4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/143


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: ‘Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija’”

(COM(2021) 400 final)

(2022/C 105/22)

Relatur:

Maria NIKOLOPOULOU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 31.5.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2021

Adottata fil-plenarja

20.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

105/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni biex tindirizza b’mod komprensiv it-tipi differenti ta’ tniġġis u tikkonforma mal-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Biex il-pjan ikun verament ambizzjuż, il-miri jridu jkunu allinjati bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-livell ta’ ambizzjoni għandu jiżdied mill-bidu nett, jiġifieri bħalissa.

1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tiġbor id-data sabiex dalwaqt tkun tista’ tagħmel proposti leġiżlattivi fl-oqsma fejn ma jeżistux, pereżempju fir-rigward tat-tniġġis tad-dawl u tal-vibrazzjoni.

1.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tal-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero, bil-għan li jitħaffef il-pass tad-dekontaminazzjoni u jixtieq jikkollabora permezz tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (1) jew mezzi oħra.

1.4.

Il-KESE jiddispjaċih li r-rimedju u l-kumpens għal ħsara relatata mat-tniġġis jiġu kkunsidrati inqas fil-ġerarkija tat-tniġġis żero. Jeħtieġ li jiġu definiti azzjonijiet meta min iniġġes ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew ma jkunx jista’ jikkumpensa għall-ħsara.

1.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li meta jiġu vvalutati s-sorsi ta’ materja partikolata, il-potenzjal ossidattiv u l-partikoli ultrafini tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ tat-tniġġis mill-materja partikolata.

1.6.

Biex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-baħar, il-portijiet kollha jeħtieġ li jkollhom sistema avvanzata ta’ ġbir u ġestjoni tal-iskart. Barra minn hekk, l-UE għandha tħeġġeġ il-miżuri għat-tneħħija mingħajr heda tal-iskart mill-baħar, kemm biex tgħin id-dekontaminazzjoni kif ukoll biex tiżgura attività sekondarja tas-sajd.

1.7.

Parti mit-tniġġis marbut mal-plastik fil-baħar jiġi mill-ilmijiet interni. It-tindif tax-xmajjar Ewropej tagħna jeħtieġ koordinazzjoni bejn il-pajjiżi kkonċernati.

1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ġestjoni tal-iskart għandha tiġi armonizzata u li l-iskart għandu jiġi ġestit u jintuża mill-ġdid fl-istess territorju jew fejn ikun hemm faċilitajiet ta’ riċiklaġġ adegwati, sabiex jiġi evitat li jkollu impatt negattiv f’pajjiżi terzi.

1.9.

Għalkemm il-miri huma stabbiliti fil-livell tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti limiti minimi għal kull pajjiż, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jagħmlu progress tajjeb minkejja ritmu differenti.

1.10.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħaffu l-pass tal-proċess tat-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li huma tant importanti għall-kumpaniji biex iwettqu l-proċess tagħhom ta’ dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni.

1.11.

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-istrateġija tax-xjenza mill-pubbliku biex tattiva l-parteċipazzjoni u l-kontribut tan-nies billi tissensibilizzahom dwar it-tniġġis, is-saħħa u l-benesseri.

2.   Proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” huwa wieħed mill-aħħar elementi ċentrali tal-Patt Ekoloġiku. Huwa jistabbilixxi bħala mira ewlenija għall-2050 li t-tniġġis jitnaqqas għal livelli li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tintegra u torbot flimkien l-azzjonijiet kollha li għaddejjin bħalissa dwar diversi miri ta’ tniġġis.

2.2.

Skont id-dritt tal-Unjoni u l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku, u f’sinerġija ma’ inizjattivi oħra, sal-2030, l-UE għandha tnaqqas:

b’aktar minn 55 %, l-impatt fuq is-saħħa (imwiet prematuri) tat-tniġġis tal-arja;

bi 30 %, il-persentaġġ tal-popolazzjoni li tbati minn disturbi kroniċi dovuti għall-istorbju tat-trasport;

b’25 %, l-ekosistemi fl-UE li fihom il-bijodiversità hija mhedda mit-tniġġis tal-arja;

b’50 %, it-telf ta’ nutrijenti, l-użu u r-riskji tal-pestiċidi kimiċi, l-użu ta’ dawk l-aktar perikolużi u l-bejgħ ta’ antimikrobiċi għall-annimali mrobbija fl-irziezet u għall-akkwakultura;

b’50 %, l-iskart mill-plastik fil-baħar u bi 30 %, il-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent;

b’mod sinifikanti, il-ġenerazzjoni totali tal-iskart u, b’50 %, l-iskart muniċipali residwu.

