27.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

(2020/C 64/03)

FILWAQT LI JFAKKAR:

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2016 dwar strateġija esterna għat-tassazzjoni u miżuri kontra l-abbuż tat-trattat dwar it-taxxa,

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2016 dwar il-kriterji u l-proċess li jwassal għall‐istabbiliment tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa,

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017 dwar il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa,

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa,

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2019 dwar il-progress miksub mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) matul il-Presidenza Finlandiża,

Il-Kunsill,

1.

JILQA’ l-kooperazzjoni tajba dwar kwistjonijiet ta’ taxxa stabbilita bejn il-Grupp tal-UE dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (“Grupp dwar il-Kodiċi tal‐Kondotta”) u l-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet madwar id-dinja;

2.

JILQA’ l-fatt li l-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet rilevanti ħadu passi attivi sabiex sal‐iskadenza maqbula jsolvu n-nuqqasijiet identifikati mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal‐Kondotta fl-oqsma ta’ trasparenza fiskali u tassazzjoni ġusta, u JQIS li dawn il‐ġurisdizzjonijiet wettqu l-impenji li ħadu;

3.

Madankollu, JIDDISPJAĊIH li għadd ta’ ġurisdizzjonijiet ma ħadux passi biżżejjed biex jimplimentaw l-impenji li ħadu sal-iskadenza maqbula, u lanqas ħadu sehem fi djalogu sinifikattiv li jista’ jwassal biex dawn l-impenji jitwettqu;

4.

Għalhekk, JAPPROVA l-lista riveduta tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (“Lista tal-UE”) kif tinsab fl-Anness I;

5.

JAPPROVA s-sitwazzjoni attwali kif tinsab fl-Anness II fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġurisdizzjonijiet li jikkooperaw biex jimplimentaw prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat‐taxxa;

6.

IFAKKAR fil-qbil milħuq mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar miżuri difensivi koordinati;

7.

IFAKKAR li l-aġġornamenti tal-Annessi I u II minn issa ’l quddiem ser ikunu limitati għal massimu ta’ tnejn fis-sena u JIPPREVEDI li f’dak l-ispirtu jaġġorna ż-żewġ Annessi f’Ottubru 2020;

8.

JISTIEDEN lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, appoġġat mis-Segretarjat Ġenerali tal‐Kunsill u bl-assistenza teknika tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ikompli:

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-ġurisdizzjonijiet biex jimplimentaw prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u jqisu l-ħidma li saret mill-fora rilevanti tal-OECD,

jitlob impenji mill-ġurisdizzjonijiet li għadhom ma ħadux impenn sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati,

ikun involut fi djalogu miftuħ u kostruttiv mal-ġurisdizzjonijiet kollha kkonċernati;

9.

IQIS li l-limitazzjonijiet imressqa minn xi ġurisdizzjonijiet talli ma wettqux għal kollox il‐miżuri kollha li ħadu impenn għalihom, minkejja sforzi tanġibbli mill-gvernijiet tagħhom, setgħu f’xi każijiet jitqiesu bħala ġustifikati u JAQBEL li l-iskadenza biex iwettqu l-impenji tagħhom jenħtieġ li tiġi estiża kif stabbilit fl-Anness II;

10.

HUWA TAL-FEHMA li:

a)

peress li t-Turkija għandha fis-seħħ leġislazzjoni interna li tagħmel possibbli l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni u nnotifikat lill-Istati Membri kollha tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru, lill-OECD, għandha tingħata aktar żmien biex issolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha biex l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha tal-UE jiġi implimentat b’mod effettiv. Jekk it-Turkija ma tqiegħedx fis-seħħ arranġamenti għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha tal-UE, għandha tiġi inkluża fl-Anness I fl-aġġornament li jmiss;

b)

kif maqbul fil-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN tal-5 ta’ Diċembru 2019, pajjiżi fil-fażi tal‐iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju li ngħataw grad aktar baxx mill-Forum Globali rigward l-istandard tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (EOIR) (il-kriterju 1.2), u li ħadu l-impenn f’livell politiku għoli li jitolbu rieżami supplimentari mill-Forum Globali fi żmien 18-il xahar, jenħtieġ li jibqgħu fl-Anness II sakemm jirċievu t-tali klassifikazzjoni ġdida;

c)

jenħtieġ ukoll li pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju li għamlu progress sinifikattiv fit-twettiq tal-impenji tagħhom, jingħataw aktar żmien biex jissodisfaw il-kriterju 1.3, kif jinsab fl-Anness II. Jekk dawn il-ġurisdizzjonijiet ma jkunux iffirmaw il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MAC”) sal‐iskadenza indikata fl-Anness II, huma jiġu inklużi fl-Anness I fl-aġġornament li jmiss. Barra minn hekk, jenħtieġ li mal-firma u f’livell politiku għoli, dawn il‐ġurisdizzjonijiet jipprovdu skeda ta’ żmien għar-ratifika tal-MAC, sabiex tiġi approvata mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta. Jekk il-ġurisdizzjonijiet ma jirratifikawx il-MAC sa mhux aktar tard mill-iskadenza indikata fl-Anness II, huma jiġu inklużi fl-Anness I fl-aġġornament sussegwenti;

d)

jenħtieġ li dewmien proċedurali minħabba l-Forum tal-OECD dwar il-Prattiki ta’ Taxxa Dannużi (FHTP) jitqies fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill‐ġurisdizzjonijiet biex jemendaw jew jabolixxu r-reġimi ta’ taxxa dannużi tagħhom (kriterju 2.1);

11.

