22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 517/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)

(2021/C 517/04)

Relatur:

Andrej ZORKO

Talba mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill

Ittra tad-19.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2021

Adottata fil-plenarja

23.9.2021

Sessjoni plenarja Nru

563

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

146/24/54

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja. Il-prinċipju tal-kwalità tax-xogħol għall-kwalità tal-ħajja għandu jiġi segwit, peress li dan huwa prerekwiżit għal żvilupp soċjali sostenibbli. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan għandu jingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li jrid jipprevjeni r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta.

1.2.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-problemi u l-isfidi li jeżistu fil-qasam tax-xogħol ta’ kwalità għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030. L-istandards internazzjonali tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti (1) għandhom jiġu kkunsidrati wkoll, flimkien mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2). Għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali, fil-kuntest tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, biex jidentifikaw u jsibu soluzzjonijiet għall-bidliet li ġew aċċellerati mill-pandemija fis-suq tax-xogħol, f’livelli adatti u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ aktar ambizzjuż biex jappoġġjaw, jikkoordinaw u jimplimentaw l-isforzi lejn politiki attivi tas-suq tax-xogħol filwaqt li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u jiżguraw ambjent kummerċjali sostenibbli u kompetittiv għall-kumpaniji fl-ekonomija globali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jiggwida l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ewropa soċjali, il-ġustizzja soċjali u l-irkupru sostenibbli.

1.4.

Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza tal-pandemija fil-qasam tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, jistgħu jimmonitorjaw il-funzjonament, jew fejn xieraq, ir-reviżjoni tar-Regolamenti eżistenti, u jiżviluppaw politiki adegwati biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità deċenti u sostenibbli. Dan jista’ jinkludi l-ħarsien tal-ħaddiema u l-organizzazzjoni tax-xogħol xierqa li jwassal għal produttività u innovazzjoni ogħla, filwaqt li jiġu promossi l-elementi pożittivi tad-diġitalizzazzjoni, inkluż il-ħtieġa tal-ħaddiema għal taħriġ diġitali biex tiġi promossa l-impjegabbiltà tagħhom (3). Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-iżgurar li l-partijiet interessati kollha jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda, permezz ta’ konsultazzjoni u negozjati mal-ħaddiema u l-impjegaturi.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari fi ħdan is-Semestru Ewropew imsaħħaħ u mekkaniżmi eżistenti oħrajn, biex tistabbilixxi mekkaniżmi ġodda u/jew (4) tkompli tidentifika l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fuq terminu medju u twil. Dan jippermetti lill-Istati Membri, li jinvolvu b’mod attiv lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiżviluppaw ippjanar u implimentazzjoni aktar fit-tul tal-politiki dwar l-impjiegi, inkluż l-ippjanar għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema u l-għoti ta’ soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet. Huwa importanti wkoll li jissaħħu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-kooperazzjoni tagħhom mas-settur privat sabiex jgħinu fl-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol b’mod aktar effettiv.

1.6.

Il-KESE jtenni li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) jeħtieġ li jkunu effettivi u mmirati sabiex jinkisbu riżultati tajbin fil-qasam tal-impjieg (5) u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jippromovu xogħol ta’ kwalità. Il-KESE jenfasizza wkoll l-appoġġ tiegħu għal approċċ gradwali lejn standards minimi komuni fil-qasam tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad sabiex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità fl-Istati Membri (6).

1.7.

