi elettriċi bil-batterija b’rata mgħaġġla, kif ukoll għar-riċerka u l-iżvilupp tardivi ta’ sistemi ta’ ħżin aktar effettivi. Madankollu, il-possibbiltà ta’ aktar riċerka u żvilupp teknoloġiku tista’ tgħin biex ittaffi dawn il-problemi attwali.

1.3.

Hemm riżervi kbar ta’ litju fid-dinja. Iċ-Ċilì għandu l-akbar riżervi magħrufa ta’ litju segwit mill-Awstralja u ċ-Ċina. Hemm bżonn li jsir investiment f’minjieri ġodda biex tittaffa s-sitwazzjoni attwali ta’ provvista limitata. Hemm kwistjonijiet ambjentali bl-estrazzjoni, speċjalment ir-rekwiżit għoli tal-ilma u t-tniġġis possibbli minn sustanzi kimiċi tossiċi, u spiss hija assoċjata ma’ problemi soċjali serji. Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar dawn l-aspetti tal-kummerċ internazzjonali. Il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali u l-ktajjen tal-valur għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iżvilupp ekoloġiku u sostenibbli u għandhom jiġu stabbiliti regoli vinkolanti dwar id-diliġenza għan-negozji (1). Fl-UE hemm il-possibbiltà ta’ estrazzjoni tal-litju fil-Portugall jekk wieħed jassumi li l-kwistjonijiet ambjentali jistgħu jiġu solvuti.

1.4.

L-introduzzjoni estensiva tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fl-UE hija essenzjali u l-investituri jridu jingħataw il-kunfidenza li jistabbilixxu infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw li l-fjuwils alternattivi u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar ikunu disponibbli fejn meħtieġa, speċjalment f’żoni fejn għadu mhuwiex ekonomikament vijabbli li jiġu pprovduti faċilitajiet bħal dawn.

1.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol sinifikanti tas-sorsi rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils, bħala soluzzjoni disponibbli minnufih u bi prezz raġonevoli, b’mod partikolari għall-HDVs u għat-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal bit-triq. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-impronta tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-fjuwils alternattivi u rinnovabbli kollha.

1.6.

It-titjib tal-grilja elettrika jrid ikun prijorità immedjata sabiex jiġu ffaċilitati l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar veloċi kif ukoll il-manifattura tal-idroġenu u ta’ fjuwils alternattivi oħra. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu installati arloġġi intelliġenti bidirezzjonali biex l-elettriku jkun jista’ jiċċirkola fiż-żewġ naħat. Ir-rekwiżiti regolatorji u tal-ippjanar iridu jiġu rieżaminati sabiex jiġi evitat dewmien fit-titjib tal-grilja.

1.7.

Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport hija marbuta b’mod kritiku maż-żieda rapida fil-ġenerazzjoni tal-elettriku ekoloġiku; il-mobbiltà elettronika tagħmel sens biss f’termini ta’ politika dwar il-klima jekk tuża l-elettriku ekoloġiku, u għalhekk huwa essenzjali li jiżdied l-investiment fl-elettriku ekoloġiku. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkontribwixxi ħafna aktar biex tgħin biex jiġu zviluppati u kkunsidrati mudelli li jagħmlu użu mill-kunċett ta’ prosumaturi.

1.8.

Huwa neċessarju li jiġi appoġġjat investiment pubbliku enormi fir-R&Ż dwar xogħol xjentifiku u teknoloġiku biex jittejbu l-batteriji, speċjalment f’termini tad-daqs, il-kapaċità u t-tul tas-servizz. Jekk ir-riċerka tista’ tikseb tnaqqis fil-litju meħtieġ għall-batteriji għall-vetturi, dan inaqqas id-dipendenza tagħna minn provvisti globali limitati li jiġu minn barra l-UE. Din il-possibbiltà ttejjeb il-kapaċità tal-UE fir-rigward tal-adozzjoni rapida tal-enerġija rinnovabbli għat-trasport, li twassal għal mobilità sostenibbli. Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti għal R&Ż u żvilupp teknoloġiku sabiex il-fjuwils alternattivi kollha possibbli jiġu evalwati u promossi u jiġu kkunsidrati l-modi kollha tat-trasport. Ma jkunx għaqli li wieħed isir dipendenti minn sistema waħda biss. B’mod partikolari għandu jiġi esplorat il-potenzjal tal-idroġenu ekoloġiku.

