24.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 400/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

(2020/C 400/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

1.

JIRRIKONOXXU li l-pandemija tal-COVID-19, u l-konsegwenzi tagħha soċjali, ekonomiċi u fuq is-saħħa, komplew jissottolinjaw il-ħtieġa, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni multilaterali globali b'saħħitha, għal kapaċitajiet globali b'saħħithom fil-qasam tas-saħħa u għal rispons globali għall-isfidi fil-qasam tas-saħħa. Abbażi tal-mandat tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) taqdi rwol ċentrali bħala l-awtorità li tmexxi u tikkoordina l-indirizzar tal-isfidi globali tas-saħħa, inkluż it-tħejjija u r-rispons għal tifqigħat, u l-prevenzjoni u d-detezzjoni tagħhom.

2.

JIRRIKONOXXU r-rwol moqdi mid-WHO bħala segretarjat taċ-ċentru ta' koordinazzjoni tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT).

3.

IKOMPLU JIRRIKONOXXU, li, filwaqt li d-WHO għandha mandat wiesa', l-aħħar pandemiji wrew li l-aspettattivi tal-komunità internazzjonali, filwaqt li jvarjaw skont il-kuntesti nazzjonali, ġeneralment jegħlbu l-kapaċitajiet attwali tad-WHO u l-abbiltà tagħha li tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' sistemi tas-saħħa b'saħħithom u reżiljenti li jipprovdu servizzi ta' kwalità għolja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, inkluż matul il-pandemiji.

4.

JENFASIZZAW ir-rwol tad-WHO fl-għoti ta' appoġġ, inkluż appoġġ tekniku u ta' emerġenza, lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.

5.

IFAKKRU li r-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet wara l-epidemija tas-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS-CoV), il-pandemiji tal-influwenza H1N1 u t-tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent enfasizzaw nuqqasijiet fil-kapaċità globali ta' tħejjija għat-tifqigħat u r-rispons għalihom, u għamlu bosta rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Sa ċertu punt, dawk ir-rakkomandazzjonijiet irriżultaw f'azzjonijiet ta' min ifaħħarhom, bħar-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) fl-2005 u l-istabbiliment tal-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa u l-Kumitat Indipendenti ta' Sorveljanza u Konsulenza għall-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa (IOAC) wara t-tifqigħa tal-Ebola msemmija hawn fuq.

6.

JIEĦDU NOTA tal-isfidi, fost l-oħrajn, f'termini ta' trasparenza, sinerġiji, finanzjament u responsabbiltà li d-WHO tiffaċċja fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, u tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa f'dawn l-aħħar snin, kif ukoll ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet li għaddejjin bil-ħsieb li jiġu identifikati soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. JIEĦDU NOTA WKOLL tal-isforzi li għaddejjin biex l-organizzazzjoni tiġi ttrasformata permezz tal-''Aġenda ta' Trasformazzjoni tad-WHO'' u l-''miri ta' biljun triplu'' fit-13-il-Programm Ġenerali ta' Ħidma tad-WHO.

7.

IFAKKRU fir-rwol ta' koordinazzjoni u ta' tmexxija tal-UE u l-Istati Membri tagħha fit-tnedija u n-negozjar tar-riżoluzzjoni WHA73.1 tad-WHO, tad-19 ta' Mejju 2020, dwar ir-rispons għall-COVID-19.

8.

JESPRIMU l-appoġġ tagħhom għall-proċess ta' evalwazzjoni mibdi mid-WHO, JILQGĦU l-istabbiliment tal-Panel Indipendenti għat-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji (''IPPR'') u JENFASIZZAW il-ħtieġa għall-imparzjalità, l-indipendenza u l-komprensività tiegħu, kif ukoll li l-ħidma tiegħu tkun tal-ogħla kwalità possibbli.

9.

JILQGĦU t-tlaqqigħ mid-WHO ta' Kumitat ta' Reviżjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR), u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-IOAC, l-IPPR u korpi rilevanti oħra, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza li din il-ħidma tkun komplementari u allinjata mal-inizjattivi eżistenti u li għaddejjin bħalissa. IFAKKRU fir-riżoluzzjoni adottata mill-146 Bord Eżekuttiv (EB146.R10) bit-titolu “It-Tisħiħ tat-Tħejjija għall-Emerġenzi tas-Saħħa: l-implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)” U JINNOTAW ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Monitoraġġ tat-Tħejjija Globali dwar it-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons globali.

10.

JENFASIZZAW, f'dan il-kuntest ta' riforma, l-importanza tal-approċċ Saħħa Waħda għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta' emerġenzi tas-saħħa, u jinkoraġġixxu riflessjoni dwar l-ankraġġ istituzzjonali u organizzattiv tal-approċċ Saħħa Waħda fil-livell globali.

ABBAŻI TA' DAN, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

11.

HUMA IMPENJATI li jiżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha, abbażi tal-impenn tagħhom għall-multilateraliżmu, ikomplu jassumu rwol ta' tmexxija fis-saħħa globali, u HUMA DETERMINATI li jiżguraw rwol proattiv, ta' koordinazzjoni u ta' tmexxija fi proċess inklużiv immirat lejn it-tisħiħ tas-sigurtà tas-saħħa globali u d-WHO, b'mod partikolari l-kapaċità ta' din tal-aħħar fit-tħejjija u r-rispons f'emerġenzi tas-saħħa u li jeżaminaw l-eżiti futuri mill-IPPR, mill-Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR u mill-IOAC bil-għan li dawn jissarfu f'azzjonijiet kif ukoll biex jiġu appoġġati l-Istati Membri tad-WHO permezz tat-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa nazzjonali u ta' politiki tas-saħħa pubblika. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm djalogu kostanti u b'saħħtu mal-Istati Membri tad-WHO.