L-Istati Membri għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw kemm parteċipazzjoni adegwata (governanza kollettiva) fil-proċessi tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-impjieg jew tas-suq tax-xogħol.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex isaħħu d-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Jirrakkomanda wkoll li wieħed jikkapitalizza fuq il-kontenut tradizzjonali tad-djalogu soċjali biex jinkludi kontenut ieħor aktar strateġiku orjentat lejn is-sostenibbiltà u s-soluzzjonijiet. Dan ikun, pereżempju, l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri tal-kumpaniji u tal-ħaddiema b’ċerti kompetenzi u ħiliet, attivitajiet konġunti għat-taħriġ tal-ħaddiema, l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn l-ekonomiji diġitali u ekoloġiċi, u r-regolamentazzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbilanċjati għax-xogħol tal-pjattaformi, u kwistjonijiet simili importanti fil-qasam tal-iżvilupp.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-imsieħba soċjali u l-ftehimiet kollettivi biex jinżamm il-bilanċ tas-suq tax-xogħol. Taħriġ adatt għall-imsieħba soċjali huwa kruċjali għall-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu soċjali (7). Dan qed juri li huwa kemm punt kritiku kif ukoll punt ewlieni għall-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu soċjali, li għandu jaħdem ukoll biex jiżgura xogħol ta’ kwalità sostenibbli.

1.10.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ li jinħoloq ambjent ta’ fiduċja fid-djalogu soċjali, li tiġi rikonoxxuta l-importanza tiegħu u li l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn jiġu involuti fil-ħin fil-formulazzjoni tal-miżuri u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu, fejn adegwat u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp. Qafas b’saħħtu għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata b’mod xieraq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali filwaqt li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol (8).

1.11.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tagħti kontribut pożittiv għat-tisħiħ u l-iżgurar tal-kwalità tax-xogħol u tar-rwol tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk jipproponi li l-Kummissjoni torganizza laqgħat annwali mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex tikseb fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri, ikun jagħmel sens li l-konsultazzjonijiet jitwettqu separatament u jiġu fformulati linji gwida u rakkomandazzjonijiet b’mod konġunt biex il-Faċilità tibqa’ tiġi implimentata b’suċċess.

1.12.

Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din il-parti tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli, bħall-ħaddiema prekarji u dawk żgħażagħ, li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija, ma għandhomx jiġu injorati.

1.13.

Il-KESE jappella biex issir riċerka ħalli jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol matul il-perjodu ta’ rkupru. Jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-bidliet fil-mudelli tan-negozju li għandhom impatt fuq il-mod kif jitwettaq ix-xogħol u fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, b’enfasi partikolari fuq id-diskrepanzi fil-ħiliet u t-tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol. L-implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni tax-xogħol u aspetti importanti oħrajn tax-xogħol ta’ kwalità għandhom jiġu esplorati u eżaminati bir-reqqa, u jeħtieġ li jitqiesu kemm is-soluzzjonijiet pożittivi kif ukoll il-perikli tad-diġitalizzazzjoni rapida. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu d-diversità tal-pajjiżi u l-konsegwenzi tal-pandemija kemm għas-soċjetà kif ukoll għas-suq tax-xogħol. Il-bidliet jeħtieġ li jiġu evalwati bl-użu ta’ approċċ olistiku.

2.   Kuntest

2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi d-diversità u n-natura multidimensjonali tal-kunċett ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli, u jirrimarka li dan huwa magħmul minn diversi komponenti li jaffettwaw direttament jew indirettament il-kwalità tal-ħajja tan-nies, id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà soċjali tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li min iħaddem u l-Istati Membri għandhom rwol ċentrali fl-iżgurar ta’ xogħol ta’ kwalità, inkluż il-promozzjoni tal-ħiliet, impjieg ta’ kwalità, forom ġodda u differenti ta’ xogħol, is-sigurtà, il-benesseri tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni tidher li hija konxja ta’ dan, minħabba li ammont konsiderevoli ta’ programmi u assistenza finanzjarja matul il-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-programm SURE, kienu mmirati kemm lejn l-irkupru ekonomiku kif ukoll lejn iż-żamma tas-sigurtà soċjali tan-nies. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea mhumiex possibbli mingħajr il-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jiġi żgurat ambjent kompetittiv għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija globali u li l-irkupru ekonomiku u dak soċjali għandhom jimxu id f’id.

2.2.

