20.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Nota ta’ Gwida relatata mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

It-Tieni Parti — Id-Drittijiet taċ-Ċittadini

(2020/C 173/01)

Din in-Nota ta’ Gwida hija purament informattiva u la tissupplimenta u lanqas tikkompleta l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Filwaqt li din in-Nota ta’ Gwida tħejjiet mill-persunal tal-Kummissjoni Ewropea, il-fehmiet li jinsabu fin-Nota ta’ Gwida ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jiddikjaraw pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

L-għan ġenerali tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim) huwa li jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini derivati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE) eżerċitati minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu jew jaħdmu fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta’ fuq (ir-Renju Unit) u minn ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu jew jaħdmu fl-UE u l-membri tal-familja rispettivi tagħhom sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim, u li jiġu previsti garanziji effettivi, infurzabbli u mhux diskriminatorji għal dan l-għan.

1.   TITOLU I – DISPOZIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikoli 9, 10 u 11 tal-Ftehim jiddeterminaw b’mod konġunt il-kamp ta’ applikazzjoni personali u territorjali għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mar-residenza, id-dokumenti ta’ residenza, il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u dwar il-kwalifiki professjonali (it-Titolu III dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għandu l-kamp ta’ applikazzjoni personali tiegħu).

Il-benefiċjarji tat-Titolu II tal-Ftehim jikkonsistu f’ċittadini tal-UE u ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt li jirrisjedu jew jaħdmu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u jkomplu jagħmlu dan wara dak il-perjodu, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

Id-definizzjonijiet ta’ ċittadin tal-UE u ċittadin tar-Renju Unit huma stabbiliti fl-Artikolu 2 (c) u (d) tal-Ftehim.

Ir-referenzi għad-drittijiet jew ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu f’din in-Nota ta’ Gwida jinkludu drittijiet taħt: L-Artikoli 21, 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); Id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (id-Direttiva 2004/38/KE); u r-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ir-Regolament (UE) Nru 492/2011).

1.1.    Artikolu 9 – Definizzjonijiet

1.1.1.   Artikolu 9(a): Membri tal-familja

1.1.1.1.   Artikolu 9(a)(i): Membri tal-familja “prinċipali”

Il-membri tal-familja “prinċipali” huma definiti b’referenza għall-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-membri tal-familja tal-ħaddiema impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, inklużi l-ħaddiema transkonfinali (il-kawżi magħquda C-401/15 sa C-403/15 Depesme u Kerrou).

Kif inhu l-każ skont id-dritt tal-Unjoni, il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-UE fil-prinċipju ma jgawdux dritt indipendenti li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament (sakemm ma jkunux ċittadini tal-UE huma stess jew sakemm ma jkunux kisbu dritt indipendenti ta’ residenza bħala riżultat tar-relazzjoni tagħhom ma’ ċittadin tal-UE, is-sors tad-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu). Bl-istess mod, il-membri tal-familja ma jgawdux drittijiet skont il-Ftehim mingħajr ma dawn id-drittijiet ikunu derivati mid-detentur tad-dritt – persuna li taqa’ taħt l-Artikolu 10(1)(a) sa (d) tal-Ftehim.

L-unika eċċezzjoni hija l-membri tal-familja li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(1)(f) li jirrisjedu fl-Istat ospitanti “indipendentement” fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, minħabba li d-dritt ta’ residenza tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni f’dak il-mument ma kienx aktar kundizzjonali fuq ir-rekwiżit li jkomplu jkunu membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li attwalment ikun qed jeżerċita d-drittijiet tat-Trattat fl-Istat ospitanti.

1.1.1.2.   Artikolu 9(a)(ii): Persuni minn pajjiżi terzi li jindukraw ċittadin tal-UE dipendenti

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) irrikonoxxiet li, f’ċerti sitwazzjonijiet, persuni oħrajn għandu jkollhom ukoll dritt ta’ residenza, b’mod partikolari meta l-preżenza ta’ tali persuni tkun fil-fatt meħtieġa sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu d-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni.

L-aktar eżempju rilevanti huwa dak ta’ ċittadin mobbli minuri tal-UE b’ġenitur mhux mill-UE. Filwaqt li d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal-UE huwa evidenti skont id-dritt tal-Unjoni, il-ġenitur li fuqu jiddependi ċ-ċittadin tal-UE ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE, li japplika għall-ġenituri li huma dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-UE (hawnhekk huwa bil-maqlub). Il-QĠUE ddeċidiet fil-kawża C-200/02 Chen li tali ġenitur għandu d-dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti sabiex isostni d-dritt ta’ residenza tal-wild minuri tal-UE.

L-Artikolu 9(a)(ii) imur lil hinn mir-referenza għall-persuni primarji li jindukraw lil ħaddieħor użata mill-QĠUE f’Chen (fejn kienet involuta biss ir-residenza ta’ omm il-wild) u huwa wkoll abbozzat b’mod aktar miftuħ biex jippermetti li jiġu koperti persuni oħrajn apparti l-persuni primarji li jindukraw lil ħaddieħor (pereżempju, anki aħwa minuri li jindukrawhom l-istess persuni primarji li jindukraw liċ-ċittadin minuri tal-UE).

1.1.2.   Artikolu 9(b): ħaddiema transkonfinali

Il-ħaddiema transkonfinali huma persuni li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-QĠUE ta’ “ħaddiema” li, fl-istess ħin, ma jkunux qed jirrisjedu taħt il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13 tal-Ftehim, fl-Istat fejn huma “ħaddiema”.

Kemm il-ħaddiema transkonfinali f’kapaċità ta’ impjegati (l-Artikolu 45 tat-TFUE) kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom (l-Artikolu 49 tat-TFUE) huma koperti (ara l-kawża C-363/89 Roux u l-gwida għall-Artikoli 24 u 25).

1.1.2.1.   Definizzjoni ta’ ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha

La l-leġiżlazzjoni primarja u lanqas dik sekondarja tal-Unjoni ma tagħti definizzjoni tat-terminu “ħaddiem” jew “persuna li taħdem għal rasha”.

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-kunċett ta’ “ħaddiem” għandu, għall-finijiet tal-libertà tal-moviment fl-Unjoni, tifsira speċifika (pereżempju, il-kawża C-66/85 Lawrie-Blum) u jrid jingħata interpretazzjoni wiesgħa (il-kawża C-139/85 Kempf).

Mhuwiex possibbli li jiġu applikati definizzjonijiet nazzjonali diverġenti (pereżempju definizzjoni ta’ ħaddiem fil-liġi domestika tax-xogħol) li jkunu aktar restrittivi.

Il-QĠUE ddefinixxiet “ħaddiem” bħala “persuna li tagħmel xogħol ġenwin u effettiv li għalih hija titħallas taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd ieħor, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala tant żgħira li jitqiesu bħala purament marġinali u anċillari” (il-kawżi C-138/02 Collins, C-456/02 Trojani jew C-46/12 LN).

Il-karatteristiċi essenzjali ta’ relazzjoni ta’ impjieg huma li:

għal ċertu perjodu ta’ żmien, persuna twettaq servizzi (ara, pereżempju, il-kawżi C-139/85 Kempf, C-344/87 Bettray, C-171/88 Rinner-Kühn, C-1/97 Birden, C-102/88 Ruzius-Wilbrink)

għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra (il-kawżi C-152/73 Sotgiu, C-196/87 Steymann, C-344/87 Bettray, C-151/04 Nadin)

inkambju għal remunerazzjoni (ara, pereżempju, il-kawżi C-196/87 Steymann, C-344/87 Bettray, C-27/91 Hostellerie Le Manoir, C-270/13, Haralambidis).

Il-kundizzjoni ta’ rabta ta’ subordinazzjoni tiddistingwi “ħaddiema” minn “persuni li jaħdmu għal rasho m”. Ix-xogħol f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni huwa kkaratterizzat minn min iħaddem li jiddetermina l-għażla tal-attività, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (il-kawża C-268/99 Jany).

1.1.3.   Artikolu 9(c): L-Istat ospitanti

Din id-dispożizzjoni tiddistingwi bejn iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit. L-Istat ospitanti huwa definit b’mod differenti għaż-żewġ gruppi.

Għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, l-Istat ospitanti huwa l-Istat Membru tal-UE kif definit fl-Artikolu 2 (b) tal-Ftehim li fih ikunu qed jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu. Ir-Renju Unit ma jistax isir l-Istat ospitanti skont il-Ftehim għaċ-ċittadini tar-Renju Unit – dan ifisser li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li kienu residenti fir-Renju Unit qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni f’konformità mad-drittijiet skont id-dritt tal-Unjoni (bħala benefiċjarji tal-ġurisprudenza abbażi tas-sentenzi tal-QĠUE fil-kawżi C-34/09, Ruiz Zambrano jew C-370/90, Singh) ma jsirux benefiċjarji tal-Ftehim fil-kapaċità personali tagħhom.

Għaċ-ċittadini tal-UE, l-Istat ospitanti huwa r-Renju Unit kif definit fl-Artikolu 3(1) tal-Ftehim. Iċ-ċittadini tal-UE ma jsirux benefiċjarji tal-Ftehim fil-kapaċità personali tagħhom fl-ebda Stat Membru tal-UE, irrispettivament minn jekk ikunx l-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom jew le.

1.1.3.1.   Wara li jkunu “eżerċitaw hemmhekk id-dritt tagħhom ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni”

L-eżerċitar tad-dritt ta’ residenza jfisser li ċittadin tal-UE jew ċittadin tar-Renju Unit jirrisjedi legalment fl-Istat ospitanti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Is-sitwazzjonijiet kollha possibbli fejn id-dritt ta’ residenza jkun ġej mir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu huma koperti.

Dan jinkludi d-dritt ta’ residenza, irrispettivament minn jekk huwiex dritt permanenti ta’ residenza, irrispettivament mit-tul ta’ żmien tiegħu (pereżempju wasla fl-Istat ospitanti ġimgħa qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u r-residenza hemmhekk bħala persuna li qed tfittex impjieg skont l-Artikolu 45 tat-TFUE hija biżżejjed) u irrispettivament mill-kapaċità li fiha jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet (bħala ħaddiem, persuna li taħdem għal rasha, student, persuni li qed ifittxu impjieg, eċċ.).

Huwa biżżejjed li d-dritt ta’ residenza jkun ġie eżerċitat f’konformità mal-kundizzjonijiet li d-dritt tal-Unjoni jorbot mad-dritt ta’ residenza (il-kawża C-162/09 Lassal jew il-kawżi magħquda C-424 u 425/10 Ziolkowski u Szeja).

Il-pussess ta’ dokument ta’ residenza mhuwiex prerekwiżit għal residenza legali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni minħabba li, skont id-dritt tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza jingħata direttament liċ-ċittadini tal-UE mit-Trattat u ma jiddependix mill-fatt li jkunu ssodisfaw il-proċeduri amministrattivi (il-Premessa 11 tad-Direttiva 2004/38/KE). Min-naħa l-oħra, il-pussess ta’ dokument ta’ residenza maħruġ skont id-dritt tal-Unjoni minnu nnifsu ma jagħmilx ir-residenza konformi mad-dritt tal-Unjoni (il-kawża C-325/09 Dias).

1.1.3.2.   “Qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jibqgħu jirrisjedu hemm wara dan”

Dawn il-kunċetti, li għandhom jinqraw flimkien, jinkorporaw kronogramma li tirrikjedi li r-residenza f’konformità mad-dritt tal-Unjoni tikkwalifika għall-finijiet tat-Tieni Parti tal-Ftehim biss meta tali residenza tkun “kontinwa” fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (il-31 ta’ Diċembru 2020).

Ir-regoli dwar il-kontinwità tar-residenza huma koperti wkoll fl-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Il-perjodi storiċi ta’ residenza li jkunu għaddew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (pereżempju, residenza bejn l-1980 u l-2001) jew il-perjodi ta’ residenza li jibdew biss wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ma jikkwalifikawx.

1.1.4.   Artikolu 9(d): L-Istat tax-xogħol

L-Istat tax-xogħol huwa rilevanti biss għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-drittijiet tal-ħaddiema transkonfinali.

Persuni li jirrisjedu fl-Istat fejn jaħdmu ma jitqisux bħala ħaddiema transkonfinali.

1.1.5.   Artikolu 9(e): Id-drittijiet ta’ kustodja

L-espressjoni “Drittijiet ta’ kustodja” hija definita b’referenza għall-Artikolu 2(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa).

Din id-dispożizzjoni tkopri d-drittijiet ta’ kustodja miksuba b’sentenza, bl-operat tal-liġi jew bi ftehim b’effett legali.

1.2.    Artikolu 10 – Kamp ta’ applikazzjoni personali

1.2.1.   Ċittadini tal-UE u ċittadini tar-Renju Unit: Paragrafu (1)(a) sa (d)

Id-definizzjonijiet ta’ ċittadini tal-UE u ċittadini tar-Renju Unit huma stabbiliti fl-Artikolu 2 (c) u (d) tal-Ftehim

Ingħatat gwida partikolari mill-QĠUE fil-ġurisprudenza li tikkonċerna d-drittijiet ta’ ċittadini b’ċittadinanza doppja. Din il-ġurisprudenza hija importanti sabiex jiġi ddeterminat f’liema każijiet ċittadin b’ċittadinanza doppja huwa kopert mill-Ftehim, u f’liema każijiet iċ-ċittadinanza doppja twassal għal sitwazzjoni purament interna.

Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-UE/UE (pereżempju persuna li għandha kemm ċittadinanza Ċeka kif ukoll ċittadinanza Slovakka) jew ċittadini tal-UE/mhux tal-UE (pereżempju persuna li għandha kemm ċittadinanza Ċeka kif ukoll ċittadinanza Ġappuniża) residenti fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni huma koperti b’mod ċar mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Ftehim bħala ċittadini tal-UE.

Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-UE/tar-Renju Unit, kemm jekk mit-twelid kif ukoll jekk b’naturalizzazzjoni, huma koperti mill-Ftehim jekk, sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikunu eżerċitaw drittijiet ta’ residenza b’moviment liberu fl-Istat ospitanti li tiegħu jkollhom iċ-ċittadinanza (il-kawża C-165/16 Lounes). Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-UE/tar-Renju Unit, kemm jekk mit-twelid kif ukoll jekk b’naturalizzazzjoni, huma koperti wkoll mill-Ftehim jekk, sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikunu eżerċitaw drittijiet ta’ residenza b’moviment liberu fi Stat Membru apparti dak li tiegħu l-persuna jkollha ċ-ċittadinanza (dan huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li huma għandhom bħala ċittadini mobbli tal-UE skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE).

Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-UE/tar-Renju Unit li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza tal-Istat ospitanti anki wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huma koperti mill-Ftehim b’analoġija mal-kawża C-165/16 Lounes.

Ċittadini b’ċittadinanza doppja tal-UE/tar-Renju Unit li qatt ma eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-moviment liberu skont l-Artikoli 21, 45 jew 49 tat-TFUE (bħal fil-kawża C-434/09 McCarthy) mhumiex koperti mill-Ftehim.

1.2.2.   Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni

1.2.2.1.   Ħaddiema stazzjonati

Il-persuni li jiddependu biss fuq id-drittijiet li ġejjin mill-Artikolu 56 tat-TFUE mhumiex koperti mill-Ftehim (ara wkoll il-gwida dwar l-Artikolu 30(1)(e) tat-Titolu III tal-Ftehim).

Il-Ftehim ma jagħti l-ebda dritt lill-ħaddiema stazzjonati li jibqgħu fl-Istat ospitanti wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

1.2.2.2.   Id-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-UE: Il-kawża C-34/09 Ruiz Zambrano

Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li d-drittijiet tagħhom fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni huma bbażati fuq il-fatt li huma kienu ċittadini tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 20 tat-TFUE jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

Konsegwentement, il-membri tal-familja tagħhom jaqgħu wkoll barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u ser ikunu soġġetti għar-regoli fis-seħħ fl-Istat ospitanti.

1.2.2.3.   Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirritornaw: Il-kawża C-370/90 Singh

Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit koperti minn din il-linja tal-ġurisprudenza jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Konsegwentement, il-membri tal-familja tagħhom jaqgħu wkoll barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. L-istatus ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tar-Renju Unit li jirritornaw lejn ir-Renju Unit jew ta’ ċittadini tal-UE li jirritornaw lejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ser ikun irregolat mil-liġi tar-Renju Unit jew mid-dritt tal-Unjoni, rispettivament.

1.2.3.   Artikolu 10(1)-(4): Membri tal-familja

Il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 10 jistabbilixxu liema persuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bis-saħħa tar-rabtiet familjari tagħhom mad-detentur tad-dritt (persuna li taqa’ taħt kwalunkwe dispożizzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) sa (d) tal-Ftehim).

Abbażi tad-Direttiva 2004/38/KE, il-Ftehim jiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ “membri tal-familja” – membri tal-familja “prinċipali” (definiti fl-Artikolu 9(a) tal-Ftehim u li jikkorrespondu għall-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE) u membri tal-familja “estiżi” (li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2) sa (5) tal-Ftehim u li jikkorrespondu għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE).

1.2.3.1.   Artikolu 10(1)(e)(i): Membri tal-familja “prinċipali” li jirrisjedu fl-Istat ospitanti

Din id-dispożizzjoni tkopri l-membri tal-familja “prinċipali” (definiti fl-Artikolu 9(a) tal-Ftehim) li kienu residenti fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni fl-Istat ospitanti.

1.2.3.2.   Artikolu 10(1)(e)(ii): Membri tal-familja “prinċipali” li jirrisjedu barra mill-Istat ospitanti

Il-membri tal-familja koperti mill-punt (e)(ii) tal-Artikolu 10(1) ma ċċaqalqux lejn l-Istat ospitanti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Huma jistgħu jissieħbu mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti fi kwalunkwe ħin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Il-membri tal-familja inkwistjoni għandhom ikunu direttament relatati (jiġifieri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE bħal konjuġi, sħab irreġistrati, jew qraba diretti fil-linja axxendenti) mad-detentur tad-dritt fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Id-dixxendenti diretti mwielda qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huma koperti wkoll mill-punt (e)(ii) tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim, filwaqt li d-dixxendenti diretti mwielda wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huma koperti mill-punt (e)(iii) tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim.

Barra minn hekk, il-membru tal-familja inkwistjoni għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE fil-mument li jkun qed ifittex residenza fl-Istat ospitanti skont il-Ftehim.

Dan ifisser, pereżempju, li persuna li tkun qed tfittex id-dħul bħala konjuġi ta’ detentur tad-dritt fl-2025 ser tkun eliġibbli skont il-Ftehim jekk hija kienet miżżewġa lid-detentur tad-dritt fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u tkun għadha miżżewġa fl-2025.

Wild ta’ detentur tad-dritt, li kellu inqas minn 21 sena fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ser ikun eliġibbli li jissieħeb mad-detentur tad-dritt skont il-Ftehim jekk huwa jkun għadu l-wild ta’ detentur tad-dritt meta jkun qed ifittex li jissieħeb mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti u jkun għadu taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuq id-detentur tad-dritt.

Ġenitur ta’ detentur tad-dritt ser ikun eliġibbli li jissieħeb mad-detentur tad-dritt skont il-Ftehim jekk huwa jkun dipendenti fuq id-detentur tad-dritt meta jkun qed ifittex li jissieħeb mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti.

1.2.3.3.   Artikolu 10(1)(e)(iii): Ulied futuri

Persuni li jitwieldu lid-detentur tad-dritt, jew li jiġu adottati minnu, wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, huma protetti mill-punt (e)(iii) tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim.

Sabiex ikunu eliġibbli biex jissieħbu mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti, dawk l-ulied futuri jkollhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE meta jkunu qed ifittxu li jissieħbu mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti, jiġifieri jkollhom inqas minn 21 sena, jew ikunu dipendenti.

Il-paragrafu (1)(e)(iii) tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim japplika fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

iż-żewġ ġenituri huma detenturi tad-dritt: l-ebda rekwiżit formali li l-ġenituri jkollhom drittijiet esklużivi jew konġunti ta’ kustodja tal-wild;

(b)

ġenitur wieħed huwa detentur tad-dritt u l-ieħor huwa ċittadin tal-Istat ospitanti (pereżempju koppja mill-Polonja u mir-Renju Unit residenti fil-Polonja): l-ebda rekwiżit formali li l-ġenituri jkollhom drittijiet esklużivi jew konġunti ta’ kustodja tal-wild (din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-ġenitur mhux detentur tad-dritt ikun residenti fl-Istat ospitanti);

(c)

ġenitur wieħed huwa detentur tad-dritt (din id-dispożizzjoni tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-wild ikollu ġenitur wieħed biss li huwa detentur tad-dritt, ħlief meta l-ġenitur ikun tilef il-kustodja tal-wild. Hija tkopri familji b’żewġ ġenituri, pereżempju, wild li twieled minn detentur tad-dritt miżżewweġ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ma’ ċittadin tal-UE li mhuwiex benefiċjarju tal-ftehim, u familji b’ġenitur wieħed jew każijiet fejn il-ġenitur mhux detentur tad-dritt ma jkunx jirrisjedi fl-Istat ospitanti jew ma jkollu l-ebda dritt ta’ residenza hemmhekk): rekwiżit li l-ġenitur li huwa detentur tad-dritt ikollu drittijiet esklużivi jew konġunti ta’ kustodja tal-wild.

L-ulied imwielda qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni iżda rikonoxxuti bħala wlied (pereżempju, meta d-detentur tad-dritt jirrikonoxxi l-paternità tal-wild) biss wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 10(1)(e)(i) jew (ii), skont il-post tar-residenza tal-ulied fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

1.2.3.4.   Artikolu 10(1)(f): Membri tal-familja li kisbu dritt indipendenti li jirrisjedu fl-Istat ospitanti

Din id-dispożizzjoni tkopri l-membri tal-familja “prinċipali” (definiti fl-Artikolu 9(a) tal-Ftehim) li:

(a)

f’xi mument qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, kienu residenti fl-Istat ospitanti fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni hemmhekk;

(b)

aktar tard, iżda xorta qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, kisbu dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu li ma għadux dipendenti fuq li huma membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni fl-Istat ospitanti (pereżempju, skont l-Artikoli 13(2) jew 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE);

(c)

iżommu dak id-dritt indipendenti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Is-sitwazzjoni speċifika tal-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(1)(f) hija r-raġuni għaliex it-Tieni Parti tal-Ftehim ma tirreplikax ir-rekwiżit tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE li dawk il-membri tal-familja għandhom “jakkumpanjaw jew jissieħbu” mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti.

1.2.3.5.   Artikolu 10(2): Membri tal-familja “estiża” li diġà qed jirrisjedu fl-Istat ospitanti

L-Artikolu 10(2) tal-Ftehim ikopri l-membri tal-familja “estiża” (li jikkorrespondu għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE) li kienu residenti fl-Istat ospitanti sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni bis-saħħa tar-relazzjoni tagħhom ma’ ċittadin tal-UE li jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni hemmhekk. It-tul ta’ żmien ta’ dik ir-residenza huwa immaterjali.

Id-dritt ta’ residenza b’moviment liberu tal-Unjoni fl-Istat ospitanti ta’ tali persuni jippresupponi li lil dawn inħarġilhom dokument ta’ residenza mill-Istat ospitanti li jaġixxi f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Id-dritt ta’ residenza b’moviment liberu tal-Unjoni ta’ tali persuni fl-Istat ospitanti, rikonoxxut mill-Istat ospitanti li jaġixxi f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, huwa pprovat mill-ħruġ ta’ dokument ta’ residenza.

1.2.3.6.   Artikolu 10(3): Membri tal-familja “estiża” b’applikazzjoni pendenti

Membri tal-familja “estiża” (li jikkorrespondu għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE) li ressqu applikazzjoni skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE biex jissieħbu mad-detentur tad-dritt fl-Istat ospitanti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda li l-applikazzjonijiet tagħhom (għal viża ta’ dħul jew għal dokument ta’ residenza) kienu pendenti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huma protetti bl-istess mod bħal skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu.