2.3.

Ir-Rapporti dwar il-Monitoraġġ u l-Prospettiva ta’ Tniġġis Żero ppjanati għall-2022 u l-2024 se jkollhom l-għan li jevalwaw il-proċess biex jintlaħqu l-miri stabbiliti sal-2030 u se jkunu l-punt ta’ riferiment biex jiġi deċiż liema miżuri jeħtieġ li jiġu implimentatati jew jissaħħu biex jiġi żgurat li jintlaħqu b’suċċess il-miri tal-2030. Minn hawn ’il quddiem, se jiġu deskritti l-passi li jmiss biex jinkiseb tniġġis żero sal-2050.

2.4.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, se tniedi l-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero.

2.5.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina ser tiġi riveduta sal-2023 bil-għan li jitnaqqsu l-plastik u skart ieħor, l-istorbju taħt l-ilma u s-sustanzi niġġiesa.

2.6.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ se jgħollu l-livell ta’ ambizzjoni biex jitneħħew in-nutrijenti mill-ilma mormi u biex l-ilma u l-ħama ttrattati jitħejjew għall-użu mill-ġdid.

Ir-Regolament dwar it-Trasport tal-Iskart se jiġi rivedut biex jiġu kkontrollati aħjar l-esportazzjonijiet tal-iskart, jiġi żgurat it-trattament sostenibbli tiegħu u jiġu ristretti l-esportazzjonijiet b’impatti dannużi fuq l-ambjent u fuq is-saħħa f’pajjiżi terzi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni, il-ġlieda kontra t-tniġġis hija wkoll ġlieda għall-ekwità, peress li l-aktar effetti dannużi fuq is-saħħa huma mġarrbin mill-iżjed gruppi vulnerabbli, inklużi t-tfal, il-persuni akbar fl-età jew b’kundizzjonijiet tas-saħħa, il-persuni b’diżabilità u dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet soċjoekonomiċi agħar (2). F’livell dinji, il-pajjiżi b’introjtu baxx u medju għandhom l-agħar proporzjon ta’ mard relatat mat-tniġġis, b’madwar 92 % tal-imwiet relatati mat-tniġġis (3).

3.2.

Il-KESE jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni u l-inizjattivi ewlenin tiegħu biex tindirizza b’mod komprensiv it-tipi differenti ta’ tniġġis u tikkonforma mal-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-SDGs. Biex il-pjan ikun verament ambizzjuż, jeħtieġ li l-miri jkunu allinjati bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO.

3.3.

Il-KESE jaqbel mal-approċċ tat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-oqsma differenti u l-aġġustament tagħha fejn din ma ġietx implimentata b’suċċess, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-arja u l-ilma. Aħna ntennu li l-politika ambjentali tal-UE wriet li implimentazzjoni dgħajfa, frammentata u mhux uniformi tal-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea hija problema serja f’ħafna Stati Membri (4). Barra min hekk, dak li huwa nieqes mhuwiex l-għarfien fir-rigward ta’ x’għandu jsir, iżda l-implimentazzjoni ta’ miżuri li ilna nafu dwarhom, ħafna drabi deċiżi żmien ilu, u nuqqas ta’ rieda politika (5).

3.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tiġbor id-data sabiex dalwaqt tkun tista’ tagħmel proposti leġiżlattivi fl-oqsma fejn ma jeżistux, pereżempju fir-rigward tat-tniġġis tad-dawl u tal-vibrazzjoni.

3.5.

Il-punt sa fejn intlaħqu l-miri se jiġi vvalutat bir-riżultati tal-monitoraġġ u l-prospettiva għall-2024. Dan se jiftaħ id-dibattitu biex jiġi vvalutat il-livell ta’ ambizzjoni u, jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti l-għanijiet u l-leġiżlazzjoni b’aktar reqqa. Il-KESE jibża’ li dan il-proċess ser ikun twil wisq minħabba ż-żmien qasir li fadal biex jintlaħqu l-miri tal-2030, u huwa tal-fehma li l-livell ta’ ambizzjoni għandu jiżdied mill-bidu nett, jiġifieri bħalissa.

