5.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fi Speċifikazzjoni ta’ Prodott, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 257/04)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

“FIGUE DE SOLLIES”

Nru tal-UE: PDO-FR-00544-AM01 – 23.10.2018

DOP (X) IĠP ()

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Syndicat de défense de la figue de Solliès

345, chemin des Laugiers

83 210 Solliès-Pont

FRANCE

Telefown: +33 494289437

Faks: +33 0494333173

Posta elettronika: copsol@wanadoo.fr

Kompożizzjoni: produtturi, dawk li jippakkjaw u impjanti tal-iffriżar

Status legali: il-grupp huwa trejdjunjin professjonali rregolata mill-Kodiċi tax-Xogħol. Huwa l-korp uffiċjalment rikonoxxut mill-Istat Franċiż għall-ġestjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Figue de Solliès”. Għaldaqstant, huwa leġittimu li dan jitlob il-bidliet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: korp ta’ kontroll, rekwiżiti nazzjonali, żona ġeografika.

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata, li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti), li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

5.1.   L-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”

Il-kitba inizjali tad-deskrizzjoni tal-“Figue de Solliès” ġiet emendata sabiex tinkorpora l-karatteristiċi speċifiċi tal-frott maħsub għall-ipproċessar kif ukoll it-tolleranzi previsti għall-frott li jittiekel frisk u għall-frott maħsub għall-ipproċessar.

Għalhekk, il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u tad-Dokument Uniku:

“Il-Figue de Solliès hija tina vjola mill-varjetà ta’ Bourjassotte Noire, li tinbiegħ friska u sħiħa, u għandha dijametru ta’ 40 millimetru jew aktar. Il-qoxra tagħha ma għandhiex marki tal-insetti, ma għandhiex toqob u marki tal-weraq (traċċi tal-werqa li ħakket mal-frotta). Ikkaratterizzata minn togħmiet bilanċjati aċidużi u ħelwin, il-Figues de Solliès għandha kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed, li jiggarantixxi preservazzjoni tajba waqt l-ippakkjar. Għandha forma ta’ taqtira tal-ilma deformata, ta’ kulur vjola bir-rigi suwed, u hija frotta densa, soda u ratba. Il-ġewwieni tal-frotta huwa fin u ta’ kulur aħdar ċar, hija mlaħħma, tleqq u mmerrqa, u hija ta’ kulur ħamrani lewn il-ġamm tal-frawli b’ħafna żrieragħ fini ta’ kulur beige. Għandha riħa delikata, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u frott aħmar ieħor. Għandha togħma karatteristika bbilanċjata aċiduża u ħelwa, konsistenza li tqarmeċ u li wara ddub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri. L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni jsiru fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kontenut tagħhom m’għandux jaqbeż il-kilo (1 kg).”

Ġiet sostitwita bil-kitba li ġejja, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku (fil-punt [3.2]):

“Il-Figue de Solliès hija tina vjola mill-varjetà ta’ Bourjassotte Noire, li tinbiegħ friska u sħiħa. It-tin frisk huwa maħsub biex jittiekel frisk jew għall-ipproċessar, filwaqt li t-tin iffriżat huwa maħsub għall-ipproċessar biss.

Għall-frott kollu:

It-tina għandha forma ta’ taqtira tal-ilma deformata, ta’ kulur vjola bir-rigi suwed.

Hija frotta densa, soda u ratba.

Il-ġewwieni tal-frotta huwa fin u ta’ kulur aħdar ċar.

Il-polpa hija mlaħħma, tleqq u mmerrqa, ta’ kulur ħamrani lewn il-ġamm tal-frawli b’ħafna żrieragħ fini ta’ kulur beige.

It-tina hija sħiħa u għandha dijametru ta’ 40 millimetru jew aktar (qabel ma tiġi ffriżata).

Il-qoxra tagħha ma għandhiex marki tal-insetti.

Għandha riħa delikata, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u frott aħmar ieħor.

Għandha togħma karatteristika bbilanċjata bejn aċiduża u ħelwa.

Il-laħam tagħha jqarmeċ u wara jdub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri.

Għandha kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed fl-istadju tal-ippakkjar jew tal-iffriżar.

Għall-frott li jittiekel frisk:

Il-qoxra tat-tina ma għandhiex toqob, tiċrit, qsim u marki tal-weraq. Madankollu, jista’ jkollha traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta, sa 5 % tal-wiċċ tagħha.

Għall-frott maħsub għall-ipproċessar:

Il-qoxra tat-tina tista’ tkun mifqugħa, imċarrta, maqsuma, bil-marki tal-weraq, jew ikollha traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta.

Għall-frott li jittiekel frisk u għall-frott maħsub għall-ipproċessar, proporzjon massimu ta’ 10 % ta’ frott mhux konformi għal kull lott huwa aċċettat għall-kriterji kollha msemmija qabel, għajr fir-rigward tal-varjetà u d-daqs li għalihom ma hija pprovduta l-ebda tolleranza.

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott li jittiekel frisk isiru fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kontenut tagħhom ma għandux jaqbeż il-kilo (1 kg).

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott maħsub għall-ipproċessar isiru f’kontenitur li jiflaħ sa massimu ta’ 25 kilogramma.”

L-emenda tikkonċerna prinċipalment iż-żieda tal-frott maħsub għall-ipproċessar u ż-żieda tal-iffriżar (għall-frott maħsub għall-ipproċessar biss).

Id-deskrizzjoni tal-prodott issa tiddistingwi l-karatteristiċi komuni tal-“Figue de Solliès”, irrispettivament mill-iskop tagħha (miġbura fil-paragrafu intitolat “għall-frott kollu”), identiċi għad-deskrizzjoni li tinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ (forma, kulur, konsistenza, meraq, karattru sħiħ, daqs minimu, karatteristiċi organolettiċi, kontenut minimu ta’ zokkor…), u l-karatteristiċi speċifiċi tat-tina, skont l-iskop tagħha (miġbura f’paragrafi intitolati “għall-frott li jittiekel frisk” jew “għall-frott maħsub għall-ipproċessar”). Qed jingħad ukoll li “dijametru” u “kontenut ta’ zokkor” huma ddefiniti “qabel l-iffriżar” minħabba li huma kriterji ta’ għażla li ftit ivarjaw minn wara li t-tin idub.

Żdiedu wkoll it-tolleranzi (minbarra d-daqs u l-varjetà): il-perċentwal massimu ta’ frott mhux konformi għal kull lott aċċettat u l-perċentwal massimu tal-wiċċ tal-frotta li jista’ jkollu traċċi żgħar ta’ fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta.

Barra minn hekk, il-kitba inizjali li ġejja tad-Dokument Uniku fil-punt [3.5] “Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ”:

Il-lottijiet li jkunu għall-bejgħ iridu jkunu ta’ daqs u kulur omoġenju.

tħassret minħabba li din hija kriterju ta’ għażla, imsemmi fl-intestatura “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Il-grupp applikant fil-fatt jixtieq jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP għat-tina maħsuba għall-ipproċessar (ġamm, chutney, prodotti tal-għaġina, frott imsajjar bil-vakwu…), peress li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ tikkonċerna biss il-frott li jittiekel frisk. Fil-fatt, id-domanda għall-frott għall-ipproċessar hija kbira u ilha tikber mis-snin tmenin. It-tina maħsuba għall-ipproċessar tirrappreżenta aktar minn 20 % tat-tunnellaġġ globali annwali prodott mill-Bourjassote Noire fiż-żona tad-denominazzjoni, jiġifieri fl-2016 qrib it-300 tunnellata (400 tunnellata fl-2015) minn total ta’ 1 400 tunnellata maħsuda (1 600 tunnellata fl-2015).

Il-frott maħsub esklussivament għall-ipproċessar jista’ jkollu ċerti difetti viżivi fuq il-qoxra u jiġi ffriżat. Id-difetti viżivi bħal qoxra mċarrta, mifqugħa, maqsuma jew bil-marki tal-weraq, li spiss huma marbuta ma’ livell għoli ta’ maturazzjoni fil-mument tal-qtugħ tagħhom, mhumiex aċċettati għall-frott individwali li jittiekel frisk li għandu jkollu dehra kważi perfetta (sa 5 % tal-wiċċ tal-qoxra jista’ jkollu traċċi żgħar ta’ fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta). Il-karattru “mingħajr qsim” tat-tina li tittiekel friska ġie speċifikat ukoll f’dan il-kuntest. Min-naħa l-oħra, dawn id-difetti viżivi ma jagħmlux ħsara lill-kwalità organolettika tal-frotta, b’mod partikolari għall-ipproċessar.

L-iffriżar jippermetti li jiżdied il-perjodu tal-preservazzjoni tat-tina (sa sena), b’mod partikolari tal-frott l-aktar misjur li huwa l-aktar imfittex mill-proċessuri għall-kontenut għoli ta’ zokkor tagħhom. Ix-xiri ta’ tin iffriżat jippermetti lill-proċessuri jifirxu l-manifattura tagħhom filwaqt li jiżguraw il-kwalità ta’ prodott li għandu ħajja fuq l-ixkaffa qasira ħafna (ftit ġranet). Testijiet imwettqa mill-grupp fuq numru ta’ snin ippermettew li jiġi vverifikat li l-iffriżar jippermetti ż-żamma tal-karatteristiċi organolettiċi (kulur, togħma, konsistenza) u analitiċi (kontenut ta’ zokkor) tal-“Figue de Solliès”.

L-ippakkjar f’qoffina jew fuq tilari mhuwiex adattat għall-ħtiġijiet tal-proċessuri li jixtru dan il-prodott. Għalhekk, il-frott maħsub għall-ipproċessar, li ħafna drabi jkun iffriżat, jiġi ppakkjat f’kontenituri adattati (xkejjer jew kaxex tal-kartun) li ma jaqbżux il-25 kg sabiex il-frott ma jitgħaffiġx b’mod li huwa ta’ ħsara għalih. Barra minn hekk, spiss it-tin jiġi ffriżat qabel il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar.

5.2.   L-intestatura “Prova tal-oriġini”

Minbarra għadd ta’ emendi formali, l-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jikkonsistu kemm minn aġġornament ġenerali ta’ din l-intestatura bir-rekwiżiti nazzjonali stabbiliti għall-prodotti bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini kif ukoll minn aġġornament sabiex titqies l-introduzzjoni tat-tina maħsuba għall-ipproċessar, possibbilment iffriżata, li jiddistingwiha mit-“tina li tittiekel friska”.

B’hekk, ġiet miżjuda l-kitba li ġejja, li tiddeskrivi s-sistema stabbilita fil-livell nazzjonali:

L-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ permezz ta’ dokumenti matul il-proċess tal-produzzjoni u tal-iffriżar tal-“Figues de Solliès”, flimkien ma’ kontrolli fuq il-post, kif ukoll ma’ proċedura ta’ kontroll sensorjali tal-prodott, tippermetti li jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-prodott, mill-produzzjoni sal-ippakkjar tiegħu.

Kull operatur li jixtieq jinvolvi ruħu skont il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès” għandu jagħmel id-dikjarazzjonijiet li ġejjin lill-grupp u jżomm id-dokumenti u r-reġistri li ġejjin aġġornati, skont il-metodi u ż-żminijiet stipulati.

Id-dikjarazzjonijiet u ċ-ċertifikati ta’ sostenn għandhom isiru fuq il-formoli stampati pprovduti mill-grupp u li jikkonformaw mal-mudelli approvati mid-Direttur tal-INAO. Ir-rekords kollha tal-kultivazzjoni, ir-reġistri, il-kopji taċ-ċertifikati ta’ sostenn u dokumenti oħra li jippermettu monitoraġġ u verifiki tal-volumi u tal-prodotti għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali responsabbli mill-kontrolli.”