L-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE. Deċiżjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tfisser li tali persuni għandhom jitqiesu bħala persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim.

1.2.3.7.   Artikolu 10(4): Sħab f’relazzjoni dejjiema

Is-sħab f’relazzjoni dejjiema (persuni li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE) tad-detentur tad-dritt, iżda li kienu residenti barra l-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huma benefiċjarji tal-Ftehim.

Din il-kategorija tkopri s-sħubiji “dejjiema” l-oħrajn kollha fit-tul, kemm relazzjonijiet b’sessi opposti kif ukoll dawk tal-istess sess. Ir-rekwiżit tad-durabbiltà tar-relazzjoni jrid jiġi vvalutat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva li tinżamm l-unità tal-familja f’sens wiesa’ (ara l-Premessa 6 tad-Direttiva 2004/38/KE).

Dawn il-persuni jkollhom ikunu f’relazzjoni dejjiema fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jkunu għadhom f’relazzjoni dejjiema fil-mument li jkunu qed ifittxu residenza fl-Istat ospitanti skont il-Ftehim.

Din id-dispożizzjoni tkopri wkoll lil dawk il-persuni li kienu f’relazzjoni dejjiema fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li huma miżżewġin lid-detentur tad-dritt fil-mument li jkunu qed ifittxu residenza fl-Istat ospitanti skont il-Ftehim.

L-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE. Deċiżjoni pożittiva dwar applikazzjoni tfisser li tali persuni għandhom jitqiesu bħala persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(2).

1.2.4.   Artikolu 10(5): Eżami mill-Istat ospitanti

L-Istat ospitanti għandu jwettaq eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali meta jivvaluta l-applikazzjoni għad-dħul jew għar-residenza mill-membru tal-familja li jaqa’ taħt il-paragrafi (3) u (4) tal-Artikolu 10 tal-Ftehim f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni għandha tkun motivata bis-sħiħ.

1.3.    Artikolu 11 – Kontinwità tar-residenza

L-Artikolu 11 jiżgura li l-persuni li jkunu temporanjament assenti mit-territorju tal-Istat ospitanti fil-mument tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, taħt il-kundizzjoni ta’ “kontinwità”, xorta jitqiesu bħala residenti legalment u konsegwentement protetti mill-Ftehim. Dan huwa konsistenti mal-Artikoli 9 u 10 tal-Ftehim li jirreferu għad-“dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti” u mhux għall-“preżenza fl-Istat ospitanti”.

B’mod konkret, dan ifisser li persuna li diġà għandha dritt permanenti ta’ residenza titlef tali dritt jekk tkun assenti għal aktar minn ħames snin (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, li jirreferi għar-regola ta’ ħames snin tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim). Dawk li kienu għadhom mhux residenti għal ħames snin jistgħu jkunu assenti biss għal massimu ta’ 6 xhur fis-sena (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, li jirreferi għar-regoli dwar il-kontinwità tar-residenza skont l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim, li jirrifletti l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38/KE).

Ara aktar dettalji fl-Artikolu 15(2) u (3) tal-Ftehim dwar il-kundizzjonijiet tal-kontinwità.

Bħala eżempju, iċ-ċittadini tal-UE li kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat ospitanti f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE u telqu mill-Istat ospitanti erba’ snin qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom jitqiesu bħala li “jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni” (anki jekk ma jkollhomx aktar id-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38/KE) fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, minħabba li ma kinux assenti għal perjodu ta’ aktar minn ħames snin konsekuttivi. Huma eliġibbli għall-istatus ta’ residenza permanenti ġdid fl-Istat ospitanti, diment li japplikaw sad-data ta’ skadenza stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tal-Ftehim.

1.3.1.   Perjodi ta’ residenza fil-passat

Perjodi preċedenti ta’ residenza legali fl-Istat ospitanti, segwiti minn assenza itwal milli permess, ma jiġux ikkunsidrati.

Pereżempju, ċittadin tal-UE li għex għal għoxrin sena fir-Renju Unit bejn l-1990 u l-2010 u li mbagħad telaq mir-Renju Unit ma jitqiesx bħala residenti fir-Renju Unit għall-finijiet tal-Ftehim. Tali ċittadin tal-UE telaq volontarjament mir-Renju Unit u baqa’ barra mir-Renju Unit sa minn dak iż-żmien, għalhekk, ma hemm l-ebda dritt ta’ residenza eżistenti skont il-Ftehim.

1.3.2.   Perjodi ta’ residenza fil-passat, segwiti minn assenza itwal u mbagħad ritorn lejn l-Istat ospitanti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni

Persuna li kienet assenti għal aktar minn ħames snin fil-passat, iżda li tirritorna lejn l-Istat ospitanti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, tibda takkumula perjodi ta’ residenza legali mill-bidu malli tirritorna lejn l-Istat ospitanti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

1.4.    Artikolu 12 – Nondiskriminazzjoni

L-Artikolu 12 tal-Ftehim jirrifletti bis-sħiħ l-Artikolu 18 tat-TFUE u jiżgura li d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità tkun ipprojbita, meta:

(a)

tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim – iżda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali li tinsab fit-Tieni Parti (bħall-Artikolu 23(2)); u

(b)

tkun kontra l-benefiċjarji tal-Ftehim.

Dan jinkludi, pereżempju, id-dritt tal-istudenti għall-istess miżati tat-tagħlim bħaċ-ċittadini tal-Istat ospitanti.

2.   Titolu II - Drittijiet u obbligi

KAPITOLU 1 – DRITTIJIET RELATATI MAR-RESIDENZA, DOKUMENTI TA’ RESIDENZA

2.1.    Artikolu 13 – Id-drittijiet tar-residenza

2.1.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Il-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 13 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sostantivi ewlenin li jissottostanzjaw id-dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti għaċ-ċittadini tal-UE, għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u għall-membri tal-familja rispettivi tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom.

Dawn il-kundizzjonijiet biex jinkisbu d-drittijiet ta’ residenza essenzjalment jirreplikaw il-kundizzjonijiet tar-regoli tal-moviment liberu tal-Unjoni stabbiliti fir-rigward tad-drittijiet ta’ residenza.

Iċ-ċittadini tal-UE, iċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-membri tal-familja rispettivi tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, li kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ qabel ir-residenza permanenti, bħal dawk stipulati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Ma hemm l-ebda diskrezzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti, sakemm mhux favur il-persuna inkwistjoni (ara wkoll l-Artikolu 38 tal-Ftehim).

2.2.    Artikolu 14 – Dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul

2.2.1.   Artikolu 14(1): Id-dħul u l-ħruġ b’karta tal-identità nazzjonali valida jew passaport validu

Skont l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva 2004/38/KE, iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jitilqu minn Stat Membru wieħed u jidħlu fi Stat Membru ieħor, irrispettivament minn jekk humiex ċittadini ta’ dawk l-Istati Membri jew residenti tagħhom.

Id-dritt tal-benefiċjarji tal-Ftehim li jkunu assenti kif stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Ftehim u d-dritt li jkomplu jaħdmu bħala ħaddiema transkonfinali kif stabbilit fl-Artikoli 24 u 25 tal-Ftehim jimplikaw id-dritt li jitilqu mill-Istat ospitanti jew, rispettivament, mill-Istat tax-xogħol u li jirritornaw hemmhekk.

Kif inhu l-każ tad-Direttiva 2004/38/KE, l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim jirrikjedi passaport validu jew karta tal-identità nazzjonali valida għall-fini tal-eżerċitar tad-drittijiet tad-dħul u tal-ħruġ. Ma tista’ tiġi mehmuża l-ebda kundizzjoni oħra skont il-liġi domestika (bħal dik li d-dokument tal-ivvjaġġar irid ikollu ċerta validità fil-futur). Meta d-dritt ta’ dħul jew ħruġ jista’ jiġi attestat permezz ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar differenti, l-għażla taqa’ f’idejn il-benefiċjarju tal-Ftehim.

Fir-rigward tal-użu tal-karti tal-identità nazzjonali bħala dokumenti tal-ivvjaġġar, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) jawtorizza lill-Istati ospitanti biex jiddeċiedu li, wara ħames snin mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-karti tal-identità nazzjonali jistgħu jiġu aċċettati biss jekk jinkludu ċippa li tkun konformi mal-istandards applikabbli tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali relatati mal-identifikazzjoni bijometrika (skont id-Dok. 9303 tal-istandards tal-ICAO).

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata kif xieraq fil-ħin, skont l-Artikolu 37 tal-Ftehim, sabiex il-benefiċjarji tal-Ftehim ikunu jistgħu japplikaw għal karta tal-identità nazzjonali konformi jew passaport validu.

2.2.2.   Artikolu 14(2): Id-detenturi tad-dokumenti maħruġa skont il-Ftehim

Iċ-ċittadini tal-UE, iċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-membri tal-familja tagħhom u persuni oħrajn residenti fl-Istat ospitanti f’konformità mal-Ftehim ser ikollhom id-dritt li jaqsmu l-fruntieri tal-Istat ospitanti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim meta jipprovdu evidenza li huma benefiċjarji tal-Ftehim.

Għalhekk, id-detenturi ta’ dokumenti maħruġa skont l-Artikoli 18 u 26 tal-Ftehim ser ikunu eżentati minn kwalunkwe viża ta’ ħruġ jew dħul jew formalità ekwivalenti (fis-sens tal-Artikolu 4(2) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38/KE; eż. awtorizzazzjoni elettronika tal-ivvjaġġar).

2.2.3.   Artikolu 14(3): Viżi ta’ dħul u ħlas għall-applikazzjonijiet ta’ residenza barra mill-pajjiż

L-Artikolu 14(3) tal-Ftehim jirreplika l-faċilitajiet tal-viża tad-dħul li tagħti d-Direttiva 2004/38/KE lill-membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE bħala rikonoxximent tal-fatt li d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament għandu, biex jiġi eżerċitat taħt kundizzjonijiet oġġettivi ta’ libertà u dinjità, irid jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom (ara l-Premessa 5 tad-Direttiva 2004/38/KE).

Filwaqt li l-viżi ta’ dħul għal żmien qasir koperti mill-Artikolu 14(3) għandhom jinħarġu mingħajr ħlas, il-Ftehim ma jwaqqafx lill-Istat ospitanti milli joffri għażla addizzjonali lill-membri tal-familja biex japplikaw minn barra l-pajjiż għal status ta’ residenza ġdid li għandu jinkiseb skont l-Artikolu 18. F’dan il-każ, l-għażla bejn il-viża tad-dħul u d-dokument ta’ residenza hija f’idejn il-benefiċjarju tal-Ftehim. F’każ bħal dan, l-applikazzjoni tista’ tkun soġġetta għal ħlas applikabbli għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza li juru l-istatus tar-residenza.

2.3.    Artikolu 15 – Id-dritt ta’ residenza permanenti

2.3.1.   Artikolu 15(1): Eliġibbiltà

L-Artikolu 15 tal-Ftehim jirrifletti l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38/KE dwar l-eliġibbiltà għad-dritt ta’ residenza permanenti.

Persuni li mhumiex eliġibbli biex jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38/KE mhumiex eliġibbli biex jiksbu status ta’ residenza permanenti skont il-Ftehim. Dan għandu l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

residenza li hija konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu iżda mhux konformi mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE (innota li l-Artikolu 13 tal-Ftehim jirreferi lura għad-Direttiva 2004/38/KE) ma tgħoddx għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza permanenti (il-kawża C-529/11 Alarape u Tijani);

(b)

iż-żamma ta’ dokument ta’ residenza validu ma tagħmilx ir-residenza legali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti (il-kawża C-325/09 Dias);

(c)

perjodu ta’ priġunerija qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti jerġa’ jibda l-arloġġ u għandu jiġi akkumulat perjodu ġdid ta’ ħames snin kontinwi ta’ residenza (il-kawża C-378/12 Onuekwere).

Bl-istess mod, persuni li huma eliġibbli biex jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38/KE huma eliġibbli biex jiksbu status ta’ residenza permanenti skont il-Ftehim. Dan għandu l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

residenza legali tfisser residenza f’konformità mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE (il-kawżi magħquda C-424 u 425/10 Ziolkowski u Szeja) u l-predeċessuri tagħha (il-kawża C-162/09 Lassal);

(b)

il-perjodu ta’ kwalifika tar-residenza ma hemmx bżonn ikun immedjatament qabel il-mument meta jintalab id-dritt ta’ residenza permanenti (il-kawża C-162/09 Lassal);

(c)

ir-residenza qabel l-adeżjoni ta’ pajjiż mal-UE tista’ tgħodd taħt ċerti ċirkostanzi (il-kawżi magħquda C-424 u 425/10 Ziolkowski u Szeja).

Ir-referenza għall-perjodi ta’ xogħol f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu fl-Artikoli 15(1) u 16 tal-Ftehim tirreferi għall-perjodi ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/38/KE.

2.3.2.   Artikolu 15(2): Residenza għal inqas minn ħames snin

Fir-rigward tal-kontinwità ta’ residenza mhux permanenti, l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim jirreferi għall-kontinwità tar-residenza li tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 16(3) u mal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Filwaqt li l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38/KE huwa maħsub għall-finijiet ta’ verifika tal-kontinwità tar-residenza legali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, l-istess regoli japplikaw għar-residenza skont il-Ftehim b’mod ġenerali – il-benefiċjarji tal-Ftehim jistgħu jkunu assenti għal xi żmien mingħajr ma tinkiser il-kontinwità tad-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat ospitanti.

Dan ifisser li l-kontinwità tar-residenza ma tkunx affettwata mill-assenzi temporanji li ġejjin:

1.

assenzi (NB: plural) ta’ mhux aktar minn sitt xhur fis-sena;

2.

assenzi (NB: plural) ta’ tul ta’ żmien itwal għas-servizz militari obbligatorju (ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien); jew

3.

b’assenza waħda (NB: singolari) ta’ massimu ta’ tnax-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti, bħal (NB: il-lista mhijiex eżawrjenti):

a.

tqala u twelid;

b.

mard serju;

c.

studju jew taħriġ vokazzjonali; jew

d.

stazzjonament barra l-pajjiż.

Bħala eżempju, iċ-ċittadini tal-UE li waslu fl-Istat ospitanti erba’ snin qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ħadmu hemm u ġew stazzjonati barra l-pajjiż minn min iħaddimhom tmien xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (il-punt 3(d) ta’ hawn fuq) jibqgħu jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE għall-finijiet tal-Ftehim, u huma eliġibbli għall-istatus ta’ residenza ġdid fl-Istat ospitanti, sakemm jirritornaw lura lejn l-Istat ospitanti qabel ma l-assenza tagħhom taqbeż it-tnax-il xahar konsekuttivi.

Dan ifisser ukoll li l-kontinwità tar-residenza tinkiser minn kwalunkwe deċiżjoni ta’ tkeċċija infurzata legalment kontra l-persuna kkonċernata (essenzjalment, li d-dritt ta’ residenza ġie tterminat bħala tali minn kwalunkwe deċiżjoni ta’ tkeċċija debitament infurzata kontra l-persuna kkonċernata).

Perjodu ta’ priġunerija qabel ma jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti jerġa’ jibda l-arloġġ u għandu jiġi akkumulat perjodu ġdid ta’ ħames snin ta’ residenza legali kontinwa (il-kawża C-378/12 Onuekwere).

2.3.3.   Artikolu 15(3): Residenza għal aktar minn ħames snin

L-Artikolu 15(3) tal-Ftehim jistabbilixxi li d-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss minħabba assenza mill-Istat ospitanti għal perjodu ta’ aktar minn ħames snin konsekuttivi (ara l-gwida dwar l-Artikolu 11 fir-rigward tal-benefiċjarji li jkunu assenti fil-mument tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni).

Id-dritt ta’ residenza permanenti skont il-Ftehim jista’ jintilef ukoll permezz ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda legalment abbażi tal-Artikolu 20 tal-Ftehim. Perjodu ta’ priġunerija wara li jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti ma jaffettwax id-dritt ta’ residenza permanenti (il-kawża C-145/09 Tsakouridis).

Id-dritt ta’ residenza permanenti miksub qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni li għalih jirreferi l-Artikolu 11 tal-Ftehim għandu jinftiehem bħala dritt ta’ residenza permanenti skont id-dritt tal-Unjoni (l-Artikoli 16(1) jew (2) tad-Direttiva 2004/38/KE) li jiddetermina jekk persuna hijiex eliġibbli biex issir benefiċjarja tal-Ftehim (huwa ma għandux jinftiehem bħala li jirreferi għad-dritt ta’ residenza permanenti miksub skont il-Ftehim).

Sabiex ikun jirrifletti l-kuntest speċifiku tal-Ftehim (li permezz tiegħu mhuwiex possibbli li sempliċiment jerġa’ jiġi eżerċitat id-dritt li persuna tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament anki wara t-telf tad-dritt preċedenti ta’ residenza permanenti), l-Artikolu 11 tal-Ftehim imur lil hinn mir-regola dwar l-assenza ta’ sentejn permessa għat-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38/KE (l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38/KE) billi jipprevedi assenza massima ta’ ħames snin konsekuttivi. Din l-estensjoni tal-perjodi ta’ assenza minn sentejn għal ħames snin (meta mqabbla mar-regoli skont id-Direttiva 2004/38/KE) tippermetti lill-persuni kkonċernati jżommu d-dritt tagħhom ta’ residenza permanenti skont il-Ftehim meta jirritornaw lejn l-Istat ospitanti wara perjodu ta’ assenza sa massimu ta’ ħames snin konsekuttivi.

Bħala eżempju, iċ-ċittadini tal-UE li kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat ospitanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li jitilqu mill-Istat ospitanti sitt snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għal perjodu ta’ erba’ snin (eż. għal stazzjonar professjonali barra l-pajjiż) xorta jistgħu jirritornaw fl-Istat ospitanti u jżommu d-dritt tagħhom ta’ residenza permanenti u d-drittijiet kollha marbuta skont il-Ftehim.

2.4.    Artikolu 16 – Akkumulazzjoni ta’ perjodi

L-Artikolu 16 tal-Ftehim jikkomplementa l-Artikolu 15 billi jkopri s-sitwazzjoni fejn il-benefiċjarji tal-Ftehim ikunu għadhom ma kisbux id-dritt ta’ residenza permanenti qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-perjodu ta’ residenza legali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu li jkollha persuna qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jgħodd għall-perjodu ta’ residenza ta’ 5 snin neċessarju biex jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti. L-Artikolu 16 jagħti lil dawn il-benefiċjarji d-dritt li jiksbu status ta’ residenza permanenti aktar tard (wara li jakkumulaw il-perjodu suffiċjenti ta’ residenza legali).

2.5.    Artikolu 17 – Status u bidliet

2.5.1.   Artikolu 17(1): Tibdil tal-istatus

L-ewwel parti tal-Artikolu 17(1) tistabbilixxi li ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti f’konformità mal-Artikolu 13(1) tal-Ftehim jistgħu jbiddlu l-istatus tagħhom u jibqgħu benefiċjarji tal-Ftehim.

Id-dritt ta’ residenza tagħhom (permanenti/mhux permanenti) skont il-Ftehim ma jiġix affettwat meta huma jbiddlu l-istatus tagħhom (jiġifieri d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE li fuqha huwa bbażat id-dritt ta’ residenza tagħhom), sakemm ir-residenza tagħhom tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tal-Ftehim (u, permezz tiegħu, id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE). Huwa possibbli wkoll li persuna jkollha aktar minn status wieħed (pereżempju, student li fl-istess ħin ikun ħaddiem).

It-tibdil tal-istatus ma jattira l-ebda konsegwenza (bħall-ħruġ ta’ dokument ta’ residenza ġdid) u ma hemmx bżonn li jiġi rrapportat lill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-lista ta’ “statuses” fl-Artikolu 17(1) (student, ħaddiem, persuna li taħdem għal rasha u persuna ekonomikament inattiva) hija illustrattiva, mhux eżawrjenti.

Filwaqt li l-Artikolu 17(1) japplika wkoll għall-benefiċjarji tal-Ftehim li jkunu kisbu status ta’ residenza permanenti skont il-Ftehim, tali persuni x’aktarx ma jsibu l-ebda protezzjoni effettiva f’din id-dispożizzjoni, minħabba li l-istatus ta’ residenza tagħhom ma għadux kundizzjonali u ma jistax jerġa’ jsir kundizzjonali (ara d-differenza bejn residenza abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE u residenza permanenti abbażi tal-Artikoli 16 jew 17 tad-Direttiva 2004/38/KE).

2.5.1.1.   Is-sitwazzjoni speċifika tal-membri tal-familja

Il-membri tal-familja li għandhom id-dritt ta’ residenza fl-Istat ospitanti f’konformità mal-Artikolu 13(2) jew (3) tal-Ftehim jistgħu wkoll ibiddlu l-istatus tagħhom u jibqgħu benefiċjarji tal-Ftehim.

Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) twaqqafhom espressament milli jsiru detenturi tad-drittijiet (jiġifieri l-persuni msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) sa (d) tal-Ftehim). Fil-prattika, dan ifisser li huma ma għandhom l-ebda dritt awtonomu skont il-Ftehim li jingħaqdu magħhom membri tal-familja tagħhom stess.

Din il-limitazzjoni tapplika biss fir-rigward ta’ dawk il-persuni li l-istatus ta’ residenza tagħhom skont il-Ftehim ikun esklussivament derivat mill-fatt li huma membri tal-familja tad-detenturi tad-drittijiet. Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu qed jirrisjedu fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kemm bħala membri tal-familja kif ukoll, fl-istess ħin, bħala detenturi tad-drittijiet (pereżempju, l-iben Awstrijak ta’ 20 sena ta’ ħaddiem Awstrijak li jaħdem ukoll fir-Renju Unit) mhumiex koperti mit-tieni parti tal-Artikolu 17(1) u, konsegwentement, huma jgawdu d-drittijiet kollha li jgawdu d-detenturi tad-drittijiet.

2.5.2.   Artikolu 17(2): Wild li ma jibqax dipendenti

Billi skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, il-membri tal-familja tal-benefiċjarji tal-Ftehim li l-istatus ta’ residenza tagħhom huwa derivat mill-fatt li huma dipendenti fuq id-detentur tad-dritt ma jiqfux ikunu koperti mill-Ftehim meta ma jibqgħux dipendenti, pereżempju billi jużaw id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 22 biex jibdew jaħdmu jew jaħdmu għal rashom fl-Istat ospitanti.

L-Artikolu 17(2) jistabbilixxi li dawn il-membri tal-familja jżommu l-istess drittijiet anki meta ma jibqgħux dipendenti, irrispettivament mill-mod ta’ kif ma jibqgħux dipendenti.

Bl-istess mod, il-membri tal-familja tal-benefiċjarji tal-Ftehim li l-istatus ta’ residenza tagħhom ġej mill-fatt li għandhom inqas minn 21 sena jibqgħu koperti mill-Ftehim meta jilħqu l-età ta’ 21 sena.

2.6.    Artikolu 18 – Il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza

Bi tbegħid mill-prinċipji fundamentali tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu, l-Artikolu 18 jobbliga lill-Istat ospitanti biex jagħmel għażla - li jew iħaddem skema ta’ residenza kostituttiva (l-Artikolu 18(1)), jew skema ta’ residenza dikjaratorja (l-Artikolu 18(4)).

Fi skema ta’ residenza dikjaratorja (skont id-Direttiva 2004/38/KE), l-istatus ta’ residenza jingħata direttament lill-benefiċjarji mit-tħaddim tal-liġi u ma jiddependix mill-fatt li jkunu ssodisfaw xi proċeduri amministrattivi. Fi kliem ieħor, is-“sors” tal-istatus ta’ residenza u l-intitolamenti li joħorġu minnu huwa l-fatt li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li d-dritt tal-Unjoni jorbot mad-dritt ta’ residenza – ma hija meħtieġa l-ebda deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali biex ikollhom l-istatus, għalkemm jista’ jkun hemm obbligu li ssir applikazzjoni għal dokument ta’ residenza li jattesta l-istatus.

