9.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/3


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti

(2020/C 193/03)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

1.

Jenħtieġ li ż-żgħażagħ kollha jkollhom opportunitajiet indaqs fil-kuntest tal-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, irrispettivament mill-ostakli, inkluż l-isfidi ġeografiċi. Dawn l-isfidi jikbru fi żminijiet ta’ kriżijiet globali bħall-coronavirus ġdid (COVID-19), li jġibu magħhom tfixkil fis-soċjetà u konsegwenzi ekonomiċi, u jistgħu wkoll idgħajfu u jiżolaw liż-żgħażagħ.

2.

L-Aġenda Strateġika tal-UE 2019–2024 (1) tirrikonoxxi li l-inugwaljanzi, li jaffettwaw liż-żgħażagħ b’mod partikolari, huma ta’ riskju politiku, soċjali u ekonomiku kbir; qed jiżviluppaw firdiet ġenerazzjonali, territorjali u edukattivi u qed jitfaċċaw forom ġodda ta’ esklużjoni.

3.

Sa ftit żmien ilu, kważi terz tal-popolazzjoni tal-UE kienet tgħix f’territorju rurali, inkluż numru sinifikanti ta’ żgħażagħ (2). Huwa ċar li hemm id-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-densità tal-popolazzjoni u l-istruttura demografika, kemm f’żoni rurali kif ukoll f’żoni remoti. Min-naħa l-oħra, l-urbanizzazzjoni bħala waħda mill-ixpruni ewlenin tal-bidla titqies li għandha impatt sinifikanti fuq il-politiki futuri tal-UE (3).

4.

Il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea qed tixjieħ. Dan il-proċess huwa aktar evidenti f’żoni rurali u remoti u, bħala konsegwenza, dawn iż-żoni għandhom sehem akbar ta’ persuni akbar fl-età fi Stati Membri differenti (4). Dawn l-iżbilanċi interġenerazzjonali u ġeografiċi, b’mod partikolari meta kkombinati ma’ kundizzjonijiet soċjoekonomiċi ifqar, joħolqu sfidi għall-ħolqien u ż-żamma ta’ servizzi ta’ appoġġ komprensivi u infrastrutturi ta’ servizzi sostenibbli li jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd, li sussegwentement jistgħu jħallu effett fit-tul fuq il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà f’żoni rurali u remoti.

5.

L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma fost il-prinċipji gwida li jirfdu l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019 – 2027, li tqis il-fehmiet taż-żgħażagħ kif espressi fl-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ u fil-proċess ta’ Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. B’mod partikolari, l-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ Nru 6 (Appoġġ għall-Iżvilupp taż-Żgħażagħ Rurali) għandu l-għan li joħloq kundizzjonijiet li jippermettu liż-żgħażagħ jaċċessaw id-drittijiet tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom f’żoni rurali.

6.

Il-kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi ġew identifikati miż-żgħażagħ bħala wieħed mill-oqsma li l-UE jeħtieġ li tindirizza bħala prijorità ewlenija (5). Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija waħda mill-fatturi ewlenin fit-tfassil tal-politiki futuri (6). Peress li l-iżvilupp rurali u l-fondi strutturali tal-UE jaqdu rwol importanti fil-kisba tal-objettivi ambjentali tal-UE kif ukoll fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati opportunitajiet addizzjonali relatati ma’ setturi bħall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd jew it-turiżmu għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW:

7.

L-opportunitajiet li għandhom żoni rurali u remoti (7), bħal kemm huma qrib tan-natura, spejjeż tal-abitazzjoni aktar baxxi (8) u sens akbar ta’ appartenenza f’komunità (9).

8.

Ir-restrizzjonijiet imposti mid-diffikultajiet tal-aċċessibbiltà għal ħafna żoni rurali u remoti u lura minnhom, inkluż xi gżejjer (10) madwar l-UE kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (11) u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (12).

9.

Il-proċess tal-urbanizzazzjoni u l-effetti possibbli tiegħu fuq iż-żoni rurali u remoti, speċjalment fir-rigward tal-proporzjon tal-popolazzjoni (persuni aktar żgħażagħ/akbar fl-età, nisa/irġiel (13), gradwati żgħażagħ/żgħażagħ mhux gradwati) u l-ħtieġa li jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi u kummerċjali, l-attivitajiet li jitwettqu fil-ħin liberu, l-impjiegi u l-edukazzjoni ta’ kwalità, l-infrastrutturi diġitali u fiżiċi, it-trasport pubbliku, l-abitazzjoni, il-faċilitajiet soċjali u tas-saħħa kif ukoll is-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali.