Il-KESE jemmen li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali li jippjanaw u jimplimentaw miżuri biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità sostenibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati strateġija u miżuri li jiżguraw xogħol ta’ kwalità sostenibbli malajr kemm jista’ jkun abbażi tal-isforzi komuni mill-atturi rilevanti kollha.

2.3.

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ġusti u kompetittivi għall-ekonomija Ewropea, l-investiment fl-innovazzjoni u l-iżvilupp, il-prevenzjoni tad-dumping soċjali, l-inkoraġġiment tal-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u inċentivi adatti għandhom ikunu komponenti ewlenin tal-istrateġiji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex il-kwalità tax-xogħol tittejjeb.

2.4.

Taħt il-kundizzjonijiet tajba, in-negozju Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal prosperità sostenibbli, aktar impjiegi ta’ kwalità tajba u benesseri msaħħaħ. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet ta’ qafas favorevoli speċjalment fir-rigward tal-iżgurar ta’ provvista affidabbli ta’ enerġija, forza tax-xogħol tas-sengħa, infrastruttura tajba tat-trasport, u swieq tax-xogħol effettivi.

2.5.

Il-kunċett ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli huwa wieħed mill-komponenti essenzjali tal-kwalità tal-ħajja u għandu jitqies flimkien mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, u jeħtieġ li jitqies ukoll il-kuntest usa’ ta’ tkabbir u impjieg sostenibbli, b’mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni, li għandhom ikunu ġusti għall-partijiet interessati kollha. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-Opinjonijiet li diġà adotta f’dan il-kuntest.

2.6.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-Għan 8, adottat mill-193 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015 (9), tista’ tagħti kontribut sinifikanti biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli, filwaqt li jitqiesu wkoll it-tkabbir ekonomiku, u l-impjieg sħiħ u produttiv. Il-Kummissjoni Ewropea, speċjalment matul il-perjodu ta’ rkupru, għandha tiffoka aktar fuq it-tilħiq ta’ dawn l-objettivi u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilħquhom.

2.7.

Il-KESE jirrimarka wkoll li l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-pjan ta’ azzjoni relatat, kif ukoll tal-istandards legali internazzjonali rilevanti (10), hija importanti ferm biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli. Il-KESE diġà adotta għadd ta’ Opinjonijiet f’dan il-kuntest, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex, abbażi tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu sehem b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom flimkien mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn.

2.8.

Meta jitfasslu miżuri biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità sostenibbli, għandhom jitqiesu l-fatturi varji li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja, l-iżgurar ta’ xogħol deċenti, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-faqar u l-iżgurar tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u, fl-istess ħin, tiġi promossa tranżizzjoni bla xkiel lejn soċjetà u ekonomija diġitali u ekoloġiċi. Dawn il-fatturi kollha għandhom ikunu bbilanċjati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-miżuri. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ kunsens soċjali usa’.

2.9.

Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema, l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv.

2.10.

Il-KESE jinnota li l-iżgurar ta’ xogħol deċenti huwa wieħed mill-elementi essenzjali biex jiġi żgurat xogħol ta’ kwalità. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali jagħtu aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet ta’ xogħol deċenti u ta’ kwalità.

2.11.

Il-KESE huwa konxju li l-provvista ta’ komponenti ta’ xogħol ta’ kwalità tiddependi wkoll mir-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej fis-suq globali, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tas-suq intern, diversi mudelli ta’ negozju u politiki ekonomiċi. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-imsieħba soċjali joħolqu kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investimenti sostenibbli u b’hekk jippermettu lill-impjegaturi jipprovdu xogħol ta’ kwalità fuq bażi sostenibbli u jindirizzaw il-prattiki inġusti. L-Istati Membri għandhom jgħinu biex iħaffu din is-sitwazzjoni permezz ta’ diversi inċentivi, politiki u regolamenti adegwati.