Fi skema ta’ residenza kostituttiva, il-benefiċjarji jiksbu status ta’ residenza biss jekk jagħmlu applikazzjoni għall-istatus u l-applikazzjoni tingħata. Fi kliem ieħor, is-“sors” tal-istatus ta’ residenza u l-intitolamenti li joħorġu minnu huwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jagħtu l-istatus.

2.6.1.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1): Status kostituttiv

L-Artikolu 18(1) jistipula li l-Istat ospitanti għandu l-għażla li jħaddem skema ta’ residenza kostituttiva.

F’konformità mal-aħħar subparagrafu tal-frażi introduttorja tal-Artikolu 18(1), persuna li tressaq applikazzjoni trid tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim sabiex tingħata l-istatus ta’ residenza ġdid.

2.6.1.1.   Dokument ta’ residenza

Meta l-applikant ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu II, l-Artikolu 18(1) jesiġi li l-Istat ospitanti joħroġ dokument ta’ residenza li juri l-istatus ta’ residenza ġdid. Dan ma jipprevedix il-format tad-dokument ta’ residenza; iżda l-paragrafu (1)(q) tal-Artikolu 18 jesiġi li d-dokument ta’ residenza jinkludi dikjarazzjoni li dan ikun inħareġ f’konformità mal-Ftehim (sabiex id-detenturi tagħhom ikunu jistgħu jiġu distinti bħala benefiċjarji tal-Ftehim).

2.6.1.2.   Forma diġitali jew stampata

L-Artikolu 18(1) jagħmilha possibbli għall-Istat ospitanti li joħroġ id-dokument ta’ residenza f’forma diġitali. Dan essenzjalment ifisser li l-istatus ta’ residenza jiġi rreġistrat primarjament f’bażi ta’ data mħaddma mill-awtoritajiet nazzjonali u li l-benefiċjarji tal-Ftehim jingħataw mezzi biex jaċċessaw u jivverifikaw l-istatus tagħhom u jikkondividu l-istatus mal-partijiet interessati.

2.6.2.   Artikolu 18(1)(a): L-iskop tal-applikazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni dwar jekk applikant huwiex intitolat għall-istatus ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1) wara li jkunu vvalutaw jekk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 18(1) humiex issodisfati.

2.6.3.   Artikolu 18(1)(b): L-iskadenzi u ċ-ċertifikat tal-applikazzjoni

2.6.3.1.   Skadenzi

L-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1) għandhom isiru mhux aktar tard mill-iskadenza stabbilita mill-Istat ospitanti, li ma għandhiex tkun iqsar minn sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni – sakemm ma japplikax l-Artikolu 18(1)(c) (ara hawn taħt). Din l-iskadenza għandha tapplika għall-benefiċjarji kollha tal-Ftehim li kienu legalment residenti fl-Istat ospitanti fil-mument tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, inklużi persuni li jkunu temporanjament assenti f’dak il-mument skont l-Artikolu 15(2) u (3) tal-Ftehim.

Il-membri tal-familja u s-sħab f’relazzjoni stabbli li jkunu jixtiequ jissieħbu ma’ ċittadin tal-UE jew ċittadin tar-Renju Unit benefiċjarju tal-Ftehim wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom japplikaw għall-istatus ta’ residenza ġdid fi żmien tliet xhur mill-wasla tagħhom, jew, fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, skont liema minnhom tkun l-aktar tard.

2.6.3.2.   Ċertifikat tal-applikazzjoni

Ċertifikat tal-applikazzjoni għandu jinħareġ immedjatament wara li l-awtorità kompetenti tkun irċeviet l-applikazzjoni. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun distint mid-dokument ta’ residenza ġdid, u l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati skont il-Ftehim li jgħinu lill-applikant jimla l-applikazzjoni sabiex jirċievi ċ-ċertifikat tal-applikazzjoni.

Ladarba persuna tressaq applikazzjoni sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(b) (l-aħħar subparagrafu tal-frażi introduttorja tal-Artikolu 18(1)), l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi li ġejjin:

1)

l-awtorità kompetenti toħroġ minnufih ċertifikat tal-applikazzjoni (l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b));

2)

l-awtorità kompetenti tivverifika li l-applikazzjoni hija mimlija. Jekk dan ma jkunx il-każ (pereżempju, meta l-identità ma tkunx ġiet ipprovata jew, fil-każ li jintalab ħlas ta’ tariffa meta ssir l-applikazzjoni, it-tariffa rilevanti ma tkunx tħallset), l-awtorità kompetenti tgħin lill-applikant jevita kwalunkwe żball jew omissjoni fl-applikazzjoni (l-Artikolu 18(1)(o)), qabel ma tieħu deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni sottomessa;

3)

meta l-applikazzjoni tkun mimlija, l-awtorità kompetenti tivverifika li l-applikant huwa intitolat għad-drittijiet ta’ residenza stabbiliti fit-Titolu II;

4)

meta l-applikazzjoni tkun fondata, l-awtorità kompetenti toħroġ id-dokument ta’ residenza ġdid (l-Artikolu 18(1)(b)).

Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni tkun soġġetta għal rimedju ġudizzjarju u, fejn xieraq, għal rimedju amministrattiv f’konformità mal-Artikolu 18(1)(r).

Applikant jitqies li jgawdi d-dritt ta’ residenza skont il-Ftehim sakemm l-awtorità kompetenti tkun ħadet deċiżjoni finali skont l-Artikolu 18(3).

2.6.3.3.   Ċertifikat ta’ applikazzjoni

Il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ applikazzjoni jikkonferma li:

(a)

l-applikazzjoni tkun saret b’suċċess;

(b)

l-applikant ikun ikkonforma mal-obbligu li japplika għal status ta’ residenza ġdid;

(c)

l-applikant jitqies li għandu d-drittijiet kollha skont il-Ftehim sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni (l-Artikolu 18(3)).

L-Artikolu 18(1)(b) ma jarmonizzax il-format taċ-ċertifikat tal-applikazzjoni, huwa jesiġi biss li dan għandu jinħareġ (formola diġitali hija aċċettabbli wkoll).

2.6.3.4.   Applikazzjonijiet minn barra l-pajjiż

L-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ residenza ġdid jistgħu jsiru wkoll minn barra l-pajjiż, pereżempju minn persuni li jkunu temporanjament assenti iżda meqjusa bħala residenti legali fl-Istat ospitanti (ara l-gwida għall-Artikolu 15(2) u (3) tal-Ftehim).

L-applikazzjonijiet minn barra l-pajjiż jistgħu jsiru wkoll minn membri tal-familja li jkunu għadhom mhumiex residenti fl-Istat ospitanti (ara l-gwida tal-Artikolu 10(1)(e)(ii) u (iii), 10(1)(3) u (4) tal-Ftehim).

2.6.4.   Artikolu 18(1)(c): Problemi tekniċi u n-notifika tagħhom

L-Artikolu 18(1)(c) jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ residenza ġdid ikunu impossibbli minħabba problemi tekniċi tas-sistema ta’ applikazzjoni tal-Istat ospitanti.

F’sitwazzjoni bħal din, jekk il-problemi tekniċi jseħħu fir-Renju Unit, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jinnotifikaw lill-Unjoni f’konformità mar-regoli applikabbli. Jekk il-problemi tekniċi jseħħu fi Stat Membru tal-UE, hija r-responsabbiltà tal-Unjoni (bħala parti għall-Ftehim) li tinnotifika lir-Renju Unit f’konformità mar-regoli applikabbli. Id-data ta’ skadenza biex titressaq applikazzjoni għal status ta’ residenza ġdid ser tiġi estiża awtomatikament b’sena meta ssir notifika prevista f’dan il-paragrafu.

Jekk l-Istat ospitanti jagħmel tali notifika, huwa jrid jippubblikaha. L-Istat ospitanti jrid jipprovdi wkoll informazzjoni pubblika xierqa għall-persuni kkonċernati fil-ħin, minħabba li dan jaffettwa s-sitwazzjoni legali tagħhom fl-Istat ospitanti.

L-effetti tal-Artikolu 18(1)(c) ma jiġux skjerati jekk ma ssir l-ebda notifika, anki jekk ikunu jeżistu problemi tekniċi.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-Ftehim rigward il-bona fede huwa partikolarment rilevanti, pereżempju, biex jiġi vvalutat jekk il-problemi tekniċi humiex serji biżżejjed biex tiskatta l-proċedura ta’ notifika jew humiex strettament temporanji (pereżempju, attakk distribwit li jwaqqaf is-servizz (DDoS) fuq servers li jħaddmu l-proċedura tal-applikazzjoni online, strajk tas-servizz ċivili …). F’każ ta’ problemi strettament temporanji, jista’ jkun aktar xieraq li l-iskadenza għall-applikazzjoni tiġi estiża permezz ta’ liġi domestika jew li l-persuni affettwati jiġu assigurati li l-applikazzjonijiet tagħhom li ma jkunux saru fil-ħin se jiġu aċċettati skont l-Artikolu 18(1)(d).

2.6.5.   Artikolu 18(1)(d): Applikazzjonijiet wara d-data ta’ skadenza

Jekk applikazzjoni għal status ta’ residenza ġdid ma titressaqx sad-data ta’ skadenza jista’ jkun hemm konsegwenzi serji fi skema ta’ residenza kostituttiva mħaddma skont l-Artikolu 18(1). Dan jista’ jirriżulta f’nuqqas ta’ abbiltà li jinkiseb l-istatus ta’ residenza ġdid li għalih l-applikant ikun intitolat b’xi mod ieħor.

Il-paragrafu 1(d) tal-Artikolu 18 jipprojbixxi lill-awtoritajiet kompetenti milli jirrifjutaw awtomatikament l-applikazzjonijiet imressqa wara l-iskadenza tad-data tal-għeluq u jitlobhom jipproċessaw tali applikazzjonijiet fejn kien hemm “raġunijiet raġonevoli” għalfejn ma rrispettawx id-data tal-għeluq. Tali applikazzjonijiet għandhom jiġu pproċessati f’konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 18(1).

Id-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti li jippermettu applikazzjoni sottomessa (jew li għandha tiġi sottomessa) lil hinn mid-data tal-għeluq għandha tittieħed wara valutazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet kollha għan-nuqqas ta’ rispett tad-data tal-għeluq.

It-test tar-“raġunijiet raġonevoli” jistabbilixxi salvagwardja li “trattab” it-tarf iebes tan-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni sad-data tal-għeluq li tiżgura li l-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi tard jiġu ttrattati b’mod proporzjonat.

2.6.6.   Artikolu 18(1)(g): Miżati għall-ħruġ tad-dokument ta’ residenza

Jistgħu jintalbu miżati skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2004/38/KE għall-ħruġ tad-dokument ta’ residenza kkonċernat.

Dan ifisser li dawk il-miżati ma jistgħux jaqbżu dawk imposti fuq iċ-ċittadini tal-Istat ospitanti għall-ħruġ ta’ dokumenti simili.

2.6.7.   Artikolu 18(1)(h): Il-pussess ta’ dokument ta’ residenza permanenti

Il-paragrafu 1(h) tal-Artikolu 18 japplika biss meta l-applikant ikollu dokument ta’ residenza permanenti validu, mhux meta jkollu status ta’ residenza permanenti iżda ebda dokument għal dak l-għan. Il-persuni li jkollhom l-istatus ta’ residenza permanenti iżda mhux id-dokument ta’ residenza permanenti jkollhom iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom permezz tal-proċedura standard skont l-Artikolu 18(1).

Dokument ta’ residenza permanenti jinkludi d-dokumenti maħruġa skont id-Direttiva 2004/38/KE u kwalunkwe dokument simili tal-immigrazzjoni domestika, bħar-residenza għal żmien indefinit tar-Renju Unit.

2.6.8.   Artikolu 18(1)(i): Karti tal-identità nazzjonali

Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu ċ-ċittadinanza u l-identità tagħhom jistgħu jiddependu fuq il-karti tal-identità nazzjonali validi tagħhom anki jekk tali karti tal-identità ma jibqgħux aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim.

Kif inhu l-każ għad-Direttiva 2004/38/KE, il-paragrafu 1(i) tal-Artikolu 18 jirrikjedi biss li d-dokument tal-ivvjaġġar ikun validu. Ma tista’ tiġi mehmuża l-ebda kundizzjoni oħra skont il-liġi domestika (bħal li d-dokument tal-ivvjaġġar irid ikollu ċerta validità fil-futur).

2.6.9.   Artikolu 18(1)(j): Dokumenti ta’ sostenn f’kopji

L-Artikolu 18(1)(j) ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali, fejn ikun oġġettivament ġustifikat, milli jirrikjedu, f’każijiet speċifiċi, li ċerti dokumenti ta’ sostenn jiġu pprovduti fil-forma oriġinali meta jkun hemm “dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità tagħhom”.

2.6.10.   Artikolu 18(1)(k) sa (m): Lista ta’ dokumenti ta’ sostenn

L-Artikoli 8(3), (5) u 10(2) tad-Direttiva 2004/38/KE jipprevedu lista eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn (ara wkoll il-Premessa 14 tad-Direttiva 2004/38/KE) li l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom jippreżentaw mal-applikazzjonijiet tagħhom għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, jew karta ta’ residenza maħruġa skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Madankollu, id-Direttiva 2004/38/KE ma tistipulax tali lista eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn fir-rigward tas-sitwazzjonijiet kollha possibbli (bħal dokumenti ta’ residenza maħruġa lil ħaddiema li jżommu l-istatus ta’ ħaddiem jew lil membri tal-familja li jżommu d-dritt ta’ residenza skont l-Artikoli 12 jew 13 tad-Direttiva 2004/38/KE) jew għal dokumenti ta’ residenza oħrajn maħruġa skont id-Direttiva 2004/38/KE (dokument li jiċċertifika residenza permanenti maħruġ skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2004/38/KE jew karta ta’ residenza permanenti maħruġa skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38/KE).

L-Artikolu 18(1) (k) sa (n) tal-Ftehim jirreplika l-approċċ tad-Direttiva 2004/38/KE għad-dokumenti ta’ sostenn. Meta d-Direttiva 2004/38/KE tipprevedi lista eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn, il-Ftehim jagħmel l-istess.

Il-paragrafu 1(k) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim japplika fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li jirrisjedu fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Fir-rigward tal-punt 1(k)(iii) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim, “stabbiliment akkreditat jew iffinanzjat mill-Istat ospitanti” jikkorrespondi għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Il-paragrafu 1(l) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim japplika fir-rigward tal-membri tal-familja tad-detenturi tad-drittijiet (inklużi l-membri tal-familja “estiża”) li diġà kienu residenti fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan huwa bbażat fuq l-Artikoli 8(5) u 10(2) tad-Direttiva 2004/38/KE u jiġi aġġustat għall-fatt li l-membri tal-familja kkonċernati huma diġà residenti fl-Istat ospitanti u ma jidħlux fih minn barra.

Il-paragrafu 1(m) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim japplika fir-rigward tal-membri tal-familja tad-detenturi tad-drittijiet li ma kinux residenti fl-Istat ospitanti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan huwa bbażat fuq l-Artikoli 8(5) u 10(2) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Il-paragrafu 1(n) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim iservi bħala dispożizzjoni komprensiva li tkopri l-każijiet kollha fejn il-paragrafi 1(k) sa (m) ma japplikawx. Huwa jibni fuq il-prinċipju tad-Direttiva 2004/38/KE li għandhom jiġu evitati prattiki amministrattivi li jikkostitwixxu ostakolu żejjed għall-eżerċitar tad-dritt ta’ residenza. Il-benefiċjarji jistgħu jintalbu biss jipprovdu evidenza li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet, inkluża evidenza ta’ residenza, iżda xejn aktar.

Bħala eżempju: l-ulied imwielda lil żewġ detenturi tad-drittijiet wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom juru biss li huma tfal tad-detenturi tad-drittijiet. Konsegwentement, huma jkollhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin mal-applikazzjonijiet tagħhom:

passaport validu (jew karta tal-identità, jekk ikunu ċittadini tal-UE) biex tiġi stabbilita l-identità tagħhom;

prova tar-rabtiet familjari mal-ġenituri tagħhom (pereżempju, ċertifikat tat-twelid) biex jiġu stabbiliti r-rabtiet familjari tagħhom mas-“sors” tad-drittijiet tagħhom;

prova li l-ġenituri tagħhom huma detenturi tad-drittijiet (pereżempju, id-dokumenti tar-residenza tagħhom maħruġa skont il-Ftehim) biex jiġi stabbilit li s-“sors” tad-drittijiet tagħhom huwa żewġ detenturi tad-drittijiet; u

[jekk ikollhom aktar minn 21 sena meta japplikaw] prova li huma dipendenti fuq id-detenturi tad-drittijiet.

L-għażla ta’ liema dokument ta’ sostenn għandu jiġi ppreżentat hija f’idejn l-applikanti – l-Istat ospitanti ma jistax jobbligahom jippreżentaw dokumenti partikolari u jirrifjuta li jaċċetta applikazzjonijiet appoġġjati minn dokumenti oħrajn.

2.6.11.   Artikolu 18(1)(o): Għajnuna lill-applikanti

Il-paragrafu 1(o) tal-Artikolu 18 tal-Ftehim jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jgħinu lill-applikanti jittrattaw l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa. L-applikanti jridu jingħataw l-opportunità li jipprovdu evidenza supplimentari u li jikkoreġu kwalunkwe nuqqas, żball jew ommissjoni (pereżempju, meta l-identità ma tkunx ġiet ipprovata jew, fil-każ li jintalab il-ħlas ta’ miżata meta ssir l-applikazzjoni, ma tkunx tħallset il-miżata rilevanti) fl-applikazzjonijiet tagħhom. Din hija salvagwardja importanti fi skema ta’ residenza kostituttiva minħabba li, altrimenti, wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-applikanti ma jkunux intitolati li jerġgħu japplikaw skont il-Ftehim.

Meta japplika l-paragrafu 1(o), l-Istat ospitanti għandu jagħti attenzjoni partikolari liċ-ċittadini vulnerabbli (pereżempju, l-anzjani, dawk mingħajr ħiliet diġitali jew persuni f’kura/istituzzjonijiet).

2.6.12.   Artikolu 18(1)(p): Kontrolli tal-kriminalità

L-Artikolu 18(1)(p) jawtorizza lill-Istat ospitanti li jħaddem skema kostituttiva ġdida biex iwettaq kontrolli sistematiċi tar-rekords kriminali.

Tali kontrolli sistematiċi ġew aċċettati fil-Ftehim, minħabba l-kuntest uniku tiegħu.

L-applikanti jistgħu jintalbu jiddikjaraw huma stess dawk il-kundanni kriminali li kellhom fil-passat li għadhom jidhru fil-fedina penali tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Istat tal-kundanna fil-mument tal-applikazzjoni. Il-kundanni skontati ma għandhomx ikunu parti minn dik l-awtodikjarazzjoni. L-Istat tal-kundanna jista’ jkun kwalunkwe pajjiż fid-dinja.

Minnha nnifisha, dikjarazzjoni mhux veritiera ma trendi l-ebda dritt skont il-Ftehim null u bla effett – madankollu, hija jista’ jkollha konsegwenzi skont l-ordni pubbliku jew ir-regoli tal-frodi. L-oneru tal-prova f’każijiet bħal dawn huwa tal-awtoritajiet nazzjonali. L-Istat ospitanti jista’ wkoll jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet proporzjonati applikabbli għal dikjarazzjonijiet mhux veritieri.

Il-paragrafu 1(p) tal-Artikolu 18 ma jwaqqafx lill-Istat ospitanti milli jikkontrolla l-bażijiet ta’ data tar-rekords kriminali tiegħu, anki b’mod sistematiku.

Jistgħu jintalbu kontrolli tal-bażijiet ta’ data tar-rekords kriminali ta’ Stati oħrajn, iżda biss jekk dan jitqies bħala essenzjali u konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2004/38/KE, li tesiġi li tali inkjesti ma jsirux bħala rutina.

Il-kontrolli tal-kriminalità u tas-sigurtà skont il-paragrafu 1(p) tal-Artikolu 18 jikkorrespondu għall-kontrolli fuq il-bażi ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika mwettqa f’konformità mal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE bl-iskop li jiġu ristretti d-drittijiet f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-Ftehim.

Kwalunkwe miżura restrittiva meħuda fuq il-bażi tal-kontrolli tal-kriminalità u tas-sigurtà skont il-paragrafu 1(p) tal-Artikolu 18 trid tkun konformi mar-regoli stipulati fl-Artikolu 18(1)(r) u fl-Artikoli 20 u 21 tal-Ftehim.

2.6.13.   Artikolu 18(1)(q): Dikjarazzjoni fuq id-dokument ta’ residenza ġdid

L-uniku rekwiżit tal-format skont il-Ftehim huwa li d-dokument ta’ residenza ġdid jinkludi dikjarazzjoni li turi li l-bażi ġuridika għad-drittijiet tad-detentur tad-dokument hija l-Ftehim.

2.6.14.   Artikolu 18(1)(r): Proċedura ta’ rimedju

Il-paragrafu (1)(r) tal-Artikolu 18 jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni meħuda għall-finijiet ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1)(a) tista’ tiġi kkontestata mill-persuna inkwistjoni taħt proċeduri ta’ rimedju li jeżaminaw kemm il-legalità tad-deċiżjoni kif ukoll il-fatti u ċ-ċirkostanzi li jwasslu għaliha.

2.6.15.   Artikolu 18(2): Drittijiet ta’ residenza meqjusa

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-Ftehim, ma tista’ tiġi applikata l-ebda miżura restrittiva mill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti jew minn kwalunkwe operatur ekonomiku jew mhux ekonomiku fl-Istat ospitanti sa tmiem l-iskadenza għall-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ residenza ġdid stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b).

2.6.16.   Artikolu 18(3): Dritt meqjus ta’ residenza sakemm tittieħed deċiżjoni finali

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-Ftehim, ma tista’ tiġi applikata l-ebda miżura restrittiva mill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti jew kwalunkwe operatur ekonomiku jew mhux ekonomiku fl-Istat ospitanti sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni skont l-Artikolu 18(1)(a).

Din is-salvagwardja tiżgura li l-istatus tal-applikant ikun protett sakemm:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni (salvagwardja kontra dewmien amministrattiv);

(b)

il-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar l-appell (salvagwardja kontra deċiżjonijiet ħżiena u dewmien ġudizzjarju).

2.6.17.   Artikolu 18(4): Proċedura dikjaratorja

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 18 tal-Ftehim jirrifletti l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2004/38/KE minħabba li jippermetti lill-Istati ospitanti jkomplu jħaddmu l-iskema dikjaratorja, jiġifieri li d-dokument ta’ residenza ġdid ma jkunx kundizzjoni għal residenza legali fl-Istat ospitanti.

Jekk l-Istat ospitanti jiddeċiedi li jagħmel dan, japplikaw ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE, bħall-iskadenzi, il-miżati, id-dokumenti ta’ sostenn u d-dokumenti ta’ residenza li għandhom jinħarġu.

Dawk eliġibbli għal status ta’ residenza ġdid għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, wara applikazzjoni, dokument ta’ residenza (li jista’ jkun f’forma diġitali) li jinkludi dikjarazzjoni li dan inħareġ f’konformità mal-Ftehim.

2.7.    Artikolu 19 – Il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni

2.7.1.   Artikolu 19(1): L-applikazzjonijiet matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni

Mill-Artikolu 127 tal-Ftehim jirriżulta li r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu jkomplu japplikaw sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Madankollu, l-applikazzjonijiet għall-kostitwent il-ġdid tad-dokument tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 18(1), u għad-dokument ta’ residenza dikjaratorju skont l-Artikolu 18(4), jistgħu jsiru diġà matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni (l-Artikoli 19 u 185 tal-Ftehim).

Id-deċiżjoni li titħaddem tali applikazzjoni volontarja tal-iskema għall-istatus ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1) ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu.

Applikazzjoni għall-istatus ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ma twaqqafx lill-applikanti milli japplikaw simultanjament għal dokument ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE.