10.

L-importanza li jiġu inklużi l-ideat, l-opinjonijiet u l-kreattività taż-żgħażagħ fl-Istati Membri, inkluż dawk li nġabru matul is-Seba’ Ċiklu ta’ konsultazzjonijiet dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, kif ukoll il-kontributi li saru matul il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li saret f’Zagreb f’Marzu 2020 (14) fil-qafas tas-sottotema speċifika “Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ Rurali”.

11.

Iż-żgħażagħ li huma NEET (15) f’żoni rurali u remoti u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-prospetti tagħhom għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, peress li huma f’riskju ogħla li jkollhom inqas opportunitajiet (16) u li jiġu affettwati aktar mill-kundizzjonijiet tal-ekonomija (17) meta mqabbla ma’ dawk iż-żgħażagħ li huma NEET f’reġjuni urbani.

12.

L-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-miri tal-insedjamenti umani u dawk relatati maż-żgħażagħ.

13.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala strument siewi biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-ambjenti rurali u urbani, minħabba l-potenzjal tagħha biex tgħin tinvolvi liż-żgħażagħ (li jkunu ġejjin minn gruppi differenti ta’ età u minn sfondi differenti), inkluż dawk li huma f’riskju li jiġu esklużi, f’tipi differenti ta’ attivitajiet fi ħdan il-komunitajiet lokali rispettivi tagħhom.

14.

L-opportunitajiet ta’ impjieg offruti permezz ta’ attivitajiet intraprenditorjali, inkluż l-involviment f’intrapriżi soċjali (18). Din tal-aħħar hija għodda li tippermetti liż-żgħażagħ jindirizzaw sew l-isfidi soċjali u dawk relatati mal-impjieg u toffri l-possibbiltà li r-riżorsi naturali u umani eżistenti jintużaw b’mod effettiv u sostenibbli.

15.

F’dan il-kuntest, l-attivitajiet fi ħdan l-Ekonomija Soċjali u Solidali (SSE) (19), li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali taż-żoni rurali u remoti, u konsegwentement jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali u remoti.

16.

Il-volontarjat, bħala wieħed mill-espressjonijiet taċ-ċittadinanza attiva li jista’ jgħin jiżgura l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti kif ukoll jippromwovi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet f’żoni rurali u remoti, b’mod partikolari biex jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-komunitajiet biex dawn jiffaċċjaw sitwazzjonijiet negattivi u kriżijiet bħall-COVID-19.

17.

Il-kooperazzjoni transkonfinali bejn iż-żoni remoti u rurali fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Istati Membri li tista’ tappoġġa l-iżvilupp tagħhom, u b’hekk tagħti opportunitajiet addizzjonali liż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ix-xogħol, is-saħħa, l-attivitajiet soċjali u dawk li jitwettqu fil-ħin liberu.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F’KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FIL-LIVELLI XIERQA, BIEX:

18.

Jippromwovu approċċi transettorjali meta jkunu qed jiżviluppaw politiki dwar iż-żgħażagħ u strateġiji relatati li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi bejn iż-żoni urbani u dawk rurali/remoti.

19.

Jinkludu pjanijiet ta’ azzjoni jew miżuri fl-istrateġiji u l-politiki rilevanti, fejn xieraq, li jirriflettu l-perspettiva u l-fehmiet taż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti. Jenħtieġ li dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri jiġu żviluppati abbażi tal-għarfien, l-evidenza, l-aħjar prattiki, il-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ infushom kif ukoll id-data miġbura u diżaggregata, inkluż skont is-sess, id-diżabbiltà u perspettivi rilevanti oħra, b’mod partikolari fejn is-servizzi u/jew l-infrastrutturi rilevanti huma nieqsa minnhom jew jeħtieġ li jittejbu.

20.

Jippromwovu mudelli effettivi ta’ kooperazzjoni intermuniċipali fil-qasam taż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti sabiex jiżdied l-għarfien u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u l-evidenza fost il-fornituri ta’ servizzi differenti.

21.

