25.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/31


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u għal oġġetti tal-ikel

(2020/C 317/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“ČESKÝ MODRÝ MÁK”

Nru tal-UE: PGI-CZ-02236 — 3.11.2016

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Český modrý mák”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Iċ-Ċekja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8: Prodotti oħra tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák” hija intiża għaż-żerriegħa tal-peprin ikħal annwali (Papaver somniferum L.) li tissodisfa r-rekwiżiti għall-użu fl-ikel f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet għall-kwalità li jingħataw f’dan id-dokument.

Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák”, li huwa intiż għall-użu fil-prodotti tal-ikel u għar-rilaxx għall-konsum mill-konsumatur finali jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi.

Dehra: żerriegħa forma ta’ kilwa, b’tul ta’ madwar 1 mm, bil-wiċċ imtaqqab b’daqqiet essagonali b’bordura ta’ xfarijiet mqabbżin kemxejn ’il barra, f’saħħithom, mhux milqutin, misjurin, u tajbin biex jinħażnu.

Kulur: vivaċi, ikħal lewn is-sema għal ikħal fil-griż.

Togħma: ħelwa, b’aroma ħafifa ta’ mrar.

Aroma: distinta, tipika taċ-“Český modrý mák”, delikata u pjaċevoli.

Konsistenza: mexxejja, mingħajr biċċiet.

Data kimika u nutrizzjonali:

Data medja nutrizzjonali għal kull 100g ta’ żerriegħa taċ-“Český modrý mák” (magħżula):

kalċju 1 402 mg

ram 2,20 mg

xaħmijiet 45,80 g

żingu 10 mg

niaċina 0,99 mg

manjeżju 333 mg

ħadid 9,50 mg

vitamina E: 4 mg;

sodju 21 mg

tijamina 0,86 mg

manganiż 2 mg

fosforu 854 mg.

vitamina B6: 0,55 mg;

potassju 705 mg;

riboflavin 0,17 mg

Il-kontenut ġenerali ta’ morfina, ta’ tebaina u ta’ kodeina ma jistax jaqbeż il-25mg/kg fuq wiċċ iż-żerriegħa, u ż-0,8% f’materja niexfa tal-kapsula. Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák” ma jista’ bl-ebda mod jiġi mfixkel maż-żerriegħa tal-peprin teknika prodotta bħala materja prima għall-użu farmaċewtiku.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-kultivazzjoni, il-ħsad u t-tnixxif

Il-prodott jitkabbar f’ħamrija adattata fiż-żoni identifikati, u l-ħsad irid ikun tlesta sal-20 ta’ April.

Il-ħsad taż-żerriegħa jista’ jsir bil-magni (normalment fl-agrikultura konvenzjonali), jew possibbilment bl-idejn (speċjalment fil-każ tal-biedja organika).

It-taħlita ta’ tiben tal-peprin u ta’ żrieragħ trid titnixxef kompletament fi swali b’ventilazzjoni attiva.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott ma jistax jitħallat ma’ prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-konfini taż-żona ġeografika huma ddefiniti kif ġej:

fil-Lbiċ: Chebská pánev, Český les, Šumava, Blanský les and u l-għoljiet ta’ Novohradské hory;

fin-Nofsinhar: Třeboňská pánev, ix-xifer tan-nofsinhar ta’ Českomoravská vrchovina, u x-Xmara Dyje u x-Xmara Morava lil hinn minn Hodonín;

fix-Xlokk: it-trufijiet fil-Lvant u fit-Tramuntana taż-żona tal-pajsaġġ protetta tal-Bílé Karpaty;

fil-Lvant: it-trufijiet fil-Punent, fit-Tramuntana u fix-Xlokk taż-żona tal-pajsaġġ protetta tal-Beskydy;

fil-Punent, iż-żona hija delimitata mix-Xmara Ohře,

il-konfini tal-Majjistral huwa definit mill-Mostecká pánev u mix-Xmara Elbe sa Děčín;

il-konfini tat-Tramuntana huwa definit mix-xmajjar Ploučnice u Kamenice, minn Lužické hory kif ukoll minn Liberecká pánev, mill-għoljiet fin-Nofsinhar ta’ Krkonoše, Broumovské hory u mill-għoljiet fin-Nofsinhar ta’ Orlické hory;

fil-Grigal: l-għoljiet ta’ Kralický Sněžník, Rychlebské hory u Zlatohorská vrchovina, ix-Xmara Opavice sa fejn tiltaqa’ max-Xmara Opava, ix-Xmara Opava sa fejn tiltaqa’ max-Xmara Oder, ix-Xmara Oder sa fejn tiltaqa’ max-xmara Olše, ix-Xmara Olše sa’ fejn tiltaqa’ max-Xmara Lomná u x-Xmara Lomná saż-żona tal-pajsaġġ protetta ta’ Beskydy.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-applikazzjoni biex tiġi rreġistrata ċ-“Český modrý mák” hija bbażata fuq il-proprjetajiet sensorjali u nutrizzjonali ta’ din iż-żerriegħa tal-peprin, li jiddistingwuha minn żrieragħ oħra tal-peprin fis-suq u li huma marbuta mal-kultivazzjoni fiż-żona ġeografika.

Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografija Protetta “Český modrý mák” jipprovdi aroma u togħma karatteristika, billi ż-żrieragħ ta’ peprin ikħal l-ieħor, b’mod partikolari l-varjanti ta’ lewn ċar, qajla għandhom togħma u riħa, jew xejn affattu, u minħabba l-episperma rqiqa ħafna tagħhom, huma neqsin mill-fibra u l-linjina u minn sustanzi oħra li jakkumpanjaw, li huma importanti ħafna għat-togħma. Iċ-“Český modrý mák” huwa għalhekk prodott bi proprjetajiet sensorjali karatteristiċi li jiddistingwuh minn peprin ieħor. Iż-żerriegħa tal-peprin li fiha bejn 40 u 60% ta’ żjut b’valur għoli (jippredomina l-aċidu linoleiku, kif ukoll l-aċidi oleiċi, palmitiċi, steariċi kif ukoll linoleniċi).

Il-karatteristiċi uniċi tal-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák” huma marbuta ma’ taħlita ta’ tipi ta’ ħamrija u ta’ reġjuni klimatiċi fiż-żona ġeografika inkwistjoni, kif ukoll ma' tradizzjoni ta’ kultivazzjoni tal-peprin f’dawn il-kundizzjonijiet għal iktar minn 150 sena. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta tinkludi ż-żoni kollha bit-tipi ta’ ħamrija ddefiniti sa għoli ta’ 700 m ’l fuq mil-livell tal-baħar. Ir-reġjuni magħżula għall-kultivazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta jinkludu reġjuni klimatiċi sa għoli ta’ 700 m, fejn l-aħjar kundizzjonijiet tal-produzzjoni jinsabu fiż-żoni li għandhom xi ftit tal-għoljiet jew huma ċatti b’għoli ta’ bejn 300 u 700 m f’żoni tal-produzzjoni tal-pitravi u tax-xgħir jew tal-patata u tal-qamħ. (Vrbenský, 1960). Ir-reġjuni klimatiċi identifikati fuq il-mappa tar-reġjuni klimatiċi tar-Repubblika Ċeka jikkorrispondu sostanzjalment mat-tipi ta’ ħamrija.

(a)   Tipi ta’ ħamrija speċifikata:

pararendzina, rendzina (leptosol (kalkarja)), regosol arenika, fluvisol, smonice (vertisol), ċernożem (ħamrija sewda), ċernika, xedożem (ħamrija griża), ħnedożem (ħamrija kannella), luvisol, kambisol modali, kambisol aċidika, kambisol distrika, kambisol ewtrofika, pelożem (kambisol taflija), pseudogley (stanjosol), gley, organosol, antrosol.

(b)   Reġjuni klimatiċi:

sħan, nexfin; sħan, moderatament nexfin; sħan, moderatament umdi; moderatament sħan, nexfin u moderatament sħan, moderatament umdi; moderatament sħan (għal sħan), umdi ferm; moderatament sħan, umdi.

Il-kwalità taċ-“Český modrý mák” hija sostanzjalment determinata mill-kundizzjonijiet klimatiċi, speċjalment it-temperaturi u x-xita tul is-sena, li jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk f’żoni oħra. Dan huwa speċjalment importanti meta jitqies mat-tipi ta’ ħamrija preżenti fiż-żona ddefinita. Id-differenza ewlenija bejn il-klima fir-reġjuni klimatiċi definiti u l-klimi kostali tidher l-iktar fil-perjodu tax-xitwa (il-livelli ta’ riżervi ta’ umdità fil-bidu tar-rebbiegħa huma ogħla u allura iktar adattati għaż-żrigħ) u wkoll mill-fatt li fix-xhur tas-sajf hemm inqas umdità u din ma’ tħallix impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-peprin, billi l-peprin mhux kapaċi jirreżisti t-temp umdu meta jsir. In-nuqqas tal-ilma huwa fattur limitanti negattiv sinifikanti għall-produzzjoni tal-peprin. Iċ-“Český modrý mák” jirrikjedi tipi ta’ ħamrija strutturali b’ġestjoni ta’ ilma tajba; il-kundizzjonijiet fit-tipi ta’ ħamrija indikati huma ideali għaliex jippermettu li l-għelejjel jinżergħu fil-ħamrija kiesħa, li żżomm tal-inqas l-umdità li tibqa’ minn tax-xitwa u l-kondensazzjoni mill-ħamrija u l-umdità tal-arja. It-temp xemxi u sħun huwa ideali fir-reġjuni klimatiċi użati biex jitkabbar il-peprin, li hija pjanta tal-jiem twal. Dan it-temp huwa wkoll mixtieq meta l-kapsuli jwarrdu u jsiru għaliex iħaffef il-proċess. Ir-rekwiżiti tas-sħana jinbidlu waqt il-veġetazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu ssodisfati biss fir-reġjuni klimatiċi tar-Repubblika Ċeka, għaliex klimi eċċessivament sħan għandhom effett negattiv fuq il-formazzjoni tax-xaħmijiet u, minħabba l-korrelazzjoni negattiva bejn il-kontenut tal-lipidi u tal-proteina, iwasslu għal żieda fil-proteini, il-prekursuri tal-morfina.

Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák” huwa pjanta tal-peprin żejtnija kkaratterizzata minn kontenut ta’ alkalojd baxx u livelli konsiderevolment iktar baxxi ta’ tebaina u ta’ morfina, li hija proprjetà tipika, indikata wkoll fil-propjetajiet sensorjali (aroma u togħma). Analiżijiet fit-tul imwettqa fir-Repubblika Ċeka u f’laboratorji barranin ikkonfermaw li l-kontenut ta’ morfina fil-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák” huwa taħt il-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni lokali. Il-prodott huwa kkaratterizzat minn kontenut baxx ħafna ta’ alkalojdi oħra. Iż-żrieragħ tal-peprin l-oħra jridu jiġu pproċessati għall-użu fl-ikel, minħabba li l-kontenut tagħhom ta’ morfina, pereżempju, jista’ jkun sa għaxar darbiet ikbar. Madankollu, il-propjetajiet ta’ kwalità u sensorjali (togħma, aroma) ta’ dawk il-varjetajiet ta’ peprin jiddeterjoraw tul tali pproċessar (ħasil taż-żerriegħa, termostabbilizzazzjoni, eċċ.). Fi kliem ieħor, il-karatteristiċi sensorjali pożittivi tal-prodott, li huma koperti mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák”, jokkorru naturalment kawża taż-żona ġeografika li minnha joriġina l-prodott, u m’hemmx bżonn ta' pproċessar.

Il-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika tal-prodott “Český modrý mák” għandu proprjetajiet nutrizzjonali ta’ benefiċċju u fih ammont sinifikanti ta’ ingredjenti djetetiċi. Għandu kontenut għoli ferm ta’ kalċju (600 darba ogħla mid-dqiq tal-qamħ u disa’ darbiet ogħla minn ħabb il-ġewż), kontenut għoli ta’ vitamina E, aċidu pantoteniku, nijaċina u tijamina u kontenut għoli ta’ minerali (ram, żingu, manjeżju, ħadid).

Barra minn hekk, il-latitudni ogħla u l-għoli iktar favorevoli jħalli effett pożittiv fuq il-ħolqien ta’ proporzjon ogħla ta’ aċidi xaħmin mhux saturati b’viskożità iktar baxxa u b’tendenza iktar baxxa li jiġu ossidizzati. Jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-valuri nutrizzjonali ta’ benefiċċju. Tinsab xhieda ta’ dan minn studji ta’ esperti u minn riżultati ta’ esperimenti li jippermettu d-detezzjoni tal-aġir tal-aċidi xaħmin u tal-esteri tagħhom (Steinbach M, Lazarovici M, Ille C, et al. Rev Tomaine Med Ing1, 451, 1964; Vereschagin AG, Biochimija 27, 1866, 1962). Il-prodott imkabbar f’dan ir-reġjun klimatiku fih ammont sinifikanti ta’ linoleniku u ta’ aċidu linoleiku. Dan ikompli jikkonferma n-natura speċifika tal-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Český modrý mák”, li toriġina minħabba l-karatteristiċi distinti tiegħu attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu (Zehnálek P., ‘Mák – stále nedoceněný’ [Il-Peprin – Dejjem sottovalutat], 4, Výživa a potraviny [Nutrizzjoni u ikel] 5/2016).

Meta wieħed iqis il-karatteristiċi ta’ kwalità tiegħu, iċ-“Český modrý mák” għandu valur għoli f’għadd ta’ pajjiżi - kif jidher mill-fatt li iktar minn 85% taż-żerriegħa taċ-“Český modrý mák” tiġi esportata. Huwa ingredjent popolari għall-ikel , speċjalment fil-pajjiżi fejn iż-żerriegħa tal-peprin tintuża fil-mili ta’ prodotti tal-furnara.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://isdv.upv.cz/webapp/resdb.print_detail.det?pspis=OP/263


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.