26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 281/2


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 281/02)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“HARICOT DE CASTELNAUDARY”

Nru tal-UE: PGI-FR-02450 – 8.3.2019

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Haricot de Castelnaudary”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

L-“Haricot de Castelnaudary” hija fażola bajda niexfa tal-ispeċi Phaseolus vulgaris tat-tip lingot, li hija kkaratterizzata minn:

kulur abjad avorju,

ħabba kbira fejn il-piż ta’ elf ħabba huwa bejn 440 u 690 gramma,

forma ċilindrika u forma ta’ kilwa,

kontenut ta’ ndewwa ta’ mhux aktar minn’ 16 %,

riidratazzjoni rapida li tillimita l-ħin tal-għaddis għal massimu ta’ siegħa sa erba’ sigħat.

Tiġi kkummerċjalizzata biss bħala fażola niexfa.

Bis-saħħa ta’ din il-kapaċità ta’ riidratazzjoni, l-“Haricot de Castelnaudary” ladarba msajra tiżviluppa, fil-ħalq, il-karatteristiċi organolettiċi li tirtab u tinħall. Iżżomm il-koeżjoni tagħha u s-sensazzjoni ta’ finezza tal-qoxra tagħha. Dawn il-karatteristiċi huma distinti u huma mfittxija ħafna minn dawk li jippreservaw il-prodotti tal-ikel u mis-sidien ta’ ristoranti.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet tal-produzzjoni kollha (miż-żriegħ sal-ħsad) tal-“Haricot de Castelnaudary” iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-bejgħ bl-ingrossa lill-konsumatur individwali hu eskluż.

Għal UVCS (Unità għall-Bejgħ lill-Konsumatur), l-“Haricot de Castelnaudary” hija ppakkjata fi xbieki, boroż bit-toqob żgħar, kaxxi żgħar, basktijiet tal-ġuta jew kwalunkwe imballaġġ ieħor bla arja.

L-ippakkjar bl-ingrossa huwa maħsub għall-ipproċessar.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Haricot de Castelnaudary” testendi fit-territorju ta’ 69 muniċipalità li ġejjin tad-département ta’ Aude:

Airoux, Baraigne, Belflou, Belpech, Bram, Cahuzac, Carlipa, Cassaigne (La), Cassés (Les), Castelnaudary, Cazalrenoux, Cumiès, Fajac-la-Relenque, Fanjeaux, Fendeille, Fonters-du-Razès, Force (La), Gaja-la-Selve, Generville, Gourvielle, Issel, Labastide-d'Anjou, Lafage, Lasbordes, Laurabuc, Laurac, Louvière-Lauragais (La), Marquein, Mas-Saintes-Puelles, Mayreville, Mézerville, Mireval-Lauragais, Molandier, Molleville, Montferrand, Montmaur, Montauriol, Orsans, Payra-sur-l'Hers, Pécharic-et-le-Py, Pech-Luna, Peyrefitte-sur-l'Hers, Peyrens, Pexiora, Plaigne, Plavilla, Puginier, Ribouisse, Ricaud, Saint-Amans, Sainte-Camelle, Saint-Gaudéric , Saint-Julien-de-Briola, Saint-Martin-Lalande, Saint-Michel-de-Lanès, Saint-Papoul, Saint-Paulet, Saint-Sernin, Salles-sur-l'Hers, Souilhanels, Souilhe, Soupex, Tréville, Villasavary, Villautou, Villeneuve-la-Comptal, Villepinte, Villesiscle, Villespy.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u l-karatteristiċi tal-“Haricot de Castelnaudary” li jirriżultaw minn fatturi naturali u umani fiż-żona. Il-kultivazzjoni tagħha hija adatta għall-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tat-temp, u b’hekk ikun possibbli li tinkiseb ħabba li tikkonforma mal-karatteristiċi mistennija (riidratazzjoni rapida, konsistenza tal-ħabba u l-mod kif tinħall il-qoxra) mill-utenti, b’mod partikolari dawk li jippreservaw il-prodotti tal-ikel u s-sidien tar-ristoranti, li jiffurmaw ir-reputazzjoni tagħha.

Iż-żona ġeografika tal-“Haricot de Castelnaudary”, li tinsab fil-Punent estrem tad-département ta’ Aude, tinsab f’żona ta’ pjanuri u għoljiet mhux enfasizzati (il-mogħdija ta’ Lauragais) li l-altitudni tagħha hija bejn 100 u 300 metru għoli.

L-irjieħ huma l-element ewlieni fil-klima. Għall-irjieħ, iż-żona ta’ Castelnaudary, b’medja ta’ xita ta’ 650 mm fis-sena, hija reġjun ta’ tranżizzjoni bejn ir-reġjuni soġġetti għall-klima tal-Atlantiku u dawk affettwati mill-influwenza tal-klima Mediterranja.