3.   COVID-19

3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-attività ekonomika qed tonqos b’mod asimmetriku matul l-epidemija u li l-mekkaniżmu SURE stabbilit mill-Kummissjoni matul il-pandemija għen biex ikunu preservati għadd kbir ta’ impjiegi. Sabiex jiġu evitati s-sensji u jiġi evitat li s-sigurtà tad-dħul tan-nies tiddeterjora, l-Istati Membri adottaw diversi skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, sussidji tal-pagi għall-impjegati, assenzi bil-permess (eż. ħaddiema f’attivitajiet li ma tħallewx joperaw) b’perċentwal aktar baxx ta’ pagi, diversi miżuri attivi ta’ politika ta’ impjieg, protezzjoni għaż-żgħażagħ u l-anzjani, sussidji li parzjalment jikkumpensaw għat-telf ta’ dħul, u dħul bażiku għal ċerti gruppi ta’ nies, eċċ. Madankollu, il-KESE jenfasizza li dawn il-miżuri temporanji m’għandhomx jinjoraw il-ħtieġa għal politiki ekonomiċi sodi u sostenibbli u l-ħtieġa li l-Istati Membri jimmiraw għall-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi ġodda.

3.1.1.

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma involvietx b’mod attiv u adatt lill-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħrajn bħala kriterju importanti biex isir użu minn dawn il-fondi. F’xi Stati Membri, l-imsieħba soċjali ma kinux involuti b’mod attiv fid-definizzjoni ta’ miżuri u politiki tas-suq tax-xogħol. L-irkupru u l-iżgurar ta’ xogħol ta’ kwalità se jkunu aktar diffiċli f’dawn il-pajjiżi.

3.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li matul l-epidemija l-mod kif jitwettqu xi attivitajiet tax-xogħol inbidel, bir-riżultat li xi bidliet se jkomplu matul il-perjodu ta’ rkupru u lil hinn minnu. Għalhekk huwa kruċjali li dawn il-bidliet jiġu rikonoxxuti, indirizzati kif xieraq, immonitorjati u żviluppati b’tali mod li tiġi żgurata kwalità ta’ xogħol dejjiema, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet addizzjonali għall-kumpaniji u għall-ħaddiema. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt u l-konsegwenzi tad-diġitalizzazzjoni u tal-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fl-impjiegi.

3.3.

Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Għandha tingħata attenzjoni ħalli jkun żgurat li dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti.

3.4.

Il-KESE jilqa’ r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjieg b’segwitu tal-kriżi tal-COVID-19, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-politiki tas-suq tax-xogħol b’tali mod li l-investiment fin-nies isir wieħed mill-elementi ewlenin biex tingħeleb il-kriżi, u jeħtieġ li titqies ukoll il-ħtieġa għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri tal-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjieg miftiehma mal-imsieħba soċjali fil-pjani nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.5.

Il-KESE jinsab imħasseb li l-benesseri mentali tal-ħaddiema Ewropej iddeterjora b’mod konsiderevoli matul il-pandemija, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li tilfu l-impjieg tagħhom (12). Għalhekk, il-KESE jappella għal approċċ olistiku u konġunt, bil-għan li jgħaqqad flimkien politiki ambizzjużi dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri mentali.

3.6.

Il-KESE jtenni l-pożizzjoni u l-proposti li ressaq f’diversi Opinjonijiet (13) dwar kwistjonijiet relatati mal-futur tax-xogħol, id-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol mid-dar, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dak kollu ddikjarat dwar il-kwalità tax-xogħol japplika għal kull min jaħdem, irrispettivament min-nazzjonalità, u dan huwa r-raġuni għaliex l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma importanti.

3.7.

Fid-dawl tal-bidliet li ġabet magħha l-pandemija, l-evoluzzjoni parallela tad-diġitalizzazzjoni u l-fatt li l-kwalità tax-xogħol hija affettwata minn ħafna fatturi, din l-Opinjoni tiffoka biss fuq xi aspetti enfasizzati mill-Presidenza Slovena li jeħtieġu attenzjoni partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ xogħol ta’ kwalità. Dawn huma: 1) l-adattament tal-ambjent tax-xogħol għall-popolazzjoni li qed tixjieħ; 2) it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja; 3) l-iżgurar tal-ugwaljanza; 4) l-indirizzar tal-benefiċċji u n-nases tad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali; u 5) ir-rwol tal-imsieħba soċjali.