Bl-istess mod, id-deċiżjoni li titħaddem skema volontarja ma tilliberax lill-Istat ospitanti mill-obbligi tiegħu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu, bħal li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet pendenti jew li jipproċessa applikazzjonijiet ġodda.

2.7.1.1.   Kompetenza differita tal-QĠUE

Skont l-Artikolu 158(1) tal-Ftehim, il-perjodu ta’ tmien snin li matulu l-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit jistgħu jitolbu deċiżjoni preliminari mill-QĠUE fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet magħmula skont l-Artikoli 18(1) jew (4) jew 19 jibda mid-data li minnha jibda japplika l-Artikolu 19 (jiġifieri l-1 ta’ Frar 2020).

Filwaqt li l-proċedura ta’ applikazzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 18 tista’ “titmexxa ’l quddiem” fiż-żmien u ssir applikabbli, dispożizzjonijiet oħrajn tal-Ftehim li fuqhom tiddependi l-proċedura ta’ applikazzjoni amministrattiva (bħal dawk relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni personali u territorjali tal-Artikoli 9 sa 11) jew li l-proċedura tiskjera jew tiskatta (bħas-salvagwardji proċedurali kollha kontra deċiżjonijiet restrittivi jew kundizzjonijiet għaż-żamma tal-istatus ta’ residenza ġdid) għadhom mhumiex fis-seħħ.

Dan jirrikjedi ċerti aġġustamenti li mingħajrhom l-Artikolu 19 ikun imċaħħad minn kwalunkwe effett utli. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jirrikjedu li l-Istati ospitanti li jagħżlu li jħaddmu l-iskema volontarja skont l-Artikolu 19 jirreplikaw fedelment id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa, iżda li għadhom mhumiex applikabbli, tat-Tieni Parti tal-Ftehim fil-leġiżlazzjoni domestika biex jagħtuhom effett għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema volontarja.

L-Artikolu 131 tal-Ftehim jiżgura li matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu s-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni b’rabta mar-Renju Unit fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 19. Il-QĠUE ser iżżomm il-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha wkoll.

2.7.2.   Artikolu 19(2): L-effett tal-għoti jew tar-rifjut tal-applikazzjoni

It-tressiq ta’ applikazzjoni taħt l-iskema kostituttiva volontarja jista’ jkun mixtieq għall-applikanti biex jiksbu ċertezza tad-dritt dwar l-istatus tagħhom mill-aktar fis possibbli, minkejja d-dħul fis-seħħ pospost tad-deċiżjoni (billi deċiżjoni favorevoli ma tistax tiġi rtirata qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont l-Artikolu 19(3)).

Mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 jirriżulta li d-deċiżjonijiet – kemm pożittivi kif ukoll negattivi – meħuda skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(1), l-iskema kostituttiva, mhux ser ikollhom effett sa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri deċiżjonijiet bħal dawn ser ikunu validi iżda l-effetti legali tagħhom ser jiġu posposti, minħabba li l-applikanti ser igawdu minn drittijiet paralleli ta’ moviment liberu.

Bl-istess mod, rifjut ta’ applikazzjoni li tkun saret skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(1) jista’ jwissi lill-applikant li jistgħu jkunu meħtieġa ċerti bidliet biex jikkwalifika għall-istatus ta’ residenza ġdid – tali bidliet jistgħu jsiru sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u l-persuna tista’ terġa’ tapplika kif stabbilit fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 19.

Dokument ta’ residenza mogħti skont l-Artikolu 18(4) isir validu u applikabbli minnufih (wara kollox, huwa għandu biss effetti dikjaratorji). Dan ma jaffettwax id-drittijiet paralleli ta’ moviment liberu tal-applikanti. Bl-istess mod, filwaqt li r-rifjut ta’ applikazzjoni taħt l-iskema dikjaratorja volontarja jsir validu minnufih, dan ma jaffettwax id-drittijiet paralleli tal-Unjoni ta’ moviment liberu tal-applikanti.

2.7.3.   Artikolu 19(3): Ma jistax jiġi rtirat status ta’ residenza mogħti matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 19 jipprekludi lill-Istat ospitanti milli jirtira l-istatus ta’ residenza li jkun ta taħt l-iskema kostituttiva volontarja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Huwa jista’ jagħmel dan biss fuq il-bażi tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jew minħabba abbuż jew frodi f’konformità mar-regoli tad-Direttiva 2004/38/KE li huma applikabbli b’mod parallel.

Din id-dispożizzjoni sservi biex tassigura lill-applikanti li ma hemm l-ebda riskju fl-applikazzjoni bikrija matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, minħabba li l-applikazzjoni, ladarba tingħata, ma tistax tiġi rieżaminata għal raġunijiet amministrattivi (jiġifieri, dawk relatati mal-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza).

Fl-iskema taħt l-Artikolu 18(4) (proċedura dikjaratorja), tibqa’ l-għażla tal-awtoritajiet nazzjonali li jirtiraw id-dokumenti ta’ residenza maħruġa jew l-istatus tagħhom, iżda dan waħdu ma jaffettwax id-dritt ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

2.7.4.   Artikolu 19(4): Applikazzjonijiet mill-ġdid

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 19 jiżgura li l-applikanti li jkunu ġew irrifjutati status ta’ residenza ġdid skont l-Artikolu 18(1) qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jistgħu jerġgħu japplikaw sad-data ta’ skadenza stabbilita fl-Artikolu 18(1)(b).

Id-dritt li terġa’ tapplika matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa kopert mill-proċeduri ta’ rimedju stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(r).

2.7.5.   Artikolu 19(5): Rimedju

L-applikanti kollha jgawdu d-drittijiet kollha ta’ rimedju kif stabbiliti fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE.

2.8.    Artikolu 20 – Restrizzjonijiet tad-drittijiet ta’ residenza

L-Artikolu 20 ikopri l-persuni kollha li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt it-Titolu II tat-Tieni Parti – dan ifisser li dan ikopri wkoll, pereżempju, il-ħaddiema transkonfinali, il-membri tal-familja jew il-membri tal-familja “estiża”.

2.8.1.   X’inhi l-imġiba?

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 huma skattati mill-imġiba tal-persuni kkonċernati. Il-kunċett ta’ mġiba skont il-Ftehim huwa bbażat fuq il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE (għal aktar dettalji, ara l-linji gwida tal-Kummissjoni għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE – COM(2009)313 finali, it-Taqsima 3.2).

2.8.2.   L-imġiba qabel u l-imġiba wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 jistabbilixxu żewġ reġimi differenti li jirregolaw il-mod kif għandha tiġi ttrattata l-imġiba li tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, skont jekk l-imġiba seħħitx qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 jistabbilixxi obbligu ċar (“għandu jiġi kkunsidrat”) li jiġi applikat il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE għal ċerti fatti, filwaqt li l-paragrafu 2 tal-Artikolu 20 jawtorizza l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni għal fatti li jseħħu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Għalhekk, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 għandhom l-għan li jisseparaw l-azzjonijiet li seħħew qabel u wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Ir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni ma għandhomx jiġu applikati, lanqas parzjalment, għal azzjonijiet li huma rregolati mill-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 tal-Ftehim. Madankollu, kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza minħabba mġiba li sseħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandha tittieħed f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.8.3.   Imġiba kontinwa

F’ċerti ċirkostanzi, il-persuni kkonċernati jistgħu jkunu involuti f’imġiba kontinwa (jiġifieri, imġiba li l-komponenti individwali tagħha jitwettqu bi skop wieħed, ikunu konnessi bl-istess mod jew b’mod simili ta’ kummissjoni u b’koinċidenza mill-qrib fiż-żmien u fl-oġġett tal-attakk) li tibda qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u tkompli wara.

Fl-ipoteżi ta’ mġiba kontinwa, li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jiddeċiedu dwarha wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, biex ikun jistgħu jiġu applikati miżuri restrittivi fuq xi persuna, x’aktarx li se jsibu, fost l-oħrajn, ix-xenarji li ġejjin:

(a)

is-sett ta’ azzjonijiet min-naħa tal-persuna kkonċernata li seħħew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, meħuda weħidhom, huwa biżżejjed biex tiġi adottata miżura restrittiva skont ir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni – f’liema każ jistgħu jiġu adottati miżuri bbażati fuq il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20;

(b)

is-sett ta’ azzjonijiet li seħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, meħud waħdu, mhuwiex biżżejjed biex jittieħdu miżuri skont ir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni – f’liema każ, ma jistgħux jiġu adottati miżuri bbażati fuq il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20;

(c)

fil-każ imsemmi f’b), l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu madankollu jeżaminaw skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 jekk is-sett ta’ azzjonijiet li sar qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jiġġustifikax restrizzjonijiet fuq il-bażi tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika. Din il-valutazzjoni, sa fejn għandha tistabbilixxi t-theddida rrappreżentata mill-imġiba personali tal-persuna kkonċernata, tista’ tqis ukoll l-azzjonijiet li seħħew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Kull miżura restrittiva trid tikkunsidra bir-reqqa ċ-ċirkostanzi tal-każ rilevanti.

2.8.4.   Artikolu 20(3) u (4): Abbuż ta’ drittijiet jew applikazzjonijiet frodulenti jew abbużivi

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 20 jawtorizzaw lill-Istat ospitanti biex ineħħi mit-territorju tiegħu l-applikanti li abbużaw mid-drittijiet tagħhom jew li wettqu frodi, sabiex jiksbu drittijiet skont il-Ftehim.

Filwaqt li tali tneħħija tista’ sseħħ anki qabel ma tkun ingħatat sentenza finali f’każ ta’ rimedju ġudizzjarju mfittex kontra r-rifjut ta’ tali applikazzjoni, din trid tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Dan ifisser li l-persuni kkonċernati ma jistgħux jitneħħew mill-Istat ospitanti meta jkunu appellaw kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija u jkunu applikaw għal ordni interim biex jissospendu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

It-tneħħija attwali ma tistax isseħħ sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ordni interim, ħlief fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ibbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti;

(b)

meta l-persuni kkonċernati kellhom aċċess preċedenti għal rieżami ġudizzjarju;

(c)

meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ibbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38/KE.

Meta r-regoli domestiċi jipprevedu li l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ tneħħija jkun ex lege sospiż mill-appell, ma hemmx bżonn li ssir applikazzjoni għal ordni interim biex jiġi sospiż l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

F’konformità mal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2004/38/KE, l-Istat ospitanti jista’ jeskludi l-persuni mneħħija mit-territorju tiegħu sakemm issir il-proċedura ta’ appell, iżda dan ma jżommhomx milli jissottomettu d-difiża tagħhom personalment, ħlief meta d-dehra tagħhom tista’ tikkawża problemi serji għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

2.9.    Artikolu 21 – Salvagwardji u dritt ta’ appell

Din id-dispożizzjoni tkopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom id-drittijiet ta’ residenza skont il-Ftehim jistgħu jiġu ristretti jew miċħuda.

Din tiżgura li s-salvagwardji proċedurali tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE japplikaw bis-sħiħ fis-sitwazzjonijiet kollha, jiġifieri:

(a)

abbuż u frodi (l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE);

(b)

miżuri meħuda fuq il-bażi tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika (il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE) jew f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali; u

(c)

miżuri meħuda fuq il-bażijiet l-oħrajn kollha (l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38/KE) li jinkludu sitwazzjonijiet bħal meta applikazzjoni għal dokument ta’ residenza ma tiġix aċċettata bħala li saret, meta applikazzjoni tiġi rrifjutata minħabba li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza, jew id-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi li l-persuna kkonċernata ma baqgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza (bħal meta ċittadin tal-UE ekonomikament mhux attiv isir piż mhux raġonevoli għall-iskema ta’ assistenza soċjali tal-Istat ospitanti).

Din tiżgura wkoll li s-salvagwardji materjali tal-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE japplikaw bis-sħiħ fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ restrizzjoni meħuda abbażi ta’ mġiba li seħħet qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE dwar il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet ta’ restrizzjoni meħuda f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jridu jkunu konformi wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-ħajja tal-familja.

2.10.    Artikolu 22 – Drittijiet relatati

Din id-dispożizzjoni tipproteġi d-dritt tal-membri tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, li jibdew jaħdmu jew jaħdmu għal rashom fl-Istat ospitanti, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Dan ifisser li kemm il-membri tal-familja, li ma kinux ħaddiema qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda li saru ħaddiema wara, kif ukoll il-membri tal-familja li kienu diġà ħaddiema fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol (ħaddiema transkonfinali) huma protetti mill-Ftehim.

2.11.    Artikolu 23 – Trattament

Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE li jipprevedi regola speċifika dwar it-trattament ugwali meta mqabbel mal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

L-istess regola hija “estiża” għall-membri tal-familja bi dritt ta’ residenza (permanenti) fl-Istat ospitanti. Dawn għandhom jiġu ttrattati bħala ċittadini tal-Istat ospitanti, mhux bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Istat ospitanti.

Japplikaw l-istess eżenzjonijiet bħal fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE.

KAPITOLU 2 – ID-DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA U TAL-PERSUNI LI JAĦDMU GĦAL RASHOM

2.12.    Artikolu 24 – Id-drittijiet tal-ħaddiema

2.12.1.   Artikolu 24(1): Drittijiet

L-Artikolu 24(1) tal-Ftehim jagħti d-drittijiet kollha tal-ħaddiema abbażi tad-dritt tal-Unjoni lill-benefiċjarji tal-Ftehim li huma ħaddiema, inklużi dawk li jbiddlu l-istatus ta’ ħaddiem wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (ara wkoll l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 22 tal-Ftehim). Kategoriji oħrajn ta’ benefiċjarji tal-Ftehim mhumiex koperti minn dan l-Artikolu.

2.12.1.1.   Limitazzjonijiet

Japplikaw l-istess limitazzjonijiet fuq il-bażi tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u tas-saħħa pubblika kif stabbiliti fl-Artikolu 45(3) tat-TFUE.

Il-Ftehim ma jkoprix l-impjieg fis-servizz pubbliku skont l-Artikolu 45(4) tat-TFUE. Konsegwentement, l-Istat ospitanti jew l-Istat tax-xogħol jista’ jirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu l-aċċess għal karigi li jinvolvu l-eżerċitar tas-setgħat tal-liġi pubblika u s-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat fejn din ir-restrizzjoni tkun konformi mal-Artikolu 45(4) tat-TFUE (il-kawża C-270/13 Haralambidis).

2.12.1.2.   Il-punti (a)-(h) tal-paragrafu 1: lista mhux eżawrjenti ta’ drittijiet

Il-ħaddiema jgawdu l-firxa sħiħa ta’ drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011. Id-drittijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 24 tal-Ftehim għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni u tifsira kif definiti fl-Artikolu 45 tat-TFUE u fir-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Id-drittijiet tal-ħaddiema enumerati fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 24 tal-Ftehim mhumiex eżawrjenti u kwalunkwe żvilupp ta’ dawk id-drittijiet skont l-interpretazzjonijiet futuri tal-QĠUE tal-Artikolu 45 tat-TFUE jkunu għalhekk koperti (fil-każ tar-Renju Unit, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi tagħhom ikollhom “kunsiderazzjoni xierqa” għall-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE mogħtija wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni). Dan ifisser, pereżempju, li minbarra l-punti stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 24 tal-Ftehim, ħaddiem iżomm id-dritt li jbiddel l-impjieg u jfittex impjieg ġdid fl-Istat tax-xogħol, skont l-Artikolu 45 tat-TFUE.

2.12.2.   Artikolu 24(2): Id-dritt ta’ wild ta’ ħaddiem li jtemm l-edukazzjoni

L-Artikolu 24(2) tal-Ftehim jipproteġi d-dritt tal-ulied tal-ħaddiema li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat ospitanti. Għalhekk, wild li l-ġenitur tiegħu mill-UE jew mir-Renju Unit kien jaħdem fl-Istat ospitanti bħala benefiċjarju tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jista’ jkompli jirrisjedi fl-Istat ospitanti u jtemm l-edukazzjoni tiegħu hemmhekk, anki wara li dak il-ġenitur ikun waqaf jirrisjedi fl-Istat ospitanti b’mod legali (jiġifieri jkun telaq mill-Istat ospitanti, ikun miet jew ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza legali, ara pereżempju l-kawża C-310/08 Ibrahim u l-kawża C-480/08 Teixeira). Il-wild inkwistjoni għandu wkoll id-dritt li jkun akkumpanjat minn persuna primarja li tindokra lil ħaddieħor sakemm il-wild ikun minuri jew, anki wara l-età maġġuri, jekk il-preżenza u l-indukrar tal-persuna primarja li tindokra lil ħaddieħor ikunu meħtieġa biex itemm l-edukazzjoni tiegħu.

2.12.3.   Artikolu 24(3): ħaddiema transkonfinali

Il-ħaddiema transkonfinali jistgħu jkomplu jaħdmu fl-Istat tax-xogħol jekk ikunu għamlu dan sal-aħħar tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Jekk ikunu waqfu jaħdmu qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, huma jistgħu jżommu l-istatus tagħhom bħala ħaddiema fl-Istat tax-xogħol, jekk jissodisfaw kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE, madankollu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jbiddlu r-residenza għall-Istat tax-xogħol. Dan jippermettilhom igawdu d-drittijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 24(1)(a)-(h) tal-Ftehim.

Il-ħaddiema transkonfinali jżommu l-istatus fl-Istat tax-xogħol fejn:

(a)

temporanjament ma jkunux jistgħu jaħdmu bħala riżultat ta’ marda jew aċċident;

(b)

huma jkunu jinsabu f’qgħad involontarju rreġistrat wara li kienu impjegati għal aktar minn sena u jkunu rreġistraw bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mal-uffiċċju tal-impjiegi rilevanti;

(c)

huma jkunu jinsabu f’qgħad involontarju debitament irreġistrat wara li jkunu temmew kuntratt ta’ impjieg b’terminu fiss ta’ inqas minn sena jew wara li jkunu spiċċaw qiegħda b’mod involontarju matul l-ewwel tnax-il xahar u jkunu rreġistraw bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mal-uffiċċju tal-impjiegi rilevanti (f’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem jinżamm għal mhux inqas minn sitt xhur); jew

(d)

jibdew taħriġ vokazzjonali (għal dawk li jkunu spiċċaw qiegħda b’mod involontarju, it-taħriġ irid ikun relatat mal-impjieg preċedenti).

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE (il-kawża C-507/12 Saint Prix), il-lista ta’ ċirkostanzi li fihom jista’ jinżamm l-istatus ta’ ħaddiem mhijiex eżawrjenti.

2.13.    Artikolu 25 – Drittijiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom

2.13.1.   Artikolu 25(1): Drittijiet

Id-drittijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 jingħataw lill-benefiċjarji kollha tal-Ftehim li huma persuni li jaħdmu għal rashom – mhux biss lil dawk li jkunu persuni li jaħdmu għal rashom fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda wkoll lil persuni li jbiddlu l-istatus (ara wkoll l-Artikolu 17(1), li jipprevedi d-dritt li persuna tibda taħdem għal rasha).

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE (pereżempju, il-kawża 63/86 Il-Kummissjoni vs L-Italja), il-persuni li jaħdmu għal rashom li jaqgħu taħt l-Artikolu 49 tat-TFUE jistgħu jgawdu d-drittijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 li japplikaw b’analoġija. Dan ifisser, pereżempju, li l-Artikolu 24(1)(d) tal-Ftehim ma jistax japplika fir-rigward ta’ tkeċċija, minħabba li, minnha nnifisha, persuna li taħdem għal rasha ma tkunx f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni ma’ min iħaddem u ma tistax titkeċċa.

Id-drittijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 tal-Ftehim jingħataw ukoll lil persuni li jaħdmu għal rashom bejn il-fruntieri. Hemm differenza bejn il-kategoriji li ġejjin: i) persuna li tirrisjedi fl-Istat A u twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat B; u ii) persuna li tirrisjedi fl-Istat A u twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat A, filwaqt li tipprovdi wkoll servizzi fl-Istati B u Ċ – permezz tal-forniment okkażjonali ta’ servizzi jew permezz ta’ stabbiliment sekondarju. L-ewwel kategorija tikkorrespondi għal dik ta’ persuna li taħdem għal rasha bejn il-fruntieri, filwaqt li t-tieni kategorija ma tikkorrespondix għaliha.

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li t-twaqqif ta’ uffiċċju fi Stat differenti minn dak tar-residenza bl-għan li jiġu pprovduti servizzi f’dak l-Istat mhux bilfors jammonta għall-istabbiliment fl-Istat fejn jiġu pprovduti dawk is-servizzi. L-attività inkwistjoni xorta tista’ titqies bħala li taqa’ taħt ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minflok dawk ta’ stabbiliment. Għalhekk, persuna b’uffiċċju fl-Istat tax-xogħol mhux dejjem titqies bħala persuna li taħdem għal rasha bejn il-fruntieri (1).

L-Artikolu 4(4) tal-Ftehim jiżgura li l-kunċett ta’ persuna li taħdem għal rasha jiġi interpretat bl-istess mod kif il-QĠUE interpretat l-Artikolu 49 tat-TFUE fil-ġurisprudenza rilevanti.

2.13.1.1.   Limitazzjonijiet

Id-drittijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 tal-Ftehim huma soġġetti għall-istess restrizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikoli 51 u 52 tat-TFUE.

Konsegwentement, dawn id-drittijiet jistgħu jkunu soġġetti għal limitazzjonijiet ġustifikati fuq il-bażi tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika (l-Artikolu 52 tat-TFUE) u l-Istat tax-xogħol jista’ jiddiskrimina kontra persuni li jaħdmu għal rashom fir-rigward ta’ attivitajiet li huma konnessi, anki okkażjonalment, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali (l-Artikolu 51 tat-TFUE).

2.13.1.2.   Artikolu 25(1)(a): Id-drittijiet li l-persuni jibdew u jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jistabbilixxu u jimmaniġġjaw impriżi

Il-Ftehim jipproteġi d-drittijiet li l-persuni jibdew u jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jistabbilixxu u jimmaniġġjaw impriżi f’konformità mal-Artikolu 49 tat-TFUE, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat ospitanti għaċ-ċittadini tiegħu stess.

Madankollu, dan il-Ftehim ma għandux jinftiehem bħala li jagħti liċ-ċittadini tar-Renju Unit il-possibbiltà li jistrieħu fuq id-dritt tal-Unjoni biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħrajn tal-UE jew biex jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri oħrajn tal-UE.

2.13.1.3.   Artikolu 25(1)(b): Referenza għal-lista mhux eżawrjenti ta’ drittijiet tal-Artikolu 24(1)

Il-persuni li jaħdmu għal rashom igawdu l-firxa sħiħa tad-drittijiet rilevanti li jirriżultaw mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011 fl-Istat tax-xogħol.

2.13.2.   Artikolu 25(2): Id-dritt ta’ wild ta’ persuna li taħdem għal rasha li jtemm l-edukazzjoni tiegħu

L-Artikolu 25(2) jipproteġi lill-ulied li l-ġenitur tagħhom mill-UE jew mir-Renju Unit kien ħaddiem, iżda li baqax jirrisjedi legalment fl-Istat ospitanti tal-wild skont l-Artikolu 24(2) tal-Ftehim, sal-punt previst mid-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-QĠUE (il-kawża C-147/11 Czop & Punakova).

2.13.3.   Artikolu 25(3): Id-drittijiet tal-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom u l-limitazzjonijiet fuq dawk id-drittijiet

Il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom jgawdu l-istess drittijiet bħall-ħaddiema transkonfinali impjegati skont l-Artikolu 24(3) tal-Ftehim, bl-istess riżervi fir-rigward tar-rilevanza kif deskritt fil-gwida għall-Artikolu 25(1) (eż. tkeċċijiet).

2.14.    Artikolu 26– Il-ħruġ ta’ dokument li jidentifika d-drittijiet tal-ħaddiema transkonfinali

L-Artikolu 26 jobbliga lill-Istat tax-xogħol biex joħroġ lill-ħaddiema transkonfinali koperti mill-Ftehim dokument li jiċċertifika l-istatus tagħhom jekk dawk il-ħaddiema transkonfinali jitolbu dan. Fl-istess ħin, l-Artikolu 26 jippermetti wkoll li l-Istat tax-xogħol jesiġi li l-ħaddiema transkonfinali koperti mill-Ftehim japplikaw għal tali dokument.

