9.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta’ Novembru 2021

dwar proposta għal regolament biex jiġu estiżi r-rekwiżiti ta’ traċċabilità għat-trasferimenti ta’ kriptoassi

(CON/2021/37)

(2022/C 68/02)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-14 u l-20 ta’ Ottubru 2021 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi (riformulazzjoni) (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti bażiċi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) biex timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni u biex tippromwovi t-tħaddim bla xkiel ta’ sistemi ta’ pagament skont l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat; il-kontribut tas-SEBĊ għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-istatus tal-karti tal-flus tal-euro bħala valuta legali skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu estiżi r-rekwiżiti ta’ traċċabilità għall-kriptoassi permezz tar-regolament propost, li jifforma parti mill-pakkett Kontra l-Ħasil tal-Flus/il-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT) (2) adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Lulju 2020.

Peress li t-trasferimenti tal-kriptoassi huma soġġetti għal riskji simili ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu bħat-trasferimenti elettroniċi ta’ fondi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess livell ta’ rekwiżiti ta’ AML/CFT bħal entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu. Il-BĊE għalhekk jilqa’ r-regolament propost bħala mezz biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti għall-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi.

Il-BĊE jilqa’ l-allinjament propost tal-qafas legali tal-UE mar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni 16 (3), peress li jkompli jtaffi r-riskji tal-AML/CFT assoċjati mat-trasferimenti ta’ kriptoassi, biex b’hekk jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti bejn it-trasferimenti f’muniti uffiċjali u t-trasferimenti fi kriptoassi biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-kriptoassi għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Filwaqt li jenħtieġ li jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti f’termini tal-intensità tar-rekwiżiti tal-AML/CFT applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi, jenħtieġ li r-rekwiżiti speċifiċi jkopru r-riskji assoċjati mal-karatteristiċi teknoloġiċi tal-kriptoassi u tat-trasferimenti tal-kriptoassi. Pereżempju, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw it-traċċabbiltà tat-trasferimenti tal-kriptoassi jenħtieġ li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tat-teknoloġiji sottostanti għal dawn it-trasferimenti.

Għall-finijiet ta’ mitigazzjoni effettiva tar-riskji AML/CFT, ir-regolament propost jenħtieġ li jiġi ċċarat biex jiġi evitat kwalunkwe dubju li t-tranżazzjonijiet bejn kartieri ospitati u mhux ospitati huma koperti, bl-effett li eżattament l-istess informazzjoni bħal dik għal trasferimenti ta’ kriptoassi oħra trid tinġabar u tinħażen. Barra minn hekk, l-iżviluppi tas-suq u l-attivitajiet ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu l-kriptoassi mingħajr l-użu ta’ fornituri tas-servizzi jew fi skambji deċentralizzati bejn il-pari jenħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib ukoll mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, u jenħtieġ li jiġu proposti miżuri leġiżlattivi ulterjuri, fejn xieraq, jekk jiġu osservati żieda sinifikanti fil-volumi tat-tranżazzjonijiet u żieda fl-użu ta’ tali assi għal attivitajiet illeċiti f’dan is-segment.

Fl-aħħar nett, minħabba l-pass mgħaġġel tal-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-kriptoassi, huwa importanti li l-implimentazzjoni tal-qafas tiġi mmonitorjata mill-qrib f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u, fejn xieraq, mas-settur privat.

1.   Definizzjoni ta’ kriptoassi u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost

1.1

Ir-Regolament propost se juża d-definizzjoni ta’ “kriptoassi” stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (4) (minn hawn’ il quddiem ir-“regolament MiCA propost”). Kif diġà ġie nnotat mill-BĊE (5), ir-regolament MiCA propost fih definizzjoni tal-kriptoassi wiesgħa u speċifika għat-teknoloġija. Il-BĊE jifhem li din hija maħsuba biex tkun definizzjoni wiesgħa u komprensiva, u li konsegwentement ir-regolament propost għandu l-għan li jestendi r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-kriptoassi kollha, irrispettivament mit-teknoloġija sottostanti (teknoloġija tar-reġistru distribwit jew teknoloġija oħra) użata għall-ħruġ tagħhom.