1.9.

Il-maġġoranza vasta tal-konsumaturi se jiġu konvinti li jixtru vetturi elettriċi bil-batterija biss meta jkunu ċerti li hemm infrastruttura adegwata għall-iċċarġjar. Anke l-konsumaturi li rari jagħmlu vjaġġi twal bil-karozza xorta jridu jiġu assigurati li jistgħu jivvjaġġaw distanza twila f’vettura elettrika bil-batterija jekk ikollhom bżonn jagħmlu dan. Din hija r-raġuni għaliex ir-regolament huwa tant importanti u jrid jiġi implimentat bis-sħiħ fl-UE kollha.

1.10.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza essenzjali li l-infrastruttura tkun kompletament interoperabbli f’kull aspett fl-UE kollha. Ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn is-sewwieqa jkollhom iġorru magħhom diversi adapters fil-karozzi tagħhom sabiex jużaw l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’diversi Stati Membri.

1.11.

L-għażla tal-kodiċi QR (Kodiċi ta’ Rispons Rapidu) għall-ħlasijiet ad hoc mhijiex sistema ta’ ħlas li tintuża ħafna fl-UE minkejja l-istqarrija tal-Kummissjoni fl-Artikolu 5.2. Il-KESE jipprevedi li l-użu ta’ din l-għażla se jikkawża problemi ta’ aċċessibbiltà għal ħafna gruppi ta’ utenti. Il-KESE huwa kontra sitwazzjoni fejn l-użu tal-kodiċi QR ikun l-uniku metodu biex isir ħlas ad hoc. Irid ikun hemm disponibbli tagħmir li jaqra l-kards tal-ħlas għall-ħlasijiet ad hoc kollha.

1.12.

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tipprovdi metodi ta’ kalkolu għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn diversi fjuwils alternattivi. Madankollu, dawn ftit li xejn huma rilevanti għad-deċiżjonijiet ta’ xiri pubbliku peress li m’hemm tista’ tgħid l-ebda għarfien dwar il-valuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’rabta mal-vetturi kif ukoll verifika inadegwata tal-affermazzjonijiet magħmula mill-manifatturi u l-bejjiegħa. Dan jeħtieġ li jiġi rimedjat.

1.13.

Il-KESE jiddispjaċih li prattikament ma kien hemm l-ebda dibattitu dwar il-kontribut li ċ-ċittadini, il-kooperattivi, kif ukoll it-trade unions u l-impjegaturi jistgħu jagħmlu. Dan minkejja l-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li tqiegħed liċ-ċittadini, u b’hekk soluzzjonijiet deċentralizzati, fiċ-ċentru u l-fatt li qed jidher ċar li ħafna mill-irriċarġjar tal-elettromobbiltà qed isir fid-dar u fil-post tax-xogħol. Għalhekk, il-KESE jemmen li hija meħtieġa strateġija ġdida, li tkun aktar konformi mal-objettiv tal-Unjoni tal-Enerġija li tiffoka fuq iċ-ċittadini, biex tħeġġeġ aktar involviment taċ-ċittadini, il-kooperattivi, it-trade unions u l-impjegaturi fil-ħidma kooperattiva biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-benesseri ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini tal-UE jiddependi minn sistema tal-mobilità effiċjenti u effettiva fl-UE kollha.

2.2.

It-trasport jemetti madwar 25 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE u għandu wkoll impatt serju fuq il-kwalità tal-arja fiċ-ċentri urbani.

2.3.

F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li titlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport sal-2050, u li ssir ħidma wkoll lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero. F’Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Liġi Ewropea dwar il-Klima biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 – il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

2.4.

F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti. L-Istrateġija tistabbilixxi l-pedament għat-trasformazzjoni tat-trasport tal-UE biex jinkiseb futur intelliġenti u sostenibbli.

2.5.

Din il-proposta toħloq Regolament ġdid dwar il-Varar ta’ Infrastruttura ta’ Fjuwils Alternattivi u se tħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

2.6.

