13.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/3


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19

(2020/C 164/03)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (1) (“il-Qafas Temporanju”). Fit-3 ta’ April 2020, hija adottat l-ewwel emenda li tippermetti għajnuna biex jiġu aċċellerati r-riċerka, l-ittestjar u l-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-COVID-19, biex jiġu protetti l-impjiegi u biex tkompli tiġi appoġġjata l-ekonomija matul il-kriżi attwali (2).

2.

Applikazzjoni mmirata u proporzjonata tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat tiżgura li l-miżuri ta’ sostenn nazzjonali jgħinu b’mod effettiv lill-impriżi milquta matul it-tifqigħa tal-COVID-19, filwaqt li jillimitaw id-distorsjonijiet bla bżonn fis-Suq Intern, iżommu l-integrità tas-Suq Intern u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Dan jikkontribwixxi għall-kontinwità tal-attività ekonomika matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u jipprovdi lill-ekonomija bi pjattaforma b’saħħitha biex tirkupra mill-kriżi, filwaqt li jqis l-importanza li jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali, skont l-objettivi tal-UE.

3.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tidentifika miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji addizzjonali li l-Kummissjoni tqis li huma kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19.

4.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-impriżi mhux finanzjarji li altrimenti jkunu vijabbli li huma soġġetti għal kriżi temporanja ta’ likwidità minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 jistgħu jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ solvenza aktar fit-tul. Għal għadd kbir minn dawn l-impriżi, il-miżuri ta’emerġenza li tpoġġew fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-imxija tat-tifqigħa tal-COVID-19 irriżultaw fi tnaqqis jew saħansitra f’sospensjoni tal-produzzjoni tal-oġġetti u/jew tal-forniment tas-servizzi tagħhom, kif ukoll xokk sinifikanti fid-domanda. It-telf li rriżulta se jkun rifless fi tnaqqis fl-ekwità tal-impriżi u se jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tagħhom li jissellfu mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji.

5.

It-tnaqqis fl-ekwità għall-impriżi fis-swieq b’domanda baxxa u b’interruzzjoni fil-provvista jiggrava r-riskju ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku li potenzjalment jaffettwa l-ekonomija kollha tal-UE għal perjodu itwal. Interventi pubbliċi mmirati sew li jipprovdu ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ għadd sinifikanti ta’ insolvenzi għall-ekonomija tal-UE. B’hekk jistgħu jikkontribwixxu biex jippreservaw il-kontinwità tal-attività ekonomika matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u biex jagħtu sostenn għall-irkupru ekonomiku sussegwenti.

6.

Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-kriterji skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sostenn pubbliku fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Għandha l-għan li tiżgura li t-tfixkil tal-ekonomija ma jirriżultax fil-ħruġ mis-suq bla bżonn tal-impriżi li kienu vijabbli qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Għaldaqstant, ir-rikapitalizzazzjonijiet ma jridux jaqbżu l-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, u jentieġ li ma jmorrux lil hinn mir-restawr tal-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarju għal dik li kienet teżisti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19.

7.

Il-Kummissjoni tenfasizza li jenħtieġ li l-għoti ta’ sostenn pubbliku nazzjonali fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, bħala parti minn skemi jew f’każijiet individwali speċifiċi, jitqies biss jekk ma tkun tista’ tinstab ebda soluzzjoni oħra xierqa u jkun soġġett għal kondizzjonijiet stretti. Dan minħabba li dawn l-istrumenti joħolqu distorsjoni qawwija għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn l-interventi jkunu soġġetti wkoll għal kundizzjonijiet ċari fir-rigward tad-dħul, tar-remunerazzjoni u tal-ħruġ tal-Istat mill-impriżi kkonċernati, id-dispożizzjonijiet ta’ governanza u l-miżuri xierqa li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

8.

Jekk jingħata sostenn fil-livell tal-UE, li jqis l-interess komuni tal-UE, ir-riskju ta’ distorsjoni għas-Suq Intern jista’ jkun inqas, u għaldaqstant jista’ jkun jeħtieġ li jiġu imposti kundizzjonijiet inqas stretti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li appoġġ u fondi addizzjonali tal-UE huma meħtieġa biex tiżgura li din il-kriżi simetrika globali ma tinbidilx f’xokk asimetriku għad-detriment tal-Istati Membri b’inqas possibbiltà li jappoġġjaw l-ekonomija tagħhom u l-kompetittività tal-UE kollha kemm hi.

9.

It-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali se jkollhom rwol ċentrali u prijoritarju biex jiġi żgurat li l-irkupru jirnexxi. Il-Kummissjoni tilqa’ l-passi li ħadu l-Istati Membri biex iqisu dawn l-isfidi meta jfasslu miżuri ta’ sostenn nazzjonali, u tfakkar fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li dawn il-miżuri ma jfixklux milli jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u diġitali tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li t-tfassil ta’ miżuri ta’ sostenn nazzjonali b’mod li jissodisfa l-għanijiet ta’ politika tal-UE relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħhom jippermetti tkabbir aktar sostenibbli fit-tul, u jippromwovi t-trasformazzjoni għall-objettiv miftiehem tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050. F’dan il-kuntest ta’ għajnuna bħala rimedju għal taqlib serju fl-ekonomija tal-Istati Membri, hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jfasslu miżuri ta’ sostenn nazzjonali b’mod li jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tagħhom. Għal għajnuna skont din il-Komunikazzjoni, impriżi kbar għandhom jirrapportaw dwar kif l-għajnuna li jirċievu tagħti sostenn lill-attivitajiet tagħhom skont l-objettivi tal-UE u l-objettivi nazzjonali marbuta mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

10.

Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri qed jikkunsidraw li jieħdu sehem fl-ekwità ta’ kumpaniji strateġiċi, biex jiżguraw li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-funzjonament tajjeb tal-ekonomija tal-UE ma tiġix ipperikolata. Il-Kummissjoni tfakkar li t-TFUE huwa newtrali rigward is-sjieda pubblika fil-konfront ta’ dik privata (l-Artikolu 345 tat-TFUE). Jekk l-Istati Membri jixtru azzjonijiet eżistenti ta’ impriżi bil-prezz tas-suq jew jinvestu pari passu mal-azzjonisti privati, dan normalment ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat (3). Bl-istess mod, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jixtru azzjonijiet ġodda maħruġa u/jew lill-impriżi jipprovdulhom tipi oħra ta’ sostenn għall-ekwità jew strumenti kapitali ibridi b’termini tas-suq, jiġifieri b’kondizzjonijiet li jikkonformaw mal-Prinċipju tal-Operatur tal-Ekonomija tas-Suq, dan ukoll ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat.