4.   L-adattament tal-ambjent tax-xogħol għall-popolazzjoni li qed tixjieħ

4.1.

Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ, il-ħajja tax-xogħol qed titwal ukoll fil-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-età effettiva tal-irtirar qed togħla. Dan, min-naħa tiegħu, jeħtieġ il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet adatti tax-xogħol għall-persuni akbar fl-età. Primarjament, dan jirrigwarda l-adattament għall-kapaċitajiet psikofiżiċi tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-bażi tal-ħiliet tagħhom tibqa’ aġġornata għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema akbar fl-età huma wkoll indispensabbli biex tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar fl-età.

4.2.

Filwaqt li l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati huwa dmir primarju tal-impjegatur, il-kooperazzjoni tripartitika bejn l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet għandha wkoll rwol importanti f’dan ir-rigward, peress li bl-għarfien li għandhom dwar il-proċeduri tax-xogħol u tal-ħaddiema nfushom, dawn jistgħu, permezz ta’ djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi fil-livell adegwat, jgħinu biex jinħoloq ambjent tax-xogħol li jippermetti lill-ħaddiema akbar fl-età jaħdmu kif imiss.

4.3.

L-Istati Membri wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu. Billi jipprovdu livell adatt ta’ protezzjoni soċjali, aċċess għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità u diversi inċentivi u sussidji għall-impjegaturi, dawn jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent tax-xogħol li jippermetti lin-nies jaħdmu b’mod sikur u produttiv meta jikbru fl-età.

4.4.

Il-KESE jipproponi li tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni ta’ politiki tas-suq tax-xogħol b’rabta mad-demografija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti b’mod attiv fl-istrateġiji u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri b’rabta mal-persuni akbar fl-età fis-suq tax-xogħol, inkluża l-integrazzjoni adegwata fis-suq tax-xogħol.

4.5.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati modi moderni u innovattivi sabiex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u dawk akbar fl-età jaħdmu flimkien. It-trasferiment adatt u bidirezzjonali tal-għarfien u l-esperjenza huwa essenzjali.

5.   Taħriġ u tagħlim tul il-ħajja

5.1.

Fl-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE kemm-il darba enfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ kemm għall-ħaddiema qiegħda kif ukoll għall-ħaddiema impjegati (14).

5.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ antiċipazzjoni f’waqtha tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-impjegaturi f’termini ta’ ħiliet u ppjanar strateġiku f’dan il-qasam. Dan jirrikjedi li l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien, b’mod partikolari fil-livell settorjali u tan-negozju.

5.3.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-persuni qiegħda fit-tul u għal dawk li ilhom barra mis-suq tax-xogħol għal perjodu twil ta’ żmien. L-assenza fit-tul mis-suq tax-xogħol ixxekkel l-impjegabbiltà b’mod sinifikanti, speċjalment minħabba l-ħeffa tal-bidla diġitali (15). Il-pandemija aggravat il-problema, għax l-għeluq ta’ ċerti attivitajiet ġiegħel lill-ħaddiema jibqgħu d-dar. Din hija r-raġuni għaliex, minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, jinħtieġu politiki attivi u effettivi tal-impjieg.

5.4.

L-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom jiffukaw fuq li tiżdied b’mod adegwat is-sensibilizzazzjoni tal-impjegaturi fir-rigward tal-importanza ta’ ppjanar f’waqtu fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-kompetenzi għal xogħol futur. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-pjani ta’ taħriġ diġitali għall-ħaddiema.

5.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll inċentivi finanzjarji u fiskali għal taħriġ aktar attiv tal-ħaddiema mill-impjegaturi, jew bħala finanzjament dirett jew bħala ħelsien mit-taxxa għall-kumpaniji.