Id-Direttiva 2014/94/UE daħlet fis-seħħ fl-2014. Id-Direttiva msemmija. dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi hija qafas komuni ta’ miżuri għall-varar tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi sabiex jiġi ffaċilitat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport. Tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-istabbiliment tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, bi stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi (EVs) u punti ta’ riforniment għall-Gass Naturali (LNG u CNG) u l-idroġenu, li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ oqfsa ta’ politika nazzjonali mhux vinkolanti. Din l-istrateġija għandha tippermetti ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tal-modi kollha tat-trasport fuq in-Networks TEN-T.

2.7.

F’rapport reċenti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni nnutat xi progress fl-implimentazzjoni iżda kkonkludiet li ma hemm l-ebda network komprensiv u komplet ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fl-UE kollha.

2.8.

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post ta’ din id-Direttiva. L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva mhijiex adattata sew biex jintlaħaq l-għan klimatiku miżjud għall-2030.

2.9.

Din il-Proposta għal Regolament tagħmel parti mis-sett ġenerali ta’ politiki interkonnessi fl-ambitu tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” li jistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa fis-setturi kollha biex jintlaħaq l-għan klimatiku għall-2030.

2.10.

L-objettivi speċifiċi ta’ din il-Proposta għal Regolament huma li:

2.10.1.

tiġi żgurata infrastruttura minima ta’ fjuwils alternattivi li takkomoda lill-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi fil-modi kollha tat-trasport u fl-Istati Membri kollha;

2.10.2.

jiġi żgurat li l-infrastruttura tkun kompletament interoperabbli;

2.10.3.

tiġi żgurata informazzjoni sħiħa għall-utenti u l-għażliet ta’ ħlas kollha possibbli.

2.11.

Il-Kummissjoni temmen li qafas leġiżlattiv Ewropew komuni biss jista’ jilħaq l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport fil-modi kollha u fl-Istati Membri kollha b’mod koeżiv u koerenti.

2.12.

Wara rapport estensiv dwar il-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li taċċetta l-Għażla ta’ Politika 2. Din l-għażla pproponiet miri obbligatorji bbażati fuq il-flotta għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għal-LDVs (Vetturi Ħfief) u l-iffissar ta’ miri bbażati fuq id-distanza għall-vetturi kollha tat-triq għan-Network TEN-T, inkluż għal Nodi Urbani għall-infrastruttura ta’ Vetturi Tqal (HDV). Huma pprovduti wkoll dispożizzjonijiet dettaljati għall-portijiet u l-ajruporti fin-Network TEN-T iżda mhija stabbilita l-ebda mira obbligatorja. Din l-għażla tipprevedi armonizzazzjoni akbar tal-għażliet ta’ ħlas, l-istandards fiżiċi u ta’ komunikazzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur. Din issaħħaħ it-trasparenza tal-prezzijiet u l-informazzjoni għall-utenti u tinkludi s-sinjalar fiżiku tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

2.13.

Regolament kien ikkunsidrat bħala l-aħjar għażla biex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa fl-Istati Membri kollha tal-UE.

2.14.

L-Istati Membri se jkollhom jadottaw qafas ta’ politika nazzjonali rivedut biex jiżviluppaw suq għall-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport u jinstallaw infrastruttura rilevanti f’konformità mad-dispożizzjonijiet imsaħħa u l-miri obbligatorji. Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-formulazzjoni ta’ strateġija għall-installazzjoni ta’ fjuwils alternattivi f’modi oħra tat-trasport fejn ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju.

2.15.

L-Istati Membri se jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni se timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress f’kull Stat Membru.

2.16.

Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet biex l-Istati Membri jiżguraw l-installazzjoni ta’ provvista minima ta’ elettriku mix-xatt għal ċerti bastimenti tal-baħar f’portijiet marittimi u għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, b’xi eżenzjonijiet speċifikati.

2.17.

Hemm dispożizzjonijiet minimi għall-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru wieqfa kollha fl-ajruporti tan-network ewlieni u komprensiv tat-TEN-T.

2.18.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku għal-LDVs.

2.19.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku għal-HDVs.

2.20.

Il-miri għall-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu huma deskritti fl-Artikolu 6.

2.21.

