16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027”

[COM(2020) 758 final]

(2021/C 286/23)

Relatur:

Paul SOETE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.1.2021

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottat fis-sezzjoni

16.4.2021

Adottat fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/1/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni (minn hawn’ il quddiem il-“Pjan ta’ Azzjoni”) huwa parti minn rispons komprensiv għall-isfidi marbuta mal-migrazzjoni, kif ippreżentat fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

1.2.

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa usa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu minn dak preċedenti: għall-kuntrarju tal-predeċessur tiegħu tal-2016, il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid ikopri mhux biss il-migranti, iżda wkoll liċ-ċittadini tal-UE “minn kuntest ta’ migrazzjoni”. Għalkemm l-integrazzjoni hija importanti għal din il-kategorija ta’ ċittadini wkoll, u għaċ-ċittadini u r-residenti kollha, dan jista’ jirriżulta wkoll f’azzjonijiet anqas immirati, peress li l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni huma differenti minn dawk tal-migranti tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni.

1.3.

L-għodod ta’ integrazzjoni u inklużjoni huma prinċipalment f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija komplementari u mfassla biex tippromovi, tiffaċilita u tikkoordina l-kollaborazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, fil-Pjan ta’ Azzjoni ma hemm l-ebda objettiv globali jew speċifiku għall-Istati Membri, iżda rakkomandazzjonijiet biss. Minħabba s-sitwazzjoni attwali u l-impatt tal-pandemija, hemm riskju li dawn il-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni jitqiesu bħala li għandhom prijorità aktar baxxa.

1.4.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza l-oqsma ta’ politika kollha li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjoekonomika u politika ta’ migranti li jkunu għadhom kif waslu, u jagħti ħarsa ġenerali lejn il-lista ta’ inizjattivi Ewropej f’oqsma differenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Il-KESE jirrimarka li l-isfidi reali jinsabu fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-objettivi proposti mill-Pjan ta’ Azzjoni f’oqsma settorjali ewlenin. Madankollu, jixtieq jirrimarka wkoll li dawn huma eżempji ta’ azzjonijiet possibbli aktar milli miri li jistgħu jitkejlu. Għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom tidher li tiddependi minn proċess ta’ monitoraġġ li għad irid jiġi implimentat. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

1.6.

B’paragun mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016, hawnhekk qed tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-integrazzjoni b’mod ġenerali. L-aspetti tal-ġeneri għandhom jiġu enfasizzati wkoll fis-sezzjonijiet differenti dwar l-oqsma settorjali.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li l-valur tax-xogħol b’mod ġenerali għandu jkun fil-qofol tal-Pjan ta’ Azzjoni, peress li x-xogħol fil-forom differenti kollha tiegħu huwa aspett ewlieni tal-integrazzjoni u l-iżvilupp personali.

1.8.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti kollha ta’ finanzjament disponibbli f’kull qasam settorjali. Madankollu, dawn l-istrumenti jidhru li huma mfassla għal esperti dwar is-sussidji, u l-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, pereżempju billi toħloq strument ta’ integrazzjoni ddedikat. Il-KESE jibża’ wkoll li l-finanzjament għall-integrazzjoni gradwalment se jinżel ’l isfel fil-lista ta’ prijoritajiet.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali għall-integrazzjoni fl-istil ta’ ħajja lokali, kif ukoll ir-rwol speċifiku tal-unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi.

2.   Sfond

2.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 huwa parti minn rispons komprensiv għall-isfidi marbuta mal-migrazzjoni mressqa fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Huwa jibni fuq l-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2016 dwar l-Integrazzjoni u jaġġornahom, u huwa għal perjodu ta’ seba’ snin b’rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2024, f’konformità mal-QFP għall-istess perjodu.

2.2.

Il-ħtieġa ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġejja mid-differenzi impressjonanti bejn il-migranti u l-persuni nattivi fil-livelli tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-faqar, u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni. Biex insemmu ċifra waħda li turi din id-differenza, il-perċentwal ta’ migranti żgħażagħ (ta’ bejn it-18 u l-24 sena) li la huma f’impjieg u lanqas fl-edukazzjoni u t-taħriġ (NEETs) fl-UE huwa ta’ 21 % meta mqabbel ma’ 12,5 % għan-nattivi. Hemm ukoll differenza importanti bejn il-ġeneri, bil-perċentwal ta’ bniet migranti żgħar li jaqgħu f’din il-kategorija li huwa ta’ 25,9 % (1).