12.

JIKKONKLUDU, filwaqt li jirrikonoxxu kuntesti nazzjonali differenti, li hemm il-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn l-aspettattivi tal-Istati Membri tad-WHO fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-kapaċitajiet tagħha u SER IKOMPLU JIMPENJAW RUĦHOM mal-Istati Membri l-oħra tad-WHO fil-korpi governattivi tal-organizzazzjoni biex jippromwovi azzjonijiet xierqa dwar l-aħjar triq 'il quddiem.

13.

JIRRIKONOXXU li l-indirizzar tal-isfidi li attwalment qed tiffaċċa d-WHO, fost l-oħrajn, f'termini ta' trasparenza, sinerġiji, finanzjament prevedibbli u sostenibbli, u responsabbiltà, kif ukoll dawk relatati mar-rispons tagħha għall-pandemija attwali u d-disparità bejn l-aspettattivi tal-Istati Membri tad-WHO u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjoni, jenħtieġ li jitwettaq bħala prijorità fil-korpi governattivi tagħha.

14.

JINKORAĠĠIXXU lill-atturi rilevanti kollha, inkluż atturi oħra tas-saħħa globali u atturi mhux statali biex b'mod konġunt isaħħu l-kapaċità tad-WHO fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, filwaqt li fl-istess ħin JISĦQU FUQ l-importanza li jkomplu jissaħħu s-sħubiji kif ukoll l-indipendenza, il-ħidma normattiva, il-kapaċità teknika, ir-responsabbiltà, l-effiċjenza, l-effettività u t-trasparenza tal-organizzazzjoni.

15.

JISĦQU FUQ il-fatt li Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) imsaħħaħ jista' jaqdi rwol kruċjali f'tifqigħat futuri u li jenħtieġ li tkompli tiġi esplorata kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-ECDC u d-WHO.

16.

JENFASIZZAW l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-IHR u JISĦQU FUQ li, mingħajr preġudizzju għar-rapporti finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmi ta' rieżami u evalwazzjoni li għaddejjin, is-suġġerimenti għal miżuri li ġejjin, fost l-oħrajn, fir-rigward tar-reviżjoni tal-IHR, jistgħu jiġu previsti u jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-IPPR, l-IOAC, il-Bord ta' Monitoraġġ tat-Tħejjija Globali (GPMB) u l-Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR. Dawn il-miżuri jinkludu:

jenħtieġ li tiġi kkunsidrata reviżjoni tas-sistema ta' twissija għal dikjarazzjoni ta' Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Rilevanza Internazzjonali (PHEIC); dan jenħtieġ li jippermetti livelli differenzjati ta' allerti, bħal sistema ta' dawl tat-traffiku, li trawwem it-trasparenza tal-miżuri u ttejjeb il-preċiżjoni fil-komunikazzjoni dwar it-theddid għas-saħħa pubblika;

tista' ssir distinzjoni skont l-IHR bejn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u dawk tal-kummerċ, jiġifieri li ssir distinzjoni bejn miżuri rigward it-trasport ta' persuni u dawk rigward it-trasport ta' prodotti bażiċi sabiex tiġi evitata ħsara bla bżonn lill-ekonomiji;

il-possibbiltà ta' valutazzjoni epidemjoloġika indipendenti fuq il-post f'żoni ta' riskju għoli f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-istat parti;

aktar trasparenza fil-konformità nazzjonali mal-IHR, flimkien ma' sistema ta' rappurtar aktar effettiva u applikata b'mod konsistenti mill-Istati Partijiet għas-Segretarjat tad-WHO, kif ukoll it-tisħiħ ta' evalwazzjonijiet esterni konġunti u s-segwitu tagħhom;

evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-attivitajiet implimentati ta' rispons u eżami tal-lakuni eżistenti fl-għarfien sabiex jiġi determinat liema għodod jistgħu jkunu meħtieġa fil-livell tal-pajjiż biex jiggwidaw l-azzjonijiet;

impenn biex ikompli jissaħħaħ ir-rwol normattiv u, fejn xieraq, il-kapaċità tad-WHO. Riflessjonijiet f'dan il-kuntest jistgħu jinkludu t-tisħiħ possibbli tal-Uffiċċju tax-Xjenzjat Prinċipali flimkien mar-rwol tal-uffiċċji reġjonali u tal-pajjiżi, l-inkoraġġiment tad-WHO biex ittejjeb u tiżviluppa approċċi ġodda biex torbot is-saħħa mat-tkabbir sostenibbli u biex issaħħaħ l-immappjar u l-fehim tal-ekonomija tas-saħħa globali u tkompli tiżviluppa l-Akkademja tad-WHO;

it-tisħiħ tal-isforzi tad-WHO biex jinħolqu sinerġiji fit-tħejjija u r-rispons mal-atturi rilevanti kollha u biex jiġu appoġġati dawk l-aktar vulnerabbli;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ''tripartitika'' bejn id-WHO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u mal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) biex jitrawwem l-approċċ Saħħa Waħda għall-mard żoonotiku.

17.

JISSOTTOLINJAW li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw bis-sħiħ ir-rwol ta' tmexxija u ta' koordinazzjoni tad-WHO fis-saħħa globali u għaldaqstant ser jippromwovu l-implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri ta' riforma meħtieġa tad-WHO abbażi tar-riflessjonijiet dwar il-punti msemmija hawn fuq kif ukoll ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti bil-għan li tissaħħaħ l-organizzazzjoni, fit-tliet livelli tagħha, u biex jiġi żgurat segwitu mill-korpi governattivi tad-WHO.