Jippromwovu u jiffaċilitaw iċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ li jkunu ġejjin minn sfondi differenti f’żoni rurali u remoti fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jaffettwawhom permezz ta’ għodod xierqa, bħal kunsilli lokali taż-żgħażagħ u modi innovattivi/alternattivi ta’ parteċipazzjoni; irawmu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni rilevanti fil-livelli kollha, fejn xieraq, filwaqt li jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi (analogi jew diġitali) bħala għodda biex jikkomunikaw maż-żgħażagħ; jinkoraġġixxu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiffaċilitaw ix-xogħol ta’ organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ; u jappoġġaw lill-atturi rilevanti li jipprovdu attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha, inkluż sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ.

22.

Jippromwovu u jtejbu aktar il-fehim, id-djalogu u s-solidarjetà interġenerazzjonali sabiex jappoġġaw skambji bejn il-ġenerazzjonijiet li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku, u jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex isiru u jibqgħu involuti b’mod attiv fil-ħajja tal-komunitajiet lokali f’żoni rurali u remoti, inkluż f’azjendi agrikoli tal-familja.

23.

Jippromwovu aktar attivitajiet aċċessibbli ta’ volontarjat u ta’ solidarjetà bħala għodda għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk f’żoni rurali u remoti.

24.

Jagħmlu sforz akbar biex jiżguraw mezzi tat-trasport pubbliku li jkunu regolari, sostenibbli u affordabbli sabiex ikun hemm konnessjoni aħjar bejn iż-żoni urbani u dawk rurali u remoti.

25.

Fejn xieraq, itejbu l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT), inkluż konnessjoni broadband b’veloċità għolja, sabiex jiżdied l-aċċess għall-użu ta’ teknoloġiji u servizzi diġitali.

26.

Fejn xieraq, jippromwovu l-ħolqien ta’ spazji għaż-żgħażagħ (20) jew, fejn rilevanti, jaġġornaw dawk eżistenti kif ukoll l-aċċess remot għaż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali u remoti għal tipi differenti ta’ servizzi, inkluż servizzi ta’ ħidma għaż-żgħażagħ, bħal ħidma diġitali u intelliġenti fost iż-żgħażagħ; barra minn hekk, jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ servizzi mobbli differenti, bħal dawk għall-ħin liberu u ta’ konsulenza, kif ukoll ta’ ċentri ta’ servizz multifunzjonali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FI ĦDAN L-OQSMA TA’ KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

27.

Jippromwovu sinerġiji bejn inizjattivi u strumenti differenti tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ u lil hinn minnu, bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Fond Soċjali Ewropew jew l-Interreg tal-UE (21), bil-għan ta’ sensibilizzazzjoni msaħħa għaż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali u remoti, il-faċilitazzjoni tal-aċċess tagħhom għal dawn il-programmi, u s-simplifikazzjoni amministrattiva, bħala mezz biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw.

28.

Jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki filwaqt li jintużaw l-opportunitajiet ipprovduti minn programmi u politiki relatati maż-żgħażagħ bħall-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll strumenti rilevanti oħra tal-UE bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sabiex jittejbu l-impjegabbiltà, il-mobbiltà u l-parteċipazzjoni, kif ukoll biex jiġu promossi l-valuri tal-UE (22); biex jiġu kondiviżi l-prattiki fl-iżvilupp tas-solidarjetà u tal-komunità, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi; u biex tiżdied il-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet rurali u remoti.

29.

Jorganizzaw attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, bħal seminars, attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari jew forom rilevanti oħra ta’ kooperazzjoni formali u mhux formali li jistgħu jinvolvu lil partijiet ikkonċernati minn oqsma ta’ politika differenti, inkluż żgħażagħ li jkunu ġejjin minn sfondi ġeografiċi u kulturali differenti, sabiex tiġi esplorata l-kooperazzjoni transsettorjali u intrareġjonali fl-aċċess għas-servizzi.

30.

Ikomplu jippromwovu l-attraenza taż-żoni rurali u remoti, b’enfasi speċifika fuq il-benefiċċji u l-opportunitajiet tagħhom fir-rigward tar-riżorsi naturali disponibbli, fejn xieraq, u l-użu sostenibbli tagħhom sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-potenzjal għal attivitajiet intraprenditorjali u tal-SSE (23), b’kont meħud li l-attivitajiet agrikoli eżistenti, fejn rilevanti, jenħtieġ li jiġu ppreservati u promossi kemm jista’ jkun.

31.

Jagħmlu sforz akbar biex itejbu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kunfidenza fost iż-żgħażagħ biex dawn jidħlu fid-dinja tan-negozju, fejn xieraq b’enfasi fuq in-nisa żgħażagħ (24), b’kont meħud tal-potenzjal għal attivitajiet ta’ intraprenditorija u tal-SSE f’żoni rurali u remoti.