11.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li hemm għadd ta’ għodod addizzjonali biex jiġu indirizzati l-akkwiżizzjonijiet ta’ kumpaniji strateġiċi. Fil-Komunikazzjoni tagħha maħruġa fil-25 ta’ Marzu 2020 (4), il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri li diġà għandhom mekkaniżmu eżistenti tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fis-seħħ jagħmlu użu sħiħ minn dawn l-għodod biex jevitaw flussi kapitali mill-pajjiżi li mhumiex tal-UE li jistgħu jimminaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-UE. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri li attwalment ma għandhomx mekkaniżmu ta’ skrinjar, jew li l-mekkaniżmi ta’ skrinjar tagħhom ma jkoprux it-tranżazzjoni rilevanti kollha, jistabbilixxu mekkaniżmu tal-iskrinjar komplut, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI (5) u l-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE), u l-obbligi internazzjonali.

12.

It-tieni, il-Kummissjoni tqis li d-dejn subordinat jista’ jkun ukoll mezz xieraq biex l-impriżi jingħataw sostenn biex jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. B’mod partikolari, huwa strument li jikkawża inqas distorsjoni mill-ekwità jew il-kapital ibridu, billi ma jistax jiġi kkonvertit f’ekwità meta l-kumpanija tkun negozju attiv. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tintroduċi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu sostenn f’din il-forma addizzjonali fit-Taqsima 3.3 tal-Qafas Temporanju, li tikkonċerna l-istrumenti tad-dejn, soġġett għal salvagwardji addizzjonali li jipproteġu l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Intern. Madankollu, jekk id-dejn subordinat jaqbeż il-limiti stabbiliti fit-Taqsima 3.3, jenħtieġ li din il-miżura tad-dejn subordinat tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 stabbiliti fit-Taqsima 3.11 biex jiġi żgurat trattament indaqs.

13.

It-tielet, l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju wriet il-ħtieġa li jiġu introdotti modifiki klerikali kif ukoll kjarifiki addizzjonali u emendi fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet fit-Taqsima 3.1, fit-Taqsima 3.2, fit-Taqsima 3.3, fit-Taqsima 3.4, fit-Taqsima 3.7, fit-Taqsima 4 u fit-Taqsima 5.

14.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, biex tiżgura li l-irkupru jirnexxi, se jkunu jenħtieġu investimenti privati u pubbliċi addizzjonali fuq skala kbira biex iwieġbu għall-isfidi u jaħtfu l-opportunitajiet taż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li din l-emenda għall-Qafas Temporanju tikkomplementa pjuttost milli tissostitwixxi l-possibbiltajiet eżistenti biex l-Istati Membri jagħtu sostenn skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, rigward is-sostenn ta’ kapital, b’mod partikolari għall-kumpaniji innovattivi, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament tar-Riskju (6) u r-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (7) jagħtu biżżejjed possibbiltajiet għall-Istati Membri.

15.

Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-investiment ekoloġiċi u diġitali, u jżidu l-livell ta’ protezzjoni ambjentali f’konformità mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat. (8) Kif diġà tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020, ir-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ambjent u l-Enerġija, se jkunu riveduti sal-2021 fid-dawl tal-objettivi ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jagħtu sostenn lil tranżizzjoni kosteffettiva u soċjalment inklużiva għan-newtralità klimatika sal-2050. Dan se jikkontribwixxi għal strateġija ta’ rkupru għall-ekonomija Ewropea li tikseb iż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali, skont l-objettivi nazzjonali u tal-UE.

2.   EMENDI GĦALL-QAFAS TEMPORANJU

16.

L-emendi li ġejjin għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lil-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 se jidħlu fis-seħħ mit-8 ta’ Mejju 2020.

17.

Il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

Jekk minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 il-banek jispiċċaw li jkollhom bżonn għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja (ara l-Artikolu 2(1)(28) tal-BRRD u l-Artikolu 3(1)(29) tal-SRMR) fil-forma ta’ likwidità, rikapitalizzazzjoni jew miżura tal-assi indeboliti, irid ikun hemm valutazzjoni dwar jekk il-miżura tkunx konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32(4)(d) (i), (ii) jew (iii) tal-BRRD u l-Artikolu 18(4)(d) (i), (ii) jew (iii) tal-SRMR. Fil-każ li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-aħħar, il-bank li jirċievi tali għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ma jitqiesx li jkun qiegħed ifalli jew li x’aktarx ifalli. Sal-punt li tali miżuri jkunu jindirizzaw problemi marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, ikunu jitqiesu li jaqgħu taħt il-punt 45 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 (9), li tistabbilixxi eċċezzjoni għar-rekwiżit tal-kondiviżjoni tal-piżijiet minn azzjonisti u kredituri subordinati.”

18.

Il-Punt 9 huwa mibdul b’dan li ġej:

“9.

Hemm ir-riskju li t-tifqigħa tal-COVID-19 twassal għal tnaqqis serju li jolqot lill-ekonomija kollha tal-UE, b’impatt fuq in-negozji, l-impjiegi u l-unitajiet domestiċi. Huwa meħtieġ appoġġ pubbliku mmirat sew biex jiġi żgurat li s-swieq ikollhom biżżejjed likwidità, biex tagħmel tajjeb għall-ħsara li se tiġġarrab mill-impriżi tas-saħħa u biex l-attività ekonomika tinżamm għaddejja matul u wara t-tifqigħa tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jappoġġjaw l-operaturi fl-industrija tal-ivvjaġġar u t-turiżmu biex jiżguraw li t-talbiet għar-rimborż ikkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19 ikunu sodisfatti bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-passiġġieri u d-drittijiet tal-konsumatur, u trattament ugwali tal-passiġġieri u l-vjaġġaturi. Meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-baġit tal-UE, ir-rispons ewlieni se jingħata fil-baġits nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida u effettiva biex jingħata appoġġ liċ-ċittadini u lill-impriżi, partikolarment lill-SMEs, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.”

19.

Il-punt 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“13.

L-Istati Membri jistgħu jfasslu wkoll miżuri ta’ sostenn skont ir-Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (10) mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni.”

20.

Il-punt 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“20.

Miżuri ta’ għajnuna temporanji koperti minn din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu akkumulati ma’ xulxin skont ir-regoli ta’ akkumulazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Miżuri ta’ għajnuna temporanji koperti minn din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu akkumulati ma’ għajnuna skont Regolamenti de minimis (11) jew ma’ għajnuna oħra skont ir-Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (12) dment li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ akkumulazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.”

21.

Jiddaħħal il-punt 20bis:

“20bis.