3.6.

Il-miri rigward it-tniġġis tal-arja stabbiliti għall-2030 huma bbażati fuq snin ta’ referenza li huma antiki wisq. Is-snin ta’ referenza jvarjaw bejn l-għanijiet differenti minħabba li huma bbażati fuq data u leġiżlazzjoni differenti. Għalkemm huwa minnu li perjodi twal ta’ data kumulattiva jiffaċilitaw il-projezzjonijiet, il-KESE jemmen li l-punt tat-tluq biex tiġi vvalutata l-progressjoni tal-miri għandu jkun allinjat għall-miri kollha sabiex tinkiseb stampa realistika tal-livell ta’ konformità.

3.7.

Il-qafas ta’ abilitazzjoni għandu jgħin lin-negozji u lill-SMEs jimplimentaw il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tniġġis, billi jżommu l-piżijiet amministrattivi baxxi kemm jista’ jkun. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi armonizzat qafas regolatorju fil-livell internazzjonali, peress li t-tniġġis tal-UE ma jiqafx mal-fruntieri.

3.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proċess ta’ kooperazzjoni huwa fundamentali biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni. Għalhekk, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tal-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero u jixtieq jikkollabora permezz tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari jew mezzi oħra. Jirrakkomanda wkoll li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi u jitrawmu spazji għall-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili fir-reġjuni differenti, peress li t-tniġġis m’għandux fruntieri.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-appoġġ tal-UE għall-innovazzjoni, l-investiment u r-riċerka dwar tagħmir u teknoloġiji ġodda huwa importanti għan-negozji kollha, u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir investiment: fin-natura u l-bijodiversità (ir-restawr tal-ekosistemi u l-agrikoltura restorattiva); fil-prosperità (l-infrastruttura sostenibbli u t-tranżizzjonijiet rinnovabbli/tal-enerġija, il-bini u l-mobilità ekoloġika/pubblika); u fin-nies (l-edukazzjoni u t-tnaqqis tad-distakk diġitali/ir-R&Ż, ir-riformi tat-taxxa biex jinħolqu opportunitajiet aktar ġusti u ekwi fl-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent).

4.2.

Il-KESE jiddispjaċih li r-rimedju u l-kumpens għal ħsara relatata mat-tniġġis jiġu kkunsidrati inqas fil-ġerarkija tat-tniġġis żero. Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ma kienx effettiv ħafna, kif juri l-għadd kbir ta’ siti mniġġsa li għadhom jeżistu fl-UE. Jeħtieġ li jiġu definiti azzjonijiet meta min iniġġes ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew ma jkunx jista’ jikkumpensa għall-ħsara.

4.3.

Fir-rigward tat-tniġġis tal-arja, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-materja partikolata, li hija marbuta ma’ miljuni ta’ mwiet prematuri fid-dinja. Meta jiġu vvalutati l-effetti tossikoloġiċi tal-materja partikolata fuq is-saħħa tal-bniedem, għandha tiġi stabbilita metrika standardizzata bbażata mhux biss fuq il-konċentrazzjoni tal-massa iżda wkoll fuq id-daqs u l-kompożizzjoni kimika. Meta jiġu vvalutati s-sorsi tal-materja partikolata, il-potenzjal ossidattiv tagħhom u l-partikoli ultrafini huma importanti peress li l-grad ta’ periklu jiddependi minn dan, u għandhom jiġu inklużi fil-leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ tat-tniġġis mill-materja partikolata.

4.4.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma se tiġi adattata għat-tnaqqis tas-sustanzi kimiċi li jniġġsu u l-mikroplastiċi. L-iskart mill-plastik huwa inkwetanti ħafna peress li huwa kkumplikat biex jitneħħa, jassorbi sustanzi niġġiesa oħra, u ma jiġix ikkunsidrat l-impatt kimiku u tossikoloġiku għoli tal-addittivi tiegħu u tas-sustanzi dderivati mill-frammentazzjoni tiegħu, in-nanoplastiċi (6). Il-pajjiżi tal-OECD jikkontribwixxu bil-kbir għall-iskart mill-plastik prodott f’pajjiżi oħra; għalhekk jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet għat-tniġġis transfruntier u jeħtieġ li jiġi stabbilit limitu globali speċifiku ġdid għall-iskart mill-plastik. Il-prevenzjoni hija wkoll essenzjali, u jeħtieġ li titħeġġeġ u tiġi inċentivata l-produzzjoni għall-ekodisinn. L-industrija u x-xjenza ambjentali għandhom jaħdmu flimkien biex jirriċerkaw soluzzjonijiet vijabbli.

