|
22.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 208/5 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2020/C 208/04)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT GĦAL DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emendi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“SUSKA SECHLOŃSKA”
Nru tal-UE: PGI-PL-0600-AM01 — 10.10.2019
DOP () IĠP (X)
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Isem tal-grupp: Stowarzyszenie Producentów Owoców i Warzyw w Ujanowicach
Indirizz għall-korrispondenza:
Sechna 32
34-603 Ujanowice
POLSKA/POLAND
Tel. +48 183334158
Posta elettronika: biuro@suskasechlonska.pl
Stowarzyszenie Producentów Owoców i Warzyw w Ujanowicach huwa grupp ta’ produtturi tas-“suska sechlońska”. Dan kien il-grupp applikant li ressaq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-“suska sechlońska” bħala IĠP.
2. Stat membru jew pajjiż terz
Il-Polonja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
|
☐ |
Isem tal-prodott |
|
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
|
☐ |
Żona ġeografika |
|
☐ |
Prova tal-oriġini |
|
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
|
☒ |
Rabta |
|
☐ |
Tikkettar |
|
☐ |
Oħrajn [għandu jiġi speċifikat] |
4. Tip ta’ emenda/i
|
☒ |
Emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li ma għandhomx jiġu kkwalifikati bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
☐ |
Emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew ta’ IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) u li ma tistax tikkwalifika bħala minuri skont it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
5. Emendi
Deskrizzjoni tal-prodott
Fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku (Deskrizzjoni tal-prodott), u fil-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-IĠP għas-“suska sechlońska”, is-sentenza li ġejja: “Id-daqs tas-‘suska sechlońska’, skont id-daqs tal-varjetà tal-frott użata, huwa ta’ bejn 1,5 cm u 4,5 cm. Ikun hemm bejn 44 u 99 frotta individwali għal kull 1 kg.” hija ssostitwita b’din: “Id-daqs tas-‘suska sechlońska’, skont id-daqs tal-varjetà tal-frott użata, huwa ta’ bejn 1,5 cm u 4,5 cm. Ikun hemm bejn 44 u 99 frotta individwali għal kull 0,5 kg.”.
Din l-emenda hija meħtieġa sabiex tirrettifika żball tipografiku.
Metodu ta’ produzzjoni (l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott) u rabta (Dokument Uniku)
Fil-punt 7 tal-Ispeċifikazzjoni għas-“suska sechlońska” (Metodu ta’ produzzjoni), is-sentenza li ġejja: “Matul il-proċess kollu tal-produzzjoni tas-‘suska sechlońska’, l-użu ta’ kwalunkwe preservattiv huwa pprojbit, u l-istadji kollha deskritti hawn fuq iridu jitwettqu bl-idejn.” hija ssostitwita b’din: “Matul il-proċess kollu tal-produzzjoni tas-‘suska sechlońska’, l-istadji kollha deskritti hawn fuq iridu jitwettqu bl-idejn.”. Is-subparagrafu li ġej “Preservazzjoni tal-prodott” jiddaħħal wara s-subparagrafu “Tneħħija fakultattiva tal-għadma”: “Sabiex tiġi estiża d-data ‘uża sa’ tas-‘suska sechlońska’, jista’ jintuża l-preservattiv li ġej fil-produzzjoni tagħha: sorbat tal-potassju (E202). Dan jista’ jiżdied, bħala soluzzjoni milwiema, matul l-aħħar stadju ta’ tnixxif, immedjatament qabel l-ippakkjar, billi l-pruna tiġi mgħaddsa u mqallba jew billi tiġi sprejjata.”
Din l-emenda, li tneħħi l-projbizzjoni fuq l-użu tal-preservattivi fil-produzzjoni tas-“suska sechlońska” u tippermetti l-użu tas-sorbat tal-potassju (E202), hija dovuta għall-fatt li l-pruna użata sabiex tradizzjonalment tinbiegħ bl-ingrossa jew f’imballaġġ li tgħaddi l-arja minnu (drapp jew xkejjer tal-ġuta), u l-proċess ta’ affumikazzjoni u ta’ tnixxif kien biżżejjed sabiex jestendi l-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa. Dan kien minħabba l-karatteristiċi antisettiċi tal-affumikar u t-tnaqqis fil-kontenut tal-ilma waqt it-tnixxif. Barra minn hekk, il-prodott ma kienx jinħażen għal żmien twil, minħabba li kien isir l-aktar għall-Milied u kien maħsub għall-konsum personali jew għall-bejgħ lokali.