2.3.

Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet dawl fuq l-inugwaljanzi profondi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-migranti, b’riskji għas-soċjetà b’mod ġenerali. Dan wera wkoll li l-migranti huma aktar probabbli li jaħdmu f’impjiegi li jirrikjedu kuntatt interpersonali mill-qrib u għalhekk huma aktar esposti għall-COVID-19.

2.4.

L-integrazzjoni sħiħa tal-migranti fis-suq tax-xogħol tista’ tiġġenera gwadanji ekonomiċi kbar fil-benesseri nazzjonali, inkluż għal skemi tal-pensjoni u f’termini ta’ kontribuzzjonijiet fiskali. (2) Dan huwa eżitu li jgawdi minnu kulħadd peress li l-integrazzjoni sħiħa tibbenefika wkoll lill-migranti billi tagħtihom aċċess għas-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-pajjiż ospitanti.

2.5.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jirreferi għal sett ta’ prinċipji u valuri ewlenin ġenerali komuni għall-politiki kollha tal-UE dwar l-inklużjoni, inkluża referenza għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

2.6.

L-azzjonijiet speċifiċi ppreżentati fil-Pjan ta’ Azzjoni jikkonċernaw erba’ oqsma settorjali, jiġifieri l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-Impjiegi u l-Ħiliet, is-Saħħa, u l-Akkomodazzjoni. Għal kull waħda minn dawn ġew identifikati lakuni fl-integrazzjoni. Dawn l-azzjonijiet huma kkumplimentati minn azzjonijiet trasversali, inkluż il-bini ta’ sħubijiet b’saħħithom, iż-żieda tad-diversi opportunitajiet għall-finanzjament, it-trawwim ta’ rabtiet mas-soċjetà ospitanti, it-tisħiħ tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għodod diġitali, u l-monitoraġġ tal-progress fl-integrazzjoni.

2.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-enfasi tal-Pjan ta’ Azzjoni hija fuq il-proċess ta’ integrazzjoni bħala tali u mhux fuq id-dħul fl-UE. Minkejja dan, jixtieq jenfasizza li l-kwistjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja tibqa’ fattur importanti ta’ integrazzjoni legali u soċjali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

B’differenza mill-Pjan tal-2016, dak attwali jkopri mhux biss il-migranti, iżda wkoll liċ-ċittadini tal-UE “minn kuntest ta’ migrazzjoni”. Il-KESE jieħu nota tal-kamp ta’ applikazzjoni usa’, peress li l-aspetti tal-integrazzjoni huma importanti wkoll għal din it-tieni kategorija ta’ ċittadini u għaċ-ċittadini u r-residenti kollha; dan jippromovi l-istil ta’ ħajja Ewropew, fejn id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-inklużjoni huma marbuta wkoll mar-responsabbiltajiet.

3.2.

Minkejja dan, il-KESE jibża’ li l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jirriżulta wkoll f’azzjonijiet anqas immirati – u, għalhekk, anqas effettivi. Il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni huma differenti minn dawk tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni. Barra minn hekk, hemm il-periklu li l-inklużjoni tal-ħtiġijiet soċjali tal-migranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni fil-politiki dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tistigmatizzahom u tipperpetwa r-razziżmu.

3.3.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jagħti ħarsa ġenerali tajba lejn il-lista ta’ inizjattivi Ewropej f’oqsma differenti li għandhom impatt fuq il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Id-dokument jindirizza l-oqsma ta’ politika essenzjali kollha li huma meħtieġa għall-integrazzjoni soċjoekonomika u politika tal-migranti li jkunu għadhom kif waslu. Huwa jiddiskuti wkoll id-disponibbiltà tal-fondi u tas-sħubijiet mal-istituzzjonijiet u mal-organizzazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni.

3.4.

Il-KESE jissottolinja li, flimkien ma’ dawn il-politiki, il-ħidma tibqa’ motivatur ewlieni tal-integrazzjoni u bħala tali għandha tiġi ssalvagwardjata u promossa bħala element ċentrali fil-Pjan kollu.

3.5.