32.

Jieħdu kont tal-ambjent u t-tibdil fil-klima, u b’mod partikolari l-aħħar rapporti xjentifiċi dwar it-tnejn li huma, meta jifformulaw politiki u miżuri futuri relatati maż-żgħażagħ għal żoni rurali u remoti, u, fejn xieraq, jipprovdu edukazzjoni, taħriġ u aċċess rilevanti għall-informazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien u titrawwem il-parteċipazzjoni fi kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi fost iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni rurali u remoti.

33.

Fejn xieraq, jagħmlu sforz akbar biex iħeġġu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’attivitajiet agrikoli (25) u ekonomiċi oħra f’żoni rurali u remoti, bis-saħħa ta’ mezzi differenti bħal għotjiet biex jinbeda negozju, inċentivi fir-rigward tad-dħul, inizjattivi li ż-żgħażagħ jieħdu minn jeddhom u edukazzjoni u taħriġ immirati lejhom.

34.

Jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti bl-għan ġenerali li jiġi sodisfatt id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti, b’enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fl-opportunitajiet għal aċċess ugwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol.

35.

Jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali kif ukoll opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali u xogħol fost iż-żgħażagħ biex itejbu l-livell ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, kif ukoll jevitaw l-iżolament taż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti u jtaffu l-impatt ta’ kriżijiet bħall-COVID-19, pereżempju billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-Internet u l-apparat tal-ICT (26), fejn xieraq, fiż-żoni rurali u remoti kollha.

36.

Irawmu l-kooperazzjoni bejn iż-żoni rurali u remoti tal-fruntiera tal-UE, filwaqt li jisfruttaw programmi rilevanti bħall-Interreg tal-UE, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ lokali.

37.

Ikomplu jikkunsidraw u jirriflettu fuq kwistjonijiet li jaffettwaw liż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi attwali - kif ukoll fl-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda - bħal viżjoni fit-tul għal żoni rurali, u fejn xieraq fil-kuntest ta’ attivitajiet relatati mal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa; iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025; il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali aġġornat; il-Patt Klimatiku; u Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

38.

Tikkunsidra r-riċerka u l-analiżi, bl-użu ta’ għodod eżistenti bħal Youth Wiki, u tiġbor data diżaggregata (inkluż skont is-sess, id-diżabbiltà u perspettivi rilevanti oħra) fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ u l-benesseri tagħhom f’żoni rurali u remoti, sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-għarfien, l-evidenza u d-data biex tiddefinixxi l-politiki fil-livelli kollha, filwaqt li tqis ukoll il-ħtieġa għall-possibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.

39.

Trawwem sinerġiji bejn il-politika taż-żgħażagħ tal-UE u politiki u programmi rilevanti oħra tal-UE, pereżempju fir-rigward tal-iżvilupp rurali, l-agrikoltura u l-koeżjoni soċjali, inkluż bil-promozzjoni tal-adozzjoni tal-eżiti tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ f’dan ir-rigward.

40.

Tippromwovi l-attenzjoni dovuta għall-isfidi iffaċċjati miż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti fis-segwitu tal-attivitajiet fil-qafas tas-Sħubija għaż-Żgħażagħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa (27).

JISTIEDEN LIS-SETTUR TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-UE (28) BIEX:

41.

Jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ u l-popolazzjoni ġenerali f’żoni rurali u remoti fir-rigward tal-opportunitajiet fi ħdan il-komunitajiet lokali tagħhom, bil-ħsieb li minn naħa waħda jippromwovi opportunitajiet professjonali u relatati max-xogħol, filwaqt li min-naħa l-oħra, juża l-miżuri disponibbli fis-settur biex jiġġieled kontra l-isterjotipi dwar iż-żgħażagħ rurali u jippromwovi b’mod proattiv stampa pożittiva taż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti.

42.

Juża kemm jista’ jkun l-opportunitajiet ipprovduti mill-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u programmi rilevanti oħra tal-UE sabiex l-irġiel u n-nisa żgħażagħ f’żoni rurali u remoti jilħqu l-potenzjal tagħhom.

(1)  Adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ġunju 2019.

(2)  Skont il-bażi tad-data tal-Eurostat fl-2018, 49,2 % taż-żgħażagħ fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena kienu qed jgħixu f’żoni rurali.