Tħassru d-dettalji tal-informazzjoni dwar id-“dikjarazzjoni tal-identifikazzjoni” tal-operaturi, iżda ġie miżjud li din id-dikjarazzjoni tikkonċerna lill-operaturi involuti fil-produzzjoni, fit-tħejjija, fl-iffriżar jew fl-ippakkjar u li din “tiġi milqugħa u rreġistrata mill-grupp”;

Id-“dikjarazzjoni annwali tan-nuqqas ta’ intenzjoni li jiġu allokati l-mezzi tal-produzzjoni” (mhux obbligatorja) saret tissejjaħ “dikjarazzjoni annwali tan-nuqqas ta’ intenzjoni ta’ produzzjoni sħiħa jew parzjali bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini” u tħassru d-dettalji tal-informazzjoni pprovduta.

Id-“dikjarazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni” inizjalment prevista ġiet sostitwita b’“dikjarazzjoni annwali tal-qtugħ” għall-produtturi tat-tin u “dikjarazzjoni annwali tal-produzzjoni” għall-operaturi li jbigħu u jikkonsenjaw tin bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini.

Fid-“dikjarazzjoni annwali tal-produzzjoni”, ġie miżjud li d-dikjarazzjoni tinkludi “il-kwantitajiet ta’ tin ippakkjat u kummerċjalizzat bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini bid-distinzjoni bejn tin li jittiekel frisk u tin maħsub għall-ipproċessar bl-ispeċifikar tal-kwantitajiet li jistgħu jiġu ffriżati”.

Ir-“reġistri tal-kontabbiltà tal-materjal li jintraċċaw il-movimenti kollha tal-prodotti u l-immaniġġjar” ġew sostitwiti b’informazzjoni li issa tqassmet f’żewġ dokumenti separati: “reġistru tal-qtugħ” għall-produttur tat-tin li jindika: “għal kull siġra identifikata bir-referenzi tal-katast: il-kwantitajiet maħsuda skont id-data tal-qtugħ, il-post tal-ħżin tagħhom, il-kwantità li ħarġet, id-data tal-ħruġ u l-iskop tagħhom. Id-data fir-reġistru tinżamm mill-operatur matul is-sena li għaliha tirreferi u s-sentejn ta’ wara”, u “reġistru tal-immaniġġjar” għall-operatur li jagħżel, jikkalibra, jikkummerċjalizza u jikkonsenja t-tin, li jindika: “il-kwantitajiet u l-oriġini tat-tin ipprovdut bir-referenzi taċ-ċertifikati tal-kunsinna, id-dati tat-twettiq tal-operazzjonijiet differenti (il-ħżin, l-għażla, il-kalibrazzjoni, l-ippakkjar, l-iffriżar, il-konsenja), il-kwantitajiet magħżula u kkalibrati, iffriżati, ippakkjati u kkonsenjati bl-ispeċifikar tal-kategorija (tin li jittiekel frisk jew tin għall-ipprocessar, frisk jew iffriżat). Id-data fir-reġistru tinżamm mill-operatur matul is-sena li għaliha tirreferi u s-sentejn ta’ wara”.

Ġiet miżjuda “skeda għall-identifikazzjoni tal-pakketti individwali” li tgħid li “Kull pakkett wieħed maħsub għal-kummerċjalizzazzjoni bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini għandu jiġi identifikat permezz ta’ skeda li tindika tal-anqas: ir-referenza tal-lott, id-data tal-ippakkjar, id-data tal-iffriżar għal-lottijiet iffriżati, l-indikazzjoni “DOP” u, għall-frott maħsub għall-ipproċessar, il-kategorija tal-lott (“ipproċessar-iffriżat” jew “ipproċessar –frisk”)”.

Ġiet miżjuda wkoll “Skeda għall-Palits” li tgħid li: “Kull palit li għandu diversi pakketti individwali għandu skeda li tiġbor fil-qosor l-informazzjoni kollha li tinsab fl-iskeda għall-identifikazzjoni tal-pakketti individwali”.

Għall-monitoraġġ tal-operazzjonijiet ta’ kultivazzjoni mwettqa fl-irqajja’, l-operatur għandu l-opportunità li jieħu nota tal-interventi tiegħu fi kwalunkwe dokument ieħor għajr fir-rekord tal-kultivazzjoni inizjalment previst.

Ġiet miżjuda wkoll, f’din l-intestatura, ir-referenza għall-eżami analitiku u organolettiku previst biex tiġi żgurata l-kwalità u l-konsistenza tal-prodott mad-deskrizzjoni tiegħu: “Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-konsistenza mad-deskrizzjoni tal-prodott kif deskritt qabel fil-punt II, din il-proċedura sħiħa hija ssupplimentata b’eżamijiet sensorjali mwettqa permezz ta’ kampjunar fuq il-lottijiet tat-tin li jkunu lesti għal-kummerċjalizzazzjoni bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini”.

5.3.   L-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”

L-emendi ewlenin li saru huma marbuta mal-introduzzjoni tat-tina maħsuba għall-ipproċessar u eventwalment iffriżata. Ġew miżjuda r-rekwiżiti tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott u xi drabi wasslu għal arranġament mill-ġdid ta’ diversi paragrafi ta’ din l-intestatura sabiex jitqiesu l-iskopijiet differenti tat-tin maħsud, jiġifieri bħala frott li jittiekel frisk jew frott għall-ipproċessar, iffriżat jew le. Minbarra l-emendi marbuta mal-introduzzjoni tal-tina maħsuba għall-ipproċessar, saru emendi oħra.

Il-paragrafu introduttorju li ġej:Il-karatteristika tal-“Figue de Solliès” hija bbażata fuq l-għarfien espert antik ħafna. Dawn it-tekniki ta’ produzzjoni jissodisfaw il-karatteristiċi partikolari tas-siġra tat-tin u tal-ħtiġijiet tagħha u jiżguraw l-ispeċifiċitajiet ta’ dan it-territorju u l-kwalità tal-frott prodott hemmhekk. L-għarfien espert jakkumpanja ċ-ċiklu sħiħ tal-prodott, mill-kura tas-siġra, segwit mill-qtugħ, sal-ippakkjartħassar minħabba li huwa relatat aktar mal-elementi tar-“rabta mal-oriġini ġeografika tal-prodott” milli mad-deskrizzjoni tal-“metodu ta’ produzzjoni”.

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“Tħawwil: kull siġra għandu jkollha erja minima ta’ 25 metru kwadru, u din l-erja tinkiseb billi jiġu mmultiplikati ż-żewġ distanzi bejn ir-ringieli u l-ispazju bejn is-siġar. Id-distanza minima bejn is-siġar għandha tkun mill-inqas 5 metri.

Ġiet issupplimentata u sostitwita bil-kitba li ġejja:

Densità ta’ tħawwil: Kull siġra għandu jkollha erja minima ta’ 25 metru kwadru, u din l-erja tinkiseb billi jiġu mmultiplikati ż-żewġ distanzi bejn ir-ringieli u l-ispazju bejn is-siġar. Id-distanza minima bejn is-siġar, imkejla “minn assi sa assi”, għandha tkun mill-inqas 5 metri meta jitħawlu.

Id-distanzi u l-erjas minimi ta’ tħawwil ma ġewx emendati iżda qed jingħad li l-kejl tad-distanza minima stipulata bejn is-siġar għandu jsir “minn assi sa assi meta jitħawlu”, sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni u sabiex jitqies il-kobor taz-zkuk matul is-snin.

Il-kitba li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“It-tin jinħasad bejn il-15 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Novembru.

Ġiet sostitwita bil-kitba li ġejja:

Id-data tal-qtugħ: id-dati tal-ftuħ u tal-għeluq tal-qtugħ jiġu stipulati kull sena permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tal-INAO fuq proposta tal-grupp”.

Id-dati fissi tal-qtugħ tħassru u ġew sostitwiti bi proċedura annwali ta’ ftuħ u ta’ għeluq tal-qtugħ. Fil-fatt, il-perjodu tal-qtugħ imsemmi inizjalment huwa indikattiv. Fil-prattika, dan jista’ jvarja xi ftit skont is-snin minħabba li huwa importanti li jitqies l-istat reali tal-maturità u tal-kwalità tal-frott skont il-kundizzjonijiet klimatiċi: dewmien fil-maturità minħabba nuqqas ta’ dawl tax-xemx, xita lejn tmiem il-perjodu tal-qtugħ twassal għal tnaqqis fir-rata taz-zokkor u fil-kwalitajiet organolettiċi tal-frott…, eċċ.

Il-proposta tal-grupp se tiġi rraġunata, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontroll, fuq network ta’ rqajja’, tal-kulur tal-frott u tal-kontenut taz-zokkor tiegħu skont il-kriterji ddefiniti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (80 % tat-tin ta’ kulur C2 sa C7 b’referenza għall-“kodiċi tal-kuluri”, kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 14 ° Brix).

Il-kitba inizjali li ġejja:

It-tin jinħasad u jinġarr mis-siġra sal-post tal-ħżin, f’kannestri miftuħa b’kapaċità massima ta’ 20 kilogramma ġiet sostitwita bil-kitba li ġejja:

It-tin jinħasad, jinġarr u jiġi kkonsenjat f’kannestri miftuħa b’kapaċità massima ta’ 20 kilogramma.”

Fir-rigward tal-metodi tal-qtugħ, mal-obbligu li t-tin jinħasad u jinġarr f’kannestri miftuħa ta’ massimu ta’ 20 kg, żdied l-obbligu li t-tin jiġi kkonsenjat f’dawn il-kannestri sabiex tinżamm il-kwalità ta’ dan il-frott fraġli. L-espressjoni inizjali: “mis-siġra sal-post tal-ħżin”, tħassret minħabba n-natura impliċita tagħha.

F’din l-intestatura kollha, saru wkoll emendi purament formali u jikkonsistu b’mod partikolari fis-sostituzzjoni tal-espressjonijiet editorjali negattivi kollha tat-tip “ma jistax ikun aktar minn” bl-espressjonijiet editorjali pożittivi li ġejjin: “huwa anqas minn jew daqs”.

Id-dettall tal-emendi li saru bħala parti mill-introduzzjoni tat-tina maħsuba għall-ipproċessar, eventwalment iffriżata, huwa deskritt hawn taħt:

il-kitba inizjali li ġejja: “Iż-żmien bejn il-ġbir u l-konsenja wara l-ippakkjar ma jaqbiżx il-ħamest ijiem. Matul dan iż-żmien, it-tin jinħażen, mingħajr ma jiġi ttrasferit, f’temperatura li ma taqbiżx it-8 gradi Celsius sabiex ma jbatix l-effetti ħżiena tas-sħana”, ġiet sostitwita, skont l-iskop tat-tina (li tittiekel friska jew għall-ipproċessar), bil-kitbiet li ġejjin, sabiex titqies id-distinzjoni bejn it-tin li jittiekel frisk u t-tin għall-ipproċessar:

Ħżin qabel it-tħejjija: sakemm it-tin jitħejja f’tin biex jittiekel frisk jew f’tin maħsub għall-ipproċessar, it-tin ikkonsenjat jinħażen immedjatament, mingħajr ma jiġi ttrasferit, f’temperatura massima ta’ 8 gradi Celsius”.

U, għat-tin li jittiekel frisk:

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

Wara li jiġi magħżul, it-tin ippakkjat ma jkollux marki tal-insetti u tbajja’; ma jkunx mifqugħ,u lanqas ma jkollu qoxra mċarrta u b’kulur C2 sa C7 b’referenza għall-kodiċi tal-kuluri CTIFL imsemmi hawn fuq. Dan ikollu kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed.

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

It-tin jiġi magħżul, ikkalibrat, ippakkjat u kkonsenjat fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem wara l-qtugħ.