B’differenza mid-dokument ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim, dan id-dokument ma jagħtix status ta’ residenza ġdid – huwa jirrikonoxxi dritt li kien jeżisti minn qabel, u li għadu jeżisti, li titwettaq attività ekonomika fl-Istat tax-xogħol.

Minħabba li l-ħaddiema transkonfinali regolarment jitilqu u jerġgħu jidħlu fl-Istat tax-xogħol, huwa essenzjali li jinħarġilhom id-dokument li jiċċertifika l-istatus tagħhom mill-aktar fis possibbli, sabiex b’hekk ma jiġux ostakolati milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, u jkunu jistgħu faċilment juru prova ta’ dawk id-drittijiet (b’mod partikolari dawk relatati mal-qsim tal-fruntieri skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim).

Il-ħaddiema transkonfinali li ma jkunux f’impjieg fid-data tal-applikazzjoni għandhom id-dritt li jinħarġilhom id-dokument, dment li jżommu l-istatus tagħhom bħala ħaddiema f’konformità mal-Artikoli 24(3) jew 25(3) tal-Ftehim (min-naħa tagħhom, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE).

Kapitolu 3 – Kwalifiki professjonali

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim jittratta l-każijiet ta’ persuni koperti mill-Ftehim li jkunu kisbu, jew li jkunu waslu biex jiksbu fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol tagħhom, kif xieraq.

Għal dawk il-persuni, il-Ftehim jiggarantixxi dawn li ġejjin:

(a)

il-validità u l-effettività ta’ deċiżjonijiet nazzjonali li jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali tagħhom fir-Renju Unit jew fl-UE (l-anterjorità tad-deċiżjonijiet); u

(b)

d-dritt korrispondenti tagħhom li jipprattikaw u li jkomplu jipprattikaw il-professjoni u l-attivitajiet rilevanti fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol tagħhom (għall-ħaddiema transkonfinali).

Għall-kuntrarju, dan il-Kapitolu la jiggarantixxi u lanqas jagħti liċ-ċittadini tar-Renju Unit koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Ftehim xi dritt tas-suq intern relatat mal-forniment ta’ servizzi lill-Istati Membri tal-UE għajr l-Istat ospitanti jew l-Istat tax-xogħol tagħhom, kif xieraq.

Il-Ftehim ma jiggarantixxix liċ-ċittadini tar-Renju Unit koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Ftehim id-dritt li jistrieħu fuq id-dritt tal-Unjoni sabiex jiksbu rikonoxximenti addizzjonali tal-kwalifiki professjonali tagħhom wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, kemm jekk ikunu fl-Istat ospitanti, fl-Istat tax-xogħol jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE.

Il-Ftehim ma jittrattax it-trattament tal-kwalifiki professjonali miksuba fir-Renju Unit jew fl-UE qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda jekk humiex rikonoxxuti jew le matul iż-żmien li jiġu rikonoxxuti min-naħa l-oħra qabel dik id-data.

2.15.    Artikolu 27 – Kwalifiki professjonali rikonoxxuti

2.15.1.   Approċċ ġenerali

L-Artikolu 27 jiddeskrivi t-tip ta’ deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent li jkollhom klawżola ta’ anterjorità skont il-Ftehim, l-Istati li fihom dawn id-deċiżjonijiet ikunu diġà soġġetti għal klawżola ta’ anterjorità (l-Istat ospitanti jew l-Istat tax-xogħol), il-persuni li jibbenefikaw mill-anterjorità tad-deċiżjonijiet (dawk il-persuni koperti mill-Ftehim) u l-effetti tal-anterjorità tad-deċiżjonijiet fl-Istati rispettivi.

X’inhi klawżola ta’ anterjorità?

Essenzjalment, l-Artikolu 27 tal-Ftehim ikopri d-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent li ġew adottati f’konformità ma’ erba’ strumenti legali speċifiċi tal-UE, jiġifieri d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE), id-Direttiva dwar l-Istabbiliment tal-Avukati (id-Direttiva 98/5/KE), id-Direttiva dwar l-Awdituri Statutorji (id-Direttiva 2006/43/KE) u d-Direttiva dwar il-Prodotti Tossiċi (id-Direttiva 74/556/KEE).

2.15.2.   Artikoli 27(1)(a) u 27(2): Rikonoxximenti skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali:

Il-Ftehim ikopri t-tliet tipi kollha ta’ rikonoxximent għall-finijiet ta’ stabbiliment previsti mit-Titolu III tad-Direttiva 2005/36/KE:

(a)

rikonoxximenti taħt is-sistema ġenerali (l-Artikolu 10 et seq. tad-Direttiva 2005/36/KE);

(b)

rikonoxximenti abbażi ta’ esperjenza professjonali (l-Artikolu 16 et seq. tad-Direttiva 2005/36/KE); u

(c)

rikonoxximenti abbażi tal-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi tat-taħriġ (l-Artikolu 21 et seq. tad-Direttiva 2005/36/KE).

Dawn ir-rikonoxximenti jinkludu dawn li ġejjin:

Skont l-Artikolu 27(2)(a) tal-Ftehim: rikonoxximenti ta’ kwalifiki professjonali ta’ pajjiżi terzi li huma koperti mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE.

Dawn huma rikonoxximenti minn Stat Membru tal-UE jew mir-Renju Unit, ta’ kwalifiki professjonali ta’ pajjiżi terzi li diġà ġew rikonoxxuti qabel fi Stat Membru ieħor tal-UE jew fir-Renju Unit skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/36/KE u li ġew assimilati ma’ kwalifiki domestiċi (tal-UE jew tar-Renju Unit) minħabba li d-detentur, wara l-ewwel rikonoxximent fi Stat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit, kiseb esperjenza professjonali ta’ tliet snin fil-professjoni kkonċernata fl-Istat (fl-Istat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit) li inizjalment kien irrikonoxxihom.

Għalhekk, il-Ftehim ma jkoprix l-ewwel rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ pajjiżi terzi fi Stat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit, iżda dawk sussegwenti biss u sal-punt li l-kundizzjonijiet ipprovduti taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE jkunu ġew issodisfati.

Skont l-Artikolu 27(2)(b): deċiżjonijiet dwar l-aċċess parzjali skont l-Artikolu 4f tad-Direttiva 2005/36/KE.

Skont l-Artikolu 27(2)(c): deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent għall-finijiet ta’ stabbiliment miksuba taħt il-proċedura elettronika tal-Karta Professjonali Ewropea.

Il-proċeduri ta’ rikonoxximent tal-Karta Professjonali Ewropea bħalissa huma disponibbli għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, għall-ispiżjara, għall-fiżjoterapisti, għall-gwidi tal-muntanji u għall-aġenti tal-proprjetà immobbli.

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-Ftehim jiżgura biss il-validità kontinwa u l-effett tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent innifisha; huwa ma jiżgurax aċċess kontinwu għan-netwerk elettroniku sottostanti (il-modulu tal-Karta Professjonali Ewropea tal-IMI) tal-awtoritajiet u l-professjonisti kkonċernati (ara l-Artikoli 8 u 29 tal-Ftehim). Madankollu, l-aċċess mill-professjonisti għall-interfaċċja online tal-EPC għall-finijiet ta’ informazzjoni mhux ser jiġi mxekkel.

Effett speċifiku tal-anterjorità offruta mill-Ftehim għad-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent koperti mid-Direttiva 2005/36/KE huwa li kwalunkwe għarfien tar-rekwiżiti lingwistiċi u/jew approvazzjoni mill-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jistgħu jkunu meħtieġa mill-Istat ospitanti ser ikomplu jiġu kkunsidrati wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/36/KE, jiġifieri l-Artikoli 53 u 55 tagħha.

2.15.3.   Artikolu 27(1)(b): Rikonoxximenti skont id-Direttiva dwar l-Istabbiliment tal-Avukati

Il-Ftehim jissoġġetta għall-anterjorità, għall-persuni koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tiegħu, dawk id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-avukati tal-UE jew tar-Renju Unit ikunu tħallew jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fi Stat ospitanti jew Stat tax-xogħol skont l-Artikolu 10(1) u (3) tad-Direttiva 98/5/KE (li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru apparti dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika).

L-effett ta’ anterjorità jneħħi, fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tar-Renju Unit, kwalunkwe rekwiżit ta’ ċittadinanza lokali li jista’ jillimita l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol.

L-effett ta’ anterjorità huwa limitat għall-Istat ospitanti jew għall-Istat tax-xogħol.

Għalhekk, fir-rigward tal-avukati tar-Renju Unit, ċittadini tar-Renju Unit, li setgħu bbenefikaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, il-Ftehim ma jipprevedix l-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttivi 77/246/KEE u 98/5/KE, lil hinn mill-Istat ospitanti jew l-Istat tax-xogħol ikkonċernat.

2.15.4.   Artikolu 27(1)(c): Rikonoxximenti skont id-Direttiva dwar l-Awdituri Statutorji

Fir-rigward tal-persuni koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Ftehim, l-approvazzjonijiet fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol tal-awdituri statutorji li inizjalment kisbu l-approvazzjoni tagħhom fl-UE jew fir-Renju Unit skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/43/KE ser ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol u l-benefiċjarji ser ikomplu jkollhom aċċess għall-professjoni bħal qabel.

2.15.5.   Artikolu 27(1)(d): Rikonoxximenti skont id-Direttiva dwar il-Prodotti Tossiċi

Fir-rigward tal-persuni koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Ftehim, l-approvazzjonijiet għall-fini ta’ stabbiliment miksuba fl-Istat ospitanti jew fl-Istat tax-xogħol skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 74/556/KEE ser ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom skont il-Ftehim.

2.15.6.   Effetti ġenerali

L-effetti ta’ anterjorità offruti mill-Artikolu 27 jinvolvu l-assimilazzjoni tal-benefiċjarji stabbiliti għaċ-ċittadini tal-Istat ospitanti jew tal-Istat tax-xogħol tagħhom, kif xieraq, fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-professjoni u l-eżerċitar tagħha u l-attivitajiet professjonali kkonċernati f’dawk it-territorji.

Madankollu, tali assimilazzjoni ma testendi għall-ebda dritt ieħor tas-suq uniku skont id-dritt tal-Unjoni lill-benefiċjarji fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi f’territorji oħrajn għajr dawk koperti minn dawn l-effetti speċifiċi ta’ anterjorità.

2.16.    Artikolu 28 – Proċeduri kurrenti r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

2.16.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

L-Artikolu 28 jirrifletti l-Artikolu 27 tal-Ftehim fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tiegħu u jaqbad it-talbiet rilevanti kollha għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali li jkunu ġew sottomessi formalment sa, u li jkunu għadhom pendenti fi, tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn il-proċeduri pendenti kollha ser jitkomplew u jitlestew (inkluża kwalunkwe miżura ta’ kumpens li setgħet kienet meħtieġa) f’konformità mar-regoli u l-proċeduri previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-awtorità kompetenti.

Jeħtieġ li jissemmew żewġ aspetti speċifiċi:

L-Artikolu 28 ikopri mhux biss il-proċeduri amministrattivi pendenti iżda wkoll kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u appell li jistgħu jiġu mnedija wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Id-dispożizzjoni tkopri wkoll il-proċedimenti ġudizzjarji rilevanti sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni;

Fir-rigward tat-talbiet pendenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki taħt il-proċess tal-Karta Professjonali Ewropea, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28 jikkonferma li dawn għandhom jitlestew skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Sal-punt li l-aċċess kontinwu għan-netwerk elettroniku sottostanti rilevanti (il-modulu tal-IMI) ikun meħtieġ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni sat-tlestija tal-proċess rilevanti tal-Karta Professjonali Ewropea, qed tiddaħħal dispożizzjoni abilitanti speċifika għal aċċess limitat għall-modulu tal-IMI fl-Artikolu 29(2) tal-Ftehim.

2.16.2.   Effetti

L-effetti tal-proċedimenti li għandhom jitlestew skont l-Artikolu 28 għandhom ikunu identiċi għall-effetti tad-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent soġġetti għall-anterjorità skont l-Artikolu 27 tal-Ftehim u spjegati hawn fuq.

2.17.    Artikolu 29 – Kooperazzjoni amministrattiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali

2.17.1.   Obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

L-Artikolu 29(1) jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u tal-Istati Membri tal-UE għandhom jibqgħu marbuta bl-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni matul il-perjodu ta’ eżami tal-proċedimenti pendenti kollha ta’ rikonoxximent koperti mill-Artikolu 28 tal-Ftehim.

Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi wkoll eżenzjoni ġenerali minn kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tista’ timpedixxi l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti ma’ awtoritajiet barranin dwar l-applikanti, il-kwalifiki professjonali tagħhom u l-aġir ġenerali u professjonali tagħhom, sakemm jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki professjonali tagħhom u jiddaħħlu fil-professjoni tal-Istat ospitanti jew l-Istat tax-xogħol tagħhom.

Tali obbligu u eżenzjoni huma meħtieġa biex ikun żgurat li t-tħassib dwar is-sikurezza pubblika jiġi mmaniġġjat kif xieraq matul il-proċess tar-rikonoxximent.

2.17.2.   Aċċess limitat għall-IMI wara l-ħruġ

Kif issemma diġà, l-Artikolu 29(2) jipprovdi deroga temporanja mill-Artikolu 8 tal-Ftehim, li tippermetti l-aċċess tal-awtoritajiet tar-Renju Unit għall-modulu tal-IMI għall-Karta Professjonali Ewropea sakemm ikun meħtieġ biex jitlestew il-proċessi għar-rikonoxximent li jkunu pendenti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Dan l-użu huwa limitat għal 9 xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, sa liema żmien għandhom jitlestew dawn il-proċessi kollha u b’kunsiderazzjoni għall-iskadenzi stretti applikabbli fil-proċessi inkwistjoni.

3.   Titolu III – Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali

Fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, hemm tliet kategoriji ta’ persuni:

1.

persuni li għalihom japplikaw u jkomplu japplikaw ir-regoli ta’ koordinazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, abbażi tal-Artikolu 30 tal-Ftehim;

2.

persuni li għalihom parti biss mir-regoli ta’ koordinazzjoni jkomplu japplikaw jew isiru applikabbli fil-futur minħabba ċirkostanzi speċifiċi, abbażi tal-Artikolu 32 tal-Ftehim;

3.

persuni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, li għalihom mhux se japplikaw ir-regoli ta’ koordinazzjoni fir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

3.1.    Artikolu 30 – Persuni koperti

3.1.1.   Rimarki ġenerali

L-Artikolu 30 tal-Ftehim jiddetermina l-persuni li għalihom japplikaw ir-regoli sħaħ dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali:

l-ewwel paragrafu jelenka s-sitwazzjonijiet differenti koperti meta l-persuni jkunu f’sitwazzjoni transkonfinali tas-sigurtà soċjali li tinvolvi r-Renju Unit u Stat Membru tal-UE;

it-tieni paragrafu jiddetermina l-limitu ta’ żmien tal-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) għal dawn il-persuni;

it-tielet paragrafu jinkludi klawżola residwa li permezz tagħha persuni koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim huma koperti wkoll mit-Titolu III anki jekk mhumiex jew ma għadhomx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(1);

ir-raba’ paragrafu jiddetermina l-limitu ta’ żmien tal-applikazzjoni tal-Artikolu 30(3) għal dawn il-persuni;

il-ħames paragrafu jispjega li l-membri tal-familja u s-superstiti huma koperti biss mill-Artikolu 30 jekk huma jiksbu drittijiet u obbligi f’dik il-kapaċità f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Kif imsemmi fl-Artikolu 31(2) tal-Ftehim, il-kunċetti użati taħt dan it-Titolu għandhom jinftiehmu b’referenza għall-kunċetti użati fir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

L-Artikolu 30(1) tal-Ftehim jirreferi għal persuni li huma “soġġetti għal-leġiżlazzjoni” ta’ Stat Membru tal-UE jew tar-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fit-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali huwa speċifiku għat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim u mhux bilfors jikkorrespondi għal dak tat-Titolu II. Pereżempju, jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom persuni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu II xorta waħda jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu III (pereżempju dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Ftehim).

Minħabba li l-għanijiet tat-Titoli II u III tat-Tieni Parti tal-Ftehim huma differenti, it-termini użati fiż-żewġ titoli tat-Tieni Parti tal-Ftehim (pereżempju, għall-kunċett ta’ “residenza”, “ħaddiem transkonfinali” jew “stazzjonament”) jista’ jkollhom tifsiriet differenti f’konformità mal-kampijiet ta’ applikazzjoni personali differenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li japplikaw u l-interpretazzjoni tagħhom mill-QĠUE.

Pereżempju, il-kunċett ta’ “residenza abitwali” użat fit-Titolu III tat-Tieni Parti ta’ dan il-Ftehim għandu jinftiehem kif definit fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (il-post fejn il-persuna tirrisjedi abitwalment) u kif spjegat aktar fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (minn hawn ’il quddiem “residenza abitwali”). Aktar dettalji dwar il-kunċett ta’ “residenza abitwali” fit-tifsira tar-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jistgħu jinstabu fil-Gwida Prattika dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-Iżvizzera, kif approvat mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali. Dan il-kunċett skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu tifsira differenti u ma għandux jiġi konfuż mal-kunċett ta’ “residenza” fit-Titolu II tat-Tieni Parti ta’ dan il-Ftehim, li hu misluf mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38/KE.

Eżempju fejn iż-żewġ kunċetti ta’ “residenza” inklużi fl-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni ma jikkorrespondux jikkonċerna s-sitwazzjoni tal-istudenti. Għall-fini tar-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-istudenti fil-prinċipju jżommu r-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru tal-oriġini u jkunu qed joqogħdu temporanjament fl-Istat Membru fejn jistudjaw. Fl-istess ħin, l-istudenti jgawdu, taħt il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn jistudjaw.

Eżempju ieħor biex tintwera r-relazzjoni bejn it-Titolu II u t-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim ikun ta’ ċittadin Kroat li:

jaħdem u jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni;

fl-2022, jikseb ir-residenza permanenti fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 16 tal-Ftehim;

fl-2025, jirritorna lejn il-Kroazja, jibda jaħdem u jċaqlaq ir-residenza abitwali tiegħu hemmhekk;

fl-istess ħin, iżomm id-dritt ta’ residenza permanenti skont it-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim fir-Renju Unit għall-ħames snin konsekuttivi.

Sakemm dak iċ-ċittadin Kroat iżomm dritt permanenti ta’ residenza fir-Renju Unit skont it-tifsira tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim, huwa jkun intitolat li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III jekk jirritorna lejn ir-Renju Unit. Barra minn hekk, sakemm dak iċ-ċittadin iżomm dritt permanenti ta’ residenza fir-Renju Unit, huwa jkollu d-dritt li jesporta l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali hemmhekk (eż. benefiċċji tal-qgħad jekk qed ifittex impjieg) jew id-dritt li juża l-EHIC tiegħu fir-Renju Unit.

Separatament miż-żewġ kunċetti ta’ residenza msemmija hawn fuq, dritt legali ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti mit-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jinftiehem bħala residenza legali skont il-leġiżlazzjoni domestika jew sekondarja tal-Unjoni.

Għall-persuni koperti mit-Titolu III tal-Ftehim, l-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jirriżultaw mit-Titolu III minnha nnifisha ma tikkostitwixxix id-dritt ta’ moviment jew ta’ residenza fi Stat ospitanti. Hija tiddetermina biss il-konsegwenzi legali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ta’ sitwazzjoni bħal din. Pereżempju, abbażi tal-Ftehim, l-istazzjonar tal-ħaddiema għall-forniment ta’ servizzi minn jew lejn ir-Renju Unit mhux ser ikun aktar possibbli wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.1.2.   Artikolu 30(1): Kamp ta’ applikazzjoni personali (klawżola ġenerali)

3.1.2.1.   Artikolu 30(1)

L-Artikolu 30(1) tal-Ftehim jirreferi għall-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

Ċittadini tal-UE – ċittadini tal-Istati Membri tal-UE

Ċittadini tar-Renju Unit – kif definiti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu

persuni mingħajr Stat u refuġjati abitwalment residenti fi Stat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit

ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti fi Stat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit

membri tal-familja u superstiti tal-kategoriji msemmija hawn fuq.

Dawn il-persuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

Il-punti (a) u (b): Ċittadini tal-UE li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u viċi versa (irrispettivament mir-residenza abitwali ta’ dik il-persuna). Dan jinkludi kwalunkwe persuna soġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru taħt it-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, inklużi l-każijiet imsemmija taħt l-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament.

Il-punti (c) u (d): Ċittadini tal-UE li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE (bl-istess tifsira bħal dik taħt l-inċiż preċedenti) fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li huma abitwalment residenti fir-Renju Unit u viċi versa.

Il-punt (e): Ċittadini tal-UE li jwettqu attività bi qligħ fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE taħt it-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u viċi versa. Ir-riċeviment tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament għandu jiġi ttrattat bħala eżerċizzju ta’ attività bi qligħ għal dak l-iskop. Dan japplika irrispettivament mill-post tar-residenza abitwali.

Il-punt (f): Refuġjati u persuni mingħajr Stat f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq bil-kundizzjoni addizzjonali li jkunu legalment residenti fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE.

Il-punt (g): Ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq bil-kundizzjoni addizzjonali li jkunu legalment residenti (skont il-leġiżlazzjoni domestika jew sekondarja tal-UE) fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE u li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali bejn Stat Membru tal-UE u r-Renju Unit. Dan ma japplikax jekk l-Istat Membru tal-UE involut ikun id-Danimarka. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom elementi transkonfinali bejn l-Istati Membri tal-UE fejn ir-Renju Unit mhuwiex involut huma koperti mir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawn ir-Regolamenti biss fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom u mhux mill-punt (g) tal-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim.

Il-punti (a) sa (g): Membri tal-familja (kif definit fl-Artikolu 1(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004) ta’ waħda mill-persuni msemmija f’wieħed mill-inċiżi ta’ hawn fuq, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom (aktar dettalji jinsabu fl-aħħar ta’ dan il-kapitolu). Barra minn hekk, il-membri tal-familja mwielda wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni huma koperti (eż. tarbija tat-twelid jew sieħeb/sieħba ġdid(a)) li qed jgħixu mad-detentur tad-dritt u li huma f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim.

Il-punti (a) sa (g): Superstiti ta’ waħda mill-persuni msemmija f’wieħed mill-inċiżi ta’ hawn fuq, meta l-persuna deċeduta tkun issodisfat il-kundizzjonijiet fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u l-mewt ta’ dik il-persuna tkun seħħet wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, is-superstitu jista’ jkun intitolat biss għall-benefiċċji previsti fl-Artikolu 32 tal-Ftehim.

3.1.2.2.   Eżempji ta’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 30(1)

L-Artikolu 30(1) ikopri, pereżempju, persuni li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huma:

il-punti (a) u (b):

1.

ċittadin tar-Renju Unit, li jmur lejn il-Portugall, li jkun abitwalment residenti u jaħdem hemmhekk fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, flimkien mal-membri tal-familja li jirrisjedu fil-Portugall (soġġett għal-leġiżlazzjoni Portugiża abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

2.

ċittadin Pollakk, li jkun abitwalment residenti u jaħdem fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004), flimkien mal-membri tal-familja li jirrisjedu fil-Polonja;

3.

ċittadin tar-Renju Unit, imwieled f’Malta fl-1990, li jkun abitwalment residenti u jaħdem hemmhekk fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (li ma għandux ċittadinanza Maltija), flimkien mal-membri tal-familja (soġġett għal-leġiżlazzjoni Maltija abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

4.

ċittadin tar-Renju Unit abitwalment residenti fir-Renju Unit, li jaħdem fil-Belġju u li jirritorna lejn pajjiżu mill-inqas darba fil-ġimgħa (soġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

5.

