26.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/3


Avviż lill-esportaturi dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-UE għall-esportaturi rreġistrati (is-sistema REX) rigward l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fil-qafas tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn l-UE u l-Istati tal-ALN

(2020/C 176/03)

Dan l-avviż inħareġ bħala informazzjoni għall-esportaturi u għal operaturi ekonomiċi oħrajn, li huma involuti fl-esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, skont il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (1), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (EU-ESA iEPA) (2).

Fit-8 laqgħa tiegħu li saret fl-14 ta’ Jannar 2020, il-Kumitat tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-ALN adotta d-Deċiżjoni 1/2020 li temenda l-Protokoll 1 tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Istati tal-ALN, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (3). Il-Protokoll 1 emendat beda jseħħ fil-31 ta’ Marzu 2020.

F’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 18 tal-Protokoll 1 emendat, fit-2 ta’ April 2020, l-Unjoni Ewropea nnotifikat lill-Kumitat Doganali tal-UE-ALN li, mill-1 ta’ Settembru 2020, il-prodotti li joriġinaw fl-UE għandhom jibbenefikaw mit-trattament tariffarju preferenzjali tal-FISE mal-importazzjoni fl-Istati tal-ESA, wara li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tal-fattura magħmula minn esportatur irreġistrat f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

F’termini prattiċi, din il-miżura tfisser li:

Sal-31 ta’ Awwissu 2020 (inkluż), l-Istati tal-ALN għandhom jagħtu trattament tariffarju preferenzjali fuq prodotti li joriġinaw mill-UE mas-sottomissjoni ta’ ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew ta’ dikjarazzjoni ta’ fattura, magħmula minn esportaturi approvati skont it-tifsira tal-Artikolu 24 jew minn kwalunkwe esportatur għal kull kunsinna magħmula minn pakkett wieħed jew aktar li fihom prodotti oriġinarji li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx is-EUR 6 000;

Mill-1 ta’ Settembru 2020, l-Istati tal-ALN għandhom jagħtu trattament tariffarju preferenzjali fuq prodotti li joriġinaw mill-UE esklussivament mas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ fattura magħmula minn esportaturi rreġistrati fis-sistema REX tal-UE jew minn kwalunkwe esportatur għal kull kunsinna magħmula minn pakkett wieħed jew aktar li fihom prodotti oriġinarji li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx is-EUR 6 000.

Id-dikjarazzjoni tal-fattura għandha tkompli ssir f’konformità mal-Artikolu 23 tal-Protokoll 1 u billi jintuża t-test li jidher fl-Anness IV tiegħu.

L-esportaturi u operaturi ekonomiċi oħra kkonċernati fl-UE huma mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda mill-1 ta’ Settembru 2020. Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu l-aktar mir-reġistrazzjoni ta’ esportaturi fis-sistema REX, jekk ma tkunx diġà saret; u l-użu esklussiv tad-dikjarazzjonijiet tal-fatturi biex ikopru kunsinni li għalihom huwa mistenni li jintalab trattament tariffarju preferenzjali fi Stat tal-ESA mill-1 ta’ Settembru 2020.

L-operaturi tal-Unjoni Ewropea li diġà huma rreġistrati fis-sistema REX sabiex jibbenefikaw minn arranġamenti preferenzjali oħra, għandhom jużaw in-numru REX li diġà huwa assenjat lilhom.


(1)  Li bħalissa qed japplikawh Comoros, Madagascar, Mauritius, is-Seychelles u ż-Żimbabwe.

(2)  ĠU L 111, 24.4.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 93, 27.3.2020, p. 1.