L-għajnuna għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji ma għandhiex tiġi vvalutata taħt din il-Komunikazzjoni ħlief għal: (i) vantaġġi indiretti għall-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu li jidderieġu l-għajnuna fil-forma ta’ self jew garanziji taħt it-Taqsimiet 3.1 sa 3.3 skont is-salvagwardji tat-Taqsima 3.4, u (ii) għajnuna taħt it-Taqsima 3.10 dment li l-iskema ma tkunx immirata esklużivament għall-impjegati mis-settur finanzjarju.”

22.

It-titolu tat-Taqsima 3.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.1

Ammonti limitati ta’ għajnuna”

23.

Fil-punt 22, in-nota 16 ta’ qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej:

“Jekk l-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ benefiċċju fuq it-taxxa, l-obbligazzjoni ta’ taxxa li fir-rigward tagħha jkun ġie konċess dak il-benefiċċju trid tkun seħħet mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020.”

24.

Il-punt 23bis huwa sostitwit b’dan li ġej:

“23bis.

Meta impriża tkun attiva f’diversi setturi li għalihom ikunu japplikaw ammonti massimi differenti skont il-punti 22(a) u 23(a), l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura, b’mezzi xierqa, bħalma huma s-separazzjoni tal-kontijiet, li jiġi rispettat il-limitu relevanti għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet u li ma jeċċedix l-ammont massimu globali ta’ EUR 800 000 għal kull impriża.” Meta impriża tkun attiva fis-setturi koperti mill-punt 23(a), jenħtieġ li l-ammont massimu globali ta’ EUR 120 000 ma jinqabiżx għal kull impriża.”

25.

Jiddaħħal il-punt 24bis:

“24bis.

L-għajnuna konċessa taħt it-Taqsima 3.2 ma għandhiex tkun akkumulata mal-għajnuna konċessa għall-istess kapital tas-self sottostanti taħt it-Taqsima 3.3 u viċi versa. L-għajnuna konċessa taħt it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 tista’ tiġi akkumulata għal self differenti dment li l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma jeċċedix il-limiti stabbiliti fil-punt 25(d) jew fil-punt 27(d). Benefiċjarju jista’ jibbenefika b’mod parallel minn diversi miżuri taħt it-Taqsima 3.2 dment li l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma jeċċedix il-limiti stabbiliti fil-punt 25(d) u (e).”

26.

L-ittra (iii) fil-punt 25(d) hija sostitwita b’dan li ġej:

“iii.

b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni (pereżempju b’rabta mal-karatteristiċi ta’ ċertu tip ta’ impriżi), l-ammont tas-self ikun jista’ jiżdied biex ikun ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità mill-mument tal-konċessjoni għat-18-il xahar segwenti għall-SMEs (13) u għat-12-il xahar segwenti fil-każ ta’ impriżi kbar. Il-ħtiġijiet ta’ likwidità għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ awtoċertifikazzjoni mill-benefiċjarju (14).”

27.

Il-punt 25(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont tal-kapital tas-self jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 25(d) b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-Istat Membru juri dan lill-Kummissjoni.”

28.

Il-punt 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“26.

Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal-likwidità għal impriżi li jiffaċċjaw nuqqas għall-għarrieda, ir-rati tal-imgħax sussidjati għal perjodu u għal ammont ta’ self li jkunu limitati jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi attwali. Barra minn hekk, dejn subordinat, li huwa subordinat għal kredituri ordinarji superjuri fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, jista’ jkun ukoll soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi attwali. Tali dejn huwa strument inqas ta’ distorsjoni minn ekwità jew kapital ibridu, peress li ma jistax jiġi kkonvertit awtomatikament f’ekwità meta l-kumpanija tkun negozju attiv. Għalhekk, l-għajnuna fil-forma ta’ dejn subordinat (15) trid tissodisfa l-kundizzjonijiet rispettivi skont it-Taqsima 3.3, li tikkonċerna l-istrumenti ta’ dejn. Madankollu, peress li żżid l-abbiltà tal-kumpaniji li jieħdu dejn superjuri b’mod simili għal sostenn kapitali, żieda fir-riskju tal-kreditu u limitazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ammont imqabbel mad-dejn superjuri (terz għal impriżi kbar u nofs l-ammont għall-SMEs, kif definit fil-punt 27(d) (i) jew (ii), għandhom japplikaw ukoll. Lil hinn minn dawn il-limiti, id-dejn subordinat għandu jiġi vvalutat f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 stabbiliti fit-Taqsima 3.11 biex ikun żgurat trattament ugwali.”

29.

Punt 26bis ġdid jiddaħħal kif ġej:

“26bis.

L-għajnuna mogħtija skont it-Taqsima 3.3 ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ għajnuna mogħtija għall-istess kapital ta’ self sottostanti fit-Taqsima 3.2 u viċi versa. L-għajnuna mogħtija skont it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 tista’ tiġi akkumulata għal self differenti sakemm l-ammont globali ta’ self għal kull benefiċjarju ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti fil-punt 25(d) jew fil-punt 27(d). Benefiċjarju jista’ jibbenefika b’mod parallel minn diversi miżuri skont it-Taqsima 3.3 sakemm l-ammont globali ta’ self għal kull benefiċjarju ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti fil-punti 27 (d) u (e).”

30.

L-ittra (iii) fil-punt 27(d) hija sostitwita b’dan li ġej:

“iii.

b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni (pereżempju b’rabta mal-karatteristiċi ta’ ċertu tip ta’ impriżi), l-ammont tas-self ikun jista’ jiżdied biex ikun ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità mill-mument tal-konċessjoni għat-18-il xahar segwenti għall-SMEs (16) u għat-12-il xahar segwenti fil-każ ta’ impriżi kbar. Il-ħtiġijiet ta’ likwidità għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ awtoċertifikazzjoni mill-benefiċjarju (17).”

31.

Il-punt 27(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont tal-kapital tas-self jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 27(d) b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-Istat Membru juri dan lill-Kummissjoni;

32.

Il-punt 27bis jiddaħħal kif ġej:

“27bis

Strumenti ta’ dejn, li huma subordinati għal kredituri mhux garantiti superjuri ordinarji fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, jistgħu jingħataw b’rati tal-imgħax imnaqqsa, li jkunu tal-inqas daqs ir-rata bażi u l-marġnijiet tar-riskju tal-kreditu msemmija fit-tabella tal-punt 27(a) b’żieda ta’ 200 punt bażi għall-impriżi kbar u 150 punt bażi għall-SMEs. Il-possibbiltà alternattiva tal-punt 27(b) tapplika għal tali strumenti ta’ dejn. Il-punti 27(c), 27(f) u 27(g) għandhom jiġu ssodisfati wkoll. Jekk l-ammont tad-dejn subordinat jaqbeż iż-żewġ limiti li ġejjin (18), il-kompatibbiltà tal-istrument mas-Suq Intern tiġi determinata skont it-Taqsima 3.11:

i.