ċittadin Franċiż, abitwalment residenti fi Franza, li jaħdem fir-Renju Unit u li jirritorna lejn pajjiżu darbtejn fix-xahar (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

6.

bdot mir-Renju Unit bil-bażi tas-servizz fil-Ġermanja, li jtir madwar l-Unjoni Ewropea kollha (soġġett għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża abbażi tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; il-bażi tas-servizz għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 3922/91);

7.

ċittadin Bulgaru inattiv abitwalment residenti fir-Renju Unit u li jkun qed ifittex impjieg hemmhekk (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

8.

ċittadin Franċiż, li qatt ma ħadem fir-Renju Unit u li jirċievi pensjoni minn Franza biss u li huwa abitwalment residenti fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għall-benefiċċji tal-mard, Franza hija kompetenti abbażi tal-Artikoli 24 u 29 tal-istess Regolament);

9.

persuna rtirata mir-Renju Unit li tirċievi pensjonijiet mir-Renju Unit u minn Spanja u li hija abitwalment residenti fi Spanja (soġġett għal-leġiżlazzjoni Spanjola abbażi tal-Artikolu 11(3)(e), il-benefiċċji tal-mard jingħataw skont l-Artikoli 23 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 minn Spanja);

10.

student Żvediż abitwalment residenti fir-Renju Unit, li jirċievi borża ta’ studju mir-Renju Unit, li tkopri l-ispejjeż kollha, jikri appartament hemmhekk u jqattal-ġimgħat kollha u kull tmiem il-ġimgħa hemmhekk (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

11.

Ċittadina Pollakka li taħdem fir-Renju Unit, tibda tirċievi l-benefiċċji tal-maternità pprovduti mir-Renju Unit meta hija tirritorna temporanjament lejn il-Polonja biex twelled qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(2) u (3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004); hija tista’ terġa’ tibda x-xogħol fir-Renju Unit wara l-liv tal-maternità u tkompli tkun koperta mill-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim;

12.

superstiti ta’ ċittadin tar-Renju Unit, meta ċ-ċittadin tar-Renju Unit ikun jaħdem fi Franza fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (soġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004); din il-persuna tmut fl-2023; L-Artikolu 30(1) tal-Ftehim ikopri l-persuni li jirċievu l-benefiċċji tas-superstiti Franċiżi, bħala riżultat tal-mewt ta’ tali persuna, irrispettivament miċ-ċittadinanza tas-superstiti u minn jekk ikunux jirrisjedu fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE.

il-punti (c) u (d)

1.

ċittadin Olandiż abitwalment residenti fir-Renju Unit, li jaħdem fin-Netherlands u jirritorna lejn pajjiżu mill-inqas darba fil-ġimgħa (soġġett għal-leġiżlazzjoni tan-Netherlands abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

2.

ċittadin tar-Renju Unit abitwalment residenti flimkien mal-familja kollha tiegħu fi Franza, li jaħdem fir-Renju Unit u jirritorna lejn Franza darbtejn fix-xahar (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

3.

ċittadin Ġermaniż abitwalment residenti fir-Renju Unit, li jmur biex iwettaq xogħol staġjonali fil-Ġermanja għal perjodu li jestendi lil hinn mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (soġġett għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

4.

persuna diplomatika Rumena, li taħdem għall-Ambaxxata tagħha fir-Renju Unit u li hija abitwalment residenti hemmhekk – hija kriet id-dar tagħha fir-Rumanija u tiċċaqlaq flimkien mal-familja tagħha lejn ir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni Rumena abbażi tal-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

il-punt (e):

1.

persuna diplomatika Finlandiża li taħdem fl-Ambaxxata tagħha fir-Renju Unit, li hija abitwalment residenti fil-Finlandja, li l-familja tagħha tgħix fil-Finlandja fejn il-persuna diplomatika tqattal-vaganzi kollha (koperta mil-leġiżlazzjoni Finlandiża abbażi tal-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

2.

ċittadin Kroat mibgħut lejn ir-Renju Unit skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament, għal taħriġ ta’ 6 xhur li jintemm wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (soġġett għal-leġiżlazzjoni Kroata abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

3.

ċittadin Malti li jaħdem abbord bastiment fuq il-baħar li jtajjar il-bandiera tar-Renju Unit (din is-sitwazzjoni għandha tiġi ttrattata mutatis mutandis bħala l-eżerċitar ta’ attività bi qligħ fit-territorju tar-Renju Unit), abitwalment residenti f’Malta u remunerat għal din l-attività minn impriża li għandha l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tagħha f’Malta (soġġett għal-leġiżlazzjoni Maltija abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

4.

ċittadin Belġjan abitwalment residenti fil-Belġju u li normalment iwettaq attività bħala persuna impjegata u/jew persuna li taħdem għal rasha kemm fil-Belġju kif ukoll fir-Renju Unit (jekk soġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

5.

ċittadin Portugiż abitwalment residenti fil-Portugall, li jaħdem kemm fil-Portugall (l-ebda parti sostanzjali) kif ukoll fir-Renju Unit, soġġett għal-leġiżlazzjoni Portugiża skont ftehim derogatorju abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Din il-persuna tibqa’ koperta mill-inqas sakemm jindika l-Artikolu 16 tal-Ftehim.

L-Artikolu 30(1) japplika wkoll għall-persuni mingħajr Stat u għar-refuġjati, kif ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, legalment residenti fl-Istati Membri tal-UE jew fir-Renju Unit, sakemm ikunu fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet fl-Artikolu 30(1)(a) - (e) tal-Ftehim. Għalhekk, pereżempju:

1.

L-Artikolu 30(1) tal-Ftehim ikopri ċittadin Pakistani, legalment residenti fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li jaħdem fi Franza (soġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 li kien japplika bħala konsegwenza tar-Regolament (KEE) Nru 859/2003 li r-Renju Unit jipparteċipa fl-applikazzjoni tiegħu);

2.

Ċittadin Marokkin, legalment residenti fil-Belġju u li jaħdem fil-Belġju u fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana abbażi tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 li kien japplika bħala konsegwenza tar-Regolament (KEE) Nru 859/2003);

3.

Madankollu, l-Artikolu 30(1) tal-Ftehim ma jkoprix ċittadin Indjan, legalment residenti fir-Renju Unit u li ma jkunx f’sitwazzjoni li tinvolvi xi Stat Membru tal-UE. Dan lanqas ikopri ċittadin Messikan mhux legalment residenti fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

L-Artikolu 30(1) ikopri wkoll il-membri tal-familja u s-superstiti ta’ persuni f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija taħt il-paragrafu (1) ta’ dak l-Artikolu. Barra minn hekk, għad-drittijiet tal-membri tal-familja, għandha ssir distinzjoni bl-Artikolu 32(1)(d) u (e) tal-Ftehim li għandu kamp ta’ applikazzjoni differenti rigward, pereżempju, tfal li twieldu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (ara l-gwida dwar l-Artikolu 32(1)(d) u (e)).

Mhuwiex meħtieġ li l-membri tal-familja jew is-superstiti jkunu huma stess f’sitwazzjoni transkonfinali. Pereżempju, is-superstiti ta’ ċittadin Ċek, li jkun qed jaħdem fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u wara jmut hemmhekk, jista’ jkun li qatt ma telqu mir-Repubblika Ċeka. Madankollu, dawn is-superstiti ser ikunu koperti mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim. L-Artikolu 30(1) jirrikjedi biss li l-persuna deċeduta tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet ipprovduti fih (ċittadin tal-UE soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fl-eżempju tagħna), mingħajr ma jimponi kundizzjoni simili għas-superstiti tagħha. Din il-kopertura tikkonċerna dawk id-drittijiet mogħtija f’din il-kapaċità bħala superstiti jew membri tal-familja mir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Il-membri tal-familja u s-superstiti huma koperti għal dawk id-drittijiet li joħorġu mir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mill-kapaċità tagħhom bħala membri tal-familja, rispettivament superstiti.

L-Artikolu 30(1) tal-Ftehim ma jkoprix persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni interna fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (pereżempju, ċittadin Grieg, li dejjem ħadem u kien residenti fil-Greċja). Jekk dawn il-persuni jiddeċiedu fil-futur li jiċċaqilqu lejn ir-Renju Unit, dan jitqies bħala moviment futur u, għalhekk, mhuwiex kopert mill-Ftehim.

3.1.3.   Artikolu 30(2): It-tifsira ta’ “mingħajr interruzzjoni”

Il-Ftehim jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 sakemm is-sitwazzjoni kkonċernata tibqa’ l-istess jew il-persuni jibqgħu f’sitwazzjoni li tinvolvi kemm ir-Renju Unit kif ukoll Stat Membru tal-UE fl-istess ħin mingħajr interruzzjoni. Mhux kull bidla fis-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi ttrattata bħala hekk. Il-bidliet bejn il-kategoriji differenti msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim iżommu l-istatus ta’ persuna koperta mill-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim li għaliha japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u 987/2009. Jekk isseħħ bidla bħal din, ovvjament, il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim li tirreferi għas-sitwazzjoni fi “tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni” ma tistax tiġi applikata. F’sitwazzjonijiet transkonfinali, “mingħajr interruzzjoni” għandha tinftiehem b’tali mod flessibbli li lanqas perjodi qosra bejn żewġ sitwazzjonijiet ma jagħmlu ħsara, pereżempju waqfa ta’ xahar qabel ma jinbeda kuntratt ġdid (b’analoġija, il-kawża C-482/93, Klaus).

Pereżempju, ċittadin Pollakk, residenti fir-Renju Unit u li jaħdem hemm għal impjegatur Brittaniku fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ser ikompli jkun kopert mill-Artikolu 30(1):

1.

sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess;

2.

anki jekk is-sitwazzjoni tinbidel, sakemm huwa jkompli tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 30(1) ta’ dan il-Ftehim. Għalhekk, il-persuna tkun koperta jekk, pereżempju, hija:

a.

tkompli taħdem għall-impjegatur Brittaniku, iżda tieħu impjieg addizzjonali fi Franza (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew Franċiża abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, skont jekk jitwettqux attivitajiet sostanzjali fir-Renju Unit);

b.

tkompli taħdem għall-impjegatur Brittaniku, iżda ċċaqlaq ir-residenza abitwali tagħha lejn Franza (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

c.

tkompli taħdem għall-impjegatur Brittaniku u tmur għal btala fil-Portugall;

d.

tieqaf taħdem għall-impjegatur Brittaniku u tibda taħdem fi Franza, filwaqt li tkompli tirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

e.

ittemm il-kuntratt tax-xogħol u tikkonkludi ieħor ma’ impjegatur Irlandiż, iżda x-xogħol ikompli jitwettaq fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

f.

issir qiegħda mingħajr ma tirċievi benefiċċji tal-qgħad u tkompli tirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

g.

issir qiegħda, tirċievi benefiċċji tal-qgħad mir-Renju Unit u tesporta dawn il-benefiċċji lejn il-Polonja, filwaqt li tfittex impjieg hemmhekk abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; wara li tfittex mingħajr suċċess ix-xogħol fil-Polonja, terġa’ lura lejn ir-Renju Unit u tkompli tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad u tfittex impjieg hemmhekk (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) u 11(2));

h.

ittemm il-kuntratt u tirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit, waqt li tistenna li tilħaq l-età tal-irtirar (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004).

Madankollu, persuni f’sitwazzjonijiet bħal dawn ma jibqgħux koperti mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim jekk ma jkunux għadhom qed jaħdmu fir-Renju Unit u jbiddlu r-residenza abitwali tagħhom għall-Polonja (jew għal kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE). Pereżempju, iċ-ċittadin Pollakk li jesporta l-benefiċċji tal-qgħad tar-Renju Unit lejn il-Polonja, isib impjieg hemmhekk u jċaqlaq ukoll ir-residenza abitwali tiegħu lejn il-Polonja. F’każ bħal dan, il-persuni ma jibqgħux f’sitwazzjoni li tinvolvi r-Renju Unit, mingħajr preġudizzju għal dritt possibbli derivat mill-Artikolu 30(3) tal-Ftehim.

Persuna tista’ tiċċaqlaq bejn is-sitwazzjonijiet differenti stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 30(1) mingħajr ma taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 30(2). Pereżempju:

1.

Impjegata taċ-ċivil Awstrijaka, abitwalment residenti fl-Awstrija u li taħdem fir-Renju Unit għall-amministrazzjoni Awstrijaka fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni hija koperta mill-Artikolu 30(1)(e) (soġġett għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka abbażi tal-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004), fejn:

wara t-tmiem tas-sekondar fl-2023, hija tirriżenja mill-amministrazzjoni Awstrijaka u tibda taħdem bħala għalliema tal-lingwa Ġermaniża fir-Renju Unit, fejn hija ċċaqlaq ukoll ir-residenza abitwali tagħha – hija tkompli tkun koperta mill-Ftehim abbażi tal-Artikolu 30(1)(a) tal-Ftehim (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004)

mhux sodisfatta bl-impjieg il-ġdid, hija terġa’ tirriżenja u tibda taħdem fi skola fi Franza, filwaqt li żżomm ir-residenza abitwali tagħha fir-Renju Unit – f’każ bħal dan, hija tibqa’ f’sitwazzjoni li tinvolvi kemm ir-Renju Unit kif ukoll Stat Membru tal-UE f’dak iż-żmien, imsemmija fl-Artikolu 30(1)(c) tal-Ftehim (soġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża abbażi tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004).

2.

Ċittadin tar-Renju Unit abitwalment residenti fir-Renju Unit li fl-istess ħin jaħdem fir-Renju Unit u fi Franza għal impjegatur stabbilit fi Franza fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni:

(a)

inizjalment, huwa ma jwettaqx parti sostanzjali mill-attività tiegħu fir-Renju Unit, iżda l-parti l-kbira tal-attività hija fi Franza, u hija koperta mill-Artikolu 30(1)(b) tal-Ftehim (soġġett għal-leġiżlazzjoni Franċiża abbażi tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

(b)

fi ftit snin, huwa jibda jwettaq parti sostanzjali mill-attività tiegħu fir-Renju Unit, filwaqt li jkompli jaħdem fi Franza, u huwa kopert mill-Artikolu 30(1)(e) tal-Ftehim (soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004).

Għalhekk, bidla fil-leġiżlazzjoni applikabbli bbażata fuq ir-regoli ta’ kunflitt fit-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 weħidha ma twassalx għal esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tal-Ftehim, sakemm il-persuna kkonċernata tibqa’ f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti b’dan.

3.1.4.   Artikolu 30(3): Kamp ta’ applikazzjoni personali (klawżola ta’ residwu)

L-Artikolu 30(3) fih klawżola residwa li permezz tagħha l-persuni koperti mill-Artikolu 10 dwar il-kamp ta’ applikazzjoni personali tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim li mhumiex jew li ma għadhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 30(1) għandhom jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni sħiħa tas-sigurtà soċjali tat-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim.

Pereżempju, tfal imwielda wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III.

Jekk, pereżempju, ċittadin tal-UE jkun qed jistudja fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, mingħajr ma jkun abitwalment residenti hemmhekk fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, sitwazzjoni bħal din ma tkunx koperta mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim. Madankollu, l-istudent iżomm id-dritt ta’ residenza skont it-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim jekk, pereżempju, huwa jikseb aċċess għas-suq tax-xogħol. F’dan il-każ, huwa mbagħad jibbenefika wkoll mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III skont l-Artikolu 30(3) tal-Ftehim.

Persuni li huma kemm ċittadini tar-Renju Unit kif ukoll ċittadini tal-UE jistgħu jkunu koperti wkoll mill-Artikolu 30(3) tal-Ftehim jekk ikunu koperti mit-Titolu II tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (ara t-taqsima 1.2 ta’ din il-Gwida dwar l-Artikolu 10 tal-Ftehim).

Għalhekk:

1.

L-Artikolu 30(3) ikopri persuna li hija kemm ċittadin tar-Renju Unit kif ukoll ċittadin Spanjol, li twieldet fi Spanja u kienet soġġetta għas-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola u li ċċaqalqet lejn ir-Renju Unit qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, fejn hija tkun kisbet ċittadinanza Brittanika; tali persuna hija koperta mill-Artikolu 30(3) tal-Ftehim u ser tibbenefika mir-regoli dwar it-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni tagħha tkun simili għal dik ta’ persuna koperta mill-Artikolu 30(1)(a) tal-Ftehim (ċittadin Spanjol/Brittaniku soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit).

2.

Madankollu, l-Artikolu 30(3) tal-Ftehim ma jkoprix persuna li hija kemm ċittadin tar-Renju Unit kif ukoll ċittadin Taljan, li twieldet u għexet biss fl-Italja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u li kienet soġġetta għas-sistema tas-sigurtà soċjali Taljana.

Din il-klawżola residwa tapplika wkoll għall-membri tal-familja u għas-superstiti tal-benefiċjarji tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim (ara, madankollu, l-Artikolu 30(5) tal-Ftehim hawn taħt).

3.1.5.   Artikolu 30(4): Ir-rabta mal-Istat ospitanti jew mal-Istat tax-xogħol għall-persuni koperti mill-paragrafu 3

L-Artikolu 30(4) jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għall-persuni koperti mill-Artikolu 30(3) sakemm is-sitwazzjoni kkonċernata tibqa’ l-istess: jiġifieri, sakemm il-persuni koperti mill-Artikolu 30(3) iżommu dritt li jirrisjedu fl-Istat ospitanti tagħhom skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim jew dritt li jaħdmu fl-Istat tax-xogħol tagħhom skont l-Artikoli 24 jew 25 tal-Ftehim.

3.1.6.   Artikolu 30(5): Membri tal-familja u superstiti

Din id-dispożizzjoni tispjega li, sal-punt li l-espressjoni “membri tal-familja u superstiti” trid tinftiehem b’referenza għall-kunċetti użati fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ara wkoll l-Artikolu 31(2) tal-Ftehim), “membri tal-familja u superstiti” huma koperti taħt l-Artikolu 30 biss sal-punt li jiksbu drittijiet u obbligi f’dik il-kapaċità f’konformità mal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali.

3.2.    Artikolu 31 – Regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

3.2.1.   Artikolu 31(1): Kamp ta’ applikazzjoni materjali

L-Artikolu 31(1) jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 fl-intier tagħhom għall-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1).

Ir-regoli tal-koordinazzjoni se jinżammu kif emendati mir-Regolamenti elenkati fl-Anness I għall-Ftehim bil-possibbiltà li jsir kwalunkwe adattament meħtieġ fil-futur f’konformità mal-Artikolu 36 tal-Ftehim.

Fejn hemm eċċezzjonijiet rigward ir-Renju Unit skont ir-regoli attwali, bħal entrati speċjali fl-Annessi għar-Regolamenti, dawn ser ikomplu japplikaw taħt l-istess kundizzjonijiet. Pereżempju, ir-Renju Unit ma japplikax l-Artikolu 28(2) sa (4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Il-Ftehim mhux ser ibiddel dan.

Minbarra r-Regolamenti, għandu jittieħed kont dovut tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali mwaqqfa mill-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li huma elenkati fl-Anness I tal-Ftehim.

3.2.2.   Artikolu 31(2): Definizzjonijiet

Il-kunċetti użati fit-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim għandhom jinftiehmu b’referenza għall-istess kunċetti użati fir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Pereżempju, id-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim mhijiex rilevanti fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u, għalhekk, se tapplika d-definizzjoni fl-Artikolu 1(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

3.2.3.   Artikolu 31(3): Ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Madankollu, ir-Renju Unit huwa marbut bir-Regolament (KE) Nru 859/2003 li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kinux diġà koperti minn dawk ir-Regolamenti biss minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 859/2003, ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-UE (għajr id-Danimarka) japplikaw ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità.

Għalhekk, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 859/2003, kif ukoll għall-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, kwalunkwe referenza fl-Artikoli 30 u 32 tal-Ftehim għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 (Regolamenti ġodda) trid tinftiehem bħala li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolamenti preċedenti. Bl-istess mod, kwalunkwe referenza għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolamenti l-ġodda għandha tinftiehem bħala referenza għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti preċedenti.

3.3.    Artikolu 32 – Sitwazzjonijiet speċjali koperti

L-Artikolu 32 jirregola sitwazzjonijiet speċjali li fihom, anki jekk il-persuni mhumiex jew ma għadhomx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Ftehim, id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu protetti.

Għal dawn il-kategoriji speċjali ta’ persuni, jeħtieġ li jinżammu xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw f’konformità mal-prinċipji ġenerali ta’ dawn ir-Regolamenti, bħal pereżempju n-nondiskriminazzjoni jew l-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

3.3.1.   Artikolu 32 (1)(a) u (2): Perjodi passati u futuri

L-Artikolu 32(1)(a) jipproteġi d-drittijiet eżistenti u futuri bbażati fuq perjodi passati ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti u residenza.

Din id-dispożizzjoni tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE b’perjodi preċedenti fir-Renju Unit u viċi versa jkunu jistgħu jitolbu benefiċċji u, jekk ikun meħtieġ, jistrieħu fuq l-aggregazzjoni tal-perjodi. Id-dispożizzjoni tikkonċerna kwalunkwe tip ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali bbażat fuq perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti jew residenza, bħal pensjonijiet tax-xjuħija, benefiċċji ta’ invalidità, benefiċċji għal aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, benefiċċji tal-mard jew benefiċċji tal-qgħad.

Din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll meta benefiċċju jingħata esklussivament fuq perjodi passati fl-Istat li jeżamina l-intitolament għall-benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (irrispettivament minn jekk dawn ikunux tlestew qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni), meta ma tkun meħtieġa l-ebda aggregazzjoni minħabba li l-perjodi passati jkunu biżżejjed biex jingħata benefiċċju.

Fl-istess ħin, id-drittijiet u l-obbligi kollha li ġejjin direttament (jew indirettament) minn tali perjodi jinżammu. “Drittijiet u obbligi li ġejjin minn tali perjodi” tfisser intitolamenti pprovduti skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew ta’ Stat Membru tal-UE f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li ġejjin minn dawk il-perjodi [jew l-għoti ta’ benefiċċju bbażat fuq dawn il-perjodi, u kwalunkwe intitolament konsegwenti għall-benefiċċji,] kif ukoll l-obbligi korrispondenti. Għall-benefiċċji tal-mard u tal-familja ta’ persuni koperti mill-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim, ir-regoli speċjali skont l-Artikolu 32(2) tal-Ftehim huma applikabbli (ara hawn taħt u wkoll it-taqsima 3.3.6 ta’ dan id-dokument), u għalhekk dawn id-drittijiet huma flimkien ma’ “drittijiet u obbligi li ġejjin minn tali perjodi”.

Dan jista’ jkopri, pereżempju, id-dritt li tirċievi kontroll mediku perjodiku fejn persuna tkun abitwalment residenti sabiex tkompli tirċievi benefiċċju ta’ invalidità (abbażi tal-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009); id-dritt li tirċievi suppliment abbażi tal-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Ir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali se japplikaw kemm għal perjodi li tlestew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni kif ukoll għal dawk li tlestew mill-istess persuni wara dik id-data.

Fl-istess ħin, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jiżgura li r-regoli dwar il-koordinazzjoni tal-benefiċċji tal-mard u tal-familja japplikaw għall-persuni koperti mill-Artikolu 32(1)(a).

L-Artikolu 32(2) dwar il-benefiċċji tal-mard jirreferi għar-regoli dwar il-kompetenza għal mard għall-persuna li tirċievi benefiċċju skont il-punt 32(1)(a) tal-Ftehim. Huwa jkopri s-sitwazzjonijiet fejn ikun hemm bidla fil-kompetenza minħabba li din il-persuna terġa’ lura fi Stat Membru tal-UE jew fir-Renju Unit jew minħabba li hija tibda tirċievi pensjoni oħra.

Ir-regoli dwar il-kunflitti għad-determinazzjoni tal-kompetenza għal kopertura tal-mard għandhom jitqiesu bħala bidliet sħaħ u futuri li jistgħu jidhru fir-residenza abitwali tal-persuna jew ir-riċeviment ta’ benefiċċju addizzjonali għandu jiġi kkunsidrat u r-regoli rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jibqgħu applikabbli.