Il-metodu tradizzjonali ta’ kif issir is-“suska sechlońska” għadu jintuża sal-lum. Madankollu, minħabba l-metodu tal-bejgħ li qed jinbidel (ir-rekwiżiti tad-distributuri u tal-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut) u r-rekwiżiti tal-iġjene u sanitarji għall-imballaġġ tal-ikel, il-pruna trid tiġi imballata f’imballaġġ issiġillat tal-plastik. B’riżultat ta’ dan, kien hemm każijiet ta’ mmoffar tal-prodott u ta’ indeboliment tal-kwalità tiegħu. Dan jista’ jkun perikoluż għas-sikurezza alimentari u għas-saħħa tal-konsumaturi, u jaffettwa b’mod negattiv ir-reputazzjoni tal-prodott.
Skont ir-regoli tal-UE dwar l-addittivi tal-ikel, il-preservattivi jistgħu jiżdiedu mal-frott imnixxef. Iż-żieda ta’ preservattiv ma tbiddilx il-proprjetajiet tal-prodott u ma taffettwax il-kwalitajiet speċifiċi tas-“suska sechlońska” ddefiniti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Fil-punt 7 tal-Ispeċifikazzjoni għas-“suska sechlońska” (Metodu ta’ produzzjoni — l-arranġament tal-frott), is-sentenza li ġejja: “L-għoli tas-saff tal-frott fuq il-gradilja normalment ma jaqbiżx l-20 cm” hija ssostitwita b’din: “L-għanbaqar li jgħaddi mill-proċess ta’ tnixxif u ta’ affumikar jitqiegħed f’saff bi ħxuna ta’ bejn 20 u 40 cm”.
Saret emenda simili għall-punt 5 tad-Dokument Uniku, u s-sentenza: “L-għanbaqar li jgħaddi mill-proċess ta’ tnixxif u ta’ affumikar jitqiegħed f’saff bi ħxuna ta’ bejn 30 u 50 cm.” hija ssostitwita b’din: “L-għanbaqar li jgħaddi mill-proċess ta’ tnixxif u ta’ affumikar jitqiegħed f’saff bi ħxuna ta’ bejn 20 u 40 cm”.
Din il-bidla hija meħtieġa sabiex tiġi fformalizzata l-prattika użata mill-produtturi. Huma nnotaw li t-tnaqqis fil-ħxuna tas-saff tal-għanbaqar imqiegħed għat-tnixxif u għall-affumikar għandu effett pożittiv fuq iż-żmien u l-effettività taż-żewġ proċessi, u ma jbiddilx il-proprjetajiet karatteristiċi tas-“suska sechlońska”. Barra minn hekk, l-informazzjoni analoġika fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (Metodu ta’ produzzjoni) u fid-Dokument Uniku (il-punt 5 — rabta maż-żona ġeografika) saret uniformi.
DOKUMENT UNIKU
“SUSKA SECHLOŃSKA”
Nru tal-UE: PGI-PL-0600-AM01 — 10.10.2019
DOP () IĠP (X)
1. Isem (Ismijiet)
“Suska sechlońska”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Il-Polonja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
L-isem “suska sechlońska” ġej mid-djalett lokali. “Suska” tfisser “suszka”, jiġifieri għanbaqra mnixxfa u affumikata. L-aġġettiv “sechlońska” ġej mill-post bl-isem ta’ Sechna, fil-muniċipalità ta’ Laskowa, minn fejn oriġinat it-tradizzjoni tat-tnixxif.
Is-“suska sechlońska” hija pruna bl-għadma jew bl-għadma maqlugħa li għaddiet mill-proċess ta’ tnixxif jew ta’ affumikar.