Hemm żewġ tipi ta’ rjieħ fiż-żona madwar 300 jum fis-sena:

Is-Cers, riħ mill-Punent preżenti 200 jum fis-sena, huwa riħ frisk u moderat, li jtaffi l-effetti tat-temperaturi għoljin ħafna u fix-xitwa, riħ kiesaħ li jonfoħ ħafna,

L-Autan, riħ tal-baħar mil-Lvant li jonfoħ 100 jum fis-sena, fis-sajf huwa riħ niexef peress li jitnixxef bl-effett ta’ Foehn bejn il-katina tal-Pirinej lejn in-Nofsinhar u mill-Montagne Noire lejn it-Tramuntana.

Iż-żona tal-produzzjoni għandha temperaturi sħan fis-sajf (medja ta’ 25 sa 28 °C) u temperaturi ħfief fix-xitwa (medja ta’ madwar 10 °C) u hija protetta mir-raxx komuni permezz tal-limitu ta’ Naurouze, tal-Montagne Noire u tal-għoljiet ta’ qabel il-Pirinej.

Il-melassa ta’ Castelnaudary u l-formazzjonijiet ġeoloġiċi assoċjati huma fil-biċċa l-kbira fil-qiegħ tal-ħamrija fejn titkabbar il-fażola. Il-ħamrija taż-żona ġeografika hija fonda, ftit imġebbla u għandha bilanċ tajjeb bejn tafal/trab ġulġlieni. Prinċipalment, din hija ħamrija taflija bil-ġir b’konsistenza bi trab ġulġlieni taflija u ramlija.

Bit-tkabbir tal-manifattura industrijali tal-cassoulet (stuffat tal-fażola) fir-reġjun bejn l-1960 u l-1980, il-produtturi taż-żona żviluppaw u aġġornaw l-għarfien espert tal-antenati fil-kultivazzjoni tal-Haricot de Castelnaudary.

Għal dan il-għan, dan l-għarfien tal-produtturi huwa espress f’termini ta’:

id-determinazzjoni tal-aħjar perjodu taż-żrigħ (ħamrija T° ≥ 10 °C) fuq irqajja’ ta’ art magħżula għall-karatteristiċi taflija u bi trab ġulġlieni tagħhom,

l-għarfien perfett tal-ħtiġijiet tal-uċuħ tar-raba’ permezz ta’ sistema ta’ twissija u network ta’ irrigazzjoni effiċjenti;

l-aħjar perjodu ta’ ħsad fl-istadju tal-parċmina (fosdqa safra/kannella, malleabbli u weraq aħdar jew kannella fuq il-pjanta biex jiġi evitat kull riskju ta’ tfesdiq) għal tnixxif naturali u rapidu fl-għalqa (inqas minn 5 ġranet).

L-attivitajiet tal-ġbir, tas-separazzjoni u tal-ħażna tal-“Haricot de Castelnaudary” ġew żviluppati wkoll matul is-snin fuq il-bażi tal-għarfien espert f’dawn l-oqsma (il-ġestjoni tal-kontenut ta’ ndewwa, l-indafa tal-lottijiet, il-klassifikazzjoni).

L-“Haricot de Castelnaudary” għandha ħabba niexfa ta’ kulur abjad avorju. Il-piż ta’ elf ħabba huwa bejn 440 sa 690 gramma, u l-“Haricot de Castelnaudary” għandha forma ta’ ċilindru u forma ta’ kilwa li hija karatteristika tal-lingots u għandha kontenut ta’ ndewwa ta’ 16 % jew inqas.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Haricot de Castelnaudary” huma:

ir-riidratazzjoni rapida tal-ħabba mhux ipproċessata li tillimita l-ħin tal-għaddis (għal massimu ta’ siegħa sa erba’ sigħat),

is-sensazzjoni tal-finezza tal-qoxra tagħha, li wara t-tisjir, ma tkunx distinta aktar mill-fażola nnifisha, jiġifieri l-konsistenza “ratba” u “li tinħall” tagħha,

il-koeżjoni tal-ħbub imsajra tagħha.

Dawn il-karatteristiċi speċifiċi u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi organolettiċi li huma l-konsistenza ratba u li tinħall, kif ukoll il-veloċità tar-riidratazzjoni, jiddeterminaw il-kwalità mfittxija minn dawk li jippreservaw il-prodotti tal-ikel u mis-sidien tar-ristoranti fiż-żona ta’ Castelnaudary sabiex itejbu l-platt tradizzjonali tagħhom: il-cassoulet.

Il-kwalitajiet tal-“Haricot de Castelnaudary” huma marbuta mal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona u mal-għarfien espert tal-operaturi kollha tagħha.

L-għarfien espert tal-ħtiġijiet għall-ilma u l-iskeda tar-rjieħ huma l-fattur determinanti għal tkabbir perfett u għal tnixxif rapidu tal-fażola.