6.   L-iżgurar tal-ugwaljanza

6.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li, matul u wara l-irkupru, huwa essenzjali li tinżamm l-ugwaljanza fir-rigward taċ-ċirkostanzi personali u li jiġu evitati l-forom kollha ta’ prattiki diskriminatorji. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-opportunitajiet offruti minn forom diversi ta’ xogħol, hemm ukoll il-periklu li dawn jistgħu jżidu l-inugwaljanzi bejn il-ħaddiema, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (16). Għandhom jinstabu modi biex jiġi żgurat trattament ugwali għall-ħaddiema permezz tal-mezzi adegwati kollha, kemm permezz tal-leġiżlazzjoni kif ukoll permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

6.2.

Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom prekarji ta’ xogħol, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi.

6.3.

Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar żdiedet il-prekarjatà.

6.4.

Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw forom prekarji ta’ xogħol, li ma jiggarantixxux ħajja deċenti.

6.5.

L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili.

7.   Id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali

7.1.

Id-diġitalizzazzjoni għandha impatt kbir fuq ir-relazzjonijiet industrijali, minħabba l-konsegwenzi pożittivi u negattivi tal-impjegaturi li jimplimentawha fil-proċessi tax-xogħol.

7.2.

Is-soluzzjonijiet diġitali jqajmu wkoll tħassib fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi. Sabiex jiġu żgurati komponenti sostenibbli ta’ xogħol ta’ kwalità, jeħtieġ li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi adegwati fis-seħħ biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, mingħajr ma jixxekkel l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali. L-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn għandhom, kollha kemm huma, jaqdu rwol biex jinstabu soluzzjonijiet ġusti għat-tħassib tan-nies. Il-KESE jenfasizza li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni fil-ħajja tax-xogħol tista’ ġġib benefiċċji, filwaqt li toħloq ukoll sfidi. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni malajr tal-ftehim qafas tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni tista’ taqdi rwol importanti (18).

7.3.

Hemm ħtieġa urġenti li tiġi ġestita l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema – inkluż id-dritt ta’ skonnessjoni – u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali.

Brussell, it-23 ta’ Settembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://www.ilo.org/global/topics/decent-work/lang--en/index.htm.

(2)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(3)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 16.

(4)  Skont is-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

(5)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.19.

(6)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32; ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159, punt 1.6.

(7)  Voss, Eckhard, Broughton, Andrea, Pulignano, Valeria, Franca, Valentina, Rodriguez, Contreras, Ricardo.Exploring the connections between EU and national-level social dialogue (Neżaminaw il-konnessjonijiet bejn id-djalogu soċjali fl-UE u fil-livell nazzjonali)Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018, (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-KESE dwar is-Summit ta’ Porto, ĠU C 286, 16.7.2021, p. 6ĠU C 341, 24.8.2021, p. 23.

(9)  Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development.

(10)  Standards tal-ILO u l-Artikoli 151 u 156 TFUE.

(11)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.

(12)  Eurofound (2021), Living, working and COVID-19 (Update April 2021): Mental health and trust decline across EU as pandemic enters another year,, [Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19 (Aġġornament, April 2021): is-saħħa mentali u t-tnaqqis tal-fiduċja fl-UE kollha hekk kif il-pandemija tidħol f’sena oħra], Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, paġna 4 (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44; ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37; ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18.

(14)  Kif espress fil-ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.

(15)  Il-ħiliet diġitali u t-taħriġ tal-ħaddiema jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi tal-UE, u dan jaggrava d-disparitajiet bejn is-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema. Fl-2019, bħala medja, in-negozji fl-UE li pprovdew taħriġ diġitali kienu inqas minn 25 %, li jvarja minn 6 % fir-Rumanija għal 37 % fil-Finlandja.

(16)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13

(17)  https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.

(18)  The European Social Partners framework agreement_and_studies/2020-06-22_agreement_on_digitalisation_-_with_signatures.pdf.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 3

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 2.9

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema, l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv u fatturi simili.