Żewġ terzi tal-kont tal-pagi annwali tal-benefiċjarju għal impriżi kbar u l-kont tal-pagi annwali tal-benefiċjarju għall-SMEs, kif definit fil-punt 27(d)(i), kif ukoll

ii.

8,4 % tal-fatturat totali tal-benefiċjarju fl-2019 għall-impriżi kbar u 12,5 % tal-fatturat totali tal-benefiċjarju fl-2019 għall-SMEs.”

33.

Il-punt 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“28.

L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji u ta’ self skont it-Taqsima 3.1, it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 ta’ din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu pprovduti lil impriżi li jiffaċċjaw nuqqas għall-għarrieda ta’ likwidità direttament jew permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħala intermedjarji finanzjarji. Fil-każ tal-aħħar, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.”

34.

Il-punt 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“31.

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjarja oħra, sa fejn ikun assolutament possibbli, jgħaddu l-vantaġġi tal-garanzija pubblika jew tar-rati tal-imgħax issussidjati fuq self lill-benefiċjarji finali. L-intermedjaru finanzjarju jrid ikun fil-pożizzjoni li juri li huwa jħaddem mekkaniżmu li jiggarantixxi li l-vantaġġi jgħaddu sa fejn ikun assolutament possibbli għand il-benefiċjarji finali fil-forma ta’ volumi akbar ta’ ffinanzjar, portafolli aktar riskjużi, rekwiżiti iċken ta’ garanziji, primjums iżgħar ta’ garanzija jew rati tal-imgħax aktar baxxi għajr mingħajr tali garanziji pubbliċi jew self.”

35.

L-ittra (j) fil-punt 37 tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“j.

L-infrastrutturi tal-ittestjar u tal-espansjoni għandhom ikunu miftuħa għal diversi utenti u l-aċċess għandu jingħata fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja. L-impriżi li jkunu ffinanzjaw mill-inqas 10 % tal-kostijiet tal-investiment jistgħu jingħataw aċċess preferenzjali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli.”

36.

Il-punt 43bis jiddaħħal kif ġej:

“43bis.

Sal-punt li skema bħal din tinkludi wkoll impjegati ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji, kwalunkwe għajnuna lil dawk l-istituzzjonijiet m’għandhiex l-għan li tippreserva jew terġa’ tikseb il-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza tagħhom, minħabba l-għan prinċipalment soċjali ta’ din l-għajnuna. (19) Bħala riżultat, il-Kummissjoni tqis li tali għajnuna jenħtieġ li ma tiġix kwalifikata bħala għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja skont l-Artikolu 2(1)(28) BRRD u l-Artikolu 3(1)(29) SRMR, u jenħtieġ li ma tiġix ivvalutata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur bankarju (20).

37.

Tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“3.11.   Miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni

44.

Dan il-Qafas Temporanju jippreżenta l-kriterji skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sostenn pubbliku fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. (21) Huwa għandu l-għan li jiżgura li t-tfixkil tal-ekonomija ma jirriżultax fi ħruġ bla bżonn mis-suq ta’ impriżi li kienu vijabbli qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Għaldaqstant, ir-rikapitalizzazzjonijiet ma jridux jaqbżu l-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, u jentieġ li ma jmorrux lil hinn mir-restawr tal-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarju għal dik li kienet teżisti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Impriżi kbar iridu jirrappurtaw dwar kif l-għajnuna li rċevew tappoġġja l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-objettivi tal-UE u l-obbligi nazzjonali marbuta mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż l-għan tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050.

45.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għoti ta’ appoġġ pubbliku nazzjonali fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi, bħala parti minn skemi jew f’każijiet individwali, jenħtieġ li jitqies biss jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni xierqa oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ħruġ ta’ tali strumenti jkun soġġett għal kundizzjonijiet stretti minħabba li huma distorsivi ħafna għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi. Għalhekk, interventi bħal dawn iridu jkunu soġġetti wkoll għal kundizzjonijiet ċari fir-rigward tad-dħul, tar-remunerazzjoni u tal-ħruġ tal-Istat mill-ekwità tal-impriżi kkonċernati, id-dispożizzjonijiet ta’ governanza u miżuri xierqa li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. B’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li t-tfassil ta’ miżuri ta’ sostenn nazzjonali b’mod li jissodisfa l-għanijiet ta’ politika tal-UE relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħhom jippermetti tkabbir aktar sostenibbli fit-tul, u jippromwovi t-trasformazzjoni għall-objettiv miftiehem tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050.

3.11.1.   Applikabbiltà

46.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għal skemi ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni individwali tal-Istati Membri għal impriżi mhux finanzjarji (kollettivament imsejħa miżuri ta’ “rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19”) taħt din il-Komunikazzjoni, li mhumiex koperti mit-Taqsima 3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni. Huma japplikaw għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 għal impriżi kbar u SMEs. (22)

47.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-istrumenti tad-dejn subordinat li jaqbżu ż-żewġ limiti msemmija fil-punt 27bis (i) u (ii) fit-Taqsima 3.3 ta’ din il-Komunikazzjoni.

48.

Il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma għandhomx jingħataw aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021.

3.11.2.   Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ dħul

49.

Il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 trid tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mingħajr l-intervent tal-Istat il-benefiċjarju jkun se jfalli jew ikun se jiffaċċja diffikultajiet serji biex iżomm l-operazzjonijiet tiegħu. Diffikultajiet bħal dawn jistgħu jintwerew b’mod partikolari, bid-deterjorament tal-proporzjon tad-dejn mal-ekwità jew indikaturi simili tal-benefiċjarju;

(b)

huwa fl-interess komuni li jkun hemm intervent. Dan jista’ jkun relatat mal-evitar ta’ tbatija soċjali u ta’ falliment tas-suq minħabba telf sinifikanti ta’ impjiegi, il-ħruġ ta’ kumpanija innovattiva, il-ħruġ ta’ kumpanija ta’ importanza sistemika, ir-riskju ta’ tfixkil għal servizz importanti, jew sitwazzjonijiet simili sostanzjati kif xieraq mill-Istat Membru kkonċernat;

(c)

il-benefiċjarju ma jkunx jista jsib finanzjament fis-swieq b’termini affordabbli u l-miżuri orizzontali li jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità ma jkunux biżżejjed biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tiegħu; kif ukoll

(d)

il-benefiċjarju ma jkunx impriża li kienet diġà tinsab f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 (skont it-tifsira tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (23)).