Il-finezza tal-qoxra u l-konsistenza li tinħall wara t-tisjir tal-“Haricot de Castelnaudary” ġejjin mit-taħlita tal-karatteristiċi tal-ħamrija taflija bi trab ġulġlieni fil-fond u minn xita regolari li tippermetti provvista tajba tal-ilma għall-kultivazzjoni kif ukoll l-għarfien espert tal-ħtiġijiet tal-ilma għall-kultivazzjoni mill-produttur. Il-kundizzjonijiet tal-ambjent, l-użu ta’ sistema ta’ tisqija effiċjenti u l-għarfien tal-produtturi jevitaw stress tal-ilma.

Fi tmiem l-istaġun tal-kultivazzjoni, il-klima sħuna, niexfa bir-riħ, flimkien mal-użu ta’ proċessi teknoloġiċi effiċjenti, jiżguraw l-aqwa kwalità tal-“Haricot de Castelnaudary” u l-konsistenza tal-lottijiet. Tabilħaqq, il-preżenza kważi permanenti tar-riħ matul l-istaġun tat-tkabbir tal-pjanta tippermetti li jiġi evitat il-mard prinċipali li jista’ jaffettwa l-fażola, u tippromwovi l-kwalità u l-veloċità tat-tnixxif naturali barra fl-għalqa fi tmiem iċ-ċiklu. Barra minn hekk, l-użu ta’ tagħmir tad-dris adattat għall-fażola jżomm kemm jista’ jkun l-integrità tal-ħbub.

Il-metodi ta’ separazzjoni (separatur tal-ħbub, mejda densimetrika, magna li tneħħi l-ġebliet, separatur ottiku) jiżguraw konsistenza kwalitattiva ottimali tal-“Haricot de Castelnaudary”. Il-lottijiet jikkonsistu minn ħbub sħaħ li għandhom kulur konsistenti, regolari u mingħajr impuritajiet.

Fl-aħħar nett, il-veloċità tar-riidratazzjoni tal-ħabba niexfa, meta titqies il-finezza tal-qoxra tagħha li tirriżulta mill-kombinament tal-kundizzjonijiet naturali taż-żona ġeografika u tal-għarfien espert tal-operaturi, flimkien mal-konsistenza tal-lottijiet, tottimizza l-ħin tal-għaddis. B’dan il-parametru, il-ħin tat-tisjir jiqsar u jiżgura l-aħjar koeżjoni tal-ħabba. Din il-karatteristika tal-“Haricot de Castelnaudary” tikkorrispondi għar-rekwiżit għoli min-naħa tal-proċessuri u tas-sidien tar-ristoranti għall-manifattura tal-cassoulet magħmula minn fażola ratba u li tinħall.

Il-fażola ilha tagħmel parti mill-ikel li jifforma l-bażi alimentari tal-popolazzjoni tar-reġjun mis-seklu XVII.

Felicien PARISET (1807–1886), ir-riċevitur finanzjarju tad-distrett ta’ Castelnaudary jispjega fix-xogħol tiegħu tal-1867 “Economie rurale, mœurs et usages du Lauragais”, li “( ...) l-ikel bid-dqiq li jżommok mimli, bħall-Qamħ, il-Qamħirrun u l-Fażola, jiffurma l-bażi tal-ikel għall-popolazzjoni rurali. Il-ħaddiema jirċievu in natura, għar-rahan u s-salarji tagħhom, kwantità ta’ ċereali, li tkun biżżejjed għall-konsum tagħhom. Jixtru biss it-taħwir tal-ikel. Il-Millas, ċereali tad-dqiq tal-Qamħirrun jew tal-Millieġ, għandu rwol essenzjali fl-ikel. Dan huwa l-platt favorit u, biex ngħidu hekk, dak nazzjonali tan-Nofsinhar [...] Ieħor favorit f’Lauragais huwa l-cassoulé, magħmul mil-laħam tal-majjal u l-fażola (...)”.

Ir-reputazzjoni tajba tal-“Haricot de Castelnaudary” ġejja mill-fatt li hija l-ingredjent prinċipali tal-produzzjoni tal-cassoulet.

Il-cassoulet fil-fatt jappartjeni għall-wirt kulinari tar-reġjun u b’mod partikolari għall-belt kapitali tiegħu, Castelnaudary.

Naturalment dan wassal biex l-atturi ewlenin fil-manifattura tiegħu stabbilew ruħhom hemm.

Fl-1836, f’Castelnaudary, twaqqfet l-ewwel fabbrika industrijali tal-cassoulet. Matul is-snin bejn l-1960 u l-1980, ħames kumpaniji li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-fatturat relatat mal-produzzjoni tal-cassoulet inbnew madwar Castelnaudary.