Il-KESE huwa konxju ta’ għadd ta’ elementi, fatturi u ċirkostanzi li jinfluwenzaw il-kwalità tax-xogħol u l-provvista sostenibbli tiegħu u rrikonoxxa dan fl-Opinjoni tiegħu (11). Dawn huma elementi bħal-livell u l-prevedibbiltà tal-pagi, il-forom u l-metodi tax-xogħol tal-ħaddiema , inkluż il-ħtieġa għal forom diversi ta’ xogħol u l-flessibilità fi ħdan id-djalogu soċjali , l-ambjent tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-istabbiltà tal-impjieg, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ tal-ħaddiema, is-sigħat tax-xogħol regolari u prevedibbli, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-djalogu soċjali attiv u effettiv u fatturi simili.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

92

Kontra:

120

Astensjonijiet:

15

EMENDA 4

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 3.3

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Għandha tingħata attenzjoni ħalli jkun żgurat li dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti.

Il-KESE jinnota li l-epidemija xeħtet dawl fuq ċerti mudelli ekonomiċi u kummerċjali, u forom u modi ta’ ħidma li qabel l-epidemija ġew injorati jew li ftit li xejn ingħataw attenzjoni. Filwaqt li huwa importanti li jissaħħu l-intraprenditorija u l-politiki favur l-intraprendituri awtonomi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali u li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-forom aktar frekwenti ta’ negozju u xogħol , għandu jkun żgurat li dawn ma jaffettwawx b’mod negattiv is-suq tax-xogħol jew il-kwalità tax-xogħol u ma jikkostitwixxux prattiki inġusti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

90

Kontra:

125

Astensjonijiet:

16

EMENDA 5

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 6.2

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom prekarji ta’ xogħol, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi.

Il-KESE jinnota li l-ugwaljanza ma kinitx garantita matul il-pandemija, peress li l-miżuri adottati ma kinux ikopru l-ħaddiema u n-negozji kollha. In-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema f’forom ta’ xogħol inqas stabbli u siguri , il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-migranti, iż-żgħażagħ u n-nisa ħafna drabi ma ngħatawx aċċess għall-kumpens għat-telf ta’ dħul jew ma kinux koperti minn miżuri. Dan ifisser li l-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu matul l-epidemija. Għadd ta’ negozji waqfu joperaw għalkollox, u dan wassal għal telf ta’ impjiegi.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

88

Kontra:

138

Astensjonijiet:

14

EMENDA 6

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 6.3

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar żdiedet il-prekarjatà .

Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol marret għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-pandemija (17): ħafna nisa tilfu xogħolhom, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mar għall-agħar u fl-aħħar mill-aħħar kibret l-isfida li jinstab impjieg stabbli u sikur .

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

80

Kontra:

143

Astensjonijiet:

10

EMENDA 7

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 6.4

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw forom prekarji ta’ xogħol , li ma jiggarantixxux ħajja deċenti .

Is-sitwazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, li qed ibatu dejjem aktar biex isibu impjieg, marret għall-agħar ukoll. Barra minn hekk, dawn jiffaċċjaw l-isfida li jsibu forom ta’ xogħol stabbli u sikuri .

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

80

Kontra:

143

Astensjonijiet:

10

EMENDA 8

Imressqa minn:

BARRERA CHAMORRO Maria del Carmen

MEYNENT Denis

SALIS-MADINIER Franca

ZORKO Andrej

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 6.5

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili.

L-inugwaljanza hija riflessa l-aktar fil-livell tal-introjtu u l-istabbiltà tal-impjieg. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jindirizzaw id-differenza fil-pagi, flimkien ma’ miżuri vinkolanti li jippromovu t-trasparenza fil-pagi, jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, jinċentivaw ix-xogħol full-time għan-nisa u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet mhux imħallsa b’rabta mal-kura u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati. Għandu jitħeġġeġ ukoll id-djalogu soċjali b’enfasi fuq in-negozjar kollettiv f’attivitajiet mhux standard bħal xogħol domestiku, xogħol ta’ kura, xogħol fuq pjattaformi diġitali u xogħol simili.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

102

Kontra:

113

Astensjonijiet:

16

EMENDA 10

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 7.3

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Hemm ħtieġa urġenti li tiġi ġestita l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema – inkluż id-dritt ta’ skonnessjoni – u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali.