Hemm miri għal numru adatt ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-LNG aċċessibbli għall-pubbliku tul in-network ewlieni TEN-T sa Jannar 2025 f’żoni fejn hemm domanda.

2.22.

Il-miri għall-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u l-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni huma stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10.

2.23.

Il-miri għall-provvista tal-LNG fil-portijiet marittimi huma deskritti fl-Artikolu 11.

2.24.

Il-miri għall-provvista tal-elettriku lil inġenji tal-ajru wieqfa huma deskritti fl-Artikolu 12.

2.25.

Fl-Artikolu 5.2(a) tal-Proposta, il-Kummissjoni tipproponi li l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar b’enerġija baxxa jiġu mgħammra bi strument ta’ pagament “li jintuża b’mod mifrux fl-Unjoni”, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jħallsu fuq bażi ad hoc. Dan l-istrument tal-ħlas jista’ jkun (1) tagħmir li jaqra l-kards tal-ħlas, (2) tagħmir li jaqra l-kards b’funzjonalità mingħajr kuntatt jew (3) kodiċi ta’ Rispons Rapidu (kodiċi QR) li jippermetti t-tranżazzjoni tal-ħlas.

2.26.

F’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2021) 560 final), il-Kummissjoni ddeskriviet pjan ta’ introduzzjoni strateġika ta’ azzjonijiet supplimentari biex jiġi appoġġjat il-varar rapidu ta’ fjuwils alternattivi.

2.27.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 (FNE II) se tindirizza t-tibdil fil-klima. Għal dan l-għan, il-FNE II se toħloq Faċilità għall-Fjuwils Alternattivi biex tiffinanzja infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi b’taħlita ta’ għotjiet tal-FNE u finanzjament minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament biex jinkiseb impatt akbar għall-investiment.

2.28.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma disponibbli biex jappoġġjaw l-investiment fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fl-Istati Membri u fir-reġjuni inqas żviluppati.

2.29.

Il-Kummissjoni tgħid li issa hija meħtieġa kooperazzjoni transfruntiera u transsettorjali effettiva u effiċjenti bejn il-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur pubbliku u privat dwar l-iżvilupp ta’ infrastruttura miftuħa, trasparenti u interoperabbli b’servizzi infrastrutturali mingħajr xkiel.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Is-settur tat-trasport huwa responsabbli għal 22,3 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra tal-UE, u t-trasport bit-triq jirrappreżenta 21 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-karozzi tal-passiġġieri jammontaw għal 12,8 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE, il-vannijiet għal 2,5 % u l-HGVs u x-xarabanks għal 5,6 % (sors: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 2017 minbarra l-emissjonijiet internazzjonali u marittimi). L-emissjonijiet mis-settur tat-trasport tal-UE żdiedu minn 14,8 % fl-1990 għal 24,6 % fl-2018 skont rapport tal-Kummissjoni tal-UE tal-2018. Id-dekarbonizzazzjoni rapida tas-settur tat-trasport hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan ir-Regolament bħala pass pożittiv ’il quddiem fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Huwa essenzjali li l-kwalità tas-servizzi kollha tat-trasport tinżamm matul il-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li prattikament ma kien hemm l-ebda dibattitu strateġiku dwar il-kontribut li ċ-ċittadini, il-kooperattivi, kif ukoll it-trade unions u l-impjegaturi jistgħu jagħmlu għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar. Dan minkejja l-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li tqiegħed liċ-ċittadini, u b’hekk soluzzjonijiet deċentralizzati, fiċ-ċentru u l-fatt li qed jidher ċar li ħafna mill-irriċarġjar tal-elettromobbiltà qed isir fid-dar u fil-post tax-xogħol. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tibda tali dibattitu strateġiku.

3.3.

L-introduzzjoni estensiva tal-EVs maż-żmien se tirrikjedi żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-titjib tal-grilja biex takkomoda l-irriċarġjar veloċi, speċjalment għal trakkijiet elettriċi bil-batterija.

3.4.

Ir-Regolament isemmi l-ħtieġa ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti bidirezzjonali biex ikun possibbli l-fluss tal-elettriku fiż-żewġ naħat: mill-grilja għall-vettura u mill-vettura għall-grilja. Dan irid jitwessa’ ħafna biex jgħin fin-nuqqas ta’ provvista waqt il-perjodi bl-akbar domanda għall-elettriku.