50.

L-Istati Membri għandhom jagħtu miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 taħt skema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni biss wara talba bil-miktub għal tali għajnuna mill-impriżi benefiċjarji prospettivi. Fir-rigward ta’ għajnuna notifikabbli b’mod individwali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza ta’ tali talba bil-miktub bħala parti min-notifika tal-miżura ta’ għajnuna individwali lill-Kummissjoni.

51.

Ir-rekwiżiti ta’ din it-Taqsima u t-Taqsimiet 3.11.4, 3.11.5, 3.11.6 u 3.11.7 japplikaw kemm għall-iskemi ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 kif ukoll għal miżuri ta’ għajnuna individwali. Meta tapprova skema, il-Kummissjoni se titlob in-notifika separata ta’ għajnuna individwali li taqbeż il-limitu ta’ EUR 250 miljun. B’rabta ma’ dawn in-notifiki, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-finanzjament eżistenti fis-suq jew il-miżuri orizzontali biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità humiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju; li l-istrumenti ta’ rikapitalizzazzjoni magħżula u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom huma xierqa biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji tal-benefiċjarju; li l-għajnuna tkun proporzjonata; u li l-kundizzjonijiet f’din it-Taqsima u t-Taqsimiet 3.11.4, 3.11.5, 3.11.6 u 3.11.7 jiġu mħarsa.

3.11.3.   Tipi ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni

52.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 bl-użu ta’ żewġ settijiet distinti ta’ strumenti ta’ rikapitalizzazzjoni:

(a)

strumenti ta’ ekwità, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ ishma komuni jew privilaġġati ġodda; u/jew

(b)

strumenti b’komponent ta’ ekwità (imsejħa “strumenti kapitali ibridi”) (24), b’mod partikolari drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-profitt, parteċipazzjonijiet passivi u bonds konvertibbli garantiti jew mhux garantiti.

53.

L-intervent tal-Istat jista’ jieħu l-forma ta’ kwalunkwe varjazzjoni tal-istrumenti msemmija hawn fuq, jew taħlita ta’ strumenti ta’ ekwità u kapitali ibridi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jissottoskrivu l-istrumenti ta’ hawn fuq fil-kuntest ta’ offerta tas-suq, bil-kundizzjoni li kwalunkwe intervent tal-Istat f’benefiċjarju li jirriżulta, ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima 3.11 tal-Komunikazzjoni. L-Istat Membru jrid jiżgura li l-istrumenti ta’ rikapitalizzazzjoni magħżula u l-kundizzjonijiet mehmuża magħhom ikunu xierqa biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-benefiċjarju, filwaqt li fl-istess ħin ikunu l-inqas ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

3.11.4.   L-ammont tar-rikapitalizzazzjoni

54.

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jridx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, u jenħtieġ li ma jmurx lil hinn mir-restawr tal-istruttura kapitali tal-benefiċjarju għal dik ta’ qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, jiġifieri s-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2019. Fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, għandha titqies l-għajnuna mill-Istat riċevuta jew ippjanata fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19.

3.11.5.   Ir-remunerazzjoni u l-ħruġ tal-Istat

Prinċipji ġenerali

55.

L-Istat għandu jirċievi remunerazzjoni xierqa għall-investiment. Iktar ma r-remunerazzjoni tkun qrib it-termini tas-suq, iktar tkun baxxa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni potenzjali kkawżata mill-intervent tal-Istat.

56.

Jenħtieġ li r-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 tiġi mifdija meta l-ekonomija tistabbilizza ruħha. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jingħata biżżejjed żmien lill-benefiċjarju biex jifdi r-rikapitalizzazzjoni. L-Istat Membru jrid iwaqqaf mekkaniżmu biex jinċentivizza gradwalment it-tifdija.

57.

Jenħtieġ li r-rimunerazzjoni tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 tiżdied sabiex tikkonverġi mal-prezzijiet tas-suq biex jiġi pprovdut inċentiv għall-benefiċjarju u għall-azzjonisti l-oħra biex jifdu l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mill-Istat u biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

58.

Isegwi li l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 irid ikun fihom l-inċentivi xierqa biex l-impriżi jifdu r-rikapitalizzazzjoni u jfittxu kapital alternattiv meta l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, billi jirrikjedu remunerazzjoni għolja biżżejjed għar-rikapitalizzazzjoni.

59.

Bħala alternattiva għall-metodoloġiji tar-remunerazzjoni stabbiliti hawn taħt, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw skemi jew miżuri individwali fejn il-metodoloġija tar-remunerazzjoni tkun adattata skont il-karatteristiċi u l-anzjanità tal-istrument kapitali sakemm dawn iwasslu għal riżultat simili fir-rigward tal-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat u impatt ġenerali simili fuq ir-rimunerazzjoni tal-Istat.

Remunerazzjoni tal-istrumenti ta’ ekwità

60.

Injezzjoni ta’ kapital mill-Istat, jew intervent ekwivalenti, għandha ssir bi prezz li ma jaqbiżx il-prezz medju tal-ishma tal-benefiċjarju matul il-15-il jum ta’ qabel it-talba għall-injezzjoni ta’ kapital. Jekk il-benefiċjarju ma jkunx kumpanija elenkata fil-Borża, jenħtieġ li tiġi stabbilita stima tal-valur tas-suq tiegħu minn espert indipendenti jew permezz ta’ mezzi proporzjonati oħra.

61.

Kull miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandha tinkludi mekkaniżmu step-up li jżid ir-remunerazzjoni tal-Istat, biex il-benefiċjarju jkun inċentivat jixtri lura l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat. Iż-żieda fir-remunerazzjoni tista’ tkun fil-forma ta’ ishma addizzjonali (25) konċessi lill-Istat jew mekkaniżmi oħra, u jenħtieġ li tikkorrispondi għal żieda ta’ mill-inqas 10 % fir-remunerazzjoni tal-Istat (għall-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-injezzjoni ta’ ekwità mill-Istat b’rabta mal-COVID-19 u li ma tħallsitx lura), għal kull pass tal-istep-up:

(a)

Jekk erba’ snin wara l-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19 l-Istat ma jkunx biegħ mill-inqas 40 fil-mija tal-parteċipazzjoni fl-ekwità li tirriżulta mill-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19, il-mekkaniżmu step-up jiġi attivat.