1.2

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost, il-BĊE jifhem li, bħal dak tar-regolament MiCA propost, dan mhux maħsub biex ikopri l-kriptoassi maħruġa minn banek ċentrali meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ awtorità monetarja. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost jiġi allinjat bis-sħiħ ma’ dak tar-regolament MiCA propost, il-BĊE jipproponi li dan jiġi indikat b’mod espliċitu fil-premessi u d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost.

2.   Referenza għall-muniti uffiċjali

Ir-regolament propost fih referenzi għat-terminu “muniti ta’ kors legali” (6). Skont it-Trattati u l-liġi monetarja tal-Unjoni, l-euro hija l-munita unika taż-żona tal-euro, jiġifieri, ta’ dawk l-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom. Fir-rigward tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom, it-Trattati jirreferu b’mod konsistenti għall-muniti ta’ dawk l-Istati Membri. It-Trattati mkien ma jirreferu għall-euro jew għall-muniti tal-Istati Membri bħala muniti “ta’ kors legali”. F’dan l-isfond, mhuwiex xieraq li ssir referenza f’test legali tal-Unjoni għal “muniti ta’ kors legali”. Minflok, ir-regolament propost għandu jirreferi għal “muniti uffiċjali” (7).

3.   Data tal-applikazzjoni tar-regolament propost

L-allinjament tad-data tal-applikazzjoni tar-regolament propost ma’ dik tar-regolament MiCA propost jkun ta’ għajnuna minn perspettiva ta’ stabbiltà sistemika u finanzjarja sabiex jiġi żgurat li r-regolament propost japplika għat-trasferimenti ta’ kriptoassi mill-aktar fis possibbli, minflok ma nistennew id-dħul fis-seħħ tal-bqija tal-pakkett tal-AML. Kif innotat mill-Kummissjoni, sa issa, it-trasferimenti ta’ assi virtwali baqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, li jesponi lid-detenturi ta’ kriptoassi għal riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, peress li l-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jsiru permezz ta’ trasferimenti ta’ kriptoassi u jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju (8). Għadd ta’ Stati Membri diġà lleġiżlaw dwar dan il-punt (9).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta’ Novembru 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 422 final.

(2)  Il-pakkett jinkludi wkoll: (a) proposta għal regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus (ML) jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu (TF) (C(2021) 420 final); (b) proposta għal direttiva dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (C(2021) 423 final); u (c) proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010(C(2021) 421 final).

(3)  Ara r-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF. Jinsabu fuq is-sit web tal-FATF fuq https://www.fatf-gafi.org

(4)  COM/2020/593 final.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 tal-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2021 dwar proposta għal regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU C 152, 29.4.2021, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex.

(6)  Ara l-premessi 8 u 27 tar-regolament propost.

(7)  Ara l-paragrafu 2.1.5 tal-Opinjoni CON/2021/4 u l-paragrafu 1.1.3 tal-Opinjoni CON/2016/49 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Ottubru 2016 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (ĠU C 459, 9.12.2016, p. 3).

(8)  Ara t-tmien paragrafu tal-ewwel punt tat-Taqsima 1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni għar-regolament propost.

(9)  Pereżempju, fl-1 ta’ Ottubru 2021, daħliet fis-seħħ ordinanza tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż dwar rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta msaħħa għat-trasferiment ta’ crypto-assets (Verordnung über verstärkte Sorgfaltspflichten bei dem Transfer von Kryptowerten vom 24. Settembru 2021 (BGBl. I S. 4465)). Skont l-Ordinanza, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi li jittrasferixxu kriptoassi f’isem min jieħu l-ordni jridu jittrażmettu simultanjament u b’mod sigur lill-fornitur tas-servizzi tal-kriptoassi li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju l-isem, l-indirizz u n-numru tal-kont (eż. ċavetta pubblika) ta’ min jagħti l-ordni, u l-isem u n-numru tal-kont (eż. ċavetta pubblika) tal-benefiċjarju. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju jrid jiżgura li jirċievi u jaħżen informazzjoni dwar l-oriġinatur u l-benefiċjarju. It-traċċabbiltà sħiħa tal-partijiet involuti fi trasferiment ta’ kriptoassi hija maħsuba bħala għodda fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll il-monitoraġġ tal-evażjoni tas-sanzjonijiet. L-Ordinanza tirrikjedi wkoll li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju jew l-oriġinatur ta’ trasferiment tinġabar meta t-trasferiment isir minn jew lejn kartiera elettronika li ma tkunx ġestita minn fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi, anki jekk ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ trasferiment tad-data.