Id-daqs tagħha jiddependi mid-daqs tal-frotta tal-varjetà tal-għanbaqra użata u jvarja minn 1,5 sa 4,5 cm, b’44 sa 99 pruna għal kull 0,5 kg. L-għamla tagħha tiddependi mill-varjetà tal-frotta użata għat-tnixxif u tista’ tvarja minn oblata sa prolata. Is-“suska sechlońska” hija kkaratterizzata minn laħam elastiku u polpuż kif ukoll minn ġilda mkemmxa u li twaħħal b’lewn blu skur jagħti fl-iswed. Għandha togħma kemxejn ħelwa, u tħalli togħma u aroma ta’ affumikar. Il-kontenut tal-ilma tal-prodott lest ikun bejn 24 % u 42 % fil-ħin tal-bejgħ.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-frott użat għall-produzzjoni tas-“suska sechlońska” huwa dak tal-Prunus domestica L. ssp. domestica u l-varjetajiet idderivati minnu (Promis, Tolar, Nektawit, Valjevka u Stanley). Il-frott ta’ dawn il-varjetajiet għandhom karatteristiċi idonei għall-ipproċessar permezz ta’ tnixxif u ta’ affumikar, fosthom kontenut għoli ta’ zokkor u kontenut relattivament baxx ta’ ilma.
Il-frotta trid tkun friska, mingħajr sinjali ta’ tħassir jew ta’ ħsara mekkanika u għandha tkun ħielsa minn ħsara viżibbli kkawżata minn insetti, dud irqiq jew pesti oħra. Il-frotta użata trid tkun ħielsa minn kwalunkwe ħsara, kontaminazzjoni jew organiżmu ieħor mhux speċifikat li jagħmluha mhux tajba għall-konsum.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-fran użati għat-tnixxif għandhom ikunu f’post fiż-żona ġeografika identifikata, u l-proċess sħiħ tat-tnixxif u tal-affumikar għandu jseħħ hemm ukoll. L-injam u l-materja prima użati fil-produzzjoni jistgħu jinġiebu minn barra ż-żona ġeografika ddefinita. L-użu ta’ njam reżinuż mhuwiex permess. Il-proċess sħiħ tat-tnixxif u tal-affumikar iseħħ fi fran tal-frott speċjali tipiċi taż-żona.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
—
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika li fiha tiġi prodotta s-“suska sechlońska” tkopri 239,55 km2 u tinsab fil-konfini amministrattivi ta’ erba’ muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Małopolskie: Laskowa, Iwkowa, Łososina Dolna u Żegocina. L-isem “sechlońska” ġej mill-villaġġ ta’ Sechna, lokalità fil-muniċipalità ta’ Laskowa, u jintuża b’mod tradizzjonali fiż-żona ġeografika kollha fejn tiġi prodotta s-“suska sechlońska”.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika definita f’(4) tinsab f’altitudni ta’ aktar minn 300 m ’il fuq mil-livell tal-baħar u għandha varjetà wiesgħa ta’ gradjenti tal-pendil, li l-biċċa l-kbira minnhom taqa’ bejn 5° u 25°.
Il-fran karatteristiċi tal-frott, iddisinjati u mibnija min-nies tal-lokal fi stil adattat għat-terren lokali, jiffurmaw parti integrali tal-pajżaġġ. Iż-żona koperta mill-erba’ muniċipalitajiet konċernati għandha 677 forn bħal dawn. Dan jagħti prova ċara tar-rabta mill-qrib ħafna li l-prodott għandu maż-żona ġeografika. L-għadd ta’ fran huwa wieħed mill-aspetti li jiddistingwi ż-żona kkonċernata minn żoni fil-qrib.