Għażla, kalibrazzjoni u ppakkjar:

It-tin ikollu daqs ta’ 40 mm jew aktar. Dan ma jkollux marki tal-insetti u tbajja’; ma jkunx mifqugħ, imċarrat, maqsum jew b’marki tal-weraq. Madankollu, fuq massimu ta’ 5 % tal-wiċċ tagħha il-qoxra tal-frotta, jista’ jkun hemm traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta. Dan ikun ta’ kulur C2 sa C7 b’referenza għall-kodiċi tal-kuluri CTIFL imsemmi hawn fuq u jkollu kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed.

Minbarra f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-varjetà, proporzjon massimu ta’ 10 % ta’ frott mhux konformi għal kull lott huwa aċċettat.

Għalhekk, it-tul ta’ żmien inizjali massimu ta’ ħamest ijiem wara l-qtugħ għall-ippakkjar u l-konsenja, li ma nbidilx, ġie inkluż mill-ġdid f’din il-kitba.

Il-punt dwar il-kriterji tal-għażla ġie fformulat mill-ġdid u ssupplimentat bl-introduzzjoni ta’ limiti ta’ tolleranza espressi bħala perċentwal ta’ frott mhux konformi. Dawn it-tolleranzi jikkorrispondu, wara diversi snin ta’ produzzjoni u ta’ kontroll tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini, ma’ devjazzjonijiet aċċettabbli fl-għażla ta’ massimu ta’ 3 tiniet mhux konformi minn tilar ta’ 27 tina. Ġew imfakkra l-għażla ta’ tin b’daqs minimu ta’ 40 mm, kif ukoll il-karattru tal-qoxra mingħajr tiċrit, qsim u marki tal-weraq.

Fir-rigward tal-metodi tal-ippakkjar tat-tin (fuq tilar jew f’qoffina), il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni jsiru fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kontenut tagħhom ma għandux jaqbeż il-kilo (1 kg).

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

L-ippakkjar isir immedjatament wara l-għażla u l-kalibrazzjoni.Il-kummerċjalizzazzjoni ssir fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kontenut tagħhom ma għandux jaqbeż il-kilo (1 kg).

Fil-fatt qed jingħad ukoll, għal aktar ċarezza, li dan l-ippakkjar għandu jsir immedjatament wara l-għażla u l-kalibrazzjoni sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tal-frott.

Ir-riarranġament ġenerali tal-paragrafi differenti wassal għall-ħolqien ta’ punt speċifiku dwar il-“ħżin qabel il-konsenja” li jerġa’ jsemmi l-kundizzjonijiet li ġejjin, diġà previsti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għat-tin li jittiekel frisk: “Il-lottijiet ippakkjati jinħażnu fil-kesħa f’temperatura ogħla minn żero u sa massimu ta’ 8 gradi Celsius sakemm jiġu kkonsenjati

U għat-tin għall-ipproċessar:

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet issupplimentata bil-kundizzjonijiet tat-tħejjija u, fejn ikun meħtieġ, tal-iffriżar, tat-tin maħsub għall-ipproċessar. Għalhekk, żdiedu l-kitbiet li ġejjin:

It-tin jiġi magħżul, ikkalibrat, ippakkjat u kkonsenjat, jew imkessaħ bl-għan li jiġi ffriżat, fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem wara l-qtugħ”.

“Għażla, kalibrazzjoni”:

“It-tin għandu daqs ta’ 40 mm jew aktar u huwa ta’ kulur C2 sa C7 b’referenza għall-kodiċi tal-kuluri CTIFL imsemmi hawn fuq. Dan għandu kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed. It-tin ma għandux marki tal-insetti iżda jista’ jkun mifqugħ, imċarrat, maqsum, bil-marki tal-weraq jew ikollu traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta. Ħlief f’dak li jirrigwarda d-daqs u l-varjetà, proporzjon massimu ta’ 10 % ta’ frott mhux konformi għal kull lott huwa aċċettat.

Għalhekk, dan it-tin jissodisfa l-istess rekwiżiti tal-għażla bħat-tin li jittiekel frisk f’termini ta’ daqs, kulur, kontenut ta’ zokkor u nuqqas ta’ marki tal-insetti. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tat-tin li jittiekel frisk, dan jista’ jkun mifqugħ, imċarrat, maqsum jew bil-marki tal-weraq.

“L-ippakkjar, il-ħżin u ż-żmien qabel il-konsenja ta’ tin frisk”:

Malli jiġi magħżul u kkalibrat, it-tin jiġi ppakkjat f’kontenitur li jiflaħ sa 25 kilogramma, magħluq u ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod. Dan jinħażen immedjatament fil-kesħa f’temperatura ogħla minn żero u sa massimu ta’ 8 gradi Celsius sakemm jiġi kkonsenjat.

Minħabba l-kapaċità kbira tiegħu, dawn il-kontenituri huma adattati għall-iskop kummerċjali tal-prodott (l-ipproċessar), filwaqt li tinżamm il-kwalità tal-prodott billi dan huwa limitat għal 25 kg. Barra minn hekk, sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ sostituzzjoni tal-prodott b’tin mhux tad-DOP, ġie previst li l-ippakkjar użat jiġi ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod.

“L-ippakkjar, il-ħżin, l-iffriżar u ż-żmien qabel il-konsenja ta’ tin iffriżat”:

Ħżin minn qabel fil-kesħa:

Malli jiġi magħżul u kkalibrat, it-tin jinħażen fil-kesħa f’temperatura ogħla minn żero u sa massimu ta’ 8 gradi Celsius għal 12 sa 24 siegħa, f’kontenitur li jiflaħ sa 25 kilogramma.”

It-tin maħsub għall-iffriżar jinħażen ukoll f’kontenituri limitati għal 25 kg sabiex tinżamm il-kwalità tal-prodott. Wara l-għażla li tista’ tgħolli t-temperatura tal-frott, it-tranżizzjoni għat-tkessiħ tat-tin, qabel l-iffriżar, għal 12 sa 24 siegħa f’kamra kiesħa ta’ massimu ta’ 8 gradi Celsius tippermetti li jiġi evitat xokk termiku kbir wisq li jista’ jaffettwa l-kwalità tal-frott.

Iffriżar:

Wara li jinħażen fil-kesħa, it-tin jiġi ffriżat b’mod li t-temperatura tal-qalba tiegħu tinżel sa -18° Celsius jew anqas fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem wara d-data tal-iffriżar.

L-operaturi mhumiex mgħammra b’faċilitajiet li jippermettu ffriżar rapidu. Madankollu, l-esperjenza uriet li żmien massimu ta’ ħamest ijiem fil-friża huwa ideali sabiex jinżammu l-karatteristiċi tal-“Figue de Solliés”.

L-ippakkjar tat-tin iffriżat:

It-tin jiġi ppakkjat f’kontenitur li jiflaħ sa massimu ta’ 25 kilogramma, magħluq u ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod.

Peress li huwa maħsub għall-ipproċessar, it-tin jiġi ppakkjat f’kontenituri kbar, għall-kuntrarju tat-tin li jittiekel frisk. Madankollu, il-kapaċità tagħhom hija limitata għal 25 kg sabiex jiġi evitat li jkun hemm wisq trassis li jista’ jkun ta’ ħsara. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata kull sostituzzjoni tal-prodott b’tin minn oriġini ġeografika oħra, huwa meħtieġ li l-imballaġġ ikun mgħammar b’sistema li tippermetti li tiġi vverifikata l-integrità ta’ dan it-tin.

Il-perjodu ta’ preservazzjoni tat-tin iffriżat:

It-tin iffriżat jibbenefika mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès” għal perjodu massimu ta’ sena wara l-iffriżar”.

Il-perjodu massimu ta’ preservazzjoni tal-frott iffriżat jippermetti, minn naħa, li jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tal-prodott u min-naħa l-oħra, li jiġi evitat it-tqegħid fis-suq fl-istess ħin ta’ snin differenti ta’ qtugħ.

Il-kitba li ġejja li tinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ukoll fil-punt [3.5] tad-Dokument Uniku fis-seħħ:

“L-ippakkjar b’mod obbligatorju, irid iseħħ fiż-żona ġeografika għaliex il-frotta hija fraġli u b’tali mod li tiġi ppreservata l-kwalità u l-karatteristiċi tagħha. Fil-fatt, it-tina hija frotta li ġeneralment ma tantx iżżomm jekk tkun trasportata u f’ambjent mhux stabbli. Għalhekk, it-tina għandha tiġi mmanipulata l-inqas possibbli u ppakkjata malajr kemm jista’ jkun fil-kontenituri filwaqt li jiġi evitat li titgħaffeġ (f’tilar jew qoffina li l-kontenut tagħhom ma jaqbiżx il-kilo (1 kg)). Barra minn hekk, minħabba l-fraġilità tagħha,il-frotta trid tiġi pproċessata hekk kif tinġabar, jiġifieri fil-post fejn isir il-ġbir, mill-produtturi taż-żona ġeografika li għandhom l-għarfien ta’ kif wieħed jittratta dan il-prodott.

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

L-ippakkjar u, fil-każ tat-tin maħsub għall-ipproċessar, l-iffriżar eventwali, għandhom isiru fiż-żona ġeografika. Fil-fatt, it-tina, hija frotta ġeneralment fraġli li ma tiflaħx għall-ġarr, għall-immaniġġjar żejjed u għall-possibbiltà ta’ daqqiet u sħana żejda. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-kwalitajiet oriġinali tagħha jiġu ppreservati, din għandha tiġi ppakkjata jew iffriżata (wara li tinżamm fil-kesħa f’temperatura ogħla minn żero għal 12 sa 24 siegħa sabiex jiġi evitat xokk termiku kbir wisq) malli tiġi magħżula, f’kontenituri li jevitaw kull riskju ta’ tgħaffiġ (tilar f’ringieli jew qoffina ta’ massimu ta’ 1 kg għat-tin li jittiekel frisk u kontenituri ta’ massimu ta’ 25 kg għat-tin maħsub għall-ipproċessar). Għalhekk, din ir-restrizzjoni timponi li t-tin jiġi ppakkjat u ffriżat ġewwa ż-żona ġeografika tal-produzzjoni minħabba li l-fażi tal-għażla teħtieġ l-għarfien espert tal-produtturi tal-Figues de Solliès. Barra minn hekk, l-ippakkjar u l-iffriżar fiż-żona ġeografika jippermettu wkoll li jiġi limitat ir-riskju ta’ sostituzzjoni tal-prodott bi prodott mhux konformi, permezz tal-użu, b’mod partikolari, mill-produtturi, ta’ imballaġġ li jiġi ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod”.

Fil-fatt, żdiedu l-ġustifikazzjonijiet tal-ippakkjar u tal-iffriżar fiż-żona ġeografika tat-tin maħsub għall-ipproċessar li jissupplimentaw dawk li ssemmew inizjalment għall-ippakkjar fiż-żona ġeografika tat-tin li jittiekel frisk.

5.4.   L-intestatura “Rabta”

Din l-intestatura ġiet issupplimentata b’elementi dwar it-tina maħsuba għall-ipproċessar, u eventwalment iffriżata. Il-grupp xtaq jieħu din l-opportunità biex iqassar din l-intestatura kollha.

Bħala preambolu, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ukoll fil-punt [5] tad-Dokument Uniku, ġiet miżjuda l-kitba li ġejja, li tispeċifika l-kwalitajiet speċifiċi tal-“Figue de Solliès” dovuti l-aktar għall-fatturi naturali u umani tal-ambjent ġeografiku:

Il-“Figue de Solliès” hija kkaratterizzata minn rikkezza fit-togħma, minn frott imlaħħam u mmerraq ta’ daqs sabiħ u minn rata għolja ta’ zokkor marbuta prinċipalment mal-fatturi naturali (il-ħamrija u n-network tal-ilma, il-klima) u umani (il-prattiki tal-qtugħ u tal-għażla) tal-ambjent ġeografiku.

Fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet taż-żona, tħassar jew tqassar l-għadd ta’ elementi storiċi li ssemmew u żdiedet id-data dwar is-suq tat-tina maħsuba għall-ipproċessar, li tindika li t-tina maħsuba għall-ipproċessar tirrappreżenta aktar minn 20 % tat-tunnellaġġ globali annwali prodott mill-Bourjassote Noire fiż-żona tad-Denominazzjoni, jiġifieri, qrib it-300 tunnellata fl-2016.

Is-sommarju li sar fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iżda li ma ġiex inkluż fid-Dokument Uniku, huwa dan li ġej:

It-tina, li ilha mill-Antikità, żviluppat fir-reġjun ta’ madwar il-Mediterran. Għalkemm fil-Medju Evu, ir-reġjun ta’ Marsilja kien jipproduċi l-parti kbira tal-produzzjoni Franċiża, din imbagħad imxiet lejn il-Lvant ta’ Provence u b’mod partikolari lejn il-baċin ta’ Solliès fejn sabet kundizzjonijiet ideali għall-iżvilupp tagħha, b’mod partikolari l-varjetà Bourjassotte Noire, normalment magħrufa bħala “Figue de Solliès” mill-1560. Fil-bidu nett tas- seklu 19 , is-Sur Fauche, prefett ta’ Var, qal li l-Bourjassotte Noire kienet il-varjetà dominanti fid-département. Il-produzzjoni tagħha ma waqfitx tikber. Fil-bidu tas- seklu 20 , il-baċin ta’ Solliès ipproduċa madwar 1 100 tunnellata ta’ tin. Fis-snin 1905-1910, bis-saħħa tal-konnessjonijiet ferrovjarji, il-Figue de Solliès saret popolari ħafna f’Pariġi fejn kuljum, fl-istaġun, kienu jiġu ttrasportati 18-il tunnellata ta’ tin frisk. Fis-snin 1950, żviluppaw ġonna tas-siġar tat-tin biss. Dawn ġew ikkultivati skont il-metodu “pedonali” li jiffaċilita l-qtugħ. Fis-snin 1980, it-tina saret b’mod definittiv il-kultivazzjoni dominanti fis-settur. Fl-1996, il-produtturi ngħaqdu flimkien fi ħdan is-“Syndicat de Défense de la Figue de Solliès”, u b’hekk setgħu jipproteġu d-Denominazzjoni “Figue de Solliès” b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata mill-2006, imbagħad b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta fl-2010 għall-frott frisk “li jittiekel frisk”. Illum, il-produzzjoni annwali totali tat-tin ta’ kull varjetà fiż-żona ġeografika hija ta’ madwar 2 000 tunnellata.

L-elementi dwar it-tina għall-ipproċessar li żdiedu fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huma dawn li ġejjin:

Is-suq tat-tin maħsub għall-ipproċessar, spiss iffriżat biex jiġi estiż il-perjodu ta’ preservazzjoni tiegħu, żviluppa mill-1980 fil-baċin ta’ Solliès flimkien mal-produzzjoni ta’ tin li jittiekel frisk. Għalhekk, dak iż-żmien kien jirrappreżenta madwar sittin tunnellata, jiġifieri 13 % tat-tunnellaġġ globali tal-Bourjassottes Noires kkummerċjalizzat. Dan huwa prinċipalment tin misjur ħafna (C7 b’referenza għall-kodiċi tal-kuluri CTIFL) imfittex mill-proċessuri għar-rata għolja ta’ zokkor tiegħu. Dan il-frott, b’karatteristiċi organolettiċi eċċellenti, jista’ jkollu qoxra mċarrta jew mifqugħa minħabba li jkun matur ħafna, tant li ma jkunx tajjeb għat-trasport fit-tul u l-ħajja fuq l-ixkaffa tiegħu bħala prodott frisk tonqos.. Bl-istess mod, il-fatt li l-qoxra jkollha xi ftit jew wisq marki tal-weraq, ma huwiex ta’ xkiel għal frotta maħsuba għall-ipproċessar minħabba li l-kwalitajiet fit-togħma tal-frott ma humiex affettwati.

Data ekonomika attwali

Fl-2016, il-produzzjoni tal-“Figue de Solliès” kienet tinvolvi 120 produttur tat-tin irrappreżentati minn kooperattiva u madwar għoxrin produttur-konsenjatur. Franza pproduċiet 3 200 tunnellata ta’ tin ta’ kull varjetà, li minnhom 1 800 tunnellata ġew miż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-“Figue de Solliès”, fejn 1 400 tunnellata kienu tal-varjetà Bourjassote Noire. Il-tina maħsuba għall-ipproċessar illum tirrappreżenta aktar minn 20 % tat-tunnellaġġ globali ta’ Bourjassotte Noire prodott fiż-żona ġeografika, jiġifieri madwar 300 tunnellata fl-2016.

Fil-punt [5] tad-Dokument Uniku, l-elementi korrispondenti li żdiedu huma dawn li ġejjin:

It-tin mifqugħ, imċarrat, maqsum, bil-marki tal-weraq, jew li jkollu traċċi żgħir fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta, b’mod partikolari minħabba maturità għolja iżda b’togħma eċċellenti, huwa rriservat għall-ipproċessar (ġamm, krema, torti …) u jista’ jiġi ffriżat biex tiġi estiża l-preservazzjoni tiegħu qabel l-ipproċessar.

Il-karatteristiċi ġeografiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi taż-żona ġeografika tqassru aktar u d-data f’ċifri dwar il-preżenza tal-varjetà Bourjassotte Noire ġiet aġġornata.

Il-kitba aġġornata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u tal-punt [5] tad-Dokument Uniku, hija din li ġejja (l-ewwel paragrafu ma jinsabx fid-Dokument Uniku):

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-“Figue de Solliès” tinsab kompletament fit-tarf tal-Lbiċ tad-depressjoni Permjana, imdawra fil-Punent u fit-Tramuntana, mill-formazzjonijiet Ġurassiċi kalkarji u fil-Lvant, mill-filladi metamorfiċi tal-muntanji ta’ Maures. Din iż-żona tikkorrispondi wkoll għan-network tal-ilma tal-baċin Gapeau-Real-Martin, b’xenxul dens ta’ nixxigħat żgħar li jsaqqu l-baċin tal-produzzjoni. Barra minn hekk, id-derivazzjonijiet tal-Gapeau ilhom mill-Medju Evu jiżguraw tisqija tal-artijiet agrikoli b’kanali ta’ tisqija li n-network tagħhom ikopri l-baċin tal-produzzjoni kollu.

Il-baċin tal-produzzjoni, li jiftaħ fuq il-Baħar Mediterran, huwa ddefinit minn struttura ta’ riżalti u kkaratterizzat minn meżoklima speċifika. Din hija klima Mediterranja b’temperaturi sħan, b’mod partikolari minn April sa Ottubru. Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata wkoll minn numru żgħir ta’ jiem ta’ ġlata, xita qawwija l-aktar fil-ħarifa u fix-xitwa, u umdità medja iżda kostanti. Fuq livell ġeoloġiku, iż-żona ġeografika tinsab f’żona fejn jiltaqgħu l-Provence kalkarja u l-muntanji kristallini ta’ Maures fil-Punent, li jiġġenera varjetà ta’ ħamrija. Għalhekk, il-baċin tal-produzzjoni huwa kkaratterizzat minn sitt tipi ta’ ħamrija: ħamrija kannella minn alluvjonijiet reċenti, ħamrija kannella ftit li xejn maħsula minn alluvjonijiet antiki, ħamrija kannella maħsula minn alluvjonijiet antiki, ħamrija kannella reċenti minn kolluvjonijiet jew bċejjeċ tal-ġebel, ħamrija kannella reċenti mingħajr riżervi tal-kalċju, ħamrija kalċi-manjeżjana tal-karbonat.

Varjetà predominanti kważi esklużiva: Il-varjetà Bourjassotte Noire, normalment magħrufa bħala “figue violette” (“tina vjola”), hija prodotta kważi b’mod esklussiv f’dan il-baċin tal-produzzjoni. Għalkemm il-baċin ta’ Solliès waħdu ġġenera madwar 57 % tal-produzzjoni nazzjonali tat-tin fl-2016 b’aktar minn 1 800 tunnellata minn kull varjetà, il-maġġoranza tal-produzzjoni Franċiża tal-varjetà Bourjassotte Noire ġejja minn dan il-baċin. Il-bqija tal-ġonna tas-siġar tat-tin huma mifruxa b’mod marġinali madwar id-départements Franċiżi, b’mod partikolari fil-Vaucluse.”

L-elementi dwar il-fatturi umani tqassru (iż-żbir, l-irrigazzjoni…) u ġew issupplimentati bl-elementi dwar l-introduzzjoni tat-tina maħsuba għall-ipproċessar, b’mod partikolari dik iffriżata.

Il-kitba aġġornata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u tad-Dokument Uniku (fil-punt [5]) hija din li ġejja:

“L-għarfien espert adattat għall-ambjent ġeografiku u żviluppat mill-produtturi tal-“Figue de Solliès” jikkonċerna b’mod partikolari l-metodu tat-tħawwil (għal żvilupp tajjeb tat-tina, is-siġar għandhom minimu ta’ 25 metru kwadru, jiġifieri 5 metri bejn żewġ siġar u 5 metri bejn żewġ ringieli), il-metodu taż-żbir (il-kisba ta’ ġonna tas-siġar tat-tin“pedonali” b’fergħat aċċessibbli bl-idejn bl-għan li jiġi ffaċilitat il-ġbir u ż-żbir ta’ frott ta’ daqsijiet kbar), u l-kontroll tal-irrigazzjoni f’perjodu ta’ nuqqas tal-ilma sabiex jiġi evitat li l-frott jinqasam u biex tiġi żgurata produzzjoni ta’ kwalità, li l-prestazzjoni tagħha tippermetti li t-tin jiġi kkummerċjalizzat fl-aħjar kundizzjonijiet.

Il-ġestjoni tal-qtugħ li hija esklussivament manwali titwettaq minn ħaddiema ġeneralment lokali, imħarrġa u kkwalifikati. Sabiex jiġi ddeterminat l-aħjar stadju ta’ qtugħ, il-produtturi jirreferu għall-“kodiċi tal-kuluri” stabbilit mis-Centre technique interprofessionnel des fruits et légumes (CTIFL) li jirrappreżenta d-diversi livelli tal-kuluri tal-“Figue de Solliès” skont l-istadju tal-maturità. Għalhekk, it-tin ġeneralment jinġabar bejn il-15 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Novembru skont il-maturità tiegħu.”

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biss, ġie speċifikat ukoll li:

“Il-fuljetti ġew innumerati minn C1 għal tina mhux matura bi ftit li xejn kulur (ma tikkwalifikax għad-Denominazzjoni) sa C7 għal frotta misjura ħafna. B’mod tradizzjonali, sabiex it-tin jibbenefika mill-karatteristiċi tat-togħma mfittxija, jinqata’ meta l-kulur ikun bejn C2 u C7. Fl-istadju C1, it-tin ma jkunx ħelu u mmerraq biżżejjed. Barra minn hekk, b’kont meħud tal-fraġilità tal-frott, il-qtugħ isir f’kannestri miftuħa li jġorru 20 kg jew anqas.

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-kitba aġġornata hija din li ġejja:

 

L-għażla, l-ippakkjar u l-iffriżar:

L-għażla hija stadju importanti maħsub biex il-frott jintgħażel skont il-karatteristiċi speċifiċi tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini. Irrispettivament mis-swieq differenti (tin li jittiekel frisk jew tin maħsub għall-ipproċessar), il-frott jiġi kkummerċjalizzat sħiħ, b’daqs minimu ta’ 40 millimetru, b’kulur bejn C2 u C7 u b’kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed. Il-frott jiġi magħżul ukoll skont id-dehra tal-qoxra tiegħu. It-tin maħsub għas-suq tat-tin li jittiekel frisk għandu dehra eċċellenti. Dan la jkun mibrux, la mċarrat, la maqsum u lanqas ma jkollu marki tal-weraq. Madankollu, huwa aċċettat proporzjon massimu ta’ 10 % ta’ frott mhux konformi għal kull lott, kif ukoll proporzjon massimu ta’ 5 % tal-wiċċ tal-qoxra tal-frott li jkollu traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta. It-tin jiġi kkummerċjalizzat f’lottijiet omoġenji f’termini ta’ daqs, maturità u dehra. Dan jiġi ppakkjat fuq tilari f’ringiela waħda biss jew f’qoffina ta’ massimu ta’ 1 kg sabiex tiġi żgurata l-integrità tiegħu, kif ukoll l-aħjar kundizzjonijiet ta’ preservazzjoni.