(b)

Jekk sitt snin wara l-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19 l-Istat ma jkunx biegħ il-parteċipazzjoni kollha tiegħu fl-ekwità b’riżultat tal-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19, il-mekkaniżmu step-up jerġa’ jiġi attivat. (26)

Jekk il-benefiċjarju ma jkunx kumpanija elenkata fil-Borża, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplementaw kull wieħed miż-żewġ passi sena wara, jiġifieri ħames u seba’ snin rispettivament wara li tingħata l-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19.

62.

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta mekkaniżmi alternattivi, dment li b’mod ġenerali jwasslu għal eżitu simili fir-rigward tal-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat u impatt ġenerali simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

63.

F’kull waqt jenħtieġ li l-benefiċjarju jkollu l-possibbiltà li jixtri lura s-sehem ta’ ekwità akkwistat mill-Istat. Sabiex jiġi żgurat li l-Istat jirċievi remunerazzjoni xierqa għall-investiment, jenħtieġ li l-prezz tax-xiri lura jkun l-ammont l-iktar għoli bejn (i) l-investiment nominali tal-Istat b’żieda ta’ remunerazzjoni annwali tal-imgħax ta’ 200 punt bażi ogħla milli indikata fit-tabella hawn isfel (27); jew (ii) il-prezz tas-suq fil-mument tax-xiri lura.

64.

B’mod alternattiv, l-Istat jista’ f’kull waqt ibigħ is-sehem tiegħu fl-ekwità bil-prezzijiet tas-suq, lil akkwirenti oħra għajr il-benefiċjarju. Fil-prinċipju tali bejgħ jirrikjedi konsultazzjoni miftuħa u mhux diskriminatorja tal-akkwirenti potenzjali jew bejgħ fil-borża. L-Istat jista’ jagħti drittijiet ta’ prijorità lill-azzjonisti eżistenti biex jixtru bil-prezz li jirriżulta mill-konsultazzjoni pubblika.

Remunerazzjoni tal-istrumenti kapitali ibridi

65.

Ir-remunerazzjoni globali tal-istrumenti kapitali ibridi trid tieħu kont debitu tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi tal-istrument magħżul, inkluż il-livell ta’ subordinazzjoni tiegħu, ir-riskju u l-modalitajiet kollha tal-pagament tiegħu;

(b)

inċentivi inerenti għall-ħruġ (bħal eżempju step-up u klawsoli ta’ tifdija); kif ukoll

(c)

rata ta’ mgħax benchmark xierqa.

66.

Ir-remunerazzjoni minima tal-istrumenti kapitali ibridi sakemm jiġu kkonvertiti fi strumenti tat-tip “ekwità” għandha tkun mill-inqas ugwali għar-rata bażi (IBOR ta’ sena jew ekwivalenti kif ippubblikata mill-Kummissjoni (28)), biż-żieda tal-primjum indikat hawn taħt.

Remunerazzjoni tal-istrumenti kapitali ibridi: rata IBOR+ ta’ sena.

Tip ta’ riċevitur

L-ewwel sena

It-tieni u t-tielet sena

Ir-raba’ u l-ħames sena

Is-sitt u s-seba’ sena

It-tmien sena u ’l quddiem

SMEs

225 punt bażi

325 punt bażi

450 punt bażi

600 punt bażi

800 punt bażi

Impriżi kbar

250 punt bażi

350 punt bażi

500 punt bażi

700 punt bażi

950 punt bażi

67.

Il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali ibridi f’ekwità għandha ssir b’ħamsa fil-mija jew iktar taħt it-TERP (Theoretical Ex-Rights Price) fil-mument tal-konverżjoni.

68.

Wara l-konverżjoni f’ekwità, irid jiġi inkluż mekkaniżmu step-up biex tiżdied ir-remunerazzjoni tal-Istat, biex il-benefiċjarji jkunu inċentivati jixtru lura l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat. Jekk, sentejn wara l-konverżjoni f’ekwità, l-ekwità li tirriżulta mill-intervent tal-Istat b’rabta mal-COVID-19 tkun għadha proprjetà tal-Istat, l-Istat għandu jirċievi sehem addizzjonali tas-sjieda tal-benefiċjarju, apparti l-parteċipazzjoni li jifdal li tirriżulta mill-konverżjoni mill-Istat tal-istrumenti kapitali ibridi b’rabta mal-COVID-19. Dan is-sehem addizzjonali ta’ sjieda għandu jkun mill-inqas 10 fil-mija tal-parteċipazzjoni li jifdal li tirriżulta mill-konverżjoni tal-Istat tal-istrumenti kapitali ibridi b’rabta mal-COVID-19. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta mekkaniżmi step-up alternattivi, dment li jkollhom l-istess effett ta’ inċentiv u impatt ġenerali simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

69.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu formula ta’ prezzijiet li tinkludi wkoll klawżoli addizzjonali ta’ step-up jew ta’ ħlas lura. Jenħtieġ li tali karatteristiċi jiġu ddisinjati b’tali mod li jinkoraġġixxu tmiem bikri tal-appoġġ mill-Istat għall-benefiċjarju fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta wkoll metodoloġiji tal-ipprezzar alternattivi, sakemm dawn ikunu jwasslu għal remunerazzjonijiet li huma simili jew ogħla minn dawk li jirriżultaw mill-metodoloġija ta’ hawn fuq.

70.

Peress li n-natura tal-istrumenti ibridi tvarja b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni ma tipprovdix gwida għat-tipi kollha ta’ strumenti. L-istrumenti ibridi f’kull każ iridu jsegwu l-prinċipji msemmija hawn fuq, bir-remunerazzjoni tirrifletti r-riskju tal-istrumenti partikolari.

3.11.6.   Governanza u prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni

71.

Għall-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni, il-benefiċjarji ma jistgħu jipparteċipaw f’ebda espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata minn għajnuna mill-Istat u lanqas ma jistgħu jieħdu riskji eċċessivi. Bħala prinċipju ġenerali, iktar ma jkun żgħir is-sehem tal-ekwità tal-Istat Membru u iktar ma tkun għolja r-remunerazzjoni, inqas ikun hemm bżonn ta’ salvagwardji.

72.

Jekk il-benefiċjarju ta’ miżura ta’ rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19 ta’ ammont ogħla minn EUR 250 miljun ikun impriża b’saħħa sinifikanti f’mill-inqas wieħed mis-swieq rilevanti fejn jopera, l-Istati Membri jridu jipproponu miżuri addizzjonali biex jippreservaw il-kompetizzjoni effettiva f’dawk is-swieq. Meta jipproponu tali miżuri, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari joffru impenji strutturali jew ta’ komportament previsti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-miżuri korrettivi aċċettabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004.

73.