3.5.

Għadd ta’ sistemi intelliġenti tal-elettriku jeħtieġ li jiġu stabbiliti biex jiffaċilitaw dan li ġej:

3.5.1.

Il-vetturi jiġu pplaggjati u ma jibdewx jirriċarġjaw qabel jasal sinjal mill-grilja; l-irriċarġjar għandu jsir jekk possibbli b’rata orħos ladarba jkun għadda l-ħin bl-ogħla domanda.

3.5.2.

It-teknoloġija mill-vettura għall-grilja, magħrufa bħala V2G, tippermetti lill-vetturi li jiċċarġjaw matul il-perjodi ta’ enerġija żejda minn sorsi rinnovabbli, imbagħad waqt il-ħinijiet bl-ogħla domanda l-EV tirritorna ftit minn din l-enerġija maħżuna lill-grilja. Hekk kif id-domanda tonqos, l-EV tiġi rriċarġjata. Dan ikun speċjalment adatt għax-xarabanks tal-iskola u vetturi oħra li jkunu weqfin għal ħinijiet twal. Jeħtieġ li dan ikun ta’ benefiċċju finanzjarju għall-fornitur. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod aktar qawwi u ffaċilitati s-soluzzjonijiet deċentralizzati li jinvolvu liċ-ċittadini.

3.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miri li ġew stabbiliti għall-introduzzjoni tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi. Dan se jagħti kunfidenza kemm lill-investituri fi fjuwils alternattivi kif ukoll lix-xerrejja potenzjali ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u b’emissjonijiet baxxi. Il-fjuwils alternattivi kif ukoll is-sorsi rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils sostenibbli, huma ta’ importanza kbira għall-vetturi tqal, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq distanzi twal bit-triq.

3.7.

Il-politiki jridu jiżguraw li jiġu evitati kjus twal fil-punti tal-irriċarġjar u li l-punti tal-irriċarġjar bil-mod jiġu evitati sabiex il-konsumaturi jkollhom fiduċja fis-sistema tal-irriċarġjar.

3.8.

Fil-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni nnotat li se jkunu meħtieġa miljun stazzjon pubbliku tal-irriċarġjar u tar-riforniment sal-2025 u l-Kummissjoni għandha mira ta’ 30 miljun vettura b’emissjonijiet żero sal-2030. Dawn huma miri ambizzjużi ħafna u se jirrikjedu determinazzjoni kbira mill-gvernijiet tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni u xiri sfurzat mill-pubbliku biex jintlaħqu.

3.9.

Se jkun meħtieġ li jitneħħew diversi ostakli li qed iwaqqfu milli jintlaħqu dawn il-miri:

3.9.1.

it-tneħħija ta’ kwalunkwe rekwiżit sproporzjonat tal-ippjanar, minħabba d-daqs u l-iskala meħtieġa tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment;

3.9.2.

l-iżgurar li l-liġijiet tal-ippjanar jippermettu l-produzzjoni tal-idroġenu fil-post;

3.9.3.

it-tnaqqis tal-ħinijiet bil-kejbil imqabbda għall-konnessjonijiet mal-grilja elettrika;

3.9.4.

it-tħejjija ta’ pjani rapidi għat-titjib tal-grilja elettrika.

3.10.

Id-dekarbonizzazzjoni tal-ivvjaġġar bl-ajru u bil-baħar teħtieġ ambizzjoni akbar u sforz aktar determinat biex jiġu żviluppati aktar ir-R&Ż fis-setturi minbarra li jiġu pprovduti l-aktar fjuwils alternattivi adatti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-litju huwa metall tal-materjali tal-art essenzjali u materja prima kritika għall-batteriji rikarikabbli moderni. L-analiżi tas-suq Benchmark Mineral Intelligence (BMI) tipprevedi nuqqas gravi ta’ litju mill-2022 ’il quddiem, skont Reuters. Dan se jikkawża tnaqqis fir-ritmu tal-manifattura tal-EVs. Lukasz Bednarski fil-ktieb il-ġdid tiegħu Lithium (ippubblikat minn Hurst) jargumenta li l-litju se jkun fundamentali fl-ekonomiji industrijali tas-seklu 21 daqskemm kien iż-żejt fis-seklu 20. Għalhekk se jkun meħtieġ li jiġu esplorati u promossi fjuwils oħra b’emissjonijiet baxxi u b’emissjonijiet żero sabiex jiġu pprovduti għażliet lill-konsumaturi u jiġi ffaċilitat it-tnaqqis l-aktar rapidu possibbli fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport.

