30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit”

(COM(2020) 854 final — 2020/0380 (COD))

(2021/C 155/08)

Relatur Ġenerali:

Florian MARIN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 18.1.2021

Kunsill Ewropew, 20.1.2021

Bażi legali

Artikoli 175(3) u (304) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

24.2.2021

Sessjoni plenarja Nru

558

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

242/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li l-Brexit huwa eżerċizzju kumpless u diffiċli ħafna. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (1) itaffi part mill-ħsara ekonomika u soċjali ta’ xenarju ta’ “ebda ftehim”, iżda t-telf ekonomiku u finanzjarju futur huwa diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat fi stadju daqshekk bikri. Mingħajr dubju hija meħtieġa azzjoni mmirata u rapida sabiex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali.

1.2.

Din is-sħubija l-ġdida tirrappreżenta sfida serja għall-interdipendenza ekonomika, soċjali u kummerċjali eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-KESE diġà jista’ josserva l-impatti negattivi immedjati fuq il-mobbiltà transkonfinali, u ostakli għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi. Dan jista’ jirriżulta f’telf ta’ impjiegi u f’negozji li jfallu, speċjalment SMEs. Huwa importanti ferm li jkun hemm aktar flessibbiltà u fehim għall-partijiet interessati tal-UE f’dan il-perjodu ta’ adattament.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (2) (ir-“Riżerva”) fi ħdan l-istrumenti speċjali barra mil-limiti massimi tal-baġit tal-UE tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (3). Il-KESE jqis li l-koeżjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri huma valuri fundamentali tal-UE u japprezza l-applikazzjoni retroattiva tar-Riżerva li tmur lura sa Lulju 2020.

1.4.

Id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu protetti minnufih u għandu jsir aktar negozjar dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha għandhom jibdew minnufih jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni biex jissensibilizzaw iċ-ċittadini dwar ir-regoli l-ġodda fis-seħħ. Sabiex azzjoni bħal din tirnexxi sew, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti bis-sħiħ. It-trade unions, u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tas-soċjetà ċivili għandhom rwol essenzjali fil-bini ta’ sħubija ekonomika u soċjali b’saħħitha mar-Renju Unit.

1.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li s-settur tas-sajd għandu jkollu riżerva kompletament separata li tappoġġja dan is-settur biss. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil setturi oħra, bħat-turiżmu u l-agrikoltura, pereżempju. Għandu jitqies ukoll li jiġu offruti investimenti infrastrutturali u appoġġ għaċ-ċittadini tal-UE li qed jirritornaw lejn pajjiżhom wara l-Brexit.

1.6.

Il-KESE jistenna diskussjonijiet fit-tul bejn il-partijiet interessati dwar min għandu jieħu l-akbar sehem mir-Riżerva u jqis li għandhom jiġu pprovduti fondi addizzjonali minnufih. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi biex iżidu l-limitu massimu propost.

1.7.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha biex jaġixxu b’mod responsabbli u jidderieġu l-fondi disponibbli lejn ir-reġjuni, il-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini li l-aktar għandhom bżonnhom. Inkella, jistgħu jinħolqu dubji dwar is-solidarjetà fit-tfassil ta’ riżerva bħal din, u ma jkunx hemm ċertezza li tirnexxi.

1.8.

L-Artikolu 5(1)(a) għandu jiġi modifikat kif ġej: “miżuri li jgħinu n-negozji, il-ħaddiema fit-tranżizzjoni għal ħiliet ġodda u impjiegi ġodda, u l-komunitajiet lokali milquta ħażin mill-ħruġ”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(d) għandu jiġi modifikat kif ġej: “miżuri li jappoġġjaw il-protezzjoni tal-impjiegi u l-impjieg, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi milquta”. L-indikatur 15.4 mill-Anness II għandu jiġi mmodifikat skont dan.

1.9.

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà jista’ jiġi estiż b’sentejn oħra, sempliċement biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jagħmlu użu mis-sehem tagħhom mir-Riżerva u jassorbu l-iskossi assoċjati mal-ħruġ tar-Renju Unit.

1.10.

Il-KESE jqis li parti żgħira mir-Riżerva għandha tiġi allokata għal skopijiet ta’ assistenza teknika, għal meta tinħoloq sistema ġdida ta’ ġestjoni. Madankollu, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-akbar parti tar-Riżerva għandha tiġi allokata biex tappoġġja l-impjieg u l-attivitajiet ekonomiċi.