Il-KESE jissottolinja li l-isfidi reali jinsabu fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Pereżempju, anke meta l-kwalifiki preċedenti tal-migranti jiġu rikonoxxuti, l-impjegaturi jaħsbuha darbtejn qabel jimpjegawhom minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-livell tal-ħiliet tagħhom. Dan jidher li huwa l-każ għall-migranti mir-reġjun MENA, u mill-Asja Ċentrali u t’Isfel.

3.6.

L-impenn għat-tisħiħ tal-involviment fil-politiki tal-UE dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili, u l-migranti u l-organizzazzjonijiet tagħhom huwa aspett pożittiv tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid. Il-KESE jinnota li s-soċjetà ċivili għandha tinkludi wkoll il-unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi.

3.7.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jirrikonoxxi l-importanza tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-politiki dwar l-integrazzjoni u jippromovi l-kooperazzjoni bejniethom. Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li l-biċċa l-kbira tal-għodod ta’ integrazzjoni huma f’idejhom. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija komplementari u mfassla biex tippromovi, tiffaċilita u tikkoordina l-kollaborazzjoni, meta din tkun utli. B’konsegwenza ta’ dan, il-Pjan ta’ Azzjoni ma fih l-ebda objettiv ġenerali jew speċifiku għall-Istati Membri, iżda rakkomandazzjonijiet biss.

3.8.

Peress li t-test mhuwiex vinkolanti u l-Istati Membri huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-politiki tal-integrazzjoni fil-livell nazzjonali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal impenji ċari mill-Istati Membri tal-UE u l-istabbiliment ta’ fora adatti, inklużi laqgħat regolari, biex jikkoordinaw il-politiki u jevalwaw il-progress.

3.9.

Il-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod ċar dak li trid tikseb f’kull qasam. Il-KESE jappoġġja d-dijanjożi u l-kisbiet proposti, iżda jinnota n-nuqqas ta’ miri ċari ġenerali jew speċifiċi għall-azzjoni. L-effikaċja tal-implimentazzjoni tidher li tiddependi minn proċess ta’ monitoraġġ li għandu jiġi stabbilit.

3.10.

Fl-opinjoni SOC/649 (Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil) (3), il-KESE staqsa dwar l-iskala u l-appoġġ tal-miżuri ta’ integrazzjoni. L-għodod u l-inċentivi offruti lill-partijiet ikkonċernati differenti mill-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu ma jkunux biżżejjed biex itejbu l-integrazzjoni b’mod sensibbli, speċjalment minħabba n-natura fit-tul tal-miżuri f’dan il-qasam. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dan il-punt.

3.11.

Il-finanzjament huwa parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni. L-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti kollha ta’ finanzjament disponibbli għal kull qasam settorjali.

3.12.

Filwaqt li l-integrazzjoni hija msemmija fost il-prinċipji gwida li jinfurmaw il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Pjan ma jipprovdix gwida sodisfaċenti dwar kif il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom jiġu integrati fil-miżuri ta’ koeżjoni soċjali ġenerali.

3.13.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għad-dimensjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneru fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid. Fl-istess ħin, huwa jenfasizza li l-isfidi tal-integrazzjoni relatati mal-ġeneri jistħoqqilhom aktar attenzjoni u azzjoni aktar speċifika f’kull wieħed mill-oqsma settorjali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   L-edukazzjoni u t-taħriġ

4.1.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddikjara b’mod korrett li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-pedament ta’ parteċipazzjoni b’suċċess fis-soċjetà. L-iskejjel u faċilitajiet edukattivi oħra jipprovdu ambjent importanti għall-bini ta’ soċjetà inklużiva u għall-ġlieda kontra s-segregazzjoni. Barra minn hekk, il-kisba ta’ edukazzjoni ċivika dwar id-demokrazija u ċ-ċittadinanza tistabbilixxi l-bażi għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà filwaqt li tipprevjeni wkoll li ż-żgħażagħ jinġibdu lejn ideoloġiji estremisti. Dan huwa qasam fejn għandha titħeġġeġ parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà ċivili peress li hija tippromovi l-fiduċja, il-koeżjoni soċjali u s-sens ta’ appartenenza.

4.1.2.

Rigward l-azzjonijiet speċifiċi għat-titjib tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni għandu jiġi speċifikat aktar, peress li l-Pjan ta’ Azzjoni fih biss referenzi ġenerali għal attivitajiet ta’ appoġġ immirati. L-aktar azzjoni speċifika msemmija hija s-sett ta’ għodod bi gwida prattika dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal li se tiġi ppubblikata fil-bidu tal-2021.