4.2.

Se jkun meħtieġ li jiġi promoss aktar l-użu ta’ elettrofjuwils u vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, sabiex jiġi skopert il-potenzjal tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tat-trasport malajr kemm jista’ jkun.

4.3.

Il-magna ta’ kombustjoni interna se tibqa’ tintuża għal xi żmien ieħor. F’dan il-kuntest, il-potenzjal tal-elettrofjuwils irid jiġi rriċerkat u promoss. L-elettrofjuwils jistgħu jintużaw fil-magna ta’ kombustjoni interna u fil-vetturi ibridi rikarikabbli u jistgħu jagħmlu użu min-network eżistenti ta’ stazzjonijiet tar-riforniment.

4.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol sinifikanti tas-sorsi rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils, bħala soluzzjoni disponibbli minnufih u bi prezz raġonevoli, b’mod partikolari għall-HDVs u għat-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal bit-triq. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-impronta tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-produzzjoni tal-bijofjuwils, bl-istess mod bħal pereżempju l-elettriku pprovdut għall-vetturi elettriċi u għall-produzzjoni tal-idroġenu.

4.5.

L-impronta tal-karbonju tal-bijofuwils għandha tkun inqas minn dik tal-fjuwils fossili meta jintużaw f’vettura. Il-problema hija l-proċess tal-produzzjoni tal-bijofjuwils li jista’ jikkawża emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra u jista’ jkollu effett detrimentali fuq l-użu tal-art, speċjalment meta jwassal għad-deforestazzjoni. Pereżempju, l-użu taż-żejt tal-palma mhuwiex sostenibbli.

4.6.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu promossi l-bijofjuwils bl-inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra kemm waqt il-manifattura kif ukoll meta jintużaw fit-trasport.

4.7.

Iż-żoni rurali huma aktar dipendenti mit-trasport bil-karozzi miż-żoni urbani minħabba n-nuqqas ta’ trasport pubbliku. L-abitati rurali ġeneralment huma mifruxa ħafna u għalhekk mhuwiex fattibbli li tiġi pprovduta sistema estensiva ta’ trasport pubbliku f’ħafna żoni bħal dawn. Fin-nuqqas ta’ mod ta’ trasport alternattiv vijabbli, l-abitanti rurali se jsofru ħafna bħala konsegwenza ta’ taxxi għoljin fuq il-karbonju fuq il-petrol u d-diżil. L-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) f’rapport ippubblikat f’April 2021 jgħid li għal sewwieqa ta’ kilometraġġ għoli li jgħixu f’żoni rurali, bidla għall-vetturi elettriċi bil-batterija ġġib benefiċċji tanġibbli, speċjalment jekk is-sjieda ta’ tali vetturi tkun ikkombinata ma’ elettriku rinnovabbli ġġenerat fuq il-post. Id-dikjarazzjoni tal-BEUC hija f’lokha, sakemm l-ispiża għolja tal-bidu tkun tista’ tiġi megħjuna mill-għoti ta’ finanzjament u, fuq kollox, tkun permessa l-operazzjoni ta’ stazzjonijiet tal-produzzjoni u tal-iċċarġjar korrispondenti ġestiti mill-komunità.

4.8.

Il-promozzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi biex takkomoda ż-żoni rurali hija essenzjali. Minbarra l-promozzjoni tal-introduzzjoni tal-EVs, jeħtieġ ukoll li nippromovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-flotta eżistenti billi nippromovu l-bijofjuwils sostenibbli, l-elettrofjuwils, il-vetturi ibridi u l-vetturi ibridi rikarikabbli. Il-potenzjal għall-idroġenu ekoloġiku jrid jiżdied ukoll.