4.5.

Huwa importanti, b’mod partikolari fl-agrikoltura, li jsir investiment fl-innovazzjoni ta’ teknoloġiji u mudelli operattivi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tal-ilma u jtejbu l-kwalità tal-ilma, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet biex titnaqqas l-impronta ambjentali (pereżempju, fir-rigward tal-fertilizzazzjoni, l-użu tal-pestiċidi u l-emissjonijiet tan-nitrati). It-titjib tal-ħiliet tal-operaturi u t-taħriġ f’teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet diġitali se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom u l-konformità mar-regolamentazzjoni dwar l-ilma.

4.6.

L-iskart mill-attivitajiet tas-sajd u, b’mod partikolari, ix-xbieki tas-sajd għandhom jiġu ġestiti b’mod skrupluż. Peress li l-movimenti tal-iskart mill-plastik fil-baħar huma imprevedibbli, jeħtieġ li tiġi implimentata leġiżlazzjoni internazzjonali, jew tal-anqas diżaggregata skont il-produzzjoni u l-konsum tal-plastik ta’ kull pajjiż, sabiex min iniġġes l-aktar ikollu jħallas aktar. L-NGOs u ċerti pajjiżi wrew li jeżistu l-għodod u n-nies bil-kapaċità li jneħħu l-iskart mill-baħar u li jistgħu jinħolqu l-istrutturi portwarji meħtieġa għall-ħżin u r-riċiklaġġ tiegħu (7). Madankollu, il-miżura ma tiġix implimentata minħabba li s-sajjieda ma jiksbu l-ebda benefiċċju ekonomiku mill-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart u l-portijiet iż-żgħar għadhom mhumiex ippreparati għal din l-attività. Il-portijiet kollha, inklużi l-iżgħar fosthom, għandu jkollhom sistema avvanzata ta’ ġbir u ġestjoni trasparenti tal-iskart (8). L-UE għandha tħeġġeġ dawn il-miżuri mingħajr heda, kemm biex tgħin id-dekontaminazzjoni kif ukoll biex tiżgura attività sekondarja tas-sajd (9).

4.7.

80 % tal-iskart fl-ibħra jgħaddu mill-ilmijiet interni (lagi u xmajjar) (10). Il-ġestjoni u l-kontroll tal-problema fis-sors huma aktar effettivi. It-tindif tax-xmajjar Ewropej tagħna jeħtieġ koordinazzjoni bejn il-pajjiżi. Madankollu, il-pajjiżi kkonċernati għandhom sistemi legali differenti ħafna u livelli differenti ta’ obbligi tal-gvern fir-rigward tal-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar.

4.8.

Il-KESE jqis li l-indirizzar tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi huwa pass rilevanti ’l quddiem fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi. Ir-riċerka u l-iżvilupp huma kruċjali biex ikun hemm progress fir-rigward tal-għarfien, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tat-taħlitiet (11).

4.9.

L-orjentazzjoni tal-UE lejn tniġġis żero teħtieġ ukoll inċentivi biex tiġi ffaċilitata l-bidla, il-bini tal-kapaċitajiet f’teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet diġitali, assistenza teknika, edukazzjoni soċjali u armonizzazzjoni u implimentazzjoni ta’ gwidi għal prattika tajba f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni u l-konsum. In-negozji jeħtieġu biżżejjed enerġija rinnovabbli bi prezzijiet affordabbli u fjuwils gassużi b’livell baxx ta’ karbonju jew żero biex jiddekarbonizzaw il-proċessi tal-manifattura tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħaffu l-pass tal-proċess tat-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

4.10.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu. Approċċ aktar adatt għall-SMEs huwa li jiġu implimentati l-aqwa tekniki disponibbli li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandha tkopri l-katina kollha tal-valur, inkluż l-akkwist ta’ materja prima barra mill-UE. Il-livelli ta’ konformità għandhom ikunu legalment vinkolanti għall-emissjonijiet industrijali u tinħtieġ metodoloġija standardizzata u affidabbli ta’ monitoraġġ, li tiżgura l-ipparagunar ta’ data ġenwina, kif ukoll valutazzjoni armonizzata li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-industrija kollha tal-UE.

