20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/5


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni soġġetti għal miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1516, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686 li jimponi miżuri restrittivi addizzjonali kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida u persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom

(2020/C 349/03)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1516 (2),u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1686 (3) li jimponi miżuri restrittivi addizzjonali kontra ISIL (Da'esh) u Al-Qaida u persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, wara li rrieżamina l-lista ta' persuni deżinjati fl-Annessi msemmija hawn fuq, iddeċieda li l-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 u fir-Regolament (UE) 2016/1686 għandhom ikomplu japplikaw għal dawk il-persuni.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/1686 sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet essenzjali jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba biex jiksbu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill għaliex ġew inklużi fil-lista msemmija hawn fuq. Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

General Secretariat

RELEX.1.C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

Il-persuni kkonċernati jistgħu fi kwalunkwe ħin jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ta' appoġġ, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz ipprovdut hawn fuq. F'dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għar-rieżami regolari tal-lista mill-Kunsill skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/1686. Sabiex it-talbiet jiġu kkunsidrati fir-rieżami li jmiss, dawn għandhom jiġu ppreżentati sal-15 ta' Lulju 2021.

L-attenzjoni tal-persuni kkonċernati qed tinġibed ukoll għall-possibbiltà li jikkontestaw d-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 275, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 263, ir-raba' u s-sitt paragrafi, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25.

(2)  ĠU L 348, 20.10.2020, p. 14.

(3)  ĠU L 255, 21.9.2016, p. 1.