4.9.

Fil-qasam tat-trasport tal-HDVs, irid ikun hemm sforz verament determinat biex tiġi introdotta l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Madwar 98 % tat-trakkijiet fl-UE-27 jaħdmu bid-diżil. Sal-lum, l-enfasi kien iżjed fuq it-trasport bl-LDVs milli fuq it-trasport bl-HDVs.

4.10.

Jeħtieġ li jkun hemm introduzzjoni sinifikanti ta’ trakkijiet elettriċi bil-batterija kif ukoll ta’ trakkijiet ibridi u ibridi rikarikabbli. Dan jista’ jsir biss meta jkun possibbli rriċarġjar adegwat f’kull Stat Membru. Se jkun jeħtieġ ukoll finanzjament suffiċjenti biex l-għadd tal-flotot sostituti jkun sinifikanti.

4.11.

It-trakkijiet jirrikjedu rriċarġjar veloċi b’potenza għolja fid-depots u fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar mal-ġenb tat-triq. Il-possibbiltà li jiġi rriżervat post minn qabel fi stazzjon tal-irriċarġjar tkun ta’ benefiċċju kbir. Kien hemm proġetti pilota b’ċarġers sa 350KW iżda jridu jiġu żviluppati ċarġers sa 1MW sabiex jitnaqqsu l-ħinijiet tal-iċċarġjar.

4.12.

Il-grilja elettrika jeħtieġ li tiġi ppreparata minn qabel biex takkomoda rekwiżiti ta’ enerġija għolja bħal dawn għall-irriċarġjar veloċi tat-trakkijiet.

4.13.

L-idroġenu huwa meqjus promettenti għat-trasport fuq distanzi twal. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miri stabbiliti għall-introduzzjoni tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu. L-objettiv irid ikun l-idroġenu ekoloġiku aktar milli l-idroġenu blu, fuq medda ta’ żmien twila. Fil-każ tal-idroġenu prodott mill-metan, għandha titqies it-tnixxija għolja tal-metan tul il-katina kollha tal-estrazzjoni u tat-trasport.

4.14.

L-idroġenu jista’ jintuża wkoll għat-tħaddim ta’ vetturi b’magna ta’ kombustjoni interna b’modifiki żgħar. Hija meħtieġa aktar riċerka biex din il-proposta titmexxa ’l quddiem.

4.15.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li l-pressjoni tal-idroġenu tiġi standardizzata għal 700 Bar. L-idroġenu għandu densità tal-enerġija ta’ volum baxx, u għalhekk huwa meħtieġ tank tal-ħażna ħafna akbar.

4.16.

L-ideal ikun il-produzzjoni tal-idroġenu fuq il-post, fejn possibbli. Kwalunkwe ostaklu għall-ippjanar għal żviluppi bħal dawn jeħtieġ li jiġi eżaminat billi jiġi kkunsidrat il-livell ogħla ta’ miżuri tas-saħħa u s-sikurezza meħtieġa fejn jidħol l-idroġenu.

4.17.

L-idroġenu jista’ jiġi kkunsinnat minn trakkijiet u pipelines. Minħabba d-densità tal-enerġija ta’ volum baxx tiegħu, il-kunsinna bit-trakkijiet tkun tirrikjedi ħafna aktar vjaġġi bit-trakkijiet mill-kunsinni tal-petrol u d-diżil.

4.18.

Il-KESE huwa konxju li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tipprovdi metodi ċari ta’ kalkolu biex jiddeterminaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mad-diversi fjuwils alternattivi. Madankollu, dawn ftit li xejn huma rilevanti għad-deċiżjonijiet ta’ xiri li jagħmlu ċ-ċittadini, peress li dawn il-valuri bilkemm huma magħrufa u mhumiex ikkomunikati mill-manifatturi jew il-bejjiegħa tal-karozzi. Jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

4.19.

Sabiex l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tiġi introdotta malajr, se jkun meħtieġ ammont sinifikanti ta’ finanzjament bil-quddiem biex is-sistema ssir ekonomikament vijabbli għall-investituri fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara l-Opinjonijiet ĠU C 220, 9.6.2021, p. 118ĠU C 123, 9.4.2021, p. 59.

(2)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).