Biex jiġi żgurat żvilupp trasparenti u bbilanċjat tal-intelliġenza artifiċjali hemm ħtieġa urġenti li din tiġi ġestita fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-mitigazzjoni ta’ tħassib bla bażi, il-promozzjoni tal-awtonomija tal-ħaddiema u l-prevenzjoni ta’ prattiki diskriminatorji, is-sorveljanza illegali tal-ħaddiema u trattament detrimentali ieħor tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fil-proċessi tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

88

Kontra:

136

Astensjonijiet:

10

EMENDA 11

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 1.1

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja. Il-prinċipju tal-kwalità tax-xogħol għall-kwalità tal-ħajja għandu jiġi segwit, peress li dan huwa prerekwiżit għal żvilupp soċjali sostenibbli. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan għandu jingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li jrid jipprevjeni r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta.

Il-kwalità tax-xogħol hija waħda mill-komponenti fundamentali tal-kwalità tal-ħajja u għandha titqies flimkien mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli fejn jitqies ukoll il-kuntest usa’ ta’ tkabbir u impjieg sostenibbli, b’mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni . Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol ta’ min iħaddem bil-għan li jiġu promossi l-ħiliet, l-impjieg, il-forom differenti ta’ xogħol, is-sigurtà, il-benesseri tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kwalità tax-xogħol bħala komponent tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi għandha tingħata attenzjoni speċjali fil-politiki tal-UE, peress li tista’ tagħti kontribut doppju sinifikanti għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-produttività filwaqt li tindirizza r-riskji tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kompetizzjoni inġusta.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

79

Kontra:

136

Astensjonijiet:

11

EMENDA 12

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 1.2

Żid punt ġdid:

Pożizzjoni: Wara punt eżistenti – Fl-istess livell

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

 

Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni komprensiva u ffukata sew biex jiġu żgurati swieq tax-xogħol reattivi, reżiljenti u inklużivi fl-Istati Membri, inkluż bħala riżultat tal-pandemija b’enfasi speċjali fuq il-provvista ta’ impjiegi flessibbli. Madankollu, il-KESE jinnota li l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu appoġġjati, mhux regolati żżejjed jew imxekkla. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fir-rigward tal-kompetenzi tal-UE u l-Istati Membri u d-diversi strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom. Fir-rigward tal-iżgurar ta’ pedament ekonomiku sod għall-appoġġ ta’ tranżizzjonijiet ġusti fl-Ewropa, l-enfasi għandha tkun fuq il-ħolqien ta’ qafas regolatorju ġust, stabbli u prevedibbli għan-negozju inkluż l-evitar ta’ piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

79

Kontra:

144

Astensjonijiet:

7

EMENDA 15

Imressqa minn:

ARDHE Christian

HOŠTÁK Martin

KONTKANEN Mira-Maria

LE BRETON Marie-Pierre

SOC/685

Komponenti ewlenin ta’ xogħol ta’ kwalità sostenibbli matul u wara l-irkupru

Punt 1.12

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta din il-parti tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli , bħall-ħaddiema prekarji u dawk żgħażagħ, li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija, ma għandhomx jiġu injorati.

Il-KESE jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tindirizzax direttament il-komponenti tax-xogħol ta’ kwalità, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn il-komponenti jiġu indirizzati b’mod adegwat fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-kwalità tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-gruppi vulnerabbli li ntlaqtu l-agħar mill-epidemija ma għandhomx jiġu injorati.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

82

Kontra:

140

Astensjonijiet:

8


(11)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.

(11)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10, punt 3.4.

(17)  https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.

(17)  https://eige.europa.eu/news/covid-19-derails-gender-equality-gains.