ITENNI li l-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati mill-kriterju 2.2 huma mħeġġa jinnotifikaw it-tibdil ippjanat fil-qafas leġislattiv tagħhom jew il-gwida relatata lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal‐Kondotta qabel l-adozzjoni tiegħu u JFAKKAR li jekk dan it-tibdil iqajjem tħassib, allura l-qafas leġislattiv jew il-gwida relatata għandhom jiġu emendati u jsiru konformi fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tagħhom;

12.

JIKKUNSIDRA li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għandu jaħdem għall-konverġenza tal-iskedi ta’ żmien tiegħu għall-valutazzjonijiet u għall-anterjorità skont il-kriterju 2.1 mal‐prattika attwali tal-FHTP u jqis dewmien possibbli tal-proċess tal-FHTP sa massimu ta’ sena addizzjonali jew sakemm dan ma jwassalx għal estensjoni twila wisq, li jkollha tiġi kkunsidrata skont il-każ;

13.

JISTIEDEN lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jkompli:

l-iskrutinju tal-ġurisdizzjonijiet li għandhom fis-seħħ reġimi ta’ eżenzjoni tal‐introjtu minn sors barrani, f’konformità mal-approċċ miftiehem mill-Kunsill ECOFIN fl-10 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Diċembru 2019,

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandard minimu kontra l-BEPS tar‐rappurtar għal kull pajjiż (CbCR) (il-kriterju 3.2),

l-iskrutinju tat-tliet ġurisdizzjonijiet miżjuda mal-ambitu ġeografiku tal‐eżerċizzju ta’ elenkar tal-UE fl-2019,

bil-ħsieb li tintlaħaq deċiżjoni dwar l-okkażjoni tal-aġġornament li jmiss tal-Annessi I u II;

14.

JISTIEDEN lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jirrevedi fl-2020 l-approċċ użat biex jintgħażlu l-ġurisdizzjonijiet fl-ambitu ġeografiku tal-eżerċizzju ta’ elenkar tal-UE, sabiex jiffoka fuq l-aktar ġurisdizzjonijiet rilevanti, filwaqt li jqis il-ħidma li ntlaħaq qbil dwarha fuq l-ambitu ġeografiku estiż kif identifikat fl-2018;

15.

JITLOB lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jaħdem fuq it-tisħiħ tal-prinċipji tal-UE ta’ governanza tajba tat-taxxa billi jaġġornahom kif meħtieġ, fost oħrajn billi jaħdem fuq il-kriterju futur 1.4 (skambju ta’ informazzjoni dwar sjieda benefiċjarja) u billi jqis l-iżviluppi fil-livell internazzjonali;

16.

JISTIEDEN lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE, kif xieraq, ikomplu jqisu l-lista riveduta tal-UE fl-Anness I fil-politika barranija, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi terzi rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-isferi rispettivi ta’ kompetenza tal-Istati Membri u tal-Unjoni kif jirriżultaw mit-Trattati.


ANNESS I

Il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

1.   Samoa Amerikana

Is-Samoa Amerikana ma tapplika l-ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx, inkluż permezz tal-ġurisdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħaditx l‐impenn li tapplika l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħaditx l-impenn li tindirizza dawn il‐kwistjonijiet.

2.   Gżejjer Cayman

Il-Gżejjer Cayman ma għandhomx il-miżuri xierqa fis-seħħ b’rabta mas-sustanza ekonomika fil‐qasam tal-istrumenti ta’ investiment kollettiv.

3.   Fiġi

Fiġi mhijiex membru tal-Forum Globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa (“Forum Globali”), ma ffirmatx u ma rratifikatx il-Konvenzjoni Multilaterali tal‐OECD dwar Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandha reġimi preferenzjali ta’ taxxa dannużi, ma saritx membru tal-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS u ma implimentatx l-istandard minimu tal-OECD kontra l-BEPS, u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

4.   Guam

Guam ma japplika ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmax u ma rratifikax, inkluż permezz tal-ġurisdizzjoni li hu dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal‐OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħax l-impenn li japplika l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħax l-impenn li jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

5.   Oman

L-Oman ma japplika ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmax u ma rratifikax il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u għadu ma solviex dawn il-kwistjonijiet.

6.   Palau

Palau ma tapplika ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

7.   Panama

Il-Panama mhix ikklassifikata tal-inqas fil-livell ta’ “Fil-Biċċa l-Kbira Konformi” mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Skopijiet ta’ Taxxa għal Skambju ta’ Informazzjoni fuq Talba u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

8.   Samoa

Samoa għandha reġim preferenzjali ta’ taxxa dannuż u ma ħaditx l-impenn li tindirizza din il‐kwistjoni.