1.11.

L-SMEs huma affettwati b’mod partikolari mill-proċeduri doganali li għadhom kif ġew introdotti, il-piżijiet regolatorji u ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport. Peress li l-SMEs fil-biċċa l-kbira m’għandhomx il-kapaċità amministrattiva u ġuridika biex jimplimentaw pjan ta’ kontinġenza sħiħ, il-KESE qed jitlob miżuri mfassla apposta biex jappoġġjawhom.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li, meta jkun possibbli u bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, tintuża l-opzjoni tal-ispejjeż simplifikati. Regoli simplifikati u inqas burokrazija fil-proċess ta’ implimentazzjoni se jikkontribwixxu għal distribuzzjoni aktar mgħaġġla tar-riżorsi finanzjarji.

1.13.

Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ kumitat ta’ monitoraġġ f’kull Stat Membru bl-għan ewlieni li jelimina r-riskji possibbli li jistgħu jinqalgħu fil-proċess ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jiżgura l-involviment formali tas-soċjetà ċivili fil-proċess. Il-kumitati għandhom jinkludu rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-istituzzjonijiet pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni tar-Riżerva.

1.14.

Il-KESE jipproponi li għandha tiġi pprovduta aktar ċarezza f’termini ta’ governanza billi jinħatar korp maniġerjali għar-Riżerva. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

1.15.

Il-KESE jitlob li jinħoloq qafas tal-prestazzjoni intermedja, ibbażat fuq indikaturi speċifiċi abbażi tal-prestazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u evalwati mill-Kummissjoni Ewropea kull sena. Huwa jqis li l-użu limitat tal-fondi disponibbli ser iżid b’mod proporzjonali l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv tal-Brexit.

1.16.

L-integrazzjoni tal-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija (4) fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fi ħdan il-ġestjoni tar-Riżerva, se tagħti l-possibbiltà lill-partijiet ikkonċernati u ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jaqdu rwol essenzjali bħala korpi intermedjarji.

1.17.

Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar l-evalwazzjoni tagħha tal-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tar-Riżerva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien tliet xhur mill-iskadenza preżunta.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ġie ffirmat wara erba’ snin ta’ negozjati u jipprevedi s-sħubija futura. Dan jikkonsisti minn tliet pilastri:

ftehim ta’ kummerċ ħieles;

sħubija ġdida għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna;

ftehim orizzontali dwar il-governanza.

2.2.

Għalkemm ir-regoli ewlenin tal-logħba ġew stabbiliti, iċ-ċittadini u n-negozji lkoll għandhom bżonn jadattaw għal din is-sitwazzjoni l-ġdida, u jeżaminaw fid-dettall ir-restrizzjonijiet u sfidi l-ġodda settur b’settur. It-telf ekonomiku u finanzjarju futur huwa diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat fi stadju daqshekk bikri, iżda bla dubju hija meħtieġa azzjoni mmirata u rapida biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv.

2.3.

Il-Brexit huwa tabilħaqq eżerċizzju kumpless u diffiċli ħafna. L-Istati Membri jaf ikollhom bżonn iżidu l-miżuri ta’ kontroll fuq il-baħar, fil-portijiet u fl-ajruporti sabiex iwettqu monitoraġġ u spezzjonijiet addizzjonali meta joħorġu ċ-ċertifikati u meta jawtorizzaw il-prodotti, u sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istabbiliment, mar-regoli dwar l-Istandards Sanitarji u Fitosanitarji, u mar-regoli dwar it-tikkettar u l-immarkar. Għandu mnejn ikun hemm bżonn ukoll li jikkunsidraw u jaġġornaw kampanji speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi li l-ħruġ se jkollu fuq iċ-ċittadini u n-negozji.

2.4.

Minħabba l-kontrolli doganali u regolatorji l-ġodda fis-seħħ li qed jikkawżaw dewmien u spejjeż addizzjonali, jista’ jkun hemm tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. L-istatus quo diġà qed jiġi affettwat mir-regoli l-ġodda fis-seħħ u mir-rekwiżiti l-ġodda ta’ konformità, speċjalment din is-sena, meta huma mistennija l-biċċa l-kbira tal-konsegwenzi negattivi. Taxxi addizzjonali li japplikaw bħalissa, bħall-VAT, jistgħu jfixklu r-relazzjonijiet ekonomiċi u s-sħubijiet kummerċjali. Sabiex l-impatt negattiv tal-Brexit fuq l-ekonomija tal-UE jitnaqqas kemm jista’ jkun, se jkun meħtieġ l-involviment attiv mill-partijiet interessati kollha: l-UE, l-Istati Membri, l-impjegaturi, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.