4.1.3.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fil-pajjiżi terzi. Huwa jressaq diversi strumenti biex ittejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki: in-networks ENIC-NARIC, il-Programm Erasmus, il-Qafas tal-Kwalifiki tal-UE, u l-portal tal-Europass. Minbarra t-tisħiħ tal-istrumenti eżistenti, huwa importanti wkoll li jiġu identifikati l-ostakli eżistenti għar-rikonoxximent, inkluż in-nuqqas ta’ fiduċja u ostakli soċjali oħra.

4.1.4.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi u tipproponi li jkomplu jiġu żviluppati programmi komprensivi u aċċessibbli għat-tagħlim tal-lingwi. Il-KESE jemmen li t-tagħlim tal-lingwi għandu jkun fil-qalba tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-impjieg, jiġifieri mill-ewwel stadji tal-proċess ta’ integrazzjoni. It-tagħlim tal-lingwa tal-komunità riċevitur jiżgura aċċess għal livelli xierqa ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’impatti estensivi fuq l-integrazzjoni. Għalhekk, il-programmi tat-tagħlim tal-lingwi għandhom jiġu infurmati wkoll minn approċċ olistiku (4).

4.1.5.

Abbażi tal-objettiv li jmiss tal-Garanzija għat-Tfal, huwa importanti li jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jappoġġjaw aċċess akbar għall-edukazzjoni għat-tfal migranti billi jiżguraw li l-proċeduri tal-immigrazzjoni ma jinterferixxux mal-iskola jew mad-drittijiet tat-tfal b’mod aktar wiesa’. L-edukazzjoni għandha tivvaluta, tissodisfa u takkomoda b’mod raġonevoli l-ħtiġijiet individwali ta’ tfal migranti b’diżabilità, jew bżonnijiet oħra, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-personalità, it-talenti u l-kreattività tagħhom, kif ukoll tal-kapaċitajiet mentali u fiżiċi tagħhom, sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom.

4.1.6.

L-azzjonijiet kollha f’dawn l-oqsma għandhom jimmiraw li jiksbu sistemi edukattivi inklużivi fil-livelli kollha u apprendiment tul il-ħajja.

4.1.7.

Il-Pjan jenfasizza l-importanza li jinkiseb fehim tal-liġijiet, il-kultura u l-valuri tas-soċjetà riċevitur kemm jista’ jkun malajr permezz ta’ korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika. Il-Kummissjoni tipproponi skambji ta’ prattika tajba bejn l-Istati Membri f’dawn l-oqsma. L-informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet għandha tingħata b’mod li tkun tinftiehem u aċċessibbli għal kulħadd.

4.2.   Impjiegi u ħiliet

4.2.1.

F’dan il-qasam, id-dijanjożi tal-problemi u l-miri globali huma definiti sew, u juru l-importanza tal-kontribut tal-migranti għall-ekonomija, speċjalment fiż-żminijiet tal-COVID-19. Il-Pjan ta’ Azzjoni jisħaq ukoll fuq kif mhux biss il-ħaddiema migranti, iżda wkoll l-imprendituri migranti, se jkunu kruċjali għat-tkabbir matul u wara l-pandemija.

4.2.2.

Biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija, il-Pjan ta’ Azzjoni jħeġġeġ l-użu tal-għodod eżistenti tal-UE, inkluża s-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni, biex jaħdmu mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, mal-inizjattiva ta’ L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni, mal-inizjattiva InvestEU li tappoġġja l-intraprenditorija, man-Netwerk Ewropew għall-Integrazzjoni, man-Netwerk Ewropew tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, u mal-pjattaforma tal-Europass għall-kondiviżjoni u ż-żieda tal-prattiki ta’ valutazzjoni tal-ħiliet, l-Għodda għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi biex tiġi ffaċilitata l-validazzjoni tal-ħiliet, u l-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex jappoġġja lin-nies li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjon.

4.2.3.

Fost objettivi oħra, il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll li jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji u l-informazzjoni, iżda ma jipproponi l-ebda azzjoni speċifika biex dawn id-diffikultajiet jiġu solvuti. F’dan ir-rigward, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jrawwem l-għoti tas-setgħa lill-ħaddiema migranti billi jiżgura aċċess għal informazzjoni finanzjarja u legali, mekkaniżmi tal-ilmenti, u rappurtar sikur, f’formati li jinftiehmu u aċċessibbli.