Il-benefiċjarji li jirċievu miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19 huma pprojbiti milli jirreklamawhom għal skopijiet kummerċjali.

74.

Sakemm mill-inqas 75 % tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jkunux mifdija, il-benefiċjarji minbarra l-SMEs għandhom jiġu mwaqqfa milli jakkwistaw sehem ta’ aktar minn 10 % f’kompetituri jew operaturi oħra fl-istess linja tan-negozju, inklużi operazzjonijiet upstream u downstream.

75.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, u bla ħsara għall-kontroll tal-fużjonijiet, dawn il-benefiċjarji jistgħu jakkwistaw sehem ta’ aktar minn 10 % f’operaturi upstream jew downstream fil-qasam ta’ operazzjoni tagħhom, sakemm l-akkwiżizzjoni tkun neċessarja biex tinżamm il-vijabbiltà tal-benefiċjarju. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-akkwiżizzjoni jekk tkun neċessarja biex tinżamm il-vijabbiltà tal-benefiċjarju. L-akkwiżizzjoni ma tistax tiġi implimentata qabel il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kwistjoni.

76.

L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tintuża għas-sussidju inkroċjat tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ impriżi integrati li diġà kienu f’diffikultajiet ekonomiċi fil-31 ta’ Diċembru 2019. Għandha tiddaħħal fis-seħħ separazzjoni ċara tal-kontijiet f’kumpaniji integrati, biex jintwera li l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ma jibbenefikawx minnha dawk l-attivitajiet.

77.

Sakemm il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jkunux ġew mifdija għal kollox, il-benefiċjarji ma jistgħux jagħmlu pagamenti ta’ dividendi, la pagamenti ta’ kupuni mhux obbligatorji, u lanqas jixtru ishma lura, għajr f’relazzjoni mal-Istat.

78.

Sakemm mill-inqas 75 % tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jkunux ġew mifdija, ir-remunerazzjoni ta’ kull membru tal-maniġment tal-benefiċjarji ma tistax taqbeż il-parti fissa tar-remunerazzjoni tiegħu/tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2019. Għall-persuni li jsiru membri tal-maniġment mar-rikapitalizzazzjoni jew warajha, il-limitu applikabbli huwa r-remunerazzjoni fissa l-iktar baxxa tal-membri kollha tal-maniġment fil-31 ta’ Diċembru 2019. Fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jitħallsu bonuses jew komponenti oħra varjabbli jew komparabbli tar-remunerazzjoni.

3.11.7.   Strateġija ta’ ħruġ tal-Istat mill-parteċipazzjoni li tirriżulta mir-rikapitalizzazzjoni u obbligi ta’ rapportar

79.

Il-benefiċjarji għajr l-SMEs li jkunu rċevew rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19 ta’ iktar minn 25 % tal-ekwità fil-mument tal-intervent iridu jippreżentaw strateġija ta’ ħruġ kredibbli għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru, sakemm l-intervent tal-Istat ma jitnaqqasx taħt il-livell ta’ 25 % tal-ekwità fi żmien 12-il xahar mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna. (29)

80.

L-istrateġija ta’ ħruġ għandha tistabbilixxi:

(a)

il-pjan tal-benefiċjarju dwar il-kontinwazzjoni tal-attività tiegħu u l-użu tal-fondi investiti mill-Istat, inkluż skeda ta’ pagament tar-remunerazzjoni u tat-tifdija tal-investiment tal-Istat (flimkien “l-iskeda ta’ ripagament”); u

(b)

il-miżuri li l-benefiċjarju u l-Istat se jieħdu biex jimxu mal-iskeda ta’ ripagament.

81.

Jenħtieġ li l-istrateġija ta’ ħruġ titħejja u tiġi ppreżentata lill-Istat Membru fi żmien 12-il xahar wara l-konċessjoni tal-għajnuna u trid tiġi approvata mill-Istat Membru.

82.

Minbarra l-obbligu stabbilit fil-punti 79 sa 81, il-benefiċjarji jridu jirrapportaw lill-Istat Membru dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-iskeda ta’ ripagament u l-konformità mal-kundizzjonijiet fit-taqsima 3.11.6 fi żmien 12-il xahar wara l-preżentazzjoni tal-iskeda, u mbagħad perjodikament kull 12-il xahar.

83.

Sakemm il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jkunux ġew mifdija għalkollox, fi żmien 12-il xahar mid-data tal-konċessjoni tal-għajnuna u mbagħad perjodikament kull 12-il xahar il-benefiċjarji ta’ rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19, għajr l-SMEs, għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar kif użaw l-għajnuna li rċevew. B’mod partikolari, jenħtieġ li din tkun tinkludi informazzjoni dwar kif il-mod li bih jużaw l-għajnuna li rċevew isostni l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-objettivi tal-UE u mal-obbligi nazzjonali b’rabta mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż l-għan tal-UE ta’ newtralità klimatika sal-2050.

84.

Jenħtieġ li l-Istat Membru jirrapporta lill-Kummissjoni kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-iskeda ta’ ripagament u l-konformità mal-kundizzjonijiet fit-Taqsima 3.11.6. Jekk il-benefiċjarju jkun irċieva rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19 li teċċedi l-EUR 250 miljun, ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 54.

85.

Jekk sitt snin wara r-rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19 l-intervent tal-Istat ma jkunx tnaqqas għal inqas minn 15 % tal-ekwità tal-benefiċjarju, irid jiġi nnotifikat pjan ta’ ristrutturar skont il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-azzjonijiet previsti fil-pjan ta’ ristrutturar jiżgurawx il-vijabbiltà tal-benefiċjarju, anki fid-dawl tal-objettivi tal-UE u l-obbligi nazzjonali marbuta mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, u l-ħruġ tal-Istat mingħajr ma jaffettwa ħażin il-kummerċ sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Jekk il-benefiċjarju ma jkunx kumpanija elenkata fil-Borża, jew ikun SME, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jinnotifika pjan ta’ ristrutturar biss jekk l-intervent tal-Istat ma jkunx tnaqqas għal inqas minn 15 % tal-ekwità seba’ snin wara r-rikapitalizzazzjoni b’rabta mal-COVID-19.”

38.

Il-punt 44 huwa numerat mill-ġdid bħala l-punt 86 u huwa emendat kif ġej:

“86.