2.5.

Barra minn hekk, għadu mhux ċar kif se jseħħ ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, kif se jiġi żgurat il-fluss tad-data, jew liema regoli se japplikaw għas-settur tas-servizzi. Hemm bżonn urġenti ta’ aktar negozjati bil-għan li jinkisbu soluzzjonijiet vijabbli li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.

2.6.

Min-naħa l-oħra, irridu nidraw il-fatt li qed nittrattaw żewġ swieq differenti u żewġ spazji regolatorji u ġuridiċi differenti. Din il-bidla tirrappreżenta ostaklu importanti għall-partijiet interessati kollha u se taffettwa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini u lin-negozji lkoll. Din is-sħubija l-ġdida tirrappreżenta sfida qawwija għall-interdipendenza ekonomika, soċjali u kummerċjali eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit. Diġà qed ikun hemm impatti negattivi fuq il-mobbiltà transkonfinali, u diġà hemm ostakli għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi. Dan jista’ jirriżulta f’telf ta’ impjiegi u f’negozji li jfallu, speċjalment SMEs.

2.7.

Il-Proposta għal Regolament tispeċifika n-nefqa pubblika eliġibbli eżatta, b’mod partikolari miżuri li jgħinu lin-negozji u lill-komunitajiet lokali; appoġġ għall-impjieg, inkluż taħriġ mill-ġdid u taħriġ; protezzjoni tal-impjiegi; tfassil ta’ sistemi għaċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni; komunikazzjoni għas-sensibilizzazzjoni; kif ukoll appoġġ għall-funzjonament tal-fruntiera.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE, l-ewwel nett, jilqa’ l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit iffirmat fl-aħħar stadju tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan jistabbilixxi r-relazzjonijiet futuri, u jipproteġi l-integrità tas-suq uniku u jipprovdi ċertezza tad-dritt u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Il-Ftehim itaffi l-biċċa l-kbira tal-ħsara ekonomika u soċjali ta’ xenarju ta’ “ebda ftehim” u jista’ jitqies bħala l-aħħar stadju fil-bidu tar-relazzjoni tagħna bejn l-UE u r-Renju Unit. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom juru aktar flessibbiltà u fehim fil-konfront tal-partijiet interessati tal-UE f’dan il-perjodu ta’ adattament. Madankollu, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali biex jipproteġu s-suq uniku, u l-istandards tax-xogħol, soċjali, ambjentali u alimentari tiegħu, biex jiġi evitat ir-riskju ta’ abbużi tas-saħħa fis-suq.

3.2.

Il-ftehim dwar tariffi żero fuq il-kummerċ fil-prodotti, sakemm dawn jikkonformaw mar-“regoli tal-oriġini”, u l-moviment ġeneralment liberu tal-kapital huma kisbiet sinifikanti. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li l-moviment tal-persuni (mit-30 ta’ Ġunju 2021 ’il quddiem) u tas-servizzi għad ma ntlaħaqx qbil dwarhom. Barra minn hekk, il-Brexit qed iseħħ flimkien mal-kriżi tal-COVID-19, li diġà ġġenerat żieda fil-qgħad u tnaqqis fid-dħul. Il-KESE huwa mħasseb ħafna wkoll li l-inugwaljanzi soċjali li qed jiżdiedu ħarġu aktar fid-dieher fl-UE u jtenni “li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) jeħtieġ li tiġi prijoritizzata fil-politika ta’ koeżjoni” (5).

3.3.

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għażlet l-istrument adatt, u l-implimentazzjoni saret skont ġestjoni kondiviża. Ir-Regolament se jiżgura applikazzjoni ċara u standardizzata tar-regoli fl-Istati Membri, kif ukoll obbligi ta’ rappurtar u skadenzi komuni sabiex jiġu ppreservati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-Istati Membri.