It-tin mifqugħ, imċarrat, maqsum, bil-marki tal-weraq, jew li jkollu traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta, b’mod partikolari minħabba maturità għolja (C7 b’referenza għall-kodiċi tal-kuluri CTIFL), u b’togħma eċċellenti, huwa rriservat għall-ipproċessar (ġamm, krema, torti …). Dan jista’ jiġi ppakkjat f’kontenituri li jifilħu sa massimu ta’ 25 kilogramma sabiex jiġi evitat it-tgħaffiġ tiegħu. Sabiex tiġi estiża l-ħajja tiegħu fuq l-ixkaffa (sa sena) dan jista’ jiġi ffriżat qabel l-ipproċessar. Wara l-fażi tal-għażla li tista’ tgħolli t-temperatura tal-frott, it-tin iqatta’ 12 sa 24 siegħa f’kamra kiesħa ta’ massimu ta’ 8 gradi Celsius qabel jiġi ffriżat sabiex jiġi evitat xokk termiku kbir wisq li jista’ jaffettwa l-kwalità tal-frott.”

Fil-punt [5] tad-Dokument Uniku, dawn l-aħħar elementi tqassru kif ġej:

L-għażla, li ssir bl-idejn, hija wkoll stadju importanti maħsub biex jintgħażel l-isbaħ frott skont l-integrità, id-daqs u r-rata ta’ zokkor tiegħu. It-tin maħsub għas-suq tat-tin li jittiekel frisk għandu dehra eċċellenti. It-tin mifqugħ, imċarrat, maqsum jew bil-marki tal-weraq, b’mod partikolari minħabba maturità għolja iżda b’togħma eċċellenti, huwa rriservat għall-ipproċessar (ġamm, krema, torti …) u jista’ jiġi ffriżat biex tiġi estiża l-preservazzjoni tiegħu qabel l-ipproċessar.

Fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tal-prodott, il-kitba li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“Il-Figue de Solliès hija kkaratterizzata minn daqs superjuri għall-medja tad-daqs osservata fis-swieq Ewropej tat-tin. Id-DOK timponi daqs ta’ mill-inqas 40 millimetru.

Din għandha kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed fil-fażi tal-ippakkjar.

Din it-tina hija mfittxija wkoll għall-prestazzjoni tajba tagħha li jippermettilha tibqa’ preżentabbli (frott mhux mifqugħ) u f’kundizzjonijiet tajba żżomm għal diversi jiem.

Għandha forma ta’ taqtira tal-ilma deformata, ta’ kulur vjola bir-rigi suwed (tal-anqas 80 % tal-qoxra hija vjola), u hija frotta densa, soda u ratba. Il-ġewwieni huwa fin ta’ kulur aħdar ċar, il-polpa hija mlaħħma, lewn il-ġamm tal-frawli b’ħafna żrieragħ fini u beige. Għandha riħa delikata, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u frott aħmar ieħor. Il-Figue de Solliès tqarmeċ u wara ddub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri.

It-togħma oriġinali tagħha hija riflessa f’bilanċ eċċellenti ta’ togħmiet aċidużi u ħelwin, uniċi fl-Ewropa. Fil-fatt, it-tin Bourjassotte Noire li ġej minn baċini oħra ta’ produzzjoni, huwa kkaratterizzat minn predominanza ta’ togħmiet aċidużi fuq togħmiet ħelwin, jew minn togħma inqas rikka li ta’ spiss hija assoċjata ma’ qtugħ bikri wisq. Dan il-bilanċ fit-togħmiet aċidużi u ħelwin, jinkiseb minn kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 14-il grad Brix, garantit fil-fażi tal-ippakkjar.

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

“Il-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin jiddistingwu l-“Figue de Solliès” minn prodotti oħra simili:

il-forma ta’ taqtira tal-ilma deformata;

il-kulur vjola b’rigi suwed;

id-dehra densa, soda u ratba fl-istess ħin;

il-polpa mlaħħma, tleqq u mmerrqa, lewn il-“ġamm tal-frawli”, b’ħafna żrieragħ fini u beige;

ir-riħa delikata tagħha, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u ta’ frott aħmar ieħor.;

il-konsistenza tqarmeċ u wara ddub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri”;

id-daqs akbar mill-medja ta’ daqsijiet osservata fis-suq Ewropew tat-tin, jiġifieri ta’ mill-inqas 40 millimetru (qabel l-iffriżar eventwali);

it-togħma oriġinali riflessa f’bilanċ eċċellenti ta’ togħmiet aċidużi u ħelwin, uniċi fl-Ewropa. Fil-fatt, it-tin tal-varjetà Bourjassotte Noire li ġej minn baċini oħra ta’ produzzjoni, huwa kkaratterizzat minn predominanza ta’ togħmiet aċidużi fuq togħmiet ħelwin, jew minn togħma inqas rikka li ta’ spiss hija assoċjata ma’ qtugħ bikri wisq. Dan il-bilanċ ta’ togħmiet aċidużi u ħelwin jinkiseb b’mod partikolari minn kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 14-il grad Brix (fil-limiti tat-tolleranza prevista), li huwa ggarantit fl-istadju tal-ippakkjar jew fl-istadju tal-iffriżar, irrispettivament mill-iskop tal-frott (frott li jittiekel frisk jew maħsub għall-ipproċessar);

il-prestazzjoni tajba tal-frott li jittiekel, li tippermetti li dan jibqa’ preżentabbli (frott mhux mifqugħ, mhux imċarrat, mhux maqsum jew b’marki tal-weraq, fil-limiti tat-tolleranza prevista) sakemm jasal għand il-konsumatur u li f’kundizzjonijiet tajba jżomm għal diversi jiem.

Fil-fatt il-kitba ġiet emendata b’mod li tenfasizza aktar il-karatteristiċi essenzjali tal-Figue de Solliès, irrispettivament mill-iskop tagħha, b’konsistenza mad-deskrizzjoni tal-prodott.

L-elementi dwar ir-reputazzjoni tal-prodott tqassru aktar u mxew għat-taqsima “rabta kawżali” u ġew issupplimentati b’elementi dwar it-tin maħsub għall-ipproċessar, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 5 tad-Dokument Uniku, kif ġej:

Għalhekk, il-“Figue de Solliès” hija mfittxija ħafna għal dawn il-kwalitajiet organolettiċi uniċi, bħala frott li jittiekel frisk mis-swieq lokali u nazzjonali, fil-ħwienet kbar tal-merċa u għall-esportazzjoni, iżda wkoll fir-ristoranti mill-koki famużi li ma joqogħdux lura milli jfaħħru l-merti tagħha f’xogħlijiet kulinarji (Gui GEDDA, April 2004, “La magie de la figue dans la cuisine provençale” (“Il-maġija tat-tin fil-kċina tal-Provence”), edizzjoni Edisud) u mill-proċessuri biex iħejju ġammijiet, prodotti tal-għaġina u preparazzjonijiet oħra abbażi tat-tin. Is-suq tat-tin maħsub għall-ipproċessar, spiss iffriżat biex jiġi estiż il-perjodu ta’ preservazzjoni tiegħu, żviluppa mill-1980 flimkien mal-produzzjoni tat-tin li jittiekel frisk. Il-tina Bourjassote Noire maħsuba għall-ipproċessar illum tirrappreżenta aktar minn 20 % tat-tunnellaġġ globali prodott fiż-żona ġeografika, jiġifieri madwar 300 tunnellata fl-2016.

It-taqsima rabta kawżali”, minbarra xi emendi formali, ġiet ukoll ikkorreġuta jew issupplimentata bl-elementi li ġejjin, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt [5] tad-Dokument Uniku:

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“Il-kontenut relattivament baxx ta’ kalċju jippermetti li jinkiseb frott aktar imlaħħam u milwiem, li jiġġenera d-daqsijiet karatteristiċi tal-Figue de Solliès, jiġifieri ta’ aktar minn 40 millimetru. Dan id-daqs jinkiseb ukoll permezz tal-għarfien espert tal-produtturi fl-għażla (bl-idejn) u fl-ippakkjar fejn tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta’ tilari ta’ kulur u daqs omoġenji.

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja (anke fil-punt [5] tad-Dokument Uniku):

“Il-kontenut relattivament baxx ta’ kalċju fil-ħamrija (anqas minn 20 %) jippermetti li jinkiseb frott aktar imlaħħam u mmerraq, b’daqsijiet ta’ aktar minn 40 millimetru, li huma wkoll mgħejuna min-numru żgħir ta’ jiem ta’ ġlata fiż-żona ġeografika, mit-tisqija fis-sajf ipprattikata mill-produtturi u mill-umdità medja iżda kostanti fil-ġonna tas-siġar tat-tin. Dan id-daqs jinkiseb ukoll permezz tal-għarfien espert tal-produtturi fl-għażla (bl-idejn) u fl-ippakkjar fejn tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta’ tilari ta’ kulur u ta’ daqs omoġenji f’dak li jirrigwarda t-tin li jittiekel frisk. Il-preżenza ta’ klima Mediterranja sħuna b’umdità medja u ammont ġeneruż ta’ dawl tax-xemx jippermettu li l-“Figue de Solliès” tilħaq faċilment rata minima ta’ zokkor ta’ 14-il grad Brix waqt il-qtugħ. Il-qtugħ, li jsir esklussivament bl-idejn u akkumpanjat minn għażla rapida u rigoruża fl-impjant tal-ippakkjar, jiżgura li jinkiseb frott bl-aħjar karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi (il-prestazzjoni tal-frott, il-kapaċità għall-preservazzjoni, id-daqs u l-aħjar maturità).

Fil-fatt, il-karattru “milwiem” tal-frott li jissemma inizjalment, tħassar u ġie sostitwit bit-terminu “mmerraq” li diġà serva biex jiddeskrivi l-“Figue de Solliès” fl-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”. Dan it-terminu huwa aktar xieraq.

Fil-fatt, l-elementi dwar il-kisba ta’ daqsijiet kbar ġew żviluppati. Ġie miżjud li l-ħolqien ta’ tilari ta’ kulur u ta’ daqs omoġenji jikkonċerna biss il-frott li jittiekel frisk u li l-kisba ta’ frott bl-aħjar karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi hija marbuta mal-qtugħ bl-idejn, iżda wkoll mal-għarfien espert tal-produtturi, li huwa rifless b’mod partikolari f’għażla rapida u rigoruża tal-frott.

5.5.   L-intestatura “Tikkettar”

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ u tal-punt [3.6] tad-Dokument Uniku:

“Kull pakkett uniku għandu jkollu:

l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Figue de Solliès”, miktub b’ittri kbar tal-anqas daqs l-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta;

sakemm ikun irreġistrat bħala DOP, il-kliem “appellation d’origine contrôlée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata), bl-akronimu jew il-logo “AOC” (DOK) eżatt qabel jew wara l-isem tad-denominazzjoni, mingħajr kliem ieħor bejniethom.

Barra mit-tikketta, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u l-fatturi lkoll għandhom jinkludu l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini u, sakemm ikun irreġistrat bħala DOP, il-kliem “appellation d’origine contrôlée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata) jew “AOC” (DOK).

il-kliem “appellation d’origine protégée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta) eżatt qabel jew wara l-isem tad-Denominazzjoni mingħajr kliem ieħor bejniethom.