(il-popolazzjoni tal-UE-28 skont il-livell edukattiv milħuq, is-sess, l-età u l-grad ta’ urbanizzazzjoni (%))

(3)  https://espas.secure.europarl.europa.eu/orbis/sites/default/files/generated/document/en/ESPAS_Report2019.pdf

(Global trends to 2030 – Challenges and Choices for Europe, ESPAS, April 2019).

(4)  https://www.unece.org/fileadmin/DAM/pau/age/Policy_briefs/ECE-WG1-25.pdf (Nota dwar il-Politika tal-UNECE dwar it-Tixjiħ Nru. 18 (2017)).

(5)  https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/FLASH/surveyKy/2224

(Ewrobarometru 478).

(6)  Ibid in-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(7)  Ara d-definizzjonijiet ta’ “żoni rurali” u “żoni remoti” fl-Anness.

(8)  Is-sehem ta’ nies mgħobbija żżejjed bl-ispejjeż tal-abitazzjoni huwa aktar baxx fiż-żoni rurali tal-UE (Statistika Ewropea dwar ir-reġjuni u l-bliet, 2018).

(9)  Eurofound (2019), Is rural Europe being left behind? (L-Ewropa rurali qed taqa’ lura?), Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-2016, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(10)  Gżejjer żgħar abitati li mhumiex reġjuni ultraperiferiċi jew Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (PTEE) iżda li l-aċċess għalihom huwa diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ pontijiet ta’ konnessjoni, skarsezza tat-trasport bl-ajru u dak marittimu jew fatturi simili oħra (ara d-definizzjoni ta’ “żoni remoti” fl-Anness).

(11)  Dawk elenkati fl-Art. 349 TFUE.

(12)  Dawk elenkati fl-Anness II TFUE.

(13)  In-nisa fiż-żoni rurali tal-UE jammontaw għal inqas minn 50 % tal-popolazzjoni rurali totali u jirrappreżentaw 45 % tal-popolazzjoni ekonomikament attiva. Skont l-analiżi, l-impjieg tan-nisa fir-reġjuni rurali tal-UE (klassi ta’ età 15-64) żdied bi kważi 2 % fil-perijodu ta’ bejn l-2013 u l-2017 (L-istatus professjonali tan-nisa rurali fl-UE, Parlament Ewropew, 2019).

(14)  https://mdomsp.gov.hr/UserDocsImages/Vijesti2020/Creating%20Opportunities%20for%20Youth%20-%20outcomes%20report%2027%20mar%202020.pdf

(15)  Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ

(16)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Statistics_on_young_people_neither_in_employment_nor_in_education_or_training#NEETs:_analysis_by_degree_of_urbanisation

(17)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Archive:Impact_of_the_economic_crisis_on_unemployment.

(18)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(19)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(20)  Ara d-definizzjoni fl-Anness

(21)  https://interreg.eu/

(22)  Kif stabbilit fl-Art. 2 TUE.

(23)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(24)  Ibid nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(25)  Pereżempju, 6 % biss tal-azjendi agrikoli kollha fl-Unjoni Ewropea huma mmexxija minn bdiewa li għandhom taħt il-35 sena u hija sfida sinifikanti biex aktar żgħażagħ jiġu persważi jidħlu fil-qasam tal-biedja (https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/income-support/young-farmers_en).

(26)  Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

(27)  https://pjp-eu.coe.int/en/web/youth-partnership

(28)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.


ANNESS

A.   Referenzi

Fl-adozzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill jieħdu nota tad-dokumenti li ġejjin:

L-Aġenda Strateġika tal-UE 2019–2024 (1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01) (2)

Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar l-aċċess taż-żgħażagħ minn inħawi żvantaġġati għad-drittijiet soċjali) (CM/Rec (2015)3) – Kunsill tal-Ewropa (3)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ (4)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żgħażagħ u l-Futur tax-Xogħol (5)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Persuni li Jaħdmu Żgħażagħ (6)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi fi ħdan l-UE (7)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (8)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (9)

Is-Seba’ Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ: Sejbiet mill-Attivitajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fl-Istati Membri u madwar l-Ewropa - Il-Ħolqien ta’ Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ (10)

European Charter on Local Youth work (Il-Karta Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ Lokali) (EGL) (11)

Strateġija ta’ Inklużjoni u Diversità tal-Erasmus+ fil-Qasam taż-Żgħażagħ) (2014) (12)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (13)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (14)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (15)

B.   Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Konklużjonijiet, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“Żoni rural”

Komunitajiet amministrattivi lokali li ma jagħmlux parti minn raggruppamenti urbani, l-aktar ikkaratterizzati minn densità tal-popolazzjoni aktar baxxa, stampa soċjoġeografika u kulturali speċifika, qrubija tar-riżorsi naturali u għalhekk prospetti ekonomiċi differenti, filwaqt li fl-istess ħin għandhom ħtiġijiet identifikati biex jittejbu aktar is-servizzi speċifiċi mmirati lejn iż-żgħażagħ kif ukoll lejn il-popolazzjoni ġenerali.