3.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit fi ħdan l-istrumenti speċjali barra mil-limiti massimi tal-baġit tal-UE tal-QFP, li hija mfassla biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi fl-Istati Membri kollha, tappoġġja n-negozji u l-impjieg fl-iżjed setturi milqutin u tgħin lill-komunitajiet reġjonali u lokali. Sfidi komuni bħall-Brexit jirrikjedu rispons ikkoordinat u l-KESE jqis li l-koeżjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri huma valuri fundamentali tal-UE.

3.5.

Ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit hija mistennija li tikkomplementa fondi eżistenti addizzjonali disponibbli taħt in-NextGenerationEU (6) u l-QFP. Din tikkostitwixxi strument ġdid għalkollox li għandu jipprovdi appoġġ biex jittaffew l-effetti negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tipproteġi l-impjieg. Il-KESE diġà ppropona li “l-Kummissjoni tikkunsidra li toħloq strument tal-UE li jista’ jindirizza sitwazzjonijiet politiċi u kriżijiet bħal dawn fil-futur” (7).

3.6.

It-trade unions, u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tas-soċjetà ċivili għandhom rwol essenzjali fil-bini ta’ sħubija ekonomika u soċjali b’saħħitha mar-Renju Unit.

3.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri kollha huma eliġibbli u li 80 % tal-allokazzjoni ta’ prefinanzjament ser titħallas diġà fl-2021. Din hija evidenza ċara tas-solidarjetà Ewropea u ta’ approċċ koordinat biex jindirizzaw l-impatt fuq terminu qasir tal-Brexit.

3.8.

Il-metodu ta’ allokazzjoni propost iqis l-importanza tal-kummerċ mar-Renju Unit kif ukoll l-importanza tas-settur tas-sajd, iżda l-KESE jqis li ż-żewġ kwistjonijiet kellhom jitqiesu separatament. Bażikament, il-formula ta’ allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni timplika li l-fattur marbut mas-sajd għandu jirrappreżenta EUR 600 miljun. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li s-settur għandu jkollu riżerva kompletament separata li tappoġġja s-sajd biss. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lil setturi oħra, bħat-turiżmu u l-agrikoltura, pereżempju.

3.9.

Huwa wkoll ċar ħafna li din ir-Riżerva hija Fond ta’ aġġustament li għandu l-għan li jikkumpensa għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-Brexit. Il-KESE jqis li r-Riżerva ta’ EUR 5,4 biljun mhijiex biżżejjed biex ittaffi l-effetti negattivi tal-Brexit. Għalhekk, il-KESE jqis li għandhom jiġu previsti immedjatament fondi addizzjonali, jew permezz ta’ baġit addizzjonali allokat għar-Riżerva, jew permezz ta’ fondi mfassla separatament. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi (il-Parlament u l-Kunsill) biex iżidu l-limitu massimu propost.

3.10.

Il-KESE jemmen li ċerti setturi huma affettwati aktar minn oħrajn. Fost oħrajn, is-setturi tal-agrikoltura u tat-turiżmu għandhom ikunu fuq quddiem nett tar-Riżerva u jibbenefikaw mill-fondi disponibbli. Is-settur tat-turiżmu ġarrab effetti drammatiċi minħabba l-kriżi tal-COVID-19 u l-Brexit se jżid aktar ostakli. Il-bdiewa huma affettwati wkoll b’mod ħażin ħafna f’pajjiżi bħall-Irlanda u n-Netherlands, pereżempju.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Ċerti Stati Membri diġà taw bidu għal miżuri nazzjonali kontra l-effetti negattivi tal-Brexit fuq l-ekonomiji tagħhom u fuq il-proċeduri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Għalhekk, l-applikazzjoni retroattiva tar-Riżerva li tmur lura sa Lulju 2020 titqies bħala mezz importanti biex jingħata appoġġ.

4.2.

Peress li aktar minn 4 miljun ċittadin tal-UE ngħataw status ta’ residenza ġdid fir-Renju Unit (8), id-drittijiet tal-ħaddiema jinħtieġ jiġu protetti immedjatament u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki jrid jiġi nnegozjat aktar. L-Istati Membri għandhom immedjatament jibdew jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni biex jissensibilizzaw iċ-ċittadini dwar ir-regoli l-ġodda fis-seħħ, kif ukoll dwar l-isforz li l-UE qed tagħmel biex testendi l-Ftehim. Sabiex azzjoni bħal din tirnexxi sew, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti bis-sħiħ.