Id-domanda qawwija u t-tkabbir ġdid fil-produzzjoni tal-“Haricot de Castelnaudary” huma marbuta mal-iżvilupp tal-cassoulet.

Minn dak iż-żmien , l-iżvilupp fil-produzzjoni tal-cassoulet ta’ Castelnaudary wassal għal ħtieġa dejjem tikber għall-ingredjent ewlieni tiegħu: il-fażola. L-espansjoni tagħha tant kienet rapida li l-proċessuri ta’ dan il-cassoulet fil-bidu kellhom jakkwistaw il-provvisti tagħhom barra mill-Ewropa. Huma malajr ħeġġew lill-bdiewa fiż-żona biex iniedu mill-ġdid il-produzzjoni ta’ din il-kultivazzjoni emblematika, li kienet tagħmel parti mis-suċċess tar-riċetta tagħhom: l-“Haricot de Castelnaudary”.

Fl-1992, il-produzzjoni tassew ngħatat il-ħajja mill-ġdid bis-saħħa tax-xiri konġunt ta’ tagħmir bi prestazzjoni għolja u l-ħolqien tal-Kooperattiva tal-Produtturi.

Minn din it-tnedija tal-produzzjoni b’mod organizzat, is-sidien tar-ristoranti u dawk li jippreservaw il-prodotti tal-ikel qed jerġgħu jużaw l-“Haricot de Castelnaudary” biex jagħmlu l-cassoulets; il-produzzjoni attwali hija fil-fatt essenzjalment riservata għall-produzzjoni ta’ cassoulets tal-aqwa kwalità.

Bil-kwalitajiet speċifiċi tagħha, l-“Haricot de Castelnaudary” tissodisfa l-ħtiġijiet tal-produtturi tal-Cassoulet ta’ Castelnaudary, u kisbet reputazzjoni tali fost il-konsumaturi li ġie żviluppat imballaġġ żgħir għall-bejgħ.

Il-Festival tal-Fażola, li tnieda fl-1999 mill-Kooperattiva tal-Produtturi tal-“Haricot de Castelnaudary”, kellu suċċess kbir. Imbagħad dan sar festival tal-Cassoulet biex dan is-settur jingħata importanza globali (produtturi, sidien ta’ ristoranti u dawk li jippreservaw il-prodotti tal-ikel). Fil-festival tal-Cassoulet fl-2017, ġew servuti biss biss sa 40 000cassoulet.

"Ir-rotta tal-cassoulet", biex in-nies jiskopru d-diversi komponenti tiegħu, tinkludi żjarat organizzati fl-azjendi agrikoli tal-produtturi tal-fażola, inkluż l-“Haricot de Castelnaudary”. li tikkostitwixxi l-ingredjent l-aktar rappreżentattiv.

Bħalissa madwar 50 ristorant u 13-il produttur li jippreservaw il-prodotti tal-ikel joffru dan il-platt tradizzjonali fiż-żona tal-produzzjoni. Id-domanda tagħhom għall-“Haricot de Castelnaudary” qed tiżdied il-ħin kollu. Il-kok tal-lukanda rurali “Le Tirou”, f’Castelnaudary, imsemmi fil-Gwida Michelin 2019, jispeċifika: “L-“Haricot de Castelnaudary” ma teħtieġx ħin twil tal-għaddis, u lanqas għat-tisjir. Għaldaqstant, hija tajba ħafna għat-tisjir (...) ”. Il-kok, Robert Rodriguez, tar-ristorant gastronomiku eponimu f’Carcassonne min-naħa tiegħu jgħid: “Din il-fażola għandha qoxra rqiqa ħafna u wara t-tisjir ma hemm l-ebda distinzjoni mill-qoxra ratba u li tinħall tagħha ( ...)”. La Maison Escourrou, ditta li ilha tippreserva l-prodotti tal-ikel f’Castelnaudary mill-1963, iżżid li: “Il-kooperattiva tfornini b’lottijiet konsistenti;; għalhekk ma għandix bżonn nistabbilixxi proċess ta’ pproċessar ma’ kull konsenja ġdida, li huwa impossibbli bil-fażola importata”.

Il-passjoni tal-konsumaturi għall-prodotti lokali ta’ kwalità u l-impatt ekonomiku dejjem jikber ta’ din il-produzzjoni fuq il-bilanċ finanzjarju tal-azjendi agrikoli fiż-żona jiggarantixxu żieda fiż-żoni kkultivati.

Il-Fédération Nationale des Légumes Secs regolarment toħroġ pubblikazzjonijiet dwar il-vantaġġi tal-fażola, fejn l-“Haricot ta’ Castelnaudary” hija deskritta bħala “(...) bajda u tat-tip lingot b’qoxra rqiqa (...)” (FNLS, fajl għall-istampa 2016).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-HaricotCastel.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.