Il-fran jikkonsistu minn sisien tal-briks madwar il-qiegħa tal-fuklar u kompartiment mgħotti bi gradilja tal-injam. Id-daqs medju tal-kompartiment huwa ta’ madwar 2 metri fil-wisa’ u ta’ madwar 3,5 metri fit-tul. Farrad tal-injam jaqsam il-kompartiment f’żewġ partijiet minn nofsu. Il-gradilja, li tikkonsisti fi bsaten tal-injam maġenb xulxin, mingħajr ingroppi, wisgħin 4 cm, għoljin 3 cm u twal madwar metru (1), tifforma l-parti ta’ isfel tal-kompartiment. Il-bsaten jitqiegħdu fl-istess livell. Jitranġaw b’tali mod li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni spontanja tad-duħħan u tal-arja sħuna f’għoli ta’ madwar 180 cm ’il fuq mill-qiegħa tal-fuklar. Il-kompartiment jingħalaq permezz ta’ bieb tal-injam li minnu l-forn tal-frott jista’ jimtela bl-għanbaqar u li jgħin ukoll sabiex iżomm is-sħana u jipproteġi kontra kundizzjonijiet atmosferiċi avversi. Ikun hemm qiegħa tal-fuklar taħt kull kompartiment. L-istruttura hija protetta permezz ta’ saqaf immejjel. Normalment il-fran tal-frott ikollhom żewġ jew tliet kompartimenti; Madankollu huwa dejjem possibbli li ssib fran b’kompartiment wieħed jew fran li jkollhom saħansitra ħames kompartimenti.
Waqt il-produzzjoni tas-“suska sechlońska”, it-temperatura tal-forn tvarja minn 45 °C sa 60 °C.
L-għanbaqar li jgħaddi mill-proċess ta’ tnixxif u ta’ affumikar jitqiegħed f’saff bi ħxuna ta’ bejn 20 u 40 cm. Darba kuljum, il-produtturi jużaw pala speċjali sabiex jaqilbu l-massa tal-għanbaqar li jkun qed jitnixxef. Il-proċess idum minn 4 sa 6 ijiem, skont il-ħxuna tas-saff tal-għanbaqar. Dan il-metodu ta’ tnixxif u affumikar tal-għanbaqar ġie żviluppat permezz tas-snajja’ indiġeni tal-produtturi lokali u jintuża biss għall-produzzjoni tas-“suska sechlońska” fiż-żona ġeografika definita.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Is-“suska sechlońska” tgħaddi kemm minn proċess ta’ tnixxif kif ukoll ta’ affumikar. L-għanbaqar jitnixxef u jiġi affumikat fi fran li jużaw duħħan jaħraq, li jiddistingwi s-“suska sechlońska” minn għanbaqar imnixxef bl-użu tal-arja sħuna. Matul il-proċess ta’ affumikar, l-għanbaqar jitlef ftit mill-ilma mit-tessuti tiegħu u jassorbi d-duħħan, li għandu proprjetajiet antisettiċi. It-tnaqqis tal-kontenut tal-ilma fit-tessut matul l-affumikar u l-effett antisettiku tad-duħħan ixekklu l-iżvilupp ta’ batterji li jwasslu għal putrefazzjoni, u b’hekk il-ħajja tal-prodott tittawwal. Id-duħħan jagħti lill-frotta kulur, aroma u togħma uniċi. Waqt li l-għanbaqar jitnixxef f’saff bi ħxuna minn 20 sa 40 cm u jitqalleb darba kuljum, il-meraq li joħroġ mill-għanbaqar matul il-proċess ta’ tnixxif jiksi l-frotta niexfa, u jħalli togħma ta’ ħlewwa fil-ħalq. Is-“suska sechlońska” miksuba b’dan il-mod għandha togħma karatteristika ħelwa, filwaqt li tħalli togħma tal-affumikar fil-ħalq, aroma tal-affumikar u dehra karatteristika: qoxra li twaħħal ta’ kulur blu skur sa iswed.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Ir-rabta bejn is-“suska sechlońska” u r-reġjun hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tagħha, imsejsa fuq tradizzjoni antika fil-produzzjoni tal-prodott u fuq is-snajja’ uniċi tal-produtturi lokali.
Il-kwalità għolja tas-“suska sechlońska” ġejja mill-ħiliet uniċi tal-produtturi lokali u l-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni li jużaw. Id-disinn tal-fran tat-tnixxif u l-metodu tat-tnixxif jirriflettu l-għarfien tal-produtturi lokali u huwa ċar li huma differenti mill-metodi tal-produzzjoni użati f’partijiet oħra tal-Polonja kif ukoll fir-reġjuni ġirien. Il-mod li bih jinħadmu l-fran tat-tnixxif jiżgura li l-arja u d-duħħan sħan jiċċirkolaw fl-istess ħin, u hekk l-għanbaqar jitnixxef u jiġi affumikat.