Barra minn hekk, Samoa ħadet l-impenn li tikkonforma mal-kriterju 3.1 sa tmiem l-2018 iżda għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

9.   Seychelles

Is-Seychelles għandhom reġimi preferenzjali ta’ taxxa dannużi u għadhom ma solvewx dawn il‐kwistjonijiet.

10.   Trinidad u Tobago

Trinidad u Tobago ma japplikaw ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, huma kklassifikati bħala “Mhux Konformi” mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Skopijiet ta’ Taxxa għal Skambju ta’ Informazzjoni fuq Talba, ma ffirmawx u ma rratifikawx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta’ taxxa, u għadhom ma solvewx dawn il‐kwistjonijiet.

11.   Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti

Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti ma japplikaw ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmawx u ma rratifikawx, inkluż permezz tal-ġurisdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta’ taxxa dannużi, ma ħadux l-impenn li japplikaw l‐istandards minimi tal-BEPS u ma ħadux l-impenn li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

12.   Vanuatu

Vanuatu mhux ikklassifikat tal-inqas fil-livell “Fil-Biċċa l-Kbira Konformi” mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Skopijiet ta’ Taxxa għal Skambju ta’ Informazzjoni fuq Talba, jiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore li għandhom l-għan li jattiraw qligħ mingħajr sustanza ekonomika reali u għadu ma solviex dawn il-kwistjonijiet.


ANNESS II

Is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġurisdizzjonijiet li jikkooperaw biex jiġu implimentati l-prinċipji ta’ governanza tajba filqasam tat-taxxa

1.   Trasparenza

1.1.   Impenn li jimplimentaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, kemm bl-iffirmar tal-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti jew permezz ta’ ftehimiet bilaterali

Il-ġurisdizzjoni hawn taħt, li mistennija tagħmel progress tanġibbli fl-implimentazzjoni effettiva tal‐iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha tal-UE, ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2020 biex tagħmel dan:

 

Turkija

1.2.   Is-sħubija tal-Forum Globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ Informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa (“Forum Globali”) u l-klassifikazzjoni sodisfaċenti b’rabta mal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba

Il-ġurisdizzjonijiet hawn taħt, li ħadu l-impenn li jkollhom klassifikazzjoni suffiċjenti sa tmiem l‐2018, qegħdin jistennew eżami supplimentari mill-Forum Globali:

 

Anguilla, Turkija

Il-pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju msemmi hawn taħt, li ħa l-impenn li jkollu klassifikazzjoni suffiċjenti sa tmiem l-2019, qiegħed jistenna eżami supplimentari mill-Forum Globali:

 

Botswana

1.3.   Iffirmar u ratifika tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka (MAC) jew in-netwerk ta’ ftehimiet li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE

Il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju msemmijin hawn taħt, li għamlu progress sinifikattiv fit-twettiq tal-impenji tagħhom, ngħataw sal-31 ta’ Awwissu 2020 biex jiffirmaw il‐MAC u sat-30 ta’ Awwissu 2021 biex jirratifikaw il-MAC:

 

il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Botswana, l-Eswatini, il-Ġordan, il-Maldivi, il-Mongolja, in‐Namibja, it-Tajlandja

2.   Tassazzjoni Ġusta

2.1.   L-eżistenza ta’ reġimi ta’ taxxa dannużi

Il-ġurisdizzjoni li ġejja, li ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi r-reġim ta’ eżenzjoni tal-introjtu minn sors barrani tagħha sa tmiem l-2019, adottat emendi suffiċjenti f’konformità mal-impenji tagħha u impenjat ruħha li tindirizza kwistjoni li fadal sal-31 ta’ Awwissu 2020:

 

Saint Lucia

Il-ġurisdizzjonijiet li ġejjin, li ħadu l-impenn li jemendaw jew jabolixxu r-reġimi ta’ taxxa dannużi tagħhom sa tmiem l-2019 iżda nżammu milli jagħmlu dan minħabba dewmien fi proċess fil-Forum tal-OECD dwar Prattiki ta’ Taxxa Dannużi, ingħataw sa tmiem l-2020 biex jadattaw il-leġislazzjoni tagħhom:

 

l-Awstralja, il-Marokk

Il-ġurisdizzjoni li ġejja, li impenjat ruħha li temenda jew tabolixxi r-reġimi ta’ taxxa dannużi tagħha li jkopru attivitajiet ta’ manifattura u attivitajiet simili li mhumiex wisq mobbli sa tmiem l-2019 u wriet progress tanġibbli biex tagħti bidu għal dawn ir-riformi fl-2019, ingħatat sal-31 ta’ Awwissu 2020 biex tadatta l-leġislazzjoni tagħha:

 

in-Namibja

Il-ġurisdizzjoni li ġejja ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi r-reġimi ta’ taxxa dannużi sa tmiem l-2020:

 

il-Ġordan