4.11.

Il-KESE jqis l-Aġenda għall-Ħiliet bħala element ewlieni għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol, li jiggwida t-taħriġ tal-professjonisti biex ikunu konxji tal-klima, l-ambjent u s-saħħa. Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll it-taħriġ tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u dak soċjali li ser itejjeb il-kapaċitajiet tagħhom li jindirizzaw ir-riskji ambjentali. Din l-istrateġija se tagħmilha aktar faċli għall-intraprendituri, in-negozji, l-SMEs, dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema kollha biex jadattaw, u b’hekk jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tal-impjiegi.

4.12.

Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-programmi kontra t-tniġġis. L-isfida biex titwettaq l-aġenda tiddependi mill-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa kruċjali li jiġu armonizzati r-rekwiżiti u l-miżuri fir-reġjuni kollha u li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni u l-għanijiet li jintlaħqu fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu kostanti matul iż-żmien, irrispettivament mill-bidliet politiċi. Għalkemm il-miri huma stabbiliti fil-livell tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti limiti minimi għal kull pajjiż, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jagħmlu progress tajjeb minkejja ritmu differenti.

4.13.

Huwa importanti li l-ġestjoni tal-iskart tiġi armonizzata, peress li s-separazzjoni u t-trattament ma jaħdmux b’mod ugwali bejn ir-reġjuni tal-UE u fil-livell lokali f’kull pajjiż, u b’hekk titnaqqas l-effettività tal-ġestjoni u tal-prevenzjoni tat-tniġġis. L-esportazzjoni ta’ kwalunkwe skart li ma jikkonformax mal-istandards tal-UE għandha tkun ipprojbita, irrispettivament mill-miżuri regolatorji tal-pajjiż li lejh huwa maħsub li jiġi esportat. Barra minn hekk, l-iskart tal-UE għandu jiġi ġestit u użat mill-ġdid fl-istess territorju jew fejn ikun hemm faċilitajiet ta’ riċiklaġġ adegwati, biex jiġi evitat l-impatt tiegħu fuq pajjiżi terzi, sakemm l-iskart ma jintużax bħala materja prima fil-produzzjoni sostenibbli li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

4.14.

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas integrat ta’ monitoraġġ u ta’ prospettiva għal tniġġis żero bil-għan li jiġu vvaluati l-impatti tiegħu fuq is-saħħa, l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Il-monitoraġġ tal-istat tax-xmajjar għandu jiġi inkluż ukoll. Id-data miġbura għandha tinkiseb bl-użu ta’ metodi standardizzati, tkun trasparenti, affidabbli, traċċabbli u disponibbli għal kulħadd. Il-bażi tad-data għandha tintegra s-sorsi tal-istituzzjonijiet ewlenin assoċjati mal-Kummissjoni kif ukoll ta’ kwalunkwe istituzzjoni rikonoxxuta li tixtieq tikkontribwixxi għall-monitoraġġ tat-tniġġis u l-effetti tiegħu.

4.15.

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-istrateġija tax-xjenza mill-pubbliku biex tattiva l-parteċipazzjoni u l-kontribut tan-nies billi tissensibilizzahom dwar it-tniġġis, is-saħħa u l-benesseri. Dan jawtonomizza lin-nies biex jimmonitorjaw it-tniġġis u jintegraw id-data miġbura għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Sabiex jiġi ggarantit is-suċċess tagħha, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-NGOs, il-komunitajiet u l-qasam tax-xjenza.

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.

(2)  Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) Nruo 22/2018: “Unequal exposure and unequal impacts” [Esponiment inugwali u impatti inugwali].

(3)  UNEP/EA.4/3 (2018): Implementation plan “Towards a Pollution-Free Planet” [Pjan ta’ implimentazzjoni “Lejn Pjaneta Mingħajr Tniġġis”].

(4)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 33.

(5)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 76.

(6)  Ara Sendra et al., 2020.

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116).

(8)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207.

(9)  Can fishers help cleaning the sea from plastic waste?[Is-sajjieda jistgħu jgħinu fit-tindif tal-baħar mill-iskart tal-plastik?], ETF.

(10)  Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, Marine plastic debris and microplastics [Ir-residwu tal-plastik fil-baħar u l-mikroplastiċi], 2016.

(11)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 181.