Ir-rabta bejn is-“suska sechlońska” u ż-żona ġeografika hija murija mill-fatt li l-isem stess “Sechna” ġej mit-tradizzjoni ta’ affumikar u ta’ tnixxif (“Sechna” — “sechnie” tiddenota suzenie — tnixxif). Dan juri l-uniċità tal-prodott u t-tradizzjoni bl-għeruq fondi ħafna tal-metodu tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika msemmija f’(4).
Skont il-leġġenda, it-tradizzjoni tat-tnixxif tal-għanbaqar bdiet minn qassis lokali, li xerred l-użanza tal-affumikar tal-għanbaqar fost il-parruċċani tiegħu. It-tradizzjoni antika tas-“suska sechlońska” hija evidenzjata f’xogħol intitolat Ujanowice — wieś powiatu limanowskiego (Ujanowice — villaġġ tad-Distrett ta’ Limanowa) minn Jan Ligęza, ippubblikat fl-1905 (Volum Nru 9 tax-Xogħlijiet tal-Kummissjoni Etnografika tal-Akkademja tal-Arti u tax-Xjenzi tal-Polonja). Id-drawwa baqgħet ħajja fiż-żminijiet moderni u l-metodu tal-produzzjoni baqa’ prattikament l-istess. L-eqdem forn, li ma għadux jaħdem, għandu aktar minn 100 sena. Il-fran karatteristiċi ddisinjati mill-produtturi lokali jikkostitwixxu prova li l-metodu l-antik għadu ħaj. Dawn il-fran jaqblu perfettament mal-pajsaġġ taż-żona.
It-tnixxif u l-affumikar huma tant popolari li dwarhom inkitbu kanzunetti u poeżiji li jiċċelebraw it-tradizzjoni. Din il-kanzunetta antika hija eżempju:
“… Oj Sechna, Sechna ty skopciała wiosko,
gdyby nie suszarnie byłabyś stolicą …”
[... Oh Sechna, Sechna bis-swidija tad-duħħan,
li kieku m’hemmx il-fran tal-frott kieku int il-belt kapitali …]
Il-fama tal-prodott hija attestata b’artikli fl-istampa bħal: Suszenie śliwek (Tnixxif tal-għanbaqar), Gazeta Krakowska, Settembru 2004; Suska sechlońska lepsza niż Kalifornijska (Suska sechlońska aħjar mill-pruna ta’ Kalifornja), Gazeta Krakowska, is-27 ta’ April 2007; jew Suska sechlońska puka do Unii (Suska sechlońska tħabbat il-bieb tal-UE), Dziennik Polski, 2-3 ta’ Mejju 2007 — artiklu li jiddokumenta l-applikazzjoni għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta.
Ir-reputazzjoni tas-“suska sechlońska” hija riflessa wkoll fil-premijiet u fl-unuri li ngħatawlha f’kompetizzjonijiet varji: l-ogħla unur fil-kompetizzjoni Nasze Kulinarne Dziedzictwo (Il-Wirt Kulturali Tagħna) fis-sena 2000; premju fil-kompetizzjoni Perła 2004 (Perla 2004) għall-aħjar prodott tal-ikel reġjonali fil-Polonja; l-ewwel premju fil-votazzjoni Małopolski Smak (Togħma ta’ Małopolskie) tal-2006.
Il-Festival tal-Pruna (Święto Suszonej Śliwki), li ilu jsir f’Dobrociesz mill-2001 u jippreżenta l-pruna f’bosta suriet, jagħti prova tar-reputazzjoni tal-prodott, tar-rabta tiegħu maż-żona u tat-tradizzjoni ta’ tnixxif tal-għanbaqar. Konferma oħra tar-reputazzjoni tas-“suska sechlońska” hija l-“Mogħdija tal-Pruna għat-Turisti” mfassla mill-awtoritajiet lokali. Din tindika l-irziezet li għandhom ġonna tas-siġar tal-għanbaqar u fran.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://www.gov.pl/web/rolnictwo/wnioski-przekazane-komisji-europejskiej