4.3.

Jenħtieġ li jitfasslu skemi ta’ appoġġ speċifiċi biex jiġi żgurat appoġġ adatt għar-reġjuni u s-setturi affettwati mill-Brexit. L-Istati Membri kollha għandhom jaġixxu b’mod responsabbli u jidderieġu l-fondi disponibbli lejn ir-reġjuni, il-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini li l-aktar għandhom bżonnhom, u mhux lejn dawk li huma l-aktar faċli jiġu ffinanzjati. Inkella, jistgħu jinħolqu dubji dwar is-solidarjetà fit-tfassil ta’ riżerva bħal din, u ma jkunx hemm ċertezza li tirnexxi.

4.4.

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà jista’ jiġi estiż b’sentejn oħra, sempliċement biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jużaw is-sehem tagħhom mir-Riżerva u jassorbu l-iskossi kkawżati mill-ħruġ tar-Renju Unit. Il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha biex iqisu sew li joffru investimenti infrastrutturali u appoġġ għaċ-ċittadini tal-UE li qed jirritornaw lejn pajjiżhom wara l-Brexit.

4.5.

Il-KESE jqis ukoll li parti mir-Riżerva kellha tiġi allokata għal skopijiet ta’ assistenza teknika, f’każ li tinħoloq sistema ġdida ta’ ġestjoni. L-użu tal-assistenza teknika għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-ilmenti, u l-kontroll u l-awditjar se jgħin biex l-istrument jirnexxi, biex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju u biex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji allokati jintefqu b’mod effiċjenti.

4.6.

Ċerti amministrazzjonijiet pubbliċi, speċjalment dawk li jirrappreżentaw il-punti ewlenin ta’ dħul u ħruġ għar-relazzjoni kummerċjali mar-Renju Unit, diġà għamlu investimenti sinifikanti fl-infrastruttura u r-riżorsi umani, inkluż it-taħriġ. Dan huwa minnu wkoll fil-każ tal-Istati Membri li għandhom relazzjoni partikolari mar-Renju Unit fis-settur tat-turiżmu. Madankollu, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-akbar parti tar-Riżerva għandha tiġi allokata biex tappoġġja l-impjieg u l-atturi ekonomiċi.

4.7.

Il-Proposta tal-Kummissjoni tinkludi miżura mfassla speċifikament biex tnaqqas il-perjodu ta’ superviżjoni għall-SMEs minn ħames snin għal tliet snin, mill-pagament finali tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-KESE jistenna li l-SMEs se jkunu dawk l-aktar affettwati, u jemmen li parti sinifikanti mir-Riżerva għandha tkun immirata biex jingħataw appoġġ ekonomiku u finanzjarju, bl-għan aħħari li jiġi ppreservat l-impjieg u li n-negozji jibqgħu attivi.

4.8.

L-SMEs huma affettwati b’mod partikolari mill-proċeduri doganali li għadhom kif ġew introdotti, il-piżijiet regolatorji u ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport. Dan iżid mal-piż żejjed ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, li jfisser li kumpaniji fl-Istati Membri qed ikollhom jadattaw għal-lockdowns tal-gvern. Peress li l-SMEs fil-biċċa l-kbira m’għandhomx il-kapaċità amministrattiva u legali biex jimplimentaw pjan ta’ kontinġenza sħiħ, il-KESE qed jitlob miżuri mfassla apposta biex jappoġġjaw lill-SMEs li huma l-aktar affettwati, bl-użu tal-fondi disponibbli fir-Riżerva. L-Istati Membri huma mħeġġin jappoġġjaw l-isforzi tal-SMEs biex jagħmlu użu mill-għajnuna mill-Istat, fil-limiti previsti għal din il-għan.

4.9.

Il-KESE jqis li, għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, ir-Riżerva tista’ tiġi ġestita bl-użu tas-sistemi ta’ ġestjoni eżistenti. Meta jkun possibbli u bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, għandha tintuża l-opzjoni ta’ spejjeż simplifikati. Il-promozzjoni ta’ regoli simplifikati u inqas burokrazija fil-proċess ta’ implimentazzjoni u l-evitar ta’ piżijiet finanzjarji u amministrattivi addizzjonali se jikkontribwixxu għal infiq aktar mgħaġġel tar-riżorsi finanzjarji u għal riżultati aħjar biex jittaffa l-impatt negattiv tal-Brexit.