Pereżempju, ċittadin Daniż ħadem fir-Renju Unit u fid-Danimarka. Huwa jirritorna lejn id-Danimarka qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni:

fl-2022, huwa jilħaq l-età tal-irtirar fir-Renju Unit fl-età X u jirċievi pensjoni mir-Renju Unit, waqt li jkun inattiv fid-Danimarka → ir-Renju Unit huwa kompetenti għall-benefiċċji tal-mard abbażi tal-Artikolu 32(2) tal-Ftehim (l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004);

sentejn wara, huwa jilħaq l-età tal-irtirar fi Stat Membru tal-UE, fl-età X+2 u jibda jirċievi wkoll pensjoni Daniża → id-Danimarka hija kompetenti għall-kopertura tal-mard abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

fl-2027, huwa jċaqlaq ir-residenza lejn ir-Renju Unit, skont ir-regoli fis-seħħ f’dak iż-żmien, waqt li jkompli jirċievi ż-żewġ pensjonijiet → ir-Renju Unit huwa kompetenti għall-kopertura tal-mard tiegħu (N.B. il-bidla tar-residenza fl-2027 se tkun pass fil-futur u mhux se tkun koperta għall-finijiet tad-drittijiet ta’ residenza mit-Titolu II tat-Tieni Parti ta’ dan il-Ftehim).

Fil-prattika, l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a) u (2) tal-Ftehim ser ikollha l-konsegwenzi li ġejjin:

1.

Fil-każ ta’ ċittadin Ġermaniż li:

ħadem għal ħajtu kollha fir-Renju Unit;

jirritorna lejn il-Ġermanja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni meta jkun qrib l-età tal-irtirar u jibqa’ inattiv; u

meta jilħaq l-età tal-irtirar (qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni), jagħmel talba fir-Renju Unit għal benefiċċji tax-xjuħija abbażi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Wara li jirċievi l-pensjoni mir-Renju Unit, iċ-ċittadin Ġermaniż, għal ħajtu kollha:

abbażi tal-Artikolu 32(1)(a):

(a)

ikollu d-dritt li jirċievi l-pensjoni mir-Renju Unit mingħajr ebda tnaqqis abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, waqt li jkun abitwalment residenti fil-Ġermanja jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE;

abbażi tal-Artikolu 32(2):

(b)

jinħariġlu Dokument Portabbli S1 mir-Renju Unit u jkollu aċċess għall-benefiċċji tal-mard in natura fil-Ġermanja taħt l-istess kundizzjonijiet bħal persuni rtirati Ġermaniżi, iżda għas-spejjeż tar-Renju Unit, abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(c)

ikollu d-dritt għall-benefiċċji tal-mard fi flus kontanti (inklużi l-benefiċċji tal-kura fit-tul) ipprovduti skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u mħallsa direttament lilu abbażi tal-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, irrispettivament minn f’liema Stat Membru jkun abitwalment residenti;

(d)

ikollu d-dritt għal trattament ippjanat fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, għajr dak li fih ikun abitwalment residenti b’Dokument Portabbli S2 maħruġ mir-Renju Unit u għas-spejjeż tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(e)

ikollu d-dritt li juża l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa maħruġa mir-Renju Unit għall-btala tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru għajr dak fejn ikun abitwalment residenti abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(f)

il-membri tal-familja tiegħu jistgħu jgawdu d-drittijiet derivati għall-aċċess għall-benefiċċji tal-mard in natura fl-Istat Membru fejn ikunu abitwalment residenti, għas-spejjeż tar-Renju Unit. Skont l-Artikolu 32(1)(d), il-persuna għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament u fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, anki jekk il-membri tal-familja tiegħu jkunu residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn ikun abitwalment residenti abbażi tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

Jekk iċ-ċittadin Ġermaniż, waqt li jkun qed jirċievi l-pensjoni tiegħu fir-Renju Unit, jibda jaħdem fil-Ġermanja, mela mbagħad il-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż għall-benefiċċji tal-mard, tkun il-leġiżlazzjoni Ġermaniża skont il-prinċipju lex loci laboris tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jibqa’ applikabbli (ara wkoll l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament).

2.

Fil-każ ta’ ċittadin tar-Renju Unit li:

ħadem għal ħajtu kollha fin-Netherlands;

ikompli jaħdem hemmhekk fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni;

jirritorna lejn ir-Renju Unit wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni meta jkun qrib l-età tal-irtirar;

ikun inattiv fir-Renju Unit; u

wara sena, jitlob pensjoni Olandiża.

Dan iċ-ċittadin tar-Renju Unit:

(a)

huwa kopert mir-regoli sħaħ dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, abbażi tal-Artikolu 30(1)(b) tal-Ftehim, għall-perjodu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm jirritorna lejn ir-Renju Unit;

(b)

huwa kopert mill-Artikolu 32(1)(a) u (2) tal-Ftehim sabiex ikompli jirċievi l-pensjoni Olandiża (għal aktar dettalji, ara l-eżempju preċedenti).

3.

Fil-każ ta’ ċittadin Awstraljan li:

1996 – 2000: kien jaħdem fir-Renju Unit;

2001 – 2010: kien jaħdem fil-Belġju;

2011 – 2030: kien jaħdem u jirrisjedi abitwalment fl-Awstralja; u

fl-2031 iċaqlaq ir-residenza legali tiegħu lejn ir-Renju Unit u jitlob benefiċċji bbażati fuq il-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni tiegħu.

Dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jistrieħ fuq l-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim biex jitlob il-pensjonijiet mir-Renju Unit u mill-Belġju abbażi tal-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni tiegħu, sakemm huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 859/2003: ikollu r-residenza legali tiegħu fir-Renju Unit u perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru tal-UE. Il-fatt li l-persuna ma kinitx legalment residenti fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhuwiex rilevanti, sakemm il-persuna tkun temmet il-perjodi skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u/jew il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE qabel dik id-data u tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 meta titlob il-pensjoni.

4.

Fil-każ ta’ ċittadin Amerikan li:

2005-2010: kien jaħdem fir-Renju Unit;

2010-2025: kien jaħdem fl-Istati Uniti tal-Amerika;

2026 – 2030: kien jaħdem u jirrisjedi legalment f’Malta; u

fl-2031 jitlob benefiċċji bbażati fuq il-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni tiegħu.

Din il-persuna mhijiex koperta mill-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim. Tabilħaqq, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-persuna kkonċernata ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament (KE) Nru 859/2003, minħabba li ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni transkonfinali sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Din id-dispożizzjoni se tkopri wkoll, mutatis mutandis, is-superstiti li jirċievu benefiċċji wara l-mewt ta’ persuna li tkun temmet il-perjodi passati, iżda li mhijiex jew ma għadhiex koperta mill-Artikolu 30 tal-Ftehim. Pereżempju:

5.

Ċittadin Malti li jirritorna lejn Malta qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni wara li jkun ħadem għal 20 sena fir-Renju Unit. Fl-2018, huwa jirtira u jibda jirċievi pensjoni mir-Renju Unit skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004. Huwa jmut f’dik l-istess sena:

(a)

il-konjuġi hija intitolata għall-benefiċċji tas-superstiti tar-Renju Unit abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u tar-Regolament u tkompli tirċievi l-benefiċċji wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni mingħajr ebda tnaqqis;

(b)

ir-regoli tal-koordinazzjoni għandhom japplikaw biex jiddeterminaw l-Istat kompetenti għall-kopertura tal-mard abbażi tal-Artikolu 32(2) tal-Ftehim.

6.

Ċittadin Grieg li jirritorna lejn il-Greċja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni wara li jkun ħadem għal 20 sena fir-Renju Unit (mhux kopert mill-Artikolu 30 tal-Ftehim). Fl-2025, jirtira u jirċievi pensjoni mir-Renju Unit skont l-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim. Huwa jmut fl-2026:

(a)

il-konjuġi hija intitolata għall-benefiċċji tas-superstiti tar-Renju Unit abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u tar-Regolament u tirċievi l-benefiċċji mingħajr ebda tnaqqis, anki wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, abbażi tal-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim;

(b)

ir-regoli tal-koordinazzjoni għandhom japplikaw biex jiddeterminaw l-Istat kompetenti għall-kopertura tal-mard abbażi tal-Artikolu 32(2) tal-Ftehim.

3.3.2.   Artikolu 32(1)(b): Trattament ippjanat kontinwu

3.3.2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

L-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim jiżgura li d-dritt li persuna tirċievi trattament ippjanat skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 huwa protett għal persuni li jkunu bdew jirċievu tali trattament jew li għall-inqas ikunu talbu l-awtorizzazzjoni minn qabel biex jirċevuh qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Billi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mhijiex estiża għal wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, forom oħrajn ta’ drittijiet marbuta mal-mobbiltà tal-pazjenti, speċjalment il-każijiet skont id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali, mhux se jibqgħu koperti mid-dritt tal-Unjoni jekk it-trattament iseħħ wara li jintemm dak il-perjodu.

Billi din id-dispożizzjoni tirreferi għal “persuni”, hija tkopri ċittadini tal-UE, ċittadini tar-Renju Unit, persuni mingħajr Stat jew refuġjati abitwalment residenti fir-Renju Unit jew fi Stat Membru tal-UE, kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 859/2003.

Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-persuni li mhumiex koperti mill-Artikolu 30 tal-Ftehim.

Pereżempju:

1.

Ċittadin Malti jaħdem u jirrisjedi abitwalment f’Malta. Fl-2020, huwa jagħmel talba għal awtorizzazzjoni minn qabel biex jirċievi trattament speċifiku ppjanat fir-Renju Unit. It-talba tingħata fl-2021:

(a)

it-trattament jista’ jibda taħt il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, anki jekk ir-Renju Unit ikun pajjiż terz f’dik id-data;

(b)

l-aċċess tiegħu għal dan it-trattament ikun ibbażat fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali;

(c)

għandha tkompli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 relatata mat-trattament ippjanat (eż. l-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009);

(d)

il-proċeduri ta’ rimborż bejn ir-Renju Unit u Malta ser ikomplu japplikaw kif xieraq abbażi tal-Artikolu 35 tal-Ftehim;

(e)

huwa u, jekk ikun meħtieġ, il-persuna jew persuni li takkumpanjah/jakkumpanjawh ser ikollhom id-dritt li jidħlu fit-territorju tar-Renju Unit għat-trattament, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim.

2.

Ċittadin Ċek jaħdem u jirrisjedi abitwalment fis-Slovakkja. Fl-2020, huwa jagħmel talba għal awtorizzazzjoni minn qabel biex jirċievi trattament speċifiku ppjanat fir-Renju Unit. It-talba tintlaqa’ u t-trattament jibda qabel l-aħħar tal-2020 u huwa ppjanat li jdum sas-sajf tal-2021. Japplikaw l-istess kundizzjonijiet ta’ hawn fuq.

Kull meta jissemma r-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandu jinftiehem li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom japplikaw kif xieraq.

3.3.2.2.   Kwistjonijiet relatati mal-ivvjaġġar

Il-persuni li jkunu qed jirċievu trattament ippjanat li jibbenefikaw mill-Artikolu 32(1)(b) kif deskritt hawn fuq (pazjenti) għandhom id-dritt, sakemm jintemm it-trattament, li jidħlu u joħorġu mill-Istat tat-trattament f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Ftehim (li jirrigwardja d-dritt tal-benefiċjarji tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim li jidħlu u joħorġu mill-Istat ospitanti), mutatis mutandis.

Id-Dokument Portabbli S2 eżistenti maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 huwa prova biżżejjed tal-intitolament personali għal tali trattament ippjanat għall-finijiet tal-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim.

B’mod konkret, ċittadin tar-Renju Unit jew ċittadin tal-UE li jkollu d-Dokument Portabbli S2 u d-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa previsti fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim għandu d-dritt li jidħol u joħroġ mill-Istat tat-trattament f’konformità mal-Artikolu 14(2) (jiġifieri mingħajr viża).

Il-pazjenti li jibbenefikaw mill-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim li la huma ċittadini tal-UE u lanqas ċittadini tar-Renju Unit jistgħu, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, ikunu meħtieġa li jkollhom viża ta’ dħul.

F’każijiet individwali, il-pazjenti li jibbenefikaw mill-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim jistgħu, sabiex ma jiġux imċaħħda mid-dritt tagħhom li jirċievu l-kors ta’ trattament ippjanat, ikunu jirrikjedu l-preżenza ta’, u l-assistenza pprovduta minn, persuni oħrajn (persuna li takkumpanjahom).

Persuna li takkumpanja tista’ tkun membru tal-familja jew kwalunkwe persuna oħra li tieħu ħsieb il-persuna li teħtieġ trattament ippjanat. L-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit se jikkunsidraw kif jistgħu jagħtu prova tal-istatus tal-persuni li jakkumpanjaw u tad-drittijiet li jirriżultaw skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-persuna li takkumpanja għandha d-dritt li tidħol u toħroġ mill-Istat tat-trattament b’dokument tal-ivvjaġġar validu previst fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim. L-Istat tat-trattament jista’ jesiġi li l-persuna li takkumpanja jkollha viża ta’ dħul f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Kull meta l-Istat tat-trattament jesiġi li l-pazjenti jew il-persuni li jakkumpanjawhom ikollhom viża ta’ dħul, huwa jrid jagħti lil dawk il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-viżi meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 14(3) tal-Ftehim. Dawn il-viżi jridu jinħarġu mingħajr ħlas mill-aktar fis possibbli u abbażi ta’ proċedura aċċellerata.

Ma jistgħu jkunu meħtieġa l-ebda viża għall-ħruġ jew rekwiżit ekwivalenti mill-pazjenti jew mill-persuni li jakkumpanjawhom.

L-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim ma jagħti l-ebda dritt ta’ residenza skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE lill-pazjenti u lill-persuni li jakkumpanjawhom waqt iż-żjara tagħhom fl-Istat tat-trattament. Huma għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru tal-UE jew tar-Renju Unit sakemm ikun meħtieġ għall-għoti effettiv tat-trattament lill-pazjent. Dawn il-persuni mhumiex soġġetti għall-Artikoli 18 jew 19 tal-Ftehim.

Jekk trattament ikollu jiġi estiż għal raġunijiet mediċi, id-Dokument Portabbli S2 jista’ jiġġedded jew jiġi estiż għal dan il-perjodu. Okkorrenzi potenzjali mhux previsti relatati mat-trattament ser jiġu analizzati fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.3.3.   Artikolu 32(1)(c): Trattament mhux ippjanat kontinwu

L-iskop tal-Artikolu 32(1)(c) huwa li jiżgura li d-dritt li persuna tirċievi trattament neċessarju mhux ippjanat ikun protett għal persuni li jkunu fuq żjarat temporanji li jestendu lil hinn mill-perjodu ta’ tranżizzjoni, permezz tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) jew ċertifikat ta’ sostituzzjoni.

Il-kunċett ta’ “żjara” għandu jinftiehem kif definit fl-Artikolu 1(k) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li jfisser residenza temporanja (fl-applikazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Ftehim). It-tul ta’ żmien massimu taż-żjara ma jiġix iddeterminat mil-liġi u jiddependi miċ-ċirkostanzi fattwali f’kull każ. Fil-prattika, dan jista’ jkun, pereżempju, perjodu ta’ btala jew perjodu ta’ studju (jekk ma jkunx akkumpanjat minn bidla fir-residenza abitwali). Żjara li mill-bidu tkun ippjanata għal perjodu itwal (eż. għall-iskop ta’ studji) ma jitqiesx li jintemm meta l-persuna kkonċernata tibqa’ għal perjodu qasir fi Stat ieħor. Għalhekk, tali persuna tibqa’ koperta mill-Artikolu 32(1)(c) tal-Ftehim anki wara li terġa’ tirritorna lejn l-Istat taż-żjara, pereżempju, għall-iskop ta’ studji.

Din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-persuni li mhumiex koperti mill-Artikolu 30 tal-Ftehim. Jekk persuna tkun koperta mill-Artikolu 30, mela r-regoli kollha tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk li jikkonċernaw trattament mhux ippjanat, japplikaw għall-btajjel li jkunu għaddejjin fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll għal btajjel futuri. L-Artikolu 32(1)(c) tal-Ftehim huwa applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal:

1.

Ċittadin Spanjol, li jirrisjedi abitwalment u jaħdem fil-Polonja, iżur Londra għall-btajjel tax-xitwa fl-aħħar ta’ Diċembru 2020. Jekk din il-persuna jkollha aċċident, hija:

(a)

għandha tkun tista’ tuża l-EHIC għall-perjodu kollu tal-btajjel, anki jekk l-aċċident iseħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni;

(b)

għandha tkun tista’ ttawwal, abbażi tal-valutazzjoni medika, iż-żjara fir-Renju Unit biex tirċievi t-trattament meħtieġ.

(c)

Kwalunkwe proċedura ta’ rimborż (it-talba lura tal-ispejjeż mir-Renju Unit jew mill-Polonja jew bejn il-pajjiżi kkonċernati) isseħħ taħt l-istess kundizzjonijiet kif previst fir-Regolamenti, anki wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni abbażi tal-Artikolu 35 tal-Ftehim.

2.

Ċittadina tar-Renju Unit, li tirrisjedi abitwalment u taħdem fir-Renju Unit, se tkun fuq ġita fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fin-Netherlands fl-aħħar ta’ Diċembru 2020. Fit-30 ta’ Diċembru 2020, hija tkun fil-Lussemburgu u turi x-xewqa li titlaq lejn in-Netherlands fl-10 ta’ Jannar 2021; din il-persuna:

(a)

hija koperta mill-EHIC għall-perjodu kollu ta’ żjara fil-Lussemburgu sakemm titlaq minn dan il-pajjiż biex tmur in-Netherlands fl-10 ta’ Jannar;

(b)

ma tistax tibqa’ tuża l-EHIC matul iż-żjara tagħha fin-Netherlands, minħabba li kwalunkwe moviment lejn Stat Membru ieħor tal-UE wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (f’dan il-każ, lejn in-Netherlands) jitqies bħala moviment futur li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

3.

Ċittadina Ċiprijotta qed tattendi kors ta’ studju li jdum tliet snin fir-Renju Unit, li jibda fil-ħarifa tal-2020. Hija żżomm ir-residenza abitwali (skont it-tifsira tar-Regolamenti) f’Ċipru għall-perjodu kollu (hija finanzjarjament dipendenti fuq il-ġenituri tagħha u tirritorna lejn pajjiżha fi tmiem il-ġimgħa u fil-btajjel). Din il-persuna tista’ tuża l-EHIC fir-Renju Unit għat-tul tal-kors anki jekk hija tirritorna għall-btajjel f’Ċipru.

Kull meta jissemma r-Regolament (KE) Nru 883/2004, bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 japplikaw kif xieraq.

3.3.4.   Artikolu 32(1)(d): L-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-familja

Din id-dispożizzjoni timla lakuna li ħalla l-Artikolu 30 tal-Ftehim għal każijiet li fihom il-persuna li tiftaħ l-intitolamenti ma tkunx f’sitwazzjoni transkonfinali bejn Stat Membru tal-UE u r-Renju Unit, iżda l-membri tal-familja ta’ din il-persuna jkunu. Din hija applikabbli, pereżempju, għal:

1.

Ċittadin tar-Renju Unit li jaħdem u jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit fl-aħħar tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, filwaqt li l-konjuġi tiegħu, li hija ekonomikament inattiva, tirrisjedi abitwalment fl-Ungerija flimkien mal-ulied tal-koppja.

(a)

Dan il-ċittadin tar-Renju Unit huwa intitolat għall-benefiċċji tal-familja għall-ulied li jirrisjedu abitwalment barra l-pajjiż, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tar-Regolament u tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-intitolament;

(b)

ir-Renju Unit ser ikompli jesporta l-benefiċċji tal-familja daqs li kieku l-ulied kienu residenti abitwalment fit-territorju tiegħu, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet skont ir-Regolamenti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-intitolament;

(c)

mhuwiex neċessarju li l-benefiċċji tal-familja effettivament jitħallsu qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ikun hemm intitolament għall-benefiċċji msemmija qabel dik id-data;

(d)

jekk jitwieled l-ewwel wild jew wild ieħor lill-koppja fl-2025, ir-Renju Unit ma jkollu l-ebda obbligu skont il-Ftehim li jesporta l-benefiċċji tal-familja li jappartjenu lil dak il-wild. Barra minn hekk, l-ulied li jsiru membri tal-familja biss wara dik id-data (minħabba li l-persuna li tiftaħ l-intitolament terġa’ tiżżewweġ wara dik id-data sieħeb bi tfal li jiġu “miżjuda” mal-familja tal-persuna koperta) ma jkunux koperti mir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Din id-dispożizzjoni ma tkoprix is-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tal-Ftehim.

Sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 30 tal-Ftehim tkun kif ġej:

2.

Ċittadin Awstrijak li jkun qed jaħdem fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, li uliedu jkunu abitwalment residenti fl-Awstrija, huwa intitolat għal benefiċċji tal-familja mir-Renju Unit:

(a)

ir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali japplikaw bis-sħiħ, abbażi tal-Artikolu 30(1)(a) tal-Ftehim; u

(b)

jekk l-ewwel wild jew il-wild l-ieħor jitwieled fl-2025, huwa jkun intitolat għall-benefiċċji tal-familja skont ir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, inkluża l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-familja għal dawn l-ulied futuri.

Fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1)(d)(i) u (ii) tal-Ftehim, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal:

id-dritt għall-benefiċċju sħiħ imħallas mill-Istat kompetenti primarju;

id-dritt għal suppliment differenzjali mħallas mill-Istat kompetenti sekondarju; u

dritt sospiż għal benefiċċji meta l-benefiċċju fl-Istat kompetenti sekondarju jkun aktar baxx mill-benefiċċju fl-Istat kompetenti primarju.

Din id-dispożizzjoni se tkompli tapplika anki jekk ikun hemm bidliet bejn il-kompetenza primarja u dik sekondarja.

Pereżempju:

3.

Ċittadin tar-Renju Unit li jkun qed jaħdem u jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni waqt li l-konjuġi Kroata tiegħu, li tkun ekonomikament inattiva, tkun abitwalment residenti fil-Kroazja flimkien mal-ulied tal-koppja (billi din is-sitwazzjoni mhijiex koperta mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim, l-Artikolu 32(1)(d) tal-Ftehim isir applikabbli):

(a)

abbażi tal-Artikolu 68(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, ir-Renju Unit għandu kompetenza primarja u ser ikompli jħallas il-benefiċċji għall-ulied abitwalment residenti barra l-pajjiż, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament u fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit;

(b)

Jekk fl-2024 il-konjuġi Kroata tibda taħdem fil-Kroazja, abbażi tal-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, billi l-ulied ikunu abitwalment residenti fil-Kroazja, il-Kroazja hija l-Istat kompetenti primarju u r-Renju Unit huwa l-Istat kompetenti sekondarju u jibda jħallas biss suppliment differenzjali, jekk ikun meħtieġ;

(c)

Jekk il-konjuġi terġa’ ssir inattiva, il-kompetenza bejn il-Kroazja u r-Renju Unit tinbidel kif xieraq;

(d)

Jekk il-konjuġi u l-ulied jissieħbu maċ-ċittadin tar-Renju Unit fir-Renju Unit abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak il-mument, huma jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 32(1)(d) tal-Ftehim; kwalunkwe bidla futura (il-familja jew il-konjuġi u l-ulied li jirritornaw lejn il-Kroazja biss) se titqies bħala moviment fil-futur u ma jinżamm l-ebda dritt abbażi tal-Ftehim.

4.