“Żoni remoti”

Komunitajiet amministrattivi lokali u reġjonali, li l-biċċa l-kbira minnhom ma jagħmlux parti minn raggruppamenti urbani kkaratterizzati minn diffikultajiet fl-aċċess fiżiku, l-aktar minħabba d-distakk ġeografiku/naturali (gżejjer u/jew muntanji, fost l-oħrajn) flimkien ma’ trasport pubbliku limitat jew inqas frekwenti u/jew diffikultajiet fil-konnettività diġitali. Dawn iż-żoni jistgħu jaqsmu l-istess karatteristiċi msemmija hawn fuq taż-“żoni rurali”. Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE kif stabbilit fl-Artikolu 349 TFUE jitqiesu wkoll bħala żoni remoti.

“Intrapriża soċjali”

Operatur fl-ekonomija soċjali li l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jkollu impatt soċjali, soċjetali jew ambjentali għall-interess ġenerali aktar milli jagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tiegħu. Topera billi tipprovdi oġġetti u servizzi għas-suq b’mod intraprenditorjali u innovattiv u primarjament tuża l-profitti tagħha biex tikseb objettivi soċjali. Hija amministrata b’mod miftuħ u responabbli u, b’mod partikolari, tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha (16)

“Ekonomija Soċjali u Solidali (SSE)”

Intrapriżi u organizzazzjonijiet (kooperattivi, soċjetajiet ta’ benefiċċju reċiproku, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u intrapriżi soċjali) li jipproduċu oġġetti, servizzi u għarfien li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunità li jaqdu, permezz tas-segwitu ta’ objettivi soċjali u ambjentali speċifiċi u t-trawwim tas-solidarjetà (17).

“Spazji għaż-Żgħażagħ”

Faċilitajiet fiżiċi u infrastrutturi mmexxija miż-żgħażagħ definiti bħala li jkunu awtonomi, miftuħa u sikuri, aċċessibbli għal kulħadd, li joffru appoġġ professjonali għall-iżvilupp u li jiżguraw opportunitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ (18)

“Settur taż-Żgħażagħ tal-UE”

Is-settur taż-Żgħażagħ tal-UE ġeneralment jirreferi għat-totalità tal-organizzazzjonijiet, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-membri tal-akkademja, is-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ jew esperti oħra involuti fl-iżvilupp tal-politika taż-żgħażagħ li jwettqu attivitajiet u proġetti rilevanti għaż-żgħażagħ fl-UE (19).


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/39914/a-new-strategic-agenda-2019-2024.pdf

(2)  ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

(3)  https://www.coe.int/en/web/youth/-/recommendation-on-the-access-of-young-people-from-disadvantaged-neighbourhoods-to-social-rights

(4)  ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2.

(5)  ĠU C 189, 5.6.2019, p. 28.

(6)  ĠU C 412, 9.12.2019, p. 12.

(7)  ĠU C 196, 8.6.2018, p. 16.

(8)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.

(9)  ĠU C 418, 7.12.2017, p. 2.

(10)  https://europa.eu/youth/sites/default/files/euyd_youth_dialogue_findings_-_version_for_general_release_24th_feb_2020_1.pdf

(11)  https://www.europegoeslocal.eu/wp-content/uploads/2019/10/20191002-egl-charter_ENG_online.pdf

(12)  https://ec.europa.eu/assets/eac/youth/library/reports/inclusion-diversity-strategy_en.pdf

(13)  Riżoluzzjoni tal-AĠNU A/RES/70 tal-25 ta’ Settembru 2015.

(14)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(15)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(16)  Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali — SEC (2011)1278 final.

(17)  Definizzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

(18)  Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, Anness 3 dwar l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, Għan 9, ir-raba’ mira (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 16).

(19)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żgħażagħ u l-Futur tax-Xogħol (ara n-nota 33 f’qiegħ il-paġna).