4.2.4.

Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati sistemi jew testijiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet aktar effettivi u aktar rapidi, filwaqt li jitqiesu wkoll l-esperjenzi tal-passat f’dan ir-rigward.

4.2.5.

Madankollu, l-għodod tal-valutazzjoni tal-ħiliet mhumiex biżżejjed biex jiżguraw aċċess akbar għas-suq tax-xogħol, iżda hija meħtieġa azzjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ fiduċja u d-diskriminazzjoni. Huwa importanti li jiġu pprovduti appoġġ u linji gwida speċifiċi lill-aġenziji nazzjonali tal-impjiegi u lill-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-impjiegi biex jiġu żviluppati politiki kontra d-diskriminazzjoni u tiġi promossa l-parteċipazzjoni fil-livelli kollha. Huwa kruċjali wkoll li jiġu rrakkomandati politiki nazzjonali li jiżguraw aċċess akbar u mingħajr xkiel għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-setturi kollha tal-impjiegi billi jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-viża.

4.2.6.

Il-pjan ta’ Azzjoni għandu jkompli jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ aċċess akbar għal apprendistati, traineeships, taħriġ vokazzjonali u anke xogħol volontarju li jista’ jwassal għal impjieg full-time adegwat. Dan se jipprovdi lill-migranti u lir-residenti bi sfond ta’ migrazzjoni b’opportunità li jaħdmu, iżidu l-livell tal-ħiliet tagħhom u jkollhom dħul biex jappoġġjaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom. B’mod speċifiku, il-programmi li jippromovu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol (eż. il-Garanzija għaż-Żgħażagħ) għandu jkollhom dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

4.2.7.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jipprevedi wkoll azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa migranti u rifuġjati u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, inkluż billi jissaħħu l-miżuri kontra t-traffikar u permezz ta’ appoġġ għall-ħtiġijiet speċifiċi.

4.3.   Is-saħħa

4.3.1.

Huwa importanti li l-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 tat prominenza lill-eżistenza ta’ inugwaljanzi profondi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, u li dan joħloq riskji għas-soċjetà b’mod ġenerali.

4.3.2.

Fid-dawl tal-pandemija, il-KESE jqis li l-migranti kollha, inklużi l-migranti irregolari, għandu jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa bażika, u b’mod speċifiku l-ittestjar u t-tilqim, fl-Istati Membri kollha tal-UE.

4.3.3.

F’termini tal-azzjonijiet proposti, il-Kummissjoni tirreferi għall-possibbiltajiet ta’ finanzjament permezz tal-AMIF, il-FSE+, il-FEŻR u skont il-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jinkoraġġixxi l-użu tal-fondi tal-UE għall-forniment tas-servizzi tas-saħħa.

4.3.4.

Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-ostakli fis-servizzi tas-saħħa, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistemi tas-saħħa nazzjonali, il-valutazzjoni u l-issodisfar tal-ħtiġijiet individwali tas-saħħa tal-migranti b’diżabilità.

4.3.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni migranti bħala parti mill-proċess ta’ integrazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-pandemija li għadha għaddejja, anke billi jiġu żgurati servizzi tas-saħħa mentali kulturalment sensittivi.

4.3.6.

L-azzjonijiet li jiżguraw aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa għandhom ikopru wkoll il-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-Programm tas-Saħħa l-ġdid.

4.4.   Akkomodazzjoni

4.4.1.

Il-Kummissjoni se twaqqaf Inizjattiva ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli kif ġie mħabbar taħt il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u se tippromovi akkomodazzjoni mhux segregata, dinjituża, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli. Ser tingħata attenzjoni speċjali lil mudelli ta’ akkomodazzjoni awtonoma – għall-kuntrarju ta’ dik kollettiva – għall-applikanti għall-ażil.

4.4.2.

Fost l-objettivi elenkati f’dan il-qasam, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni u t-tnaqqis tas-segregazzjoni residenzjali għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin.

4.4.3.

Dan għandu jinvolvi wkoll enfasi akbar fuq l-espansjoni ta’ akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, inkluża akkomodazzjoni soċjali, permezz ta’ soluzzjonijiet integrati li jimmiraw lejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll ir-residenti kollha li jiffaċċjaw ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni (5).

4.4.4.