Barra mit-tikketta, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u l-fatturi lkoll għandhom jinkludu l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-kliem “appellation d’origine protégée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta);

sakemm ikun irreġistrat bħala DOP, il-logo “DOK “Figue de Solliès”” ippreżentat mill-grupp;

il-logo “AOP Figue de Solliès” (DOP Figue de Solliès)” li jkun tressaq mill-grupp.”

Ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

Minbarra l-kliem obbligatorju previst mir-Regolament dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar tat-tin li jibbenefika mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès” għandu jkollu fuq kull pakkett wieħed l-indikazzjonijiet li ġejjin:

l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès”, miktub b’ittri li huma tal-anqas tal-istess daqs bħal dak tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikkettar;

il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” eżatt qabel jew wara l-isem tad-Denominazzjoni mingħajr kliem ieħor bejniethom.

Fil-każ tat-tin maħsub għall-ipproċessar, il-kliem addizzjonali li ġej: “transformation- congelé” (ipproċessar-iffriżat) jew “transformation-frais” (ipproċessar-frisk) skont il-kategorija tal-prodott.

Dawn il-kliem u l-indikazzjonijiet jinġabru fl-istess kamp viżiv u fuq l-istess tikketta.

Barra mit-tikketta, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u l-fatturi lkoll għandhom jinkludu l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini u l-kliem “appellation d’origine protégée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta) kif ukoll il-kliem dwar il-kategorija tal-prodott (“transformation-congelé” (ipproċessar-iffriżat) jew “transformation-frais” (ipproċessar-frisk ).

L-emendi li saru jikkonsistu minn:

aġġornament sempliċi marbut mal-kisba tad-DOP mill-kitba inizjali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott: tneħħew ir-referenzi kollha għad-“Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata”.

iż-żieda tal-kliem “ipproċessar-iffriżat” jew “ipproċessar-frisk”, marbuta mal-estensjoni tad-DOP għat-tina maħsuba għall-ipproċessar, eventwalment iffriżata, sabiex tippermetti l-infurmar preċiż tax-xerrejja u jiġi żgurat li t-tin maħsub għall-ipproċessar, b’mod partikolari meta jkun ġie ffriżat, ma jitqieghedx fis-suq bħala tin li jittiekel frisk.

It-tħassir tat-twaħħil obbligatorju tal-logo DOK/DOP ippreżentat mill-grupp. Fil-fatt, mhux l-operaturi kollha jixtiequ jużawh u jqisu li l-logo DOP Ewropew huwa biżżejjed.

5.6.   “Oħrajn”

L-intestatura “Grupp applikant”:

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“Syndicat de défense de la figue de Solliès

345, chemin des Laugiers

83 210 Solliès-Pont

FRANCE

Telefown: +33 494289437

Faks: +33 494333173

Posta elettronika: copsol@wanadoo.fr

Kompożizzjoni: produtturi, proċessuri.

Status legali: il-grupp huwa trejdjunjin professjonali rregolata f’konformità mal-Artikoli 2111-1 u skont il-Kodiċi tax-Xogħol.”

Ġiet issostitwita bil-kitba li ġejja:

“Syndicat de défense de la figue de Solliès

345, chemin des Laugiers

83 210 Solliès-Pont

FRANCE

Telefown: +33 494289437

Faks: +33 494333173

Posta elettronika: copsol@wanadoo.fr

Kompożizzjoni: produtturi, dawk li jippakkjaw u impjanti tal-iffriżar.

Status legali: il-grupp huwa trejdjunjin professjonali rregolata f’konformità mal-Artikoli 2111-1 u skont il-Kodiċi tax-Xogħol.”

L-emendi li saru jinkludu l-kategorija l-ġdida ta’ operaturi li jiffriżaw it-tin billi żiedu l-“impjanti tal-iffriżar”. Barra minn hekk, it-terminu “proċessur” ġie ssostitwit bil-kliem “dawk li jippakkjaw”, li huwa aktar xieraq. Fil-fatt, il-“proċessuri” jirreferu għall-utenti tal-“Figue de Solliès” li jimmanifatturaw ġammijiet u oġġetti oħra tal-ikel ipproċessati, u dawn ma jagħmlux parti mill-produtturi tad-DOP. Filwaqt li “dawk li jippakkjaw” jirreferu għall-operaturi tad-DOP li jipproduċu t-tin, jagħżluh u jippakkjawh. Illum il-ġurnata, l-impjanti tal-iffriżar jintużaw ukoll għall-ippakkjar. Id-deskrizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-grupp tħassret minħabba li ma hemmx skop għaliha.

L-intestatura “Żona ġeografika” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

Il-kitba li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ:

“Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni u tal-ippakkjar tat-tin bid-Denominazzjoni “Figue de Solliès” tinsab fid-département ta’ Var, fix-Xlokk ta’ Franza, fir-reġjun ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur”

ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja:

“L-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ippakkjar u tal-iffriżar tat-tin bid-Denominazzjoni “Figue de Solliès”isiru fiż-żona ġeografika approvata mill-Institut national de l’origine et de la qualité, minn hawn il-quddiem “INAO”, fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tat-12 ta’ Jannar 2005. Il-perimetru ta’ din iż-żona, fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mill-kumitat nazzjonali kompetenti, jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali għas-sena 2005”.

L-istess emendi saru fil-punti [4] (data tal-approvazzjoni tad-definizzjoni, emendi formali) u [3.4] (stadji li jsiru fiż-żona ġeografika) tad-Dokument Uniku.

Fil-fatt, minħabba l-introduzzjoni tat-tin iffriżat maħsub għall-ipproċessar, ġie miżjud li dan l-istadju ta’ ffriżar għandu jsir fiż-żona ġeografika tad-DOP. Il-ġustifikazzjonijiet għat-twettiq tal-istadji tal-ippakkjar u tal-iffriżar fiż-żona ġeografika ġew spjegati fl-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Il-fruntieri taż-żona ġeografika ma ġewx emendati, iżda d-data tal-approvazzjoni tad-definizzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll is-sena ta’ referenza tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali li fuqu hija bbażata d-definizzjoni taż-żona ġeografika definita, ġew miżjuda għal aktar ċarezza.

Barra minn hekk, saru emendi rigward il-proċedura nazzjonali fis-seħħ għall-identifikazzjoni tal-irqajja’ adattati għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini:

Il-kitba inizjali li ġejja: “It-talba tiġi rreġistrata mid-direttorati tal-INAO. Ir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi identifikazzjoni tal-irqajja’ sakemm ma jinstabx li l-impenn tal-produttur ma jkunx konformi. Kull roqgħa li għaliha l-impenn imsemmi hawn fuq ma jkunx konformi titneħħa mil-lista ta’ rqajja’ identifikati mid-direttorati tal-INAO fuq il-parir tal-kumitat tal-esperti.

ġiet issostitwita bil-kitba li ġejja:

“Il-lista ta’ rqajja’ ġodda identifikati tiġi approvata kull sena mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-INAO, fuq il-parir tal-kumitat tal-esperti msemmi hawn fuq. Il-kriterji ta’ identifikazzjoni u l-lista tal-irqajja’ identifikati jistgħu jiġu kkonsultati fl-uffiċċji tal-INAO u għand il-grupp ikkonċernat .”.

Għalhekk, il-proċedura issa tipprevedi validazzjoni tal-lista tal-irqajja’ identifikati mill-korp deċiżjonali nazzjonali kompetenti (il-kumitat nazzjonali tal-INAO) b’aġġornamenti annwali.

Barra minn hekk, ġie miżjud li t-talba għall-identifikazzjoni tal-irqajja’ ppreżentata mill-operatur issir “permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell approvat mid-Direttur tal-INAO”.

Barra minn hekk, l-informazzjoni li ġejja, dwar id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-ħamrija u l-klima u l-fatturi umani, tħassru minn din l-intestatura minħabba li l-elementi żviluppati taħt l-intestatura “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-oriġini ġeografika” jagħmluhom superfluwi:

Iż-żona ġeografika msemmija hawn fuq hija bbażata fuq kriterji li jenfasizzaw l-oriġinalità tal-baċin tal-produzzjoni. Id-definizzjoni ġeografika tal-“Figue de Solliès” hija bbażata fuq diversi elementi.

Id-definizzjoni hija bbażata wkoll fuq fatturi klimatiċi b’xita annwali ta’ bejn 700 u 800 millimetru, b’umdità baxxa fil-perjodu tal-produzzjoni, b’settur ikklassifikat fil-grupp klimatiku IV skont l-indiċi ta’ Winkler, u b’nuqqas ta’ ġlata sinifikanti matul is-sena kollha.

Id-definizzjoni hija bbażata wkoll fuq elementi ġeoloġiċi. Il-baċin ta’ Solliès jinsab fuq żona tettonika, bejn iż-żona metamorfika tal-muntanji Maures fil-Lvant u l-pajsaġġ kalkarju tal-Provence fil-Punent. Il-parti l-kbira taż-żona tinsab fil-parti tat-tarf tal-Lbiċ tad-depressjoni Permjana msemmija hawn fuq, kkaratterizzata minn saffi ta’ ġebla ramlija u ż-żrar ftit jew wisq modifikat tagħha, ta’ kulur ħamrani lewn l-inbid. Il-prodotti modifikati ta’ dan il-blat Permjan (mal-fruntiera tat-Tramuntana u fil-parti ċentrali) jitħalltu sew ma’ ammont sinifikanti ta’ tajn imrammel u ramel bit-tajn li fih ammont kbir ta’ żrar kalkarju. Il-fruntiera tal-Lvant ta’ dan il-baċin hija koperta b’tajn imrammel u ramel bit-tajn li fihom ammont varjabbli ta’ żrar u silika.

Id-definizzjoni hija wkoll il-konsegwenza ta’ kriterji tal-ħamrija u t-temp. Il-ħamrija karatteristika għas-siġar tat-tin hija bit-tajn jew tajn imrammel b’ammont varjabbli ta’ żrar, fonda, l-ilma jiskula tajjeb minnha, b’livell kalkarju medju, u żviluppata fuq proviżjonijiet alluvjali-kolluvjali.

Id-definizzjoni tibbaża wkoll fuq il-prattiki tal-produzzjoni u l-għarfien espert tan-nies tal-lokal: eżistenza ta’ siġar tat-tin tal-varjetà Bourjassotte Noire, ikkultivati skont il-prattiki tal-produzzjoni tradizzjonali taż-żona ġeografika.

Id-definizzjoni taż-żona ġeografika eskludiet iż-żoni fforestati ferm fit-tarf tal-muntanji ta’ Maures ta’ madwar dawn il-fruntieri u s-sitwazzjonijiet klimatiċi li ma jikkaratterizzawx il-widien tar-Réal-Martin jew tar-Réal-Colobrier.”

Bl-istess mod, fil-punt 4 tad-Dokument Uniku, saret bidla editorjali.

Għalhekk, il-kitba li ġejja tinsab fid-Dokument Uniku fis-seħħ: “Id-delimitazzjoni ta’ din iż-żona hija bbażata fuq kriterji ġeografiċi (bejn iż-żona metamorfika tal-Muntanji Maures fil-Lvant u l-pajsaġġ kalkarju ta’ Provence fil-Punent), klimatiċi (l-ammont ta’ xita, l-umdità, l-indiċi ta’ Winkler), ġeoloġiċi (is-saffi tal-ġebla ramlija u ż-żrar ħamrani lewn l-inbid xi ftit jew wisq modifikati), pedoloġiċi (ħamrija kannella skura, fonda, u fiha l-ġebel) u l-prattiki tal-produzzjoni (varjetajiet u kapaċitajiet).