Ħlief għall-għajnuna li tiġi konċessa skont it-taqsimiet 3.9, 3.10 u 3.11, l-Istati Membri huma obbligati li jippubblikaw informazzjoni rilevanti (30) dwar kull għajnuna individwali konċessa skont din il-Komunikazzjoni fis-sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat jew fl-għodda tal-IT tal-Kummissjoni (31) fi żmien 12-il xahar mill-mument tal-konċessjoni. L-Istati Membri jridu jippubblikaw informazzjoni rilevanti (32) dwar kull rikapitalizzazzjoni individwali konċessa skont it-taqsima 3.11 fis-sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat jew fl-għodda tal-IT tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-mument tar-rikapitalizzazzjoni. Il-valur nominali tar-rikapitalizzazzjoni għandu jiġi inkluż għal kull benefiċjarju.”

39.

Il-punti 45-52 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-punti 87-94.

40.

Il-punt 49 huwa numerat mill-ġdid bħala l-punt 91 u huwa sostitwit b’dan li ġej:

“91.

Il-Kummissjoni tapplika din il-Komunikazzjoni mid-19 ta’ Marzu 2020, filwaqt li tqis l-impatt ekonomiku tat-tifqigħa tal-COVID-19, li kien jirrikjedi azzjoni immedjata. Din il-Komunikazzjoni hija ġustifikata biċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali u mhux se tiġi applikata wara l-31 ta’ Diċembru 2020, ħlief it-Taqsima 3.11 li se tiġi applikata sal-1 ta’ Lulju 2021. Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina din il-Komunikazzjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet importanti tal-politika tal-kompetizzjoni jew ekonomiċi. Fejn ikun ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ wkoll tipprovdi kjarifiki ulterjuri dwar il-metodu tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari.”


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020, C(2020)1863 (ĠU C 91 I, 20.3.2020, p. 1).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2020, C(2020)2215 (ĠU C 112 I, 4.4.2020, p. 1).

(3)  Ara wkoll it-Taqsima 4.2.3 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea C/2016/2946 (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Gwida lill-Istati Membri rigward l-investiment dirett barrani u l-moviment liberu tal-kapital minn pajjiżi terzi, u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa, qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452 (ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI), C(2020) 1981 final, 25.3.2020.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(8)  Pereżempju, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1), il-Linji gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1), il-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1) u l-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4).

(9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 369, 24.12.2014, p. 37).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 369, 24.12.2014, p. 37).

(13)  Kif definit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa).

(14)  Il-pjan ta’ likwidità jista’ jinkludi kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kostijiet tal-investiment.

(15)  Ħlief jekk din l-għajnuna tikkonforma mal-kundizzjonijiet tat-Taqsima 3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni.

(16)  Kif definit fl-Anness I għar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

(17)  Il-pjan ta’ likwidità jista’ jinkludi kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kostijiet tal-investiment.

(18)  Jekk il-pagamenti tal-kupun jiġu kapitalizzati dan irid jitqies meta jiġu stabbiliti dawn il-limiti, sakemm din il-kapitalizzazzjoni kienet ippjanata jew prevedibbli fiż-żmien tan-notifika tal-miżura. Kull miżura oħra ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ dejn subordinat mogħtija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, anke barra minn din il-Komunikazzjoni, trid tkun inkluża f’dan il-kalkolu. Madankollu, dejn subordinat mogħti b’konformità mat-Taqsima 3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni ma jgħoddx għal dawn il-limiti.

(19)  Ara b’analoġija id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.49554-CY l-iskema Ċiprijotta għal self improduttiv kollateralizzat ma’ residenzi primarji (Estia), premessa 73 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.53520-EL- Skema ta’ Protezzjoni bir-Residenza Primarja, premessa 71.

(20)  Ara l-punt 6 ta’ din il-Komunikazzjoni.

(21)  Il-possibbiltà li tiġi offruta għajnuna fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi, iżda għal ammonti nominali ħafna inqas, hija diġà prevista fil-kundizzjonijiet tat-Taqsima 3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni..

(22)  Kif stipulat fil-punt 16 tal-Komunikazzjoni, in-notifika ta’ approċċi alternattivi tibqa’ possibbli f’konformità mal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE.

(23)  Kif definit fl-Artikolu 2 (18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(24)  L-istrumenti kapitali ibridi huma strumenti li għandhom karatteristiċi ta’ dejn kif ukoll ta’ ekwità. Pereżempju, bonds konvertibbli jiġu rremunerati bħall-bonds sakemm jiġu kkonvertiti f’ekwità. Il-valutazzjoni tar-remunerazzjoni globali tal-istrumenti kapitali ibridi għalhekk tiddependi minn naħa waħda fuq ir-remunerazzjoni tagħhom meta jkunu strumenti li jixbhu d-dejn u min-naħa l-oħra fuq il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni fi strumenti simili għal ekwità.

(25)  L-ishma addizzjonali jistgħu, pereżempju, jingħataw permezz tal-ħruġ ta’ bonds konvertibbli fid-data tar-rikapitalizzazzjoni, li mbagħad jiġu kkonvertiti f’ekwità fid-data tal-attivazzjoni tal-mekkaniżmu step-up.

(26)  Pereżempju jekk l-istep-up ikun fil-forma tal-għoti ta’ ishma addizzjonali lill-Istat. Jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat f’benefiċjarju tkun 40 % b’riżultat tal-injezzjoni ta’ kapital, u jekk l-Istat ma jbigħx il-parteċipazzjoni tiegħu qabel id-data mitluba, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-Istat tiżdied b’mill-inqas 0,1 × 40 % = 4 % biex tilħaq 44 % erba’ snin wara l-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19, u tilħaq 48 % sitt snin wara l-injezzjoni ta’ ekwità b’rabta mal-COVID-19, li jwassal għal dilwizzjoni korrispondenti tal-ishma tal-azzjonisti l-oħra.

(27)  Iż-żieda ta’ 200 punt bażi ma tapplikax fis-sena 8 u ’l quddiem.

(28)  Ir-rati bażi kkalkulati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6), ippubblikati fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni fuq https://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

(29)  Għall-finijiet ta’ din is-Sottotaqsima 3.11.7, jenħtieġ li l-istrumenti ibridi konċessi mill-Istat jitqiesu bħala ekwità.

(30)  Tirreferi għall-informazzjoni meħtieġa fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 u tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 u l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014. Għall-ħlas bil-quddiem ripagabbli, għall-garanziji, għas-self, għas-self subordinat u għal forom oħra, għandu jiddaħħal il-valur nominali tal-istrument sottostanti għal kull benefiċjarju. Għall-benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti, l-ammont tal-għajnuna individwali jista’ jiġi indikat f’firxiet.

(31)  It-tiftix pubbliku dwar it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat jagħti aċċess għal data dwar għotjiet individwali ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti Ewropej ta’ trasparenza għall-għajnuna mill-Istat u huwa disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt

(32)  Tirreferi għall-informazzjoni meħtieġa fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 u tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 u l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014.