L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jużaw ukoll il-finanzjament tal-UE biex ifasslu u jinfurzaw mekkaniżmi għall-aċċess għall-ġustizzja f’każijiet ta’ abitazzjoni ta’ sfruttament.

4.5.   Sħubiji għal proċess ta’ integrazzjoni aktar effettiv

4.5.1.

Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ in-Network Ewropew għall-Integrazzjoni billi tipprovdi finanzjament immirat u bini tal-kapaċitajiet lill-Istati Membri.

4.5.2.

Attenzjoni speċjali hija mogħtija lill-appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-espansjoni tal-Akkademja Urbana dwar l-Integrazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu interkonfessjonali bejn il-komunitajiet, filwaqt li jingħata appoġġ lill-bliet fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fl-ambitu tal-inizjattiva Il-Ibliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni, imnedija fl-2019. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu interkonfessjonali għall-integrazzjoni.

4.5.3.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll il-Forum annwali Ewropew dwar il-Migrazzjoni organizzat f’kollaborazzjoni mal-KESE, u b’mod partikolari mal-grupp ta’ studju tematiku tal-IMI tiegħu, bħala mezz ta’ appoġġ għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora.

4.5.4.

Fl-aħħar nett, il-Pjan iħabbar appoġġ għall-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet permezz ta’ djalogu strutturali dwar l-integrazzjoni tal-migrazzjoni u l-esplorazzjoni ta’ għodod possibbli għall-kooperazzjoni, mingħajr ma jagħti dettalji dwar x’jista’ jkun dak l-appoġġ.

4.6.   Żieda fl-opportunitajiet għall-finanzjament tal-UE

4.6.1.

L-aspetti tal-finanzjament huma simili għall-azzjonijiet kollha proposti fil-Pjan, u huma marbuta mal-QFP 2021-2027. Tiżdied ħarsa ġenerali lejn il-fondi ewlenin tal-UE li appoġġjaw l-integrazzjoni u l-inklużjoni fil-perjodu 2014-2020, iżda ma tingħata l-ebda ċifra għall-futur. Hawnhekk il-KESE jagħraf li huwa neċessarju li wieħed jistenna li l-fażi ta’ programmazzjoni titlesta biex ikun jaf kemm l-Istati Membri se jallokaw taħt kull fond għal kwistjonijiet ta’ integrazzjoni.

4.6.2.

Il-lista ta’ fondi li jistgħu jintużaw għall-integrazzjoni u l-inklużjoni jew li huma rilevanti għall-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-migranti hija impressjonanti, inklużi l-AMIF, il-FSE+ u l-FEŻR. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu ċċarati s-sinerġiji ma’ fondi oħra, eż. ma’ Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-FAEŻR, u InvestEU. Ladarba jiġi adottat, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku se jkun jista’ wkoll jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri għall-iżvilupp jew it-titjib tal-politiki ta’ integrazzjoni u inklużjoni. Fl-aħħar nett, il-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jista’ wkoll ikollu rwol fil-finanzjament ta’ azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn iċ-ċittadini tal-UE minn kuntest ta’ migrazzjoni. Ġie deċiż li jkun hemm portafoll kbir ta’ fondi possibbli, iżda soluzzjoni aħjar setgħet kienet li jintgħażlu fondi speċifiċi għal kwistjonijiet ta’ integrazzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, pereżempju billi toħloq strument dedikat għall-integrazzjoni tal-migranti.

4.6.3.

Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal hija importanti wkoll f’dan il-qafas, peress li l-aktar tfal żvantaġġati jinkludu wkoll tfal minn kuntest ta’ migrazzjoni.

4.6.4.

Il-kumplessità tal-finanzjament tal-UE tagħmilha neċessarja li jiġi aġġornat is-sett ta’ għodod żviluppat fl-2018 għall-użu tal-fondi għall-integrazzjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

4.6.5.

Aspett interessanti ieħor tal-politika ta’ finanzjament huwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa sħubijiet pubbliċi-privati ma’ fondazzjonijiet u donaturi privati.