ġiet issostitwita bil-kitba li ġejja: “Din iż-żona tinsab kompletament fil-parti tat-tarf tal-Lbiċ tad-depressjoni Permjana fit-Tramuntana tal-Muntanji Maures u tar-reġjun ta’ Toulon. Tingħaraf mill-baċini medji u baxxi tal-Gapeau u tar-Réal-Martin, li jikkostitwixxu pjanura mimlija widien”,

Il-mappa taż-żona ġeografika definita li tinsab inizjalment fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ ġiet issostitwita minn mappa ġdida, imfassla skont il-mappa nazzjonali fis-seħħ.

L-intestatura [3.4] tad-Dokument Uniku li tiddeskrivi l-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita ġiet aġġornata wkoll. Għalhekk, il-kitba li ġejja tad-Dokument Uniku: “Il-produzzjoni u l-ippakkjar għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita”, ġiet issupplimentata u ssostitwita bil-kitba li ġejja: “il-fażijiet tal-produzzjoni, tal-ippakkjar u tal-iffriżar għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita”.

L-intestatura “Korp ta’ kontroll”

Il-kitba inizjali li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:

“Institut national de l’origine et de la qualité (INAO)

51, rue d’Anjou

75 008 Paris

FRANCE

Telefown: +33 153898000

Faks: +33 142255797

Posta elettronika: info@inao.gouv.fr

L-Institut national de l’origine et de la qualité huwa korp pubbliku amministrattiv, b’personalità ġuridika, taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tal-Agrikoltura, li ġie ddikjarat bħala awtorità kompetenti skont ir-Regolament Nru 882-2004.

Il-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti li jibbenefikaw minn Denominazzjoni ta’ Oriġini ingħata f’idejn l-INAO.

Isem: Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (DGCCRF)

Indirizz: 59 boulevard Vincent Auriol

75703 Paris Cedex 13

FRANCE

Telefown: +33 144871717

Faks: +33 144973037

Id-DGCCRF huwa direttorat tal-Ministeru responsabbli għall-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi.”

Ġiet issostitwita bil-kitba li ġejja:

“Institut national de l’origine et de la qualité (INAO)

Indirizz:

Arborial – 12, rue Rol-Tanguy

TSA 30003 - 93555 Montreuil Cedex

FRANCE

Telefown: +33 173303800

Faks: +33 173303804

Posta elettronika: info@inao.gouv.fr

Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (DGCCRF)

Indirizz: 59 boulevard Vincent Auriol

75703 Paris Cedex 13

FRANCE

Telefown: +33 144871717

Faks: +33 144973037

Id-DGCCRF huwa direttorat tal-Ministeru responsabbli għall-Ekonomija.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-verifika tal-osservanza tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, qabel it-tqegħid fis-suq, issir minn korp ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu huma disponibbli fuq is-sit web tal-INAO u fuq il-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.”

L-emendi li saru jikkonsistu f’aġġornament tad-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi ta’ kontroll, l-INAO u d-DGCCRF. Barra minn hekk, ġie miżjud li: “F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-verifika tal-osservanza tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, qabel it-tqegħid fis-suq, issir minn korp ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu huma disponibbli fuq is-sit web tal-INAO u fuq il-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea”.

L-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali”

L-emendi li saru jikkonsistu fl-aġġornament tat-tabella tal-punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati u tal-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom biex jitqiesu l-introduzzjoni tat-tin maħsub għall-ipproċessar (żmien massimu għall-konsenja tal-frott frisk ta’ ħamest ijiem wara l-ħsad), l-iffriżar eventwali tiegħu (“ħżin, iffriżar u ppakkjar tat-tin fiż-żona ġeografika definita”, “iffriżar sa massimu ta’ ħamest ijiem wara l-qtugħ”, “temperatura tal-qalba ta’ - 18 °C fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem wara l-iffriżar”, “konsenja sa massimu ta’ sena wara l-iffriżar”, “m’għandhomx marki tal-insetti”), il-metodu tal-ippakkjar tiegħu (“f’kontenituri ta’ massimu ta’ 25 kg), iżda wkoll il-kjarifika pprovduta dwar il-kontroll tad-distanzi tat-tħawwil (“fil-ħin tat-tħawwil, minn assi sa assi”), u l-emenda li saret fid-dati tal-qtugħ (it-tneħħija tal-perjodu fiss mill-15 ta’ Awwissu sal-15 ta’ Novembru, issostitwit b’dati tal-ftuħ u tal-għeluq stabbiliti kull sena).

Barra minn hekk, ir-riflessjoni li saret mill-grupp wara bosta snin ta’ operazzjoni tad-DOP wasslitu biex jipproponi li:

jitħassru l-“punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati”, u l-punt dwar il-kontroll tal-kura tas-siġar, li mhuwiex meqjus li għandu impatt qawwi fuq il-karatteristiċi tal-prodott DOP,

jiżdied, min-naħa l-oħra, il-punt dwar il-kontroll tal-varjetà (“Bourjassotte Noire”) u tal-kulur tat-tin maħsud, li jindika l-livell ta’ maturità tal-frott (“80 % tat-tin C2 sa C7”), iżda li jitħassar il-punt anqas importanti dwar il-kontroll tal-kaxex tal-qtugħ,

jiġi aġġornat u ssupplimentat il-punt dwar il-kontroll tal-kwalità esterna tal-frott billi jiżdied il-kontroll ta’ tin li jittiekel frisk “mhux imċarrat, mhux maqsum u mingħajr marki tal-weraq fil-limiti tat-tolleranza stabbilita” u ta’ tin għall-ipproċessar “mingħajr marki tal-insetti”

jiġu aġġornati l-karatteristiċi tal-prodott ikkontrollat b’rabta mad-deskrizzjoni tal-prodott: jitħassar il-kontroll tal-karattru “mmerraq” tal-prodott, minħabba li dan il-kriterju jinsab fl-elementi deskrittivi kollha tal-prodott. Dan huwa ssostitwit b’kontroll tal-konformità tal-“karatteristiċi organolettiċi” kollha definiti fid-deskrizzjoni tal-prodott.

titfakkar l-eżistenza ta’ tolleranzi għall-kontroll tal-prodott lest.

DOKUMENT UNIKU

“FIGUE DE SOLLIES”

Nru tal-UE: PDO-FR-00544-AM01 – 23.10.2018

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Figue de Solliès”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6- Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Figue de Solliès” hija tina vjola mill-varjetà ta’ Bourjassotte Noire, li tinbiegħ friska u sħiħa. It-tin frisk huwa maħsub biex jittiekel frisk jew għall-ipproċessar, filwaqt li t-tin iffriżat huwa maħsub għall-ipproċessar biss.

Għall-frott kollu:

It-tina għandha forma ta’ taqtira tal-ilma deformata, ta’ kulur vjola bir-rigi suwed.

Hija frotta densa, soda u ratba.

Il-ġewwieni tal-frotta huwa fin u ta’ kulur aħdar ċar.

Il-polpa hija mlaħħma, tleqq u mmerrqa, ta’ kulur ħamrani lewn il-ġamm tal-frawli b’ħafna żrieragħ fini ta’ kulur beige.

It-tina hija sħiħa u għandha dijametru ta’ 40 millimetru jew aktar (qabel ma tiġi ffriżata).

Il-qoxra tagħha ma għandhiex marki tal-insetti.

Għandha riħa delikata, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u frott aħmar ieħor.

Għandha togħma karatteristika bbilanċjata aċiduża u ħelwa.

Il-laħam tagħha jqarmeċ u wara jdub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri.

Għandha kontenut ta’ zokkor ekwivalenti għal 14-il grad Brix jew iżjed fl-istadju tal-ippakkjar jew tal-iffriżar.

Għall-frott li jittiekel frisk:

Il-qoxra tat-tina ma għandhiex toqob, tiċrit, qsim u marki tal-weraq. Madankollu, 5 % tal-wiċċ tal-frotta jista’ jkun fih traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta.

Għall-frott maħsub għall-ipproċessar:

Il-qoxra tat-tina tista’ tkun mifqugħa, imċarrta, maqsuma, bil-marki tal-weraq, jew ikollha traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta.

Għall-frott li jittiekel frisk u għall-frott maħsub għall-ipproċessar:

Proporzjon massimu ta’ 10 % ta’ frott mhux konformi għal kull lott huwa aċċettat għall-kriterji kollha msemmija qabel, għajr f’dak li jirrigwarda l-varjetà u d-daqs li għalihom ma ġiet stabbilita l-ebda tolleranza.

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott li jittiekel frisk isiru fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kapaċità tagħhom hija ta’ kilo (1 kg) jew inqas.

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott maħsub għall-ipproċessar isiru f’kontenitur li jiflaħ sa massimu ta’ 25 kilogramma.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji tal-produzzjoni, tal-ippakkjar u tal-iffriżar għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Għall-frott li jittiekel frisk, l-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni jsiru fuq tilar f’ringieli jew f’qoffina li l-kapaċità tagħhom hija ta’ kilo (1 kg) jew inqas.

Għall-frott maħsub għall-ipproċessar, l-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni jsiru f’kontenitur li jiflaħ sa massimu ta’ 25 kilogramma, magħluq u ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod.

L-ippakkjar u, fil-każ tat-tin maħsub għall-ipproċessar, l-iffriżar eventwali, għandhom isiru fiż-żona ġeografika. Fil-fatt, it-tina, hija frotta ġeneralment fraġli li ma tiflaħx għall-ġarr, għall-immaniġġjar u għad-daqqiet u s-sħana żejda. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-kwalitajiet oriġinali tagħha jiġu ppreservati, din għandha tiġi ppakkjata jew iffriżata (wara li tinżamm fil-kesħa f’temperatura ogħla minn żero għal 12 sa 24 siegħa sabiex jiġi evitat xokk termiku kbir wisq) malli tiġi magħżula, f’kontenituri li jevitaw kull riskju ta’ tgħaffiġ (tilar f’ringieli jew qoffina ta’ massimu ta’ 1 kg għat-tin li jittiekel frisk u kontenituri ta’ massimu ta’ 25 kg għat-tin maħsub għall-ipproċessar). Għalhekk, din ir-restrizzjoni timponi li t-tin jiġi ppakkjat u ffriżat ġewwa ż-żona ġeografika tal-produzzjoni minħabba li l-fażi tal-għażla teħtieġ l-għarfien espert tal-produtturi tal-Figues de Solliès. Barra minn hekk, l-ippakkjar u l-iffriżar fiż-żona ġeografika jippermettu wkoll li jiġi limitat ir-riskju ta’ sostituzzjoni tal-prodott bi prodott mhux konformi, permezz tal-użu, b’mod partikolari, mill-produtturi, ta’ imballaġġ li jiġi ssiġillat b’mod li meta jerġa’ jinfetaħ ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ssiġillat bl-istess mod.…

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-kliem obbligatorju previst mir-Regolament dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar tat-tin li jibbenefika mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès” għandu jkollu, fuq kull pakkett wieħed, l-indikazzjonijiet li ġejjin:

l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Figue de Solliès”, miktub b’ittri li huma tal-anqas tal-istess daqs bħal dak tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikkettar;

il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” eżatt qabel jew wara l-isem tad-Denominazzjoni mingħajr kliem ieħor bejniethom.

fil-każ tat-tin maħsub għall-ipproċessar, il-kliem addizzjonali li ġej: “transformation-congelée” (ipproċessar-iffriżat) jew “transformation-frais” (ipproċessar-frisk) skont il-kategorija tal-prodott.

Dawn il-kliem u l-indikazzjonijiet jinġabru fl-istess kamp viżiv u fuq l-istess tikketta.