Ċittadin tar-Renju Unit li jkun qed jaħdem u jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, waqt li l-konjuġi Ġermaniża tiegħu tkun qed taħdem fil-Ġermanja u tirrisjedi abitwalment hemmhekk flimkien mal-ulied tal-koppja:

(a)

abbażi tal-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, il-Ġermanja għandha kompetenza primarja u se tkompli tħallas il-benefiċċji għall-ulied abitwalment residenti hemmhekk, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament u fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża; ejjew nassumu li r-Renju Unit fil-fatt mhux qed iħallas xi suppliment differenzjali, minħabba li l-benefiċċju Ġermaniż huwa ogħla minn dak tar-Renju Unit;

(b)

Fl-2024, il-konjuġi Ġermaniża ssir inattiva fil-Ġermanja; abbażi tal-Artikolu 68(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, ir-Renju Unit huwa primarjament kompetenti u ser jibda jħallas il-benefiċċju kollu.

L-Artikolu 32(1)(d) tal-Ftehim japplika wkoll għal benefiċċji addizzjonali jew speċjali għall-orfni kkoordinati skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Mhuwiex rilevanti jekk id-dritt għal benefiċċji tal-familja addizzjonali jew speċjali għall-orfni kienx diġà jeżisti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jew wara, diment li fis-sitwazzjoni tal-aħħar kien hemm dritt għal benefiċċji tal-familja “standard” fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.3.5.   Artikolu 32(1)(e): drittijiet derivati bħala membri tal-familja

L-Artikolu 32(1)(e) jipproteġi wkoll kwalunkwe dritt derivat bħala membri tal-familja.

“Membru tal-familja” għandha tinftiehem kif definit fl-Artikolu 1(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Bħala regola, dan jinkludi l-konjuġi u l-ulied minuri jew l-ulied dipendenti li jkunu laħqu l-età maġġuri.

Din id-dispożizzjoni tipproteġi dawk id-drittijiet li jeżistu fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kemm jekk jiġu eżerċitati kif ukoll jekk le.

Hija tikkonċerna s-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1)(d)(i) u (ii), mingħajr ma jfisser li tapplika biss għal dawk il-membri tal-familja li għalihom jitħallsu l-benefiċċji tal-familja abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, huwa possibbli li konjuġi jkun protett mill-Artikolu 32(1)(e), anki jekk il-koppja ma jkollhiex ulied u ma jitħallsux benefiċċji tal-familja abbażi tal-Artikolu 32(1)(d).

Il-fattur determinanti huwa li r-relazzjoni tal-membru tal-familja tkun teżisti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Id-dispożizzjoni mhijiex qed tkopri l-konjuġi futuri jew l-ulied ulterjuri u futuri, iżda r-regoli kollha tar-Regolamenti japplikaw għal dawk eżistenti. Eżempji ta’ sitwazzjonijiet koperti:

1.

Ċittadin tar-Renju Unit jaħdem fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni; il-konjuġi Slovakka tiegħu hija abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka u hija inattiva; il-konjuġi għandha drittijiet derivati bħala membru tal-familja għall-benefiċċji tal-mard in natura abbażi tal-Artikoli 17 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; ir-Renju Unit ikompli jħallas l-ispejjeż rilevanti;

Fl-2024, il-konjuġi tibda taħdem fis-Slovakkja u tkun intitolata għall-benefiċċji tal-mard skont il-leġiżlazzjoni Slovakka bħala l-Istat kompetenti skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

Fl-2025, meta hija ssir inattiva, waqt li tkun abitwalment residenti fir-Repubblika Slovakka, id-dritt derivat tar-Renju Unit jerġa’ jibda japplika u jieħu prijorità fuq kwalunkwe dritt indipendenti li jista’ jkollha abbażi tar-residenza tagħha fir-Repubblika Slovakka.

2.

Ċittadin Litwan jaħdem u jirrisjedi abitwalment fil-Litwanja fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni; il-konjuġi tiegħu mir-Renju Unit hija abitwalment residenti fir-Renju Unit u qed taħdem hemmhekk; il-konjuġi mir-Renju Unit hija intitolata għall-benefiċċji tal-mard skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

Fl-2026, il-konjuġi ssir inattiva fir-Renju Unit; id-dritt derivat għall-benefiċċji tal-mard in natura mil-Litwanja se jieħu prijorità fuq kwalunkwe dritt indipendenti abbażi tar-residenza tagħha fir-Renju Unit;

3.

Ċittadin Estonjan jaħdem u jirrisjedi abitwalment fil-Finlandja fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni; il-konjuġi tiegħu mir-Renju Unit hija abitwalment residenti ma’ wliedhom fir-Renju Unit u qed taħdem hemmhekk:

Il-konjuġi ser ikollha d-dritt indipendenti għall-benefiċċji tal-mard in natura fir-Renju Unit u l-ulied ikollhom drittijiet derivati bħala membri tal-familja fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

Fl-2023, il-konjuġi ssir inattiva, u kemm hi kif ukoll l-ulied ikollhom drittijiet derivati bħala membri tal-familja mill-Finlandja;

Fl-2024 jitwieled wild lill-koppja; dan il-wild mhux ser ikollu drittijiet derivati bħala membru tal-familja abbażi tal-Ftehim.

3.3.6.   Artikolu 32(2): Bidliet fil-kompetenza

L-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu tiżgura li l-persuni li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew tar-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li, abbażi tar-regoli tal-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim, jibdew jirċievu benefiċċju tas-sigurtà soċjali qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, jibqgħu jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-benefiċċji tal-mard. Dan ifisser li, bħala riżultat tar-riċeviment ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 32(1)(a), qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-kompetenza għall-mard tista’ tinbidel, iżda r-regoli rilevanti dwar il-mard jiġu applikati minn dak l-Istat Membru kompetenti kif xieraq għall-persuni kkonċernati.

Sostnuta minn loġika simili, it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu tiżgura li r-regoli rigward il-benefiċċji tal-familja skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 ikomplu japplikaw ukoll, fejn rilevanti, għal persuna f’sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq.

Sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 32(2) tista’ tintwera permezz tal-eżempju li ġej:

Ċittadin mhux attiv Daniż residenti fid-Danimarka jibda jirċievi pensjoni mir-Renju Unit fejn kien jaħdem qabel. Ir-Renju Unit isir kompetenti għall-benefiċċji tal-mard tiegħu. Jekk huwa jkun intitolat għall-benefiċċji tal-familja, il-kundizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ser japplikaw fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu miegħu fid-Danimarka.

Ara wkoll aktar spjegazzjonijiet dwar dan l-Artikolu fit-taqsima 3.3.1 ta’ hawn fuq billi d-dispożizzjoni topera flimkien mal-Artikolu 32(1) tal-Ftehim.

3.4.    Artikolu 33: Ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Iżvizzera

Skont l-Artikolu 33, it-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim japplika mhux biss għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u għaċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera, taħt iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jridu jkunu kkonkludew u japplikaw ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE; u

l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jridu jkunu kkonkludew u japplikaw ftehimiet korrispondenti mal-Unjoni li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit.

Jekk dawk il-ftehimiet jidħlu fis-seħħ, il-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni li tistabbilixxi d-data minn meta jibda japplika dan l-Artikolu.

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera kif previst taħt it-Titolu III tal-Ftehim, daqs li kieku dawn iċ-ċittadini kienu ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm sitwazzjoni triangolari (eż. Stat Membru tal-UE, ir-Renju Unit u, kif applikabbli, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera). Bl-istess mod, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit u taċ-ċittadini tal-UE f’tali tip ta’ sitwazzjonijiet triangolari.

Is-soluzzjoni għas-sitwazzjoni triangolari hija partikolarment rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni kif stabbilit mill-Artikolu 32(1)(a) tal-Ftehim.

Pereżempju, ċittadin Norveġiż li:

ħadem fin-Norveġja bejn l-2005 u l-2007;

ħadem fi Franza bejn l-2007 u l-2018;

ħadem fir-Renju Unit bejn l-2018 u l-2020;

fl-2021 jitlob benefiċċji bbażati fuq il-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni tiegħu,

ikun kopert mill-Artikolu 33 tal-Ftehim (jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu) u b’hekk ikun assimilat bħala ċittadin tal-UE jew ċittadin tar-Renju Unit kopert mill-Artikolu 30(1) tal-Ftehim.

Pereżempju, ċittadin Iżlandiż li:

ħadem għall-parti l-kbira minn ħajtu fir-Renju Unit;

ħadem għal perjodu qasir fi Franza;

jirritorna lejn l-Iżlanda qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni meta jkun qrib l-età tal-irtirar u jibqa’ inattiv; u

meta jilħaq l-età tal-irtirar (qabel jew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni), jagħmel talba għall-benefiċċji tax-xjuħija,

ir-Renju Unit jiġbor flimkien il-perjodi passati u jagħtih pensjoni tar-Renju Unit. Wara li tirċievi l-pensjoni tar-Renju Unit, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tirċievi l-pensjoni tar-Renju Unit mingħajr ebda tnaqqis (fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkorrespondu għal-loġika tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004) fl-Iżlanda jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE jew Stat taż-ŻEE fejn hija tkun abitwalment residenti.

3.5.    Artikolu 34 – Kooperazzjoni amministrattiva

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim, ir-Renju Unit jista’ jipparteċipa, bħala osservatur, fil-laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fil-laqgħat tal-korpi marbuta magħha msemmija fl-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004: jiġifieri, il-Kummissjoni Teknika għall-ipproċessar tad-data u l-Bord tal-Verifika.

Kull meta l-punti fuq l-aġenda li jirrigwardjaw it-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim ikunu jikkonċernaw lir-Renju Unit, il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva, tal-Kummissjoni Teknika u tal-Bord tal-Verifika, rispettivament, jistiednu lir-Renju Unit, li se jipparteċipa f’kapaċità konsultattiva.

Ir-Renju Unit ser ikompli jieħu sehem fis-sistema ta’ Skambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali sabiex jipproċessa l-każijiet koperti mill-Ftehim u ser iħallas l-ispejjeż relatati.

Kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll ir-Renju Unit huma impenjati li jnaqqsu l-piż amministrattiv fl-implimentazzjoni tal-Ftehim. Għalhekk, id-Dokumenti Portabbli maħruġa qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ma jsirux invalidi awtomatikament.

Il-prinċipju bażiku huwa li dawn id-dokumenti għandhom biss natura dikjaratorja. Weħidhom, dawn ma joħolqux drittijiet għall-persuni kkonċernati. Id-drittijiet infushom huma maħluqa mill-Ftehim.

Għandha ssir distinzjoni bejn:

1.

Dokumenti li jirreferu għal sitwazzjonijiet li huma koperti mir-regoli ta’koordinazzjoni msemmija fil-Ftehim (pereżempju, Dokument Portabbli A1 li jiskadi fl-2021 għal persuna li twettaq xogħol fl-istess ħin fir-Renju Unit u fi Franza, Dokument Portabbli S1 għal pensjonant tar-Renju Unit abitwalment residenti fi Spanja)

Dawn id-Dokumenti Portabbli jirriflettu drittijiet li għadhom jeżistu, iżda fuq bażi ġuridika differenti;

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv mhux ġustifikat, id-dokumenti jibqgħu validi għall-perjodu kollu ta’ validità (sakemm ma jiġux irtirati); ser jinħarġu Dokumenti Portabbli ġodda abbażi tal-Ftehim, ladarba jiskadu dawk preċedenti, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom.

2.

Dokumenti maħruġa qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni li jirreferu għal sitwazzjonijiet li ma għadhomx koperti mill-Ftehim (pereżempju, l-EHIC għal persuni f’sitwazzjoni purament interna fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, PDA1 għal ħaddiema stazzjonati li jipprovdu servizzi)

Dawn id-dokumenti jirriflettu drittijiet li ma għadhomx jeżistu; ma jistgħux jipproduċu effetti legali wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, anki jekk ma jiġux irtirati mill-istituzzjoni emittenti.

Kwalunkwe dubju dwar il-validità ta’ dokument jiġi ċċarat permezz tal-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru A1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità tad-dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvedimenti tal-benefiċċji skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.6.    Artikolu 35: Rimborż, irkupru u tpaċija

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura li r-regoli dwar ir-rimborż, l-irkupru u t-tpaċija tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u Nru 987/2009 jibqgħu japplikaw, anki jekk ir-regoli ta’ koordinazzjoni sħiħa ma jibqgħux japplikaw għal persuna speċifika.

Din id-dispożizzjoni tapplika b’rabta ma’ avvenimenti li jirrigwardjaw persuni mhux koperti mill-Artikolu 30 tal-Ftehim li seħħew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Hija tkopri wkoll avvenimenti li seħħew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, iżda li jirrigwardjaw persuni li kienu jkunu koperti, meta seħħ l-avveniment, mill-Artikolu 30 tal-Ftehim jew mill-Artikolu 32 tal-Ftehim.

B’mod partikolari, hija tapplika għal tliet kategoriji ta’ avvenimenti:

(a)

avvenimenti li seħħew qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u li jirrigwardjaw persuni mhux koperti mill-Artikolu 30 tal-Ftehim. Pereżempju:

1.

Ċittadin Pollakk, li qatt ma kien soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, imur għal btala f’Novembru 2019. Huwa jirċievi benefiċċji tal-mard in natura fir-Renju Unit abbażi tal-EHIC u jirritorna lejn pajjiżu qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni:

(a)

huwa jista’ jitlob ir-rimborż (jekk ikun il-każ) għall-benefiċċji tal-mard in natura fil-Polonja anki wara dik id-data;

(b)

jekk ir-rimborż jintalab fir-Renju Unit iżda l-proċedura ma tkunx iffinalizzata qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-rimborż xorta jiġi pproċessat skont ir-regoli ta’ koordinazzjoni rilevanti.

(b)

avvenimenti li seħħew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u li jirrigwardjaw persuni koperti mill-Artikolu 32 tal-Ftehim meta seħħ l-avveniment. Pereżempju:

2.

Ċittadin tar-Renju Unit ħadem fir-Renju Unit u fl-Iżvezja qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u li kien soġġett għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Huwa jtemm kull attività fl-Iżvezja qabel dik id-data. Huwa ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Ftehim, iżda wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jinstab li huwa fil-fatt kellu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni Żvediża. Id-dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 rigward il-proċedura ta’ konċiljazzjoni taħt il-Kummissjoni Amministrattiva (f’każ li l-Iżvezja u r-Renju Unit ma jaqblux fuq il-kompetenza) dwar ir-rimborż, l-irkupru jew it-tpaċija, għandhom japplikaw anki wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.

Ċittadin Pollakk abitwalment residenti fil-Polonja b’perjodi passati fir-Renju Unit, jirtira wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Hekk kif ir-Renju Unit isir kompetenti għall-benefiċċji tal-mard abbażi tal-Artikolu 32(2) tal-Ftehim, il-proċeduri ta’ rimborż bejn ir-Renju Unit u l-Polonja japplikaw kif xieraq;

4.

Ċittadin Franċiż jirrisjedi abitwalment fi Franza u jaħdem fir-Renju Unit bħala ħaddiem bejn il-fruntieri. Qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa jispiċċa qiegħed u jibda jirċievi l-benefiċċji tal-qgħad Franċiżi. Il-proċeduri korrispondenti għar-rimborż għall-benefiċċji tal-qgħad ser ikomplu japplikaw bejn Franza u r-Renju Unit anki wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni;

5.

L-istess japplika għall-persuni li jużaw id-Dokument Portabbli S2, li jibdew kors ta’ trattament ippjanat qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, li jintemm wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, abbażi tal-Artikolu 32(1)(b) tal-Ftehim, għat-trattament rispettiv.

(c)

avvenimenti li seħħew wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u li jirrigwardjaw persuni koperti mill-Artikolu 30 tal-Ftehim meta seħħ l-avveniment. Pereżempju:

6.

Ċittadin Belġjan, li jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit u jaħdem fil-Belġju fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa kopert mill-Artikolu 30(1)(c). Wara 5 snin, huwa jċaqlaq ir-residenza tiegħu lejn il-Belġju. Għalhekk, huwa ma għadux kopert mill-Artikolu 30 u lanqas ma huwa kopert mill-Artikolu 32 tal-Ftehim, billi huwa ma għandu l-ebda perjodu passat fir-Renju Unit:

a.

il-Belġju ser ikompli jirrimborża lir-Renju Unit għall-ispejjeż kollha relatati mal-benefiċċji tal-mard in natura matul il-perjodu ta’ residenza hemmhekk;

b.

Ir-Renju Unit ser ikompli japplika l-proċedura ta’ rkupru għal somom li huma dovuti minn dik il-persuna fil-Belġju.

Filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-persuni kkonċernati jista’ jkollhom perjodi passati u jkunu koperti mill-Artikolu 32 tal-Ftehim, dan mhuwiex meħtieġ sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

Id-dispożizzjoni tikkonċerna “avvenimenti” li seħħew f’perjodu ta’ żmien speċifiku. Dan huwa terminu wiesa’ li jkopri, pereżempju, il-benefiċċji in natura pprovduti, il-benefiċċji fi flus imħallsa, il-kontribuzzjonijiet imħallsa, iżda wkoll il-kontribuzzjonijiet li kienu dovuti biss qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jew it-tmiem tal-applikazzjoni tar-Regolamenti fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 32 tal-Ftehim.

Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-proċeduri kollha relatati mal-Bord tal-Verifika ser ikomplu japplikaw, inkluż ir-rimborż ibbażat fuq ammonti fissi.

3.7.    Artikolu 36 – L-iżvilupp tal-liġi u adattamenti tal-atti tal-Unjoni

Il-Ftehim jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 kif emendati jew sostitwiti mir-Regolamenti adottati wara t-tmiem tat-tranżizzjoni u elenkati fl-Anness I għall-Ftehim.

L-Artikolu 36 tal-Ftehim jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġornament fir-rigward tal-emendi għal dawn ir-Regolamenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Bħala regola, l-aġġornament isir awtomatikament mill-Kumitat Konġunt. Eċċezzjonijiet limitati huma previsti taħt l-Artikolu 36(2)(a) - (c) tal-Ftehim. Dawn jikkonċernaw is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

1.

iż-żieda ta’ fergħa tas-sigurtà soċjali ġdida jew it-tħassir ta’ waħda eżistenti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

2.

it-trasformazzjoni ta’ benefiċċju fi flus esportabbli skont dak ir-Regolament f’wieħed mhux esportabbli jew ta’ benefiċċju mhux esportabbli f’wieħed esportabbli; pereżempju:

l-emendar ta’ dak ir-Regolament sabiex il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus isiru esportabbli;

l-emendar ta’ dak ir-Regolament sabiex il-benefiċċji tal-familja ma jibqgħux esportabbli;

3.

li benefiċċju fi flus isir esportabbli għal perjodu limitat ta’ żmien, esportabbli għal perjodu ta’ żmien mingħajr limitu jew viċi versa. Pereżempju, id-deċiżjoni li l-benefiċċji tal-qgħad għandhom jiġu esportati għal perjodu ta’ żmien mingħajr limitu.

Meta dawn l-emendi jiġu deċiżi fil-livell tal-UE, il-Kumitat Konġunt jivvaluta dawn l-emendi u l-iskala tal-bidliet. Kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-Istati Membri tal-UE huma impenjati bis-sħiħ biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb kontinwu tar-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-persuni koperti mill-Ftehim.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat Konġunt ser jikkunsidra wkoll, in bona fede, il-ħtieġa li tiġi żgurata kopertura effettiva għall-persuni kkonċernati, speċjalment meta l-bidliet fl-esportabbiltà ta’ benefiċċju jiġu ddeterminati minn bidla fid-determinazzjoni tal-Istat kompetenti, kemm jekk ikun Stat Membru tal-UE kif ukoll jekk ikun ir-Renju Unit.

4.   Titolu IV – Dispożizzjonijiet oħrajn

4.1.    Artikolu 37 - Pubbliċità

Din id-dispożizzjoni hija mmudellata fuq l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Hija timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit. Hija ma timponi l-ebda obbligu fuq oħrajn, bħal fuq dawk li jħaddmu, il-Kummissjoni Ewropea jew il-Kumitat Konġunt.

4.2.    Artikolu 38 – Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

4.2.1.   L-effetti tal-applikazzjoni ta’ trattament aktar favorevoli

Huwa f’idejn kull Stat li jiddeċiedi jekk għandux jadotta liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi domestiċi li jkunu aktar favorevoli għall-benefiċjarji tal-Ftehim minn dawk stipulati fil-Ftehim.

4.2.2.   Trattament aktar favorevoli u koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali

L-Artikolu 38(1) jistabbilixxi li t-Tieni Parti tal-Ftehim ma taffettwa l-ebda liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li jkunu aktar favorevoli għall-persuni kkonċernati. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għat-Titolu III dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, għajr għal dak li jippermettu r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, minħabba l-ispeċifiċità ta’ dawn ir-regoli li permezz tagħhom il-persuni jkunu soġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru tal-UE wieħed biss, sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli jirkbu fuq xulxin.

L-Artikolu 38(2) jirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet fit-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza (l-Artikolu 12) u d-dritt għal trattament ugwali (l-Artikolu 23(1)) se jkunu mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar bejn l-Irlanda u r-Renju Unit (imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim) fir-rigward ta’ trattament aktar favorevoli li jista’ jirriżulta minn dawn l-arranġamenti għall-persuni kkonċernati.

4.3.    Artikolu 39 – Protezzjoni tul il-ħajja

4.3.1.   Il-protezzjoni tul il-ħajja u l-interazzjoni tagħha ma’ Titoli differenti

L-Artikolu 39 jipprevedi salvagwardja importanti li d-drittijiet skont il-Ftehim ma għandhomx “data ta’ skadenza”.

Il-benefiċjarji tal-istatus ta’ residenza ġdid taħt it-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim ser iżommu l-istatus ta’ residenza tagħhom – u d-drittijiet kollha konnessi – sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jorbot it-Titolu II mad-dritt ta’ residenza (sal-punt li huwa jpoġġi xi kundizzjoni).

Il-benefiċjarji tad-drittijiet taħt it-Titolu III tat-Tieni Parti tal-Ftehim ser iżommu d-drittijiet tagħhom sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirrikjedi t-Titolu III.

L-Artikolu 39 jikkjarifika li d-drittijiet li joħorġu minn Titoli differenti jistgħu jiġu skonnettjati – id-drittijiet taħt it-Titolu III mhux bilfors jintilfu meta jintilef l-istatus ta’ residenza taħt it-Titolu II.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li xi dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tal-Ftehim ma jirrikjedux li l-benefiċjarji tagħhom ikomplu jissodisfaw xi kundizzjonijiet – pereżempju, deċiżjoni ta’ rikonoxximent meħuda skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni tibqa’ valida.

4.4.    Links utli

Il-verżjonijiet ikkonsolidati tal-istrumenti leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jitniżżlu bl-Ingliż minn fuq is-sit web tal-EUR-LEX tal-Kummissjoni.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:115:0013:0045:MT:PDF

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MTTXT/PDF/?uri=CELEX:12012E/TXT&from=MT

Id-Direttiva 2004/38/KE:

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1523871765223&uri=CELEX:02004L0038-20110616

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011:

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1523864845084&uri=CELEX:02011R0492-20160512

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1579691198448&uri=CELEX:02004R0883-20190731

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1579691236860&uri=CELEX:02009R0987-20180101

Komunikazzjonijiet magħżula mill-Kummissjoni

Il-moviment liberu tal-ħaddiema – il-kisba tal-benefiċċji u l-potenzjal sħaħ tagħhom (COM (2002) 694 finali)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1525420348454&uri=CELEX:52002DC0694

Gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM (2009) 313 finali)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1525421270630&uri=CELEX:52009DC0313

Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri (COM (2010) 373 finali)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1525420568284&uri=CELEX:52010DC0373

Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza (COM (2013) 837 finali)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1525420823976&uri=CELEX:52013DC0837


(1)  Persuna li tgħammar lilha nnifisha b’xi forma ta’ infrastruttura fl-Istat Membru ospitanti li hija meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet f’dak l-Istat Membru (inklużi uffiċċju, kmamar uffiċjali jew kmamar ta’ konsultazzjoni) tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minflok dawk ta’ stabbiliment. Dan ikun jiddependi mit-tul ta’ żmien tal-forniment tas-servizz, iżda wkoll mir-regolarità, mill-perjodiċità jew mill-kontinwità tiegħu (C-55/94, Gebhard, il-para. 27).