4.7.   It-trawwim tal-parteċipazzjoni u l-laqgħat mas-soċjetà ospitanti

4.7.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li l-grupp ta’ esperti li għadu kif inħoloq dwar il-fehmiet tal-migranti, magħmul minn migranti u organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, jiġi involut fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki futuri dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni. Dan jista’ jikkontribwixxi biex itejjeb il-parteċipazzjoni tal-migranti u ċ-ċittadini tal-UE minn kuntest ta’ migrazzjoni fil-proċess konsultattiv u jiżgura wkoll li l-politiki jirriflettu l-ħtiġijiet reali. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li jinħolqu opportunitajiet għal skambji bidirezzjonali bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u komunitajiet riċeventi li jibdew mill-istadji bikrin tal-akkoljenza u l-integrazzjoni.

4.7.2.

L-objettiv tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jippromovi d-djalogu u jqajjem kuxjenza fost l-Ewropej kollha dwar ir-realtajiet tal-integrazzjoni u tal-migrazzjoni. Iżda hemm il-periklu li dan l-objettiv ikun vag wisq, minkejja l-isforzi ċari li saru biex titqajjem kuxjenza dwar il-fatti u ċ-ċifri. Il-bidla fin-narrattiva dwar il-migrazzjoni fil-pubbliku hija assolutament meħtieġa, u l-KESE jistaqsi x’se jsir biex dan jinkiseb.

4.7.3.

Il-KESE jappoġġja inizjattivi bħal festivals tal-futbol li jimmiraw lejn migranti żgħażagħ fil-bliet ospitanti tal-kampjonati tal-UE, li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq narrattivi pożittivi għall-migrazzjoni. Madankollu, miżuri ad hoc oħra ta’ dan it-tip, bħall-premjijiet ta’ integrazzjoni għal skejjel jew komunitajiet/organizzazzjonijiet lokali, jistgħu jsaħħu d-differenzi perċepiti, u jistigmatizzaw ċerti gruppi.

4.8.   It-titjib fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għodod diġitali

4.8.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni ġustament jirrikonoxxi r-riskju reali ta’ distakk diġitali bejn il-migranti u l-persuni nattivi għal raġunijiet differenti: 8,1 % tal-persuni mwielda barra mill-Ewropa ma għandhomx il-flus biex jixtru kompjuter, meta mqabbel ma’ 3,1 % tal-persuni nattivi, u l-ġenituri minn familji migranti jista’ jkollhom aktar diffikultajiet biex jappoġġjaw lit-tfal tagħhom fl-apprendiment online.

4.8.2.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jirrakkomanda li jiżdied il-litteriżmu diġitali tal-popolazzjoni tal-migranti, iżda ma fihx proposti speċifiċi, jew miri dwar kif dan għandu jinkiseb fil-prattika.

4.8.3.

Idea interessanti hija l-involviment tal-migranti fil-ħolqien u t-twassil ta’ servizzi pubbliċi diġitali. Il-KESE jassumi li dan diġà nkiseb fir-rigward tal-attivitajiet amministrattivi tal-UE.

4.9.   Il-monitoraġġ tal-progress: lejn politika ta’ integrazzjoni u inklużjoni bbażata fuq l-evidenza

4.9.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-objettiv li jinkiseb dibattitu dwar il-migrazzjoni bbażat aktar fuq l-evidenza. Jekk għodod aħjar ta’ data u preżentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal dan l-objettiv, dawn iridu jinġabru, jiġu żviluppati u mxerrda. L-indikaturi tal-UE dwar l-integrazzjoni ilhom jeżistu sa mill-2010, iżda minkejja sforzi estensivi għad hemm nuqqasijiet fl-għarfien. F’dan ir-rigward, għodod utli jistgħu jkunu barometru ġdid u tabella ta’ valutazzjoni konġunta biex jappoġġjaw it-tqabbil bejn il-pajjiżi u matul iż-żmien.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  KE, Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027, p. 5.

(2)  Ibid., p. 2.

(3)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.

(4)  Fir-rigward tal-livelli ta’ lingwa fil-mira għall-integrazzjoni, ara wkoll SOC/641 dwar L-integrazzjoni tan-nisa, tal-ommijiet u tal-familji li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, u l-livelli tal-lingwi fil-mira għall-integrazzjoni (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ġermaniża) (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 1).

(5)  Għal ħarsa ġenerali lejn soluzzjonijiet għall-akkomodazzjoni innovattivi u inklużivi, ara l-Osservatorju tal-Akkomodazzjoni tal-Ewropa, 2018. Akkomodazzjoni u Migrazzjoni. Tagħrif dwar ir-Riċerka. Brussell: Osservatorju tal-Akkomodazzjoni tal-Ewropa.