Barra mit-tikketta, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u l-fatturi lkoll għandhom jinkludu l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-kliem “appellation d’origine protégée” (Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta) kif ukoll ir-referenza għall-kategorija tal-prodott (“transformation-congelée” (ipproċessar-iffriżat) jew “transformation-frais” (ipproċessar-frisk))

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika definita tal-“Figue de Solliès” tinsab fid-département tal-Var, fix-Xlokk ta’ Franza, fir-reġjun ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur. Din iż-żona tinsab kompletament fil-parti tat-tarf tal-Lbiċ tad-depressjoni Permjana fit-Tramuntana tal-Muntanji Maures u tar-reġjun ta’ Toulon. Hija tingħaraf mil-baċini medji u baxxi tal-Gapeau u tar-Réal-Martin, li jikkostitwixxu pjanura mimlija widien. Iż-żona ġeografika definita, approvata mill-Institut national de l’origine et de la qualité, waqt is-seduta tal-kumitat nazzjonali kompetenti tat-12 ta’ Jannar 2005, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali għas-sena 2005, tinkludi ħmistax-il muniċipalità, li tnejn minnhom huma biss parzjalment fit-territorju.

Il-muniċipalitajiet sħaħ huma: Belgentier, Carqueiranne, Cuers, La Crau, La Farlède, La Garde, Hyères, La Londe-les-Maures, Le Pradet, Solliès-Pont, Solliès-Toucas, Solliès-Ville u La Valette-du-Var.

Muniċipalitajiet li huma biss parzjalment fit-territorju: Pierrefeu-du-Var (it-taqsimiet A1, A2, A3, A4, A5, B1, B2, B3, B4, C1, C2p, C3, D5p, D6p, E5, E6, E7, E8, E9, E10, E11 u E12);

Puget-Ville (it-taqsimiet A1, A2, A3, A4, A5, A6, A7, A8, A9, B1, B2, B3, B4, C, D1, D2, D3, D4, E1, E2, E3, E4, F10)

Il-kunsilli lokali tal-muniċipalitajiet imsemmija li jinsabu parzjalment fit-territorju għandhom mappa li tidentifika l-limiti taż-żona ġeografika.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Figue de Solliès” hija kkaratterizzata minn togħma rikka, minn frott imlaħħam u mmerraq ta’ daqs sabiħ u minn rata għolja ta’ zokkor marbuta prinċipalment mal-fatturi naturali (il-ħamrija u n-network tal-ilma, il-klima) u umani (il-prattiki tal-qtugħ u tal-għażla) tal-ambjent ġeografiku.

F’termini ta’ fatturi naturali, il-baċin tal-produzzjoni tal-“Figue de Solliès”, li jiftaħ fuq il-Baħar Mediterran, huwa ddefinit minn struttura ta’ riżalti u kkaratterizzat minn meżoklima speċifika. Din hija klima Mediterranja b’temperaturi sħan, b’mod partikolari minn April sa Ottubru. Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata wkoll minn numru żgħir ta’ jiem ta’ ġlata, xita qawwija l-aktar fil-ħarifa u fix-xitwa, u umdità medja iżda kostanti. Fuq livell ġeoloġiku, iż-żona tinsab f’żona fejn jiltaqgħu l-Provence kalkarja u l-muntanji kristallini ta’ Maures fil-Punent, li jiġġenera varjetà ta’ ħamrija. Għalhekk, il-baċin tal-produzzjoni huwa kkaratterizzat minn sitt tipi ta’ ħamrija: ħamrija kannella minn alluvjonijiet reċenti, ħamrija kannella ftit li xejn maħsula minn alluvjonijiet antiki, ħamrija kannella maħsula minn alluvjonijiet antiki, ħamrija kannella reċenti minn kolluvjonijiet jew bċejjeċ tal-ġebel, ħamrija kannella reċenti mingħajr riżervi tal-kalċju, ħamrija kalċi-manjeżjana tal-karbonat.

Il-varjetà tat-tin Bourjassotte Noire, normalment magħrufa bħala “figue violette” (“tina vjola”), hija prodotta kważi b’mod esklussiv f’dan il-baċin tal-produzzjoni. Għalkemm il-baċin ta’ Solliès waħdu ġġenera madwar 57 % tal-produzzjoni nazzjonali tat-tin fl-2016 b’aktar minn 1 800 tunnellata minn kull varjetà, il-maġġoranza tal-produzzjoni Franċiża tal-varjetà Bourjassotte Noire ġejja minn dan il-baċin.

F’termini ta’ fatturi umani, l-għarfien espert speċifiku żviluppat mill-produtturi tal-“Figue de Solliès” jikkonċerna b’mod partikolari l-metodu tat-tħawwil (għal żvilupp tajjeb tat-tina, is-siġar għandhom minimu ta’ 25 metru kwadru, jiġifieri 5 metri bejn żewġ siġar u 5 metri bejn żewġ ringieli), il-metodu taż-żbir (il-kisba ta’ ġonna tas-siġar tat-tin “pedonali” b’fergħat aċċessibbli bl-idejn bl-għan li jiġi ffaċilitat il-ġbir u ż-żbir ta’ frott ta’ daqsijiet kbar), il-kontroll tal-irrigazzjoni f’perjodu ta’ nuqqas tal-ilma sabiex jiġi evitat li l-frott jinqasam u biex tiġi żgurata produzzjoni ta’ kwalità, li l-prestazzjoni tagħha tippermetti li t-tin jiġi kkummerċjalizzat fl-aħjar kundizzjonijiet, u l-ġestjoni tal-qtugħ li jsir b’mod esklussiv bl-idejn minn ħaddiema ġeneralment lokali, imħarrġa u kkwalifikati. Sabiex jiġi ddeterminat l-aħjar stadju tal-qtugħ, il-produtturi jirreferu għall-“kodiċi tal-kuluri” stabbilit mis-Centre technique interprofessionnel des fruits et légumes (CTIFL) li jirrappreżenta d-diversi livelli tal-kuluri tal-“Figue de Solliès” skont l-istadju tal-maturità. Għalhekk, it-tin ġeneralment jinġabar bejn il-15 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Novembru skont il-maturità tiegħu. L-għażla, bl-idejn, hija wkoll stadju importanti maħsub biex jintgħażel l-isbaħ frott skont l-integrità, id-daqs u r-rata ta’ zokkor tiegħu. It-tin maħsub għas-suq tat-tin li jittiekel frisk għandu dehra eċċellenti. It-tin mifqugħ, imċarrat, maqsum, bil-marki tal-weraq, jew li jkollu traċċi żgħar fejn il-werqa tkun ħakket mal-frotta, b’mod partikolari minħabba maturità għolja iżda b’togħma eċċellenti, huwa rriservat għall-ipproċessar (ġammijiet, krema, torti …) u jista’ jiġi ffriżat biex tiġi estiża l-preservazzjoni tiegħu qabel l-ipproċessar.

L-ispeċifiċitajiet li ġejjin jiddistingwu l-“Figue de Solliès” minn prodotti oħra simili:

il-forma ta’ taqtira tal-ilma deformata;

il-kulur vjola b’rigi suwed;

id-dehra densa, soda u ratba fl-istess ħin;

il-polpa mlaħħma, tleqq u mmerrqa, lewn il-“ġamm tal-frawli”, b’ħafna żrieragħ fini u beige;

ir-riħa delikata, ta’ intensità ħafifa u taħlita ta’ aromi veġetali, tad-dulliegħ, tal-bettiegħ abjad, tal-frawli u frott aħmar ieħor;

il-konsistenza tqarmeċ u wara ddub, b’aromi intensi mħallta ta’ ħxejjex (ġamm tar-rabarbru, dulliegħ), frott (frott aħmar) u fjuri;

id-daqs akbar mill-medja ta’ daqsijiet osservata fis-suq Ewropew tat-tin, jiġifieri mill-inqas 40 millimetru (qabel l-iffriżar eventwali);

it-togħma oriġinali riflessa f’bilanċ eċċellenti ta’ togħmiet aċidużi u ħelwin, uniċi fl-Ewropa. Dan il-bilanċ ta’ togħmiet aċidużi u ħelwin jinkiseb b’mod partikolari minn kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 14-il grad Brix (fil-limiti tat-tolleranza prevista), li huwa ggarantit fl-istadju tal-ippakkjar jew fl-istadju tal-iffriżar, irrispettivament mill-iskop tal-frott (frott li jittiekel frisk jew maħsub għall-ipproċessar);

il-prestazzjoni tajba tal-frott li jittiekel, li tippermetti li dan jibqa’ preżentabbli (frott mhux mifqugħ, mhux imċarrat, mhux maqsum jew b’marki tal-weraq, fil-limiti tat-tolleranza prevista) sakemm jasal għand il-konsumatur u f’kundizzjonijiet tajba jżomm għal diversi jiem.

Iż-żona ġeografika tal-“Figue de Solliès” għandha diversità kbira ta’ minerali, minħabba t-taħlit iffavorit minn network tal-ilma dens li joħloq kuntatt bejn dawn it-tipi differenti ta’ ħamrija, permezz taċ-ċirkolazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art. Dan it-taħlit jiffavorixxi r-rikkezza minerali tal-ħamrija, disponibbli għall-għeruq tat-tin. Dan jgħin fl-iżvilupp tas-siġra kif ukoll fl-iżvilupp tal-weraq tagħha u b’hekk jiffavorixxi r-rikkezza fit-togħma tal-frott u l-bilanċ fit-togħmet aċidużi u ħelwin li huma tipiċi tal-“Figue de Solliès”. Il-kontenut relattivament baxx ta’ kalċju fil-ħamrija (anqas minn 20 %) jippermetti li jinkiseb frott aktar imlaħħam u mmerraq, b’daqsijiet ta’ aktar minn 40 millimetru, li huma wkoll mgħejuna min-numru żgħir ta’ jiem ta’ ġlata fiż-żona ġeografika, mit-tisqija fis-sajf ipprattikata mill-produtturi u mill-umdità medja iżda kostanti fil-ġonna tas-siġar tat-tin. Dan id-daqs jinkiseb ukoll permezz tal-għarfien espert tal-produtturi fl-għażla (bl-idejn) u fl-ippakkjar fejn tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta’ tilari ta’ kulur u ta’ daqs omoġenji f’dak li jirrigwarda t-tin li jittiekel frisk.

Il-preżenza ta’ klima Mediterranja sħuna b’umdità medja u ammont ġeneruż ta’ dawl tax-xemx jippermettu li l-“Figue de Solliès” tilħaq faċilment rata minima ta’ 14-il grad Brix waqt il-qtugħ. Il-qtugħ, li jsir esklussivament bl-idejn u akkumpanjat minn għażla rapida u rigoruża fl-impjant tal-ippakkjar, jiżgura li jinkiseb frott bl-aħjar karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi (il-prestazzjoni tal-frott, il-kapaċità għall-preservazzjoni, id-daqs u l-aħjar maturità).

Għalhekk, il-“Figue de Solliès” hija mfittxija ħafna għal dawn il-kwalitajiet organolettiċi, bħala frott li jittiekel frisk mis-swieq lokali u nazzjonali, fil-ħwienet kbar tal-merċa u għall-esportazzjoni, iżda wkoll fir-ristoranti mill-koki famużi li ma joqogħdux lura milli jfaħħru l-merti tagħha f’xogħlijiet kulinarji (Gui GEDDA, April 2004, “La magie de la figue dans la cuisine provençale” (“Il-maġija tat-tin fil-kċina tal-Provence”), edizzjoni Edisud) u mill-proċessuri biex iħejju ġammijiet, prodotti tal-għaġina u preparazzjonijiet oħra abbażi tat-tin. Is-suq tat-tin maħsub għall-ipproċessar, spiss iffriżat biex jiġi estiż il-perjodu ta’ preservazzjoni tiegħu, żviluppa mill-1980 flimkien mal-produzzjoni tat-tin li jittiekel frisk. Il-tina Bourjassote Noire maħsuba għall-ipproċessar illum tirrappreżenta aktar minn 20 % tat-tunnellaġġ globali prodott fiż-żona ġeografika, jiġifieri madwar 300 tunnellata fl-2016.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-FigueSollies.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.