4.10.

Peress li r-Riżerva hija strument kompletament ġdid u huwa kważi impossibbli li jiġi evalwat l-impatt negattiv effettiv li se jkollu l-Brexit, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf kumitat ta’ monitoraġġ f’kull Stat Membru. Dawn il-kumitati għandhom jinkludu rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-istituzzjonijiet pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni tar-Riżerva. Il-kumitati għandhom jorganizzaw laqgħat mill-inqas darbtejn fis-sena biex jevalwaw kif ir-Riżerva qed tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt negattiv tal-Brexit. L-għan ewlieni tal-kumitati jkun li jeliminaw riskji potenzjali li jistgħu jinqalgħu fil-proċess ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jiżguraw li s-soċjetà ċivili tkun involuta b’mod formali fil-proċess. Is-soċjetà (mhux organizzata) usa’ għandha tkun infurmata dwar il-progress tal-pjan ta’ implimentazzjoni, u r-rapport finali għandu jkun fih is-sommarju tal-attività ta’ komunikazzjoni. Il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE għandha tiġi żgurata sabiex jiġu protetti l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku, u l-KESE għandu jkun involut b’mod attiv flimkien mal-Parlament Ewropew.

4.11.

Il-KESE jipproponi li għandha tiġi pprovduta aktar ċarezza f’termini ta’ governanza tar-Riżerva. B’mod partikolari, huwa importanti li jinħatar korp maniġerjali għar-Riżerva u jiġi speċifikat jekk hux se jkun hemm aktar minn korp wieħed.

4.12.

Huwa meħtieġ qafas tal-prestazzjoni intermedja, ibbażat fuq indikaturi speċifiċi abbażi tal-prestazzjoni, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u evalwati mill-Kummissjoni Ewropea kull sena. Dan jipprovdi għal monitoraġġ u evalwazzjoni mill-qrib tal-implimentazzjoni u l-proċess tal-infiq, filwaqt li jidentifika liema Stati Membri mhux qed jużaw ir-riżorsi finanzjarji jew qed jagħmlu progress limitat. L-użu limitat tal-fondi se jżid b’mod proporzjonali l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv tal-Brexit.

4.13.

Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta b’mod formali fil-proċess ta’ implimentazzjoni. L-integrazzjoni tal-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar is-sħubija tal-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fi ħdan il-ġestjoni tar-Riżerva se tagħti se tagħti l-possibbiltà “lill-partijiet ikkonċernati u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili s-setgħa li jkollhom rwol vitali bħala korpi intermedjarji, li jġibu l-proġetti eqreb tal-benefiċjarji finali tagħhom” (9). Il-proċess tal-għażla tal-imsieħba għandu jkun trasparenti u ċar, u għandha tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni rilevanti lill-organizzazzjonijiet magħżula.

4.14.

Il-Kummissjoni tipproponi li sat-30 ta’ Ġunju 2026 ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tar-Riżerva, u jkun hemm obbligu ta’ rappurtar fil-konfront tal-Parlament u l-Kunsill sena wara. Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni tista’ tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill fi żmien tliet xhur, speċifikament fit-30 ta’ Settembru 2026.

4.15.

Il-KESE jqis li l-Artikolu 5(1)(a) għandu jiġi modifikat kif ġej: “miżuri li jgħinu n-negozji, il-ħaddiema fit-tranżizzjoni għal ħiliet ġodda u impjiegi ġodda, u l-komunitajiet lokali milquta ħażin mill-ħruġ”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1)(d) għandu jiġi modifikat kif ġej: “miżuri li jappoġġjaw il-protezzjoni tal-impjiegi u l-impjieg, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi milquta”. L-indikatur 15.4 mill-Anness II għandu jiġi mmodifikat skont dan.

Brussell, l-24 ta’ Frar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14).

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (COM(2020) 854 final – 2020/0380 (COD)).

(3)  Baġit fit-tul tal-UE 2021-2027 u l-pakkett għall-irkupru.

(4)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1).

(5)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90).

(6)  NextGenerationEU.

(7)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Modifika tal-Fond ta’ Solidarjetà – Brexit mingħajr ftehim” (ĠU C 14, 15.1.2020, p. 84).

(8)  Kummissjoni Ewropea – Drittijiet taċ-ċittadini.

(9)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni” (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90).